Language of document : ECLI:EU:C:2018:855

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

24 ta’ Ottubru 2018 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2014/24/UE – Artikolu 57 – Direttiva 2014/25/UE – Artikolu 80 – Għoti ta’ kuntratti pubbliċi – Proċedura – Raġunijiet għall-esklużjoni – Tul massimu tal-perijodu ta’ esklużjoni – Obbligu li l-operatur ekonomiku jikkopera mal-awtorità kontraenti sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu”

Fil-Kawża C-124/17,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Vergabekammer Südbayern (l-Awla tal-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il-Ġermanja), permezz ta’ deċiżjoni tas-7 ta’ Marzu 2017, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu 2017, fil-proċedura

Vossloh Laeis GmbH

vs

Stadtwerke München GmbH,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn T. von Danwitz, President tas-Seba’ Awla, li qed jaġixxi bħala President tar-Raba’ Awla, K. Jürimäe, C. Lycourgos, E. Juhász (Relatur) u C. Vajda, imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: K. Malacek, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-21 ta’ Frar 2018,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal Vossloh Laeis GmbH, minn K. Fischer u H.-J. Hellmann, Rechtsanwälte,

–        għal Stadtwerke München GmbH, minn H. Kern u M. Winstel, Rechtsanwälte,

–        għall-Gvern Ġermaniż, minn T. Henze u D. Klebs, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Elleniku, minn M. Tassopoulou, A. Magrippi, D. Tsagaraki u M. K. Georgiadis bħala aġenti,

–        għall-Gvern Ungeriż, minn M. Z. Fehér, G. Koós u E. Sebestyén, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Pollakk, minn B. Majczyna, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. C. Becker u P. Ondrůšek, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-16 ta’ Mejju 2018,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [l-għoti ta’ kuntratti] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE (ĠU 2014, L 94, p. 243), moqri flimkien mal-Artikolu 57(4), (6) u (7) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE (ĠU 2014, L 94, p. 65).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn Vossloh Laeis GmbH u Stadtwerke München GmbH fir-riġward tal-esklużjoni tagħha mis-sistema ta’ kwalifika implementata minn din l-aħħar kumpannija, fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-qasam tal-provvista ta’ materjal għal linji ferrovjarji.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2014/24

3        Il-premessa 102 tad-Direttiva 2014/24 tipprevedi:

“(102)      Madankollu, trid tingħata xi ftit konċessjoni għall-possibbiltà li l-operaturi ekonomiċi jistgħu jadottaw miżuri ta’ konformità li għandhom l-għan li jirrimedjaw għall-konsegwenzi ta’ kwalunkwe reat kriminali jew kondotta skorretta u li jimpedixxu b’mod effettiv milli jkun hemm iżjed okkorrenzi tal-imġiba ħażina. Dawk il-miżuri jistgħu jikkonsistu b’mod partikolari minn miżuri tal-persunal u organizzattivi bħall-qtugħ tar-rabtiet kollha ma’ persuni jew organizzazzjonijiet involuti fl-imġiba ħażina, miżuri xierqa ta’ riorganizzazzjoni tal-persunal, l-implimentazzjoni ta’ sistemi ta’ rapportar u kontroll, il-ħolqien ta’ struttura ta’ verifika interna għall-monitoraġġ tal-konformità u l-adozzjoni ta’ regoli interni dwar ir-responsabbiltà u l-kumpens. Fejn tali miżuri joffru garanziji suffiċjenti, l-attur ekonomiku inkwistjoni ma għandux jibqa’ jiġi eskluż minħabba dawk ir-raġunijiet waħedhom. L-operaturi ekonomiċi għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li jiġu eżaminati l-miżuri ta’ konformità li ttieħdu bil-ħsieb li jiġu ammessi għall-proċedura ta’ akkwist [għoti ta’ kuntratti]. Madankollu, għandha titħalla f’idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kondizzjonijiet proċedurali u sostantivi eżatti applikabbli f’tali każijiet. Huma għandhom, b’mod partikolari, ikunu liberi li jiddeċiedu jekk jippermettux lill-awtoritajiet kontraenti individwali li jwettqu l-valutazzjonijiet rilevanti jew li jagħtu s-setgħa lil awtoritajiet oħra f’livell ċentrali jew deċentralizzat f’dak il-kompitu.

4        L-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, intitolat “Raġunijiet għall-esklużjoni”, jipprovdi:

“1.      L-awtoritajiet kontraenti għandhom jeskludu operatur ekonomiku milli jipparteċipa fi proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti] fejn ikunu stabbilixxew, permezz ta’ verifika skont l-Artikoli 59, 60 u 61, jew huma b’xi mod ieħor konxji li dak l-operatur ekonomiku kien is-suġġett ta’ kundanna b’sentenza definittiva għal waħda mir-raġunijiet li ġejjin:

[…]

2.      Operatur ekonomiku għandu jiġi eskluż milli jipparteċipa fi proċedura ta’ akkwist [għoti ta’ kuntratti] fejn l-awtorità kontraenti tkun konxja li l-operatur ekonomiku qed jikser l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas ta’ taxxi jew kontribuzzjonijiet ta’ sigurtà soċjali u fejn dan ġie stabbilit b’deċiżjoni ġudizzjarja [li għandha l-awtorità ta’ res judicata] jew amministrattiva li jkollha effett finali u vinkolanti skont id-dispożizzjonijiet legali tal-pajjiż fejn ikun stabbiliti jew skont dawk tal-Istat Membru tal-awtorità kontraenti.

