Language of document : ECLI:EU:T:2015:502

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla)

15 ta’ Lulju 2015 (*)

“Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet — Direttiva 2006/42/KE — Makkinarju li jġib il-marka CE — Rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà — Riskji għas-sigurtà tal-persuni — Klawżola ta’ salvagwardja — Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddikjara ġġustifikata miżura nazzjonali ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq — Kundizzjonijiet li jirregolaw l-implementazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Ugwaljanza fit-trattament”

Fil-Kawża T‑337/13,

CSF Srl, stabbilita fi Grumolo delle Abbadesse (l-Italja), irrappreżentata minn R. Santoro, S. Armellini u R. Bugaro, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Zavvos, bħala aġent, assistit minn M. Pappalardo, avukat,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Renju tad-Danimarka, inizjalment irrappreżentat minn V. Pasternak Jørgensen u M. Wolff, sussegwentement minn m. Wolff, C. Thorning, U. Melgaard u N. Lyshøj, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/173/UE, tat-8 ta’ April 2013, dwar miżura adottata mid-Danimarka skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprojbixxi tip ta’ makkinarju multifunzjonali li jintuża għat-tħaffir u l-ġarr ta’ materjal (ĠU L 101, p. 29),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

komposta minn S. Papasavvas, President tal-Awla, N. J. Forwood (Relatur) u E. Bieliūnas, Imħallfin,

Reġistratur: J. Palacio González, Amministratur Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ April 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrenti, CSF Srl, hija impriża stabbilita fl-Italja u li topera fis-settur tal-fabbrikazzjoni ta’ makkinarju. Hija b’mod partikolari tipproduċi makkinarju msejjaħ “Multione S630” (iktar ’il quddiem il-“Multione S630”). Il-karatteristika essenzjali ta’ dan il-makkinarju hija li jista’ jintuża għal diversi għanijiet u f’diversi oqsma ta’ attività bis-saħħa tat-58 aċċessorju li jistgħu jekwippaġġawh. Dawn l-aċċessorji, li huma wkoll iddisinjati mir-rikorrenti, jippermettu pereżempju li l-imsemmi makkinarju jiġi ttrasformat f’dumper, f’snowplow, f’fork lifter, f’pole lifter, f’hydraulic hammer, f’hydraulic pince, f’mutur tal-ħart u f’mutur li jaqta’ l-ħaxix u, b’konsegwenza ta’ dan, jista’ jintuża fil-kuntest ta’ attivitajiet bħal ma huma l-ġardinaġġ, l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-manteniment tat-toroq jew xogħlijiet forestali. Il-makkinarju inkwistjoni tqiegħed fis-suq f’diversi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea. Għaxar eżemplari ta’ dan il-makkinarju ġew ikkumerċjalizzati sa mill-2009 fid-Danimarka, fejn jintużaw għat-tqassim tal-għalf u għat-tindif tal-gaġeġ fit-trobbija tal-mink.

2        Fil-31 ta’ Jannar 2012, il-Multione S630 kien is-suġġett ta’ miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi skont l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-17 ta’ Mejju 2006, dwar il-makkinarju, u li temenda d-Direttiva 95/16/KE (ĠU L 157, p. 24). Dawn il-miżuri kienu jikkonsistu, minn naħa, fil-projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq Daniż ta’ kull eżemplari ġdid ta’ dan il-makkinarju li ma għandux struttura ta’ protezzjoni xierqa kontra oġġetti li jaqgħu u, min-naħa l-oħra, fl-ordni li r-rikorrenti tieħu miżuri korrettivi fir-rigward tal-eżemplari tal-imsemmi makkinarju li kienu diġà qed jintużaw fid-Danimarka.

3        L-awtoritajiet Daniżi mmotivaw l-adozzjoni ta’ dawn il-miżuri bin-nuqqas ta’ konformità tal-Multione S630 ma wħud mir-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà previsti fid-Direttiva 2006/42. F’dan ir-rigward, huma kkonstataw li l-eżemplari tal-imsemmi makkinarju mqiegħda fis-suq Daniż kienu neqsin minn struttura ta’ protezzjoni xierqa, filwaqt li diversi mill-funzjonijiet li għalihom huwa ddisinjat dan il-makkinarju jesponu lis-sewwieq għal riskju ta’ materjal jew oġġetti li jaqgħu. Huma qiesu wkoll li tali sitwazzjoni kienet tmur kontra l-Punt 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42. Din id-dispożizzjoni tipprevedi li, fejn, fil-każ ta’ makkinarju li jimxi waħdu b’sewwieq riekeb fuqu, ikun hemm ir-riskju ta’ oġġetti jew materjal li jaqgħu, dan il-makkinarju għandu jkun iddisinnjat u mibni b’mod li jittieħed kont ta’ dan ir-riskju u għandu jkun mgħammar, jekk id-daqs tiegħu jippermetti, bi struttura ta’ protezzjoni xierqa.

4        Skont l-Artikolu 11(2) tad-Direttiva 2006/42, il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi ġew innotifikati lill-Kummissjoni Ewropea. Din tal-aħħar qieset, permezz tad-Deċiżjoni 2013/173/UE, tat-8 ta’ April 2013, dwar miżura adottata mid-Danimarka skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42 li tipprojbixxi tip ta’ makkinarju multifunzjonali li jintuża għat-tħaffir u l-ġarr ta’ materjal (ĠU L 101, p. 29, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), li l-imsemmija miżuri kienu ġġustifikati abbażi tal-Artikolu 11(3) tal-istess direttiva.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

5        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-19 ta’ Ġunju 2013, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.

6        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-30 ta’ Awwissu 2013, ir-rikorrenti ressqu wkoll talba għal miżuri provviżorji. Permezz ta’ digriet tal-11 ta’ Novembru 2013, il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad din it-talba għaliex infondata peress li r-rikorrenti ma kinitx stabbilixxiet li kien hemm urġenza li tingħata deċiżjoni, filwaqt li rriżervat l-ispejjeż.

7        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali, fl-1 ta’ Ottubru 2013, ir-Renju tad-Danimarka talab li jintervjeni fil-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-13 ta’ Novembru 2013, il-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dan l-intervent.

8        Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

9        Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-28 ta’ April 2015.

10      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        jekk ikun meħtieġ, tordna perizja;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

11      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

12      Ir-Renju tad-Danimarka jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha tiċħad ir-rikors.

 Id-dritt

13      Mingħajr ma teċċepixxi formalment l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà tar-rikors, il-Kummissjoni tistaqsi dwar l-ammissibbiltà tiegħu. Fuq il-mertu, r-rikorrenti tinvoka żewġ motivi insostenn tat-talbiet tagħha intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Hija tressaq ukoll ilment dwar id-danni li hija sostniet minħabba din id-deċiżjoni, mingħajr madankollu ma tagħmel talba f’dan ir-rigward.

 Fuq l-ammissibbiltà tar-rikors

14      Il-Kummissjoni essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax direttament lir-rikorrenti fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE. Fil-fatt, għalkemm din tiddeċiedi dwar il-karattru ġġustifikat tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi kontra r-rikorrenti, huma dawn l-awtoritajiet li jaffettwaw direttament is-sitwazzjoni legali tagħha, skont it-tqassim ta’ kompetenzi previst fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42. Barra minn hekk, għalkemm din id-deċiżjoni tħabbret lil Stati Membri oħra tal-Unjoni minbarra r-Renju tad-Danimarka, huma l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li issa għandhom jivverifikaw jekk il-makkinarju mqiegħed fis-suq Daniż mir-rikorrenti jirrispettax jew le l-imsemmija direttiva u li jisiltu l-konsegwenzi kollha minn dan.

15      Ir-rikorrenti tikkontesta dan l-argument.

16      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li mir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE jirriżulta li kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tressaq appell kontra atti li jirrigwardawha direttament u individwalment.

17      Hija ġurisprudenza stabbilita li persuna fiżika jew ġuridika hija direttament ikkonċernata minn att meta dan l-att jipproduċi effetti diretti fuq is-sitwazzjoni legali tagħha u ma jħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tiegħu, peress li l-implementazzjoni tiegħu tkun ta’ natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, mingħajr l-applikazzjoni ta’ regoli intermedji oħra (sentenzi tal-5 ta’ Mejju 1998, Dreyfus vs Il‑Kummissjoni C‑386/96 P, Ġabra, EU:C:1998:193, punt 43, u tat-13 ta’ Marzu 2008, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, C‑125/06 P, Ġabra, EU:C:2008:159, punt 47).

18      F’dan il-każ, ir-rikors tar-rikorrenti huwa intiż għall-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li fiha ġie deċiż li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tal-kundizzjonijiet li fihom il-Multione S630 jitqiegħed fis-suq Daniż huma ġġustifikati.

19      Il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi huma bbażati fuq id-dispożizzjonijiet tad-dritt Daniż adottati sabiex tiġi applikata d-Direttiva 2006/42, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(1) tagħha. Dan, b’mod partikolari, jipprevedi li meta Stat Membru jaċċerta li makkinarju kopert minn din id-Direttiva, li jġib il-marka CE, li jkollu miegħu dikjarazzjoni KE ta’ konformità u li jintuża skont l-iskop intiż tiegħu jew skont kundizzjonijiet li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli, x’aktarx jista’ jikkomprometti s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni, dan għandu jieħu l-miżuri kollha xierqa sabiex jirtira dan il-makkinarju mis-suq, jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz tiegħu, jew jirrestrinġi l-moviment liberu tiegħu.

20      Min-naħa tagħha, id-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42. Dan jipprevedi li, meta Stat Membru jinformaha bl-adozzjoni ta’ miżuri adottati abbażi tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni għandha tidħol f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati qabel ma tqis jekk dawn il-miżuri humiex iġġustifikati, u għandha tibgħat id-deċiżjoni tagħha lill-Istat Membru li huwa l-awtur tagħhom, lill-Istati Membri l-oħra, lill-fabbrikant tal-makkinarju inkwistjoni jew lir-rappreżentant awtorizzat tiegħu.

21      Kif ġustament tosserva l-Kummissjoni, minn qari tal-ittra li l-awtoritajiet Daniżi bagħtu lir-rikorrenti fil-31 ta’ Jannar 2012 jista’ jiġi kkonstatat li l-għan tal-miżuri adottati minn dawn l-awtoritajiet kien li jaffettwa direttament is-sitwazzjoni ġuridika ta’ din tal-aħħar. Fil-fatt, wara li qiesu li l-Multione S630 ma josservax uħud mir-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà stipulati fid-Direttiva 2006/42, sa fejn dan il-makkinarju ma kellux struttura ta’ protezzjoni xierqa kontra materjal jew oġġetti li jaqgħu, l-imsemmija awtoritajiet, l-ewwel nett, ipprojbixxew it-tqegħid tiegħu fis-suq Daniż u, it-tieni nett, ordnaw lir-rikorrenti tbiddel id-disinn u l-bini tiegħu billi tagħtih tali struttura, u, it-tielet nett, obbligaw lir-rikorrenti tikkonforma l-eżemplari tal-imsemmi makkinarju diġà mqiegħda fis-servizz fid-Danimarka mar-rekwiżiti previsti fid-direttiva jew jirtirawhom mill-imsemmi suq.

22      Madankollu, il-Kummissjoni hija żbaljata meta minn dan tiddeduċi li d-deċiżjoni kkontestata ma tikkonċernax direttament lir-rikorrenti.

23      Bil-kontra ta’ dan, għandu jitqies, fl-ewwel lok, li d-deċiżjoni kkontestata tipproduċi direttament, fuq is-sitwazzjoni ġuridika tar-rikorrenti, effetti differenti minn dawk li jirriżultaw mill-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi.

