Language of document : ECLI:EU:T:2019:725

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

3 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal – Talba għal assistenza – Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal – Fastidju psikoloġiku – Portata tad-dmir ta’ assistenza – Miżura ta’ tneħħija – Tul tal-proċedura amministrattiva – Responsabbiltà – Danni morali”

Fil-Kawża T‑730/18,

DQ, u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness (1), irrappreżentati minn M. Casado García-Hirschfeld, avukat,

rikorrenti,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn E. Taneva u T. Lazian, bħala aġenti,

konvenut,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrenti allegatament ġarrbu minħabba, essenzjalment, it-trattament mhux xieraq tat-talba tagħhom għal assistenza minħabba fatti ta’ fastidju psikoloġiku attribwiti lis-superjur ġerarkiku tagħhom,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Valančius, li qiegħed jaġixxi bħala President, P. Nihoul u J. Svenningsen (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, DQ u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness, huma uffiċjali tal-Parlament Ewropew assenjati lid-diviżjoni [kunfidenzjali] (2) (iktar ’il quddiem id-“diviżjoni”) tad-Direttorat [kunfidenzjali] tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “[kunfidenzjali]” (iktar ’il quddiem id-“Direttorat Ġenerali”).

2        Matul is-sena 2013, ir-rikorrenti kif ukoll żewġ kollegi oħra tagħhom indikaw lid-Direttur tad-Direttorat [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem id-“Direttur”) u lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (iktar ’il quddiem id-“Direttur Ġenerali”), superjuri ġerarkiċi tal-Kap tad-diviżjoni (iktar ’il quddiem il-“Kap tad-diviżjoni”), bl-aġir mhux xieraq min-naħa ta’ dan tal-aħħar.

3        B’mod iktar partikolari, f’ittra tal‑11 ta’ Novembru 2013 u indirizzata lid-Direttur Ġenerali, ir-rikorrenti kif ukoll żewġ kollegi oħra tagħhom, li esprimew it-tħassib tagħhom dwar is-saħħa tas-superjur ġerarkiku tagħhom kif ukoll dwar il-koeżjoni u l-professjonaliżmu tad-diviżjoni, kienu talbu sabiex it-test tal-lingwa li kellu jipparteċipa fih il-Kap tad-diviżjoni jiġi differit (iktar ’il quddiem l-“ittra tal‑11 ta’ Novembru 2013”). Fil-fehma tagħhom, il-membri tal-Bord tal-Għażla ta’ dan it-test kienu ġew mhedda mill-Kap tad-diviżjoni dwar kwalunkwe possibbiltà li jeħel minn dan it-test. F’dan il-każ, il-Kap tad-diviżjoni kien hedded li jagħmel suwiċidju jew li jadotta miżuri ta’ ritaljazzjoni fil-każ li jeħel mit-test. Ir-rikorrenti kif ukoll żewġ kollegi oħra tagħhom irreferew ukoll, fl-ittra tal‑11 ta’ Novembru 2013, għall-fatt li wieħed mill-uffiċjali mediċi tas-Servizzi Mediku, f’nota li iktar tard ġiet sottomessa lid-Direttur, għamel lista tad-diversi aġiri tal-Kap tad-diviżjoni li kienu ġew deskritt, b’mod konkordanti, minn ċerti membri tal-persunal tad-diviżjoni matul iż-żjarat tagħhom fis-Servizz Mediku matul ix-xahar ta’ Ottubru 2013. Ir-rikorrenti għalhekk esprimew, għall-attenzjoni tad-Direttur Ġenerali, it-tħassib serju tagħhom dwar l-aġir professjonali u soċjali tal-Kap tad-diviżjoni.

4        Permezz ta’ posta elettronika tat‑18 ta’ Novembru 2013, id-Direttur Ġenerali ħabbar lir-rikorrenti li huwa kien talab lid-Direttur, minn naħa, sabiex jinvestiga, fi ħdan id-Direttorat Ġenerali, dwar il-fatti li huma informawh dwarhom u, min-naħa l-oħra, sabiex jinforma lill-Kap tad-diviżjoni bid-differiment tat-test tal-lingwa tiegħu li dan tal-aħħar kellu jipparteċipa fih.

5        Permezz ta’ posta elettronika tal‑5 ta’ Diċembru 2013, ir-rikorrenti talbu lid-Direttur jieqaf jinterroga individwalment lill-membri tad-diviżjoni u sabiex jikkunsidra l-azzjoni tagħhom bħala kollettiva, u dan kien jimplika li jiltaqa’ magħhom bħala grupp. Bħala tweġiba, id-Direttur spjega li, skont l-esperjenza tiegħu, il-membri tad-diviżjoni jkunu iktar lesti li jitkellmu b’mod liberu fil-kuntest ta’ konverżazzjoni privata milli f’laqgħa bħala grupp u li din kienet ir-raġuni għaliex huwa kien ta prijorità lill-intervisti individwali. Billi qies li sa dak iż-żmien kellu stampa ċara tas-sitwazzjoni bis-saħħa tal-intervisti li kien wettaq individwalment, huwa indika lir-rikorrenti, filwaqt li wera d-dispjaċir tiegħu li ma kienx informat qabel b’dawn il-problemi relazzjonali fi ħdan id-diviżjoni, li laqgħa mal-persunal kollu tad-diviżjoni f’dan l-istadju tkun prematura u li huwa kien beħsiebu jsejjaħ tali laqgħa biss meta l-atmosfera tkun iktar xierqa.

A.      Fuq it-talba għal assistenza u l-miżuri adottati mill-Awtorità tal-Ħatra

6        Fl‑24 ta’ Jannar 2014 u permezz ta’ avukat, ir-rikorrenti kif ukoll żewġ kollegi oħra tagħhom, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”), ressqu talba għal assistenza, fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, dwar il-fatti allegati ta’ fastidju psikoloġiku u sesswali tal-Kap tad-diviżjoni bi ksur tal-Artikolu 12a tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal (iktar ’il quddiem it-“talba għal assistenza”), u dan quddiem is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament li, flimkien mad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal”, huwa responsabbli fi ħdan din l-istituzzjoni għat-trattament ta’ tali talbiet għal assistenza.

7        Fit-talba għal assistenza tagħhom, ir-rikorrenti kif ukoll żewġ kollegi oħra tagħhom talbu lis-Segretarju Ġenerali jissospendi immedjatament lill-Kap tad-diviżjoni mill-funzjonijiet tiegħu bl-applikazzjoni tal-Artikolu 23 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal; jissospendi l-proċedura ta’ evalwazzjoni tagħhom fir-rigward tal-evalwazzjoni tar-rendiment professjonali tagħhom tal‑2013 (iktar ’il quddiem il-“proċedura ta’ evalwazzjoni 2014”); jiftaħ investigazzjoni amministrattiva u jieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż tal-konsulent tagħhom.

8        Fit‑28 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti kif ukoll żewġ kollegi oħra tagħhom avviċinaw lid-Direttur tat-Tmexxija Amministrattiva tal-Persunal tal-Parlament bil-biża’ tagħhom dwar iż-żamma ta’ laqgħa tas-servizz, prevista l-għada fil-preżenza tal-Kap tad-diviżjoni, minħabba li kienu ppreżentaw t-talba għal assistenza. Permezz ta’ posta elettronika tal-istess ġurnata, huma kienu ġew informati li żewġ persuni, “mibgħuta mid-Direttorat Ġenerali”, kienu ser ikunu preżenti għal din il-laqgħa tas-servizz.

9        F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti kienu sorpriżi meta skoprew li dawn iż-żewġ persuni kienu, minn naħa, id-Direttur minkejja li huwa kien imsemmi b’mod partikolari fit-talba għal assistenza u, min-naħa l-oħra, il-Konsulent Ġuridiku tad-Direttur Ġenerali minkejja li anki dan tal-aħħar kien imsemmi fl-imsemmija talba.

10      Skont ir-rikorrenti, matul il-laqgħa tad‑29 ta’ Jannar 2014, wara li faħħar il-merti tal-ħidma tal-Kap tad-diviżjoni, id-Direttur, wara li telaq il-Kap tad-diviżjoni, semma l-eżistenza tat-talba għal assistenza, filwaqt li indika li huwa ma kienx jaf bil-kontenut tagħha u talab lir-rikorrenti jiftħu qalbhom miegħu. Fil-fatt huwa qalilhom: “Open your hearts and tell me what is on your liver” (Iftħu qalbkom u għiduli x’għandkom fuq l-istonku). Huwa ssuġġerixxa wkoll li r-rikorrenti jindirizzaw lill-kumitat konsultattiv dwar il-fastidju u l-prevenzjoni tiegħu fuq il-post tax-xogħol. Huma staqsew lid-Direttur jekk din l-intervista kellhiex natura uffiċjali, peress li, jekk fl-affermattiv, huma kienu jitolbu l-preżenza tal-konsulent tagħhom, li kien jinsab barra mis-sala. Id-Direttur wieġeb li din kienet laqgħa interna, u dan kien jeskludi l-parteċipazzjoni tal-konsulent għaliha. Fir-rikors, ir-rikorrenti jindikaw li huma pperċepixxew din il-laqgħa mad-Direttur bħala tentattiv ġdid ta’ intimidazzjoni, test diżonest tal-koeżjoni tagħhom u ksur tad-dinjità tal-bniedem tagħhom.

11      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Frar 2014, il-konsulent tar-rikorrenti lmenta dwar it-trattament tat-talba għal assistenza billi rrefera kemm għal-laqgħa tad‑29 ta’ Jannar 2014, li matulha d-Direttur għadda kummenti mhux xierqa, kif ukoll għal laqgħa, jumejn wara, bejn il-Kap tad-diviżjoni u wieħed mill-membri tal-Bord tal-Għażla tat-test tal-lingwa. Huwa rrepeta f’dan il-kuntest l-importanza li tinfetaħ investigazzjoni amministrattiva u li jiġu adottati miżuri preventivi fl-iqsar żmien possibbli.

12      Permezz ta’ ittra tas‑17 ta’ Frar 2014, id-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” informa lir-rikorrenti bil-miżuri provviżorji li l-Awtorità tal-Ħatra tal-Parlament kienet diġà adottat b’reazzjoni għat-talba għal assistenza. L-Awtorità tal-Ħatra kienet iddeċidiet li tafda l-ġestjoni tad-diviżjoni lill-Kap ta’ diviżjoni oħra u ħabbret li hija kienet ser taħtar, bħala sostitut tal-Kap tad-diviżjoni, persuna oħra li ssir l-ewwel evalwatur tar-rikorrenti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 u, fl-aħħar nett, li hija kienet ser tiftaħ investigazzjoni amministrattiva fl-iqsar żmien possibbli.

13      Fl‑4 ta’ Marzu 2014, id-Direttur informa lir-rikorrenti li s-Segretarju Ġenerali kien iddeċieda li jaħtru bħala l-ewwel evalwatur tagħhom filwaqt li direttur ieħor kellu jkollu r-rwol ta’ evalwatur tal-appell.

14      Fil‑11 ta’ April 2014, ir-rikorrenti kienu ġew informati bil-ftuħ ta’ investigazzjoni amministrattiva fir-rigward tad-diviżjoni u bil-konvokazzjoni tagħhom għal seduta prevista fil‑15 ta’ April ta’ wara.

15      Fil‑21 ta’ Mejju 2014, ir-rikorrenti, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ippreżentaw ilment kontra d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li taħtar lid-Direttur bħala l-ewwel evalwatur tagħhom għall-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014, filwaqt li talbu s-sospensjoni ta’ din il-proċedura ta’ evalwazzjoni kif ukoll is-sospensjoni tal-Kap tad-diviżjoni mill-funzjonijiet tiegħu u l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ natura li jiggarantixxu s-sigurtà tagħhom fuq il-post tax-xogħol tagħhom u l-kunfidenzjalità fit-trattament tat-talba għal assistenza.

