Language of document : ECLI:EU:T:2024:334

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

28 ta’ Mejju 2024 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja u tal-involviment tal-Bjelorussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni u żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi – Organizzazzjoni tal-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni jew kontribuzzjoni għall-imsemmija attivitajiet – Profitt mir-reġim ta’ Lukashenka – Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑116/22,

Belavia – Belarusian Airlines AAT, stabbilita f’Minsk (il-Bjelorussja), irrappreżentata minn N. Tuominen u M. Krestiyanova, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Boggio-Tomasaz u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla),

komposta minn L. Truchot, President tal-Awla, H. Kanninen (Relatur) u R. Frendo, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, Amministratriċi,

wara li rat id-digriet tal‑24 ta’ Novembru 2022, Belavia vs Il‑Kunsill (T‑116/22 R, mhux ippubblikat, EU:T:2022:726),

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑25 ta’ Ottubru 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Belavia – Belarusian Airlines AAT, titlob l-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2125 tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2021, L 430 I, p. 16), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2124 tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU 2021, L 430 I, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“atti inizjali”), u, it-tieni nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/421 tal‑24 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L 61, p. 41 u rettifiki fil-ĠU 2023, L 70, p. 56 u fil-ĠU 2023, L 90, p. 66), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/419 tal‑24 ta’ Frar 2023 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L 61, p. 20 u rettifiki fil-ĠU 2023, L 71, p. 42 u fil-ĠU 2023, L 90, p. 65) (iktar ’il quddiem l-“atti taż-żamma”), sa fejn dawn l-atti jirrigwardawha.

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

2        Ir-rikorrenti hija kumpannija tat-trasport bl-ajru stabbilita f’Minsk (il-Bjelorussja).

3        Din il-kawża taqa’ fil-kuntest tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mill-2004 minħabba s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja f’dak li jirrigwarda d-demokrazija, l-Istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem.

4        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fit‑18 ta’ Mejju 2006, abbażi tal-Artikoli [75 u 215 TFUE], ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Lukashenko u ċerti uffiċjali tal-Belaruss (ĠU 2006, L 134, p. 1), li t-titolu tiegħu ġie ssostitwit, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011 tal‑20 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 161, p. 1), bit-titolu “Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat‑18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja”.

5        Fil‑15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1).

6        Skont l-Artikolu 4(1)(b) u (c)(i) tad-Deċiżjoni 2012/642, kif emendata bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1990 tal‑15 ta’ Novembru 2021 (ĠU 2021, L 405, p. 10), u l-Artikolu 2(5) u (6) tar-Regolament Nru 765/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1014/2012 tas‑6 ta’ Novembru 2012 (ĠU 2012, L 307, p. 1) u bir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2021/1985 tal‑15 ta’ Novembru 2021 (ĠU 2021, L 405, p. 1), fejn id-dispożizzjonijiet imsemmija l-aħħar jagħmlu riferiment għad-dispożizzjonijiet imsemmija l-ewwel, għandhom jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li huma proprjetà ta’, li huma miżmuma minn jew li huma kkontrollati minn, b’mod partikolari, persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi li jibbenefikaw mir-reġim ta’ Lukashenka jew li jappoġġjawh, kif ukoll minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi li jorganizzaw l-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni jew li jikkontribwixxu għall-imsemmija attivitajiet.

7        Permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Novembru 2021, indirizzata lil membru tal-uffiċċju tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, ir-rikorrenti sostniet li l-allegazzjonijiet li jinsabu f’ċerti artikli tal-istampa li jgħidu li hija kienet involuta f’“operazzjonijiet ta’ traffikar ta’ migranti” fil-Bjelorussja kienu żbaljati.

8        Fit‑2 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill adotta l-atti inizjali. Mill-premessi 2 ta’ dawn l-atti jirriżulta li “[f]il-21 u t-22 ta’ Ottubru 2021, il-Kunsill Ewropew adotta l-konklużjonijiet fejn iddikjara li mhu ser jaċċetta l-ebda tentattiv minn pajjiżi terzi biex jistrumentalizzaw lill-migranti għal finijiet politiċi, ikkundanna kull attakk ibridu fil-fruntieri tal-Unjoni u afferma li ser jirreaġixxi kif xieraq”, u li l-Kunsill Ewropew “ssottolinja li l-Unjoni ser tkompli tiġġieled l-attakk ibridu li għaddej imniedi mir-reġim Belarussu, inkluż billi tadotta, b’mod urġenti, aktar miżuri restrittivi kontra persuni u entitajiet legali [ġuridiċi], f’konformità mal-approċċ gradwali tagħha”.

9        Permezz tal-atti inizjali, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-linja 16 tat-Tabella B tal-lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-organi msemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/642 li tinsab fl-Anness tal-imsemmija deċiżjoni, u fil-linja 16 tat-Tabella B tal-lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-organi msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 765/2006 li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem, il-“listi kontenzjużi”).

10      Fl-atti inizjali, fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kunsill inkluda l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “[i]ndirizz: 14 A Nemiga St., Minsk, Belarus, 220004”, “Data ta’ reġistrazzjoni: 4.1.1996”, “[n]umru ta’ reġistrazzjoni: 600390798” u ġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha billi indika l-motivi sussegwenti:

“[Ir-rikorrenti hija] t-trasportatur tal-linja tal-ajru nazzjonali tal-Istat. Aliaksandr Lukashenka wiegħed li l-amministrazzjoni tiegħu ser tagħti l-appoġġ kollu possibbli [lir-rikorrenti] wara li l-Unjoni ddeċidiet li ddaħħal projbizzjoni fuq it-titjir li jgħaddi minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-Unjoni u fuq l-aċċess għall-ajruporti tal-Unjoni mit-trasportaturi tal-ajru Belarussi kollha. Għal dak il-għan, huwa qabel mal-President Russu Vladimir Putin dwar l-ippjanar tal-ftuħ ta’ rotot ġodda tal-linji tal-ajru [għar-rikorrenti].

Il-maniġment [tar-rikorrenti] qal ukoll lill-impjegati tiegħu biex ma jipprotestawx kontra l-irregolaritajiet tal-elezzjoni u d-detenzjonijiet tal-massa fil-Belarussja, għall-fatt li [r-rikorrenti] hija intrapriża tal-Istat.

Għaldaqstant, [ir-rikorrenti] qed tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka u tappoġġah.

[Ir-rikorrenti] kienet involuta biex jinġiebu migranti mil-Lvant Nofsani lejn il-Belarussja. Migranti li jixtiequ jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni qed itiru lejn Minsk abbord titjiriet operati [mir-rikorrenti] minn għadd ta’ pajjiżi mil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari l-Libanu, l-Emirati Għarab Magħquda u t-Turkija. Biex tiffaċilita dan, [ir-rikorrenti] fetħet rotot tal-ajru ġodda u żiedet l-għadd ta’ titjiriet fuq rotot eżistenti. Operaturi turistiċi lokali ħadmu bħala intermedjarji fil-bejgħ ta’ biljetti [tal-ajru tar-rikorrenti] lil migranti prospettivi, u b’hekk għenu [lir-rikorrenti] żżomm profil baxx.

[Ir-rikorrenti] għaldaqstant qed tikkontribwixxi għal attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni.”

11      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill informa lir-rikorrenti li isimha kien inkluż fil-listi kontenzjużi.

12      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Diċembru 2021, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill l-aċċess għall-informazzjoni u għall-provi li jsostnu l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi.

13      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrenti d-dokumenti li jinkludu l-provi użati sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi.

14      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Frar 2021, il-Kunsill informa lir-rikorrenti biż-żamma ta’ isimha fil-listi kontenzjużi.

15      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill innotifika lir-rikorrenti l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha billi bbaża ruħu fuq dokument mehmuż mal-imsemmija ittra.

16      Permezz ta’ ittra tad‑19 ta’ Jannar 2023, ir-rikorrenti wieġbet li d-dokument ikkomunikat mill-Kunsill ma kienx jiġġustifika ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi.

17      Fl‑24 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta l-atti taż-żamma li permezz tagħhom żamm isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi għal motivi essenzjalment identiċi għal dawk mogħtija fl-atti inizjali.

18      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Frar 2023, il-Kunsill indika li l-osservazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tad‑19 ta’ Jannar 2023 ma kinux iqiegħdu f’dubju l-evalwazzjoni tiegħu li kien hemm lok li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti tinżamm fil-listi kontenzjużi.

 Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

19      Wara l-adattament tar-rikors abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, u wara s-seduta, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti inizjali u ta’ żamma, sa fejn jirrigwardawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–        tiċħad it-talbiet sussidjarji tal-Kunsill intiżi sabiex il-Qorti Ġenerali tordna, minn naħa, li l-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/2125 jinżammu fis-seħħ sa fejn jirrigwardawha sakemm l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/2124 jidħol fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, li l-effetti tad-Deċiżjoni 2023/421 jinżammu fis-seħħ sa fejn jirrigwardawha sakemm l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/419 jidħol fis-seħħ.

20      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, minn naħa, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-atti inizjali sa fejn jikkonċernaw lir-rikorrenti, tordna li l-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/2125 jinżammu fis-seħħ sa fejn jirrigwardawha sakemm l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/2124 jidħol fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-atti ta’ żamma sa fejn dawn jirrigwardaw lir-rikorrenti, tordna li l-effetti tad-Deċiżjoni 2023/421 jinżammu sa fejn jirrigwardawha sakemm l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2023/419 jidħol fis-seħħ.

 Iddritt

21      Għandha tiġi eżaminata, fl-ewwel lok, it-talba għall-annullament parzjali tal-atti inizjali u, fit-tieni lok, it-talba għall-annullament parzjali tal-atti ta’ żamma.

 Fuq ittalba għallannullament parzjali talatti inizjali

22      Insostenn tat-talba għall-annullament tal-atti inizjali sa fejn jirrigwardawha, ir-rikorrenti tinvoka formalment żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kunsill u, it-tieni wieħed, fuq il-fatt li l-atti inizjali “jinkludu tip illegali ta’ sanzjoni minħabba li l-Kunsill ma ssodisfax il-livell ta’ prova meħtieġ”.

23      Il-Kunsill jikkontesta l-argument tar-rikorrenti.

24      Preliminarjament, l-ewwel nett, għandu jiġi osservat li ż-żewġ motivi mqajma formalment mir-rikorrenti huma fil-parti l-kbira tagħhom sovrapposti sa fejn it-tnejn li huma bbażati, essenzjalment, fuq żball fl-evalwazzjoni tal-fatti u fuq ksur tal-Artikolu 4(1)(b) u (c)(i) tad-Deċiżjoni 2012/642. Barra minn hekk, matul is-seduta, ir-rikorrenti ddikjarat li qajmet, essenzjalment, motiv uniku.

25      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li ż-żewġ motivi mqajma mir-rikorrenti jifformaw, essenzjalment, motiv uniku.

26      It-tieni nett, għandu jitfakkar li l-effettività tal-istħarriġ ġudizzjarju ggarantit mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea teżiġi b’mod partikolari li l-qorti tal-Unjoni tiżgura li d-deċiżjoni li permezz tagħha ġew adottati jew miżmuma miżuri restrittivi, li għandha portata individwali għall-persuna jew għall-entità kkonċernata, tkun ibbażata fuq bażi fattwali suffiċjentement soda. Dan jimplika verifika tal-fatti allegati fl-espożizzjoni tal-motivi li fuqhom tkun ibbażata l-imsemmija deċiżjoni, b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju ma jkunx limitat għall-evalwazzjoni tal-plawżibbiltà astratta tal-motivi invokati, iżda jkun jikkonċerna l-punt li jsir magħruf jekk dawn il-motivi jew, minn tal-inqas, wieħed minnhom li jitqies li huwa suffiċjenti fih innifsu sabiex isostni din l-istess deċiżjoni, humiex sostnuti (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 119).

27      Hija l-awtorità kompetenti tal-Unjoni li għandha, fil-każ ta’ kontestazzjoni, tistabbilixxi l-fondatezza tal-motivi invokati fil-konfront tal-persuna jew tal-entità kkonċernata, u mhux dawn tal-aħħar li għandhom jipproduċu l-prova negattiva tal-assenza ta’ fondatezza tal-imsemmija motivi (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 121).

28      Jekk l-awtorità kompetenti tal-Unjoni tipprovdi informazzjoni jew provi rilevanti, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-eżattezza materjali tal-fatti allegati fid-dawl ta’ din l-informazzjoni jew ta’ dawn il-provi u tevalwa s-saħħa probatorja ta’ dawn tal-aħħar skont iċ-ċirkustanzi tal-kawża u fid-dawl tal-eventwali osservazzjonijiet ippreżentati, b’mod partikolari, mill-persuna jew mill-entità kkonċernata dwar is-suġġett tagħhom (sentenza tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 124).

29      Tali evalwazzjoni għandha titwettaq billi l-provi u l-informazzjoni ma jiġux eżaminati b’mod iżolat iżda fil-kuntest li minnu jifformaw parti. Fil-fatt, il-Kunsill jissodisfa l-oneru tal-prova impost fuqu jekk jistabbilixxi quddiem il-qorti tal-Unjoni sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti li jippermettu li tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ rabta suffiċjenti bejn l-entità suġġetta għal miżura ta’ ffriżar tal-fondi tagħha u r-reġim jew, b’mod ġenerali, is-sitwazzjonijiet miġġielda (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Frar 2020, Kanyama vs Il‑Kunsill, T‑167/18, mhux ippubblikata, EU:T:2020:49, punt 93 u l-ġurisprudenza ċċitata).

30      Barra minn hekk, fir-rigward tan-natura preventiva tal-miżuri restrittivi inkwistjoni, jekk, fil-kuntest tal-istħarriġ tagħha tal-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, il-qorti tal-Unjoni tqis li, minn tal-inqas, wieħed mil-motivi msemmija fl-espożizzjoni inkwistjoni huwa suffiċjentement preċiż u konkret, huwa sostnut u jikkostitwixxi, fih innifsu, bażi suffiċjenti sabiex issostni din id-deċiżjoni, iċ-ċirkustanza li dan ma jgħoddx għal uħud mil-motivi l-oħra ma tistax tiġġustifika l-annullament ta’ din id-deċiżjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2013, Il‑Kummissjoni et vs Kadi, C‑584/10 P, C‑593/10 P u C‑595/10 P, EU:C:2013:518, punt 130, u tal‑24 ta’ Novembru 2021, Assi vs Il‑Kunsill, T‑256/19, EU:T:2021:818, punt 168).

31      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li tibda billi teżamina l-motivi tal-atti inizjali li jinsabu fir-raba’ u fil-ħames paragrafu msemmija fil-punt 10 iktar ’il fuq, li minnhom jirriżulta li r-rikorrenti pparteċipat fit-trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi mil-Lvant Nofsani lejn il-Bjelorussja, li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li xtaqu jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni marru f’Minsk fuq titjiriet operati mir-rikorrenti minn ċertu numru ta’ pajjiżi fil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari mil-Libanu, mill-Emirati Għarab Magħquda u mit-Turkija, li, sabiex tiġi ffaċilitata din il-prattika, ir-rikorrenti fetħet rotot tal-ajru ġodda u żiedet in-numru ta’ titjiriet fuq rotot eżistenti, li operaturi turistiċi lokali kellhom rwol ta’ intermedjarji billi biegħu biljetti tal-ajru tar-rikorrenti lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li seta’ kellhom l-intenzjoni li jaqsmu l-imsemmija fruntieri esterni, u b’dan il-mod għenu sabiex ir-rikorrenti ma tagħtix fil-għajn, u li din tal-aħħar, għalhekk, tikkontribwixxi għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali ta’ dawn il-fruntieri esterni.

32      Dawn il-motivi huma bbażati fuq il-kriterju previst fl-Artikolu 4(1)(ċ)(i) tad-Deċiżjoni 2012/642, dispożizzjoni li għaliha jirreferi l-Artikolu 2(6)(a)(i) tar-Regolament Nru 765/2006.

33      Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, fl-ewwel lok, il-Kunsill jirreferi għall-kuntest li minnu jifformaw parti l-fatti kontenzjużi.

34      F’dan ir-rigward, il-Kunsill jibbaża ruħu fuq artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “Wyborcza.pl” fil‑21 ta’ Ottubru 2021 u artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “spiegel.de” fl‑14 ta’ Awwissu 2021, li minnu jirriżulta, essenzjalment, li, matul is-sena 2021, b’reazzjoni għal ċerti miżuri meħuda mill-Unjoni kontra l-Bjelorussja, l-awtoritajiet Bjelorussi ħeġġew iċ-ċaqliq ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-Bjelorussja permezz tat-trasport bl-ajru sabiex jiddiriġuhom, minn dan il-pajjiż, lejn il-fruntieri esterni tal-Unjoni. Huwa jirreferi wkoll għal messaġġ ippubblikat fuq in-network soċjali Twitter fis‑26 ta’ Ottubru 2021 li jgħid li l-Ambaxxata Bjelorussa fis-Sirja stabbilixxiet lista ta’ aġenziji tal-ivvjaġġar li għandhom id-dritt esklużiv li joħorġu viżi lil ċittadini ta’ pajjiżi Għarab mal-wasla tagħhom fiż-żona ristretta tal-ajruport ta’ Minsk.