24      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li d-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huma l-Istati Membri kollha tal-Unjoni, u mhux biss ir-Renju tad-Danimarka, skont l-obbligi ta’ komunikazzjoni u ta’ informazzjoni imposti fuq il-Kummissjoni bl-Artikolu 11(3) sa (6) tad-Direttiva 2006/42. Din għalhekk hija vinkolanti għal kull wieħed minnhom fl-elementi kollha tagħha, skont l-Artikolu 288 TFUE.

25      It-tieni nett, id-Direttiva 2006/42 ġiet adottata fuq il-bażi tal-Artikolu 95 KE (li issa sar l-Artikolu 114 TFUE), li jawtorizza lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jadottaw miżuri li għandhom l-għan li jeliminaw l-ostakoli għan-negozju li jirriżultaw minn differenzi bejn il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 1994, Franza vs Il‑Kummissjoni C‑41/93, Ġabra, EU:C:1994:196, punt 22, u tad-9 ta’ Awwissu 1994, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill C‑359/92, Ġabra, EU:C:1994:306, punt 22, fir-rigward tal-Artikolu 100 A KE). Din hija intiża li tarmonizza l-kundizzjonijiet li taħthom jitqiegħed fis-suq intern makkinarju li jġib il-marka CE u li jkollu miegħu dikjarazzjoni KE ta’ konformità, u li tiżgura l-moviment liberu tiegħu fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li tiggarantixxi l-osservanza tar-rekwiżiti kollha intiżi għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-persuni fir-rigward tar-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ dan il-makkinarju (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-8 ta’ Settembru 2005, Yonemoto, C‑40/04, Ġabra, EU:C:2005:519, punti 31 u 45, u tas-17 ta’ April 2007, AGM-COS.MET, C‑470/03, Ġabra, EU:C:2007:213, punti 52 u 53), l-istess bħad-Direttiva tal-Kunsill 89/392/KEE, tal-14 ta’ Ġunju 1989, dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU L 183, p. 9), u bħad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 20, p. 349), preċedenti għaliha.

26      Għal dan il-għan, id-Direttiva 2006/42 tipprojbixxi, b’mod partikolari, lill-Istati Membri milli jippreġudikaw il-moviment liberu tal-makkinarju fl-Unjoni, ladarba dan josserva l-kundizzjonijiet li jippermettu li jiġi preżunt li dan huwa konformi mar-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà li hija tistipula (Artikoli 6 u 7 tad-Direttiva 2006/42). Barra minn hekk hija timponi fuq l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti l-obbligu li jiżguraw sorveljanza tas-swieq rispettivi tagħhom, b’mod partikolari billi jadottaw il-miżuri kollha xierqa sabiex il-makkinarju jkun jista’ jitqiegħed fis-suq jew jitqiegħed fis-servizz biss jekk dan jissodisfa d-dispożizzjonijiet tagħha u jekk ma jipperikolax is-saħħa u s-sigurtà tal-persuni (Artikolu 4 tad-Direttiva 2006/42). Fl-aħħar nett, din tordna lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jirtiraw mis-suq, jipprojbixxu t-tqegħid fis-suq jew it-tqegħid fis-servizz jew b’mod ġenerali jirrestrinġu l-moviment liberu tal-makkinarju li jirriskja li jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni (Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42).

27      It-tielet nett, mill-Artikolu 14(7), u mill-Artikolu 19 tad-Direttiva 2006/42, moqrija fid-dawl tal-premessi 9 u 10 tagħha, jirriżulta li, fil-kuntest tas-sorveljanza tas-suq organizzata mill-imsemmija direttiva, u b’mod iktar partikolari fil-kuntest tal-implementazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tagħha, l-Istati Membri huma obbligati li jiggarantixxu l-applikazzjoni korretta u uniformi ta’ din id-direttiva, billi jikkoordinaw ma xulxin u billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-linji gwida żviluppati mill-Kummissjoni.

28      Fid-dawl tal-għan, tal-istruttura ġenerali u tal-kontenut tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punti 26 u 27 iktar ’il fuq, għandu jitqies li d-deċiżjoni kkontestata timplika li kull wieħed mill-Istati Membri minbarra r-Renju tad-Danimarka għandu jadotta miżuri xierqa fir-rigward tat-tqegħid jew taż-żamma tal-Multione S630 fis-suq tiegħu u għandu jiggarantixxi, billi jagħmel dan, l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-Direttiva 2006/42, fid-dawl tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi u ddikjarati ġġustifikati mill-Kummissjoni, hekk kif essenzjalment issostni r-rikorrenti. Fi kliem ieħor, minħabba d-deċiżjoni kkontestata, l-Istati Membri l-oħra minbarra r-Renju tad-Danimarka huma obbligati li jivverifikaw, kull wieħed f’dak li jirrigwardah, jekk l-eżemplari tal-imsemmi makkinarju li setgħu tqiegħdu fis-swieq rispettivi tagħhom mir-rikorrenti humiex ekwipaġġati bi struttura ta’ protezzjoni xierqa kontra r-riskju ta’ materjali jew oġġetti li jaqgħu u, konsegwentement, jekk dan il-makkinarju jistax jinżamm fl-imsemmi suq jew le. B’dan il-mod, il-konsegwenza diretta tad-deċiżjoni kkontestata hija l-bidu ta’ proċeduri nazzjonali li jikkontestaw id-dritt li r-rikorrenti preċedentement kellha, fl-Unjoni kollha, li tikkumerċjalizza makkinarju li kien jibbenefika mill-preżunzjoni ta’ konformità prevista fl-Artikolu 7 tal-imsemmija direttiva, ladarba dan kellu l-marka CE u kien akkumpanjat mid-dikjarazzjoni KE ta’ konformità (ara, b’analoġija, Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 17 iktar ’il fuq, EU:C:2008:159, punti 50 sa 52).

29      Iktar minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma tikkontestax il-fatt li, wara li kienu destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata, l-awtoritajiet Finlandiżi u Litwani diġà bdew proċeduri f’dan ir-rigward.

30      Fit-tieni lok, id-deċiżjoni kkontestata ma tħalli l-ebda setgħa diskrezzjonali lid-destinatarji tagħha f’dak li jirrigwarda r-riżultati li għandhom jintlaħqu, sa fejn l-implementazzjoni tagħha għandha, f’dan ir-rigward, natura purament awtomatika u tirriżulta biss mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr applikazzjoni ta’ regoli oħra intermedji.

31      Għalkemm huwa x’aktarx minnu li, hekk kif tosserva l-Kummissjoni, sabiex ikunu jistgħu jiddeterminaw jekk ir-rikorrenti qegħditx jew għandhiex l-intenzjoni li tqiegħed eżemplari tal-Multione S630 fis-suq fit-territorju tagħhom u jekk uħud minn dawn l-eżemplari humiex neqsin minn struttura ta’ protezzjoni kontra r-riskju ta’ materjal jew oġġetti li jaqgħu, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom qabel kollox iwettqu miżuri ta’ verifika. Madankollu, jekk jirriżulta li dan huwa l-każ, dawn l-awtoritajiet ikunu obbligati li jikkunsidraw li din is-sitwazzjoni tirriskja li tikkomprometti s-sigurtà tal-persuni u li jadottaw il-miżuri kollha xierqa sabiex jiġġieldu dan ir-riskju, billi jiżguraw, f’dan il-kuntest, l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-Direttiva 2006/42, fid-dawl tad-deċiżjoni kkontestata u tal-miżuri Daniżi li din tiddikjara ġġustifikati, u għalhekk ikunu obbligati li jordnaw il-projbizzjoni, l-irtirar jew il-modifikazzjoni tal-makkinarju inkwistjoni jew li jadottaw kull miżura ekwivalenti. Għaldaqstant, hija d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tiddeċiedi li l-miżuri Daniżi huma ġġustifikati li tiddetermina r-riżultat li għandu jintlaħaq mill-awtoritajiet nazzjonali l-oħra, li ma għandhom l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, id-digriet tas-7 ta’ Ġunju 2007, IMS vs Il‑Kummissjoni T‑346/06 R, Ġabra, EU:T:2007:164, punti 51 sa 54; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs Infront WM, punt 17 iktar ’il fuq, EU:C:2008:159, punti 59 sa 63).

32      Iktar minn hekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni la tikkontesta b’mod effettiv l-argumenti tar-rikorrenti li jgħidu li l-proċeduri mibdija mill-awtoritajiet Finlandiżi u Litwani wara li ġew informati bid-deċiżjoni kkontestata jikkonfermaw li dawn l-awtoritajiet ma kellhomx dubji dwar il-portata ta’ din id-deċiżjoni u tal-konsegwenzi li kellhom jisiltu minnha, u lanqas id-dokumenti prodotti f’dan ir-rigward.

33      Il-kunsiderazzjonijiet esposti iktar ’il fuq ma humiex ikkonfutati mill-Artikolu 9 tad-Direttiva 2006/42. Dan l-artikolu, li jistabbilixxi “[m]iżuri speċifiċi għat-trattament ta’ makkinarju potenzjalment perikoluż”, jipprevedi b’mod partikolari li, meta, skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva, il-Kummissjoni tqis li miżura adottata minn Stat Membru hija ġġustifikata, hija tista’ tieħu miżuri li jeħtieġu li l-Istati Membri jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq tal-makkinarju kollu b’karatteristiċi tekniċi li jippreżenta l-istess riskju bħal dak ikkonċernat fil-miżuri nazzjonali jew li jissuġġettaw tali makkinarju għall-kundizzjonijiet speċjali. Barra minn hekk, il-premessa 13 ta’ din id-direttiva tispeċifika li tali miżuri, adottati fuq livell tal-Unjoni, ma humiex applikabbli direttament għall-operaturi ekonomiċi, u għandhom jiġu implementati mill-Istati Membri.

34      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm l-Istati Membri għandhom jiżguraw l-applikazzjoni korretta u uniformi tad-Direttiva 2006/42, billi jisiltu l-konsegwenzi minn miżura nazzjonali adottata fir-rigward ta’ makkinarju partikolari u li ġiet iddikjarata ġġustifikata mill-Kummissjoni, mingħajr ma għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fir-rigward tar-riżultat li għandu jintlaħaq, huma evidentement ma jistgħux jestendu, minn jeddhom u lil hinn mill-kuntest proċedurali u sostantiv previst fl-Artikolu 11(1) ta’ din id-direttiva, il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-miżura għal makkinarju ieħor, minħabba li dan tal-aħħar jippreżenta l-istess riskju, ħlief bi ksur tal-prinċipju ta’ moviment liberu sanċit fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u tal-preżunzjoni ta’ konformità prevista fl-Artikolu 7 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-25 ta’ Marzu 1999, Il‑Kummissjoni vs L-Italja, C‑112/97, Ġabra, EU:C:1999:168, punt 54, u AGM-COS.MET, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2007:213, punti 61 sa 64 u 68 sa 70). Din hija r-raġuni għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta din l-estensjoni għall-implementazzjoni ta’ proċedura speċifika li tinvolvi, b’mod partikolari, l-adozzjoni, minn naħa, ta’ deċiżjoni espliċita tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward, u, min-naħa l-oħra, ta’ miżuri nazzjonali li jimplementaw din id-deċiżjoni. Min-naħa l-oħra, tali atti la huma previsti u lanqas ma huma neċessarji għall-finijiet tal-Artikolu 11 tad-direttiva inkwistjoni, fid-dawl tal-portata tiegħu (ara l-punti 28 u 31 iktar ’il fuq).