16      Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea fit‑22 ta’ Mejju 2014 u li ġie rreġistrat bin-numru F‑49/14, ir-rikorrenti kif ukoll kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom talbu li l-imsemmi tribunal, b’mod partikolari, jannulla d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ħatra li taħtar lid-Direttur bħala l-ewwel evalwatur tagħhom, jissospendi l-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 kif ukoll jissospendi lill-Kap tad-diviżjoni mill-funzjonijiet tiegħu.

17      Permezz ta’ digriet tat‑12 ta’ Ġunju 2014, DQ et vs Il‑Parlament (F‑49/14 R, EU:F:2014:159), il-President tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ċaħad it-talba għal miżuri provviżorji mressqa permezz ta’ att separat mir-rikorrenti kif ukoll minn kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom.

18      Fit‑2 ta’ Ġunju 2014, il-Parlament għarraf lir-rikorrenti bil-konklużjonijiet finali tiegħu dwar it-talba għal assistenza. Dawn il-konklużjonijiet kienu tlieta, jiġifieri, l-ewwel nett, li kienu ġew adottati miżuri ta’ tneħħija tal-Kap tad-diviżjoni u li l-ġestjoni tal-persunal tad-diviżjoni minn dak iż-żmien ’il quddiem kienet ser tiġi żgurata minn kap ta’ diviżjoni ieħor; it-tieni nett, li l-Kap tad-diviżjoni kien ġie ssostitwit, bħala l-ewwel evalwatur tar-rikorrenti għall-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014, mid-Direttur u, it-tielet nett, li kienet infetħet investigazzjoni dixxiplinari skont l-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal fil-konfront tal-Kap tad-diviżjoni.

19      Permezz ta’ nota tat‑3 ta’ Ġunju 2014, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament informa lid-Direttur Ġenerali li huwa kien ikkonstata li t-twettiq tal-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 b’mod konformi mal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba kien sar ikkomplikat u li għaldaqstant kien iddeċieda li jissospendi b’mod provviżorju din il-proċedura ta’ evalwazzjoni għad-diviżjoni kollha sakemm tinstab soluzzjoni bbilanċjata, b’mod iktar preċiż sakemm l-Awtorità tal-Ħatra tkun tista’ tieħu deċiżjoni bis-serenità meħtieġa.

20      Fis‑26 ta’ Settembru 2014, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment tal‑21 ta’ Mejju 2014 għaliex kien parzjalment prematur, sa fejn dan kien jirrigwarda miżuri provviżorji tal-Awtorità tal-Ħatra, u parzjalment infondat.

21      Permezz ta’ ittra li waslet fir-Reġistru tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fl‑20 ta’ Novembru 2014, ir-rikorrenti kif ukoll kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom informaw lil dik il-qorti li huma kienu qegħdin jirrinunzjaw għar-rikors tagħhom fil-Kawża F‑49/14 għar-raġuni prinċipali li l-Parlament b’mod partikolari kien aċċetta li jieħu “miżuri provviżorji, kif innotifikati permezz tan-noti [tiegħu] tat‑2 u tat-3 ta’ Ġunju 2014”.

22      Permezz tad-digriet tat‑12 ta’ Jannar 2015, DQ et vs Il‑Parlament (F‑49/14, EU:F:2015:1), it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ħassar il-Kawża F‑49/14 mir-Reġistru tiegħu, filwaqt li ddeċieda li l-Parlament kellu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu kif ukoll dawk tar-rikorrenti kif ukoll ta’ kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom, għar-raġuni, essenzjalment, li kien minħabba l-assenza ta’ teħid ta’ passi konkreti u ffinalizzati min-naħa tal-Parlament sabiex jissospendi lill-Kap tad-diviżjoni mill-funzjonijiet tiegħu u/jew il-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 li huma ma kellhom l-ebda possibbiltà oħra ħlief li jippreżentaw dak ir-rikors, flimkien ma’ talba għal miżuri provviżorji, sabiex jippreżervaw id-drittijiet tagħhom u jiksbu azzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra fil-konfront tal-fastidju psikoloġiku u sesswali li allegatament kienu qegħdin jaffaċċjaw.

23      Skont ir-rikorrenti, f’Ottubru 2015, l-Awtorità tal-Ħatra, fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, stabbilixxiet rapport, li ma kienx ġie kkomunikat lilhom, li fih ġie konkluż li kien jeżisti aġir tal-Kap tad-diviżjoni li jikkostitwixxi fastidju fis-sens tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal.

B.      Fuq it-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż, għall-iżburżar u għall-onorarji tal-konsulent tar-rikorrenti relatati mat-talba għal assistenza

24      Fit‑2 ta’ Diċembru 2015, ir-rikorrenti kif ukoll kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, irrepetew it-talba tagħhom, li kienet tinsab fit-talba għal assistenza, intiża sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tieħu r-responsabbiltà għall-ispejjeż, għall-iżburżar u għall-onorarji kollha tal-konsulent tagħhom.

25      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Frar 2016, l-Awtorità tal-Ħatra ċaħdet din it-talba. L-ilment ippreżentat mir-rikorrenti kif ukoll minn kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom fl‑4 ta’ Mejju ta’ wara kien ġie miċħud ukoll permezz ta’ deċiżjoni tal‑1 ta’ Settembru 2016.

26      Permezz ta’ rikors li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑20 ta’ Jannar 2017 u li ġie rreġistrat bin-numru T‑38/17, ir-rikorrenti kif ukoll kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom talbu lill-Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Parlament, bħala kumpens għad-dannu materjali tagħhom, għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 92 000 li tikkorrispondi għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż, għall-iżburżar u għall-onorarji kollha tal-konsulent tagħhom, l-ewwel nett, fil-kuntest tat-talba għal assistenza; it-tieni nett, fil-kuntest ta’ proċedura mibdija minnhom kontra l-Parlament quddiem it-tribunal du travail francophone de Bruxelles (it-Tribunal Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) u, it-tielet nett, fil-kuntest tar-rikors T‑38/17.

27      Wara l-preżentata, fit‑12 ta’ April 2017, tar-risposta, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla), permezz ta’ deċiżjoni tat‑18 ta’ Mejju 2017, inkarigat lill-Imħallef Relatur sabiex jeżamina l-possibbiltajiet li t-tilwima tiġi solvuta permezz ta’ ftehim bonarju, konformement mal-Artikolu 50a tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u mal-Artikolu 125a(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

28      Bi tweġiba għall-proposta tal-Imħallef Relatur li jibda ftehim bonarju fuq il-bażi ta’ abbozz ta’ ftehim f’dan is-sens, il-Parlament indika, permezz ta’ ittra tal‑1 ta’ Ġunju 2017, li huwa kien lest li jibda negozjati mar-rikorrenti kif ukoll ma’ kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom filwaqt li dawn tal-aħħar, permezz ta’ ittra tat‑2 ta’ Ġunju 2017, indikaw li huma ma kinux jixtiequ li t-tilwima tiġi solvuta b’mod bonarju.

29      Permezz ta’ ittra tas‑7 ta’ Ġunju 2017, l-Imħallef Relatur stieden lir-rikorrenti kif ukoll lil kollega miż-żewġ kollegi tagħhom sabiex jikkunsidraw mill-ġdid il-pożizzjoni tagħhom u, jekk ikun il-każ, sabiex jikkonfermaw ix-xewqa tagħhom li jirrinunzjaw għall-proċedura ta’ ftehim bonarja, filwaqt li ġibed l-attenzjoni tagħhom għall-fatt li, fil-kuntest tal-proċedura ġudizzjarja, ikun hemm lok li tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tar-rikors fid-dawl tal-ġurisprudenza li tirriżulta, b’mod partikolari, mid-digriet tal-20 ta’ Marzu 2014, Michel vs Il‑Kummissjoni (F‑44/13, EU:F:2014:40, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), sa fejn, f’żewġ okkażjonijiet, f’dan il-każ fit-talba għal assistenza tal‑24 ta’ Jannar 2014 u f’ittra tas‑6 ta’ Ottubru 2014, huma kienu diġà talbu mingħand l-Awtorità tal-Ħatra r-rimbors tal-ispejjeż ta’ avukati sostnuti fil-kuntest tat-talba għal assistenza u fejn ma kienx jidher li jirriżulta mill-proċess li huma kienu bdew jikkontestaw, permezz ta’ lment, id-deċiżjonijiet impliċiti ta’ ċaħda li seħħew wara l-iskadenza tat-terminu għal tweġiba ta’ erba’ xhur, previst fir-Regolament tal-Persunal, mogħti lill-Awtorità tal-Ħatra.

30      Permezz ta’ ittra tal‑15 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrenti kif ukoll kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom informaw lill-Qorti Ġenerali li fl-aħħar huma kienu għamlu kuntatt mal-Parlament u li, f’dan il-kuntest, huma talbu terminu addizzjonali għal tweġiba, li, fuq it-talba tal-Parlament, ġie estiż sal‑21 ta’ Lulju 2017. Permezz ta’ ittri rispettivament tal‑11 u tas‑6 ta’ Lulju 2017, ir-rikorrenti kif ukoll kollega miż-żewġ kollegi l-oħra tagħhom u l-Parlament informaw lill-Qorti Ġenerali li huma kienu laħqu ftehim sabiex itemmu t-tilwima b’mod bonarju, b’tali mod li l-kawża tħassret mir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali permezz tad-digriet tas‑17 ta’ Lulju 2017, DQ et vs Il‑Parlament (T‑38/17, mhux ippubblikat, EU:T:2017:557). Dan il-ftehim madankollu ġie konkluż bla ħsara għal eventwali talbiet għal għad-danni separati li ma kinux ifformulati fil-kuntest tat-talbiet u tal-ilmenti inkwistjoni fil-Kawża T‑38/17.

C.      Fuq it-talba għad-danni inkwistjoni fil-każ ineżami

31      Fit‑13 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, talbu lill-Awtorità tal-Ħatra tagħtihom kumpens, ex æquo et bono, ta’ EUR 192 000 għad-danni morali li huma ġarrbu minħabba n-nuqqasijiet tal-Awtorità tal-Ħatra fit-trattament tat-talba tagħhom għal assistenza, b’mod partikolari l-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura kif ukoll ksur tad-dinjità tal-lanjanti u tad-dritt tagħhom għal kundizzjonijiet tax-xogħol li jiżguraw is-saħħa tagħhom, is-sigurtà tagħhom u d-dinjità tagħhom.

32      Peress li l-Awtorità tal-Ħatra ma aġixxietx fir-rigward ta’ din it-talba għad-danni, ir-rikorrenti, fit‑23 ta’ Mejju 2018, ippreżentaw ilment kontra d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tagħhom għad-danni li saret fit‑13 ta’ April 2018.

