Language of document : ECLI:EU:T:2024:114

Kawża T763/20

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Inner Mongolia Shuangxin Environment-Friendly Material Co. Ltd

vs

IlKummissjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla Estiża) tal21 ta’ Frar 2024

“Dumping – Importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw miċ-Ċina – Dazju antidumping definittiv – Regolament ta’ implimentazzjoni (UE) 2020/1336 – Kalkolu tal-valur normali – Distorsjonijiet sinjifikattivi fil-pajjiż esportatur – Artikolu 2(6a) tar-Regolament (UE) 2016/1036 – Dritt tal-WTO – Prinċipju ta’ interpretazzjoni konformi – Għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq – Informazzjoni faċilment disponibbli – Nuqqas ta’ kooperazzjoni – Kunċett ta’ ‘informazzjoni neċessarja’ – Artikolu 18 tar-Regolament 2016/1036 – Twaqqigħ tal-prezzijiet – Segmenti tas-suq – Metodu tan-numri ta’ kontroll tal-prodott – Artikolu 3(2) u (3) tar-Regolament 2016/1036 – Drittijiet tad-difiża – Trattament kunfidenzjali – Artikoli 19 u 20 tar-Regolament 2016/1036”

1.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Interpretazzjoni – Metodi – Interpretazzjoni fid-dawl tal-ftehimiet internazzjonali konklużi mill-Unjoni – Interpretazzjoni tar-Regolament 2016/1036 fid-dawl tal-Ftehim antidumping tal-GATT tal1994 – Teħid inkunsiderazzjoni tal-interpretazzjoni adottata mill-Korp għas-Soluzzjoni tat-Tilwim – Interpretazzjoni contra legem tad-dritt sekondarju tal-Unjoni – Inammissibbiltà

(Artikolu 216(2) TFUE; Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim antidumping tal1994); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(6a) u (7))

(ara l-punti 20 sa 22, 28 sa 33, 39 sa 49)

2.      Ftehimiet internazzjonali – Ftehim li jistabbilixxi l-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ – GATT tal1994 – Impossibbiltà li jiġu invokati l-ftehimiet tal-WTO sabiex tiġi kkontestata l-legalità ta’ att tal-Unjoni – Eċċezzjonijiet – Att tal-Unjoni intiż li jiżgura l-eżekuzzjoni tiegħu jew li jirreferi espressament u preċiżament għalih

(Artikolu 216(2) TFUE; Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim antidumping tal1994); Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(6a))

(ara l-punti 23, 24, 38)

3.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Determinazzjoni ta’ dazji antidumping – Dazju antidumping li ma għandux jaqbeż l-ammont neċessarju sabiex jiġu miġġielda l-effetti dannużi tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett tad-dumping – Applikazzjoni tar-regola tad-dazju inferjuri

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(6a))

(ara l-punti 56 sa 58)

4.      Rikors għal annullament – Motivi – Motiv ineffettiv – Kunċett – Motivi mqajma insostenn ta’ rikors kontra regolament li jistabbilixxi dazji antidumping – Motivi li jikkontestaw il-marġni ta’ dumping – Marġni ta’ dumping li ma ntużax għall-finijiet tal-kalkolu tad-dazji antidumping – Motivi ineffettivi – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 62 sa 65, 69, 173)

5.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Distorsjonijiet sinjifikattivi tas-suq fil-pajjiż esportatur – Kalkolu tal-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew ta’ valuri ta’ referenza mingħajr distorsjoni – Kunsiderazzjoni tal-ispejjeż korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv – Għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq – Kriterji – Data rilevanti faċilment disponibbli – Kunċett – Pajjiżi li pprovdew data kunfidenzjali mhux aċċessibbli għall-pubbliku – Esklużjoni

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 2(6a), 6(7), 19 u 20)

(ara l-punti 86 sa 104)

6.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Marġni ta’ dumping – Determinazzjoni tal-valur normali – Distorsjonijiet sinjifikattivi tas-suq fil-pajjiż esportatur – Kalkolu tal-valur normali abbażi ta’ prezzijiet jew ta’ valuri ta’ referenza mingħajr distorsjoni – Kunsiderazzjoni tal-ispejjeż korrispondenti tal-produzzjoni u tal-bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv – Għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet – Kriterji – Livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali – Assenza ta’ rilevanza fil-preżenza ta’ pajjiż rappreżentattiv xieraq wieħed