35      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma hijiex fondata meta tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma kinitx tikkonċerna direttament lir-rikorrenti.

 Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

36      Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati, l-ewwel wieħed, fuq il-ksur tad-Direttiva 2006/42 u, it-tieni wieħed, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tad-Direttiva 2006/42

37      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija bbażata fuq interpretazzjoni u applikazzjoni żbaljati tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/42 dwar ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà li għandhom jiġu osservati mill-fabbrikanti ta’ makkinarju intiż għat-tqegħid fis-suq fl-Unjoni.

38      Fl-ewwel lok, fid-deċiżjoni kkontestata ġie deċiż li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tal-Multione S630 huma ġġustifikati minkejja li dawn jimponulha tosserva obbligi li jmorru lil hinn minn dawk previsti fl-Artikolu 5(1)(a) tad-Direttiva 2006/42 kif ukoll fil-punti 1.1.2 u 3.4.4 tal-Anness I ta’ din id-direttiva.

39      Fit-tieni lok, il-portata żbaljata mogħtija lill-dawn id-dispożizzjonijiet mill-awtoritajiet Daniżi, u sussegwentement mill-Kummissjoni, wasslet sabiex fid-deċiżjoni kkontestata jiġu kkonfermati miżuri nazzjonali adottati bi ksur tal-kundizzjonijiet li jirregolaw l-implementazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja, prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, tal-projbizzjoni ta’ preġudizzju tal-moviment liberu tal-makkinarju imposta fuq l-Istati Membri mill-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva u tal-preżunzjoni ta’ konformità li minnha kien jibbenefika l-Multione S630 bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva.

40      Fit-tielet lok, il-Kummissjoni aċċettat il-pożizzjoni tal-awtoritajiet Daniżi mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni l-kritika li r-rikorrenti għamlet quddiemha u, sussegwentement, fil-kuntest tal-konsultazzjoni organizzata skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42.

41      Fir-raba’ u l-aħħar lok, ir-rikorrenti ssostni li, indipendentement mill-interpretazzjoni żbaljata tad-Direttiva 2006/42 li fuqha hija bbażata d-deċiżjoni kkontestata, anki l-evalwazzjonijiet innifishom tal-fatti mwettqa mill-awtoritajiet Daniżi u ddikjarati ġġustifikati mill-Kummissjoni huma żbaljati.

42      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dawn id-diversi lmenti.

43      Fid-dawl tal-argumenti tal-partijiet, hemm lok li jiġu eżaminati suċċessivament l-effettività ta’ dan il-motiv, sussegwentement l-ewwel żewġ ilmenti invokati f’dan il-kuntest mir-rikorrenti, li huma bbażati fuq l-eżistenza ta’ żbalji ta’ liġi, u fl-aħħar nett l-aħħar żewġ ilmenti tagħha, li permezz tagħhom hija essenzjalment tikkritika lill-Kummissjoni talli wettqet żbalji ta’ evalwazzjoni.

–       Fuq l-effettività tal-motiv

44      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, filwaqt li jordna lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha xierqa sabiex jirrestrinġu l-moviment liberu fis-suq nazzjonali tagħhom tal-makkinarju li jirriskja li jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni, l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, intitolat “Il-klawsola ta’ salvagwardja”, jipprevedi li l-Kummissjoni “tqis” jekk dawn il-miżuri “humiex ġustifikati” (ara l-punti 19 u 20 iktar ’il fuq).

45      Hekk kif il-Kummissjoni nnifisha tenfasizza, il-bażi ġuridika tad-Direttiva 2006/42 huwa l-Artikolu 95 KE (li issa sar l-Artikolu 114 TFUE), li l-paragrafu (10) tiegħu jipprevedi li l-miżuri ta’ armonizzazzjoni fuq din il-bażi għandhom, fil-każi xierqa, jinkludu klawżola ta’ salvagwardja li tawtorizza lill-Istati Membri jieħdu għal raġuni waħda jew iktar li ma humiex ta’ natura ekonomika msemmija fl-Artikolu 36 TFUE, “miżuri provviżorji suġġetti għall-proċedura tal-kontroll mill-Unjoni”.

46      Minn dan jirriżulta li, għalkemm huma effettivament l-Istati Membri li għandhom jimplementaw korrettament id-Direttiva 2006/42 u li għandhom jaraw li l-makkinarju mqiegħed fis-suq jew fis-servizz fit-territorju tagħhom jissodisfa d-dispożizzjonijiet tagħha, jekk ikun il-każ billi jadotta miżuri bħal dawk previsti fl-Artikolu 11 tagħha, madankollu, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, xorta jibqa’ l-fatt li din tal-aħħar għandha tinvestiga n-natura ġġustifikata ta’ dawn il-miżuri, billi tiżgura ruħha b’mod partikolari mill-fondatezza tar-raġunijiet legali u fattwali li mmotivaw l-adozzjoni tagħhom (ara, b’analoġija, is-sentenza France vs Il‑Kummissjoni punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:1994:196, punti 27 u 28; ara wkoll, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tal-14 ta’ Ġunju 2007, Medipac-Kazantzidis, C‑6/05, Ġabra, EU:C:2007:337, punt 46, u tat-22 ta’ April 2015, Klein vs Il‑Kummissjoni C‑120/14 P, EU:C:2015:252, punti 64 u 76). Iż-żamma definittiva tal-miżura nazzjonali inkwistjoni hija suġġetta għar-riżultat ta’ din l-investigazzjoni, fis-sens li l-Istat Membru jista’ jżomma fis-seħħ biss jekk il-Kummissjoni tiddikjaraha ġġustifikata u għandu jtemmha jekk dan ma jkunx hekk.

47      Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni, kull persuna ammissibbli li titlob l-annullament ta’ deċiżjoni li tiddikjara li tali miżuri huma ġġustifikati għandha d-dritt li ssostni, insostenn tat-talbiet tagħha, li l-imsemmija deċiżjoni hija bbażata fuq interpretazzjoni żbaljata tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/42, anki jekk din l-interpretazzjoni, li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni mill-Istati Membri kollha (ara l-punti 28, 30 u 31 iktar ’il fuq), kienet l-ewwel twettqet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, u wara adottata mill-Kummissjoni. Fil-fatt, f’każ bħal dan, l-iżball ta’ liġi li jista’ jivvizzja d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni ddeċidiet li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma ġġustifikati għandu jkun jista’ jiġi kkontestat quddiem il-qorti tal-Unjoni, fin-nuqqas tal-Artikolu 263 TFUE u l-prinċipju ta’ protezzjoni ġudizzjarja effettiva jiġu mċaħħda mill-portata tagħhom.

48      Barra minn hekk, l-istħarriġ ġudizzjarju tal-fondatezza tar-raġunijiet legali li wasslu sabiex il-Kummissjoni tiddeċiedi li l-miżuri nazzjonali inkwistjoni huma ġġustifikati jista’ jkun biss, fir-rigward ta’ kwistjoni ta’ liġi, stħarriġ sħiħ.

49      F’dan il-każ, ir-rikorrenti hija għalhekk fondata meta tgħid li hija tista’ ssostni b’mod effettiv li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi żbalji ta’ liġi sa fejn il-Kummissjoni, minn naħa, aċċettat l-interpretazzjoni żbaljata tad-Direttiva 2006/42 imwettqa mill-awtoritajiet Daniżi u, min-naħa l-oħra, ddeċidiet li l-miżuri nazzjonali li allegatament ġew adottati bi ksur, b’mod partikolari, tal-Artikolu 6(1), tal-Artikolu 7, tal-Artikolu 11 u tal-Anness I ta’ din id-direttiva, huma ġġustifikati.

–       Fuq l-ilmenti bbażati fuq żbalji ta’ liġi

50      Għaldaqstant, fit-tieni lok għandha tiġu eżaminata l-fondatezza ta’ dawn l-ilmenti. Ir-rikorrenti essenzjalment tikkontesta l-interpretazzjoni ta’ wħud mill-kundizzjonijiet li jirregolaw l-implementazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/42, kif imwettqa mill-awtoritajiet Daniżi u ddikjarata ġġustifikata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku, l-ewwel nett, li l-Multione S630 huwa makkinarju li fir-rigward tiegħu tapplika l-imsemmija direttiva, it-tieni nett, li l-eżemplari ta’ dan il-makkinarju li tqiegħdu fis-suq Daniż mir-rikorrenti għandhom il-marka CE u, it-tielet nett, li dawn huma akkumpanjati mid-dikjarazzjoni KE ta’ konformità. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti u l-Kummissjoni ma jaqblux dwar il-portata, f’dan il-każ, tal-kundizzjoni li tgħid li l-Istat Membru kompetenti għandu jikkonstata li, “użat skond l-iskop intiż tiegħu jew skond il-kondizzjonijiet li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli, [il-makkinarju kkonċernat] x’aktarx jista’ jikkkomprometti [...] s-sigurtà ta’ persuni [...]” sabiex ikollu d-dritt li jillimita l-moviment liberu tiegħu fit-territorju tiegħu. B’mod partikolari huma ma jaqblux, minn naħa, fuq il-modalitajiet ta’ evalwazzjoni tar-riskju li makkinarju jista’ jirrappreżenta għas-sigurtà tal-persuni li jużawh, u, min-naħa l-oħra, fuq il-portata u r-rabta’ tad-diversi obbligi imposti fuq il-fabbrikanti sabiex jiġu indirizzati dawn ir-riskji.

51      F’dan ir-rigward, mill-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/42 jirriżulta b’mod ċar li huwa meta Stat Membru jaċċerta li “l-makkinarju” kopert minn din id-direttiva, “użat skond l-iskop intiż tiegħu jew skond il-kondizzjonijiet li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli, x’aktarx jista’ jikkkomprometti [...] s-sigurtà ta’ persuni” li huwa għandu jadotta l-miżuri xierqa kollha sabiex jirtira “dan il-makkinarju” mis-suq, sabiex jipprojbixxi t-tqegħid fis-suq jew fis-servizz “tiegħu”, jew biex jirrestrinġi l-moviment liberu “tiegħu”.

52      Sussegwentement, l-ewwel inċiż tal-punt (a) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/42 jiddefinixxi makkinarju bħala “muntatura, mwaħħla jew intiża li titwaħħal ma’ sistema tal-mezz għat-trasmissjoni ta’ forza minbarra sforz tal-bniedem jew ta’ annimal applikat b’mod dirett, li tkun fiha partijiet jew komponenti mwaħħla, li ta’ l-inqas wieħed minnhom jiċċaqlaq, u li jkunu mqabbda flimkien għall-applikazzjoni speċifika”. Id-definizzjonijiet ipprovduti fl-inċiżi l-oħra ta’ din id-dispożizzjoni jew jagħmlu riferiment għad-definizzjoni mogħtija fl-ewwel inċiż jew ma jagħmlux riferiment għaliha iżda, bħal imsemmija definizzjoni, jikkaratterizzaw il-makkinarju, fost kriterji oħra, bil-fatt li dan huwa kompost minn elementi “sabiex jintlaħaq l-istess skop” jew “magħquda flimkien, intiżi” għal għan speċifiku. Barra minn hekk, l-Artikolu 1(1)(g), u l-Artikolu 2(g) jassimilaw għal makkinarju l-makkinarju parzjalment komplut, iddefinit bħala li ma jistax iwettaq waħdu xi applikazzjoni speċifika u bħala li huwa intiż biex ikun inkorporat fi jew immuntat ma’ tagħmir jew makkinarju ieħor sabiex jinħoloq makkinarju veru u proprju.