Barra minn hekk, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jintalbu mill-Istati Membri biex jeskludu l-parteċipazzjoni tal-operatur ekonomiku minn proċedura tal-akkwist [għoti ta’ kuntratti] meta l-awtorità kontraenti tista’ turi bi kwalunkwe mezz adegwat li l-operatur ekonomiku qed jikser l-obbligi tiegħu relatati mal-ħlas tat-taxxi jew kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali.

Dan il-paragrafu ma għandux jibqa’ japplika meta operatur ekonomiku jkun issodisfa l-obbligi tiegħu billi ħallas jew daħal fi ftehim vinkolanti bil-ħsieb li jitħallsu t-taxxi jew il-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali debiti, inkluż, fejn applikabbli, kwalunkwe interess akkumulat jew multi

[…]

4.      L-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu jew jistgħu jiġu obbligati minn Stati Membri li jeskludu mill-parteċipazzjoni fi proċedura tal-akkwist kwalunkwe operatur ekonomiku fi kwalunkwe waħda mis-sitwazzjonijiet li ġejjin::

a)      fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat ksur tal-obbligi applikabbli msemmija fl-Artikolu 18(2);

b)      fejn l-operatur ekonomiku jkun fallut jew huwa soġġett għal proċeduri ta’ insolvenza jew stralċ, fejn l-assi tiegħu qed jiġu amministrati minn likwidatur jew mill-qorti, fejn jinsab fi ftehim ma’ kredituri, fejn l-attivitajiet kummerċjali tiegħu huma sospiżi jew qiegħed fi kwalunkwe sitwazzjoni analoga li tirriżulta minn proċedura simili taħt il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali;

c)      fejn l-awtorità kontraenti tista’ turi b’mezz adegwat li l-operatur ekonomiku huwa ħati ta’ kondotta professjonali ħażina serja, li trendi l-integrità tiegħu dubjuża;

d)      fejn l-awtorità kontraenti ikollha indikazzjonijiet plawsibbli biżżejjed biex tikkonkludi li l-operatur ekonomiku ikun daħal f’akkordji ma’ operaturi ekonomiċi oħrajn li għandhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni;

e)      fejn konflitt ta’ interess skont it-tifsira tal-Artikolu 24 ma jistax jiġi rimedjat b’mod effettiv minn miżuri oħrajn inqas intrużivi;

f)      fejn id-distorsjoni ta’ kompetizzjoni minħabba l-involviment ta’ qabel tal-operaturi ekonomiċi fit-tħejjija tal-proċedura tal-akkwist, kif imsemmi fl-Artikolu 41, ma tistax tiġi rimedjata minn miżuri oħrajn inqas intrużivi;

g)      fejn l-operatur ekonomiku jkun wera nuqqasijiet sinifikanti jew persistenti fit-twettiq ta’ rekwiżit sostantiv taħt kuntratt pubbliku preċedenti, kuntratt preċedenti ma’ entità kontraenti jew kuntratt ta’ konċessjoni preċedenti li wassal għat-terminazzjoni antiċipata ta’ dan il-kuntratt preċedenti, penali jew sanzjonijiet komparabbli;

h)      fejn l-operatur ekonomiku kien ħati ta’ rappreżentazzjoni qarrieqa serja fl-għoti tal-informazzjoni rikjesta għall-verifika tan-nuqqas ta’ raġunijiet għall-esklużjoni jew l-issodisfar tal-kriterji ta’ għażla, ikun żamm mistura tali informazzjoni jew ma jistax jissottometti id-dokumenti ta’ sostenn meħtieġa skont l-Artikolu 59; jew

i)      fejn l-operatur ekonomiku ikun ħa azzjoni biex jinfluwenza b’mod mhux adegwat il-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-awtorità kontraenti, biex jakkwista informazzjoni kunfidenzjali li tista’ tagħtih vantaġġi mhux adegwati fil-proċedura tal-akkwist jew biex jagħti informazzjoni qarrieqa b’negliġenza li jista’ jkollha influwenza materjali fuq deċiżjonijiet li jirrigwardaw l-esklużjoni, l-għażla jew l-għoti.

Irrispettivament mill-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-Istati Membri jistgħu jitolbu jew jistgħu jipprovdu għall-possibblità li l-awtorità kontraenti ma teskludix operatur ekonomiku li jinsab f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija f’dak il-punt, fejn l-awtorità kontraenti tkun stabbilixxiet li l-operatur ekonomiku inkwistjoni jkun jista’ jwettaq il-kuntratt, b’teħid fil-kont tar-regoli u l-miżuri nazzjonali applikabbli dwar il-kontinwazzjoni tal-kummerċ fil-każ tas-sitwazzjonijiet imsemmija fil-punt (b).

[…]

6.      Kwalunkwe operatur ekonomiku li qiegħed f’waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 4 jista’ jipprovdi evidenza, bil għan li l-miżuri meħudin mill-operatur ekonomiku jkunu biżżejjed biex juru l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni rilevanti għall-esklużjoni. Jekk tali evidenza titqies bħala suffiċjenti, l-operatur ekonomiku kkonċernat ma għandux ikun eskluż mill-proċedura tal-akkwist.

Għal dan il-għan, l-operatur ekonomiku għandu jagħti prova li hu ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew mill-kondotta ħażina tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew kondotta ħażina ulterjuri.

Il-miżuri meħuda mill-operaturi ekonomiċi għandhom ikunu evalwati b’kont meħud tal-gravità u ċ-ċirkostanzi partikolari tar-reat jew tal-kondotta ħażina. Fejn il-miżuri jitqiesu bħala mhux suffiċjenti, l-operatur ekonomiku għandu jirċievi dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal dik id-deċiżjoni.