35      Ir-rikorrenti ma tikkontestax l-eżistenza tal-kuntest hekk deskritt mill-Kunsill.

36      Fit-tieni lok, il-Kunsill jipproduċi d-dokumenti li ġejjin:

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “reuters.com” fis‑7 ta’ Lulju 2021 li minnu jirriżulta, b’mod partikolari, li uffiċjal tal-Gvern Litwan bagħat lill-aġenzija tal-istampa Reuters kopji ta’ erba’ biljetti ta’ imbark għal titjira li titlaq minn Istanbul (it-Turkija) b’destinazzjoni lejn Minsk operata mir-rikorrenti li kienu fil-pussess ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li daħal fit-territorju tal-Litwanja;

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “lemonde.fr” fl‑10 ta’ Novembru 2021 li jgħid li, b’mod partikolari, matul ix-xahar ta’ Novembru 2021, diversi ċittadini ta’ pajjiżi terzi kienu preżenti fl-ajruport ta’ Bejrut (il-Libanu) sabiex jimbarkaw fuq titjira lejn Minsk operata mir-rikorrenti, li waħda minn dawn il-persuni ddikjarat li kienet kisbet viża mingħand il-Konslu onorarju tal-Bjelorussja sabiex il-vjaġġ tagħha jkollu “l-apparenza tal-legalità” u li kellha l-intenzjoni li tidħol fil-“Fortezza Europe”, li persuna oħra minn dawn il-persuni indikat li riedet tapprofitta ruħha mir-“rotta [li] nfetħet” fil-Bjelorussja sabiex tmur il-Ġermanja, li sa mix-xahar ta’ Novembru 2021 ir-rikorrenti kienet topera żewġ titjiriet diretti fil-ġimgħa minn Bejrut lejn Minsk, filwaqt li qabel hija kienet topera biss titjira waħda fil-ġimgħa, li n-numru ta’ vjaġġaturi ttrasportati mir-rikorrenti żdied b’mod kunsiderevoli mix-xahar ta’ Awwissu 2020 u li, “[għ]alkemm huwa impossibbli li titjira tiġi rriżervata fuq is-sit [tar-rikorrenti], l-operaturi turistiċi lokali [kienu] jieħdu ħsieb li jimlew l-ajruplani tagħha”;

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “dw.com” fid‑9 ta’ Novembru 2021 li minnu b’mod partikolari jirriżulta, minn naħa, li operatur turistiku stabbilit f’Bagdad (l-Iraq) kien iddikjara li “[ir-rikorrenti kellha] titjiriet diretti lejn Minsk minn Istanbul, minn Dubai [(l-Emirati Għarab Magħquda)] u minn postijiet oħra”, li “l-unika ħaġa [li għandek tagħmel hija] li tmur hemmhekk” u li “dan [kien] ftit ogħla iżda dejjem fattibbli” u, min-naħa l-oħra, li l-ajruplani operati mir-rikorrenti kienu użati sabiex “jittrasportaw migranti lejn il-fruntiera tal-Unjoni”;

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “reform.by” fit‑23 ta’ Awwissu 2021 li jgħid li “l-ajruplani minn Istanbul itiru kuljum lejn Minsk — erba’ titjiriet kuljum”, “[t]nejn huma operati mir-[rikorrenti], sa minn ftit żmien ilu, prinċipalment permezz ta’ Embraer E195 (b’kapaċità sa 125 persuna), iżda f’Ġunju kien hemm Boeing b’kapaċità ta’ madwar 150 sa 190 post”;

–        tliet estratti ta’ informazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet “flightradar24.com” li minnhom jirriżulta li r-rotta tal-ajru prinċipali mill-ajruport internazzjonali ta’ Erbil (l-Iraq) hija dik lejn Istanbul bi 23 titjira fil-ġimgħa, li r-rotta tal-ajru prinċipali mill-ajruport internazzjonali ta’ Bagdad hija dik lejn Istanbul bi 28 titjira fil-ġimgħa u li r-rikorrenti topera żewġ titjiriet kuljum li jitilqu minn Istanbul u b’destinazzjoni lejn Minsk;

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “belsat.eu” fil‑11 ta’ Ottubru 2021 li jindika b’mod partikolari li ġurnalist “irrimarka madwar 50 passiġġier li joriġinaw mil-Lvant Nofsani fl-[ajruport ta’ Istanbul]” li “kienu qed jirreġistraw ruħhom, li kienu fi kju separat quddiem l-istand [tar-rikorrenti]”.

37      L-ewwel nett, minn naħa, għandu jiġi osservat li, fost dawn id-dokumenti, l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “lemonde.fr”, l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “dw.com”, l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “belsat.eu” kif ukoll l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “reuters.com” jaqblu fuq il-fatt li ċittadini ta’ pajjiżi terzi setgħu jimbarkaw ruħhom f’Bejrut, f’Dubai u f’Istanbul fuq titjiriet operati mir-rikorrenti b’destinazzjoni lejn Minsk.

38      Ċertament, il-Kunsill ma jikkontestax l-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li hija qatt ma operat titjiriet b’destinazzjoni lejn jew bi tluq mill-Afganistan, mill-Iran, mill-Iraq, mill-Mjanmar, mill-Pakistan u mis-Sirja. Barra minn hekk, kif tosserva r-rikorrenti, peress li l-Kunsill semma, fil-motivi kontenzjużi, titjiriet operati mir-rikorrenti bi tluq minn ċertu numru ta’ pajjiżi fil-Lvant Nofsani, “b’mod partikolari” mil-Libanu, mill-Emirati Għarab Magħquda u mit-Turkija, huwa ma jistax validament jallega, fir-risposta, li bbaża ruħu “biss” fuq it-titjiriet bi tluq minn dawn it-tliet pajjiżi terzi sabiex jinkludi isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.

39      Madankollu, l-użu tal-kelma “b’mod partikolari” fil-motivi kontenzjużi għandu jinftiehem fis-sens li l-Kunsill elenka b’mod mhux eżawrjenti l-pajjiżi li minnhom ġew operati titjiriet tar-rikorrenti. Peress li l-eżistenza ta’ tali titjiriet b’destinazzjoni lejn Minsk u bi tluq mil-Libanu, mill-Emirati Għarab Magħquda u mit-Turkija hija stabbilita, ma huwiex neċessarju li jiġi analizzat jekk elementi fattwali jippermettux li jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienet topera titjiriet bi tluq minn pajjiżi terzi oħra.

40      Għaldaqstant, il-Kunsill ma wettaqx żball meta qies, minn tal-inqas, li ċittadini ta’ pajjiżi terzi marru lejn Minsk fuq titjiriet operati mir-rikorrenti bi tluq mil-Libanu, mill-Emirati Għarab Magħquda u mit-Turkija.

41      Min-naħa l-oħra, skont l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “lemonde.fr” u skont l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “dw.com”, ċittadini ta’ pajjiżi terzi ħadu titjiriet operati mir-rikorrenti sabiex jaqsmu sussegwentement il-fruntieri esterni tal-Unjoni mill-Bjelorussja u, skont l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “reuters.com”, ċittadin ta’ pajjiż terz li daħal fit-territorju ta’ Stat Membru nstab fil-pussess ta’ biljetti ta’ imbark tar-rikorrenti. Barra minn hekk, mill-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “lemonde.fr” jirriżulta li ċittadin ta’ pajjiż terz li kien fil-proċess li jimbarka fuq titjira tar-rikorrenti bi tluq minn Bejrut u b’destinazzjoni lejn Minsk iddikjara li ried “jiskala l-ħitan tal-fortezza Ewropa”, li “kien hemm ‘netwerks’ li [kienu qegħdin jistennewh fil-Bjelorussja]” u li ssemmew “il-mejta fil-fruntiera bejn il-Bjelorussja u l-Polonja”, filwaqt li ċittadin ieħor ta’ pajjiż terz indika li għandu l-intenzjoni li jmur il-Ġermanja, filwaqt li “kien qiegħed iwieżen il-periklu”, peress li “l-Bjelorussja ma tiftaħx il-bibien tagħha b’kompassjoni” u li “infetħet rotta”.

