Language of document : ECLI:EU:T:2011:234

DIGRIET TAL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

23 ta’ Mejju 2011(*)

“Rikors għal annullament – Rappreżentanza minn avukati li ma għandhomx il-kwalità ta’ terzi – Inammissibbiltà ”

Fil-Kawża T‑226/10,

Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej, stabbilit f’Varsavja (il-Polonja), irrappreżentat minn H. Gruszecka u D. Pawłowska, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Braun u K. Mojzesowicz, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 1234 tat-3 ta’ Marzu 2010, adottata skont l-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 29, p. 349), li jordna lill-awtorità regolatorja Pollakka fil-qasam tas-servizzi tal-komunikazzjonijiet elettroniċi u tas-servizzi postali li jirtiraw żewġ abbozzi ta’ miżuri nnotifikati dwar is-suq nazzjonali bl-ingrossa tal-iskambju ta’ traffiku IP (tranżitu IP) (kawża PL/2009/1019) u s-suq bl-ingrossa ta’ peering IP man-netwerk ta’ Telekomunikacja Polska S.A. (TP) (kawża PL/2009/1020),

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla),

komposta minn A. Dittrich, President, I. Wiszniewska-Białecka u M. Prek (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti u l-proċedura

1        Dan ir-rikors ġie ppreżentat fl-14 ta’ Mejju 2010 f’isem ir-rikorrent, il-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej (president tal-uffiċċju tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, fejn iktar ’il quddiem l-uffiċju tal-komunikazzjonijiet elettrononiċi se jissejjaħ l-“UKE”) minn H. Gruszecka u D. Pawłowska.

2        Permezz ta’ ittra lir-reġistru tas-16 ta’ Novembru 2010, ir-rikorrent ġie mistieden jippreċiża jekk l-avukati li ffirmaw ir-rikors f’ismu kinux, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, marbuta miegħu permezz ta’ rapport ta’ impjieg. Il-partijiet ġew mistiedna wkoll jagħtu l-opinjoni tagħhom dwar ir-regolarità formali tar-rikors fir-rigward tat-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 ta’ dan l-istess statut, tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali kif ukoll id-digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il-Kummissjoni (C‑74/10 P u C‑75/10 P, li ma huwiex ippubblikat fil-Ġabra), fl-eventwalità fejn l-avukati li jkunu ffirmaw ir-rikors f’isem ir-rikorrent ikunu, fil-mument tal-preżentata tar-rikors, marbuta miegħu permezz ta’ rapport ta’ impjieg.

3        Ir-rikorrent u l-Kummissjoni Ewropea ssottomettew l-osservazzjonijiet tagħhom fit-terminu stabbilit.

4        Peress li l-kompożizzjoni tal-awli nbidlet, din il-kawża ġiet assenjata lis-Seba’ Awla.

 It-talbiet tal-partijiet

5        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

6        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġoba:

–        tiċħad ir-rikors bħala parzjalment inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, fl-intier tiegħu minħabba li infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fuq l-ammissibbiltà

7        Skont l-Artikolu 113 tar-Regoli tal-Proċedura, il-Qorti Ġenerali tista’ f’kull waqt, ex officio, wara li jkunu nstemgħu l-partijiet, tiddeċiedi dwar l-inammissibbiltà għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku. Din id-deċiżjoni għandha tittieħed fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 114(3) u (4) tal-istess regolament.

8        Skont l-Artikolu 114(3) tar-Regoli tal-Proċedura, il-proċedura għandha tkompli oralment sakemm il-Qorti Ġenerali ma tiddeċidix mod ieħor. F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali tqis li l-fajl huwa ċar biżżejjed u tiddeċiedi li ma hemmx lok li tinbeda l-proċedura orali.

 L-argumenti tal-partijiet

9        Fit-tweġiba tiegħu għall-mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li, għalkemm ir-rikors ġie ppreżentat effettivament minn konsulenti legali li jinsabu f’relazzjoni ta’ impjieg mal-UKE, madankollu huma indipendenti mir-rikorrent. Insostenn ta’ din l-allegazzjoni, huwa jsostni, l-ewwel nett, li, skont il-leġiżlazzjoni Pollakka, huwa d-direttur ġenerali tal-UKE u mhux il-president tiegħu li huwa kompetenti f’dak li jikkonċerna l-istabbilment, it-tul u ż-żamma tar-relazzjoni ta’ impjieg tagħhom, it-tieni nett, li l-konsulenti legali jaqgħu taħt kategorija ta’ karigi indipendenti direttament suġġetti għad-direttur ġenerali tal-UKE, it-tielet nett li, skont il-leġiżlazzjoni dwar il-konsulenti legali, konsulent legali li jeżerċita l-professjoni tiegħu fil-kuntest ta’ relazzjoni ta’ impjieg jokkupa kariga awtonoma li tkun tiddependi direttament mid-direttur tal-entità organizzattiva. Ir-rikorrent jenfasizza wkoll li l-indipendenza professjonali hija wieħed mill-aspetti fundamentali tal-professjoni ta’ konsulent legali. Għalhekk, konsulent legali impjegat fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ xogħol imkien ma huwa marbut b’istruzzjonijiet ġerarkiċi.

