Language of document : ECLI:EU:T:2015:684

Kawża T‑674/11

TV2/Danmark A/S

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Għajnuna mill-Istat – Servizz pubbliku tax-xandir – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern – Għajnuna implementata mill-aworitajiet Daniżi favur ix-xandar Daniż ta’ servizz pubbliku TV2/Danmark – Finanzjament pubbliku mogħti sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż inerenti għall-implementazzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku – Kunċett ta’ għajnuna – Sentenza Altmark”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tal-24 ta’ Settembru 2015

1.      Rikors għal annullament – Interess ġuridiku – Neċessità ta’ interess reali u attwali – Evalwazzjoni fil-mument tal-preżentata tar-rikors – Rikors li jista’ jagħti benefiċċju lir-rikorrent – Rikors tal-impriża benefiċjarja ta’ għajnuna mill-Istat dirett kontra d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjaraha kompatibbli mas-suq intern – Riskju eżistenti u attwali ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra r-rikorrent – Ammissibbiltà

(Artikolu 263 TFUE)

2.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Esklużjoni – Kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark

(Artikolu 107(1) TFUE)

3.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Esklużjoni – Kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark – Possibbiltà ta’ deroga għal uħud mill-kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark – Assenza

(Artikolu 107(1) TFUE)

4.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Impriżi responsabbli għall-ġestjoni ta’ servizzi ta’ importanza ekonomika ġenerali – Settur tax-xandir – Distinzjoni bejn it-test Altmark, intiż li jiddetermnina l-eżistenza ta’ għajnuna, u t-test tal-Artikolu 106(2) TFUE, li jippermetti li tiġi stabbilita l-kompatibbiltà ta’ għajnuna mas-suq intern – Rilevanza tal-Protokoll fuq is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat biss

(Artikolu 14 TFUE, 106(2) TFUE u 107(1) TFUE; Protokoll Nru 29 anness mat-Trattati UE u FUE)

5.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Esklużjoni – Kundizzjonijiet stabbiliti fis-sentenza Altmark – Applikazzjoni inqas rigoruża tal-imsemmija kundizzjonijiet – Kundizzjoni – Assenza ta’ dimensjoni kompetittiva u kummerċjali tas-settur ta’ attività tal-benefiċjarju tal-kumpens

(Artikolu 107(1) TFUE; Protokoll Nru 29 tat-Trattati UE u FUE)

6.      Domandi preliminari – Interpretazzjoni – Effetti ratione temporis tas-sentenzi ta’ interpretazzjoni – Effett retroattiv – Limiti – Ċertezza legali

(Artikolu 107(1) TFUE u 267 TFUE)

7.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Proġetti ta’ għajnuna – Obbligu ta’ notifika minn qabel u ta’ sospensjoni provviżorja tal-implementazzjoni tal-għajnuna – Ksur – Possibbiltà għall-benefiċjarju li jibbaża ruħhu fuq prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi sabiex jopponi l-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet Altmark – Assenza

(Artikolu 107(1) TFUE u 108(3) TFUE)

8.      Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – It-tieni kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark – Eżami tal-kundizzjoni dwar l-istabbiliment b’mod oġġettiv u trasparenti ta’ parametri li jservu sabiex jiġi kkakolat il-kumpens – Teħid inkunsiderazzjoni tar-rekwiżit ta’ effikaċità tal-amministrazzjoni tas-servizz pubbliku – Inammissibbiltà

(Artikolu 107(1) TFUE)

9.      Rikors għal annullament – Suġġett – Deċiżjoni bbażata fuq diversi punti ta’ raġunament, li kollha huma suffiċjenti sabiex id-dispożittiv ikun ibbażat fuqhom – Annullament ta’ deċiżjoni bħal din – Kundizzjonijiet

(Artikolu 263 TFUE)

10.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Ir-raba’ kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark – Determinazzjoni tal-kumpens, fl-assenza ta’ għażla ta’ impriża minn proċedura ta’ kuntratt pubbliku, fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ impriża medja tas-settur ikkonċernat – Insuffiċjenza ta’ analiżi tal-ispejjeż tal-impriża responsabbli mill-missjoni tas-servizz pubbliku

