Language of document : ECLI:EU:C:2010:104

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

2 ta’ Marzu 2010 (*)

“Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikolu 17 KE – Ċittadinanza ta’ Stat Membru miksuba bit-twelid – Ċittadinanza ta’ Stat Membru ieħor miksuba bin-naturalizzazzjoni – Telf taċ-ċittadinanza oriġinali minħabba din in-naturalizzazzjoni – Telf b’effett retroattiv taċ-ċittadinanza miksuba bin-naturalizzazzjoni minħabba manuvri frawdolenti mwettqa meta hija nkisbet– Nuqqas ta’ ċittadinanza li jwassal għat-telf tal-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni”

Fil-Kawża C-135/08

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Bundesverwaltungsgericht (il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tat-18 ta’ Frar 2008, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-3 ta’ April 2008, fil-proċedura

Janko Rottmann

vs

Freistaat Bayern,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, J.-C. Bonichot, E. Levits u P. Lindh, Presidenti ta’ Awla, C.W.A. Timmermans, A. Rosas, E. Juhász, G. Arestis, A. Borg Barthet, M. Ilešič, A. Ó Caoimh (Relatur) u L. Bay Larsen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċetara bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ April 2009,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal M. Rottmann, minn W. Meng, professur, u H. Heinhold, Rechtsanwalt,

–        għal Freistaat Bayern, minn J. Mehler u M. Niese, Oberlandesanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn M. Lumma, N. Graf Vitzthum u B. Klein, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck, bħala aġent,

–        għall-Gvern Ċek, minn M. Smolek, bħala aġent,

–        għall-Gvern Estonjan, minn L. Uibo, bħala aġent,

–        għall-Gvern Elleniku, minn K. Georgiadis, kif ukoll minn S. Alexandridou u G. Papagianni, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn E Eihmane, U. Dreimanis u K. Drēviņa, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Awstrijak, minn E. Riedl u T. Fülöp, bħala aġenti, assistiti minn H. Eberwein, espert,

–        għall-Gvern Pollakk, minn M. Dowgielewicz, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn S. Grünheid u D. Maidani, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-30 ta’ Settembru 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tat-Trattat KE dwar iċ-cittadinanza tal-Unjoni Ewropea.

2        Din it-talba ġiet imressqa fil-kuntest ta’ kawża bejn M. Rottmann u Freistaat Bayern, dwar ir-revoka minn din tal-aħħar tan-naturalizzazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Id-dikjarazzjoni Nru 2, dwar iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, mehmuża mill-Istati Membri mal-Att Finali tat-Trattat Dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU 1992, C 191, p. 98), tipprovdi s-segwenti:

“Il-Konferenza tiddikjara illi, kull fejn fit-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea hemm riferiment għal persuni li jkollhom iċ-ċittadinanza tal-Istati Membri, il-kwistjoni jekk individwu jkollux iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru jew le, trid tiġi risolta biss permezz ta’ riferiment għal-liġi nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat. […]”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

4        Skont it-Taqsima A ta’ deċiżjoni meħuda mill-kapijiet tal-Istat u tal-Gvernijiet li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill Ewropew ta’ Edinburgh fil-11 u fit-12 ta’ Diċembru 1992, dwar ċerti kwistjonijiet imqajma mid-Danimarka dwar it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (ĠU 1992, C 348, p. 1):

“Id-dispożizzjonijiet tat-tieni parti tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea, fir-rigward taċ-ċittadinanza tal-Unjoni, jagħti liċ-ċittadini tal-Istati Membri drittijiet u protezzjonijiet addizzjonali, kif stabbilit minn din il-parti. Huma ma jissostitwixxu bl-ebda mod iċ-ċittadinanza nazzjonali. Il-kwistjoni dwar jekk l-persuna għandhiex jew le ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru għandha tiġi deċiża biss b’riferiment għal-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali

 Il-leġiżlazzjoni Ġermaniża

5        L-Artikolu 16(1) tal-Kostituzzjoni Ġermaniża jistabbilixxi:

“Iċ-ċittadinanza Ġermaniża ma tistax tiġi revokata. It-telf taċ-ċittadinanza tista’ sseħħ biss permezz ta’ liġi, u, meta sseħħ kontra l-volontà tal-individwu, din isseħħ biss sakemm huwa ma jispiċċax persuna bla ċittadinanza”.

6        L-Artikolu 8 tal-liġi dwar iċ-ċittadinanza (Reichs- und Staatsangehörigkeitsgesetz), fil-verżjoni applikabbli tagħha sal-31 ta’ Diċembru 1999, jistabbilixxi:

“Barrani li jistabbilixxi ruħu fit-territorju Ġermaniż jista’, fuq talba tiegħu, jiġi naturalizzat mil-Land li fih huwa jirresjedi sakemm

1.      […]

2.      ma jissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ tkeċċija stabbiliti mill-Artikoli 46(1) sa (4), u 47(1) jew (2) tal-liġi dwar iċ-ċittadini barranin [(Ausländergesetz)],

3.       fil-post fejn huwa jgħix, huwa sab residenza indipendenti jew xogħol.

[…]”

7        Skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt Ġermaniż dwar iċ-ċittadinanza li japplikaw fil-kuntest tal-kawża prinċipali, in-naturalizzazzjoni ta’ barrani tiddependi mill-abbandun jew mit-telf taċ-ċittadinanza li kellu sa issa.