Operatur ekonomiku li jkun ġie eskluż b’sentenza finali milli jipparteċipa fi proċeduri tal-għoti ta’ akkwist jew ta’ konċessjoni ma għandux ikun intitolat li jagħmel użu mill-possibbiltà provduta taħt dan il-paragrafu matul il-perijodu ta’ esklużjoni li jirriżulta minn dik is-sentenza fl-Istati Membri fejn is-sentenza tkun daħlet fis-seħħ.

7.      Permezz ta’ liġi, regolament jew dispożizzjoni amministrattiva u b’kont meħud għad-dritt tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom jispeċifikaw il-kondizzjonijiet implimentattivi ta’ dan l-Artikolu. B’mod partikolari, huma għandhom jiddeterminaw il-perijodu massimu tal-esklużjoni jekk ma ttieħdet l-ebda miżura, kif speċifikat fil-paragrafu 6, mill-operatur ekonomiku biex juri l-affidabbiltà tiegħu. Fejn il-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza finali, dak il-perijodu ma għandux ikun itwal minn ħames snin mid-data tal-kundanna bis-sentenza finali fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 u tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti fil-każijiet imsemmijin fil-paragrafu 4.”

 Id-Direttiva 2014/25

5        L-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Sistemi ta’ kwalifika”, jipprevedi:

“1.      L-entitajiet kontraenti li jixtiequ dan jistgħu jistabbilixxu u jħaddmu sistema ta’ kwalifika tal-operaturi ekonomiċi.

L-entitajiet kontraenti li jistabbilixxu jew iħaddmu sistema ta’ kwalifika għandhom jiżguraw li fil-ħin kollu, l-operaturi ekonomiċi jistgħu jitolbu kwalifika.

2.      Is-sistema taħt il-paragrafu 1 tista’ tinvolvi stadji ta’ kwalifika differenti.

L-entitajiet kontraenti għandhom jistabbilixxu regoli u kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u l-għażla ta’ operaturi ekonomiċi li jitolbu kwalifika u kriterji u regoli oġġettivi għat-tħaddim tas-sistema ta’ kwalifika, li jkopru suġġetti bħall-iskrizzjoni fis-sistema, l-aġġornar perijodiku tal-kwalifiki, f’każ li jkun hemm, u t-tul ta’ żmien tas-sistema.

Fejn dawk il-kriterji u r-regoli jinkludu speċifikazzjonijiet tekniċi, għandhom japplikaw l-Artikoli 60 sa 62. Il-kriterji u r-regoli jistgħu jiġu aġġornati kif meħtieġ.

[…]”.

6        L-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25, intitolat “Użu tar-raġunijiet ta’ esklużjoni u l-kriterji tal-għażla previsti fid-Direttiva 2014/24/UE”, jiddisponi:

“1.      Ir-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ operaturi ekonomiċi li jitolbu kwalifika f’sistema ta’ kwalifika u r-regoli u l-kriterji oġġettivi ta’ esklużjoni u tal-għażla ta’ kandidati u offerenti fi proċeduri miftuħa, ristretti jew innegozjati, fi djalogi kompetittivi jew fi sħubijiet għall-innovazzjoni jistgħu jinkludu r-raġunijiet għall-esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

Fejn l-entità kontraenti tkun awtorità kontraenti, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(1) u (2) tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

Jekk l-Istati Membri jesiġu dan, dawk il-kriterji u r-regoli għandhom, barra minn hekk, jinkludu r-raġunijiet ta’ esklużjoni elenkati fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE skont it-termini u l-kondizzjonijiet stabbiliti f’dak l-Artikolu.

[…]

3.      Għall-finijiet ta’ applikazzjonijiet tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, għandhom ikunu japplikaw l-Artikoli 59 sa 61 tad-Direttiva 2014/24/UE.”

 Id-dritt Ġermaniż

7        Id-Direttiva 2014/24 ġiet trasposta fid-dritt Ġermaniż permezz tal-Gesetz gegen Wettbewerbsbeschränkungen (il-Liġi kontra l-prattiki li jirrestrinġu l-kompetizzjoni, iktar ’il quddiem il-“GWB”).

8        L-Artikolu 124 tal-GWB jipprevedi:

“(1)      Filwaqt li josservaw il-prinċipju ta’ proporzjonalità, l-awtoritajiet kontraenti jistgħu jeskludu lil impriża milli tipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi fi kwalunkwe ħin meta::

[…]

3.      l-impriża tkun wettqet ksur serju kkonfermat, fil-qafas tal-attività tagħha, li jqiegħed l-integrità tagħha f’dubju; l-Artikolu 123(3) japplika b’analoġija,

4.      l-awtorità kontraenti għandha elementi suffiċjentement plawżibbli sabiex tikkonkludi li l-impriża daħlet fi ftehimiet ma’ impriżi oħra li l-iskop jew l-effett tagħhom kien li l-kompetizzjoni tiġi mfixkla, ristretta jew distorta,

[…]”.

9        L-Artikolu 125 tal-GWB jipprevedi:

“(1)      L-awtoritajiet kontraenti ma għandhomx jeskludu impriża li tkun suġġetta għal kawża ta’ esklużjoni skont l-Artikolu 123 jew l-Artikolu 124 milli tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti, jekk dik l-impriża tkun tat prova li:

1.      ħallset jew impenjat ruħha li tħallas kumpens għall-ħsara kkawżata mir-reat jew min-nuqqas,

2.      iċċarat b’mod sħiħ il-fatti u ċ-ċirkustanzi billi kkollaborat b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u mal-awtorità kontraenti, u

3.      adottat miżuri konkreti tekniċi u organizzattivi u fir-rigward tal-persunal li huma xierqa sabiex jipprevjenu li jkun hemm reat ġdid jew nuqqas ġdid.