(Artikolu 107(1) TFUE)

11.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Miżuri intiżi sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż tal-missjonijiet ta’ servizz pubbliku sostnuti minn impriża – Ir-raba’ kundizzjoni stabbilita fis-sentenza Altmark – Determinazzjoni tal-kumpens, fl-assenza ta’ għażla ta’ impriża minn proċedura ta’ kuntratt pubbliku, fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż ta’ impriża medja tas-settur ikkonċernat – Oneru tal-prova li jinsab fuq l-Istat Membru kkonċernat

(Artikolu 107(1) TFUE)

12.    Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Argumenti differenti minn dawk tal-parti sostnuta – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 116(3))

13.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji – Obbligu ta’ ħlas lil impriżi oħra ta’ somom bħala interemedjarju li jirrigwarda biss kanal ta’ tranżitu jew ta’ ħlas – Esklużjoni – Obbligu għal impriża ta’ servizz pubbliku li tħallas somom ġejjin minn liċenzja jew iddestinati għal impriżi remunerati għas-servizzi tagħhom – Inklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

14.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Għajnuna mir-riżorsi tal-Istat – Kunċett ta’ riżorsi tal-Istat – Miżura leġiżlattiva li tippreskrivi lil terz użu partikolari tar-riżorsi proprji tiegħu – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

15.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Kunċett – Vantaġġ mogħti permezz ta’ riżorsi tal-Istat jew ikkontrollati mill-Istat – Portata – Dħul mir-reklamar ta’ xandar tas-servizz pubbliku – Esklużjoni

(Artikolu 107(1) TFUE)

16.    Rikors għal annullament – Motivi – Motivi li jistgħu jitqajmu kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna statali – Motivi mhux imqajma matul il-proċedura amministrattiva – Distinzjoni bejn motivi ta’ dritt, ammissibbli, u motivi ta’ fatt, inammissibbli

(Artikolu 108(2) TFUE u 263 TFUE)

17.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Għajnuna mogħtija lil benefiċjarju ġdid – Distinzjoni bejn l-iskemi ta’ għajnuna u l-għajnuna individwali

(Artikolu 108 TFUE)

18.    Għajnuna mogħtija mill-Istati – Għajnuna eżistenti u għajnuna ġdida – Għajnuna individwali mogħtija lil entità ġuridika kkostitwita wara l-istituzzjoni tal-għajnuna u l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat għall-Unjoni – Klassifikazzjoni bħala għajnuna eżistenti – Kundizzjoni

(Artikolu 108 TFUE)

1.      Fil-kuntest ta’ rikorsi għal annullament ippreżentati mill-benefiċjarju tal-għajnuna kontra deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara l-għajnuna inkwistjoni kompletament kompatibbli mas-suq intern jew li tiddikjara kompatibbli waħda mill-miżuri ta’ finanzjament kontenzjużi, jirriżulta li l-interess ġuridiku jista’ jiġi dedott mill-eżistenza ta’ riskju reali li s-sitwazzjoni legali tar-rikorrenti tintlaqat minn azzjonijiet ġudizzjarji jew mill-fatt li r-riskju ta’ azzjonijiet ġudizzjarji huwa eżistenti u attwali fid-data tal-preżentata tar-rikors quddiem il-qorti tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, l-eżistenza ta’ riskju “reali” jew “eżistenti u attwali” ta’ azzjoni ġudizzjarja kontra rikorrent benefiċjarju ta’ għajnuna illegali u kompatibbli mas-suq intern kienet irrikonoxxuta meta, minn naħa, tali azzjoni kienet diġà pendenti quddiem il-qrati nazzjonali fil-mument tal-preżentata tar-rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali jew meta hija tressqet quddiem dawn il-qrati qabel ma l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors għal annullament u, min-naħa l-oħra, l-azzjoni ġudizzjarja pendenti quddiem il-qrati nazzjonali invokata mir-rikorrenti kellha bħala suġġett l-għajnuna intiża mid-deċiżjoni msemmija li kienet is-suġġett tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali.