8        L-Artikolu 48(1) u (2) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva tal-Land ta’ Bayern (Bayerisches Verwaltungsverfahrensgesetz) jipprovdi s-segwenti:

“(1)  Att amministrattiv illegali jista’, anki jekk ikun sar definittiv, jiġi revokat, kollu jew parzjalment, bil-quddiem jew retroattivament. […]

(2)       Att amministrattiv illegali li jipprovdi servizz ta’ darba jew regolari fi flus jew servizz ta’ natura diviżibbli jew li jikkostitwixxi kundizzjoni ma jistax jiġi revokat jekk il-benefiċjarju jibbaża ruħu fuq l-eżistenza tal-imsemmi att amministrattiv u li l-fiduċja tiegħu hija meqjusa bħala denja għal protezzjoni meta mqabbla mal-interess pubbliku tar-revoka. […] Il-benefiċjarju ma jistax iressaq l-argument tal-fiduċja […]

1. [jekk] huwa kiseb l-att amministrattiv permezz ta’ frodi, theddid jew korruzzjoni,

2. [jekk] huwa kiseb l-att amministrattiv billi pprovda informazzjoni essenzjalment qarrieqa jew inkompleta,

3. [jekk] kien jaf bl-illegalità tal-att amministrattiv jew injoraha minħabba negliġenza gravi.

F’ [dawn] il-każijiet […], l-att amministrattiv huwa, bħala regola, retroattivament revokat.”

 Il-leġiżlazzjoni Awstrijaka

9        Skont l-Artikolu 27(1), tal-liġi dwar iċ-ċittadinanza (Staatsbürgerschaftsgesetz, BGBl. 311/1985, iktar ’il quddiem is-“StbG”):

“Kull persuna li fuq talba tagħha tikseb ċittadinanza barranija, permezz ta’ dikjarazzjoni jew permezz tal-volontà espressa tagħha, titlef iċ-ċittadinanza Awstrijaka sakemm ma tkunx espressament ingħatat id-dritt li żżomm [din tal-aħħar]”.

10      L-awtorizzazzjoni sabiex tinżamm iċ-ċittadinanza Awstrijaka tippreżumi, skont il-punt 1 tal-Artikolu 28(1) tas-StbG, li ż-żamma ta’ din tal-aħħar tkun fl-interess tar-Repubblika tal-Awstrija minħabba servizzi li l-persuna kkonċernata tkun diġà pprovdiet jew li dan l-Istat Membru jista’ jikseb mingħandha, jew fid-dawl ta’ kunsiderazzjonijiet partikolari li għandhom jitqiesu.

11      Mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Awstrijak jirriżulta li, skont id-dritt Awstrijak, it-telf taċ-ċittadinanza barranija miksuba bin-naturalizzazzjoni, kemm jekk seħħietx ex nunc jew ex tunc fis-sistema legali tal-Istat Membru tan-naturalizzazzjoni, ma twassalx sabiex awtomatikament, l-individwu li jkun tilef iċ-ċittadinanza Awstrijaka minħabba l-kisba ta’ din iċ-ċittadinanza barranija, jerġa’ jikseb retroattivament iċ-ċittadinanza Awstrijaka.

12      Skont dan l-istess gvern, fl-istess ipoteżi, iċ-ċittadinanza Awstrijaka tista’ tinkiseb mill-ġdid biss b’deċiżjoni amministrattiva u sa fejn il-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan ir-rigward mill-Artikoli 10 et seq tas-StbG huma sodisfatti.

13      L-Artikolu 10 tas-StbG, fil-verżjoni tiegħu li daħlet fis-seħħ fit-23 ta’ Marzu 2006, jistipula li:

“(1)      Ħlief fejn ipprovdut b’mod ieħor f’din il-liġi federali, iċ-ċittadinanza tista’ tingħata lil barrani biss jekk

1.       huwa jirresjedi legalment u bla interruzzjoni fit-territorju federali sa mill-inqas għaxar snin u jekk huwa stabbilixxa ruħu fit-territorju federali sa mill-inqas ħames snin;

2.       huwa ma jkun instab ħati tal-ebda kundanna eżekuttiva b’piena ta’ ħabs imposta minn qorti nazzjonali jew barranija għal ksur, wieħed jew iktar, doluż, […]

3.       huwa ma jkun instab ħati tal-ebda kundanna eżekuttiva b’piena ta’ ħabs imposta minn qorti nazzjonali għal delitt finanzjarju;

4.       l-ebda proċedura kriminali ma tressqet kontrih mill-qorti nazzjonali [minħabba] ksur doluż jew delitt finanzjarju b’piena ta’ ħabs;

[…]

(2)      Iċ-ċittadinanza ma tistax tingħata lil barrani jekk

[…]

2.      huwa jkun instab ħati ta’ iktar minn kundanna eżekuttiva waħda għal ksur amministrattiv gravi f’livell ta’ gravità partikolari, […]

[…]

(4)      Il-kundizzjoni imsemmija fil-punt 1 tal-paragrafu 1, [kif ukoll] l-ostakolu għall-għoti msemmi fil-punt 2 tal-paragrafu 2, […] ma [humiex] applikabbli

1.      għal barrani residenti fit-territorju federali li kellu ċ-ċittadinanza bla interruzzjoni matul tal-inqas għaxar snin u ħlief jekk ikun tilifha b’revoka […];

[…]”

 Id-dritt internazzjonali


 L-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem

14      L-Artikolu 15 tal-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem, adottata mill-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Maqgħuda fl-10 ta’ Diċembru 1948, jistipula li:

“1. Kulhadd ghandu l-jedd ghan-nazzjonalità.

2. Ħadd m’ghandu jkun imċahħad ghal xejn b’xejn min-nazzjonalità tieghu, lanqas mid-dritt li jbiddilha”.