33      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2018, is-Segretarju Ġenerali, fil-kwalità tiegħu ta’ Awtorità tal-Ħatra, ċaħad l-ilment tat‑23 ta’ Mejju 2018 għaliex infondat, filwaqt li fakkar il-miżuri ta’ assistenza li kienu ġew adottati mill-Awtorità tal-Ħatra, b’mod partikolari s-sospensjoni tal-Kap tad-diviżjoni mill-funzjonijiet tiegħu u l-bidu, fis‑6 ta’ Jannar 2016, ta’ proċedura dixxiplinari fil-konfront tiegħu li wasslet, wara riferiment lill-Bord Dixxiplinari u wara li nstemgħet, fl‑14 ta’ Novembru 2016, il-parti kkonċernata, għall-impożizzjoni, fis‑27 ta’ Frar 2017, ta’ sanzjoni dixxiplinari. Skont l-Awtorità tal-Ħatra, dawn il-miżuri stabbilixxew mill-ġdid għar-rikorrenti kundizzjonijiet tax-xogħol li jiżguraw is-saħħa tagħhom, is-sigurtà tagħhom u d-dinjità tagħhom. Dan jintwera mill-fatt li ma seħħ l-ebda aġir li jikkostitwixxi fastidju psikoloġiku wara l-adozzjoni mill-Awtorità tal-Ħatra, matul ix-xahar ta’ Frar 2014, ta’ miżuri ta’ assistenza.

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

34      Permezz ta’ att li wasal fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑12 ta’ Diċembru 2018, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors, li fih talbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tagħhom għad-danni u, skont il-bżonn, id-deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2018 li tiċħad l-ilment tagħhom tat‑23 ta’ Mejju ta’ qabel;

–        tordna l-kumpens għad-danni morali tagħhom, evalwat ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 192 000;

–        tikkundanna lill-Parlament “iħallas l-interessi kumpensatorji u l-interessi moratorji akkumulati sadanittant”;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.

35      Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-istess ġurnata, ir-rikorrenti talbu li jibbenefikaw mill-anonimat abbażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura.

36      Fir-risposta, ippreżentata fl‑20 ta’ Marzu 2019, il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

37      Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-istess ġurnata, il-Parlament talab l-ommissjoni fil-konfront tal-pubbliku ta’ ċerta data li tikkonċerna lil terzi.

38      Fid‑19 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali għalqet il-fażi bil-miktub tal-proċedura.

39      Fl-assenza ta’ talba mressqa f’dan is-sens mill-partijiet fit-terminu ta’ tliet ġimgħat b’effett min-notifika tal-għeluq tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali, wara li qieset li kellha għarfien suffiċjenti permezz tal-annessi tal-proċess, iddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 106(3) tar-Regoli tal-Proċedura, li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura.

40      Permezz ta’ ittra mir-Reġistru tal‑1 ta’ Awwissu 2019, il-Parlament ġie mitlub, abbażi ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, iwieġeb għal diversi mistoqsijiet, u huwa għamel dan fit-terminu stabbilit.

III. Id-dritt

A.      Fuq it-talbiet għal annullament

41      Ir-rikorrenti, filwaqt li jressqu talbiet għad-danni, jitolbu l-annullament tad-deċiżjoni impliċita ta’ ċaħda tat-talba tagħhom għad-danni u, skont il-bżonn, tad-deċiżjoni tat‑12 ta’ Settembru 2018 li tiċħad l-ilment tagħhom tat‑23 ta’ Mejju ta’ qabel.

42      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita, id-deċiżjoni ta’ istituzzjoni li tiċħad talba għad-danni tagħmel parti integrali mill-proċedura amministrattiva minn qabel li tippreċedi rikors għad-danni ppreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali. Peress li l-effett tal-att li fih it-teħid ta’ pożizzjoni tal-istituzzjoni matul il-fażi prekontenzjuża huwa biss dak li jippermetti li l-parti li allegatament ġarrbet dannu tadixxi lill-Qorti Ġenerali b’talba għad-danni, it-talbiet għal annullament immirati kontra tali deċiżjoni ta’ ċaħda ma jistgħux jiġu evalwati b’mod awtonomu meta mqabbla mat-talbiet għad-danni (sentenzi tat‑18 ta’ Diċembru 1997, Gill vs Il‑Kummissjoni, T‑90/95, EU:T:1997:211, punt 45; tas‑6 ta’ Marzu 2001, Ojha vs Il‑Kummissjoni, T‑77/99, EU:T:2001:71, punt 68, u d-digriet tal‑25 ta’ Marzu 2010, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni, F‑102/08, EU:F:2010:21, punt 23).

43      Konsegwentement, ma hemmx lok li tittieħed deċiżjoni b’mod awtonomu dwar l-ewwel kap tat-talbiet.

B.      Fuq it-talbiet għad-danni

44      Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu essenzjalment li huma ġarrbu danni morali li rriżultaw min-nuqqas tal-Awtorità tal-Ħatra li tadotta fi żmien xieraq il-miżuri xierqa ta’ natura li jissodisfaw it-talba tagħhom għal assistenza u li jiggarantixxulhom kundizzjonijiet tax-xogħol konformi mal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bħalma jikkonfermaw id-diversi inċidenti li huma jiddeskrivu fir-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jqisu li, minħabba l-passività tad-dipartimenti tal-Awtorità tal-Ħatra, huma kienu esposti għal ħsara lid-dinjità tagħhom, lill-personalità tagħhom u lill-integrità fiżika u mentali tagħhom min-naħa tal-Kap tad-diviżjoni. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra ma wettqitx l-investigazzjoni amministrattiva fl-osservanza tal-prinċipju ta’ terminu raġonevoli. Hija lanqas ma bdiet il-proċedura dixxiplinari kontra l-Kap tad-diviżjoni u lanqas ma imponiet fuq dan tal-aħħar sanzjoni dixxiplinari fi żmien xieraq. Ir-rikorrenti jinvokaw għal darba oħra ksur mill-Kap tad-diviżjoni tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tas-sigriet mediku.

45      Ir-rikorrenti jitolbu konsegwentement kumpens għad-danni morali tagħhom, li huma jevalwaw ex æquo et bono għas-somma ta’ EUR 192 000.

46      Il-Parlament jitlob iċ-ċaħda tat-talbiet għad-danni għaliex infondati, filwaqt li jenfasizza li d-dipartimenti tiegħu adottaw il-miżuri kollha raġonevoli mill-mument li fih l-Awtorità tal-Ħatra ġiet adita b’mod formali mir-rikorrenti bit-talba għal assistenza. Għalkemm jammetti li s-sitwazzjoni ma ġietx ġestita dejjem bir-radikalità li kienet meħtieġa, huwa jenfasizza li, wara li t-tneħħija tiegħu li ġiet deċiża b’reazzjoni għat-talba għal assistenza, kien biss b’mod okkażjonali li l-Kap tad-diviżjoni kellu kuntatti mal-uffiċjali tad-diviżjoni u li kienu ftit ħafna d-drabi li huwa kellu jieħu deċiżjonijiet li jaffettwaw lill-imsemmija diviżjoni. Issa, skont il-Parlament, dawn l-inċidenti okkażjonali u marġinali ma jistgħux ikunu ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà tiegħu, fuq kollox fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li għandha l-Awtorità tal-Ħatra fid-definizzjoni tal-miżuri ta’ assistenza. Fir-rigward tat-tul tal-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva u tal-proċedura dixxiplinari mibdija kontra l-Kap tad-diviżjoni, il-Parlament jispjega li l-investigazzjoni amministrattiva kienet tikkonċerna numru sinjifikattiv ta’ persuni u li l-Kap tad-diviżjoni, minkejja l-ammont kbir tad-dokumentazzjoni miġbura fil-kuntest tal-investigazzjonijiet, ma aċċettax il-miżuri u s-sanzjonijiet meħuda fil-konfront tiegħu, filwaqt li l-Awtorità tal-Ħatra kellha tiżgura r-rispett tad-drittijiet fundamentali u proċedurali tiegħu bħala persuna investigata. Barra minn hekk, il-Parlament jenfasizza li l-Kap tad-diviżjoni ppreżenta rikors quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex jikkontesta s-sanzjoni dixxiplinari li ġiet imposta fuqu, f’dan il-każ ir-rikors li wassal għas-sentenza tal‑20 ta’ Settembru 2019, UZ vs Il‑Parlament (T‑47/18, EU:T:2019:650) li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali annullat l-imsemmija sanzjoni. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti għadhom ma pproduċewx prova li huma ġarrbu aġiri mhux xierqa oħra min-naħa tal-Kap tad-diviżjoni wara l-assenjazzjoni mill-ġdid ta’ dan tal-aħħar.

1.      Fuq l-eżistenza ta’ illegalitajiet imwettqa mill-Awtorità tal-Ħatra ta’ natura li jistabbilixxu r-responsabbiltà tal-Unjoni

a)      Kunsiderazzjonijiet ġenerali

47      B’mod preliminari, għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, l-istabbiliment tar-responsabbiltà ta’ istituzzjoni, ta’ korp jew ta’ organu tal-Unjoni Ewropea huwa suġġett għall-issodisfar ta’ sett ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir ikkritikat lill-istituzzjoni, lill-korp jew lill-organu, ir-realtà tad-dannu allegat u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir ikkritikat u d-dannu allegat, fejn dawn it-tliet kundizzjonijiet huma kumulattivi (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, AV vs Il‑Kummissjoni, T‑303/18 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:239, punt 104; ara wkoll, is-sentenza tad‑19 ta’ Mejju 2015, Brune vs Il‑Kummissjoni, F‑59/14, EU:F:2015:50, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      F’dan ir-rigward, il-kontenzjuż fil-qasam tas-servizz pubbliku abbażi tal-Artikolu 270 TFUE u tal-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, inkluż dak intiż għall-kumpens għal dannu kkawżat lil uffiċjal jew lil aġent minn istituzzjoni, korp jew organu tal-Unjoni, huwa suġġett għal regoli partikolari u speċjali meta mqabbla ma’ dawk li jirriżultaw mill-prinċipji ġenerali li jirregolaw ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni fil-kuntest tal-Artikolu 268 TFUE u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, AV vs Il‑Kummissjoni, T‑303/18 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:239, punt 105).

49      Fil-fatt, mir-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta b’mod partikolari li, b’differenza minn kwalunkwe individwu ieħor, l-uffiċjal jew l-aġent tal-Unjoni huwa marbut mal-istituzzjoni, mal-korp jew mal-organu li taħtu huwa jaqa’ minn relazzjoni legali ta’ impjieg li tinkludi bilanċ ta’ drittijiet u ta’ obbligi reċiproċi speċifiċi, u dan huwa rifless mid-dmir ta’ premura tal-istituzzjoni li timpjega fil-konfront tal-parti kkonċernata (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata, kif ikkonfermata bid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Frar 2011, Eżami mill-ġdid Il‑Kummissjoni vs Petrilli, C‑17/11 RX, EU:C:2011:55, punti 4 u 5).

50      Fid-dawl ta’ din ir-responsabbiltà ikbar tal-Unjoni meta taġixxi bħala persuna li timpjega, is-sempliċi konstatazzjoni ta’ illegalità mwettqa, skont il-każ, mill-Awtorità tal-Ħatra jew mill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ, kemm jekk ikun att jew aġir deċiżjonali, hija suffiċjenti sabiex jitqies li hija ssodisfatta l-ewwel waħda mit-tliet kundizzjonijiet meħtieġa għall-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Unjoni għad-danni kkawżati lill-uffiċjali u lill-aġenti tagħha minħabba ksur tad-dritt tas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni (sentenzi tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Il‑Kummissjoni vs Petrilli, T‑143/09 P, EU:T:2010:531, punt 46, u tat‑12 ta’ Lulju 2011, Il‑Kummissjoni vs Q, T‑80/09 P, EU:T:2011:347, punt 45), u dan, konsegwentement, mingħajr ma jkun hemm bżonn li wieħed jistaqsi dwar jekk dan huwiex ksur “suffiċjentement serju” ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi (sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2018, Spagnolli et vs Il‑Kummissjoni, T‑568/16 u T‑599/16, EU:T:2018:347, punt 196, u tas‑6 ta’ Mejju 2019, Mauritsch vs INEA, T‑271/18, mhux ippubblikata, EU:T:2019:286, punt 42).