Minn dan isegwi li l-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali ddikjarata kompatibbli mas-suq intern jista’ jkollu interess leġittimu u attwali sabiex jippreżenta r-rikors ibbażat fuq il-klassifikazzjoni stess tal-miżuri kkonċernati bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u ta’ għajnuna ġdida fis-sens tal-Artikolu 1(c) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 659/1999, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-Artikolu 93 tat-Trattat KE, meta jirrigwarda, b’azzjoni ta’ kompetitur ippreżentata quddiem qorti nazzjonali, sospiża sal-għoti tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, intiża li tikseb il-kundanna tiegħu għall-interessi għall-perijodu ta’ illegalità u l-kumpens għad-danni subiti minħabba n-natura illegali tal-għajnuna.

(ara l-punti 34, 36-39)

2.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 47-49)

3.      Fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat, mill-kliem neqsin minn kull ambigwità tas-sentenza Altmark jirriżulta li l-erba’ kundizzjonijiet li tistabbilixxi għandhom bħala għan il-klassifikazzjoni tal-miżura inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat, u b’mod iktar preċiż id-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ. Intervent tal-Istat li ma jissodisfax waħda jew iktar mill-imsemmija kundizzjonijiet għandu jitqies bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

F’dan ir-rigward, b’mod partikolari tar-relazzjoni bejn it-tielet u t-tieni kundizzjoni Altmark, jidher li huwa impossibbli li jiġi kkonstatat li kumpens mogħti lil impriża benefiċjarja responsabbli ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku ma huwiex iktar minn dak li huwa neċessarju sabiex ikunu koperti l-ispejjeż kollha jew parti minnhom, li jirriżultaw mit-twettiq ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jiġi kkunsidrat id-dħul rilevanti kif ukoll profitt raġonevoli għat-twettiq ta’ tali obbligi mingħajr ma jkun magħruf, minn qabel, skont liema parametri huwa stabbilit l-ammont ta’ dan il-kumpens, li jikkostitwixxi ġustament is-suġġett tat-tieni kundizzjoni Altmark.

(ara l-punti 54, 55)

4.      Mill-formulazzjoni Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri (Protokoll ta’ Amsterdam) jirriżulta li dan l-att huwa intiż li jinterpreta d-deroga li tinsab fl-Artikolu 106(2) TFUE. Għaldaqstant ma huwiex rilevanti għall-evalwazzjoni tal-applikabbiltà tal-kriterji Altmark li għandhom l-għan li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat u mhux il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. Barra minn hekk, ma jistax jiġi aċċettat li l-Protokoll ta’ Amsterdam ma josservax ir-regoli tal-kompetizzjoni u jipprojbixxi lill-Kummissjoni li tivverifika jekk il-finanzjament tal-Istat jagħtix vantaġġ ekonomiku lix-xandara ta’ servizz pubbliku billi tibbaża ruħha fuq il-kriterji ddefiniti mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Altmark. Barra minn hekk, anki jekk ir-rilevanza tal-Protokoll ta’ Amsterdam għall-evalwazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat kellha tiġi rrikonoxxuta, hija tkun limitata għall-ewwel kundizzjoni Altmark, dwar id-definizzjoni ta’ obbligi ta’ servizz pubbliku.

(ara l-punti 61, 62)

5.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, dak li jista’ jiġġustifika l-applikazzjoni inqas rigoruża tal-kundizzjonijiet Altmark f’każ partikolari huwa l-assenza ta’ dimensjoni kompetittiva u kummerċjali fis-settur fejn il-benefiċjarju tal-kumpens huwa attiv. Issa, meta tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tax-xandir, enfasizzat mill-Protokoll Nru 29 dwar is-sistema tax-xandir pubbliku fl-Istati Membri, ma jistax jiġi aċċettat li s-settur tax-xandir ma jkollux dimensjoni kompetittiva u kummerċjali. L-eżistenza ta’ din id-dimensjoni hija manifestata, b’mod partikolari, meta xandar ta’ servizz pubbliku, parzjalment iffinanzjata mid-dħul tiegħu mir-riklamar, kien attiv fis-suq għar-reklamar televiżiv.