 Il-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis ta’ każijiet ta’ nuqqas ta’ ċittadinanza

15      L-Artikolu 7 tal-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis ta’ nuqqsa ta’ ċittadinanza, magħmula f’New York fit-30 ta’ Awwissu 1961 u li daħlet fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 1975, tipprovdi s-segwenti:

“1      a)     Jekk il-leġiżlazzjoni ta’ Stat kontraenti tistabbilixxi r-rinunzja, din ma twassalx biex l-individwu jitlef iċ-ċittadinanza tiegħu ħlief jekk ikollu oħra jew jikseb oħra;

[…]

2.      Individwu li għandu ċ-ċittadinanza ta’ Stat kontraenti u li jitlob in-naturalizzazzjoni f’pajjiż barranin ma jitlifx iċ-ċittadinanza tiegħu ħlief jekk jikseb jew jiġi żgurat li ser jikseb iċ-ċittadinanza ta’ dan il-pajjiż.

3.      Bla ħsara għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 4 u 5 ta’ dan l-artikolu, ħadd ma jista’ jitlef iċ-ċittadinanza tiegħu jekk, minħabba li jkun telaq mill-pajjiż fejn ikollu ċ-ċittadinanza tiegħu, jirrisjedi f’pajjiż barrani, ma jirreġġistrax ruħu jew għal kull raġuni analoga oħra, huwa jispiċċa bla ċittadinanza.

4.      It-telf ta’ ċittadinanza ta’ individwu nnaturalizzat tista’ tkun immotivata minħabba residenza fil-pajjiż barrani għal perijodu ta’ żmien, stabbilit mill-Istat kontraenti, li ma jistax ikun inqas minn seba’ snin sa kemm l-interessat ma jiddikjarax mal-awtoritajiet kompetenti l-intenzjoni tiegħu li jżomm iċ-ċittadinanza tiegħu.

[…]

6.      Bl-eċċezzjoni tal-każijiet stabbiliti minn dan l-artikolu, individwu ma jistax jitlef iċ-ċittadinanza ta’ Stat kontraenti jekk minħabba dan il-fatt huwa jispiċċa bla ċittadinanza, u dan, anki jekk dan it-telf ma huwiex espressament eskluż mid-dispożizzjonijiet kollha l-oħra ta’ din il-Konvenzjoni”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

16      L-Artikolu 8 tal-istess konvenzjoni jistabbilixxi:

“1.      L-Istati kontraenti ma għandhom iċaħħdu lill-ebda individwu miċ-ċittadinanza tiegħu jekk dan iwassal sabiex ikun persuna bla ċittadinanza.

2.      Minkejja d-dispożizzjoni tal-ewwel paragrafu ta’ dan l-artikolu, individwu jista’ jiġi mċaħħad miċ-ċittadinanza ta’ Stat kontraenti:

a)      Fil-każ fejn, skont il-paragrafi 4 u 5 tal-Artikolu 7, huwa permess il-fatt li jiġi stabbilit it-telf ta’ ċittadinanza;

b)      Jekk kiseb din iċ-ċittadinanza permezz ta’ dikjarazzjoni qarrieqa jew permezz ta’ kull att ieħor frawdolenti.

[…]

4. Stat kontraenti ma jistax jagħmel użu mill-fakultà li jċaħħad lill-individwu miċ-ċittadinanza tiegħu skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-artikolu ħlief skont il-liġi, li tinkludi l-possibbiltajiet kollha sabiex il-persuna kkonċernata ssostni l-motivi tad-difiża tagħha quddiem qorti jew korp ieħor indipendenti”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

17      L-Artikolu 9 tal-istess konvenzjoni jistabbilixxi li l-Istati kontraenti ma għandhomx iċaħħdu miċ-ċittadinanza tagħhom l-ebda individwu jew grupp ta’ individwi minħabba r-razza, l-etnika, ir-reliġjon jew il-politika.

 Il-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza

18      Il-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza, tas-6 ta’ Novembru 1997, ġiet adottata fil-kuntest tal-Kunsill tal-Ewropa u daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Marzu 2000. Hija applikabbli fl-Awstrija minn din l-aħħar data u ġiet irratifikata mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja fil-11 ta’ Mejju 2005. Skont l-Artikolu 3 ta’ din il-konvenzjoni:

“1. Kull Stat għandu jistabbilixxi permezz tal-leġiżlazzjonijiet tiegħu liema huma ċ-ċittadini tiegħu.

2. Din il-leġiżlazzjoni għandha tiġi aċċettata mill-Istati l-oħra, sakemm hija tkun skont il-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli, id-dritt konswetudinali internazzjonali u l-prinċipji legali ġeneralment magħrufa fil-qasam taċ-ċittadinanza.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

19      L-Artikolu 4 tal-imsemmija konvenzjoni jistabbilixxi:

“Ir-regoli dwar iċ-ċittadinanza ta’ kull Stat għandhom ikunu bbażati fuq il-prinċipji segwenti:

a.      kull individwu għandu d-dritt għal ċittadinanza;

b.      il-fatt ta’ persuni bla ċittadinanza għandu jiġi evitat;

c.      ħadd ma jista’ jiġi miċħud arbitrarjament miċ-ċittadinanza tiegħu;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

20      L-Artikolu 7 ta’ din l-istess konvenzjoni jipprovdi s-segwenti:

“1.      Stat kontraenti ma jistax jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu t-telf taċ-ċittadinanza tiegħu skont il-liġi jew fuq inizjattiva tiegħu, ħlief fil-każijiet segwenti:

a)      kisba volontarja ta’ ċittadinanza oħra;

b)      kisba taċ-ċittadinanza tal-Istat kontraenti wara aġir frawdolenti, b’informazzjoni qarrieqa jew b’ħabi ta’ fatt rilevanti mir-rikorrenti;