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 2(6a) u (7)(a))

(ara l-punti 119 sa 134)

7.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Użu tal-informazzjoni disponibbli fil-każ ta’ rifjut ta’ kooperazzjoni tal-impriża – Kundizzjonijiet – Rifjut ta’ aċċess għall-informazzjoni neċessarja – Kunċett ta’ informazzjoni neċessarja – Informazzjoni dwar il-volumi ta’ produzzjoni u l-ispejjeż ta’ manifattura – Inklużjoni

(Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim Antidumping tal1994), Artikolu 6.8; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 18(1) u (3))

(ara l-punti 140 sa 161)

8.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Żvolġiment tal-investigazzjoni – Obbligu tal-Kummissjoni li tiżgura l-informazzjoni tal-partijiet ikkonċernati – Portata – Drittijiet tad-difiża – Ksur – Kundizzjonijiet – Possibbiltà għall-impriża kkonċernata li tiżgura aħjar id-difiża tagħha fl-assenza ta’ irregolarità proċedurali

(Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 19 u 20)

(ara l-punt 166)

9.      Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-istituzzjonijiet – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti

(Artikolu 263 TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3)

(ara l-punti 198, 199)

10.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni – Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet – Metodu ta’ kalkolu – Setgħa ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni – Obbligu għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni s-segmenti tas-suq tal-prodott inkwistjoni – Assenza ħlief għal ċirkustanzi eċċezzjonali

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 1(4) u 3(2) u (3))

(ara l-punti 200 sa 209)

11.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Dannu – Fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni – Effett tal-importazzjonijiet li huma s-suġġett ta’ dumping fuq il-prezzijiet ta’ prodotti simili fis-suq tal-Unjoni – Kalkolu tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezzijiet – Metodu ta’ kalkolu – Obbligu għall-Kummissjoni li tieħu inkunsiderazzjoni t-totalità tal-bejgħ ta’ prodotti simili tal-produtturi tal-Unjoni fil-kampjun – Assenza

(Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikolu 3(2) u (3))

(ara l-punti 240, 244 sa 249)

12.    Politika kummerċjali komuni – Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping – Investigazzjoni – Rispett tad-drittijiet tad-difiża – Obbligu tal-istituzzjonijiet li jiżguraw l-informazzjoni tal-impriżi kkonċernati u li josservaw il-kunfidenzjalità tal-informazzjoni billi jirrikonċiljaw dawn l-obbligi – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiċħad talba għal aċċess tal-impriża kkonċernata għal informazzjoni kunfidenzjali – Assenza ta’ żball ta’ liġi tal-Kummissjoni – Impriża li ma rreferietx din id-deċiżjoni ta’ ċaħda quddiem l-uffiċjal tas-seduta – Ċirkustanza li tikkorrobora l-konklużjoni dwar l-assenza ta’ żball ta’ liġi tal-Kummissjoni

(Ftehim dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu VI tal-Ftehim Ġenerali dwar it-Tariffi u l-Kummerċ (Ftehim Antidumping tal1994), Artikolu 6.5; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2016/1036, Artikoli 6(7), 19 u 20)

(ara l-punti 257, 258, 264 sa 273)

Sunt

Adita minn produttur-esportatur Ċiniż, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors intiż għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2020/1336 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil (iktar ’il quddiem il-“PVAL”) li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (1). F’din l-okkażjoni, il-qorti ppreċiżat il-kunċett ta’ informazzjoni “faċilment disponibbli” fil-kuntest tal-għażla tal-pajjiż rappreżentattiv xieraq għall-kalkolu tal-valur normali tal-prodott ikkonċernat minn investigazzjoni antidumping fil-preżenza ta’ distorsjonijiet sinjifikattivi tas-suq fil-pajjiż esportatur. Hija għamlet ukoll preċiżazzjonijiet dwar il-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja” li kellha tingħata mill-partijiet ikkonċernati lill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni antidumping. F’dan il-każ, il-Kummissjoni, adita b’ilment ippreżentat minn Kuraray Europe GmbH, il-produttur prinċipali ta’ PVAL tal-Unjoni Ewropea, fetħet investigazzjoni antidumping li fi tmiemha hija adottat ir-Regolament ikkontestat.