(ara l-punt 70)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 79, 80, 83, 85)

7.      Il-konsegwenzi għall-benefiċjarju ta’ miżura mhux innotifikata ma humiex ċirkustanza li tiġġustifika, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali, limitazzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ sentenza fejn il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 107(1) TFUE fis-sens li l-miżura kkonċernata tirriżulta li hija għajnuna mill-Istat. Minn dan isegwi li l-benefiċjarju ta’ tali miżura ma tistax tinvoka ċirkustanzi finanzjarji negattivi li jwassluha għall-applikazzjoni tal-kundizzjonijiet Altmark għal dawn il-miżura u l-klassifikazzjoni tagħha bħala għajnuna mill-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kif interpretat mis-sentenza Altmark sabiex titlob, f’isem il-prinċipju ta’ ċertezza legali, in-nuqqas ta’ applikazzjoni ta’ dawn il-kundizzjonijiet.

Barra minn hekk, il-kwistjoni dwar jekk huwiex konformi mal-prinċipju ta’ ċertezza legali li l-benefiċjarju jħallas dak li, fiż-żmien tal-fatti, kien meqjus bħala kumpens mogħti għall-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku, ta’ obbligu ta’ rimbors ta’ somma ta’ flus li hija r-riżultat tal-applikazzjoni konġunta u retroattiva tas-sentenzi dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE u 108(3), mogħtija diversi snin wara l-ħlas ta’ dan il-kumpens, ma tistax tiġi deċiża fil-kuntest ta’ tilwima li tirrigwarda l-validità tad-deċiżjoni li biha l-Kummissjoni kklassifikat l-imsemmi kumpens bħala għajnuna mill-Istat. Hija l-qorti nazzjonali li għandha tiddetermina, jekk ikun il-każ wara li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja domandi preliminari, jekk, fiċ-ċirkustanzi li tressqu quddiemha, ir-regoli dwar l-obbligu li tirrimborsa lill-Istat l-interessi għall-perijodu ta’ illegalità u, jekk ikun il-każ, għall-obbligu li tikkumpensa d-danni li l-kompetituri tagħha setgħu sofrew minħabba n-natura illegali tal-għajnuna huma applikabbli.

(ara l-punti 82, 84)

8.      Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, it-tieni kundizzjoni Altmark, li skontha l-parametri li fuqhom huwa kkalkolat l-kumpens iridu jkunu stabbiliti minn qabel b’mod oġġettiv u trasparenti, sabiex jiġi evitat li dan jagħti vantaġġ ekonomiku li jista’ jiffavorixxi l-impriża benefiċjarja fuq impriżi kompetituri, tistabbilixxi tliet rekwiżiti, li għandhom jissodisfaw il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens, sabiex jiġi żgurat li dan il-kalkolu huwa affidabbli u jista’ jiġi vverifikat mill-Kummissjoni. Dawn ir-rekwiżiti jimponu li l-parametri għall-kalkolu tal-kumpens ikunu stabbiliti minn qabel, skont proċedura trasparenti u li huma, min-natura tagħhom, oġġettivi. Bl-ebda mod ma jirriżulta mis-sentenza Altmark li, skont it-tieni kundizzjoni li hija tistabbilixxi, il-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għandhom jiġu maħsuba b’mod li jinfluwenzaw jew jikkontrollaw il-livell ta’ spejjeż minfuqa mill-benefiċjarju ta’ tali kumpens.

Fil-fatt, interpretazzjoni tat-tieni kundizzjonijiet li biha l-parametri għall-kalkolu tal-kumpens għandhom mhux biss ikunu oġġettivi u stabbiliti bil-quddiem fil-kuntest ta’ proċedura trasparenti, iżda li għandhom, barra minn hekk, jiżguraw l-effikaċja tal-ġestjoni tas-servizz pubbliku, hija inkompatibbli mal-formulazzjoni tat-tieni kundizzjoni Altmark u twassal għal konfużjoni mar-raba’ kundizzjoni tal-imsemmija sentenza, li tikkonċerna dan ir-rekwiżit ta’ effikaċja.

Għaldaqstant, meta jitqies li l-parametri ta’ kalkolu tal-kumpens mogħti lill-impriża għall-implementazzjoni ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku jkunu fformulati b’mod li jiżguraw li l-implementazzjoni tal-missjoni ta’ servizz pubbliku tiġi effettwata b’mod effikaċi, il-Kummissjoni twettaq żball ta’ liġi.

