Language of document : ECLI:EU:T:2012:300

Kawża T-338/08

Stichting Natuur en Milieu u

Pesticide Action Network Europe

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Ambjent — Regolament (KE) Nru 1367/2006 — Limiti massimi applikabbli għar-residwi ta’ pestiċidi — Talba għal eżami mill-ġdid intern — Rifjut — Miżura ta’ portata individwali — Validità — Konvenzjoni ta’ Aarhus”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni — Talbiet intiżi li tinkiseb ordni indirizzata lil istituzzjoni — Inammissibbiltà

(Artikoli 263 TFUE u 266 TFUE)

2.      Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Preżentata ta’ nota kumplimentari għar-rikors — Ammissibbiltà — Kundizzjonijiet

3.      Atti tal-istituzzjonijiet — Regolament tal-Kummissjoni li jiffissa l-limiti massimi applikabbli għar-residwi ta’ pestiċidi — Att ta’ portata ġenerali — Assenza ta’ att amministrattiv li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern bis-saħħa tar-Regolament Nru 1367/2006

(Regolamenti tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 396/2005 u Nru 1367/2006, Artikoli 2(1)(g) u 10(1); Regolament tal-Kummissjoni Nru 149/2008)

4.      Ftehim internazzjonali — Ftehim tal-Unjoni — Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus) — Effetti — Supremazija fuq l-atti ta’ dritt sekondarju tal-Unjoni — Evalwazzjoni, fid-dawl ta’ din il-konvenzjoni, tal-validità ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 — Kundizzjonijiet

(Artikolu 300(7) KE; Konvenzjoni ta’ Aarhus; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006)

5.      Ftehim internazzjonali — Ftehim tal-Unjoni — Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus) — Kunċett ta’ korpi jew istituzzjonijiet li jaġixxu fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi

(Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikolu 2(2))

6.      Ftehim internazzjonali — Ftehim tal-Unjoni — Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta’ Aarhus) — Limitazzjoni permezz ta’ dispożizzjoni tar-Regolament Nru 1367/2006 tal-possibbiltà ta’ eżami mill-ġdid biss għall-atti ta’ portata individwali — Invalidità fid-dawl tal-konvenzjoni

(Konvenzjoni ta’ Aarhus, Artikolu 9(3); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 1367/2006, Artikoli 2(1)(g) u 10(1))

1.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 14)

2.      Peress li l-Komunità hija komunità tad-dritt fejn l-istituzzjonijiet huma suġġetti għall-istħarriġ tal-konformità tal-atti tagħhom mat-Trattat, il-metodi proċedurali applikabbli għar-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti Komunitarja għandhom jiġu interpretati, sa fejn possibbli, b’tali mod li dawn il-metodi jkunu jistgħu jingħataw applikazzjoni li tikkontribwixxi għall-implementazzjoni tal-għan li tiġi żgurata protezzjoni ġudizzjarja effettiva tad-drittijiet li l-individwi jiksbu mid-dritt Komunitarju.

Għaldaqstant, is-sempliċi fatt li la l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas ir-Regoli tal-Proċedura ma jipprovdu, b’mod espliċitu, għall-possibbiltà li jiġu ppreżentati sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors wara li jiġi ppreżentat l-imsemmi rikors ma jistax jiġi interpretat fis-sens li tali possibbiltà hija eskluża sakemm dawn is-sottomissjonijiet kumplimentari għar-rikors jiġu ppreżentati qabel l-iskadenza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors.

(ara l-punti 20, 21)

3.      Sabiex tiġi stabbilita l-portata ta’ att, il-Qorti tal-Unjoni ma tistax tissodisfa ruħha biss bid-denominazzjoni uffiċjali tal-att, iżda għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fl-ewwel lok, l-għan u l-kontenut tiegħu.

Miżura titqies li għandha portata ġenerali sa fejn tkun applikabbli għal sitwazzjonijiet determinati b’mod oġġettiv u jkollha effetti ġuridiċi fir-rigward tal-kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt.