[…]

3.      Stat kontraenti ma jistax jistabbilixxi fid-dritt nazzjonali tiegħu t-telf taċ-ċittadinanza tiegħu skont il-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-artikolu jekk il-persuna kkonċernata ssir b’hekk bla ċittadinanza, bl-eċċezzjoni tal-każ imsemmi fil-paragrafu 1(b) ta’ dan l-artikolu.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

21      L-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza jistabbilixxi li kull Stat kontraenti għandu jiffaċilita, skont is-sitwazzjonijiet u skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dritt nazzjonali tiegħu, il-fatt li persuni li qabel kienu ċittadini tiegħu u li rrisjedu legalment u abbitwalment fit-territorju tiegħu jiġu riintegrati bħala ċittadini tiegħu.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

22      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali twieled f’Graz (l-Awstrija) u fil-bidu kien, minħabba t-twelid tiegħu, ċittadin tar-Repubblika tal-Awstrija.

23      Fl-1995, huwa ttrasferixxa r-residenza tiegħu f’München (il-Ġermanja) wara li nstema’ mil-Landesgericht für Strafsachen Graz (Qorti Reġjonali, ġurisdizzjoni Kriminali ta’ Graz) fil-kuntest ta’ investigazzjoni mmexxija kontrih dwar suspetti, li huwa jiċħad, ta’ frodi aggravat fil-professjoni, fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-professjoni tiegħu.

24      Fi Frar 1997, il-Landesgericht für Strafsachen Graz ħarġet mandat ta’ arrest nazzjonali kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali.

25      Fi Frar 1998 huwa talab iċ-ċittadinanza Ġermaniża. Matul il-proċedura ta’ naturalizzazzjoni, huwa naqas milli jsemmi l-proċeduri tal-qorti kriminali fl-Awstrija fir-rigward tiegħu. Id-dokument ta’ naturalizzazzjoni, bid-data tal-25 ta’ Jannar 1999, ingħatalu fil-5 ta’ Frar 1999.

26      L-effett tan-naturalizzazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja, skont id-dritt Awstrijak, wassal sabiex huwa jitlef iċ-ċittadinanza Awstrijaka.

27      F’Awwissu 1999, il-belt ta’ München ġiet informata mill-awtoritajiet muniċipali ta’ Graz li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien is-suġġett ta’ mandat ta’ arrest maħruġ minn din l-aħħar belt. Barra minn hekk, f’Settembru 1999, il-Ministeru Pubbliku Awstrijak informa lill-belt ta’ München dwar, fost l-oħrajn, il-fatt li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien diġà ġie mfittex f’Lulju 1995 quddiem il-Landesgericht für Strafsachen Graz.

28      Fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, il-Freistaat Bayern, wara li semgħet lir-rikorrent fil-kawża prinċipali, iddeċidiet li tirrevoka retroattivament in-naturalizzazzjoni b’deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2000, peress li dan tal-aħħar kien ħeba l-fatt li kien is-suġġett ta’ investigazzjoni ġudizzjarja fl-Awstrija u li għaldaqstant kien kiseb iċ-ċittadinanza Ġermaniża b’mod frawdolenti. Ir-revoka tan-naturalizzazzjoni miksuba fil-Ġermanja għadha ma hijiex definittiva peress illi r-rikorrent fil-kawża prinċipali ppreżenta rikors għal annullament kontra din id-deċiżjoni.

29      B’deċiżjoni fl-istadju tal-appell, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof (Qorti Amministrattiva tal-Land Bayern) iddeċidiet, bis-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, li r-revoka tan-naturalizzazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, ibbażata fuq l-ewwel sentenza tal-Artikolu 48(1) tal-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva tal-Land Bayern, hija kompatibbli mad-dritt Ġermaniż, anki jekk l-effett ta’ din ir-revoka, meta ssir definittiva, għandu jwassal sabiex il-persuna kkonċernata tispiċċa bla ċittadinanza.

30      It-talba għal “Reviżjoni” tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, awtorizzata mill-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof, u li bħalissa qiegħda quddiem il-Bundesverwaltungsgericht (Qorti Federali Amministrattiva) hija diretta kontra din is-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005.

31      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li n-naturalizzazzjoni miksuba b’mod frawdolenti mir-rikorrent fil-kawża prinċipali kienet mill-bidu nett illegali u setgħet, għalhekk, tiġi rtirata mill-awtoritajiet kompetenti Ġermaniżi fil-kuntest tas-setgħa diskrezzjonali tagħhom. Hija tippreċiża li, skont id-dispożizzjoni rilevanti tad-dritt Awstrijak, jiġifieri s-StbG, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali attwalment ma jissodisfax il-kundizzjonijiet sabiex jiġi riintegrat immedjatament fiċ-ċittadinanza Awstrijaka.