[…]”.

10      L-Artikolu 126 tal-GWB huwa fformulat kif ġej:

“Jekk impriża suġġetta għal kawża ta’ esklużjoni ma tkun ħadet ebda miżura jew miżuri suffiċjenti ta’ awtoriabilitazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 125 hija tista’:

1.      fil-każ tar-raġuni ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 123, tiġi eskluża milli tipparteċipa fil-proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal perijodu massimu ta’ ħames snin mid-data tal-kundanna permezz tas-sentenza definittiva,

2.      fil-każ tar-raġuni ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 124, tiġi eskluża milli tipparteċipa fi proċeduri ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi għal perijodu massimu ta’ tliet snin, mid-data tal-avveniment rilevanti.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

11      It-tilwima fil-kawża prinċipali hija bejn Vossloh Laeis u Stadtwerke München, inkwantu awtorità kontraenti, fir-rigward tal-esklużjoni ta’ din il-kumpannija mis-sistema ta’ kwalifika, fis-sens tal-Artikolu 77 tad-Direttiva 2014/25, li kienet ġiet stabbilita matul is-sena 2011, minn din l-awtorità kontraenti fil-kuntest tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi fil-qasam tal-provvista ta’ materjal għal linji ferrovjarji. Wara li ġiet estiża għal diversi drabi, l-aħħar darba fit-22 ta’ Diċembru 2015, din is-sistema ta’ kwalifika skadiet fi tmiem is-sena 2016.

12      Vossloh Laeis timmanifattura materjal għal linji ferrovjarji, b’mod partikolari linji tal-ferrovija u materjal ieħor ta’ kostruzzjoni magħmul mill-azzar, neċessarji għall-installazzjonijiet ferrovjarji. F’Marzu 2016, le Bundeskartellamt (l-Uffiċċju federali tal-akkordji, il-Ġermanja) kien imponielha multa talli kienet ipparteċipat, sal-2011, fi ftehimiet koperti mid-dritt dwar l-akkordju, li kienu jirrigwardaw swiċċijiet tal-binarji (iktar il-quddiem l-“akkordju tal-linji tal-ferrovija”), fil-waqt li applika fil-konfront tagħha regola ta’ klemenza, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-kooperazzjoni li hija kienet uriet sabiex tgħin lil dan l-uffiċċju jiċċara l-aġir kollużiv tagħha. Stadtwerke München, li hija korp li seta’ sofra dannu minħabba l-akkordju tal-linji tal-ferrovija, ressqet azzjoni ċivili għad-danni kontra Vossloh Laeis.

13      Wara l-preżentazzjoni ta’ offerta minn-naħa ta’ Vossloh Laeis fil-kuntest ta’ proċedura oħra ta’ għoti ta’ kuntratt, Stadtwerke München, permezz ta’ ittra tal-15 ta’ Ġunju 2016, esponiet dubji dwar l-affidabbiltà ta’ din l-impriża offerenti, minħabba l-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju tal-linji tal-ferrovija. B’risposta għal din l-ittra, Vossloh Laeis esponiet, fis-16 ta’ Ġunju 2016, il-“miżuri ta’ awtoriabilitazzjoni”, ta’ natura organizattiva u fil-qasam tal-persunal, li hija kienet adottat sabiex tevita li jerġa jkun hemm akkordji illegali jew proċessi kompetittivi żleali. Iktar minn hekk, Vossloh Laeis iddikjarat li hija kienet lesta tagħmel tajjeb għad-dannu kkawżat lil Stadtwerke München minħabba l-aġir illegali tagħha.

14      Madankollu, Vossloh Laeis irrifjutat li tittrasmetti lil Stadtwerke München id-deċiżjoni tal-Uffiċċju federali tal-akkordji li imponitilha multa, deċiżjoni li l-komunikazzjoni tagħha kienet intalbet minn din l-awtorità kontraenti, sabiex tkun tista’ teżaminaha, u permezz ta’ din il-kollaborazzjoni, tiċċara l-ksur tad-dritt relatata mal-akkordji mwettaq mill-imsemmija kumpannija. F’dan ir-rigward, Vossloh Laeis sostniet li, fl-opinjoni tagħha, kollaborazzjoni mal-Uffiċċju federali tal-akkordji kien suffiċjenti għal finijiet ta’ awtoriabilitazzjoni.

15      Peress li qieset li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn Vossloh Laeis ma kinux juru li din l-impriża kienet adottat miżuri suffiċjenti fis-sens tal-Artikolu 125 tal-GWB, Stadtwerke München informatha, fl-4 ta’ Novembru 2016, li hija kienet definittivament eskluża, b’effett immedjat, mill-proċedura ta’ kwalifika inkwistjoni, abbażi tal-punti 3 u 4 tal-Artikolu 124(1) tal-GWB.