51      Fir-rigward tal-każijiet li fihom tista’ tiġi kkonstatata illegalità, hemm lok li jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni li kellha l-amministrazzjoni. B’hekk, meta l-amministrazzjoni għandha tadotta aġir speċifiku abbażi tat-testi fis-seħħ, tal-prinċipji ġenerali jew tad-drittijiet fundamentali, jew anki tar-regoli li hija imponiet fuqha nnifisha, sempliċi nuqqas ta’ osservanza ta’ tali obbligu jista’ jistabbilixxi r-responsabbiltà tal-istituzzjoni kkonċernata. Min-naħa l-oħra, meta hija jkollha marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’, b’mod partikolari meta hija ma tkunx marbuta taġixxi b’mod speċifiku abbażi tal-kuntest ġuridiku applikabbli, huwa biss l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkostitwixxi illegalità (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2017, CJ vs ECDC, T‑703/16 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2017:892, punt 31 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti fil-kuntest tat-talbiet tagħhom għad-danni.

53      F’dan ir-rigward, minkejja n-nuqqas ta’ ċarezza tar-rikors, għandu jiġi mifhum li r-rikorrenti essenzjalment jikkontestaw, fir-rigward tal-kundizzjoni relatata mal-illegalità tal-azzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra, tliet aspetti: l-ewwel nett, l-aġir tal-Kap tad-diviżjoni bħala tali; it-tieni nett, in-natura mhux xierqa tal-miżuri adottati mill-Awtorità tal-Ħatra b’reazzjoni għat-talba għal assistenza u, qabel dan, b’reazzjoni għas-senjalazzjoni fis-sens tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal li huma kellhom l-intenzjoni li jagħmlu permezz, b’mod partikolari, tal-ittra tagħhom tal‑11 ta’ Novembru 2013 u, it-tielet nett, it-tul, li fil-fehma tagħhom ma kienx raġonevoli, tal-investigazzjoni amministrattiva u t-tardività sussegwenti tal-proċedura dixxiplinari mibdija kontra l-Kap tad-diviżjoni.

54      Dawn it-tliet kategoriji ta’ lmenti għandhom jiġu eżaminati suċċessivament.

b)      Fuq it-talbiet għad-danni fir-rigward tad-danni morali li r-rikorrenti ġarrbu b’riżultat tal-aġir stess tal-Kap tad-diviżjoni

55      Fir-rigward tat-talbiet għad-danni intiżi għall-kumpens għad-danni morali li r-rikorrenti ġarrbu minħabba l-aġir tal-Kap tad-diviżjoni, qabel kollox dawn għandhom jiġu miċħuda għaliex prematuri, sa fejn ir-rikorrenti ma ressqux, preċedentement, rikors għad-danni quddiem qorti nazzjonali kontra l-imsemmi Kap tad-diviżjoni li kien ġie miċħud.

56      Fil-fatt, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Unjoni għandha tassisti lill-uffiċjal jew lill-aġent “partikolarment fi proċeduri kontra kull persuna li tagħmel theddid, atti jew kliem ta’ insult jew defamatorji, jew kull attakk fuq persuna jew proprjeta’ li għalihom huwa jew membru mill-familja tiegħu huwa suġġett minħabba l-posizzjoni jew id-dmirijiet tiegħu”. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Unjoni “għandhom jikkumpensaw [għandha tikkumpensa] in solidum l-uffiċjal għall-ħsara li sofra fit-tali każijiet, sakemm l-uffiċjal ma kkawżax il-ħsara intenzjonalment jew b’negliġenza gravi u ma kienx kapaċi jikseb kumpens mill-persuna li kkważata”.

57      F’dan ir-rigward, l-obbligu ta’ assistenza stabbilit bl-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa intiż għad-difiża tal-uffiċjali u tal-aġenti, mill-istituzzjoni tagħhom, kontra l-aġir ta’ terzi u mhux kontra l-atti li joriġinaw mill-istituzzjoni nnifisha, li l-investigazzjoni tagħhom taqa’ taħt dispożizzjonijiet oħra tar-Regolamenti tal-Persunal (sentenzi tas‑17 ta’ Diċembru 1981, Bellardi‑Ricci et vs Il‑Kummissjoni, 178/80, EU:C:1981:310, punt 23, u tad‑9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il‑Kummissjoni, T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 45). Dan espost, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, uffiċjali jew aġenti oħra jew membri ta’ istituzzjoni tal-Unjoni, bħall-Kap tad-diviżjoni, jistgħu jitqiesu li huma terzi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 1979, V. vs Il‑Kummissjoni, 18/78, EU:C:1979:154, punt 15).

58      Għalhekk, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, fir-rigward tad-danni morali li r-rikorrenti allegatament ġarrbu minħabba l-aġir tal-Kap tad-diviżjoni, fl-ewwel lok huma għandhom ifittxu l-kumpens għal tali dannu permezz ta’ kawża għad-danni quddiem qorti nazzjonali, peress li huwa ċar li, b’applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa biss meta tali dannu ma jistax jiġi kkumpensat li l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tinżamm responsabbli in solidum għall-kumpens għad-danni kkawżati lir-rikorrenti b’dan l-aġir ta’ “terz” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 112).

59      Madankollu, għandu jiġi ppreċiżat li, skont id-dmir ta’ assistenza, l-Awtorità tal-Ħatra tista’ tkun obbligata tassisti lir-rikorrenti, b’mod partikolari finanzjarjament, f’tali kawża għad-danni, f’dan il-każ sabiex jiksbu, permezz ta’ azzjoni ġudizzjarja “assistita”, dikjarazzjoni li l-aġiri fil-konfront tagħhom, minħabba l-kwalità tagħhom jew il-funzjonijiet tagħhom u li ġġustifika t-talba għal assistenza, jiġu ddikjarati illegali u li jagħtu lok għal kumpens minn qorti nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Settembru 2016, De Esteban Alonso vs Il‑Kummissjoni, T‑557/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:456, punt 42, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 113 u l-ġurisprudenza ċċitata).

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-talbiet għad-danni b’rabta mad-dannu mġarrab mir-rikorrenti b’riżultat tal-aġir tal-Kap tad-diviżjoni bħala tali għandhom għalhekk jiġu miċħuda, inklużi dawk li jikkonċernaw allegat ksur mill-Kap tad-diviżjoni tad-dritt tagħhom għall-protezzjoni tas-sigriet mediku, li barra minn hekk ma kienx invokat fit-talba għad-danni.

c)      Fuq it-talbiet għad-danni dwar in-natura mhux xierqa tal-miżuri ta’ assistenza adottati fil-każ inkwistjoni mill-Awtorità tal-Ħatra

1)      Fuq l-aġir tal-Awtorità tal-Ħatra matul is-sena 2013

61      Ir-rikorrenti jikkritikaw qabel kollox lill-Awtorità tal-Ħatra għall-passività tagħha fit-trattament tas-senjalazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, li huma kellhom l-intenzjoni li jagħmlu permezz tal-ittra tal‑11 ta’ Novembru 2013, li kienet tirreferi wkoll għal dikjarazzjonijiet ta’ parti minn fosthom li kienu rreġistrati fil-fajls mediċi rispettivi tagħhom u riprodotti f’nota stabbilita mis-Servizz Mediku f’Ottubru 2013. Fil-fehma tagħhom, l-Awtorità tal-Ħatra kellha, sa mis-sena 2013, tieħu l-miżuri sabiex twaqqaf il-ksur mill-Kap tad-diviżjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.

62      F’dan ir-rigward, il-fastidju psikoloġiku huwa pprojbit mill-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u, konsegwentement, aġir ta’ uffiċjal li jaqa’ taħt din il-projbizzjoni jista’ jiġi kkunsidrat bħala “nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi mill-uffiċjali tal-Unjoni” u b’hekk ikun is-suġġett ta’ senjalazzjoni skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, li jipprevedi li “[k]ull uffiċjal li matul jew f’konnessjoni mal-qadi ta’ dmirijietu, isir jaf b’xi fatti li joħolqu supposizzjoni għall-eżistenza ta’ attività possibbilment illegali, inklużi frodi jew korruzzjoni, li hija detrimentali għall-interessi tal-Unjoni, jew ta’ kondott [kondotta] relatata mat-twettiq tad-dmirijiet professjonali [tiegħu] li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas serju biex iħarsu l-obbligi tal-uffiċjali tal-Unjoni [nuqqas serju ta’ twettiq tal-obbligi mill-uffiċjali tal-Unjoni], għandhu mingħajr dewmien javża jew lis-superjur ta’ fuqu eżatt jew id-Direttur Ġenerali tiegħu jew, jekk jaħseb li tkun utli, lis-Segretarju Ġenerali, jew il-persuni fil-posizzjonijiet ekwivalenti, jew dirett lill-Uffiċċju Ewropew ta’ Kontra l-Frodi (OLAF)” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Ottubru 2014, Bermejo Garde vs KESE, T 530/12 P, EU:T:2014:860, punt 106).

63      Dwar dan il-punt, ir-rikorrenti jaffermaw ġustament li l-ittra tal‑11 ta’ Novembru 2013 ma kellhiex titqies bħala talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda bħala senjalazzjoni fis-sens tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, fl-imsemmija ittra u bħalma spjegaw huma stess fit-talba għal assistenza mressqa sussegwentement, li fiha spjegaw li kien “[s]abiex jevitaw l-iżvolġiment irregolari tat-test u filwaqt li jiġu osservati l-obbligi tagħhom li jirriżultaw mill-Artikolu 2[2] tar-Regolamenti tal-Persunal [li huma kienu] avżaw bil-miktub [lid-Direttur Ġenerali]” [traduzzjoni mhux uffiċjali], ir-rikorrenti kienu talbu essenzjalment id-differiment tat-test tal-lingwa, filwaqt li indikaw it-tħassib tagħhom dwar l-istat mentali tal-Kap tad-diviżjoni u l-aġir tiegħu fid-dipartiment. Min-naħa l-oħra, din l-ittra ma kinitx issemmi, mill-inqas b’mod espliċitu, l-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali. Din iktar irrapportat, essenzjalment, diffikultajiet, inkluż ta’ kunflitt, fi ħdan id-diviżjoni, kif ukoll il-ksur mill-Kap tad-diviżjoni tal-prinċipju elementari tal-indipendenza tal-bordijiet tal-għażla inkarigati sabiex jiddeċiedu dwar il-kompetenzi professjonali tal-uffiċjali.

64      Billi ddeċidiet, xi ġranet wara li rċeviet l-ittra tal‑11 ta’ Novembru 2013, minn naħa, li tafda lid-Direttur bit-tmexxija ta’ investigazzjoni, interna fi ħdan id-Direttorat Ġenerali u li tirrigwarda l-fatti li r-rikorrenti kienu informawha bihom u, min-naħa l-oħra, li tiddifferixxi t-test tal-lingwa li għalih kellu jipparteċipa l-Kap tad-diviżjoni, l-Awtorità tal-Ħatra, fil-persuna tad-Direttur Ġenerali, laqgħet it-talba tar-rikorrenti, kif ifformulata f’din l-ittra u li taqa’ taħt l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, minkejja li n-natura u l-portata ta’ din l-investigazzjoni, interna fi ħdan id-Direttorat Ġenerali, ma kinitx ippreċiżata fl-ittra bi tweġiba tat‑18 ta’ Novembru 2013.