32      Fis-sentenza tagħha, il-Bayerischer Verwaltungsgerichtshof irrilevat li, fil-każ fejn, minħabba r-revoka tan-naturalizzazzjoni miksuba bi frodi, persuna tispiċċa bla ċittadinanza, bil-konsegwenza li titlef iċ-ċittadinanza tal-Unjoni, huwa biżżejjed, sabiex tiġi osservata r-restrizzjoni fformulata mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Micheletti et (C‑369/90, Ġabra p. I‑4239) – li skontha l-Istati Membri għandhom jeżerċitaw il-kompetenza tagħhom fil-qasam taċ-ċittadinanza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni – li l-awtorità kompetenti Ġermaniża fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha tqis l-importanza ta’ dawn id-drittijiet mogħtija mill-fatt li teżisti ċ-ċittadinanza tal-Unjoni. Skont din il-qorti, il-preżunzjoni li jeżisti, fid-dritt tal-Unjoni, l-obbligu li r-revoka tan-naturalizzazzjoni miksuba b’mod frawdolenti ma tistax issir, għandha bħala konsegwenza li taffettwa essenzjalment is-setgħa sovrana tal-Istati Membri, rikonoxxuta fl-Artikolu 17(1) KE, li jistabbilixxu l-metodi ta’ applikazzjoni tad-dritt taċ-ċittadinanza tagħhom.

33      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tqis li l-importanza u l-portata ta’ din ir-restrizzjoni fformulata fis-sentenza Micheletti et, iċċitata iktar ’il fuq, għadha ma ġietx iċċarata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeduċiet biss minn din ir-restrizzjoni l-prinċipju li skontu Stat Membru ma jistax jirrestrinġi l-effetti ta’ għoti ta’ ċittadinanza minn Stat Membru ieħor billi jagħmel kundizzjonijiet addizzjonali għall-għarfien ta’ din iċ-ċittadinanza fid-dawl tal-eżerċizzju ta’ libertà fundamentali stabbilita mit-Trattat KE. Skont il-qorti tar-rinviju, ma huwiex suffiċjentement ċar jekk l-istatus ta’ persuna bla ċittadinanza u t-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni miksuba qabel b’mod regolari, marbuta mar-revoka tan-naturalizzazzjoni, huwiex kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari mal-Artikolu 17(1) KE.

34      Il-Qorti tar-rinviju tqis li huwa tal-inqas possibbli li r-Repubblika tal-Awstrija, bħala l-Istat Membru taċ-ċittadinanza oriġinali tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, għandha, skont il-prinċipju ta’ lealtà tal-Unjoni u billi tqis il-valuri stabbiliti mill-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis ta’ każijiet ta’ persuni bla ċittadinanza u l-Artikolu 7(1)(b) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza, tinterpreta u tapplika fid-dritt nazzjonali tagħha jew tadattaha b’mod li tevita li l-persuna kkonċernata ssir bla ċittadinanza meta, bħal fil-kawża prinċipali, din il-persuna ma ġietx awtorizzata li żżomm iċ-ċittadinanza oriġinali tagħha wara li kisbet ċittadinanza barranija.

35      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesverwaltungsgericht iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Id-dritt Komunitarju jipprekludi l-konsegwenza legali tat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni Ewropea (kif ukoll tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali marbuta magħha), li tirriżulta mill-fatt li r-revoka ta’ naturalizzazzjoni fi Stat Membru (ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja) miksuba permezz ta’ frodi, revoka li minnha nfisha hija legali taħt id-dritt [ta dan l-Istat Membru], għandha bħala konsegwenza li l-persuna kkonċernata tispiċċa bla ċittadinanza minħabba l-fatt li, hekk kif huwa l-każ tar-rikorrent [fil-kawża prinċipali], hija ma tirkuprax iċ-ċittadinanza [ta Stat Membru ieħor (ir-Repubblika tal-Awstrija)] li kellha oriġinarjament minħabba d-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt [ta’ dan tal-aħħar]?

2)      [Fl-affermattiv,] l-Istat Membru [...] li nnaturalizza ċittadin tal-Unjoni Ewropea u li bi ħsiebu jirrevoka [din in-]naturalizzazzjoni [minħabba li kienet] miksuba b’mod frawdolenti għandu jastjeni milli jagħmel hekk jew sakemm din ir-revoka [...] jkollha l-konsegwenza tat-telf taċ-ċittadinanza tal-Unjoni (kif ukoll tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali marbuta magħha), jew għandu l-Istat Membru [...] taċ-ċittadinanza inizjali, sabiex josserva d-dritt Komunitarju, jinterpreta, japplika jew anki jadatta d-dritt nazzjonali tiegħu sabiex jevita konsegwenza legali bħal din?”

 Fuq id-domandi preliminari

 Fuq l-ewwel domanda u l-ewwel parti tat-tieni domanda

36      Bl-ewwel domanda u bl-ewwel parti tat-tieni domanda, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 KE, jipprekludix lil Stat Membru milli jirrevoka lil ċittadin tal-Unjoni ċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru, miksuba, b’mod frawdolenti, b’naturalizzazzjoni inkwantu din ir-revoka ċċaħħad lill-parti kkonċernata mill-istatus tagħha ta’ ċittadin tal-Unjoni u mill-benefiċċji legali marbuta miegħu billi tirrendiha bla ċittadinanza, minħabba li l-kisba ta’ din iċ-ċittadinanza b’naturalizzazzjoni waslet sabiex il-persuna kkonċernata titlef iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru oriġinali tagħha.

37      Il-gvernijiiet kollha li ssottomettew l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, kif ukoll il-Freistaat Bayern u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej isostnu li r-regoli dwar il-kisba u t-telf taċ-ċittadinanza jaqgħu taħt il-kompetenza tal-Istati Membri. Fosthom hemm minn jiddeduċi li d-deċiżjoni tar-revoka tan-naturalizzazzjoni bħalma hija fil-kawża prinċipali ma tistax taqa’ taħt id-dritt tal-Unjoni. F’dan il-kuntest, huma jirreferu għad-Dikjarazzjoni Nru 2, dwar iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, mehmuża mill-Istati Membri fl-Att Finali tat-Trattat tal-UE.

