Language of document : ECLI:EU:F:2011:34

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLLIKU (L-Ewwel Awla)

4 ta’ April 2011

Kawża F-45/10

AO

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku — Uffiċjali — Sanzjoni dixxiplinari — Tneħħija minn pożizzjoni — Artikolu 35 (1)(d) u 2(a) tar-Regoli tal-Proċedura — Rikors parzjalment manifestament inammissibbli u parzjalment manifestament infondat”

Suġġett: Rikors ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a tiegħu, li permezz tiegħu AO jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni, tat-23 ta’ Lulju 2009, li timponi fuqu s-sanzjoni ta’ tneħħija minn pożizzjoni mingħajr tnaqqis tad-drittijiet għall-pensjoni, b’effett mill-15 ta’ Awwissu 2009.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala parzjalment manifestament inammissibbli u bħala parzjalment manifestament infondat. Ir-rikorrent għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

1.      Proċedura — Rikors quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku — Possibbiltà li r-rikors jiġi miċħud fil-mertu mingħajr deċiżjoni minn qabel fuq l-ilment ta’ inammissibbiltà mressaq mill-konvenuta

2.      Uffiċjali — Fastidju psikoloġiku — Kunċett — Aġir intiż li jiskredita lill-persuna kkonċernata jew li jiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 12a(3))

1.      Il-qorti tal-Unjoni tista’ tevalwa, skont iċ-ċirkustanzi ta’ kull każ, jekk amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja tiġġustifikax li rikors jiġi miċħud fil-mertu, mingħajr ma tiddeċiedi minn qabel fuq l-ilment ta’ inammissibbiltà mressaq mill-konvenuta.

(ara l-punt 34)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 8 ta’ April 2008, Bordini vs Il‑Kummissjoni, F‑134/06, punt 56; 28 ta’ Ottubru 2010, Kay vs Il‑Kummissjoni, F‑113/05, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata

2.      L-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal jiddefinixxi l-fastidju psikoloġiku bħala “imġiba mhux xierqa” li sabiex jiġi stabbilit jeħtieġ li jiġu sodisfatti żewġ kundizzjonijiet kumulattivi. L-ewwel kundizzjoni tikkonċerna l-eżistenza ta’ aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra, li jsiru “tul perjodu, h[uma] ripetittiv[i] jew sistemati[ċi]”, li jippreżumi li l-fastidju psikoloġiku għandu jinftiehem bħala proċess li jseħħ neċessarjament tul perijodu ta’ żmien u jippreżumi l-eżistenza ta’ aġir ripetut jew kontinwu, u li huwa “intenzjonali”. It-tieni kundizzjoni, separata mill-ewwel waħda bil-konġunzjoni “u”, teħtieġ li dan l-aġir, lingwa mlissna jew miktuba, azzjonijiet jew atti oħra jkollhom bħala effett li jistgħu jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Peress li l-aġġettiv “intenzjonali” jirrigwarda l-ewwel kundizzjoni, u mhux it-tieni waħda, huwa possibbli li jinsiltu żewġ konklużjonijiet. Minn naħa, l-aġir, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra, previsti mill-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal għandhom ikunu ta’ natura volontarja, fatt li jeskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni l-aġir li jseħħ b’mod aċċidentali. Min-naħa l-oħra, ma huwiex għall-kuntrarju meħtieġ li dan l-aġir, il-lingwa mlissna jew miktuba, l-azzjonijiet jew l-atti l-oħra jkunu twettqu bl-intenzjoni li jistgħu jbaxxu l-personalità, id-dinjità, jew l-integrità fiżika jew psikoloġika ta’ persuna. Fi kliem ieħor, jista’ jkun hemm fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a(3) tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr mal-persuna li tagħti fastidju jkollha l-intenzjoni, permezz tal-aġir tagħha, li tiskredita l-vittma jew li deliberatament tiddegrada l-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħha. Huwa suffiċjenti biss li l-aġir tagħha, ladarba twettaq volontarjament, kellu oġġettivament konsegwenzi bħal dawn.

(ara l-punt 37)

Referenza: It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 9 ta’ Diċembru 2008, Q vs Il‑Kummissjoni, F‑52/05, punt 135, li hija s-suġġett ta’ appell pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea, Kawża T‑80/09 P