42      Dawn l-elementi jsostnu l-argument tal-Kunsill li ċittadini ta’ pajjiżi terzi imbarkaw fuq titjiriet operati mir-rikorrenti b’destinazzjoni lejn Minsk bl-intenzjoni li jaqsmu l-fruntieri ta’ ċerti Stati Membri mingħajr ma jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni rilevanti.

43      It-tieni nett, mill-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “lemonde.fr” jirriżulta li r-rikorrenti żiedet in-numru ta’ titjiriet bi tluq minn Bejrut matul is-sena 2021. Barra minn hekk, is-siltiet ta’ informazzjoni ppubblikati fuq is-sit internet “flightradar24.com” kif ukoll l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “reform.by” jindikaw li r-rikorrenti operat żewġ titjiriet kuljum fuq ir-rotta tal-ajru bejn Istanbul u Minsk. Fl-aħħar nett, minn dan l-aħħar Artikolu jirriżulta li r-rikorrenti żiedet il-kapaċitajiet ta’ trasport tal-ajruplani li joperaw l-imsemmija rotta tal-ajru.

44      It-tielet nett, l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “lemonde.fr” jindika li, “mix-xahar ta’ Awwissu [2020,] in-numru ta’ vjaġġaturi tar-[rikorrenti] żdied b’mod kunsiderevoli”, li, f’dan il-kuntest, “[ir-rikorrenti] ma kinitx tagħti fl-għajn” u li, “[għ]alkemm huwa impossibbli li titjira tiġi rriżervata fuq is-sit [tar-rikorrenti], l-operaturi turistiċi lokali [kienu] jieħdu ħsieb li jimlew l-ajruplani tagħha”.

45      Mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 36 sa 44 iktar ’il fuq jirriżulta li, waqt l-adozzjoni tal-atti inizjali, il-Kunsill kellu abbord ta’ indizji suffiċjentement preċiżi, konkreti u konkordanti sabiex jistabbilixxi, fid-dawl tal-kuntest deskritt fil-punt 34 iktar ’il fuq, li ċittadini ta’ pajjiżi terzi li kellhom l-intenzjoni jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni mingħajr ma jikkonformaw ruħhom mal-leġiżlazzjoni rilevanti marru Minsk abbord titjiriet operati mir-rikorrenti bi tluq mil-Libanu, mill-Emirati Għarab Magħquda u mit-Turkija, li, sabiex tiffaċilita din il-prattika, ir-rikorrenti żiedet in-numru ta’ titjiriet fuq rotot eżistenti u li operaturi turistiċi lokali kellhom ir-rwol ta’ intermedjarji billi biegħu biljetti tal-ajru tar-rikorrenti lill-persuni msemmija iktar ’il fuq, u b’dan il-mod għenuha sabiex ir-rikorrenti ma tagħtix fil-għajn.

46      Sabiex tikkontesta s-serje ta’ indizji prodotti mill-Kunsill, l-ewwel nett, ir-rikorrenti ssostni li kumpanniji tal-ajru oħra joperaw titjiriet bejn l-Emirati Għarab Magħquda u t-Turkija, minn naħa, u l-Bjelorussja, min-naħa l-oħra, li dawn ittrasportaw diversi persuni minn Minsk lejn pajjiżi terzi bejn ix-xahar ta’ Ottubru u dak ta’ Diċembru 2021, meta “l-kriżi tal-migranti bdiet titlef fl-intensità tagħha, peress li l-migranti bdew jerġgħu lura lejn pajjiżhom”, u li hija ma tittrasportax direttament, meta mqabbla ma’ kumpanniji tal-ajru oħra, numru kbir ta’ passiġġieri, b’mod partikolari peress li l-ajruplani li hija topera għandhom kapaċità massima inferjuri għal dik tal-ajruplani operati mill-imsemmija kumpanniji l-oħra. Hija ssostni wkoll li, minkejja li hija l-unika kumpannija tal-ajru li topera r-rotta tal-ajru bejn Bejrut u Minsk, din hija titjira staġjonali, fejn il-biljetti għaliha jinbiegħu minn terz, li, matul is-sena 2021, in-numru ta’ passiġġieri li użaw din ir-rotta tal-ajru kien negliġibbli meta mqabbel ma’ rotot tal-ajru oħra bi tluq minn jew b’destinazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra minbarra l-Libanu u li hija ttrasportat inqas passiġġieri fuq ir-rotta tal-ajru bejn Bejrut u Minsk matul is-sena 2021 milli matul is-snin 2018 u 2019. Insostenn tal-allegazzjonijiet tagħha, ir-rikorrenti tinvoka data miksuba mingħand id-dipartiment tal-avjazzjoni tal-Bjelorussja.

47      L-ebda wieħed minn dawn l-argumenti ma jista’ jiġi milqugħ.

48      Huwa minnu li mid-data prodotta mir-rikorrenti jirriżulta li, matul is-sena 2021, hija ttrasportat inqas passiġġieri minn żewġ kumpanniji tal-ajru oħra li joperaw, l-istess bħalha, ir-rotot tal-ajru bejn Istanbul u Minsk kif ukoll bejn Dubai u Minsk, li kumpanniji tal-ajru oħra ttrasportaw diversi persuni minn Minsk lejn Bagdad, Erbil u Damasku (is-Sirja) fi tmiem is-sena 2021 u li n-numru ta’ persuni li hija ttrasportat fuq ir-rotta tal-ajru bejn Bejrut u Minsk huwa inqas minn dak tal-persuni ttrasportati fuq rotot tal-ajru oħra bi tluq minn jew b’destinazzjoni lejn pajjiżi terzi oħra minbarra l-Libanu li għalihom hija tipproduċi data f’ċifri.

49      Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi ma jurux li r-rikorrenti ma kkontribwixxietx, permezz tal-operazzjonijiet rispettivi tagħha ta’ trasport ta’ persuni mil-Libanu, mill-Emirati Għarab Magħquda u mit-Turkija, lejn il-Bjelorussja, għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni.

50      Barra minn hekk, skont id-data trażmessa mir-rikorrenti, matul is-sena 2021, in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati minnha bi tluq minn Istanbul lejn Minsk żdied sostanzjalment, minn 2 978 passiġġier fix-xahar ta’ Mejju, għal 6 975 passiġġier fix-xahar ta’ Ottubru, u n-numru ta’ passiġġieri ttrasportati minnha bi tluq minn Bejrut lejn Minsk żdied b’mod kunsiderevoli, minn 187 passiġġier fix-xahar ta’ Ġunju għal 1681 passiġġier fix-xahar ta’ Settembru, u dan iwassal sabiex jagħti iktar kredibbiltà lill-allegazzjonijiet tal-Kunsill.

51      Lanqas ma jista’ jiġi aċċettat l-argument tar-rikorrenti li jgħid li, minn naħa, il-kumpanniji tal-ajru l-oħra li hija ssemmi għandhom ukoll jinżammu responsabbli għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni u li, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-isem ta’ waħda minn dawn il-kumpanniji tal-ajru ġie inkluż u sussegwentement imneħħi mil-listi kontenzjużi jiġġustifika l-irtirar tal-inklużjoni ta’ isimha.

52      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jitfakkar li l-fatt li kumpanniji tal-ajru oħra kellhom jew setgħu eventwalment jinżammu responsabbli ma jeskludix, fih innifsu, li r-rikorrenti tista’ tinżamm responsabbli bħala tali, fid-dawl tal-attivitajiet rispettivi tagħha ta’ trasport ta’ persuni lejn il-Bjelorussja (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑23 ta’ Settembru 2014, Ipatau vs Il‑Kunsill, T‑646/11, mhux ippubblikata, EU:T:2014:800, punt 116, u tas‑7 ta’ Ġunju 2023, Skryba vs Il‑Kunsill, T‑581/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:321, punt 57).

53      It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li hija ma rċevietx istruzzjonijiet mingħand il-Gvern li jordnawlha topera titjiriet intiżi sabiex jipparteċipaw fl-attivitajiet intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, li t-titjiriet tagħha lejn il-Libanu, l-Emirati Għarab Magħquda u t-Turkija ma ġewx innolleġġjati mill-Istat tal-Bjelorussja u huma profittabbli.

54      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kunsill ma semmiex, fil-motivi kontenzjużi, l-eżistenza ta’ istruzzjonijiet tal-Gvern Bjelorussu, in-nolleġġ ta’ ċerti titjiriet mill-Istat tal-Bjelorussja jew il-fatt li t-titjiriet inkwistjoni ma kinux profittabbli.