53      Fl-aħħar nett, mill-Artikolu 1(1) u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/42 jirriżulta li t-terminu “makkinarju” għandu jinftiehem li jagħmel riferiment, minbarra għall-makkinarju fis-sens tad-dispożizzjonijiet iċċitati fil-punt preċedenti, għal numru ta’ prodotti oħra li fosthom hemm it-tagħmir interkambjabbli. Il-punt (b) tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 ta’ din id-direttiva jiddefinixxi tagħmir interkambjabbli bħala “apparat li, wara li makkinarju jew trattur jitqiegħed fis-servizz, ikun immuntat ma’ dak il-makkinarju jew trattur mill-operatur innifsu sabiex ibiddel il-funzjoni tiegħu jew jagħtih funzjoni ġdida, sakemm dak il-mezz ma jkunx għodda”. It-tieni edizzjoni tal-Gwida għall-applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Makkinarju 2006/42, ippubblikata mill-Kummissjoni f’Ġunju 2010 u annessa mal-fajl, tispeċifika, b’mod partikolari, fil-paragrafu 41 tagħha li, b’differenza minn għodod “li ma jbiddlux jew jagħtu funzjoni ġdida lill-makkinarju bażiku”, li ma humiex koperti mill-imsemmija direttiva, “[e]żempji ta’ tagħmir interkambjabbli jinkludu tagħmir immuntat ma’ tratturi għall-biedja jew għall-foresti għal funzjonijiet bħal ħart, ħsad, irfigħ jew tagħbija, u tagħmir immuntat ma’ tagħmir li jċaqlaq l-art, għal funzjonijiet bħal tħaffir jew twaqqigħ”.

54      Fid-dawl ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u ta’ dawn id-definizzjonijiet, għandu, l-ewwel nett, jiġi kkunsidrat li huwa fir-rigward ta’ makkinarju jew ta’ tagħmir interkambjabbli konkret, li għandu funzjoni jew diversi funzjonijiet speċifiċi, li Stat Membru jista’ jagħmel użu mill-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42 u li huwa għandu, f’dan il-kuntest, l-obbligu li jevalwa r-riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-persuni li għalih hija suġġetta l-implementazzjoni ta’ tali klawżola (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il‑Kummissjoni vs L-Italja, punt 34 iktar ’il fuq, EU:C:1999:168, punti 10 u 39). Din l-evalwazzjoni u l-miżura nazzjonali li tirriżulta minnha għandhom għalhekk ikunu ġġustifikati fir-rigward tal-imsemmi makkinarju kif ġie kkummerċjalizzat, u jekk ikun il-każ, fir-rigward tat-tagħmir interkambjabbli li dan kellu meta tqiegħed fis-suq jew fis-servizz. Fin-nuqqas ta’ dan Stat Membru jikkawża preġudizzju għall-prinċipju ta’ moviment liberu li ma jkunx iġġustifikat mill-eżistenza ta’ riskju reali għas-saħħa u għas-sigurtà tal-persuni (ara l-punt 57 iktar ’il quddiem).

55      F’dan il-każ, ir-rikorrenti hija għalhekk fondata li ssostni, essenzjalment, li huwa fir-rigward tal-Multione S630 kif tqiegħed effettivament fis-suq Daniż li l-awtoritajiet Daniżi kellhom jevalwaw ir-riskju li għalih hija suġġetta l-implementazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fid-Direttiva 2006/42 u tad-dispożizzjonijiet tad-dritt Daniż adottati għall-applikazzjoni tagħha. F’dan ir-rigward, hija argumentat, mingħajr ma ġiet kontradetta mill-Kummissjoni jew mir-Renju tad-Danimarka, li l-eżemplari kollha ta’ dan il-makkinarju kkumerċjalizzati fis-suq Daniż kienu nxtraw flimkien ma tagħmir intiż għall-manutenzjoni ta’ rziezet għat-trobbija tal-mink, minn naħa, u li l-użu normali tagħhom ma kienx jimplika, fih innifsu, riskju ta’ materjal jew ta’ oġġetti li jaqgħu, min-naħa l-oħra.

56      It-tieni nett, l-evalwazzjoni tar-riskju li l-awtoritajiet nazzjonali kkonċernati għandhom iwettqu, taħt il-kontroll tal-Kummissjoni, ma jistax madankollu jkun limitat għal dak inkors meta l-makkinarju inkwistjoni jintuża “skond l-iskop intiż tiegħu” jew “taħt il-kondizzjonijiet previsti mill-fabbrikant”. Bil-kontra ta’ dan, diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/42, fosthom l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 11(1) tagħha, kif ukoll il-“Prinċipji ġenerali” li jinsabu fil-bidu tal-Anness I tagħha u l-punt 1.1.2 tal-imsemmi anness, intitolat “Prinċipji ta’ integrazzjoni ta’ sigurtà”, jimponu, b’mod iktar wiesa’, it-teħid inkunsiderazzjoni tar-riskji eżistenti f’“kondizzjonijiet li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli” jew marbuta ma’ “kwalunkwe użu ħażin tiegħu previst b’mod raġonevoli”, li min-naħa tiegħu ġie ddefinit fil-punt 1.1.1 ta’ dan l-anness bħala “l-użu tal-makkinarju b’mod mhux intiż fl-istruzzjonijiet ta’ l-użu, li jista’ jirriżulta minn mġieba tal-bniedem li tista’ tkun prevista faċilment”.

57      Barra minn hekk, fid-dawl tal-kliem innifsu tal-punt 1.1.2(a) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42, għandu jitqies li “kwalunkwe riskju” marbut mal-installazzjoni, mal-manutenzjoni jew mal-funzjonament tal-makkinarju inkwistjoni, kemm jekk f’kundizzjonijiet ta’ użu normali jew ta’ użu ħażin li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli, jista’ jiġġustifika l-użu tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva. Madankollu, dan l-artikolu jeżiġi li r-riskju li jimmotiva l-implementazzjoni tiegħu jkun “[aċċertat]”, u li għalhekk l-Istat Membru li jinvokah jistabbilixxi suffiċjentement skont il-liġi r-realtà ta’ tali riskju. Jekk dan ma jiġix stabbilit, il-preġudizzju għall-prinċipju ta’ moviment liberu kkawżat mill-miżura nazzjonali adottata abbażi tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista minn din id-dispożizzjoni ma jkunx jista’ jitqies “ġustifikat [...]” fis-sens ta’ dan l-artikolu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-5 ta’ Marzu 2009, Il‑Kummissjoni vs Spanja, C‑88/07, Ġabra, EU:C:2009:123, punt 89 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-eżistenza ta’ riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-persuni fis-sens tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/42 tista’ tiġi evalwata, fost kriterji oħra, fid-dawl tar-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà imposti fuq il-fabbrikanti ta’ makkinarju mill-Artikolu 5(1)(a) u mill-Anness I tal-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, is-sentenza Klein vs Il‑Kummissjoni punt 46 iktar ’il fuq, EU:C:2015:252, punt 71). Fil-fatt, it-tqegħid fis-suq ta’ dan il-makkinarju (Artikolu 4(1) u Artikolu 5(1) ta’ din id-direttiva) huwa suġġett għall-osservanza ta’ dawn ir-rekwiżiti, stabbiliti bil-għan li jiġi ggarantit li l-ippjanar u l-kostruzzjoni ta’ makkinarju jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji assoċjati miegħu (“Prinċipji ġenerali” li jinsabu fil-bidu tal-Anness I tal-istess direttiva u l-punt 1.1.2 tal-imsemmi anness). Min-naħa tiegħu, in-nuqqas ta’ osservanza jista’ jiġi invokat insostenn ta’ miżura ta’ rtirar jew ta’ projbizzjoni (Artikolu 11(2) tad-direttiva inkwistjoni).

59      F’dan il-każ, il-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, bi qbil mal-awtoritajiet Daniżi, li l-evalwazzjoni tar-riskju marbut mal-Multione S630 kellha tieħu inkunsiderazzjoni, mhux biss l-użu normali li għalih huwa intiż dan il-makkinarju, iżda wkoll kull użu ħażin li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli. Kien ukoll mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi li hija kkunsidrat li din l-evalwazzjoni setgħet issir fid-dawl tar-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà previsti fil-punti 1.1.2 u 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42 (premessi 3, 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

60      B’mod partikolari, anki jekk din l-evalwazzjoni kellha ssir konkretament fir-rigward tal-Multione S630 hekk kif dan il-makkinarju kien ġie ekwipaġġat u mqiegħed fis-suq Daniż mir-rikorrenti (ara l-punti 54 u 55 iktar ’il fuq), dan ma kienx jipprekludi lill-awtoritajiet kompetenti milli jieħdu inkunsiderazzjoni r-riskji marbuta mal-fatt li dan il-makkinarju, li kien ġie kkumerċjalizzat mingħajr struttura ta’ protezzjoni xierqa kontra r-riskju ta’ materjal jew oġġetti li jaqgħu, seta’ iktar il-quddiem jiġi mgħammar b’ekwipaġġament ieħor li jirrendi tali struttura neċessarja. Tali teħid inkunsiderazzjoni kien, bil-kontra ta’ dan, permess sakemm jintwera li dan kien użu ħażin li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli u li dan kien jinvolvi riskju reali għas-sigurtà tal-persuni (ara l-punti 56 u 57 iktar ’il fuq).

61      It-tielet nett, il-partijiet ma jaqblux dwar il-portata tar-rekwiżit essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà previst fil-punt 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42.

62      Il-punt 3 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42 jistipula serje ta’ rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà speċifikament fir-rigward tal-makkinarju li huwa ta’ perikolu minħabba l-mobbiltà tiegħu. Dawn ir-rekwiżiti u r-rekwiżiti ġenerali previsti fil-punt 1 tal-imsemmi anness huma komplementari. Mill-punti 3 u 4 tal-“Prinċipji ġenerali” li jinsabu fil-bidu ta’ dan l-anness jirriżulta li dan il-makkinarju għandu bħala prinċipju josserva dawn ir-rekwiżiti ġenerali u speċifiċi kollha.

63      Il-punt 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42 jipprevedi, b’mod partikolari, li “[f]ejn, fil-każ ta’ makkinarju li jimxi waħdu b’xufier riekeb fuqu, operaturi jew persuni oħra, ikun hemm ir-riskju ta’ oġġetti jew materjal li jaqgħu, il-makkinarju għandu jkun iddisinnjat u mibni b’mod li jittieħed kont ta’ dan ir-riskju u mgħammar, jekk jippermetti d-daqs, bi struttura ta’ protezzjoni xierqa”.