16      Vossloh Laeis ippreżentat, fis-17 ta’ Novembru 2016, rikors kontra d-deċiżjoni li tiddikjara din l-esklużjoni quddiem il-Vergabekammer Südbayern (l-Awla tal-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern, il-Ġermanja). Hija tqis li l-awtorità kontraenti interpretat b’mod ħażin il-punti 1 u 2 tal-Artikolu 125(1) tal-GWB u li hija ma mmotivatx b’mod suffiċjenti din id-deċiżjoni, minħabba l-fatt li l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 jipprevedi biss kollaborazzjoni mal-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni u mhux mal-awtorità kontraenti. Iktar minn hekk, skont il-punt 2 tal-Artikolu 126 tal-GWB, l-esklużjoni mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratti pubbliċi hija possibbli biss matul it-tliet snin ta’ wara s-sena li matula seħħew il-fatti li jikkostitwixxu raġuni ta’ esklużjoni. Issa, f’dan il-każ, dawn il-fatti seħħew iktar minn tliet snin qabel l-imsemmija esklużjoni.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Vergabekammer Südbayern (l-Awla tal-kuntratti pubbliċi ta’ Südbayern) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Dispożizzjoni ta’ Stat Membru li teżiġi li, sabiex jikseb awtoriabilitazzjoni, operatur ekonomiku għandu jikklarifika totalment il-fatti u ċ-ċirkustanzi relatati mar-reat jew man-nuqqas u d-dannu hekk ikkawżat, billi jikkollabora attivament, mhux biss mal-awtoritajiet investigattivi, iżda wkoll mal-awtorità kontraenti, hija kompatibbli mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25/UE moqri flimkien mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24/UE?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24/UE għandu f’dan il-kuntest jiġi interpretat fis-sens li, sabiex jikseb awtoriabilitazzjoni, l-operatur ekonomiku kkonċernat huwa fi kwalunkwe każ marbut li jinforma lill-awtorità kontraenti bil-fatti b’mod li jippermetti lil din tal-aħħar tevalwa jekk il-miżuri ta’ awtoriabilitazzjoni meħuda (miżuri tekniċi, organizzattivi u tal-persunal u kumpens għad-dannu) humiex xierqa u suffiċjenti?

3)      Fil-każijiet ta’ esklużjoni fakultattiva previsti fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE, il-perijodu massimu ta’ esklużjoni jew it-terminu ta’ esklużjoni previst fl-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24/UE huwa ta’ tliet snin dekorribbli mill-avveniment rilevanti. B’‘avveniment rilevanti’ għandu wieħed jifhem it-twettiq tar-raġunijiet ta’ esklużjoni previsti fl-Artikolu 57(4) tad-Direttiva 2014/24/UE jew il-mument determinanti huwa dak meta l-awtorità kontraenti jkollha informazzjoni ċerta u konkreta dwar l-eżistenza tar-raġuni ta’ esklużjoni?

4)      Konsegwentement, fil-każ ta’ esklużjoni previst fl-Artikolu [57](4)(d) tad-Direttiva 2014/24/UE, meta operatur ekonomiku jipparteċipa f’akkordju, l-avveniment rilevanti kkonċernat fis-sens tal-Artikolu [57](7) tad-Direttiva 2014/24/UE huwa t-tmiem tal-parteċipazzjoni fl-akkordju jew il-ksib mill-awtorità kontraenti ta’ informazzjoni ċerta u konkreta dwar il-parteċipazzjoni f’akkordju?”

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

18      Permezz tal-ewwel u tat-tieni domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25, moqri flimkien mal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali li teżiġi li operatur ekonomiku li jixtieq juri l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni rilevanti għandu jiċċara totalment il-fatti u ċ-ċirkustanzi b’rabta mar-reat jew man-nuqqas, billi jikkollabora b’mod attiv mhux biss mal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni iżda wkoll mal-awtorità kontraenti, sabiex jipproduċi quddiemha l-prova tal-istabbiliment mill-ġdid tal-affidabbiltà tiegħu.

19      L-Artikolu 57 tad-Direttiva 2014/24, li għalih jagħmel riferiment l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25, jimponi jew jippermetti li l-awtorità kontraenti teskludi operatur ekonomiku mill-parteċipazzjoni fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku fil-każ li tkun teżisti waħda mir-raġunijiet għall-esklużjoni elenkati fil-paragrafi 1, 2 u 4 ta’ dan l-artikolu.

20      B’mod konformi mal-kliem tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, operatur ekonomiku li jixtieq juri l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni rilevanti msemmija fil-paragrafi 1 u 4 ta’ dan l-artikolu jipprova li ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew min-nuqqas tiegħu, li ċċara l-fatti u ċ-ċirkostanzi b’mod komprensiv billi kkollabora b’mod attiv mal-awtoritajiet investigattivi u li ħa miżuri konkreti tekniċi, organizzattivi u tal-persunal li huma adegwati sabiex jipprevjenu reati jew nuqqas ulterjuri.

21      F’dak li jirrigwarda l-kuntest li minnu tifforma parti din id-dispożizzjoni, għandu, fl-ewwel lok, jiġi osservat li skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, jekk il-provi prodotti mill-operatur ekonomiku jitqiesu suffiċjenti fid-dawl tar-regoli tad-dritt nazzjonali rilevanti għal dan il-għan, dan ma jiġix eskluż mill-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Min-naħa l-oħra, skont it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tal-istess direttiva, meta l-miżuri adottati jitqiesu insuffiċjenti, il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkonċernata tiġi trażmessa lill-operatur ekonomiku.