(ara l-punti 102-106)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 109)

10.    Fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, sa fejn jirrigwarda l-analiżi tar-raba’ kundizzjoni Altmark li skontha, fin-nuqqas ta’ proċedura ta’ kuntratt pubbliku li jippermetti l-għażla ta’ kandidat kapaċi li jimplementa l-missjoni ta’ servizz pubbliku bl-inqas spejjeż, il-kumpens mogħti għandu jkun stabbilit billi jsir riferiment għal impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra bil-mezzi neċessarji, it-tfittxija għal tali impriża hija intiża li tottimizza l-ammont tal-kumpens meqjus bħala neċessarju sabiex titwettaq il-missjoni ta’ servizz pubbliku u li jiġi evitat li l-ispejjeż għaljin ta’ impriża ineffiċjenti jittieħdu bħala riferiment għall-kalkolu tal-ammont ta’ dan il-kumpens.

Għaldaqstant, sabiex tiġi ssodisfatta din il-kundizzjoni, ma huwiex biżżejjed li l-Istat Membru jiddikjara li, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tal-missjoni ta’ servizz pubbliku, ma huwiex possibbli li tiġi identifikata fuq is-suq impriża komparabbli għall-benefiċjarju tal-kumpens sabiex minn dan jintwera li l-benefiċjarju stess huwa impriża immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra fis-sens ta’ din il-kundizzjoni.

(ara l-punti 116, 117, 131)

11.    Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, sa fejn jikkonċerna l-oneru tal-prova, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha turi l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, l-Istat Membru kkonċernat huwa marbut, konformement mal-Artikolu 10(2), moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 659/1999, li jipprovdi lill-Kummissjoni bl-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista’ tieħu deċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-miżura eżaminata u, jekk ikun il-każ, il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern.

B’hekk, hemm l-obbligu għall-Istat Membru li juri li, fin-nuqqas ta’ sejħa pubblika għal offerti pubblika organizzata sabiex tintgħażel l-impriża responsabbli għall-implementazzjoni tal-missjoni ta’ servizz pubbliku kkonċernata, il-livell tal-kumpens mogħti lil din l-impriża ġie ddeterminat fuq il-bażi ta’ analiżi tal-ispejjeż li impriża medja, immexxija tajjeb u adegwatament mgħammra sabiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ servizz pubbliku inkwistjoni, setgħet tonfoq sabiex timplementa din il-missjoni. Fin-nuqqas ta’ tali prova, ma jistax jiġi eskluż li l-kumpens mogħti lill-impriża responsabbli mill-missjoni ta’ servizz pubbliku jinkludi element ta’ għajnuna mill-Istat.

(ara l-punti 124, 126)

12.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 156)

13.    Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, fil-każ ta’ somma mħallsa lil parti obbligata li tittrasferixxi din is-somma kollha lil terz, ma jistax, bħala prinċipju, ikun hemm kwistjoni ta’ vantaġġ mogħti lill-parti li taġixxi biss bħala “korp ta’ ħlas” jew “kanal ta’ ħlas”. F’tali każ, is-somma inkwistjoni sempliċement hija ttrasferita mill-patrimonju ta’ din l-aħħar parti. Konklużjoni kuntrarja tista’ tiġi aċċettata biss jekk jintwera li dan it-tranżitu uniku jġib lill-parti kkonċernata benefiċċju, fil-forma, pereżempju, ta’ interessi għall-perijodu li fih hija fil-pussess ta’ din is-somma.

F’dan ir-rigward, sabiex timplementa parti mill-missjoni li ġiet fdata lilha mil-leġiżlatur, impriża għandha jkollha l-użu tas-servizzi ta’ impriżi oħra, li jimplika li, bħala korrispettiv, hija għandha tassumi, fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, l-obbligu li tħallashom remunerazzjoni xierqa għal dawn is-servizzi, li jippermettilhom li jipprovdu s-servizzi inkwistjoni, impriża responsabbli mill-missjoni ta’ servizz pubbliku kellha tassumi hija stess obbligi fir-rigward impriżi oħra, hekk li r-rwol tagħha ma kienx limitat għal dak ta’ sempliċi “kanal ta’ transitu” ta’ ħlasijiet li ġejjin mid-drittijiet tal-liċenzji u ddestinati għal impriżi oħra. Barra minn hekk, il-fatt li l-impriżi l-oħra għandhom l-personalità ġuridika tagħhom stess, distinta minn dik tal-impriża responsabbli mill-missjoni ta’ servizz pubbliku, ma għandu l-ebda effett.