65      F’dan ir-rigward, peress li, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilha, l-amministrazzjoni tista’, għal dan il-għan u billi tipprovdi l-mezzi loġistiċi u umani xierqa, tiddeċiedi li tafda t-tmexxija ta’ tali investigazzjoni lill-ġerarkija tal-istituzzjoni, bħalma huwa direttur (ara, b’analoġija, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata), ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Awtorità tal-Ħatra dwar il-fatt li d-Direttur Ġenerali fada lid-Direttur bit-tmexxija tal-investigazzjoni marbuta mas-senjalazzjoni, fis-sens tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, magħmula mir-rikorrenti permezz tal-ittra tagħhom tal‑11 ta’ Novembru 2013.

66      Fir-rigward tar-riferiment tar-rikorrenti għall-eżistenza ta’ dikjarazzjonijiet irreġistrati fil-fajls mediċi rispettivi tagħhom u f’nota stabbilita minn wieħed mill-uffiċjali mediċi tas-Servizzi Mediku, dan huwa ineffettiv.

67      Fil-fatt, fi ħdan kull istituzzjoni, huma biss il-professjonisti tas-saħħa li jifformaw is-Servizz Mediku, li huma suġġetti għar-regoli deontoloġiċi tal-professjoni ta’ tabib, li huma awtorizzati jagħmlu djanjosi medika u jikkomunikaw lill-Awtorità tal-Ħatra l-informazzjoni li din tal-aħħar jista’ jkollha bżonn sabiex teżerċita s-setgħat mogħtija lilha mir-Regolamenti tal-Persunal u mill-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (sentenza tal‑10 ta’ April 2019, AV vs Il‑Kummissjoni, T‑303/18 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:239, punt 109).

68      F’dan ir-rigward, ma jirriżultax li, fil-każ ineżami, is-Servizz Mediku informa, fuq l-inizjattiva tiegħu, lill-persuna mill-Parlament awtorizzata li tittratta talbiet għal assistenza f’isem l-Awtorità tal-Ħatra, jiġifieri d-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” jew, jekk ikun il-każ, is-Segretarju Ġenerali, bl-aġir tal-Kap tad-diviżjoni li seta’ jaqa’ taħt l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal. L-iktar l-iktar, mill-posta elettronika tal‑11 ta’ Jannar 2014 jirriżulta li wieħed mir-rikorrenti bagħat lill-konsulent tagħhom kopja ta’ nota attribwita lis-Servizz Mediku filwaqt li indikat li anki d-Direttur kien irċieva kopja. Madankollu, dan tal-aħħar ma kienx il-persuna mill-Parlament awtorizzata li tittratta talbiet għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal.

69      F’dawn iċ-ċirkustanzi, qabel l-intervent tal-ittra tal‑11 ta’ Novembru 2013, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tiġi kkritikata li injorat l-eżistenza u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet ta’ ċerti uffiċjali tad-diviżjoni magħmula matul is-sena 2013 lis-Servizz Mediku u li kienu ġew irreġistrati minn dan tal-aħħar f’nota prodotta mir-rikorrenti.

70      Fir-rigward tal-fatt li r-rikorrenti bagħtu lid-Direttur Ġenerali, flimkien mal-ittra tagħhom tal‑11 ta’ Novembru 2013, kopja tan-nota tas-Servizz Mediku li tiġbor fil-qosor id-dikjarazzjonijiet tagħhom magħmula lil dan is-servizz, għandu jiġi rrilevat, għal darba oħra, li, għall-finijiet tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, id-Direttur Ġenerali kien ċertament, bħala superjur ġerarkiku tad-Direttur u tal-Kap tad-diviżjoni, il-persuna awtorizzata li jinforma lill-Awtorità tal-Ħatra. Madankollu, huwa ma kienx il-persuna awtorizzata li tittratta, f’isem l-Awtorità tal-Ħatra, talba għal assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal dwar fatti ta’ fastidju psikoloġiku fis-sens tal-Artikolu 12a tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal.

71      Sussegwentement, indipendentement mill-fatt li ma huwiex ittimbrat mis-Servizz Mediku, id-dokument imsemmi mir-rikorrenti u prodott bħala l-Anness A.7 tar-rikors jikkonferma biss li dawn tal-aħħar kienu rċevew konsultazzjoni fil-kuntest tar-roster tas-Servizz Mediku tal-Parlament.

72      Dan espost, għandu jitfakkar li l-pariri tal-periti mediċi ma humiex ta’ natura li jistabbilixxu, waħedhom, l-eżistenza, fid-dritt, ta’ fastidju jew ta’ nuqqas tal-istituzzjoni fir-rigward tad-dmir ta’ assistenza tagħha (sentenzi tas‑6 ta’ Frar 2015, BQ vs Il‑Qorti tal‑Awdituri, T‑7/14 P, EU:T:2015:79, punt 49; tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 127, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 92). B’mod partikolari, għalkemm l-uffiċjali mediċi tal-istituzzjoni jistgħu juru li l-uffiċjali jew l-aġenti għandu diffikultajiet mentali, madankollu dawn ma jistgħux jistabbilixxu li l-imsemmija problemi jirriżultaw minn fastidju psikoloġiku, peress li, sabiex jikkonkludu li hemm tali fastidju, l-awturi ta’ tali dikjarazzjoni medika jibbażaw ruħhom neċessarjament u esklużivament fuq id-deskrizzjoni li l-partijiet ikkonċernati jkunu tawhom tal-kundizzjonijiet tax-xogħol tagħhom fi ħdan l-istituzzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il‑Parlament, T‑218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 106; tat‑2 ta’ Diċembru 2008, K vs Il‑Parlament, F‑15/07, EU:F:2008:158, punt 41, u tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 127), mingħajr tqabbil bejn din il-verżjoni tal-fatti u dik tal-persuna implikata, fl-aġir tagħha, mill-imsemmija uffiċjali jew aġenti.

73      Ċertament, ma huwiex eskluż li, f’ċerti ċirkustanzi, kap ta’ dipartiment jew is-Servizz Mediku ta’ istituzzjoni jkunu jistgħu javviċinaw lill-Awtorità tal-Ħatra dwar l-eżistenza ta’ każ potenzjali ta’ ksur ċar jew evidenti tal-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u li dan ikun jista’ jwassal lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tiftaħ ex officio investigazzjoni amministrattiva mingħajr ma jkun hemm talba għal assistenza, akkumpanjata minn prova prima facie, imressqa mill-allegata vittma.

74      Madankollu, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, sa fejn ir-rikorrenti naqsu, dak iż-żmien, milli jressqu formalment talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal quddiem il-persuna jew il-persuni awtorizzati sabiex jittrattaw it-talbiet għal assistenza fi ħdan il-Parlament, huma, li kellhom l-intenzjoni li jillimitaw ruħhom għal senjalazzjoni skont l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal mingħajr ma jinvokaw ksur tal-Artikolu 12a tal-imsemmija Regolamenti tal-Persunal, ma jistgħux jikkritikaw lill-Awtorità tal-Ħatra talli ma fetħitx spontanjament, sa mis-sena 2013, investigazzjoni amministrattiva dwar il-fatti ta’ fastidju psikoloġiku, u lanqas talli, f’dan l-istess żmien, ma adottatx miżuri ta’ tneħħija kontra l-Kap tad-diviżjoni.

75      Għalhekk għandu jiġi konkluż li fil-każ ineżami l-Awtorità tal-Ħatra la kisret l-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, la d-dmir tagħha ta’ premura u lanqas il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi ma adottatx, sa mill‑2013, miżuri ta’ assistenza favur ir-rikorrenti sabiex tirrimedja għas-sitwazzjoni fil-forma kif setgħet kienet magħrufa minnha f’dak iż-żmien.

76      Fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li skontha d-Direttur mexxa l-investigazzjoni amministrattiva, interna għad-Direttorat Ġenerali u miftuħa b’reazzjoni għas-senjalazzjoni tagħhom, b’mod parzjali billi bdiha b’intervisti ma’ tliet persuni li kellhom il-fiduċja tal-Kap tad-diviżjoni u li setgħu jiġu influwenzati iktar faċilment, sabiex jikkonvinċihom li dan kien komplott tar-rikorrenti, għandu jiġi kkonstatat li din la hija ssostanzjata u lanqas ma hija pprovata u li, għaldaqstant, għandha titqies bħala spekulattiva.

77      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar li l-entità fdata b’investigazzjoni amministrattiva, li għandha l-obbligu li tinvestiga b’mod proporzjonat il-fajls li jinġabu quddiemha, għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward ta’ kif titmexxa l-investigazzjoni u, b’mod partikolari, l-evalwazzjoni tal-kwalità u tal-utilità tal-kooperazzjoni mogħtija minn xhieda (sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il‑Parlament, T‑218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 97, u tal‑11 ta’ Lulju 2013, Tzirani vs Il‑Kummissjoni, F‑46/11, EU:F:2013:115, punt 124). Issa, l-għażla tal-persuni mismugħa mid-Direttur kif ukoll id-deċiżjoni tad-Direttur Ġenerali li jafda din l-investigazzjoni interna fi ħdan id-Direttorat Ġenerali lill-imsemmi Direttur f’Novembru 2013 kienu jaqgħu taħt is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Awtorità tal-Ħatra f’dan il-qasam u, dwar dan il-punt, ir-rikorrenti baqgħu ma wrewx li l-Awtorità tal-Ħatra f’dan ir-rigward qabżet il-limiti tas-setgħa tagħha.

78      Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti lanqas ma taw prova tal-allegazzjoni tagħhom li skontha d-Direttur ma kienx “żgura ż-żamma tal-investigazzjoni li [kienet] fdat[lu l-Awtorità tal-Ħatra]” fl‑2013.

79      Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, it-talbiet għal kumpens għandhom jiġu miċħuda sa fejn dawn jirrigwardaw l-aġir tal-Awtorità tal-Ħatra qabel il-preżentazzjoni tat-talba għal assistenza.

2)      Fuq il-miżuri adottati mill-Awtorità tal-Ħatra wara l-preżentazzjoni tat-talba għal assistenza

80      Fir-rigward tal-aġir tal-Awtorità tal-Ħatra wara l-preżentazzjoni tat-talba għal assistenza, jiġifieri fl‑24 ta’ Jannar 2014, għandu jitfakkar li, meta l-Awtorità tal-Ħatra jew, skont il-każijiet, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ reklutaġġ tiġi adita, abbażi tal-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, b’talba għal assistenza fis-sens tal-Artikolu 24 tal-imsemmija regolamenti tal-persunal, hija għandha, abbażi tal-obbligu ta’ assistenza u jekk din l-awtorità tkun affaċċjata b’inċident inkompatibbli mal-ordni u mas-serenità tas-servizz, tintervjeni bl-enerġija kollha neċessarja u tirrispondi bil-ħeffa u bil-premura meħtieġa miċ-ċirkustanzi tal-każ bil-għan li tistabbilixxi l-fatti u li minnhom tislet, b’għarfien tal-fatti, il-konsegwenzi xierqa. Għal dan il-għan, huwa biżżejjed li l-uffiċjal jew l-aġent li jitlob il-protezzjoni tal-istituzzjoni tiegħu jipproduċi prova prima facie tar-realtà tal-attakki li huwa jiddikjara li jkun qiegħed iġarrab. Fil-preżenza ta’ tali provi, hija l-istituzzjoni inkwistjoni li għandha tieħu l-miżuri xierqa, b’mod partikolari billi ssir investigazzjoni amministrattiva, sabiex jiġu stabbiliti l-fatti li jkunu wasslu għall-ilment, b’kollaborazzjoni mal-persuna li tkun ressqet dan l-ilment (sentenzi tas‑26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, EU:C:1989:38, punti 15 u 16, u tal‑25 ta’ Ottubru 2007, Lo Giudice vs Il‑Kummissjoni, T‑154/05, EU:T:2007:322, punt 136; ara wkoll, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata) u, fid-dawl tar-riżultati tal-investigazzjoni, li għandha tadotta l-miżuri neċessarji, bħalma huma, kif sar fil-każ ineżami, il-ftuħ ta’ proċedura dixxiplinari kontra l-persuna implikata meta l-amministrazzjoni tikkonkludi, fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, li kien hemm fastidju psikoloġiku.