64      Kif ġustament issostni l-Kummissjoni, il-portata ta’ dan ir-rekwiżit speċifiku għandha tiġi interpretata fid-dawl tar-rekwiżiti ġenerali stipulati fid-Direttiva 2006/42, u b’mod partikolari fil-punt 1 tal-“Prinċipji ġenerali” li jinsabu fil-bidu tal-Anness I tagħha kif ukoll tal-“Prinċipji ta’ integrazzjoni ta’ sigurtà” stipulati fil-punt 1.1.2 tal-imsemmi anness. Issa, minn dawn tal-aħħar jirriżulta b’mod ċar, l-ewwel nett, li d-disinn u l-bini tal-makkinarju intiż li jitqiegħed fis-suq fl-Unjoni għandhom jiggarantixxu li dan ikun jista’ jitħaddem “mingħajr ma jpoġġi lil persuni f’riskju [taħt] il-kondizzjonijiet previsti [mill-fabbrikant] iżda filwaqt li jittieħed kont ukoll ta’ kwalunkwe użu ħażin tiegħu previst b’mod raġonevoli”, u, b’mod iktar ġenerali, għandhom “jevita[w] l-użu mhux normali jekk dan l-użu jista’ jqajjem riskju”. Dispożizzjonijiet oħra ta’ dan l-anness, fosthom il-punt 1.1.7 tiegħu, intitolat “Il-pożizzjonijiet tat-tħaddim”, jipprovdu rekwiżiti simili. Sussegwentement, l-iskop tal-miżuri adottati għal dan il-għan “għandu jkun li jiġi eliminat kwalunkwe riskju”. Fl-aħħar nett, sabiex jonora tali obbligu, il-fabbrikant, filwaqt li għandu l-possibbiltà li “jagħżel l-aktar metodi xierqa”, xorta waħda għandu l-obbligu li josserva ordni ta’ prijorità li jikkonsisti, prinċipalment, f’li, “sa fejn ikun possibbli jelimina jew inaqqas ir-riskji ([integrazzjoni ta’ sigurtà fid-]disinn u [l-]kostruzzjoni tal-makinnarju [...])”, sussidjarjament, “jieħu l-miżuri protettivi neċessarji fir-rigward tar-riskji li ma jistgħux ikunu eliminati” u, b’mod komplementari, li “jinforma lill-utenti tar-[bir-] riskji residwi li jiġu minn kwalunkwe nuqqasijiet fil-miżuri protettivi adottati”.

65      Fid-dawl tan-natura prijoritarja tal-għan li jikkonsisti f’li “sa fejn ikun possibbli jelimina jew inaqqas”, sa mid-“disinn u [l-]kostruzzjoni tal-makinnarju”, ir-riskji assoċjati mal-“użu intiż” jew mal-“użu ħażin tiegħu previst b’mod raġonevoli”, kif ukoll f’li “jevita l-użu mhux normali” u “jieħu l-miżuri protettivi neċessarji fir-rigward tar-riskji li ma jistgħux ikunu eliminati”, għandu jitqies li, meta, bħal f’dan il-każ, makkinarju huwa intiż li jaqdi diversi funzjonijiet differenti, skont il-varji tagħmir interkambjabbli li jistgħu jintramaw miegħu, dan għandu jkun mgħammar, qabel kull tqegħid fis-suq jew fis-servizz, bi struttura ta’ protezzjoni xierqa meta jiġi kkonstatat li, minkejja li l-użu normali li għalih jiddestinah ix-xerrej tiegħu f’każ partikolari ma jinvolvix, fih innifsu, riskju ta’ materjal jew ta’ oġġetti li jaqgħu, wieħed mill-użi l-oħra li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli fir-rigward ta’ dan il-makkinarju jimplika tali riskju. Fil-fatt, tali miżura taqa’ fost dawk intiżi li “sa fejn ikun possibbli jelimina[w] jew inaqq[su] r-riskji” permezz ta’ “([integrazzjoni ta’ sigurtà fid-]disinn u [l-]kostruzzjoni tal-makinnarju [...])”.

66      Ebda wieħed mill-argumenti tar-rikorrenti minbarra dawk diġà eżaminati ma jista’ jikkonfuta din il-konklużjoni.

67      B’mod partikolari, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li tibbaża argument fuq kliem l-Artikolu 2(1)(b) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/296/KEE, tas-26 ta’ Mejju 1986, dwar l-approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet tal-Istati Membri dwar strutturi ta’ protezzjoni kontra oġġetti li jaqgħu (FOPS) ta’ ċertu makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni (ĠU L 186, p. 10), li jipprevedi li “[l]-makkinarju għas-siti ta’ kostruzzjoni msemmija fl-Artikolu 1 jista’ jitqiegħed fis-suq biss jekk huwa ddisinjat b’tali mod li jkollhom struttura ta’ protezzjoni [CE]. Jitqies li huwa ddisinjat biex ikollu struttura ta’ protezzjoni [CE] kull makkinarju mgħammar bi struttura ta’ protezzjoni fil-każ ta’ qlib (ROPS) li miegħu tista’ tiġi ffittjata l-imsemmija struttura ta’ protezzjoni [CE]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Fil-fatt, minn naħa, dan l-att ma għadux fis-seħħ. Min-naħa l-oħra, għalkemm huwa minnu li t-test tal-imsemmija dispożizzjoni ġie inizjalment riprodott kelma b’kelma fil-punt 3.4.4 tal-Anness I tad-Direttiva 98/37/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Ġunju 1998, dwar l-approssimazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri dwar il-makkinarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 2, p. 349), madankollu dan ġie emendat fil-kuntest tax-xogħlijiet li wasslu għall-adozzjoni tad-Direttiva 2006/42, li issa timponi l-installazzjoni ta’ struttura ta’ protezzjoni kontra materjal jew oġġetti li jaqgħu (ara l-punti 63 sa 65 iktar ’il fuq).

68      Ir-rikorrenti lanqas ma hija fondata li tinvoka obbligi ta’ informazzjoni previsti fid-Direttiva 2006/42.

69      Ċertament, ir-rekwiżiti essenzjali ta’ saħħa u ta’ sigurtà imposti mid-Direttiva 2006/42 fuq il-fabbrikanti ta’ makkinarju jinkludu, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 1.7.4.1 u 1.7.4.2 tal-Anness I tagħha, l-obbligu li ma dan il-makkinarju jingħataw istruzzjonijiet dwar l-użu normali, li jieħdu inkunsiderazzjoni l-użu ħażin tagħhom li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli, li javżaw lill-operatur bil-metodi — li l-esperjenza wriet li jista’ jkun hemm — kif il-makkinarju ma għandux jintuża u li jipprovdu istruzzjonijiet dwar il-miżuri ta’ protezzjoni li l-utenti għandhom jieħdu. Fil-każ speċifiku tal-makkinarju li huwa ta’ perikolu minħabba l-mobbiltà tiegħu, il-punt 3.6.3.2 ta’ dan l-anness jistipula wkoll li “[l]-istruzzjonijiet għall-makkinarju li jippermetti numru ta’ użijiet skond it-tagħmir użat u l-istruzzjonijiet għat-tagħmir interkambjabbli għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex tgħin sabiex it-tagħmir jitwaħħal mingħajr perikolu u l-użu tat-tagħmir interkambjabbli li jistgħu jitwaħħlu”. F’dan il-każ, ir-rikorrenti tesponi fid-dettall ir-raġunijiet li għalihom hija tikkunsidra li osservat dan l-obbligu u l-Kummissjoni la tikkontesta l-argumenti li hija tinvoka f’dan ir-rigward u lanqas il-provi li hija tipproduċi insostenn tagħhom.

70      Madankollu, l-osservanza ta’ dan ir-rekwiżit hija bla ħsara għall-obbligu prijoritarju impost fuq il-fabbrikanti ta’ makkinarju li jintegraw is-sigurtà fid-disinn u fil-bini tagħhom, billi jeliminaw jew inaqqsu, sa fejn possibbli, ir-riskji marbuta mal-użu intiż tagħhom jew mal-użu ħażin tagħhom li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli, kif jirriżulta mill-punt 1.7.4.2(l) tal-Anness I tad-Direttiva 2006/42 u kif josserva r-Renju tad-Danimarka. Fi kliem ieħor, id-direttiva ma timponix fuq il-fabbrikanti biss l-obbligu li javżaw lill-klijenti tagħhom dwar ir-riskji marbuta ma użu ħażin li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli tal-makkinarju mibjugħ lilhom, kif issostni li għamlet ir-rikorrenti. Din timponi fuqhom ukoll l-obbligu li sa fejn possibbli jeliminaw jew inaqqsu tali riskji sa mill-fażi tad-disinn u tal-bini ta’ dan il-makkinarju, kif tosserva l-Kummissjoni.

71      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi deċiż li l-Kummissjoni ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, bi qbil mal-awtoritajiet Daniżi, li l-għan tal-miżuri meħuda mill-fabbrikanti ta’ makkinarju għandu jkun li jneħħi, sa mill-istadju tad-disinn u tal-bini tagħhom, kull riskju li jista’ jirriżulta mill-użu intiż tagħhom jew minn użu ħażin tagħhom li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli. Hija lanqas ma wettqet żball ta’ liġi meta qieset, essenzjalment, li meta jiġi kkonstatat li makkinarju multifunzjonali bħal dak inkwistjoni f’dan il-każ jesponi lill-operatur tiegħu għal riskju ta’ materjal jew ta’ oġġetti li jaqgħu fil-kuntest tal-użi intiżi tiegħu jew tal-użi li jistgħu jiġu previsti b’mod raġonevoli, dan ir-riskju għandu jittieħed inkunsiderazzjoni billi dan il-makkinarju jiġi mgħammar bi struttura ta’ protezzjoni qabel kull tqegħid fis-suq jew fis-servizz (premessi 3, 4, 6 u 7 tad-deċiżjoni kkontestata).

72      B’konsegwenza ta’ dan, il-Kummissjoni la interpretat ħażin il-kundizzjonijiet ta’ implementazzjoni tal-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, u lanqas ma kisret il-projbizzjoni imposta fuq l-Istati Membri, bl-Artikolu 6(1) tal-imsemmija direttiva, li ma jippreġudikawx il-moviment liberu billi bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq din l-analiżi. Hija lanqas ma kisret, billi għamlet dan, il-preżunzjoni ta’ konformità li minnha kien jibbenefika l-Multione S630 bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) ta’ din id-direttiva, peress li mill-istruttura ta’ dan l-att jirriżulta b’mod ċar li tali preżunzjoni hija bla ħsara għall-possibbiltà li l-Istati membri għandhom li jużaw il-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tagħha meta l-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-artikolu jkunu ssodisfatti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi Medipac-Kazantzidis, punt 46 iktar ’il fuq, EU:C:2007:337, punti 44 u 46, u tad-19 ta’ Novembru 2009, Nordiska Dental, C‑288/08, Ġabra, EU:C:2009:718, punti 23 u 24).

–       Fuq l-ilmenti bbażati fuq żbalji ta’ evalwazzjoni tal-fatti

73      Għaldaqstant, fit-tielet lok, għandhom jiġu eżaminati l-ilmenti tar-rikorrenti dwar il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi kienu ġġustifikati mir-riskju marbut mal-makkinarju tagħha.

74      F’dan ir-rigward, fid-deċiżjoni kkontestata ġie l-ewwel nett deċiż li l-awtoritajiet Daniżi kienu fondati li jqisu li, għalkemm il-Multione S630 kien ġie inizjalment iddisinjat sabiex jitħaddem f’kundizzjonijiet li ma jinvolvux riskju ta’ materjal jew oġġetti li jaqgħu, kien probabbli li l-imsemmi makkinarju jintuża f’ kundizzjonijiet oħra li jesponu lill-operatur tiegħu għal tali riskju (premessi 4 u 7). Il-Kummissjoni sussegwentement qieset li l-eżami tal-osservazzjonijiet kkomunikati mir-rikorrenti jikkonfermaw l-eżistenza ta’ tali riskju (premessa 8).

75      Għandu l-ewwel nett jiġi kkonstatat li, hekk kif essenzjalment tqis ir-rikorrenti, din il-motivazzjoni, minnha nnifisha qasira, għandha tiġi interpretata fil-kuntest tal-proċedura li ntemmet bid-deċiżjoni kkontestata, u għandha tinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni approvat l-analiżi mwettqa preċedentement mill-awtoritajiet Daniżi, wara li eżaminata fid-dawl tal-osservazzjonijiet kkomunikati mir-rikorrenti skont l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42 u miġbura fil-qosor fil-premessa 5 tad-deċiżjoni kkontestata.