55      Barra minn hekk, minn naħa, kif jirrileva l-Kunsill, il-fatt, paċifiku bejn il-partijiet, li r-rikorrenti hija kompletament proprjetà tal-Istat tal-Bjelorussja jxejjen il-plawżibbiltà tal-argument li l-attivitajiet tagħha jistgħu jkunu ddeterminati indipendentement mir-rieda tal-Gvern Bjelorussu, fl-assenza ta’ provi li jistgħu jissostanzjawh.

56      Min-naħa l-oħra, skont l-artikli ppubblikati fuq is-sit internet “Wyborcza.pl” u fuq is-sit internet “spiegel.de”, imsemmija fil-punt 34 iktar ’il fuq, l-awtoritajiet Bjelorussi ffavorixxew iż-żieda fil-flussi ta’ vjaġġaturi lejn il-Bjelorussja billi ħadu miżuri sabiex jinħarġu ħafna viżi ta’ turiżmu lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi, b’mod partikolari billi ddelegaw setgħat speċjali lill-aġenziji tal-ivvjaġġar, li wħud minnhom kienu kkontrollati mill-Istat tal-Bjelorussja. Dawn l-istess artikoli, kif ukoll l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “lemonde.fr” imsemmi fil-punt 36 iktar ’il fuq, jirrappurtaw li, f’dan il-kuntest, ċittadini ta’ pajjiżi terzi ħallsu somom kunsiderevoli sabiex imorru l-Bjelorussja bl-ajruplan. Barra minn hekk, minn dan l-aħħar artikolu jirriżulta li “għadd kbir ta’ atturi kienu b’hekk [qegħdin] isiru sinjuri fuq it-tama ta’ ħajja aħjar taċ-[ċittadini ta’ pajjiżi terzi]”, b’mod partikolari kumpanniji tal-ajru li wħud minnhom, sabiex jirrispondu għaż-żieda fid-domanda għal servizzi ta’ trasport bl-ajru minn pajjiżi terzi lejn il-Bjelorussja, kienu żiedu l-kapaċitajiet ta’ trasport tagħhom jew kienu ppjanaw li jiftħu rotot tal-ajru ġodda.

57      Għalhekk, mill-provi fil-proċess jirriżulta li r-reġim ta’ Lukashenka organizza t-trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-Bjelorussja permezz tal-ajru mhux billi nnoleġġja titjiriet, iżda billi ffavorixxa l-ħruġ ta’ viżi għall-Bjelorussja, li l-effett ta’ din il-miżura kienet żieda fid-domanda għal servizzi ta’ trasport bl-ajru lejn il-Bjelorussja u li kumpanniji tal-ajru kienu bbenefikaw mill-operat kummerċjali tat-titjiriet li jissodisfaw din id-domanda. Minn dan isegwi li l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li t-titjiriet tagħha lejn il-Libanu, l-Emirati Għarab Magħquda u t-Turkija ma kinux ġewx innolleġġjati mill-Istat tal-Bjelorussja u li l-operazzjonijiet ta’ trasport rispettivi tagħha kienu profittabbli, anki jekk jitqies li huma stabbiliti, ma jistgħux juru li l-imsemmija titjiriet u operazzjonijiet ma kinux jifformaw parti mill-kuntest tal-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni.

58      It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li hija tikkonforma ruħha mar-regoli rilevanti waqt ir-reġistrazzjoni tal-passiġġieri tagħha, b’mod partikolari fir-rigward tal-obbligu li wieħed ikollu viża.

59      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 56 iktar ’il fuq, l-attivitajiet intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni mnedija mir-reġim ta’ Lukashenka kienu jinkludu l-ħruġ ta’ viżi liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi sabiex ikunu jistgħu jidħlu fit-territorju Bjelorussu. L-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “lemonde.fr”, imsemmi fil-punt 36 iktar ’il fuq, għalhekk jirrapporta li ċittadin ta’ pajjiż terz fil-proċess li jimbarka fuq titjira operata mir-rikorrenti bi tluq minn Bejrut u li kellu l-intenzjoni li jaqsam l-imsemmija fruntieri esterni, iddikjara li kellu viża sabiex il-vjaġġ tiegħu jkollu “l-apparenza tal-legalità”.

60      Minn dan isegwi li l-fatt li r-rikorrenti wettqet il-kontrolli meħtieġa waqt ir-reġistrazzjoni tal-passiġġieri tagħha, b’mod partikolari f’dak li jirrigwarda l-obbligu ta’ pussess ta’ viża, ma jeskludix li hija pparteċipat fl-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni.

61      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti ssostni li l-unika attività li hija teżerċita hija l-operat ta’ titjiriet u li “fl-ajruporti tagħha hija qatt ma assistiet għal attivitajiet bħall-ġbir organizzat ta’ gruppi kbar ta’ immigranti preżunti”.

62      Sa fejn dawn il-kunsiderazzjonijiet ma humiex relatati mal-elementi invokati mill-Kunsill kontra r-rikorrenti, dawn għandhom jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

63      Ċertament, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar il fuq, għandu jiġi osservat li mid-dokumenti prodotti mill-Kunsill ma jirriżultax li, hekk kif jirriżulta mill-motivi kontenzjużi, ir-rikorrenti fetħet rotot ġodda tal-ajru sabiex tiffaċilita t-trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi lejn il-Bjelorussja.

64      Madankollu, din il-konstatazzjoni ma hijiex biżżejjed sabiex jiġi deċiż li l-atti inizjali għandhom jiġu annullati, peress li l-Kunsill ipproduċa l-prova tal-fondatezza tal-allegazzjonijiet fattwali esposti fil-punt 45 iktar ’il fuq, u peress li dawn huma suffiċjenti sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kkontribwixxiet għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, fis-sens tal-kriterju previst fl-Artikolu 4(1)(c)(i) tad-Deċiżjoni 2012/642.

65      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tqis li l-motivi mressqa mill-Kunsill insostenn tal-evalwazzjoni li tgħid li r-rikorrenti kkontribwixxiet għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, li huma suffiċjentement preċiżi u konkreti u li ma humiex mittiefsa minn żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti jew minn żball ta’ liġi, jikkostitwixxu fihom innifishom bażi suffiċjenti sabiex l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi tkun iġġustifikata.

66      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-motiv uniku għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti kontra l-motivi l-oħra li jiġġustifikaw l-atti inizjali, peress li l-fatt li dawn ma humiex sostnuti ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dawn l-istess atti.

67      Minn dan isegwi li t-talba għall-annullament parzjali tal-atti inizjali għandha tiġi miċħuda.

 Fuq ittalba għallannullament parzjali talatti tażżamma

68      Permezz ta’ nota ta’ adattament ippreżentata konformement mal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-atti ta’ żamma sa fejn dawn jirrigwardawha billi tirrepeti l-motiv uniku invokat, essenzjalment, fir-rikors.

69      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ adattament, qabel kollox, il-Kunsill isostni li ħa inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet tar-rikorrenti qabel ma adotta l-atti ta’ żamma. Sussegwentement, huwa jqis li wera l-fondatezza tal-miżuri restrittivi meħuda kontra r-rikorrenti fir-risposta u fil-kontroreplika u jqis li l-evalwazzjoni tiegħu hija kkonfermata mill-provi addizzjonali miżjuda mal-fajl tiegħu waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma. Fl-aħħar nett, huwa jsostni li l-argumenti tar-rikorrenti dwar is-sitwazzjoni ta’ żewġ kumpanniji tal-ajru oħra ma jurux l-illegalità tal-atti taż-żamma.

70      F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina l-motivi tal-atti ta’ żamma li jinsabu fir-raba’ u fil-ħames paragrafu tal-imsemmija motivi, li jgħidu li r-rikorrenti tikkontribwixxi għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni, imbagħad dawk li jinsabu fl-ewwel u fit-tielet paragrafu ta’ dawn il-motivi, li jgħidu li r-rikorrenti tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka.

 Fuq levalwazzjoni li tgħid li rrikorrenti tikkontribwixxi għal attivitajiet tarreġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw ilqsim illegali talfruntieri esterni talUnjoni

71      Fir-raba’ u fil-ħames paragrafu tal-motivi tal-atti ta’ żamma, il-Kunsill ma bidilx il-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fir-raba’ u fil-ħames paragrafu tal-motivi tal-atti inizjali, esposti fil-punt 31 iktar ’il fuq.