10      Fit-tieni lok u konsegwentement, ir-rikorrent iqis li ma hemmx lok li tingħata tweġiba għat-tieni mistoqsija tal-Qorti Ġenerali. Sussidjarjament, huwa jsostni li ċ-ċirkustanzi fattwali li wasslu għad-digriet EREF vs Il-Kummissjoni, punt 2 iktar ’il fuq, u għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Settembru 2010, Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), huma dijametralment opposti għall-każ inkwistjoni. F’dan ir-rigward, huwa josserva li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet ibbażat ruħha fuq is-subordinazzjoni ekonomika tal-avukati fir-rigward tal-impriżi li kienu jimpjegawhom kif ukoll fuq l-influwenza ta’ dawn l-avukati, li tirriżulta mill-karigi li kienu jokkupaw, u fuq l-attività u l-istrateġija kummerċjali ta’ min iħaddimhom. Issa, ir-rwol tal-avuktati f’dan il-każ huwa limitat unikament u esklużivament sabiex jipprovdi assistenza legali permezz ta’ rappreżentanza eżerċitata abbażi ta’ mandat ad litem mogħti mir-rikorrent.

11      Il-Kummissjoni tqis li l-eżistenza ta’ rapport ta’ impjieg bejn ir-rikorrent u l-avukati li ppreżentaw ir-rikors timplika li dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali

12      Skont l-ewwel, it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, li japplika għall-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 53 tal-imsemmi Statut:

“L-Istati Membri u l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni ikunu rappreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn aġent maħtur għal kull każ; l-aġent jista’ jkun assistit minn konsulent jew minn avukat.

[…]

Partijiet oħra għandhom ikunu rappreżentati minn avukat

Avukat biss, li jkun awtorizzat sabiex jipprattika quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat ieħor li huwa parti mill-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, jista’ jirrappreżenta jew jassisti parti quddiem il-Qorti.”

13      Kif jirriżulta mill-Artikolu 1(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 77/249/KEE, tat-22 ta’ Marzu 1977, biex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju effettiv tal-libertà biex jiġu pprovduti servizzi minn avukati (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 52) kif emendata bl-Anness II tal-att dwar il-kundizzjonijiet ta’ l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar-Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal-Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar-Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-Trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 948) il-persuni li jistgħu jeżerċitaw l-attivitajiet professjonali tagħhom fil-Polonja taħt it-titolu ta’ konsulent legali (Radca Prawny) jew ta’ avukat (Adwokat) jeżerċitaw attivitajiet ta’ avukat.

14      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta “jitressaq [każ quddiemha] permezz ta’ rikors bil-miktub indirizzat lir-Reġistratur [; i]r-rikors għandu jkun [jinkludi] l-isem u l-indirizz tar-rikorrent u l-kwalità tal-firmatarju [...]”

15      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, “[l-]oriġinali ta’ l-atti tal-proċedura kollha għandhom jiġu ffirmati mill-aġent jew mill-avukat tal-parti”.

16      Skont ġurisprudenza stabbilita, mid-dispożizzjonijiet msemmija fil-punti 12, 14 u 15 iktar ’il fuq, b’mod partikolari l-użu tal-kelma “rappreżentati” fit-tielet paragrafu tal-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tressaq każ quddiem il-Qorti Ġenerali, “parti”, fis-sens ta’ dan l-artikolu, ma hijiex awtorizzata taġixxi hi stess, iżda għandha tirrikorri għas-servizzi ta’ terzi li għandhom ikunu awtorizzati jidhru quddiem qorti ta’ Stat Membru jew ta’ Stat parti għal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) (ara d-digriet tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Novembru 2009, EREF vs Il-Kummissjoni, T‑94/07, ma huwiex ippubblikat fil-Ġabra, punt 14, u l-ġurisprudenza ċċitata).