Fid-dawl tal-għan u tal-kontenut tiegħu, ir-Regolament Nru 149/2008, li jemenda r-Regolament Nru 396/2005 sabiex iżid fih l-Annessi II, III u IV li jistipulaw il-livelli massimi applikabbli għar-residwi tal-prodotti koperti mill-Anness I tiegħu, japplika għal sitwazzjonijiet determinati b’mod oġġettiv u jimplika effetti legali fir-rigward ta’ kategoriji ta’ persuni previsti b’mod ġenerali u astratt, jiġifieri l-operaturi ekonomiċi li jimmanifatturaw, ikabbru, jimportaw jew jipproduċu, prodotti koperti mill-annessi tar-Regolament Nru 396/2005 kif ukoll il-proprjetarji ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li fihom sustanzi msemmija f’dawn l-annessi.

Għaldaqstant, ir-Regolament Nru 149/2008 jikkostitwixxi miżura ta’ portata ġenerali u ma jistax jitqies li huwa att amministrattiv skont l-Artikolu 2(1)(g) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità Ewropea tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba għal eżami mill-ġdid intern bis-saħħa tal-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006.

(ara l-punti 29, 30, 38, 39, 48)

4.      L-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma marbuta bil-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, li tgawdi mis-supremazija fuq l-atti Komunitarji sekondarji. Għalhekk, il-validità tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità Ewropea tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, tista’ tiġi affettwata mill-fatt li l-imsemmi att huwa inkompatibbli ma’ din il-konvenzjoni.

Fil-każ li l-Komunità kellha l-intenzjoni li teżegwixxi obbligu partikolari li ttieħed fil-kuntest ta’ ftehim internazzjonali jew fil-każ fejn l-att jirreferi b’mod espliċitu għal dispożizzjonijiet preċiżi ta’ dan il-ftehim, hija l-Qorti tal-Unjoni li għandha tistħarreġ il-legalità tal-att inkwistjoni fid-dawl tar-regoli ta’ dan il-ftehim.

Għalhekk, il-Qorti tal-Unjoni għandha tkun tista’ tistħarreġ il-legalità ta’ regolament fid-dawl ta’ trattat internazzjonali, mingħajr ma tivverifika minn qabel jekk in-natura u l-istruttura ta’ trattat internazzjonali jmorrux kontrihom u jekk id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-trattat jidhrux, mill-perspettiva tal kontenut tagħhom, inkundizzjonali u suffiċjentement preċiżi, meta dan ir-regolament ikun intiż sabiex jimplementa obbligu impost fuq l-istituzzjonijiet tal-Unjoni minn dan it-trattat internazzjonali.

(ara l-punti 52-54)

5.      L-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni adottati fl-eżerċizzju tas-setgħat leġiżlattivi tagħhom huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus, dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, u tal-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità Ewropea tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus. Madankollu, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma aġixxietx fl-eżerċizzju ta’ setgħat leġiżlattivi meta adottat ir-Regolament Nru 149/2008, li jemenda r-Regolament Nru 396/2005 sabiex iżid fih l-Annessi II, III u IV li jistabbilixxu l-livelli massimi applikabbli għar-residwi tal-prodotti koperti mill-Anness I tiegħu. Fid-dawl tad-dispożizzjonijiet li abbażi tagħhom ġie adottat dan ir-regolament, hija aġixxiet fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ eżekuzzjoni tagħha.

(ara l-punti 62, 65)

6.      L-Artikolu 10(1) tar-Regolament Nru 1367/2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità Ewropea tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni tal-pubbliku fit-teħid ta’ deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali, sa fejn jillimita l-kunċett ta’ atti li jistgħu jiġu kkontestati tal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus biss għall-atti amministrattivi, li huma ddefiniti fl-Artikolu 2(1)(g) tal-istess regolament bħala miżuri ta’ portata individwali, ma huwiex kompatibbli mal-Artikolu 9(3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

(ara l-punt 83)