22      Fit-tieni lok, mill-premessa 102 tad-Direttiva 2014/24 jirriżulta li, meta operatur ekonomiku adotta miżuri ta’ konformità intiżi sabiex jiġu rrimedjati l-konsegwenzi ta’ reat jew ta’ nuqqas u sabiex jiġi effettivament prekluż li dawn jerġgħu jseħħu, billi jofri garanziji suffiċjenti, dan l-operatur ma għandux iktar ikun eskluż biss għal din ir-raġuni. Skont din il-premessa, l-operaturi ekonomiċi għandu jkollhom il-possibbiltà li jitolbu li jiġu eżaminati l-miżuri ta’ konformità li ttieħdu bil-ħsieb li eventwalment jiġu ammessi għall-proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt. Barra minn dan, l-imsemmija premessa tispeċifika li huma l-Istati Membri li għandhom jiddeterminaw il-kundizzjonijiet proċedurali u sostantivi eżatti li jkunu applikabbli f’dawn il-każijiet u li dawn għandhom, b’mod partikolari, ikunu liberi li jiddeċiedu jekk jippermettux lill-awtoritajiet kontraenti individwali li jwettqu l-evalwazzjonijiet rilevanti jew li jagħtu s-setgħa lil awtoritajiet oħra f’livell ċentrali jew deċentralizzat.

23      Il-prova li ġew adottati miżuri msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-kollaborazzjoni mal-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni, għandha għalhekk tiġi prodotta, skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali, fil-kuntest tar-relazzjoni mal-istess awtorità kontraenti li tiddeċiedi dwar l-esklużjoni abbażi tal-Artikolu 57 ta’ din id-direttiva. Għalhekk, meta l-Istati Membri jawtorizzaw lill-awtorità kontraenti twettaq l-evalwazzjonijiet rilevanti, hija din tal-aħħar li għandha tevalwa mhux biss jekk teżistix raġuni ta’ esklużjoni ta’ operatur ekonomiku, iżda wkoll jekk, skont il-każ, dan l-operatur ekonomiku effettivament reġax stabbilixxa l-affidabbiltà tiegħu.

24      Sabiex jivverifikaw l-eżistenza ta’ ċerti raġunijiet għall-esklużjoni, l-awtoritajiet kontraenti jista’, f’ċirkustanzi speċifiċi, ikollhom iwettqu riċerki u verifiki, Għalhekk, abbażi tal-Artikolu 57(4)(a) tad-Direttiva 2014/24, awtorità kontraenti tista’ turi “permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat” li operatur ekonomiku naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu applikabbli fl-oqsma tad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol, stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni, mid-dritt nazzjonali, mill-ftehimiet kollettivi jew mid-dispożizzjonijiet internazzjonali fil-qasam tad-dritt ambjentali, soċjali u tax-xogħol. Bl-istess mod, skont l-Artikolu 57(4)(c) tad-Direttiva 2014/24, l-awtorità kontraenti tista’ turi, “permezz ta’ kwalunkwe mezz adegwat”, li operatur ekonomiku huwa ħati ta’ kondotta professjonali ħażina serja li tqiegħed f’dubju l-integrità tiegħu. It-twettiq ta’ verifika mill-awtorità kontraenti jista’ jkun meħtieġ ukoll, pereżempju, sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ wieħed mill-każijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4)(g) u (i) ta’ din id-direttiva.

25      Dan espost, f’sitwazzjonijiet bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn teżisti proċedura speċifika rregolata mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali sabiex tittieħed azzjoni kontra ċertu ksur u fejn korpi speċifiċi huma inkarigati jwettqu investigazzjonijiet f’dan ir-rigward, l-awtorità kontraenti għandha, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-provi prodotti, tibbaża ruħha, bħala prinċipju, fuq ir-riżultat ta’ tali proċedura.

26      F’dan il-kuntest, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-funzjonijiet rispettivi, minn naħa, tal-awtoritajiet kontraenti u, min-naħa l-oħra, tal-awtoritajiet inkarigati minn investigazzjoni. Filwaqt li l-missjoni ta’ dawn tal-aħħar hija li jiddeterminaw ir-responsabbiltà ta’ ċerti atturi fit-twettiq ta’ ksur ta’ dispożizzjoni legali, billi jistabbilixxu b’imparzjalità r-realtà tal-fatti li jistgħu jikkostitwixxu tali ksur, kif ukoll li jissopprimu l-aġir imgħoddi li jikkostitwixxi ksur ta’ dawn l-atturi, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jevalwaw ir-riskji li jista’ jkunu involuti jekk kuntratt jingħata lil offerent li hemm dubji fir-rigward tal-integrità u tal-affidabbiltà tiegħu.

27      Minn dan isegwi, hekk kif osservat il-Kummissjoni Ewropea, li l-kjarifika tal-fatti u taċ-ċirkustanzi mill-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni fis-sens tal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 ma għandiex l-istess għan bħal dak imfittex mill-eżami tal-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku li adotta miżuri previsti f’din id-dispożizzjoni u li għandu jipprovdi lill-awtorità kontraenti l-provi li jippermettu li jiġi stabbilit li dawn huma ta’ natura suffiċjenti sabiex huwa jkun jista’ jiġi ammess fi proċedura għall-għoti ta’ kuntratt. Għalhekk, sa fejn u sakemm dan ikun meħtieġ mill-funzjonijiet rispettivi tal-awtorità kontraenti u tal-awtoritajiet inkarigati mill-investigazzjoni, operatur ekonomiku li jixtieq juri l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni rilevanti għandu jikkoopera b’mod effettiv mal-awtoritajiet li ġew fdati b’dawn il-funzjonijiet rispettivi, kemm jekk l-awtorità kontraenti kif ukoll jekk l-awtorità inkarigata minn investigazzjoni.

28      Madankollu, din il-kollaborazzjoni mal-awtorità kontraenti għandha tkun limitata għall-miżuri li huma strettament neċessarji sabiex jintlaħaq effettivament l-għan tal-eżami tal-affidabbiltà tal-operatur ekonomiku, imsemmi fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24.