17      Din il-ħtieġa li jintużaw terzi tikkorrispondi għall-kunċett tar-rwol tal-avukat li jgħid li dan huwa kkunsidrat bħala kollaboratur tal-ġustizzja u huwa mitlub jipprovdi, fl-indipendenza kollha u fl-interess superjuri tagħha, l-assistenza legali li l-klijent ikollu bżonn. Dan il-kunċett jirrispondi għat-tradizzjonijiet legali komuni fl-Istati Membri u jinsab ukoll fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, kif jirriżulta, preċiżament, mill-Artikolu 19 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja (digriet tad-19 ta’ Novembru 2009, EREF vs Il-Kummissjoni, punt 16 iktar ’il fuq, punt 15).

18      F’dan il-każ, jaqbel l-ewwel nett li jiġi enfasizzat li r-riferiment li sar mir-rikorrent għall-obbligi ta’ indipendenza li jirriżultaw mir-regoli professjonali li jirregolaw il-professjoni ta’ konsulent legali, ma huwiex ta’ natura, minnu nnifsu, li juri li H. Gruszecka u D. Pawłowska kellhom id-dritt li jirrappreżentawh quddiem il-Qorti Ġenerali. Fil-fatt, il-kunċett ta’ indipendenza tal-avukat huwa ddefinit mhux biss b’mod pożittiv, jiġifieri permezz ta’ riferiment għad-dixxiplina professjonali, iżda wkoll b’mod negattiv, jiġifieri permezz tan-nuqqas ta’ relazzjoni ta’ impjieg (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et, punt 10 iktar ’il fuq, punti 44 u 45, u d-digriet tad-29 ta’ Settembru 2010, EREF vs Il-Kummissjoni, punt 2 iktar ’il fuq, punt 53).

19      Sussegwentement, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent jammetti li H. Gruszecka u D. Pawłowska huma marbutin b’relazzjoni ta’ impjieg mal-UKE. Huwa jindika, f’dan ir-rigward, li d-direttur ġenerali tal-UKE jiddeċiedi dwar “li jiġu impjegati, il-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom u dwar it-tmiem tar-relazzjonijiet ta’ impjieg tagħhom”.

20      Fl-aħħar nett, dejjem skont ir-rikorrent, l-UKE għandu l-missjoni li jservi l-president tiegħu fil-missjonijiet legali fdati lilu.

21      Għaldaqstant, anki fl-ipoteżi li tista’ ssir distinzjoni netta bejn il-president tal-UKE u l-UKE u li ma teżistix formalment relazzjoni ta’ impjieg bejn ir-rikorrent u l-konsulenti legali tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li l-eżiġenzi meħtieġa mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 16 u 17 iktar ’il fuq ma humiex sodisfatti f’dan il-każ. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ rabta ta’ subordinazzjoni fi ħdan l-UKE – anki jekk fil-konfronti tad-direttur ġenerali tiegħu biss –, filwaqt li l-funzjoni esklużiva hija l-assistenza lir-rikorrent, timplika grad ta’ indipendenza inqas minn dik li għandu konsulent legali jew avukat li jeżerċita l-attività tiegħu f’uffiċċju estern fir-rigward tal-klijent tiegħu.

22      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata permezz tar-rinviji li saru mir-rikorrent għal-leġiżlazzjoni Pollakka li tirregola l-professjoni ta’ konsulent legali. Kif ġie enfasizzat fil-punt 18 iktar ’il fuq, id-dixxiplina professjonali ma hijiex, fiha nfisha, ta’ natura li turi li din l-eżiġenza ta’ indipendenza hija sodisfatta. Barra minn hekk, skont id-dispożizzjonijiet li jikkonċernaw ir-rappreżentanza tal-partijiet mhux privileġġati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom jiġu interpretati, sa fejn huwa possibbli, b’mod awtonomu, mingħajr riferiment għad-dritt nazzjonali (digriet tad-19 ta’ Novembru 2009, EREF vs Il-Kummissjoni, punt 16 iktar ’il fuq, punt 16).

23      Minn dak kollu li jippreċedi jirriżulta li r-relazzjoni ta’ impjieg li torbot lil H. Gruszecka u D. Pawłowska mal-UKE ma hijiex kompatibbli mar-rappreżentanza tar-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali.

24      Minn dan isegwi li peress li r-rikors promotur kien ġie ffirmat minn H. Gruszecka u D. Pawłowska, dan ir-rikors ma ġiex ippreżentat skont it-tielet u r-raba’ paragrafi tal-Artikolu 19, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 43(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

25      Konsegwentement, ir-rikors għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli.

 Fuq l-ispejjeż

26      Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress illi r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Is-Seba’ Awla)

tordna:

1)      Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli.

2)      Il-Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Il-Lussemburgu, 23 ta’ Mejju 2011.

E. Coulon

 

      A. Dittrich

Reġistratur

 

      President


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.