(ara l-punti 159, 171)

14.    Fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat, vantaġġi li ma jingħatawx permezz ta’ riżorsi tal-Istat ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat. F’dan ir-rigward, vantaġġ mogħti permezz tar-riżorsi tal-Istat huwa vantaġġ li, ladarba mgħoti, għandu effett negattiv fuq ir-riżorsi tal-Istat.

Il-forma l-iktar sempliċi li jista’ jieħu dan l-effett negattiv huwa dak ta’ trasferiment tar-riżorsi tal-Istat li dak li għalih jingħata l-benefiċċju. Madankollu, ma huwiex meħtieġ li jiġi stabbilit, fil-każijiet kollha, li kien hemm trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat sabiex il-vantaġġ mogħti lil impriża waħda jew iktar ikun jista’ jitqies bħala għajnuna mill-Istat. F’dan li huwa possibbli li jiġi maħsub vantaġġ li jwassal għal effetti negattivi fuq ir-riżorsi tal-Istat li ma jinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat. Dan huwa, b’mod partikolari, il-każ ta’ miżura li biha l-awtoritajiet pubbliċi jagħtu lil ċerti impriżi eżenzjoni fiskali li, minkejja li ma tinvolvix trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, tqiegħed lill-benefiċjarji f’sitwazzjoni finanzjarja iktar favorevoli mill-kontribwenti l-oħra.

F’dak li jirrigwarda l-portata tal-kunċett ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, din tkopri kull mezz pekunjarju li l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu effettivament jużaw sabiex isostnu impriżi, mingħajr ma huwa rilevanti jekk dawn il-mezzi jkunux jew le jagħmlu kontinwament parti mill-patrimonju tal-Istat. Konsegwentement, anki jekk is-somom li jikkorrispondu għall-miżura inkwistjoni ma humiex b’mod permanenti fil-pussess tal-awtoritajiet pubbliċi, il-fatt li huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa biżżejjed sabiex jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat.

B’hekk, riżorsi tal-Istat jistgħu jikkonsisti wkoll f’riżorsi li ġejjin minn terzi, iżda li, huma, jew kienu b’mod volontarju disponibbli lill-Istat mill-proprjetarji tagħhom, jew kienu abbandunati mill-proprjetarji tagħhom u li l-Istat assuma t-tmexxija tagħhom fl-eżerċizzju tas-setgħat sovrani tiegħu. Ma jistax, għall-kuntrarju, jitqies li riżorsi huma taħt kontroll pubbliku u jikkostitwixxu, għaldaqstant, riżorsi tal-Istat fis-sens fuq imsemmi sempliċement minħabba, permezz ta’ leġiżlazzjoni, l-Istat jippreskrivi lil terz użu partikolari tar-riżorsi tiegħu stess.

(ara l-punti 190, 195, 196, 198, 201, 208, 209)

15.    Id-dħul mir-reklamar ta’ xandar responsabbli ta’ missjoni ta’ servizz pubbliku jikkostitwixxi l-korrispettiv finanzjarju, imħallas minn min jirriklama, imħallas minn min jirriklama, għad-disponibbiltà tal-ħin ta’ xandir ta’ reklamar. Għaldaqstant, oriġinarjament, dan id-dħul ma jkunx ġejjin minn riżorsi tal-Istat, iżda minn riżorsi privati, dawk li jirriklamaw.