76      Għalhekk, il-Kummissjoni ma hijiex fondata li tallega li l-argumenti li permezz tagħhom ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjonijiet li jimmotivaw il-miżuri adottati fir-rigward tal-Multione S630 huma, essenzjalment, ineffettivi minħabba li ma jikkonċernawx id-deċiżjoni kkontestata iżda l-pożizzjoni adottata preċedentement mill-awtoritajiet Daniżi. Il-konsegwenza tal-ilqugħ ta’ tali argument tkun li l-legalità ta’ din id-deċiżjoni tiġi evalwata separatament mill-kuntest li jippermetti li tinftiehem u li jiġi osservat ex officio li, fid-dawl tal-motivazzjoni mfakkra fil-punt 74 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tistħarreġ il-fondatezza ta’ dan l-att u għandha konsegwentement tannullah minħabba nuqqas ta’ motivazzjoni.

77      It-tieni nett, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni ma naqsitx milli tieħu inkunsiderazzjoni l-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti, li hija ġabret fil-qosor korrettament. Jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni ma laqgħetx mingħajr analiżi l-pożizzjoni tal-awtoritajiet Daniżi, iżda tispjega, fil-qosor iżda b’mod li jinftiehem, fid-dawl tal-kuntest li fih hija ħadet pożizzjoni, il-punti ta’ liġi u ta’ fatt prinċipali li wassluha sabiex tiddeċiedi li l-miżuri adottati minn dawn l-awtoritajiet huma ġġustifikati. Għaldaqstant, l-argumenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

78      It-tielet nett, fir-rigward tal-argumenti tal-Kummissjoni u tar-Renju tad-Danimarka dwar l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju li l-Qorti Ġenerali għandha twettaq tal-fondatezza tal-evalwazzjonijiet fattwali li jinsabu fid-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll dwar il-kontestazzjonijiet tar-rikorrenti f’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, qabel kollox, li d-Direttiva 2006/42 hija intiża li tarmonizza l-kundizzjonijiet li taħthom jitqiegħed fis-suq intern il-makkinarju li jaqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tagħha, u li tiżgura l-moviment liberu tiegħu fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li tiggarantixxi l-osservanza tar-rekwiżiti kollha intiżi għall-protezzjoni tas-saħħa u tas-sigurtà tal-persuni fir-rigward tar-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ dan il-makkinarju (punt 25 iktar ’il fuq).

79      Għal dan il-għan, id-Direttiva 2006/42 tistabbilixxi sistema ta’ sorveljanza u ta’ regolazzjoni tas-suq intern, fejn huma, l-ewwel u qabel kollox, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li għandhom jevalwaw jekk hemmx ir-riskju li l-makkinarju jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni (ara l-punti 19, 26 u 27 iktar ’il fuq) u, jekk dan ikun il-każ, li jadottaw il-miżuri ta’ rtirar jew ta’ projbizzjoni meħtieġa. Il-klawżola ta’ salvagwardja nnifisha, prevista għal dan il-għan mill-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, għandha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 114(10) TFUE, li jawtorizza lill-Istati Membri jadottaw tali miżuri għal raġuni waħda jew iktar li ma humiex ta’ natura ekonomika msemmija fl-Artikolu 36 TFUE (ara l-punt 45 iktar ’il fuq), li fosthom hemm il-protezzjoni tas-saħħa u tal-ħajja tal-persuni. Tali eżerċizzju jista’ jkun jinvolvi, min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura teknika jew xjentifika (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-21 ta’ Jannar 1999, Upjohn, C‑120/97, Ġabra, EU:C:1999:14, punti 33 u 35).

80      Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni hija msejħa, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni, tivverifika jekk, fil-liġi jew fil-fatti, il-miżuri adottati mill-Istati Membri humiex iġġustifikati jew le (ara l-punti 20 u 46 iktar ’il fuq). Issa, il-qrati tal-Unjoni diġà ddeċidew, fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, tal-15 ta’ Lulju 1991, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjant (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 332), li għalkemm tistabbilixxi dispożittiv istituzzjonali u proċedurali li huwa ċertament differenti minn dak previst fid-Direttiva 2006/42, madankollu għandha għanijiet paragunabbli, li, sabiex tkun tista’ tilħaq b’mod effettiv l-objettiv li ġie assenjat lilha, u fid-dawl tal-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi li hija għandha titwettaq, il-Kummissjoni għandha tingħata setgħa diskrezzjonali wiesgħa (sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni C‑326/05 P, Ġabra, EU:C:2007:443, punt 75, u tad-9 ta’ Settembru 2011, Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni T‑475/07, Ġabra, EU:T:2011:445, punti 86 u 150). Dawn il-qrati ddeċidew ukoll li l-Kummissjoni għandha tali setgħa diskrezzjonali meta tissejjaħ sabiex tinvestiga miżuri li ma ġewx adottati minn Stat Membru fil-kuntest ta’ direttiva li tipprevedi klawżola ta’ salvagwardja fis-sens tal-Artikolu 114(1) TFUE, bħal f’dan il-każ, iżda fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet previsti fl-Artikolu 114(4) sa (6) TFUE (sentenza tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni C‑405/07 P, Ġabra, EU:C:2008:613, punt 54).

81      Meta tkun imsejħa tistħarreġ l-eżerċizzju ta’ setgħa diskrezzjonali wiesgħa, il-Qorti tal-Unjoni għandha tivverifika, skont il-motivi invokati quddiemha, l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti aċċettati mill-Kummissjoni, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti u l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi Industrias Químicas del Vallés vs Il‑Kummissjoni punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2007:443, punt 76, u Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, EU:T:2011:445, punt 151).

82      B’mod partikolari, hija għandha tivverifika, fid-dawl tal-argumenti invokati mill-partijiet, l-eżattezza materjali tal-provi invokati insostenn tal-att ikkontestat, il-kredibbiltà u l-koerenza tagħhom u għandha tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha (sentenzi Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2008:613, punt 55, u Dow AgroSciences et vs Il‑Kummissjoni, punt 80 iktar ’il fuq, EU:T:2011:445, punt 153).

83      F’dak li jirrigwarda, wara dan, l-evalwazzjoni tar-riskju li l-Istat Membru kkonċernat għandu jwettaq qabel ma juża l-miżuri previsti fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, suġġett għall-kontroll tal-Kummissjoni, ir-rikorrenti ġustament issostni li din għandha titwettaq mill-perspettiva ta’ utent medju u raġonevolment attent u avżat, argument li ma huwiex ikkontestat speċifikament mill-Kummissjoni. Fil-fatt, is-setgħa li dan l-artikolu jagħti lill-awtoritajiet nazzjonali jikkostitwixxi deroga mill-prinċipju ta’ moviment liberu sanċit fid-direttiva u hija ġġustifikata biss meta jkun hemm riskju marbut mal-użu “intiż” jew mal-użu ħażin “previst b’mod raġonevoli” tal-makkinarju inkwistjoni, li min-naħa tiegħu huwa ddefinit fil-punt 1.1.1(i) tal-Anness I ta’ din id-direttiva bħala użu “li jista’ jirriżulta minn mġieba tal-bniedem li tista’ tkun prevista faċilment”. F’dan il-kuntest, il-fatt li l-awtoritajiet nazzjonali jevalwaw ir-realtà ta’ tali riskju mill-perspettiva konkreta ta’ utent medju u raġonevolment diliġenti, u mhux b’mod astratt, jikkontribwixxi sabiex jiġi ggarantit li dawn ma jippreġudikawx b’mod mhux iġġustifikat, fis-sens tal-Artikolu 11(1) tal-imsemmija direttiva, il-moviment liberu tal-makkinarju (ara l-punti 54 u 57 iktar ’il fuq).

84      Madankollu, meta r-realtà ta’ tali riskju hija stabbilita suffiċjentement skont il-liġi, mill-perspettiva ta’ utent medju u raġonevolment diliġenti, il-fatt li dan tal-aħħar ikun ġie informat bil-quddiem bl-eżistenza ta’ dan ir-riskju huwa, minnu nnifsu, irrilevanti, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, fid-dawl, minn naħa, tal-ġerarkija stabbilita fid-Direttiva 2006/42 bejn l-obbligi ta’ prevenzjoni u ta’ informazzjoni li hija timponi fuq il-fabbrikanti ta’ makkinarju (ara l-punti 64 u 71 iktar ’il fuq) u, min-naħa l-oħra, tal-konsegwenzi marbuta man-nuqqas ta’ osservanza ta’ dawn l-obbligi (ara l-punt 58 iktar ’il fuq).

85      Għalhekk, huwa mill-perspettiva ta’ utent medju u raġonevolment diliġenti, li għandu jiġi, fl-aħħar mill-aħħar, iddeterminat jekk, f’dan il-każ, il-Kummissjoni setgħetx tikkunsidra, mingħajr ma twettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, li l-awtoritajiet Daniżi kienu ġġustifikaw il-miżuri adottati fir-rigward tal-Multione S630 bl-eżistenza ta’ riskju għas-sigurtà tal-utenti tiegħu, marbut mal-assenza ta’ struttura ta’ protezzjoni xierqa kontra materjal jew oġġetti li jaqgħu.

86      F’dan ir-rigward, l-awtoritajiet Daniżi essenzjalment qiesu li, anki fil-każ fejn il-Multione S630 kien inxtara flimkien ma’ tagħmir li ma jiddestinaħx għall-użu intiż li jesponi lill-utenti tiegħu għal riskju ta’ materjal jew oġġetti li jaqgħu, tali riskju kien xorta waħda jeżisti għal tliet raġunijiet. L-ewwel nett, huwa raġonevolment prevedibbli li l-partijiet ikkonċernati iktar ’il quddiem jixtru tagħmir li jesponihom għal tali riskju fis-suq tat-tagħmir użat, mingħajr ma jużaw is-servizzi tar-rikorrenti. It-tieni nett, jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli li wieħed mill-klijenti ta’ din tal-aħħar ikollu diversi eżemplari ta’ dan il-makkinarju, li huwa jiddedika kemm għal użi mingħajr riskju kif ukoll għal użi esposti għal riskju u li jispiċċa jużahom b’mod indiskriminat mingħajr ma r-rikorrenti tkun f’pożizzjoni li tevita dan. Fl-aħħar nett, anki fil-każ fejn l-użu intiż tal-imsemmi makkinarju ma jkunx jinvolvi, minnu nnifsu, riskju, uħud mill-ambjenti li fihom jintuża, bħax-xogħlijiet agrikoli jew ta’ invellar tal-art, xorta waħda jesponu l-utent għal riskju li jista’ jiġi previst b’mod raġonevoli ta’ materjal jew oġġetti li jaqgħu.

87      Il-Kummissjoni essenzjalment tqis li dawn l-evalwazzjonijiet kollha kienu ġġustifikati.

88      Issa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma tikkontestax b’mod effettiv l-ewwel waħda minnhom. Fil-fatt, hija essenzjalment tillimita ruħha li ssostni li din “ma tidhirx li hija deċiżiva” għal żewġ raġunijiet. Minn naħa, l-istruzzjonijiet mogħtija flimkien mal-Multione S630 jordnaw lill-proprjetarju tiegħu jinstalla struttura ta’ protezzjoni xierqa jekk huwa jixtri separatament tagħmir li jinvolvi riskju ta’ materjal jew ta’ oġġetti li jaqgħu, u li jikkuntattja, għal dan il-għan, lil bejjiegħ jew lil mekkanik awtorizzat. Min-naħa l-oħra, bħal kull prodott ikkaratterizzat minn ċertu koeffiċjent ta’ teknoloġija, dan il-makkinarju jimplika ċerti riskji, meta ma jintużax b’osservanza tal-kundizzjonijiet deskritti fl-istruzzjonijiet tiegħu, li għandhom jiġu osservati mill-utent. Issa, indipendentement mill-fatt li dawn l-argumenti donnhom huma msejsa fuq il-premessa li tgħid li r-riskju kkonstatat mill-awtoritajiet Daniżi tabilħaqq jeżisti, dawn ma jistgħux jintlaqgħu, hekk kif osservat il-Kummissjoni, fid-dawl tal-ġerarkija stabbilita fid-Direttiva 2006/42 bejn l-obbligi ta’ prevenzjoni u ta’ informazzjoni li hija timponi fuq il-fabbrikanti ta’ makkinarju (ara l-punt 84 iktar ’il fuq).

