Language of document :

Rikors ippreżentat fl-20 ta' Ottubru 2009 - Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Renju ta' Spanja

(Kawża C-404/09)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: F. Castillo de la Torre, D. Recchia u J.-B. Laignelot, aġenti)

Konvenut: Ir-Renju ta' Spanja

Talbiet tar-rikorrenti

Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li:

a) billi awtorizza l-minjieri miftuħa "Fonfría", "Nueva Julia" u "Los Ladrones" mingħajr ma ssuġġetta din l-awtorizzazzjoni għal stima li tippermetti li jiġu identifikati, deskritti u stmati b'mod xieraq l-effetti diretti, indiretti u kumulattivi tal-proġetti ta' minjieri miftuħa eżistenti, ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt l-Artikoli 2, 3 u 5(1) u (3) tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE1, tas-27 ta' Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva 97/11/KEE;

b) billi, sa mill-2000, is-sena meta s-sit "Alto Sil" ġie kklassifikat bħala żona ta' protezzjoni speċjali (iktar 'il quddiem "ŻPS"):

- awtorizza l-minjieri mifutħa "Nueva Julia" u "Los Ladrones" mingħajr ma ssuġġetthom għal stima xierqa tal-eventwali effetti tal-imsemmija proġetti u, f'kull każ, mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta' proġett minkejja r-riskju li l-proġetti msemmija iktar 'il fuq jinvolvu fil-konfront tal-ispeċi tas-serduq selvaġġ (Tetrao urogallus) li tikkostitwixxi wieħed mill-valuri li mmotivaw il-klassifikazzjoni taż-ŻPS "Alto Sil" u, fin-nuqqas ta' soluzzjonijiet oħra, għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku u biss wara li jkun ikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri kumpensatorji meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-koerenza ta' Red Natura 2000;

- ma adottax il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitats tal-ispeċi tas-serduq selvaġġ kif ukoll it-tfixkil kunsiderevoli li l-minjieri "Feixolín", "Salguero-Prégame-Valdesegadas", "Fonfría", "Ampliación de Feixolín" u "Nueva Julia" jikkawżaw lil din l-ispeċi, li kienu wieħed mill-motivi wara l-klassifikazzjoni ta' din iż-ŻPS;

ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward taż-ŻPS, l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2), (3) u (4) moqri flimkien mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 92/43/KEE2

c) billi, sa minn Jannar 1998,

- ma adottax, fir-rigward tal-minjieri "Feixolín", "Salguero-Prégame-Valdesegadas", "Fonfría", u "Nueva Julia", il-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġi l-interess ekoloġiku li s-sit propost "Alto Sil" għandu fuq livell nazzjonali,

ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward tas-sit propost "Alto Sil", l-obbligi tiegħu taħt l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi tat-13 ta' Jannar 2005, Società Italiana Dragaggi SpA et vs Ministero delle Infrastrutture e dei Trasporti u Regione Autonoma Friuli Venezia Giulia (C-117/03), Ġabra p. I-00167 u tal-14 ta' Settembru 2006, Bund Naturschutz in Bayern eV et vs Freistaat Bayern (C-244/05), Ġabra p. I-08445;

d) billi, sa minn Diċembru 2004,

- awtorizza attivitajiet f'minjieri miftuħa (fil-każ tal-minjieri "Feixolín", "Salguero-Prégame-Valdesegadas", "Fonfría", u "Nueva Julia") li jistgħu jaffettwaw il-valuri li ddeterminaw il-klassifikazzjoni ta' "Alto Sil" bħala sit ta' importanza Komunitarja (iktar'il quddiem "SIK" mingħajr m'għamel stima xierqa tal-eventwali effetti ta' dawn l-attivitajiet u, f'kull każ, mingħajr ma ssodisfa l-kundizzjonijiet li jippermettu t-twettiq ta' proġett, minkejja r-riskju li dawn jinvolvu fil-konfront tal-valuri li mmotivaw il-klassifikazzjoni tas-sit "Alto Sil" u, fin-nuqqas ta' soluzzjonijiet oħra, unikament għal raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku u biss wara li jkun ikkomunika lill-Kummissjoni l-miżuri kumpensatorji meħtieġa sabiex jiggarantixxi l-koerenza ta' Natura 2000;