81      Fil-preżenza ta’ allegazzjonijiet ta’ fastidju, l-obbligu ta’ assistenza jinkludi, b’mod partikolari, id-dmir għall-amministrazzjoni li teżamina serjament, b’ħeffa u bil-kunfidenzjalità kollha, it-talba għal assistenza li fiha jiġi allegat fastidju u li tinforma lill-persuna li tagħmel din it-talba bis-segwitu mogħti lilha (sentenzi tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283 punt 47, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 98).

82      F’dak li jirrigwarda l-miżuri li għandhom jittieħdu f’sitwazzjoni li, bħal f’dan il-każ, taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-amministrazzjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, suġġetta għall-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni, fl-għażla tal-miżuri u tal-mezzi ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara s-sentenzi tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 99 u l-ġurisprudenza ċċitata), anki jekk, fir-rigward tal-kwistjoni jekk fatti jikkostitwixxux jew le fastidju psikoloġiku jew sesswali, konstatazzjoni li hija tista’ twettaq biss fi tmiem investigazzjoni amministrattiva, hija ma għandhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenzi tad‑29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il‑Parlament, T‑218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 123; tat‑13 ta’ Lulju 2018, SQ vs BEI, T‑377/17, EU:T:2018:478, punt 99, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 75).

83      Fil-każ ineżami, il-Parlament ma jikkontestax il-fatt li t-talba għal assistenza kienet akkumpanjata minn prova prima facie suffiċjenti insostenn tal-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku u sesswali li kien fiha.

84      Issa, meta l-persuna li tagħmel it-talba għal assistenza tipprovdi prova prima facie suffiċjenti tal-allegazzjonijiet tagħha, minn naħa, l-amministrazzjoni hija obbligata li tiftaħ investigazzjoni amministrattiva sabiex tiċċara l-fatti u tkun tista’ tadotta sussegwentement, jekk ikun il-każ, il-miżuri ta’ assistenza xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punt 94), mingħajr ma jkollha, f’dan ir-rigward, setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-opportunità li tiftaħ u tmexxi l-imsemmija investigazzjoni amministrattiva u, min-naħa l-oħra, l-investigazzjoni għandha tinbeda mingħajr dewmien sabiex tkun tista’, eventwalment, terġa’ tistabbilixxi kundizzjonijiet tax-xogħol konformi mal-interess tas-servizz.

85      Għalkemm, fil-każ ineżami, l-Awtorità tal-Ħatra ċertament fetħet l-investigazzjoni amministrattiva b’reazzjoni għat-talba għal assistenza, hija madankollu għamlet dan biss fid‑19 ta’ Marzu 2014 u informat lir-rikorrenti b’dan biss f’April 2014, jiġifieri kważi tliet xhur wara l-preżentazzjoni ta’ din it-talba. Għandu jiġi kkonstatat li, minħabba dan, l-Awtorità tal-Ħatra kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, filwaqt li esponiet lir-rikorrenti għal inċertezza fir-rigward tas-segwitu mogħti lit-talba tagħhom.

86      Fir-rigward tal-laqgħa tad‑29 ta’ Jannar 2014, ir-rikorrenti, fid-dawl b’mod partikolari tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa rrikonoxxuta lill-Awtorità tal-Ħatra fl-organizzazzjoni tad-dipartimenti tagħha, għadhom ma wrewx kif il-preżenza tad-Direttur u ta’ konsulent ġuridiku assenjat mad-Direttur Ġenerali kisret dispożizzjoni applikabbli tar-Regolamenti tal-Persunal. B’mod partikolari, għandu jitfakkar li, fit-talba għal assistenza, l-unika persuna implikata formalment u direttament kienet il-Kap tad-diviżjoni. Għalhekk, fl-assenza ta’ allegazzjonijiet li jikkonċernaw lil persuni oħra u minkejja li r-rikorrenti setgħu suġġettivament iqisu li d-Direttur kien solidari mal-Kap tad-diviżjoni u li huwa ma kienx tahom, matul is-sena 2013, l-assistenza li kienet dovuta lilhom skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, l-Awtorità tal-Ħatra bl-ebda mod ma kisret din id-dispożizzjoni billi pprevediet il-preżenza tad-Direttur u tal-imsemmi konsulent ġuridiku għal-laqgħa tad‑29 ta’ Jannar 2014.

87      Fir-rigward tar-rimarki li d-Direttur għadda matul din il-laqgħa tad‑29 ta’ Jannar 2014, għandu jiġi nnotat li huwa kien is-superjur ġerarkiku tal-Kap tad-diviżjoni implikat fit-talba għal assistenza, li huwa nnifsu ma kienx, f’dan l-istadju, implikat formalment u direttament minn din it-talba għal assistenza u li kien lilu li r-rikorrenti indirizzaw fl-ewwel lok matul is-sena 2013 u mhux lill-Awtorità tal-Ħatra fil-persuna tad-Direttur Ġenerali tad-DĠ “Persunal” jew, jekk ikun il-każ, tas-Segretarju Ġenerali.

88      F’dawn il-kundizzjonijiet, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tiddeċiedi li tinforma lid-Direttur bl-eżistenza tat-talba għal assistenza, inkluż sabiex huwa jgħinha fit-trattament ta’ din it-talba. Fil-fatt, għalkemm huwa ċertament preferibbli, bħala prinċipju, għal raġunijiet ta’ protezzjoni kemm tal-allegata vittma kif ukoll tal-integrità professjonali tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju li, bħala l-ewwel pass, l-Awtorità tal-Ħatra ma tinformax lil din tal-aħħar, u lanqas lil terzi oħra, bil-preżentazzjoni ta’ talba għal assistenza, dan ma jikkonċernax lill-persuni li jokkupaw pożizzjonijiet ġerarkikament superjuri għal dawk tal-persuna allegatament responsabbli għall-fastidju u tal-allegata vittma. L-iktar ħaġa essenzjali, f’dan ir-rigward, huwa li l-iżvelar tal-eżistenza tat-talba għal assistenza ma jippreġudikax l-effikaċja tal-investigazzjoni (sentenza tad‑29 ta’ Ġunju 2018, HF vs Il‑Parlament, T‑218/17, taħt appell, EU:T:2018:393, punt 165).

89      Fir-rigward tal-allegata eżitazzjoni tal-Awtorità tal-Ħatra sabiex teżonera lill-Kap tad-diviżjoni mill-funzjonijiet tiegħu billi tassenjah mill-ġdid għal xogħol li ma jippermettilux li jibqa’ f’kuntatt mar-rikorrenti, għandu jitqies li, fid-dawl tal-gravità tal-fatti allegati fil-każ ineżami, b’mod partikolari tal-allegazzjonijiet ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol ta’ wieħed mill-membri tad-diviżjoni, kif ukoll tal-kredibbiltà tal-provi prodotti mir-rikorrenti, li kienu jammontaw, barra minn hekk, għal kważi d-diviżjoni kollha, l-Awtorità tal-Ħatra kienet obbligata, abbażi tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, tadotta miżura ta’ tneħħija sħiħa tal-Kap tad-diviżjoni. Madankollu, bħalma afferma l-Parlament, fl-adozzjoni ta’ tali miżura, l-Awtorità tal-Ħatra tibqa’ marbuta li tirrispetta d-drittijiet tal-persuna implikata, b’mod partikolari d-drittijiet tad-difiża u l-preżunzjoni tal-innoċenza, b’kunsiderazzjoni tal-fatt li hija biss it-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva sa tmiemha li tista’ tippermetti l-adozzjoni ta’ miżuri ta’ assistenza definittivi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 57).

90      Fil-każ ineżami, għalkemm l-Awtorità tal-Ħatra effettivament assenjat mill-ġdid lill-Kap tad-diviżjoni għal xogħol ieħor u ħatret kap ta’ diviżjoni ieħor għat-tmexxija tad-diviżjoni kif ukoll għall-evalwazzjoni tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jirrikonoxxi l-Parlament stess, il-Kap tad-diviżjoni, effettivament, kompla jkollu rwol residwu fix-xogħlijiet tad-diviżjoni, b’mod partikolari fil-ġestjoni tal-leave u tat-taħriġ kif ukoll fil-kuntest tal-eżerċizzju ta’ evalwazzjoni 2014, minkejja li, konformement mal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Kap tad-diviżjoni kellu jinżamm kompletament ’il bogħod mill-ġestjoni ta’ din id-diviżjoni matul il-perijodu kollu tal-investigazzjoni amministrattiva. Bl-istess mod, minkejja li, fl-istennija tar-riżultati tal-investigazzjoni amministrattiva, il-Kap tad-diviżjoni ma setax, fuq il-bażi biss tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti, ikun is-suġġett ta’ sanzjoni dixxiplinari jew ta’ kwalunkwe miżura amministrattiva ekwivalenti oħra, jidher manifestament mhux xieraq li l-Kap tad-diviżjoni kien ġie assenjat, matul il-perijodu kollu tal-investigazzjoni amministrattiva u tal-proċedura dixxiplinari sussegwenti, funzjonijiet, [kunfidenzjali], li kienu jinvolvu li huwa jkun jista’ jitħallat ta’ kuljum mar-rikorrenti li kienu jifformaw il-maġġoranza tad-diviżjoni u, jekk ikun il-każ, jintimidahom jew jheddidhom.

91      Minħabba dan, il-ksur mill-Awtorità tal-Ħatra tal-obbligu impost fuqha mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal li tbiegħed effettivament lill-Kap tad-diviżjoni mill-membri l-oħra ta’ din id-diviżjoni kellu l-effett li ma jerġax jistabbilixxi bis-sħiħ kundizzjonijiet tax-xogħol li josservaw id-dinjità tar-rikorrenti fis-sens tal-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

92      Fir-rigward tal-aġir tad-Direttur, ipperċepit mir-rikorrenti bħala li kien partiġġjan u favur il-Kap tad-diviżjoni, jidher li, bl-eċċezzjoni ta’ A, ir-rikorrenti ma kellhomx l-intenzjoni li jattribwixxu lid-Direttur atti li jaqgħu taħt l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal u ma ressqux talba għal assistenza sabiex l-Awtorità tal-Ħatra tipproteġihom mill-aġir tad-Direttur li huma qegħdin issa jikkritikaw fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

93      Fir-rigward ta’ A, jidher li, minbarra t-talba li tikkonċerna lill-Kap tad-diviżjoni, fit‑23 ta’ Jannar 2015, huwa ressaq talba quddiem l-Awtorità tal-Ħatra sabiex id-Direttur ma jibqax responsabbli mill-evalwazzjoni tiegħu. F’din it-talba, il-parti kkonċernata qieset li, għal erba’ snin, huwa kien is-suġġett ta’ abbuż ta’ poter u ta’ fastidju psikoloġiku mid-Direttur li kellhom konsegwenzi fuq is-saħħa tiegħu. Din it-talba, ikklassifikata mill-Awtorità tal-Ħatra bħala talba għal assistenza, ġiet miċħuda permezz ta’ deċiżjoni tagħha meħuda fis‑16 ta’ Frar 2015, minħabba li s-Segretarju Ġenerali ħatar lid-Direttur bħala evalwatur tal-appell fil-kuntest tal-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 għall-persunal kollu tad-diviżjoni, u dan qabel ma ġiet imressqa din it-talba għal assistenza.