89      Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta t-tieni evalwazzjoni magħmula mill-awtoritajiet Daniżi u approvata mill-Kummissjoni, li fir-rigward tagħha hija tillimita ruħha li tinvoka l-istess argumenti.

90      Peress li dawn l-argumenti ma jiżvelaw l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni, ma hemmx lok li jiġu eżaminati dawk dwar it-tielet evalwazzjoni li fuqhom huma bbażati l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi u ddikjarati ġġustifikati mill-Kummissjoni. Fil-fatt, anki jekk jitqies li dawn huma fondati, id-deċiżjoni kkontestata xorta waħda tibqa’ ġġustifikata għar-raġunijiet li għadhom kif ġew esposti. B’konsegwenza ta’ dan, ma hemmx lok li tiġi ordnata l-perizja mitluba mir-rikorrenti f’dan ir-rigward.

91      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan il-motiv għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament

92      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, sa fejn din tiddeċiedi li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi huma ġġustifikati filwaqt li l-imsemmija miżuri kienu mmirati esklużivament lejn l-eżemplari tal-Multione S630 imqiegħda fis-suq Daniż, bl-esklużjoni ta’ eluf ta’ makkinarju multifunzjonali analogu mqiegħed fis-servizz f’dan is-suq.

93      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Renju tad-Danimarka, tikkontesta dawn l-argumenti.

94      F’dan ir-rigward, hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tat-13 ta’ Diċembru 1984, Sermide, 106/83, Ġabra, EU:C:1984:394, punt 28; tal-11 ta’ Lulju 2006, Franz Egenberger, C‑313/04, Ġabra, EU:C:2006:454, punt 33, u tat-3 ta’ Settembru 2009, Cheminova et vs Il‑Kummissjoni T‑326/07, Ġabra, EU:T:2009:299, punt 214).

95      F’dan il-każ, il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li r-rikorrenti qed timputa fuq il-Kummissjoni jirrigwarda, essenzjalment, il-fatt li l-Kummissjoni ddikjarat li l-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi fir-rigward tal-Multione S630 kienu ġġustifikati mingħajr ma żgurat ruħha minn qabel li dawn il-miżuri ma kinux diskriminatorji, anki meta dawn kienu mmirati esklużivament lejn dan il-makkinarju u mhux lejn l-eluf ta’ makkinarju analogu mqiegħed fis-servizz fis-suq Daniż.

96      Il-Kummissjoni, sostnuta fuq dan il-punt mir-Renju tad-Danimarka, esponiet il-punti ta’ fatt li wassluha tqis li d-diversi tipi ta’ makkinarju kkonċernat mill-investigazzjoni magħmula mill-awtoritajiet Daniżi qabel l-adozzjoni tal-miżuri li jirrigwardaw il-Multione S630 kienu jinsabu f’sitwazzjonijiet differenti u dan kien jirrikjedi li l-imsemmija awtoritajiet jittrattawhom b’mod differenti. Ir-rikorrenti ma kkontestatx dawn il-punti ta’ fatt fir-replika, filwaqt li sostniet li dawn ma jikkonfutawx il-fondatezza tal-argumenti tagħha. Minn dan isegwi li ma huwiex stabbilit li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fil-kuntest ta’ din l-investigazzjoni.

97      Min-naħa l-oħra, kif osservat ir-rikorrenti, la l-Kummissjoni, fir-risposta jew fil-kontroreplika tagħha, u lanqas ir-Renju tad-Danimarka, fin-nota ta’ intervent, ma kkontestaw il-fatt li l-eluf ta’ makkinarju paragunabbli għall-Multione S630, u kkumerċjalizzati minn fabbrikanti oħra minbarra dawk ikkonċernati mill-investigazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet Daniżi, kien tqiegħed fis-servizz għal żmien twil fis-suq Daniż. Għalhekk, anki dan il-fatt jista’ jitqies li huwa stabbilit, mingħajr ma jkun hemm bżonn li titwettaq il-perizja mitluba mir-rikorrenti fil-każ ta’ kontestazzjoni, sa fejn il-Kummissjoni ssostni biss li huwa irrilevanti, peress li hija ma kinitx obbligata li twettaq il-verifika li r-rikorrenti qed tikkritikaha talli ma wettqitx. Għalhekk, għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-eżami li l-Kummissjoni kienet obbligata li twettaq f’dan il-każ.

98      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, fl-ewwel lok, li minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, meta qasam partikolari jkun ġie armonizzat b’mod eżawrjenti fuq il-livell tal-Unjoni, kull miżura nazzjonali relatata miegħu għandha tiġi evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-att li jwettaq din l-armonizzazzjoni u mhux fid-dawl tad-dritt primarju (sentenzi tat-12 ta’ Ottubru 1993, Vanacker u Lesage, C‑37/92, Ġabra, EU:C:1993:836, punt 9, u tas-16 ta’ Ottubru 2014, Il‑Kummissjoni vs Il-Ġermanja, C‑100/13, EU:C:2014:2293, punt 62). Din il-ġurisprudenza tapplika, b’mod partikolari, fil-każ fejn il-miżura inkwistjoni ma tikkostitwixxix att ta’ natura leġiżlattiva jew regolamentari iżda miżura ta’ natura individwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza AGM-COS.MET, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2007:213, punti 49 sa 51), bħal f’dan il-każ.

99      Fit-tieni lok, id-Direttiva 2006/42 wettqet armonizzazzjoni eżawrjenti, fuq livell tal-Unjoni, mhux biss tar-regoli dwar ir-rekwiżiti essenzjali ta’ sigurtà applikabbli għall-makkinarju u għad-dikjarazzjoni ta’ konformità ta’ dan il-makkinarju mal-imsemmija rekwiżiti, iżda wkoll fir-rigward tal-aġiri li l-Istati Membri jistgħu jadottaw fir-rigward tal-makkinarju preżunt konformi ma dawn ir-rekwiżiti (sentenza AGM-COS.MET, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2007:213, punt 53). Għaldaqstant, huwa fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/42 li għandu jiġi ddeterminat jekk il-Kummissjoni naqsitx milli twettaq l-obbligi tagħha billi ma vverifikatx jekk il-miżuri adottati mill-awtoritajiet Daniżi f’dan il-każ kinux ġew adottati b’osservanza tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif essenzjalment issostni r-rikorrenti, jew jekk kienx għad-diskrezzjoni tal-Kummissjoni jekk twettaqx tali investigazzjoni, kif issostni din tal-aħħar.

100    Fit-tielet lok, l-għan tal-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42 ma huwiex dak li jagħti lill-Kummissjoni l-oneru li tinvestiga, taħt l-aspetti kollha tagħha, il-legalità tal-miżuri adottati mill-awtoritajiet nazzjonali meta dawn jikkonstataw li makkinarju jirriskja li jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni. Fil-fatt, huma l-qrati nazzjonali li għandhom iwettqu tali kontroll, kif dan jirriżulta mill-premessa 25 tal-Artikolu 20 tal-imsemmija direttiva.

101    Ir-raba’ nett, għalkemm l-Artikolu 11(3) tad-Direttiva 2006/42 jillimita ruħu li jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tqis jekk il-miżuri adottati mill-Istati Membri humiex “ġustifikati” jew le, l-istruttura ġenerali tal-imsemmi artikolu timplika li dan l-obbligu għandu jiġi eżaminat fid-dawl tal-obbligi li l-Artikolu 11(1) u (2) tal-istess direttiva jimponi, minn qabel, fuq l-awtoritajiet nazzjonali. F’dan il-kuntest, l-eżami li l-Kummissjoni hija msejħa li twettaq jirrigwarda, l-ewwel nett, il-kwistjoni ta’ jekk, fid-dawl tar-raġunijiet invokati mill-Istat Membru, awtur ta’ miżura waqt il-komunikazzjoni tagħha lill-Kummissjoni, li jistgħu, b’mod partikolari, ikunu jirrigwardaw in-“nuqqas li jissodisfa r-rekwiżiti essenzjali” stipulati fl-imsemmija direttiva (Artikolu 11(2)), huwiex iġġustifikat, minn perspettiva legali u fattwali, li jitqies li makkinarju “x’aktarx jista’ jikkkomprometti s-saħħa u s-sigurtà ta’ persuni” (Artikolu 11(1)).

102    Barra minn hekk, mill-Artikolu 114(1) TFUE, li jawtorizza lil-leġiżlatur tal-Unjoni jipprevedi klawżoli ta’ salvagwardja bħal dawk stabbiliti bl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, jirriżulta li l-imsemmija klawżoli jistgħu jawtorizzaw lill-Istati Membri jieħdu “għal raġuni waħda jew aktar li m’hijiex ta’ natura ekonomika msemmija fl-Artikolu 36 [TFUE]” miżuri provviżorji suġġetti għall-proċedura ta’ kontroll tal-Unjoni (ara l-punti 45 u 79 iktar ’il fuq).

103    Għalhekk, filwaqt li jagħmel riferiment għar-“raġuni[jiet]” imsemmija fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 36 TFUE, madankollu, l-Artikolu 114(10) TFUE ma jagħmilx riferiment għat-tieni sentenza ta’ dan l-artikolu, li tipprevedi li l-projbizzjonijiet jew ir-restrizzjonijiet li jistgħu jkunu ġġustifikati minn tali raġunijiet “m’għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri”. Konsegwentement dan huwa differenti mill-paragrafi (4) sa (6) tal-istess artikolu, dwar id-dispożizzjonijiet li Stat Membru jista’ jintroduċi jew iżomm wara l-adozzjoni ta’ miżura ta’ armonizzazzjoni skont il-paragrafu (1). Huwa biss dan l-aħħar paragrafu li jagħti lill-Kummissjoni l-inkarigu li tinvestiga, indipendentement mill-kwistjoni ta’ jekk il-miżuri adottati mill-Istat Membru kkonċernat humiex iġġustifikati jew le, skont il-każ, min-“neċessitajiet maġġuri msemmija fl-Artikolu 36 [TFUE]” jew minn “raġuni[jiet]” marbuta mal-“ħarsien ta’ l-ambjent jew ta’ l-ambjent tax-xogħol”, jekk, barra minn hekk, l-imsemmija miżuri jikkostitwixxux “mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri” (sentenzi tal-20 ta’ Marzu 2003, Danimarka vs Il‑Kummissjoni C‑3/00, Ġabra, EU:C:2003:167, punti 57, 118 u 123 sa 126, u tad-9 ta’ Diċembru 2010, Il-Polonja vs Il‑Kummissjoni T‑69/08, Ġabra, EU:T:2010:504, punt 59, fir-rigward tal-Artikolu 95 KE; sentenzi Franza vs Il‑Kummissjoni punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:1994:196, punt 27, u tal-21 ta’ Jannar 2003, Il-Ġermanja vs Il‑Kummissjoni C‑512/99, Ġabra, EU:C:2003:40, punti 38 sa 41, 44, 86 u 89, fir-rigward tal-Artikolu 100 A KE).

