Language of document : ECLI:EU:T:2011:234

Kawża T-226/10

Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Rikors għal annullament — Rappreżentanza minn avukati li ma għandhomx il-kwalità ta’ terzi — Inammissibbiltà”

Sommarju tad-digriet

Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Kundizzjonijiet li jirrigwardaw il-firmatarju — Kwalità ta’ terz fir-rigward tal-partijiet

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43(1))

Mill-ewwel, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta, u b’mod partikolari mill-użu tal-kelma “rappreżentati” fl-imsemmi tielet paragrafu tal-Artikolu 19, li sabiex tressaq każ quddiem il-Qorti Ġenerali, “parti”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ma hijiex awtorizzata taġixxi hi stess, iżda għandha tirrikorri għas-servizzi ta’ terzi li għandhom ikunu awtorizzati jidhru quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat parti għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea. Din il-ħtieġa li jintużaw terzi tikkorrispondi għall-kunċett tar-rwol tal-avukat li jgħid li dan huwa kkunsidrat bħala kollaboratur tal-ġustizzja u huwa mitlub jipprovdi, fl-indipendenza kollha u fl-interess superjuri tagħha, l-assistenza legali li l-klijent ikollu bżonn.

F’dawn il-kundizzjonijiet, eventwali obbligi ta’ indipendenza li jirriżultaw mir-regoli professjonali ma humiex ta’ natura, minnhom infushom, li juru li persuni marbutin mar-rikorrent permezz ta’ rabta ta’ impjieg għandhom id-dritt li jirrappreżentawh quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, il-kunċett ta’ indipendenza tal-avukat huwa ddefinit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ riferiment għad-dixxiplina professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri permezz tan-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg. Minn dan isegwi li l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni fi ħdan awtorità, filwaqt li l-funzjoni esklużiva hija l-assistenza lir-rikorrent, timplika grad ta’ indipendenza inqas minn dak li għandu konsulent legali jew avukat li jeżerċita l-attività tiegħu f’uffiċċju estern fir-rigward tal-klijent tiegħu.

(ara l-punti 12, 14-18, 21, 25)