94      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li A la ppreżenta lment kontra din id-deċiżjoni ta’ ċaħda tat-talba tiegħu għal assistenza li ssemmi lid-Direttur u lanqas ma ppreżenta rikors abbażi tal-Artikolu 270 TFUE. Barra minn hekk, l-Awtorità tal-Ħatra ma tistax tiġi kkritikata tali ma adottatx, qabel it‑23 ta’ Jannar 2015, data tal-preżentazzjoni tat-talba għal assistenza ta’ A, miżuri fir-rigward tad-Direttur, peress li hija ma kinitx konxja, qabel din id-data, li huwa kien ikkritikat li ma jġibx ruħu konformement mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, l-aġir ikkritikat tad-Direttur fir-rikors kien preċedenti għall-imsemmija talba tat‑23 ta’ Jannar 2015.

95      Għalhekk, it-talbiet għad-danni tar-rikorrenti fir-rigward tal-allegat nuqqas tal-Awtorità tal-Ħatra li tadotta miżuri ta’ assistenza sabiex tirrimedja għall-aġir tad-Direttur għandhom jiġu miċħuda.

96      Fir-rigward tal-allegati rimarki negattivi li jinsabu fir-rapporti ta’ evalwazzjoni ta’ xi wħud mir-rikorrenti stabbiliti fi tmiem il-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 li tmexxiet mid-Direttur, il-Parlament irrikonoxxa li l-kummenti li ma kinux ibbażati fuq provi materjali verifikabbli kienu tħassru. Dan l-approċċ salutari tal-Awtorità tal-Ħatra li wassal sabiex ir-rapporti kkonċernati jiġu kkoreġuti minn direttur ieħor tal-istess DĠ jikkonferma madankollu li d-Direttur effettivament seta’ jintervjeni b’mod negattiv u ppreġudikat fil-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ xi wħud mir-rikorrenti, inkluż billi jsemmi t-talba għal assistenza matul l-intervisti relatati mal-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 u billi żvela li huwa kien ikkonsulta lill-Kap tad-diviżjoni dwar l-evalwazzjoni.

97      Ċertament, billi kkorreġiet ir-rapporti ta’ evalwazzjoni kkonċernati, l-Awtorità tal-Ħatra setgħet tistabbilixxi mill-ġdid l-oġġettività tal-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014. Madankollu, f’kuntest fejn talba għal assistenza kienet fil-proċess li tiġi ttrattata, dan l-element jistabbilixxi l-eżistenza ta’ illegalità fit-tmexxija tal-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 li tiġġustifika li l-Awtorità tal-Ħatra tiġi kkundannata tikkumpensa d-danni morali tar-rikorrenti f’dan ir-rigward.

98      Dan espost, sa fejn ir-rikorrenti, b’mod partikolari A, għandhom l-intenzjoni li jiksbu kumpens għad-dannu morali kkawżat lilhom mill-“malafami, l-indħil u l-kummenti ta’ ħsara” tad-Direttur u mill-aġir “repetittiv u sistematiku” tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li din it-talba għal kumpens ma tistax tirnexxi.

99      Fil-fatt, minn naħa, li kieku kellu jitqies li huma għandhom l-intenzjoni li jiksbu l-kumpens għad-danni kkawżati lilhom mill-aġir tad-Direttur li huma jqisu li jmur kontra l-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, huma għandhom, bħal fil-każ tad-danni morali allegatament imġarrba minħabba l-aġir tal-Kap tad-diviżjoni, jiftħu kawża quddiem il-qorti nazzjonali li fil-kuntest tagħha, jekk ikun il-każ, huma jistgħu jitolbu l-għajnuna tal-Awtorità tal-Ħatra skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punti 111 sa 113). Min-naħa l-oħra u fi kwalunkwe każ, l-aġir invokat, fid-dawl tal-provi prodotti f’dan l-istadju quddiem il-Qorti Ġenerali, jammonta essenzjalment f’ġestjoni insensittiva ta’ sitwazzjoni kunflittwali fi ħdan id-diviżjoni (ara, fir-rigward ta’ każ ta’ ġestjoni insensittiva fl-istess direttorat amministrattiv, is-sentenzi tas‑17 ta’ Settembru 2014, CQ vs Il‑Parlament, F‑12/13, EU:F:2014:214, punt 128, u tas‑26 ta’ Marzu 2015, CW vs Il‑Parlament, F‑124/13, EU:F:2015:23, punt 117, mhux annullata dwar dan il-punt mis-sentenza tas‑27 ta’ Ottubru 2016, CW vs Il‑Parlament, T‑309/15 P, mhux ippubblikata, EU:T:2016:632).

100    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż, minn naħa, li, fid-dawl tal-obbligu ta’ assistenza impost fuqha mill-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal u mill-Artikolu 31 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-Awtorità tal-Ħatra naqset milli tadotta miżuri ta’ natura li jbiegħdu effettivament lill-Kap tad-diviżjoni mir-rikorrenti u li tiżgura tmexxija imparzjali tal-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014 u, min-naħa l-oħra, li dan in-nuqqas jiġġustifika l-istabbiliment tar-responsabbiltà tal-Parlament.

d)      Fuq it-talbiet għad-danni sa fejn dawn jirrigwardaw it-tul tal-proċeduri

101    Fir-rigward tal-allegazzjonijiet relatati man-natura mhux raġonevoli tat-tul tal-proċedura ta’ investigazzjoni amministrattiva, għandu jitfakkar li, sa fejn ir-Regolamenti tal-Persunal ma jipprevedux dispożizzjoni speċifika dwar it-terminu li fih l-amministrazzjoni għandha tmexxi investigazzjoni amministrattiva, b’mod partikolari fil-qasam tal-fastidju psikoloġiku, l-Awtorità tal-Ħatra għandha, f’dan il-qasam, tosserva l-prinċipju ta’ tul raġonevoli. F’dan ir-rigward, l-istituzzjoni, il-korp jew l-organu tal-Unjoni kkonċernat għandu, fit-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva, jiżgura li kull att adottat isir f’terminu raġonevoli fil-konfront ta’ dak preċedenti (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 101 u l-ġurisprudenza ċċitata).

102    Dwar dan il-punt, in-natura raġonevoli jew le tat-tul ta’ proċedura amministrattiva tiġi evalwata skont dak li hemm inkwistjoni fit-tilwima għall-parti kkonċernata, skont il-kumplessità tal-kawża u skont l-aġir tal-partijiet preżenti (ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il‑Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punti 109 u 113 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-każ tal-allegazzjonijiet dwar fastidju psikoloġiku, li huwa pprojbit mill-Artikolu 12a tar-Regolamenti tal-Persunal, din l-evalwazzjoni għandha ssir mill-mument li fiha l-amministrazzjoni jkollha għarfien suffiċjenti tal-fatti u tal-aġir li jista’ jikkostitwixxi ksur tal-obbligi tar-Regolamenti tal-Persunal ta’ uffiċjali jew aġent wieħed jew iktar implikati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ April 2019, AV vs Il‑Kummissjoni, T‑303/18 RENV, mhux ippubblikata, EU:T:2019:239, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

103    Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li l-amministrazzjoni ma għandhiex setgħa diskrezzjonali wiesgħa fid-definizzjoni ta’ dak li jikkostitwixxi terminu raġonevoli, inqas u inqas f’każijiet allegati ta’ fastidju psikoloġiku li għalihom, minn naħa, konformement mal-ġurisprudenza (sentenza tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punti 101 u 102), l-amministrazzjoni hija obbligata li taġixxi bil-ħeffa kollha meħtieġa, b’mod partikolari bil-għan li tmexxi sa tmiemha l-investigazzjoni amministrattiva u, min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur tal-Unjoni naqas milli jimponi fuq l-amministrazzjonijiet li japplikaw ir-Regolamenti tal-Persunal terminu applikabbli għall-proċeduri ta’ trattament tat-talbiet għal assistenza u għal senjalazzjonijiet magħmula abbażi, rispettivament, tal-Artikolu 24 u tal-Artikolu 22a tar-Regolamenti tal-Persunal, moqrija flimkien mal-Artikolu 12a tal-istess Regolamenti tal-Persunal.

104    Fil-każ ineżami, għandu jiġi rrilevat li l-investigazzjoni amministrattiva nfetħet biss kważi xahrejn wara l-preżentazzjoni tat-talba għal assistenza, minkejja li l-Awtorità tal-Ħatra ma kkontestatx ir-realtà tal-prova prima facie tal-allegazzjonijiet ta’ fastidju psikoloġiku u sesswali li kienu jinsabu fl-imsemmija talba. Sussegwentement, għalkemm is-smigħ tal-persuni li għamlu t-talba għal assistenza u tal-Kap tad-diviżjoni bdew mill‑15 ta’ April 2014, mit-tweġibiet tal-Parlament għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali jirriżulta li r-rapporti tal-investigazzjoni ġew stabbiliti biss fit‑3 ta’ Marzu u fis‑17 ta’ Novembru 2015 mill-investigaturi maħtura mill-Awtorità tal-Ħatra filwaqt li, fis‑6 ta’ Jannar 2016, l-Awtorità tal-Ħatra adixxiet lill-Bord Dixxiplinari bil-każ tal-Kap tad-diviżjoni.

105    Għalhekk, l-Awtorità tal-Ħatra ħadet kważi sentejn biex tittratta t-talba għal assistenza, u dan, f’każ li kien jaffettwa kważi lid-diviżjoni sħiħa, jikkostitwixxi tul taż-żmien mhux raġonevoli.

106    F’dan ir-rigward, il-Parlament ma jistax jinħeba wara l-fatt li l-investigazzjoni amministrattiva kienet tinvolvi numru sinjifikattiv ta’ persuni, minkejja li dawn il-persuni kollha kellhom funzjonijiet fl-istess diviżjoni u kienu, f’dan ir-rigward, disponibbli (ara, għall-kuntrarju, fir-rigward tas-smigħ ta’ xhieda li jinsabu f’diversi Stati Membri u saħansitra fi Stat terz u li jiġġustifika proċedura itwal, is-sentenza tal‑10 ta’ Ġunju 2016, HI vs Il‑Kummissjoni, F‑133/15, EU:F:2016:127, punt 115), iktar u iktar meta dawn kienu qegħdin jistennew it-tmexxija sa tmiemha tal-investigazzjoni amministrattiva. Bl-istess mod, in-neċessità li l-Awtorità tal-Ħatra tipproteġi d-drittijiet tad-difiża tal-persuna implikata fit-talba għal assistenza ma tistax tiġġustifika tali tul, peress li dawn id-drittijiet huma stabbiliti b’mod ċar kemm fl-Artikoli 41 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali kif ukoll, b’mod partikolari, fl-Artikolu 86 tar-Regolamenti tal-Persunal u fl-Anness IX tagħhom.