104    F’dawn iċ-ċirkustanzi, u kif sostniet il-Kummissjoni, għandu jitqies li l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42 ma jimponilhiex, fil-kuntest speċifiku tal-eżami ta’ jekk miżura kkomunikata lilha mill-Istati Membri hijiex iġġustifikata jew le, l-obbligu li tiddetermina jekk dawn humiex, barra minn hekk, konformi mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

105    Għalhekk, fil-każ fejn tali miżura tkun iġġustifikata fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, hekk kif jirriżulta f’dan il-każ mill-eżami tal-ewwel motiv invokat mir-rikorrenti, id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Kummissjoni tagħraf li din hija ġġustifikata ma tistax tiġi kkonfutata minħabba l-fatt li makkinarju paragunabbli għal dak ikkonċernat mill-imsemmija miżura jinsab fis-suq nazzjonali inkwistjoni, iżda ma kinux suġġetti għal miżuri simili bi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill T‑13/99, Ġabra, EU:T:2002:209, punt 479).

106    Iktar minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, sa fejn sustanza ma kinitx, meta tiġi adottata direttiva, is-suġġett, min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti, ta’ evalwazzjoni fid-dawl tal-kriterji stipulati f’din id-direttiva u sa fejn kull sustanza għandha l-karatteristiċi proprji tagħha, sustanza li għadha ma ġietx evalwata fid-dawl ta’ dawn il-kriterji ma tinsabx fl-istess sitwazzjoni, fir-rigward tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, bħal dik ta’ sustanza li kienet is-suġġett ta’ tali evalwazzjoni (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2005, Alliance for Natural Health et, C‑154/04 u C‑155/04, Ġabra, EU:C:2005:449, punti 116 u 117). Għalkemm il-kuntest li fih ittieħdet id-deċiżjoni kkontestata huwa differenti minn dak li jikkaratterizza l-kawża li tat lok għal dik is-sentenza, jista’ jitqies, fid-dawl tagħha, li, peress li l-Multione S630 kien is-suġġett ta’ evalwazzjoni u ta’ miżura adottata mill-awtoritajiet Daniżi abbażi tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2006/42, dan kien jinsab, għall-finijiet tal-investigazzjoni li l-Kummissjoni għandha twettaq skont l-Artikolu 11(3) tal-istess direttiva, f’sitwazzjoni differenti minn dik tal-makkinarju multifunzjonali analogu preżenti fis-suq Daniż.

107    Il-ħames u l-aħħar nett, għalhekk ma jsegwix li, meta diversi tipi ta’ makkinarju kkumerċjalizzati fit-territorju tal-istess Stat Membru jkollhom karatteristiċi tekniċi analogi li jinvolvu l-istess riskju għas-saħħa jew għas-sigurtà tal-persuni, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu arbitrarjament jiddeċiedu li jissuġġettaw biss parti minn dan il-makkinarju għal miżura ta’ projbizzjoni ta’ tqegħid fis-suq, ta’ rtirar mis-suq jew ta’ restrizzjoni tal-moviment liberu.

108    Bil-kontra ta’ dan, hekk kif essenzjalment isostnu r-rikorrenti u l-Kummissjoni nnifisha, kull att tal-Unjoni għandu jiġi interpretat konformement mad-dritt primarju kollu, inkluż il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament (sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2009, Sturgeon et, C‑402/07 u C‑432/07, Ġabra, EU:C:2009:716, punt 48, u tas-16 ta’ Settembru 2010, Chatzi, C‑149/10, Ġabra, EU:C:2010:534, punt 43). Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita hemm lok, għall-interpretazzjoni ta’ att tal-Unjoni, li jiġu kkunsidrati mhux biss it-termini tad-dispożizzjonijiet tiegħu, iżda wkoll l-istruttura ġenerali u l-kuntest tagħhom kif ukoll l-għan tal-leġiżlazzjoni li minnha jifformaw parti (ara s-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Lidl Italia, C‑315/05, Ġabra, EU:C:2006:736, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fl-aħħar nett, għandu jitfakkar li l-Istati Membri, li għandhom jimplementaw id-direttiva inkwistjoni f’dan il-każ, mhux biss talli għandhom is-setgħa li jużaw il-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tagħha, iżda talli huma obbligati li jagħmlu dan meta jikkonstataw li hemm ir-riskju li l-makkinarju jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni (sentenza AGM-COS.MET, punt 25 iktar ’il fuq, EU:C:2007:213, punt 62; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza Klein vs Il‑Kummissjoni punt 46 iktar ’il fuq, EU:C:2015:252, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

109    Issa, il-fatt li Stat Membru jkun jista’ juża l-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tal-imsemmija direttiva fir-rigward ta’ makkinarju li jirriskja li jikkomprometti s-saħħa jew is-sigurtà tal-persuni, filwaqt li jastjeni ruħu milli jissuġġetta lill-makkinarju paragunabbli għall-istess trattament, ikun, fl-assenza ta’ ġustifikazzjoni oġġettiva, imur kontra mhux biss il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, iżda wkoll kontra l-għan tad-Direttiva 2006/42, li hija, b’mod partikolari, intiża li tarmonizza l-kundizzjonijiet li taħthom il-makkinarju jitqiegħed fis-suq intern u jiċċirkola liberament, filwaqt li tipproteġi s-saħħa u s-sigurtà tal-persuni fir-rigward tar-riskji li jirriżultaw mill-użu ta’ dan il-makkinarju (ara l-punti 25 u 78 iktar ’il fuq), kif ukoll kontra l-istruttura ġenerali tad-dispożittiv stabbilit sabiex tiġi ggarantita l-applikazzjoni korretta u uniformi ta’ din id-direttiva mill-awtoritajiet nazzjonali (ara l-punti 26 sa 28 u 79 iktar ’il fuq), taħt il-kontroll tal-Kummissjoni (ara l-punti 46 u 80 iktar ’il fuq).

110    Mill-bqija, huwa, b’mod partikolari, bil-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tad-Direttiva 2006/42 u li tiġi ggarantita, f’dan il-kuntest, protezzjoni ndaqs tas-saħħa u tas-sigurtà tal-persuni fir-rigward tal-makkinarju kkumerċjalizzat fl-Unjoni li l-leġiżlatur stabbilixxa, fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 9(1) ta’ dan l-att, intitolat “Miżuri speċifiċi għat-trattament ta’ makkinarju potenzjalment perikoluż”, proċedura speċifika li tippermetti li l-Kummissjoni tadotta, permezz ta’ deċiżjoni, miżuri li jeżiġu li l-Istati Membri jipprojbixxu jew jirrestrinġu t-tqegħid fis-suq ta’ makkinarju li, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tiegħu, jirrappreżenta l-istess riskju bħal dak li kien is-suġġett ta’ miżura nazzjonali ddikjarata ġġustifikata (ara l-punt 33 iktar ’il fuq). Dan l-artikolu jippermetti li l-Kummissjoni teżiġi, mhux biss mingħand l-Istat Membru li adotta din il-miżura, iżda wkoll mill-Istati Membri l-oħra kollha, li jittrattaw bl-istess mod, sa fejn meħtieġ u b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, il-makkinarju kollu fis-servizz fis-suq intern li jippreżenta l-istess riskju, minħabba l-karatteristiċi tekniċi tiegħu, bħall-makkinarju kkonċernat mill-imsemmija miżura.

111    Kif essenzjalment jenfasizzaw kemm il-Kummissjoni kif ukoll ir-rikorrenti, din il-proċedura speċifika hija bla ħsara, minn naħa, għall-possibbiltà li l-fabbrikant tal-makkinarju inkwistjoni jistieden lill-Istat Membru li rrestrinġa l-moviment liberu ta’ dan il-makkinarju jadotta miżuri analogi fir-rigward tal-makkinarju paragunabbli li jinsab fis-suq tiegħu u, min-naħa l-oħra, għall-possibbiltà li l-Kummissjoni tuża l-proċedura prevista fl-Artikolu 258 TFUE.

112    Huwa f’tali kuntest li r-rikorrenti għandha l-possibbiltà li tinvoka b’mod effettiv, fin-noti tagħha u kif taqbel il-Kummissjoni, li l-awtoritajiet Daniżi implementaw il-klawżola ta’ salvagwardja prevista fl-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42 fir-rigward ta’ żewġ fabbrikanti ta’ makkinarju multifunzjonali stabbiliti fl-Italja u fil-Finlandja u li kienu atturi ġodda fis-suq Daniż, filwaqt li astjeniet ruħha milli taġixxi bl-istess mod fir-rigward ta’ fabbrikanti oħra li kienu ilhom żmien twil stabbiliti f’dan is-suq.

113    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti iktar ’il fuq u, b’mod partikolari, tan-natura ġġustifikata suffiċjentement skont il-liġi u l-fatti, fis-sens ta l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2006/42, tad-deċiżjoni kkontestata, hemm lok li t-tieni motiv jiġi miċħud.

114    B’konsegwenza ta’ dan, it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata mressqa mir-rikorrenti għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li tittieħed deċiżjoni dwar it-talba tagħha li tiġi ordnata, jekk ikun hemm bżonn, perizja.

 Fuq l-ilment dwar id-danni kkawżati mid-deċiżjoni kkontestata

115    Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kkawżatilha diversi danni materjali kif ukoll dannu għar-reputazzjoni. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat, minn qari tar-rikors, li r-rikorrenti tinvoka dan l-ilment biss insostenn ta’ dikjarazzjoni li permezz tagħha l-persuna kkonċernata tirriżerva, essenzjalment, il-possibbiltà li tressaq talba għal miżuri provviżorji ġdida quddiem il-Qorti Ġenerali.

116    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li sabiex ikun hemm ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kollha relatati, l-ewwel nett, mal-illegalità tal-aġir tal-istituzzjoni konvenuta kkritikat mir-rikorrenti, it-tieni nett, mal-eżistenza ta’ dannu reali u ċert u, it-tielet nett, mal-eżistenza ta’ rabta kawżali diretta bejn l-aġir inkwistjoni u d-dannu invokat. Minn dan jirriżulta li, meta waħda minn dawn it-tliet kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, it-talba għal kumpens f’dan ir-rigward għandha tiġi miċħuda mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġi analizzat jekk il-kundizzjonijiet l-oħra humiex issodisfatti (ara s-sentenza tal-10 ta’ Mejju 2006, Galileo International Technology et vs Il‑Kummissjoni T‑279/03, Ġabra EU:T:2006:121, punti 76 u 77 u l-ġurisprudenza ċċitata).

117    F’dan il-każ, mingħajr ma jkun hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ dan l-ilment fid-dawl tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, kif jirriżulta minn dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma wrietx li l-kundizzjoni dwar l-illegalità tad-deċiżjoni kkontestata kienet issodisfatta. Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

118    Minn dan isegwi li dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

119    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

120    Barra minn hekk, skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri li intervjenew fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.

121    F’dan il-każ, peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż tagħha u għal dawk sostnuti mill-Kummissjoni kemm fil-kuntest ta’ dan ir-rikors kif ukoll f’dak tat-talba għal miżuri provviżorji (ara l-punt 6 iktar ’il fuq), skont it-talbiet tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tielet Awla),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      CSF Srl għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea fil-kuntest ta’ dan ir-rikors u tal-proċeduri għal miżuri provviżorji.

3)      Ir-Renju tad-Danimarka għandu jbati l-ispejjeż tiegħu.

Papasavvas

Forwood

Bieliūnas

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-15 ta’ Lulju 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.