Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta’ Awwissu 2022 – L-Isvezja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-485/22)

Lingwa tal-kawża: l-Isvediż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju tal-Isvezja (rappreżentant: H. Shev och F.-L. Göransson, aġenti)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (UE) 2022/908 tat-8 ta’ Ġunju 2022 li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nefqa imġarrab mill-Istati Membri taħt il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), 1 sa fejn id-deċiżjoni tinvolvi għall-Isvezja korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 %, ekwivalenti għas-somma ta’ EUR 13 856 996.64 fir-rigward ta’ għajnuna mħallsa lill-Isvezja għas-snin ta’ talba 2017, 2018 u 2019, u,

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni, skont ir-rikorrent, ma osservatx id-dmir ta’ motivazzjoni tagħha peress li r-raġunament tal-Kummissjoni fil-mument tad-deċiżjoni jew in-nuqqasijiet allegati fil-konfront tal-Isvezja ma humiex ċari. Għalhekk, ma hemmx informazzjoni suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex fondata.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52 tar-Regolament Nru 1306/2013 1 u l-Artikoli 28 sa 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 809/2014 tas-17 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, tal-miżuri tal-iżvilupp rurali u tal-kundizzjonalità 2 peress li l-Kummissjoni żbaljat fl-evalwazzjoni tagħha meta sabet li kien hemm nuqqasijiet sistematiċi fl-implimentazzjoni ta’ kontroverifiki, li jaffettwaw il-kwalità tal-aġġornamenti tas-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja’ tal-Art (LPIS), li hija kkunsidrata bħala dgħufija tal-kontrolli ewlenin. Dan huwa l-każ għaliex, (1), il-kwalità tal-aġġornament tal-LPIS tista’ tiġi evalwata biss fir-rigward tad-database tal-irqajja’ kollha kemm hi, (2), l-għażla tal-Kummissjoni ta’ irqajja tal-art għal investigazzjoni kienet limitata wisq sabiex jintwera nuqqas sistematiku, u (3), is-sejba tal-Kummissjoni dwar in-numru ta’ irqajja tal-art b’nuqqasjiet u r-rata ta’ żbalji – li kienu milli jidher il-bażi tal-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li hemm nuqqas sistematiku fl-aġġornament tal-LPIS – hija żbaljata.

It-tielet motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013 u l-Linji Gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar il-Kalkolu tal-Korrezzjonijiet Finanzjarji fil-Kuntest tal-Proċeduri ta’ Approvazzjoni tal-Konformità u tal-Clearance tal-Kontijiet (C (2015) 3675 tat-8 ta’ Ġunju 2015). Minn dawn il-Linji Gwida u mill-prinċipju ta’ proporzjonalità , li huwa indikat ukoll fl-Artikolu 52(2) tar-Regolament Nru 1306/2013, jirriżulta b’mod ċar li l-korrezzjoni b’rata fissa imposta ma hijiex iġġustifiikata jew proporzjonata. La l-estent tal-allegat ksur, fir-rigward tan-natura u tal-portata tiegħu, u lanqas id-dannu finanzjarju li l-ksur seta’ kkawża lill-Unjoni Ewropea ma jistgħu jiġġustifikaw korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % ikkalkolata fuq il-bażi tal-mergħat kollha li kienu suġġetti għal aġġornament tal-immaġni matul il-perijodu bejn l-2016 u l-2018, ekwivalenti għas-somma ta’ EUR 13 856 996.64. Il-korrezzjoni b’rata fissa inkwistjoni fid-deċiżjoni kkontestata hija għalhekk inkompatibbli mad-dispożizzjonijiet indikati iktar ’il fuq u mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

____________

1     ĠU 2022 L 157, p. 15.

1     Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (ĠU 2013, L 347, p. 549, rettifika fil-ĠU 2016, L 130, p. 6 u fil-ĠU 2017, L 327, p. 83).

1     ĠU 2014, L 227, p. 69.