38      Il-Gvern Ġermaniż u Awstrijak isostnu wkoll li, fil-mument li ttieħdet id-deċiżjoni tar-revoka ta’ naturalizzazzjoni tar-rikorrent fil-kawża prinċipali, huwa kien ċittadin Ġermaniż, residenti fil-Ġermanja u li ġie nnotifikat b’att amministrattiv maħruġ minn awtorità Ġermaniża. B’hekk, skont dawn il-gvernijiet, sostnuti mill-Kummissjoni, din hija sitwazzjoni purament interna li ma għandha l-ebda rabta mad-dritt tal-Unjoni, għaliex din tal-aħħar ma tapplikax minħabba l-fatt waħdu li Stat Membru jadotta miżura fir-rigward ta’ ċittadin tiegħu. Il-fatt li, fis-sitwazzjoni bħal dik fil-kawża prinċipali, il-persuna kkonċernata għamlet użu mid-dritt tagħha ta’ moviment liberu qabel in-naturalizzazzjoni tagħha ma jistax jikkostitwixxi fih innifsu element transkonfinali li jkollu rwol fir-rigward tar-revoka tal-imsemmi naturalizzazzjoni.

39      F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-definizzjoni tal-kundizzjonijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza taqa’, skont id-dritt internazzjonali, taħt il-kompetenza ta’ kull Stat Membru (sentenzi Micheletti et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10; tal-11 ta’ Novembru 1999, Mesbah, C‑179/98, Ġabra p. I‑7955, punt 29, u tad-19 ta’ Ottubru 2004, kif ukoll Zhu u Chen, C‑200/02, Ġabra p. I‑9925, punt 37).

40      Bla dubju, id-Dikjarazzjoni Nru 2, dwar iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru, mehmuża mill-Istati Membri mal-Att Finali tat-Trattat tal-UE, kif ukoll id-Deċiżjoni meħuda mill-kapijiet tal-Istat u tal-Gvernijiet li ltaqgħu fi ħdan il-Kunsill Ewropew ta’ Edinburgh fil-11 u fit-12 ta’ Diċembru 1992, dwar ċerti kwistjonijiet imqajma mid-Danimarka dwar it-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, li kienu intiżi sabiex jiċċaraw il-kwistjoni tassew importanti għall-Istati Membri, jiġifieri d-delimitazzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jirreferu għall-kunċett ta’ ċittadin, għandhom jitqiesu bħala strumenti ta’ interpretazzjoni tat-Trattat KE, b’mod partikolari sabiex jiġi ddeterminat il-kamp ta’ applikazzjoni ratione personae ta’ dan tal-aħħar.

41      Madankollu, il-fatt li settur huwa ta’ kompetenza tal-Istati Membri, ma jipprekludix, f’sitwazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dritt tal-Unjoni, li r-regoli nazzjonali kkonċernati għandhom ikunu konformi ma’ dan tal-aħħar [ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-24 ta’ Novembru 1998, Bickel u Franz, C‑274/96, Ġabra p.I‑ 7637, punt 17 (fir-rigward ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam kriminali u tal-proċedura kriminali); tat-2 ta’ Ottubru 2003, Garcia Avello, C‑148/02, Ġabra p.I‑11613, punt 25 (fir-rigward tar-regoli nazzjonali li jirregolaw isem ta’ persuna); tat-12 ta’ Lulju 2005, Schempp, C‑403/03, Ġabra p. I‑6421, punt 19 (fir-rigward ta’ regoli nazzjonali dwar il-fiskalità diretta), kif ukoll tat-12 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Ir‑Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, C‑145/04, Ġabra p.I‑7917, punt 78 (fir-rigward ta’ regoli nazzjonali li jistabbilixxu min għandu dritt għall-vot u min huwa eliġibbli għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew)].

42      Huwa ċar illi s-sitwazzjoni ta’ ċittadin tal-Unjoni, bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali li huwa kkonfrontat b’deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni adottata mill-awtoritajiet ta’ Stat Membru u li tista’, wara li tilef iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru li oriġinaljament kellhu, twassal sabiex jitlef l-istatus mogħti mill-Artikolu 17 KE u d-drittijiet marbuta miegħu, taqa’, min-natura tagħha stess u l-konsegwenzi tagħha, taħt id-dritt tal-Unjoni.

43      Barra minn hekk, kif il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat diversi drabi, l-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni huwa intiż li jkun l-istatus fundamentali taċ-ċittadini tal-Istati Membri (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-20 ta’ Settembru 2001, C‑184/99, Grzelczyk, Ġabra p.I‑6193, punt 31 kif ukoll tas-17 ta’ Settembru 2002, Baumbast u R, C‑413/99, Ġabra p.I‑7091, punt 82).

44      L-Artikolu 17(2) KE jorbot mal-imsemmi status id-dmirijiet u d-drittijiet stabbiliti mit-Trattat KE, inkluż id-dritt li jiġi invokat l-Artikolu 12 KE fis-sitwazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt l-iskop ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-dritt tal-Unjoni (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tat-12 ta’ Mejju 1998, Martínez Sala, C‑85/96, Ġabra p. I-2691, punt 62, u Schempp, iċċitata iktar ’il fuq, punt 17).

45      Għalhekk, l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fil-qasam taċ-ċittadinanza, josservaw id-dritt tal-Unjoni (sentenzi Micheletti et, iċċitata iktar ’il fuq, punt 10; Mesbah, iċċitata iktar ’il fuq, punt 29; tal-20 ta’ Frar 2001, Kaur, C‑192/99, Ġabra p. I‑1237, punt 19, kif ukoll Zhu u Chen, iċċitata iktar ’il fuq, punt 37).