- u billi ma adottax, fir-rigward ta' dawn il-proġetti, il-miżuri meħtieġa sabiex jevita d-deterjorament tal-habitat jew tal-habitats tal-ispeċijiet kif ukoll it-tfixkil li l-minjieri "Feixolín", "Salguero-Prégame-Valdesegadas", "Fonfría", "Nueva Julia" u "Ampliación de Feixolín" jikkawżaw lill-ispeċijiet,

ir-Renju ta' Spanja naqas milli jwettaq, fir-rigward tas-SIK "Alto Sil", l-obbligi tiegħu taħt l-Artikolu 6(2), (3) u (4) tad-Direttiva 92/43/KEE;

tikkundanna lir-Renju ta' Spanja għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Il-Kummissjoni saret taf li l-impriża Minero Siderúrgica de Ponferrada (MSP) topera diversi minjieri miftuħa tal-faħam li jistgħu jaffettwaw il-valuri naturali tas-sit propost bħala SIK "Alto Sil" (ES0000210) li jinsab fil-provinċja ta' León fil-Grigal tal-Comunidad autónoma de Castilla y León. L-informazzjoni mhux biss ikkonfermat li diġà kien hemm diversi minjieri miftuħa tal-faħam iżda wkoll li l-attività minerarja fil-miftuħ kienet ser titkompla permezz ta' minjieri ġodda awtorizzati jew fil-proċess ta' awtorizzazzjoni.

F'dak li jikkonċerna d-Direttiva 85/337/KEE, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma ttiħdux inkunsiderazzjoni l-eventwali effetti indiretti, kumulattivi u sinerġetiċi, li t-tliet minjieri kkontestati jisa' jkollhom fuq l-ispeċijiet l-iktar vulnerabbli.

Il-Kummissjoni tqis li fid-dawl tan-natura tal-proġetti inkwistjoni, tal-viċinanza u tal-effetti tagħhom fiż-żmien, id-deskrizzjoni tal-effetti kunsiderevoli li dawn jista' jkollhom fuq l-ambjent kellha obligatorjament tinkludi "l-effetti diretti u kull effett indirett, sekondarju, kumulattiv, f'qasir żmien, fi żmien medju u fi żmien twil, permanenti u temporanju" kif jeżiġi l-Anness IV tad-Direttiva 85/337/KEE.

Fir-rigward tad-Direttiva 92/43 dwar il-habitats, it-talba tirreferi prinċipalment għall-ispeċijiet tas-serduq selvaġġ u tal-ors kannella. Il-Kummissjoni tqis li l-effetti li l-minjieri jista' jkollhom fuq dawn l-ispeċijiet ma jistgħux jiġu stmati biss mill-perspettiva tal-qerda diretta taż-żoni kritiċi ta' dawn l-ispeċijiet, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm il-frammentazzjoni ikbar, id-deterjorazzjoni u l-qerda tal-habitats potenzjalment adatti għar-ristabbiliment ta' dawn l-ispeċijiet, kif ukoll iż-żieda fit-tfixkil ikkawżat lil dawn l-ispeċijiet, aspetti ma ttiħdux inkunsiderazzjoni. Ma' dan kollu jiżdied ir-riskju ta' effett ta' barriera minħabba l-movimenti u l-frammentazzjoni tal-popolazzjonijiet.

Bħala sinteżi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-minjieri inkwistjoni jaggravaw dak li huwa kkunsidrat bħala fattur li kkontribwixxa għat-tnaqqis ta' dawn l-ispeċijiet u li dan ma jippermettix lill-awtoritajiet jikkonkludu li l-attivitajiet ikkonċernati m'għandhomx effetti sinjifikattivi fuq dawn l-ispeċijiet.

Għaldaqstant, il-Kummissjoni tqis li l-awtoritajiet kompetenti Spanjoli ma wettqux stima, li tista' tiġi kkunsidrata xierqa fis-sens tal-Artikolu 6(3), tal-eventwali effetti fuq l-ispeċijiet tas-serduq selvaġġ u tal-ors kannella, u li, li kieku tali stima twettqet kien ikollu jiġi konkluż, minn tal-inqas, li ma kienx hemm iċ-ċertezza li l-ġurisprudenza teħtieġ fir-rigward tan-nuqqas ta' effetti sinjifikattivi tal-proġetti awtorizzati fuq l-ispeċijiet mhedda. Dan kollu jippreżupponi li l-awtoritajiet setgħu jawtorizzaw l-imsemmija proġetti ta' minjieri miftuħa biss wara li jkunu vverifikaw li kienu sodisfatti l-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 6(4), jiġifieri fin-nuqqas ta' soluzzjonijiet oħra, inkluża l-"alternattiva Żero", wara li jkunu identifikatw l-eżistenza ta' raġunijiet obbligatorji oħra li huma konnessi mal-interess pubbliku li jiġġustifikaw l-applikazzjoni tas-sistema ta' deroga stabbilita minn dan l-artikolu u wara li jkunu adottaw, jekk ikun il-każ, il-miżuri kumpensatorji adatti.

____________

1 - ĠU L 175, p. 40 ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kap. 15, Vol. 1, p. 248

2 - Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta' Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol 2, p. 102.