29      B’mod iktar partikolari, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-offerent huwa b’mod partikolari obbligat li jipprova li huwa ċċara kompletament il-fatti u ċ-ċirkustanzi tal-akkordju li għalih huwa pparteċipa billi jikkollabora b’mod attiv mal-awtorità tal-kompetizzjoni inkarigata li tinvestiga tali fatti.

30      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-awtorità kontraenti għandha tkun f’pożizzjoni li titlob lil operatur ekonomiku li ġie miżmum responsabbli għal ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni jipprovdilha d-deċiżjoni tal-awtorità tal-kompetizzjoni li tikkonċernah. Iċ-ċirkustanza li t-trażmissjoni ta’ tali dokument tista’ tiffaċilita t-tressiq ta’ azzjoni għal responsabbiltà ċivili mill-awtorità kontraenti kontra l-imsemmi operatur ekonomiku ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta tali konstatazzjoni. Fil-fatt, għandu jitfakkar li, fost id-diversi miżuri li għandhom jiġu adottati minn operatur ekonomiku sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu, hemm dik li tiġi prodotta l-prova li huwa ħallas jew impenja ruħu li jħallas kumpens fir-rigward ta’ kwalunkwe dannu maħluq mir-reat jew min-nuqqas tiegħu.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, bħala prinċipju, it-trażmissjoni lill-awtorità kontraenti tad-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni mwettaq mill-offerent, iżda li tapplika, fir-rigward ta’ dan tal-aħħar, regola ta’ klemenza minħabba li huwa kkoopera mal-awtorità tal-kompetizzjoni, għandha tkun biżżejjed sabiex jiġi ppruvat, lill-awtorità kontraenti, li dan l-operatur ekonomiku ċċara totalment il-fatti u ċ-ċirkustanzi billi kkollabora ma’ din l-awtorità, fatt li madankollu għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju.

32      Barra minn hekk, sa fejn l-awtorità kontraenti tista’ wkoll titlob lill-operatur ekonomiku jipproduċi l-provi tal-miżuri li huwa adotta u li jistgħu jipprekludu repetizzjoni tal-ksur ikkonstatat, għandu jiġi osservat li l-awtorità kontraenti tista’ teżiġi li dan l-operatur ekonomiku jipproduċi provi ta’ natura fattwali, li jippermettu li jintwera li l-miżuri invokati minnu huma effettivament xierqa sabiex tiġi evitata repetizzjoni tal-aġir li jikkostitwixxi ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari li fihom twettaq l-imsemmi ksur. Iċ-ċirkustanza li l-provi li għandhom jiġu prodotti, f’dan ir-rigward, mill-operatur ekonomiku diġà kienu ntalbu mill-awtorità tal-kompetizzjoni, matul l-investigazzjoni tagħha, ma tiġġustifikax, fiha nnifisha, li dan tal-aħħar jiġi eżentat milli jipproduċi dawn il-provi lill-awtorità kontraenti, ħlief jekk il-fatti jew iċ-ċirkustanzi, li fir-rigward tagħhom qed tintalab il-prova, jirriżultaw b’mod suffiċjentement ċar minn dokumenti oħra prodotti mill-operatur ekonomiku, b’mod partikolari, mid-deċiżjoni li tikkonstata l-ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni.

33      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel u għat-tieni domandi għandha tkun li l-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25, moqri flimkien mal-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li teżiġi li operatur ekonomiku li jixtieq juri l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni rilevanti għandu jiċċara totalment il-fatti u ċ-ċirkustanzi b’rabta mar-reat jew man-nuqqas imwettaq, billi jikkollabora b’mod attiv mhux biss mal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, iżda wkoll mal-awtorità kontraenti, fil-kuntest tar-rwol rispettiv ta’ din tal-aħħar, sabiex jipproduċi quddiemha l-prova tal-istabbiliment mill-ġdid tal-affidabbiltà tiegħu, sakemm din il-kooperazzjoni hija limitata għall-miżuri strettament neċessarji għal dan l-eżami.

 Fuq it-tielet u r-raba’ domandi

34      Permezz tat-tielet u tar-raba’ domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 għandux jiġi interpretat fis-sens li, meta operatur ekonomiku jkun l-awtur ta’ aġir li jaqa’ taħt ir-raġuni ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(d) ta’ din id-direttiva, li ġie ssanzjonat minn awtorità kompetenti, it-tul massimu ta’ esklużjoni għandu jiġi kkalkolat mid-data tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

35      Skont l-indikazzjonijiet li jidhru fit-talba għal deċiżjoni preliminari, l-Uffiċċju federali tal-akkordji impona fuq Vossloh Laeis sanzjoni għall-parteċipazzjoni tagħha, sal-2011, fi ftehimiet li kellhom l-għan li jikkawżaw distorsjoni tal-kompetizzjoni, fil-kuntest tal-akkordju tal-linji tal-ferrovija. Din l-impriża ssostni li “l-avveniment rilevanti”, fis-sens tal-Artikolu 57(7) tal-imsemmija direttiva, li minnu jiġi kkalkolat it-tul massimu ta’ esklużjoni, huwa l-mument tat-tmiem tal-parteċipazzjoni fl-akkordju. Il-qorti tar-rinviju tosserva li r-raġunijiet tal-GWB relatati mal-Artikolu 126 ta’ din il-liġi, intiż li jittrasponu l-imsemmi Artikolu 57(7), jistgħu jixhdu favur l-argument li jgħid li dan l-avveniment huwa d-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti fil-qasam tal-kompetizzjoni.