Kien f’dan il-kuntest li Inner Mongolia Shuangxin Environment-Friendly Material Co. Ltd, kumpannija Ċiniża li tipproduċi u tesporta l-PVAL lejn l-Unjoni Ewropea, li qieset li ġiet leża mid-dazji antidumping stabbiliti mill-Kummissjoni, adixxiet lill-Qorti Ġenerali b’rikors għall-annullament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2020/1336 sa fejn jikkonċernaha (2).

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti sostniet, fl-ewwel lok, li l-Kummissjoni interpretat l-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku (3) b’mod żbaljat. Dan l-artikolu jipprevedi li, meta jitqies li ma jkunx xieraq li wieħed jibbaża ruħu fuq il-prezzijiet u l-ispejjeż fis-suq domestiku tal-pajjiż esportatur minħabba l-eżistenza ta’ distorsjonijiet sinjifikattivi f’dan is-suq, il-valur normali tal-prodott ikkonċernat għandu jiġi kkalkolat esklużivament abbażi tal-ispejjeż ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ li jirrappreżentaw prezzijiet jew valuri ta’ referenza mhux distorti. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni tista’ tuża bħala sorsi ta’ informazzjoni, b’mod partikolari, l-ispejjeż korrispondenti ta’ produzzjoni u ta’ bejgħ f’pajjiż rappreżentattiv xieraq, li għandu livell ta’ żvilupp ekonomiku simili għal dak tal-pajjiż esportatur, sakemm l-informazzjoni rilevanti tkun faċilment disponibbli. Jekk tkun possibbli l-għażla ta’ diversi pajjiżi, għandha tingħata preferenza lill-pajjiż li għandhom livell adegwat ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali.

F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali nnotat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball meta għażlet lit-Turkija, u mhux lill-Messiku, bħala pajjiż rappreżentattiv sabiex tibni l-valur normali tal-prodott ikkonċernat. Fil-fatt, il-Kummissjoni setgħet tibbaża ruħha biss fuq l-informazzjoni pprovduta minn kumpannija stabbilita fit-Turkija, peress li l-informazzjoni pprovduta mill-kumpanniji stabbiliti fil-Messiku ma setgħetx tiġi kklassifikata bħala informazzjoni “faċilment disponibbli”.

Għalhekk, fir-rigward, qabelxejn, tal-kunċett ta’ informazzjoni “faċilment disponibbli”, il-Qorti Ġenerali kkonfermat l-interpretazzjoni letterali adottata mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat li abbażi tagħha “aċċessibbli għall-pubbliku” tfisser disponibbli għall-pubbliku ġenerali filwaqt li “faċilment disponibbli” tfisser disponibbli għal kulħadd sakemm ċerti kundizzjonijiet, bħall-ħlas ta’ dazju, ikunu ssodisfatti. Issa, l-informazzjoni pprovduta mill-kumpanniji stabbiliti fil-Messiku kienet jew ġiet trażmessa biss f’forma kunfidenzjali mhux aċċessibbli għall-pubbliku, jew kienet disponibbli biss għal perijodu differenti minn dak previst mill-investigazzjoni.