107    Bħalma jenfasizzaw ir-rikorrenti, il-ksur tat-terminu raġonevoli huwa iktar u iktar dannuż fil-każ ineżami minħabba li dan espona kemm lir-rikorrenti kif ukoll lill-Kap tad-diviżjoni għal sitwazzjoni insodisfaċenti fuq perijodu twil. Issa, l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal jeżiġi li l-Awtorità tal-Ħatra taġixxi bl-ikbar ħeffa possibbli fit-tmexxija tal-investigazzjoni amministrattiva, peress li, minn naħa, ir-rikonoxximent eventwali mill-Awtorità tal-Ħatra fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’ fih innifsu jkollu effett benefiku fil-proċess ta’ rkupru terapewtiku tal-vittmi u jista’ barra minn hekk jintuża minnhom għall-finijiet ta’ eventwali azzjoni ġudizzjarja nazzjonali u, min-naħa l-oħra, it-tmexxija sa tmiemha ta’ investigazzjoni amministrattiva tista’, għall-kuntrarju, tinvalida l-allegazzjonijiet tal-allegata vittma, biex b’hekk tkun tista’ tissewwa l-ħsara li tali akkuża, finalment infondata, setgħet tikkawża lill-persuna indikata inġustament bħala dik li allegatament tat fastidju fi proċedura ta’ investigazzjoni (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 59, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punti 95, 123 u 124).

108    Barra minn hekk, għandu jitqies li l-Awtorità tal-Ħatra naqset mill-obbligu tagħha, skont id-dmir tagħha ta’ assistenza (sentenzi tal‑24 ta’ April 2017, HF vs Il‑Parlament, T‑570/16, EU:T:2017:283, punt 47, u tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 98), li tinforma fi żmien xieraq lill-persuni li ressqu t-talba bis-segwitu mogħti lit-talba tagħhom għal assistenza. Fil-fatt, filwaqt li l-Kap tad-diviżjoni kien ġie informat mid‑19 ta’ Marzu 2014 bil-ftuħ tal-investigazzjoni amministrattiva, ir-rikorrenti ġew informati biss kważi xahar iktar tard. Bl-istess mod, jidher li r-rikorrenti la ġew informati uffiċjalment bid-data li fiha nfetħet il-proċedura dixxiplinari kontra l-Kap tad-diviżjoni u lanqas bin-natura u bil-gravità tas-sanzjoni li ġiet imposta fuq dan tal-aħħar, minkejja li din l-informazzjoni kellha tiġi pprovduta lilhom bħala parti mit-trattament tat-talba għal assistenza.

109    Bl-istess mod, ir-rikorrenti ma rċevewx kopja, jekk ikun il-każ f’verżjoni mhux kunfidenzjali, tar-rapporti stabbiliti fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, minkejja li din it-trażmissjoni kienet neċessarja fid-dawl tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ assistenza, li jimplika li l-Awtorità tal-Ħatra tinforma lill-partijiet ikkonċernati bl-eżitu tat-talba tagħhom għal assistenza, iktar u iktar f’każ, bħal dak inkwistjoni, li fih ir-rikonoxximent mill-Awtorità tal-Ħatra, fir-rapport stabbilit fi tmiem l-investigazzjoni amministrattiva, tal-eżistenza ta’ fastidju psikoloġiku jista’ fih innifsu jkollu effett benefiku fil-proċess ta’ rkupru terapewtiku tal-vittmi u jista’ barra minn hekk jintuża minnhom għall-finijiet ta’ eventwali azzjoni ġudizzjarja nazzjonali (sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2018, Curto vs Il‑Parlament, T‑275/17, EU:T:2018:479, punt 59, u tas‑6 ta’ Ottubru 2015, CH vs Il‑Parlament, F‑132/14, EU:F:2015:115, punti 95, 123 u 124).

110    Dan espost, ir-rikorrenti ma jistgħux jikkritikaw lill-Awtorità tal-Ħatra talli ma mexxietx bil-ħeffa suffiċjenti l-proċedura dixxiplinari mibdija kontra l-Kap tad-diviżjoni. Fil-fatt, din il-proċedura kienet konformi mar-regoli rispettivi tagħha u, b’mod partikolari, mat-termini previsti b’mod strett fl-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal għal kull wieħed mill-istadji li tinvolvi l-imsemmija proċedura dixxiplinari u li, fi kwalunkwe każ, ma jidhrux li nkisru. Fil-fatt, fil-każ ineżami, din il-proċedura, miftuħa fis‑6 ta’ Jannar 2016 bir-riferiment lill-Bord Dixxiplinari, damet ftit iktar minn sena sal-adozzjoni, fis‑27 ta’ Frar 2017, tad-deċiżjoni finali tal-Awtorità tal-Ħatra msemmija fl-Artikolu 22 tal-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal, u dan ma jidhirx li jikkostitwixxi tul taż-żmien mhux raġonevoli fid-dawl tal-kumplessità tal-każ inkwistjoni.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, fit-trattament esklużivament tat-talba għal assistenza, l-Awtorità tal-Ħatra kisret kemm l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll il-prinċipju ta’ tul raġonevoli, u dan jiġġustifika l-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Parlament fil-konfront tar-rikorrenti.

2.      Fuq id-dannu u r-rabta kawżali

112    Fid-dawl tal-fatti kollha tal-każ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti effettivament ġarrbu danni morali li rriżultaw mill-mod kif l-Awtorità tal-Ħatra ttrattat it-talba tagħhom għal assistenza fir-rigward kemm tal-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal kif ukoll tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli u anki bil-mod kif hija, fil-kuntest tat-trattament tat-talba għal assistenza, mexxiet il-proċedura ta’ evalwazzjoni 2014.

113    Madankollu, fir-rigward tal-allegat dannu relatat mar-riżenja ta’ wieħed mill-uffiċjali tad-diviżjoni, li kienet ir-riżultat tal-eżasperazzjoni tiegħu fir-rigward tat-tul tal-proċedura amministrattiva, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li l-imsemmi uffiċjal ma huwiex rikorrent f’din il-kawża u, min-naħa l-oħra, li huwa ċertament irrefera, fl-ittra tiegħu ta’ riżenja, għall-motivi invokati fit-talba għal assistenza, iżda li sussegwentement huwa indika li kien qiegħed jirriżenja biex jaċċetta impjieg fl-Istat Membru ta’ oriġini tiegħu, u dan kien jippermettilu jerġa’ jingħaqad ma’ martu li kellha tqala b’riskji kbar li kienet teħtieġ, għall-futur, il-preżenza permanenti tiegħu viċin tagħha.

114    Fir-rigward tal-kwantifikazzjoni tad-danni morali li jistgħu jiġu invokati mir-rikorrenti, bil-kontra ta’ dak li jsostnu dawn tal-aħħar, il-Qorti Ġenerali ma tistax tinjora l-fatt, enfasizzat mill-Parlament, li din l-istituzzjoni aċċettat li tassumi mhux biss l-ispejjeż ġudizzjarji esposti fil-kuntest tal-kawża preċedenti quddiem il-Qorti Ġenerali li wasslet għad-digriet tas‑17 ta’ Lulju 2017, DQ et vs Il‑Parlament (T‑38/17, mhux ippubblikat, EU:T:2017:557), iżda wkoll u fuq kollox, minn naħa, l-ispejjeż ta’ rappreżentanza tar-rikorrenti fil-kuntest tar-rikors li huma ppreżentaw kontra l-Parlament quddiem qorti Belġjana u, min-naħa l-oħra, l-ispejjeż kollha tal-konsulent tar-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura ta’ trattament tat-talba għal assistenza.

115    Fil-fatt, fir-rigward tal-ispejjeż ta’ rappreżentanza quddiem il-qorti Belġjana, dawn ma jaqgħux taħt id-dmir ta’ assistenza skont l-Artikolu 24 tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li r-rikorrenti ma fetħux kawża kontra l-Kap tad-diviżjoni, iżda kontra l-Parlament. Fir-rigward tal-ispejjeż relatati mat-talba għal assistenza, għandu jitfakkar li, fl-assenza ta’ obbligu ta’ rappreżentazzjoni minn avukat fil-kuntest tal-proċedura prekontenzjuża, dawn l-aħħar spejjeż bħala prinċipju la setgħu jitqiesu bħala spejjeż li jistgħu jinġabru u lanqas jiġu mitluba fil-kuntest ta’ dan ir-rikors għad-danni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Diċembru 2008, Nardone vs Il‑Kummissjoni, T‑57/99, EU:T:2008:555, punti 139 u 140).

116    Fid-dawl tal-premura li kkaratterizzat l-inizjattiva finanzjarju ex gratia tal-Parlament, il-Qorti Ġenerali, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-provi kollha prodotti mir-rikorrenti u li jistgħu jitqiesu bħala illegalitajiet attribwibbli lill-Awtorità tal-Ħatra li kkawżawlhom danni morali, tqis, minn naħa, li ssir evalwazzjoni ġusta ta’ dawn id-danni morali billi tistabbilixxihom, ex æquo et bono, għas-somma totali ta’ EUR 36 000 li għandu jinqasam bejn ir-rikorrenti kollha u, min-naħa l-oħra, li hemm lok li l-kumplament tat-talbiet għad-danni jiġu miċħuda.

C.      Fuq it-talbiet dwar il-kundanna tal-Parlament għall-ħlas ta’ interessi moratorji u kumpensatorji

117    Ir-rikorrenti jitolbu wkoll sabiex il-Parlament jiġi kkundannat “iħallas l-interessi kumpensatorji u l-interessi moratorji akkumulati sadanittant”.

118    Fl-assenza ta’ osservazzjoni speċifika tal-Parlament fir-rigward ta’ dan il-kap tat-talbiet, hemm lok li t-talba tar-rikorrenti tiġi milqugħa billi jiġi deċiż li s-somma ta’ EUR 36 000 għandha tiżdied bl-interessi bir-rata bażika tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid biż-żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs u, fl-assenza ta’ indikazzjoni preċiża tad-data li minnha għandhom jiddekorru tali interessi, li titqies f’dan ir-rigward id-data tal-preżentata tat-talba għal kumpens.

IV.    Fuq l-ispejjeż

119    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, l-Artikolu 134(3) ta’ dawn l-istess regoli jipprevedi li, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha, sakemm il-Qorti Ġenerali ma tqisx iġġustifikat, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, li waħda mill-partijiet għandha, minbarra l-ispejjeż tagħha, tbati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra.

120    Fil-każ ineżami, ir-rikorrenti u l-Parlament tilfu parzjalment fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom. Madankollu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, jidher iġġustifikat li l-Parlament ibati, minbarra l-ispejjeż tiegħu, nofs l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti, filwaqt li jiġi enfasizzat li, għall-finijiet tal-ħlas ta’ dawn l-ispejjeż, il-Parlament jista’ jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħidma tal-konsulent, għall-finijiet tal-preżentata ta’ dan ir-rikors, ġiet iffaċilitata sostanzjalment minn dik li kienet neċessarja għall-finijiet tal-proċedura ta’ trattament tat-talba għal assistenza kif ukoll tal-preżentata tar-rikorsi fil-Kawżi F‑49/14 u T‑38/17, ħidma li diġà ġiet sostnuta finanzjarjament minn din l-istituzzjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat iħallas lil DQ u lir-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness is-somma globali ta’ EUR 36 000, li għandha tinqasam bejniethom, għad-danni morali li huma ġarrbu, miżjuda bl-interessi, mid-data tat13 ta’ Diċembru 2017, bir-rata stabbilita mill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ finanzjament mill-ġdid biż-żieda ta’ tliet punti perċentwali u nofs, u dan sad-data tal-ħlas mill-Parlament tas-somma ta’ EUR 36 000.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu u nofs l-ispejjeż sostnuti minn DQ u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness.

4)      DQ u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jinsab fl-Anness għandhom ibatu nofs l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Valančius

Nihoul

Svenningsen

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit‑3 ta’ Ottubru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1 Il-lista tar-rikorrenti l-oħra hija annessa biss mal-verżjoni nnotifikata lill-partijiet.


2 Data kunfidenzjali mħollija barra.