72      Fin-nota ta’ adattament u waqt is-seduta, ir-rikorrenti kkritikat lill-Kunsill talli ma ħax inkunsiderazzjoni l-elementi li hija kienet ikkomunikatlu matul l-eżami mill-ġdid perjodiku tal-miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja li wassal għall-adozzjoni tal-atti ta’ żamma.

73      Ir-rikorrenti għamlet riferiment għall-ittra indirizzata lill-Kunsill fid‑19 ta’ Jannar 2023 li fiha hija kienet sostniet, b’mod partikolari, li “l-kriżi migratorja ma għadhiex teżisti, f’dak li jirrigwarda l-fruntiera bejn l-[Unjoni] u l-Bjelorussja”. Hija kompliet tesponi li, matul ix-xahar ta’ Novembru 2021, l-awtoritajiet Torok u tal-Emirati Għarab Magħquda kienu pprojbixxew lill-kumpanniji tal-ajru li joperaw titjiriet mit-Turkija u mill-Emirati Għarab Magħquda milli jittrasportaw, b’destinazzjoni lejn Minsk, liċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi tal-Lvant Nofsani u tal-Asja, u li hija stess kienet waqfet topera r-rotta tal-ajru bejn Bejrut u Minsk. Fil-fehma tagħha, in-numru ta’ persuni ġejjin mill-pajjiżi terzi msemmija iktar ’il fuq li setgħu jivvjaġġaw lejn il-Bjelorussja permezz ta’ trasport bl-ajru kien għalhekk naqas b’mod kunsiderevoli u, mill-2022, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi li pprovaw jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni mill-Belarussja ma kinux iktar qegħdin jużaw l-ajruplan.

74      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ adattament, il-Kunsill invoka “sorsi li jikkonfermaw li r-rikorrenti [kienet għadha] topera titjiriet bi tluq minn Istanbul, li huwa l-iktar destinazzjoni popolari għat-titjiriet bi tluq minn Erbil, b’destinazzjoni lejn Minsk”.

75      Waqt is-seduta, il-Kunsill ippreċiża li kien eżamina l-elementi invokati mir-rikorrenti qabel ma adotta l-atti ta’ żamma. Huwa indika li ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti kienet waqfet topera titjiriet mil-Libanu u li l-awtoritajiet Torok kienu adottaw miżuri, iżda li huwa kellu elementi oħra li juru li r-rikorrenti kienet kompliet topera titjiriet mill-ajruport ta’ Istanbul, li kien pjattaforma ta’ korrispondenza għall-persuni li jixtiequ jmorru lejn Minsk sabiex sussegwentement jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni, u li r-rikorrenti kienet tbigħ il-biljetti tagħha permezz ta’ intermedjarji b’mod mhux trasparenti. Huwa sostna wkoll li kienu t-titjiriet operati mir-rikorrenti bi tluq minn Istanbul, u mhux dawk operati minnha bi tluq minn Dubai u minn Bejrut, li kienu ġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma.

76      Għandu jitfakkar li l-miżuri restrittivi huma ta’ natura kawtelatorja u, mid-definizzjoni tagħhom stess, provviżorja, li l-validità tagħhom hija dejjem suġġetta għall-kontinwazzjoni taċ-ċirkustanzi ta’ fatt u ta’ liġi li jkunu wasslu għall-adozzjoni tagħhom kif ukoll għall-ħtieġa taż-żamma tagħhom sabiex jintlaħaq l-għan relatat magħhom. Huwa għalhekk li l-Kunsill huwa obbligat iwettaq, matul l-eżami mill-ġdid perjodiku tal-miżuri restrittivi tiegħu, evalwazzjoni aġġornata tas-sitwazzjoni u jistabbilixxi bilanċ tal-impatt ta’ tali miżuri, sabiex jiddetermina jekk dawn ippermettewx li jintlaħqu l-għanijiet imfittxija mill-inklużjoni inizjali tal-ismijiet tal-persuni u tal-entitajiet ikkonċernati fil-lista kontenzjuża jew jekk għadux possibbli li tinsilet l-istess konklużjoni fir-rigward tal-imsemmija persuni u entitajiet (ara s-sentenza tas‑27 ta’ April 2022, Ilunga Luyoyo vs Il‑Kunsill, T‑108/21, EU:T:2022:253, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata).

77      Sabiex jiġġustifika ż-żamma ta’ isem persuna fil-listi inkwistjoni, il-Kunsill ma huwiex ipprojbit milli jibbaża ruħu fuq l-istess provi li ġġustifikaw l-inklużjoni inizjali, l-inklużjoni mill-ġdid jew iż-żamma preċedenti ta’ isem il-persuna kkonċernata fil-lista, sakemm, minn naħa, il-motivi għall-inklużjoni jkunu għadhom l-istess u, min-naħa l-oħra, il-kuntest ma jkunx żviluppa b’tali mod li dawn il-provi jkunu saru obsoleti. Dan il-kuntest ma jinkludix biss is-sitwazzjoni tal-pajjiż li fir-rigward tiegħu ġiet stabbilita s-sistema ta’ miżuri restrittivi, iżda wkoll is-sitwazzjoni partikolari tal-persuna kkonċernata (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2022, Ovsyannikov vs Il‑Kunsill, T‑714/20, mhux ippubblikata, EU:T:2022:674, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

78      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li waqt is-seduta l-Kunsill iddikjara li, fid-dawl tal-elementi li kien jaf bihom waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma, l-evalwazzjoni li tgħid li r-rikorrenti kienet tikkontribwixxi għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni ma setgħetx iktar tkun iġġustifikata mill-fatt li r-rikorrenti kienet topera titjiriet bi tluq mil-Libanu u mill-Emirati Għarab Magħquda. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda t-titjiriet operati mir-rikorrenti fuq ir-rotta tal-ajru bejn Istanbul u Minsk, il-Kunsill indika li l-imsemmija evalwazzjoni kienet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ rotta tal-ajru bejn Erbil u Istanbul u ta’ sistema mhux trasparenti ta’ bejgħ tal-biljetti tar-rikorrenti.

79      B’dan il-mod, il-Kunsill jammetti impliċitament li l-provi li ġġustifikaw l-adozzjoni tal-atti inizjali kienu saru obsoleti f’dan ir-rigward.

80      Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 77 iktar ’il fuq, il-Kunsill wettaq żball ta’ evalwazzjoni meta, sabiex jiġġustifika l-atti ta’ żamma, uża motivi li ma nbidlux meta mqabbla ma’ dawk li fuqhom huma bbażati l-atti inizjali, motivi li jipprovdu li “[m]igranti li jixtiequ jaqsmu l-fruntiera esterna tal-Unjoni qed itiru lejn Minsk abbord titjiriet operati [mir-rikorrenti] minn għadd ta’ pajjiżi mil-Lvant Nofsani, b’mod partikolari [m]il-Libanu, [mil]l-Emirati Għarab Magħquda u [mi]t-Turkija”.

81      Fit-tieni lok, fir-rigward tat-titjiriet operati mir-rikorrenti fuq ir-rotta tal-ajru bejn Istanbul u Minsk, il-Kunsill, waqt is-seduta, invoka informazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet “flightradar24.com” li għaliha huwa kiseb aċċess fit‑23 ta’ Novembru 2022.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-informazzjoni ppubblikata fuq is-sit internet “flightradar24.com” bl-ebda mod ma tirreferi għall-allegata sistema mhux trasparenti ta’ distribuzzjoni tal-biljetti tar-rikorrenti msemmija mill-Kunsill. Barra minn hekk, l-imsemmija informazzjoni l-iktar tistabbilixxi li kien hemm rotta tal-ajru bejn Erbil u Istanbul u li r-rikorrenti kompliet topera titjiriet fuq ir-rotta tal-ajru bejn Istanbul u Minsk. Issa, dan is-sempliċi fatt ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li r-rikorrenti kienet involuta f’attivitajiet ta’ trasport ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jista’ jkollhom l-intenzjoni li jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni, peress li l-Kunsill jammetti, barra minn hekk, li, mix-xahar ta’ Ottubru 2021, il-kumpanniji tal-ajru li joperaw titjiriet mit-Turkija kienu pprojbiti milli jittrasportaw, b’destinazzjoni lejn Minsk, liċ-ċittadini ta’ ċerti pajjiżi terzi tal-Lvant Nofsani u tal-Asja.

83      Għaldaqstant, il-Kunsill ma pproduċiex il-prova b’mod suffiċjenti fid-dritt li, fil-jum tal-adozzjoni tal-atti ta’ żamma, ir-rikorrenti kienet għadha involuta fl-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni minħabba t-titjiriet li hija kienet topera fuq ir-rotta tal-ajru bejn Istanbul u Minsk.