46      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi d-domandi preliminari magħmula mill-qorti tar-rinviju li jirrigwardaw il-kundizzjonijiet li fihom ċittadin tal-Unjoni jista’, minħabba t-telf taċ-ċittadinanza tiegħu, jitlef il-kwalità ta’ ċittadin tal-Unjoni u, għalhekk, jiġi prekluż mid-drittijiet li huma marbuta magħha.

47      F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi dwar ir-restrizzjoni fformulata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ċċitata fil-punt 45 ta’ din is-sentenza li skontha l-Istati Membri għandhom, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom fil-qasam taċ-ċittadinanza, josservaw id-dritt tal-Unjoni ukoll fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ din ir-riżerva f’sitwazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.

48      Ir-riżerva li tipprovdi li d-dritt tal-Unjoni għandu jiġi osservat ma tippreġudikax il-prinċipju tad-dritt internazzjonali diġà rrikonoxxut mill-Qorti tal-Ġustizzja u mfakkar fil-punt 39 ta’ din is-sentenza, li skontu, l-Istati Membri huma kompetenti li jiddefinixxu l-kundizzjoniijiet tal-ksib u tat-telf taċ-ċittadinanza, iżda jiffoka fuq il-prinċipju li jipprovdi li, fil-każ ta’ ċittadini tal-Unjoni, l-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, sa fejn jaffettwa d-drittijiet mogħtija u mħarsa mis-sistema legali tal-Unjoni, bħalma huwa b’mod partikolari l-każ ta’ deċiżjoni għar-revoka tan-naturalizzazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali, jista’ jkun suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni.

49      Kuntrarjament għar-rikorrenti fil-kawża li wasslet għas-sentenza Kaur, iċċitata iktar ’il fuq, li, minkejja illi ma kinitx tissodisfa t-tifsira ta’ ċittadina tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, ma setgħetx tiġi mċaħħda mid-drittijiet li jirriżultaw mill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali kellu, mingħajr ma dan ġie kkontestat, in-nazzjonalitajiet tal-Awstrija u wara tal-Ġermanja u bbenefika, għalhekk, mill-imsemmi status u mid-drittijiet li huma marbuta miegħu.

50      Madankollu, kif sostnut minn diversi gvernijiet li ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom lill-Qorti tal-Ġustizzja, meta deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni bħalma hija dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali hija bbażata fuq frodi mwettqa mill-persuna kkonċernata fil-kuntest ta’ proċedura sabiex tikseb iċ-ċittadinanza kkonċernata, tali deċiżjoni tista’ tkun konformi mad-dritt tal-Unjoni.

51      Fil-fatt, deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni minħabba manuvri frawdolenti tikkorrispondi għal motiv ta’ interess ġenerali. F’dan ir-rigward, huwa leġittimu għal Stat Membru li jkun jixtieq jipproteġi r-relazzjoni partikolari ta’ solidarjetà u ta’ lealtà bejnu u ċ-ċittadini tiegħu kif ukoll ir-reċiproċità tad-drittijiet u tad-dmirijiet li huma l-qafas tar-rabta taċ-ċittadinanza.

52      Din il-konklużjoni dwar il-leġittimità, bħala prinċipju, tad-deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni meħuda f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali, hija kkorroborata mid-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Konvenzjoni dwar it-tnaqqis ta’ każijiet ta’ persuni bla ċittadinanza. Fil-fatt, l-Artikolu 8(2) tal-Konvenzjoni jistabbilixxi li individwu jista’ jiġi miċħud miċ-ċittadinanza ta’ Stat kontraenti jekk huwa jkun kiseb din iċ-ċittadinanza permezz ta’ dikjarazzjoni qarrieqa jew b’kull att frawdolenti ieħor. Bl-istess mod, l-Artikolu 7(1) u (3) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza ma jipprojbixxix lil Stat kontraenti milli jċaħħad lil individwu miċ-ċittadinanza tiegħu, anki jekk dan tal-aħħar isir persuna bla ċittadinanza, meta din iċ-ċittadinanza tkun inkisbet wara aġir frawdolenti, b’informazzjoni qarrieqa jew b’ħabi ta’ fatt rilevanti min-naħa tiegħu.

53      Barra minn hekk, l-imsemmija konklużjoni hija kkonfermata bil-prinċipju tad-dritt internazzjonali ġenerali li skontu, u kif jinsab fl-Artikolu 15(2) tal-Istqarrija Universali dwar il-Jeddijiet tal-Bniedem u l-Artikolu 4(ċ) tal-Konvenzjoni Ewropea dwar iċ-ċittadinanza ħadd ma jista jiġi miċħud arbitrarjament miċ-ċittadinanza tiegħu. Fil-fatt, meta Stat iċaħħad lil persuna miċ-ċittadinanza tagħha minħabba aġir frawdolenti li jkun ġie legalment stabbilit, din iċ-ċaħda ma tistax titqies bħala att arbitrarju.

54      Dawn il-kunsiderazzjonijiet dwar il-leġittimità, bħala prinċipju, ta’ deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni minħabba manuvri frawdolenti bħala regola, jibqgħu validi meta t-tali revoka għandha bħala konsegwenza l-fatt li l-persuna kkonċernata titlef, barra ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru ta’ naturalizzazzjoni, iċ-ċittadinanza tal-Unjoni.