Billi bbażat ruħha fuq interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika, il-qorti qieset li dan il-kunċett għandu jiġi interpretat fid-dawl tar-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament bażiku ddedikati għat-trattament kunfidenzjali u għall-informazzjoni tal-partijiet, sabiex jiġu protetti d-drittijiet tad-difiża ta’ dawn tal-aħħar. B’hekk, ir-Regolament bażiku għandu żewġ għanijiet, jiġifieri, minn naħa, li jippermetti lill-partijiet ikkonċernati jiddefendu l-interessi tagħhom b’mod utli u, min-naħa l-oħra, li jippreżerva l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni miġbura matul l-investigazzjoni (4). Għalhekk, meta hija tfittex li tikseb informazzjoni “faċilment disponibbli”, il-Kummissjoni għandha, fid-dawl ta’ dawn l-għanijiet, id-dritt tirrifjuta li tuża informazzjoni li titqies, mill-parti li tkun ipprovdietha, bħala kunfidenzjali u li mingħandha hija ma tkunx tista’ tikseb sunt mhux kunfidenzjali li abbażi tiegħu l-partijiet l-oħra kkonċernati mill-investigazzjoni jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ppreċiżat li, billi aċċettat l-informazzjoni pprovduta mill-kumpannija stabbilita fit-Turkija, il-Kummissjoni ma kisritx id-dmir ta’ diliġenza tagħha meta kkalkolat il-valur normali tal-prodott ikkonċernat b’mod mhux xieraq jew irraġonevoli. Fil-fatt, l-argumenti tar-rikorrenti intiżi sabiex jikkontestaw ir-rilevanza tad-data magħżula – fir-rigward tal-perijodu ta’ investigazzjoni kif ukoll tal-elementi li jinsabu f’din l-informazzjoni – ma kinux sostnuti f’dan il-każ. Għaldaqstant, hija ma pproduċietx provi suffiċjenti li ċaħħdu mill-plawżibbiltà l-evalwazzjonijiet tal-fatti stabbiliti fir-Regolament ikkontestat.

Fl-aħħar nett, peress li kkonkludiet li t-Turkija kienet l-uniku pajjiż rappreżentattiv xieraq, il-Kummissjoni ġustament ikkonkludiet li hija ma kellhiex twettaq l-evalwazzjoni tal-livell ta’ protezzjoni soċjali u ambjentali prevista fl-Artikolu 2(6a) tar-Regolament bażiku.

Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-ksur tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-allegazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni, sabiex tikkalkola l-valur normali, użat b’mod żbaljat l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku minkejja l-fatt li r-rikorrenti kkooperat bl-aħjar mod possibbli.

Fil-fatt, l-għan tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku huwa li jippermetti lill-Kummissjoni tkun tista’ twettaq l-investigazzjoni antidumping anki jekk il-partijiet ikkonċernati jirrifjutaw li jikkooperaw jew jikkooperaw b’mod insuffiċjenti. Huwa għalhekk li l-ewwel paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jippermetti lill-Kummissjoni tuża l-informazzjoni disponibbli jekk l-informazzjoni mitluba finalment ma tinkisibx. Sabiex jitqiesu li jikkooperaw skont din id-dispożizzjoni, il-partijiet għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha li jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom u li l-istituzzjonijiet iqisu neċessarja sabiex jistabbilixxu l-konklużjonijiet tagħhom.

Fir-rigward tal-kunċett ta’ “informazzjoni neċessarja”, mill-kliem, mill-kuntest u mill-iskop tal-Artikolu 18(1) tar-Regolament bażiku jirriżulta li dan il-kunċett jirreferi għall-informazzjoni li l-partijiet ikkonċernati jkollhom li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jitolbuhom jipprovdu sabiex jistabbilixxu l-konklużjonijiet li huma meħtieġa fil-kuntest ta’ investigazzjoni antidumping. Għalhekk, l-informazzjoni dwar il-volumi ta’ produzzjoni u l-ispejjeż ta’ manifattura tal-prodott ikkonċernat minn investigazzjoni antidumping tikkostitwixxi informazzjoni neċessarja fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni.

F’dan il-każ, il-Qorti Ġenerali nnotat, qabelxejn, li r-rikorrenti ma pprovdietx l-elementi li l-Kummissjoni kienet talbitha fir-rigward tal-inputs tal-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċiet hija stess, filwaqt li din l-informazzjoni kienet neċessarja fid-dawl tad-determinazzjoni tal-valur normali. Fil-fatt, peress li l-valur normali nbena skont metodu bbażat fuq l-ispejjeż ta’ produzzjoni, kien neċessarju li jkunu magħrufa l-volumi ta’ konsum tal-inputs kollha użati għall-produzzjoni tal-PVAL, inklużi l-inputs neċessarji għall-produzzjoni tal-fatturi ta’ produzzjoni li pproduċa l-produttur stess. Peress li r-rikorrenti ma wrietx l-allegata impossibbiltà li tipprovdi l-imsemmija informazzjoni, il-Kummissjoni ma kisritx l-Artikolu 18(1) billi użat l-informazzjoni disponibbli sabiex tissostitwixxi din l-informazzjoni.