84      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-motiv li jgħid li r-rikorrenti tikkontribwixxi għall-attivitajiet tar-reġim ta’ Lukashenka intiżi li jiffaċilitaw il-qsim illegali tal-fruntieri esterni tal-Unjoni huwa vvizzjat bi żball ta’ evalwazzjoni.

 Fuq levalwazzjoni li tgħid li rrikorrenti tibbenefika mirreġim ta’ Lukashenka

85      Mill-ewwel u mit-tielet paragrafu tal-motivi tal-atti ta’ żamma jirriżulta li r-rikorrenti hija l-kumpannija tal-ajru nazzjonali tal-Istat, li l-President Lukashenka wiegħed li l-amministrazzjoni tiegħu ser tagħti l-appoġġ kollu possibbli lir-rikorrenti wara li l-Unjoni ddeċidiet li ddaħħal projbizzjoni fuq it-titjir li jgħaddi minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-Unjoni u fuq l-aċċess għall-ajruporti tal-Unjoni mit-trasportaturi tal-ajru Bjelorussi kollha, u li, għal dan il-għan, huwa qabel mal-President Russu Vladimir Putin dwar l-ippjanar tal-ftuħ ta’ rotot ġodda tal-linji tal-ajru għar-rikorrenti u li r-rikorrenti għalhekk tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka.

86      Dawn il-motivi huma bbażati fuq il-kriterju tal-“profitt” miksub mir-reġim ta’ Lukashenka, stabbilit fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni 2012/642, dispożizzjoni li għaliha jagħmel riferiment l-Artikolu 2(5) tar-Regolament Nru 765/2006, fejn għandu jiġi ppreċiżat li mill-Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni 2012/642 jirriżulta li l-imsemmi kriterju ta’ inklużjoni huwa differenti minn dak tal-“appoġġ” lir-reġim ta’ Lukashenka. (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2017, BelTechExport vs Il‑Kunsill, T‑765/15, mhux ippubblikata, EU:T:2017:669, punt 92; tat‑18 ta’ Ottubru 2023, MAZ-upravljajusaja kompanija holdinga Belavtomaz vs Il‑Kunsill, T‑532/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:656, punt 44, u tat‑18 ta’ Ottubru 2023, Belaz-upravljajusaja kompanija holdinga Belaz Holding vs Il‑Kunsill, T‑533/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:657, punt 40).

87      Insostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, il-Kunsill, fir-risposta u fil-kontroreplika, jibbaża ruħu fuq id-dokumenti li ġejjin:

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “belta.by” fl‑1 ta’ Ġunju 2021 li minnu jirriżulta li, fl-istess jum, fil-kuntest ta’ laqgħa dwar il-kooperazzjoni mar-Russja, il-President Lukashenka ddeplora l-fatt li l-“Punent” kien “stabbilixxa rabta bejn [ir-rikorrenti] u [...] inċident”, iddikjara li l-Istat tal-Bjelorussja ser jagħti l-appoġġ kollu possibbli lir-rikorrenti u indika li r-Repubblika tal-Bjelorussja u l-Federazzjoni Russa pprevedew il-ftuħ ta’ linji tal-ajru ġodda lejn diversi bliet tar-Russja għall-benefiċċju tar-rikorrenti;

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “tass.com” fl‑1 ta’ Ġunju 2021 li minnu jirriżulta li, skont informazzjoni rrapportata mix-xandar “SB Belarus Today”, il-Presidenti tar-Repubblika tal-Bjelorussja u tal-Federazzjoni Russa inkarigaw lill-ministri għat-trasport rispettivi tagħhom sabiex jiddeterminaw f’liema bliet Russi għandha tkun tista’ topera r-rikorrenti.

88      Mill-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “belta.by” u mill-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “tass.com” jirriżulta li, skont il-President Lukashenka, “[h]uwa importanti ħafna għalina li nipprovdu xogħol lill-piloti tagħna u li nużaw l-ajruplani li tant batejna biex niksbu, fi żminijiet diffiċli”, “[a]ħna wettaqna tiġdid maġġuri tal-flotta tal-ajru”, “[i]l-piloti tagħna huma kompetenti”, “jiena wegħedt li mhux ser nabbandunaw [lir-rikorrenti]” u “[a]ħna ser insostnu din l-impriża irrispettivament mill-ispiża, dan huwa importanti għall-unur tagħna”.

89      Ċertament, l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “belta.by” u l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “tass.com” ma jsemmux espressament li, kif isostni l-Kunsill fil-motivi kontenzjużi, id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni tal-President Lukashenka saru b’reazzjoni għad-deċiżjoni tal-Unjoni li tistabbilixxi projbizzjoni ta’ titjir fuq l-ispazju tal-ajru tagħha u ta’ aċċess għall-ajruporti fit-territorju tagħha għat-trasportaturi tal-ajru Bjelorussi kollha. Madankollu, kif enfasizza l-Kunsill waqt is-seduta, mingħajr ma ġie kkontradett mir-rikorrenti, ir-riferiment, fl-ewwel artikolu, għad-dikjarazzjoni li l-“Punent” “stabbilixxa rabta bejn [ir-rikorrenti] u [...] inċident” għandu jinftiehem bħala li jirreferi għall-fatt li, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/908 tal‑4 ta’ Ġunju 2021 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK (ĠU 2021, L 197 I, p. 3), l-Unjoni, b’reazzjoni għall-inżul furzat ta’ titjira Ryanair f’Minsk, fil-Bjelorussja, fit‑23 ta’ Mejju 2021, ħadet miżura li permezz tagħha l-Istati Membri jiċħdu l-permess, lil kwalunkwe ajruplan operat minn trasportaturi tal-ajru Bjelorussi, li jinżlu fit-territorju tagħhom, li jitilqu mit-territorju tagħhom jew li jtiru fuq it-territorju tagħhom.

90      Ir-rikorrenti tirrikonoxxi, minn naħa, li hija kumpannija tal-ajru proprjetà tal-Istat tal-Bjelorussja u, min-naħa l-oħra, l-eżistenza tad-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-President Lukashenka msemmija fil-punti 88 u 89 iktar ’il fuq. Hija lanqas ma tikkontesta l-fatt li l-Presidenti tar-Repubblika tal-Bjelorussja u tal-Federazzjoni Russa inkarigaw lill-ministri tat-trasport rispettivi tagħhom sabiex jiddeterminaw f’liema bliet Russi għandha tkun tista’ topera r-rikorrenti. Issa, tali elementi, li jikkonfermaw li l-President Lukashenka jagħti appoġġ speċifiku lir-rikorrenti, kumpannija tal-ajru nazzjonali tal-Istat, ma jistgħux jiġu injorati fl-evalwazzjoni globali tad-diversi elementi rilevanti li jiġġustifikaw il-fatt li r-rikorrenti titqies li hija entità li tibbenefika mir-reġim tal-President Lukashenka (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2023, Dana Astra vs Il‑Kunsill, T‑239/21, mhux ippubblikata, EU:T:2023:364, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

91      Madankollu, ir-rikorrenti ssostni li d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-President Lukashenka msemmija fil-punti 88 u 89 iktar ’il fuq ma kellhom, fir-rigward tagħha, ebda konsegwenza kummerċjali jew finanzjarja, b’mod partikolari għaliex wara l-imsemmija laqgħa hija ma ngħatat l-ebda rotta tal-ajru ġdida lejn ir-Russja. Rotta tal-ajru ġdida waħda biss, jiġifieri dik bejn Minsk u Oufa (ir-Russja), infetħet wara li l-Unjoni imponiet restrizzjonijiet fuq it-titjiriet fir-rebbiegħa tas-sena 2021 u dan il-ftuħ ġie deċiż u mħabbar qabel il-laqgħa bejn il-President Lukashenka u l-President tal-Federazzjoni Russa.