Dwar il-kwistjoni dwar jekk huwiex permess li jitqies li dawn ir-riżorsi, ta’ oriġini privata, huma kkontrollati mill-awtoritajiet tal-Istat Membru kkonċernat, dawn ir-riżorsi ma humiex disponibbli volontarjament għall-Istat mill-proprjetarji tagħhom u lanqas ma jikkostitwixxu riżorsi abbandunati mill-proprjetarji tagħhom u li l‑Istat assuma l-ġestjoni tagħhom. Fil-fatt, f’każ fejn l-intervent tal-Istat jikkonsisti konkretament f’li jistabbilixxi l-proporzjon tar-riżorsi inkwistjoni ġejjin mid-dħul mir-reklamar li għandhom ikunu ttrasferiti lil dan ix-xandar u fejn l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom biss is-setgħa li jillimitaw is-somma li ġejja minn dawn ir-riżorsi li ser ikunu mgħoddija lil dan ix-xandar, din is-setgħa ma tistax titqies bħala suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li kien hemm riżorsi taħt kontroll pubbliku.

Madankollu, jekk, fuq istruzzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti parti mid-dħul mir-reklamar kien disponibbli għall-awtoritajiet imsemmija, din il-parti tad-dħul mir-reklamar kienet tkun tikkostitwixxi riżorsi tal-Istat. Għall-kuntrarju, ma hemmx raġunijiet li jitqies li l-parti li tibqa’ ta’ dan id-dħul mir-reklamar, tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat.

Ma jistax iwassal għal konklużjoni differenti l-fatt li l-Ministru tal-Kultura tal-Istat Membru kkonċernat jista’ jżomm parti mid-dħul mir-reklamar. Fil-fatt, tali ċirkustanza ma tfissirx li l-parti li tibqa’ mhux miżmuma tikkostitwixxi riżors tal-Istat, li t-trasferiment tiegħu lix-xandar jikkostitwixxi għajnuna tal-Istat favur dan tal-aħħar. Fl-aħħar nett, huwa irrilevanti f’dan ir-rigward, l-assenza ta’ rabta kuntrattwali bejn dawk li jirreklamaw u x-xandar, jew ta’ influwenza ta’ dan tal-aħħar fuq ir-reklamar.

Minn dan isegwi li sa fejn il-miżura jew deċiżjoni tal-Kummissjoni tikklassifika bħala għajnuna mill-Istat tali dħul mir-reklamar, hija twettaq żball ta’ liġi li, fuq dan il-punt, tivvizzja din id-deċiżjoni b’nullità.

(ara l-punti 211, 212, 214, 217, 218, 220)

16.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 229-231)

17.    Fil-qasam ta’ għajnuna mill-Istat, meta għajnuna tingħata lil benefiċjarju ġdid, differenti mill-benefiċjarji ta’ għajnuna eżistenti, din tista’ tkun biss, fil-każ ta’ dan il-benefiċjarju l-ġdid, għajnuna ġdida. F’dan ir-rigward, huwa meħtieġ li ssir distinzjoni bejn, fuq naħa waħda, l-iskemi ta’ għajnuna u, min-naħa l-oħra, l-għajnuna individwali.

(ara l-punti 236-239)

18.    Fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni, u inkluż għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-kunċett ta’ “impriża” jinkludi kull entità li teżerċita attività ekonomika indipendentement mill-istatus legali ta’ dan il-korp, u l-mezz tiegħu ta’ finanzjament.

B’hekk, sabiex jiġi identifikat il-benefiċjarju ta’ għajnuna eżistenti, għandha tittieħed inkunsiderazzjoni l-unità ekonomika li kienet il-benefiċjarju ta’ din l-għajnuna, irrispettivament minn kwalunkwe tibdil eventwali fl-istatus ġuridiku tagħha. Konsegwentement, anki għajnuna individwali tista’ titqies bħala għajnuna eżistenti, għalkemm kienet ingħatat lil entità ġuridika kkostitwita wara l-istituzzjoni tal-għajnuna u l-adeżjoni tal-Istat Membru kkonċernat għall-Unjoni, jekk jirriżulta li l-entità ġuridika inkwistjoni, għalkemm ineżistenti fil-mument tal-istituzzjoni tal-għajnuna, kienet tagħmel parti, f’dak il-mument, mill-impriża, jiġifieri parti mill-unità ekonomika li lilha kienet ingħatatilha l-għajnuna eżistenti.

(ara l-punti 243, 244)