55      Madankollu, f’każ bħal dan, il-qorti tar-rinviju għandha tivverifika jekk id-deċiżjoni ta’ revoka inkwistjoni fil-kawża prinċipali tosservax il-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-konsegwenzi ta’ din l-aħħar deċiżjoni fuq il-persuna kkonċernata skont id-dritt tal-Unjoni, minbarra, jekk ikun il-każ, l-eżami tal-proporzjonalità ta’ din id-deċiżjoni skont id-dritt nazzjonali.

56      Għaldaqstant, minħabba l-importanza li d-dritt primarju jagħti lill-istatus ta’ ċittadin tal-Unjoni u fir-rigward tal-telf tad-drittijiet li kull ċittadin tal-Unjoni jibbenefika minnhom, għandhom jitqiesu, meta ssir eżaminazzjoni ta’ deċiżjoni għar-revoka tan-naturalizzazzjoni, il-konsegwenzi eventwali li din id-deċiżjoni jkollha fuq il-persuna kkonċernata u, jekk ikun il-każ, fuq il-membri tal-familja tagħha f’dak li jikkonċerna t-telf tad-drittijiet li jgawdi kull ċittadin tal-Unjoni,. F’dan ir-rigward għandu jiġi vverifikat, b’mod partikolari, jekk din it-telfa hijiex iġġustifikata meta mqabbla mal-gravità tal-ksur imwettaq minnha, iż-żmien li għadda bejn id-deċiżjoni tan-naturalizzazzjoni u d-deċiżjoni tar-revoka kif ukoll il-possibbiltà li l-parti kkonċernata terġa’ tirkupra ċ-ċittadinanza oriġinali tagħha.

57      Fir-rigward b’mod partikolari ta’ dan l-aħħar aspett, Stat Membru li ċ-ċittadinanza tiegħu nkisbet b’mod frawdolenti ma jistax jitwaqqaf, skont l-Artikolu 17 KE, milli jirrevoka n-naturalizzazzjoni għar-raġuni biss li l-persuna kkonċernata ma rkupratx iċ-ċittadinanza tal-Istat Membru oriġinali tagħha.

58      Madankollu, il-qorti nazzjonali għandha tevalwa jekk, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, l-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità jitlobx li, qabel it-tali deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni tidħol fis-seħħ, il-persuna kkonċernata tingħata terminu raġonevoli sabiex tkun tista’ terġa’ tirkupra ċ-ċittadinanza tal-Istat Membru oriġinali tagħha.

59      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, ir-risposta għall-ewwel domanda u l-ewwel parti tat-tieni domanda għandha tkun li d-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 KE, ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirrevoka lil ċittadin tal-Unjoni ċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru miksuba bin-naturalizzazzjoni meta din tkun inkisbet b’mod frawdolenti, sakemm din id-deċiżjoni ta’ revoka tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari

60      Permezz tat-tieni parti tat-tieni domanda, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, meta ċittadin tal-Unjoni li jkun f’sitwazzjoni bħal dik tar-rikorrent fil-kawża prinċipali jkun ikkonfrontat b’deċiżjoni ta’ revoka tan-naturalizzazzjoni tiegħu u li tirriskja li twasslu sabiex jitlef l-istatus tiegħu ta’ ċittadin tal-Unjoni, id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 KE, għandux jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li oriġinarjament kellu ċ-ċittadinanza tiegħu għandu l-obbligu li jinterpreta l-leġiżlazzjoni nazzjonali tiegħu b’mod li jiġi evitat dan it-telf u jkollu ċ-ċans li jerġa’ jirkupra ċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru.

61      F’dan il-każ, hemm lok li jiġi rrilevat li r-revoka tan-naturalizzazzjoni miksuba mir-rikorrent fil-kawża prinċipali fil-Ġermanja għadha ma saritx definittiva u li l-ebda deċiżjoni fir-rigward tal-istatus tiegħu ma ttieħdet mill-Istat Membru li oriġinarjament kellu ċ-ċittadinanza tiegħu, jiġifieri r-Repubblika tal-Awstrija.

62      Fir-rigward ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, għandu jitfakkar li l-prinċipji li jirriżultaw mis-sentenza preżenti f’dak li jirrigwarda l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam taċ-ċittadinanza kif ukoll l-obbligu li jeżerċitaw din il-kompetenza b’osservanza tad-dritt tal-Unjoni japplikaw kemm għall-Istat Membru ta’ naturalizzazzjoni kif u kemm għall-Istat Membru taċ-ċittadinanza oriġinali.

63      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tistax tiddeċiedi fuq il-kwistjoni jekk id-dritt tal-Unjoni jipprekludix deċiżjoni li għadha ma ġietx adottata. Kif sostnut mill-Gvern Awstrijak matul is-seduta, hija eventwalment ir-responsabbiltà tal-awtoritajiet Awstrijaki li jadottaw deċiżjoni dwar il-kwistjoni jekk ir-rikorrent fil-kawża prinċipali jiksibx iċ-ċittadinanza oriġinali tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-qrati Awstrijaki li jevalwaw ir-regolarità tagħha, meta din tkun ittieħdet, fid-dawl tal-prinċipji li jirriżultaw minn din is-sentenza.

64      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq u fil-kuntest ta’ dan ir-rinviju, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni fuq it-tieni parti tat-tieni domanda preliminari.

 Fuq l-ispejjeż

65      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

Id-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Artikolu 17 KE, ma jipprekludix lil Stat Membru milli jirrevoka lil ċittadin tal-Unjoni Ewropea ċ-ċittadinanza ta’ dan l-Istat Membru miksuba bin-naturalizzazzjoni meta din tkun inkisbet b’mod frawdolenti, sakemm din id-deċiżjoni ta’ revoka tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.