92      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-osservazzjonijiet dwar in-nota ta’ adattament, il-Kunsill jagħmel riferiment għal ċerti dokumenti inklużi fil-fajl tiegħu waqt l-adozzjoni tal-atti ta’ żamma, b’mod partikolari:

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “neg.by” fl‑10 ta’ Awwissu 2022 li minnu jirriżulta li r-rikorrenti żiedet in-numru ta’ titjiriet bi tluq minn Minsk b’destinazzjoni lejn ċerti bliet tar-Russja, b’mod partikolari permezz tas-servizz tal-ajruport ta’ Vnoukovo, li jinsab f’Moska (ir-Russja);

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “mir24.tv” fil‑15 ta’ Lulju 2022, li juri li r-rikorrenti fetħet rotta bl-ajru bejn Minsk u l-ajruport ta’ Vnoukovo;

–        artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “eng.belta.by” fil‑15 ta’ Lulju 2022 li minnu jirriżulta li r-rikorrenti, minn din l-istess data, stabbilixxiet mill-ġdid titjiriet regolari fuq ir-rotta tal-ajru bejn Minsk u l-ajruport ta’ Vnoukovo;

–        artikolu ppubblikat fuq is-sit internet “sb.by” fil‑5 ta’ Novembru 2022 li jirrapporta li r-Repubblika tal-Bjelorussja u l-Federazzjoni Russa żviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom fil-qasam tal-avjazzjoni ċivili wara l-miżuri meħuda mill-Unjoni sabiex tagħlaq l-ispazju tal-ajru tagħha, li, f’dan il-kuntest, il-kumpanniji tal-ajru Bjelorussi “iddirezzjonaw mill-ġdid l-attivitajiet tagħhom lejn il-Lvant u n-Nofsinhar”, b’mod partikolari r-rikorrenti li issa kienet topera titjiriet regolari lejn ċerti pajjiżi, inkluża r-Russja, u li “t-trasportaturi tal-ajru tar-Russja u tal-Bjelorussja jiftħu regolarment rotot tal-ajru internazzjonali u nazzjonali ġodda u jiżviluppaw il-kooperazzjoni tagħhom”.

93      L-ewwel nett, l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “mir24.tv” kif ukoll l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “eng.belta.by” jaqblu dwar il-fatt li r-rikorrenti bdiet topera titjiriet lejn l-ajruport ta’ Vnoukovo mill‑15 ta’ Lulju 2022. Dawn l-elementi jikkontradixxu l-allegazzjonijiet tar-rikorrenti li tgħid li r-rotta tal-ajru bejn Minsk u Oufa kienet l-unika waħda li nfetħet lejn ir-Russja wara li l-Unjoni ddeċidiet li tipprojbixxi l-ispazju tal-ajru tagħha.

94      Ċertament, ir-rikorrenti sostniet li ddeċidiet li topera fl-ajruport ta’ Vnoukovo minħabba ż-żieda fin-numru ta’ passiġġieri li xtaqu jmorru Moska u invokat, f’dan is-sens, ittra tal‑5 ta’ Lulju 2021 li permezz tagħha l-operatur tal-imsemmi ajruport stieden lid-Direttur Ġenerali tar-rikorrenti sabiex jiftaħ rotta tal-ajru ġdida minn Minsk.

95      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li l-ittra tal-operatur tal-ajruport ta’ Vnoukovo tal‑5 ta’ Lulju 2021 ma hijiex ċara fir-rigward tal-motivi li wasslu għall-ftuħ tar-rotta tal-ajru lejn l-imsemmi ajruport. Fil-fatt, f’din l-ittra, l-imsemmi operatur isemmi s-“sitwazzjoni ġeopolitika ambigwa” li tista’, fil-fehma tiegħu, tillimita l-attivitajiet tar-rikorrenti, iżda wkoll tippermetti żieda sinjifikattiva fin-numru ta’ passiġġieri fuq ir-rotta tal-ajru bejn Minsk u Moska.

96      Min-naħa l-oħra, peress li l-ittra tal-operatur tal-ajruport ta’ Vnoukovo ntbgħatet lir-rikorrenti madwar xahar wara d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-President Lukashenka li jħabbru li l-Istat tal-Bjelorussja ser jagħti l-appoġġ kollu possibbli lir-rikorrenti, il-Qorti Ġenerali tqis li tali viċinanza f’termini ta’ żmien tikkonferma t-teżi tal-Kunsill li l-ftuħ ta’ rotta tal-ajru lejn l-ajruport ta’ Vnoukovo, li seħħ fil‑15 ta’ Lulju 2022, huwa kontinwazzjoni tal-imsemmija dikjarazzjonijiet u li, għaldaqstant, il-wegħda tal-President Lukashenka li jsostni lir-rikorrenti ġiet effettivament implimentata. L-argument tar-rikorrenti li jgħid li hija kienet diġà operat fl-ajruport ta’ Vnoukovo sal-2011 u li din ma kinitx, fis-sens strett tal-kelma, “rotta ġdida” ma jistax jikkontradixxi din il-konstatazzjoni. Fil-fatt, il-fatt li r-rikorrenti ma operatx ir-rotta tal-ajru bejn Minsk u l-ajruport ta’ Vnoukovo mill-2011, iżda li hija bdiet tagħmel dan wara invit irċevut ftit wara d-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-President Lukashenka msemmija iktar ’il fuq huwa pjuttost ta’ natura li jikkorrobora l-allegazzjonijiet tal-Kunsill.

97      Minn dan isegwi li l-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex biżżejjed sabiex jikkonfutaw il-provi mressqa mill-Kunsill.

98      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “neg.by” kif ukoll l-artiklu ppubblikat fuq is-sit internet “sb.by” jindikaw li n-numru ta’ titjiriet operati mir-rikorrenti b’destinazzjoni lejn ir-Russja żdied u li, b’effett mill-għeluq tal-ispazju tal-ajru tal-Unjoni għall-ajruplani tar-Repubblika tal-Bjelorussja u tal-Federazzjoni Russa, ġiet stabbilita kooperazzjoni stretta bejn l-operaturi Bjelorussi u dawk Russi attivi fis-settur tat-trasport bl-ajru.

99      Għaldaqstant, il-provi invokati mill-Kunsill jikkostitwixxu sensiela ta’ indizji suffiċjentement konkreti, preċiżi u konkordanti sabiex jiġi stabbilit li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, hija kisbet benefiċċju konkret mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-President Lukashenka li jħabbru li l-Istat tal-Bjelorussja ser jagħtiha l-appoġġ kollu possibbli.

100    Minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kunsill ma wettaqx żball ta’ evalwazzjoni meta qies li r-rikorrenti hija l-kumpannija tal-ajru nazzjonali tal-Istat, li l-President Lukashenka wiegħed li l-amministrazzjoni tiegħu ser tagħti l-appoġġ kollu possibbli lir-rikorrenti wara li l-Unjoni ddeċidiet li ddaħħal projbizzjoni fuq it-titjir li jgħaddi minn fuq l-ispazju tal-ajru tal-Unjoni u fuq l-aċċess għall-ajruporti tal-Unjoni mit-trasportaturi tal-ajru Bjelorussi kollha, u li, għal dan il-għan, huwa qabel mal-President Russu Vladimir Putin dwar l-ippjanar tal-ftuħ ta’ rotot ġodda tal-linji tal-ajru għar-rikorrenti.

101    Barra minn hekk, peress li l-Kunsill ipproduċa l-prova li r-rikorrenti bbenefikat b’mod konkret mid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-President Lukashenka li jħabbru li l-Istat tal-Bjelorussja ser jagħtiha l-appoġġ kollu possibbli, huwa inutli li hija ssostni li l-imsemmija dikjarazzjonijiet ma jippermettux li jiġi stabbilit li hija tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka fis-sens tal-kriterju previst fl-Artikolu 4(1)(b) tad-Deċiżjoni 2012/642.

102    Barra minn hekk, il-motivi li jgħidu li r-rikorrenti tibbenefika mir-reġim ta’ Lukashenka, li huma suffiċjentement preċiżi u konkreti u li ma humiex mittiefsa minn żball ta’ evalwazzjoni tal-fatti jew minn żball ta’ liġi, jikkostitwixxu fihom innifishom bażi suffiċjenti sabiex iż-żamma ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi tkun iġġustifikata.

103    Għaldaqstant, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-motiv uniku għandu jiġi miċħud bħala infondat, mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti kontra l-motivi tal-atti ta’ żamma li minnhom jirriżulta li hija tappoġġja r-reġim ta’ Lukashenka, peress li l-fatt li dawn ma humiex sostnuti ma jistax iwassal għall-annullament ta’ dawn l-istess atti.

104    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, hemm lok li t-talba għall-annullament parzjali tal-atti ta’ żamma tiġi miċħuda u, għaldaqstant, hemm lok li dan ir-rikors jiġi miċħud fit-totalità tiegħu bħala infondat.

 Fuq lispejjeż

105    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kunsill, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Belavia – Belarusian Airlines AAT hija kkundannata għall-ispejjeż, inklużi dawk relatati mal-proċeduri għal miżuri proviżorji.

Truchot

Kanninen

Frendo

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑28 ta’ Mejju 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.