36      Qabel kollox, skont l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24, l-Istati membri jiddeterminaw it-tul massimu tal-perijodu ta’ esklużjoni jekk l-operatur ekonomiku ma jkun adotta l-ebda waħda mill-miżuri previsti fl-Artikolu 57(6) ta’ din id-direttiva biex juri l-affidabbiltà tiegħu, u dan it-tul ma jistax, meta t-tul tal-perijodu ta’ esklużjoni ma ġiex stabbilit permezz ta’ sentenza definittiva, fil-każijiet ta’ esklużjoni msemmija fl-Artikolu 57(4) tal-imsemmija direttiva, ikun ta’ iktar minn tliet snin mid-data tal-avveniment rilevanti.

37      Għalkemm l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 ma jispeċifikax in-natura tal-“avveniment rilevanti” u lanqas, b’mod partikolari, il-mument ta’ meta dan iseħħ, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tipprevedi, għar-raġunijiet ta’ esklużjoni obbligatorji msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu u meta t-tul tal-perijodu ta’ esklużjoni ma jkunx ġie stabbilit permezz ta’ sentenza definittiva, li t-tul ta’ ħames snin għandu jiġi kkalkolat mid-data tal-kundanna b’sentenza definittiva u dan mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tad-data ta’ meta seħħew il-fatti li taw lok għall-imsemmija kundanna. Għalhekk, għal dawn ir-raġunijiet ta’ esklużjoni, dan it-tul huwa kkalkolat minn data li, f’ċerti każijiet, tkun tassew wara t-twettiq tal-fatti kostituttivi tal-ksur.

38      F’dan il-każ, l-aġir kopert minn raġuni ta’ esklużjoni rilevanti ġie ssanzjonat b’deċiżjoni tal-awtorità kompetenti, mogħtija fil-kuntest ta’ proċedura rregolata mid-dritt tal-Unjoni jew mid-dritt nazzjonali u intiża sabiex jiġi kkonstatat aġir li jikkostitwixxi ksur ta’ dispożizzjoni legali. F’din is-sitwazzjoni, għal raġunijiet ta’ koerenza mal-metodi ta’ kalkolu tat-terminu previst għar-raġunijiet ta’ esklużjoni obbligatorji, iżda wkoll ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali, għandu jitqies li t-tul ta’ tliet snin imsemmi fl-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 huwa kkalkolat mid-data ta’ din id-deċiżjoni.

39      Din is-soluzzjoni jidher li hija iktar u iktar iġġustifikata meta, hekk kif osserva l-Avukat Ġenerali fil-punti 83 sa 85 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-eżistenza ta’ aġiri li jirrestrinġu l-kompetizzjoni tista’ titqies li ġiet stabbilita biss wara l-adozzjoni ta’ tali deċiżjoni, li tikkwalifika ġuridikament il-fatti f’dan is-sens.

40      Barra minn hekk, kif enfasizzat il-Kummissjoni, l-operatur ekonomiku kkonċernat jifdallu l-possibbiltà, matul dan il-perijodu, li jadotta miżuri previsti fl-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24 sabiex juri l-affidabbiltà tiegħu, jekk huwa jixtieq madankollu jipparteċipa fi proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku.

41      Għaldaqstant, il-perijodu ta’ esklużjoni għandu jiġi kkalkolat mid-data li fiha l-aġir kien is-suġġett ta’ konstatazzjoni ta’ ksur mill-awtorità kompetenti u mhux mid-data tal-parteċipazzjoni fl-akkordju.

42      Minn dan isegwi li r-risposta li għandha tingħata għat-tielet u għar-raba’ domandi għandha tkun li l-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta operatur ekonomiku jkun l-awtur ta’ aġir li jaqa’ taħt ir-raġuni ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(d) ta’ din id-direttiva, li ġie ssanzjonat minn awtorità kompetenti, it-tul massimu ta’ esklużjoni huwa kkalkolat mid-data tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

 Fuq l-ispejjeż

43      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 80 tad-Direttiva 2014/25/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist [l-għoti ta’ kuntratti] minn entitajiet li joperaw fis-setturi tas-servizzi tal-ilma, l-enerġija, it-trasport u postali u li tħassar id-Direttiva 2004/17/KE, moqri flimkien mal-l-Artikolu 57(6) tad-Direttiva 2014/24/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2014 dwar l-akkwist pubbliku [l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi] u li tħassar id-Direttiva 2004/18/KE, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali, li teżiġi li operatur ekonomiku li jixtieq juri l-affidabbiltà tiegħu minkejja l-eżistenza ta’ raġuni ta’ esklużjoni rilevanti għandu jiċċara totalment il-fatti u ċ-ċirkustanzi b’rabta mar-reat jew man-nuqqas imwettaq, billi jikkollabora b’mod attiv mhux biss mal-awtorità inkarigata mill-investigazzjoni, iżda wkoll mal-awtorità kontraenti, fil-kuntest tar-rwol rispettiv ta’ din tal-aħħar, sabiex jipproduċi quddiemha l-prova tal-istabbiliment mill-ġdid tal-affidabbiltà tiegħu, sakemm din il-kooperazzjoni hija limitata għall-miżuri strettament neċessarji għal dan l-eżami.

2)      L-Artikolu 57(7) tad-Direttiva 2014/24 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta operatur ekonomiku jkun l-awtur ta’ aġir li jaqa’ taħt ir-raġuni ta’ esklużjoni prevista fl-Artikolu 57(4)(d) ta’ din id-direttiva, li ġie ssanzjonat minn awtorità kompetenti, it-tul massimu ta’ esklużjoni huwa kkalkolat mid-data tad-deċiżjoni ta’ din l-awtorità.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.