Sussegwentement, fir-rigward tal-allegat ksur tal-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku, il-Qorti Ġenerali fakkret li l-paragrafi 1 u 3 tiegħu jirrigwardaw sitwazzjonijiet differenti. B’hekk, filwaqt li l-Artikolu 18(1) jiddeskrivi, b’mod ġenerali, il-każijiet li fihom l-informazzjoni li hija neċessarja għall-istituzzjonijiet, għall-finijiet tal-investigazzjoni, ma ġietx ipprovduta, il-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu jipprevedi l-każijiet li fihom l-informazzjoni neċessarja, għall-finijiet tal-investigazzjoni, ġiet ipprovduta, iżda ma kinitx rilevanti, b’tali mod li l-informazzjoni disponibbli ma kellhiex neċessarjament tintuża. Issa, sa fejn ir-rikorrenti ma kkomunikatx l-informazzjoni meħtieġa, l-Artikolu 18(3) tar-Regolament bażiku ma kienx applikabbli, peress li l-Kummissjoni setgħet tuża biss l-informazzjoni disponibbli sabiex tissostitwixxi l-informazzjoni nieqsa.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni lanqas ma kisret id-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, sa fejn hija ma kkomunikatilhiex fi żmien xieraq ir-“rapport ta’ verifika”, li kellu jintbagħtilha qabel l-ittra li permezz tagħha l-Kummissjoni informatha bl-intenzjoni tagħha li tuża l-informazzjoni disponibbli fis-sens tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita sew jirriżulta li ksur tad-drittijiet tad-difiża jwassal għall-annullament ta’ deċiżjoni adottata fi tmiem proċedura biss jekk, fl-assenza ta’ din l-irregolarità, din il-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti. Issa, ir-rikorrenti ma invokat l-ebda prova li tista’ turi li ma kienx eskluż li l-proċedura setgħet twassal għal riżultat differenti li kieku hija kienet irċeviet l-imsemmi rapport qabel.

Fir-rigward tal-motivi l-oħra li kkontestaw il-marġni ta’ dumping adottat mill-Kummissjoni fir-Regolament ikkontestat, mill-analiżi tal-imsemmija motivi rriżulta li ma kienx hemm żball fil-kalkolu tal-marġni ta’ dumping, b’tali mod li dan baqa’ ogħla mill-marġni tad-dannu, peress li dan tal-aħħar ittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata r-rata antidumping b’applikazzjoni tar-regola ta’ dazju inferjuri. Għalhekk, peress li dawn il-motivi l-oħra ma kinux ta’ natura li jikkontestaw din il-konklużjoni, il-Qorti Ġenerali ċaħdithom bħala ineffettivi.


1      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1336 tal‑25 ta’ Settembru 2020 li jimponi dazji anti-dumping definittivi fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti alkoħols tal-polivinil li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (iktar ’il quddiem ir-“Regolament ikkontestat”) (ĠU 2020, L 315, p. 1).


2      Għandhom jissemmew żewġ sentenzi oħra mogħtija fl-istess jum li jiddeċiedu dwar żewġ rikorsi għal annullament kontra r-Regolament ikkontestat: is-sentenza Sinopec Chongqing SVW Chemical et vs Il‑Kummissjoni (T‑762/20) u s-sentenza Anhui Wanwei Updated High-Tech Material Industry u Inner Mongolia Mengwei Technology vs Il‑Kummissjoni (T‑764/20).


3      Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2016, L 176, p. 21, iktar ’il quddiem ir-“Regolament bażiku”).


4      Ara, f’dan is-sens, l-Artikolu 6(7) u l-Artikoli 19 u 20 tar-Regolament bażiku.