Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam (Il-Pajjiż il-Baxxi) fl-4 ta’ April 2024 – P vs Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

(Kawża C-244/24, Kaduna 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Rechtbank Den Haag, zittingsplaats Amsterdam

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: P

Konvenut: Staatssecretaris van Justitie en Veiligheid

Domandi preliminari

L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (iktar ’il quddiem id-“Direttiva dwar ir-ritorn”) 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ ritorn f’data ta’ meta l-barrani jkun għadu jirrisjedi legalment fit-territorju ta’ Stat Membru?

Sabiex tingħata risposta għad-domanda preċedenti, huwa rilevanti li d-deċiżjoni ta’ ritorn tinkludi data meta r-residenza legali tintemm, fejn din id-data tinsab fil-futur qrib u li, minbarra dan, l-effetti legali tad-deċiżjoni ta’ ritorn iseħħu biss wara din id-data?

L-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/2409 tad-19 ta’ Ottubru 2023 li testendi l-protezzjoni temporanja kif introdotta bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/382 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li din l-estensjoni tapplika wkoll għal grupp ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz li Stat Membru ikun preċedentement inkluda fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta’ Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta’ dawn 2 skont id-dispożizzjoni fakultattiva tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/382 tal-4 ta’ Marzu 2022 li tistabbilixxi l-eżistenza ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati mill-Ukrajna skont it-tifsira tal-Artikolu 5 tad-Direttiva 2001/55/KE, u li għandha l-effett li tintroduċi protezzjoni temporanja 3 anki jekk dan l-Istat Membru sussegwentement ikun għażel li ma jibqax jagħti l-benefiċċju tal-protezzjoni temporanja lil dan il-grupp ta’ ċittadini ta’ pajjiż terz?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2008, L 348, p. 98.

1     ĠU L 2023/2409.

1     ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 4, p. 162.

1     ĠU 2022, L 71, p. 1.