Language of document : ECLI:EU:T:2009:381

SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

2 ta’ Ottubru 2009 (*)

“Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Miżuri tranżitorji li għandhom jiġu adottati minħabba l-adeżjoni ta’ Stati Membri ġodda – Regolament (KE) Nru 832/2005, li jistabbilixxi miżuri tranżitorji fis‑settur taz-zokkor – Rikors għal annullament – Kolleġjalità – Kunċett ta’ ‘ħażna’ – Ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti – Motivazzjoni – Amministrazzjoni tajba – Bona fide – Nondiskriminazzjoni – Dritt ta’ proprjetà – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑324/05,

Ir-Repubblika tal-Estonja, irrappreżentata minn L. Uibo, bħala aġent,

rikorrenti,

sostnuta minn

Ir-Repubblika tal-Latvja, inizjalment irrappreżentata minn E. Balode‑Buraka, sussegwentement minn L. Ostrovska u K. Drēviņa, bħala aġenti,

intervenjenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, inizjalment irrappreżentata minn L. Visaggio u E. Randvere, sussegwentement minn T. van Rijn, H. Tserepa-Lacombe u Randvere, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal‑Kummissjoni (KE) Nru 832/2005 tal-31 ta’ Mejju 2005 dwar id‑determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda ta’ zokkor, isoglukożju u fruttożju għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (ĠU L 330 M , 9.12.2008, p. 176),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (L-Ewwel Awla),

komposta minn V. Tiili (Relatur), President, F. Dehousse u I. Wiszniewska-Białecka, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kantza, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-22 ta’ April 2009,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

I –  Fuq l-OKS taz-zokkor

1        Fiż-żmien li seħħew il-fatti li wasslu għal din il-kawża, l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (iktar ’il quddiem l-“OKS taz-zokkor”) kienet irregolata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1260/2001 tad-19 ta’ Ġunju 2001 dwar l-organizzazzjoni komuni tas‑swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 33, p. 17).

2        Il-premessa 2 tal-imsemmi regolament tipprovdi li l-OKS taz-zokkor huwa intiż sabiex jistabbilizza s-suq ta’ dan il-prodott sabiex jinżammu l‑garanziji neċessarji f’dak li jirrigwarda l-impjieg u l-livell tal‑għajxien ta’ dawk li jkabbru l-pitravi taz-zokkor u z-zokkor tal-kannamieli fil‑Komunità Ewropea. Għal dawn l-għanijiet, hija tirregola l‑produzzjoni u l-importazzjoni taz-zokkor u tipprovdi mekkaniżmi ta’ stabilizzazzjoni tas-suq intiżi biex jiggarantixxu l-bejgħ tal-produzzjoni Komunitarja.

3        Skont l-Artikoli 10 u 11 tar-Regolament Nru 1260/2001, il-produzzjoni Komunitarja taz-zokkor hija bbażata fuq l-applikazzjoni ta’ sistema ta’ kwoti. Din is-sistema tinkludi, għal kull waħda mir-reġjuni ta’ produzzjoni tal-Komunità, il-kwantitajiet li għandhom jiġu prodotti, li l‑Istati Membri għandhom jaqsmu bħala kwoti ta’ produzzjoni – kwota A u kwota B – bejn l-impriżi differenti ta’ produzzjoni stabbiliti fit-territorju tagħhom. Dawn il-kwantitajiet jikkorrispondu għal sena tas-suq annwali, li tibda fl-1 ta’ Lulju ta’ sena u tintemm fit-30 ta’ Ġunju tas‑sena ta’ wara. Iz-zokkor prodott minn impriża fil-kuntest tal-kwoti A u B huwa msejjaħ “zokkor A” u “zokkor B” rispettivament. Kull kwantità ta’ zokkor prodotta li teċċedi l-kwoti A u B hija msejħa “zokkor C”.

4        Il-garanziji ta’ bejgħ previsti fil-kuntest tal-OKS taz-zokkor jikkonsistu, minn naħa, f’sistema ta’ ffissar ta’ prezzijiet, li hija bbażata, skont it‑test tal-Artikoli 6 sa 9 tar-Regolament Nru 1260/2001, fuq sistema ta’ intervent intiża sabiex tiggarantixxi l-prezzijiet u l-bejgħ ta’ prodotti, bil-prezzijiet applikati mill-aġenziji tal-intervent iffissati mill-Kunsill tal‑Unjoni Ewropea u, min-naħa l-oħra, f’sistema ta’ rifużjoni għall-esportazzjoni, prevista fl-Artikoli 27 sa 30 tar-Regolament Nru 1260/2001, li hija intiża sabiex tippermetti l-kummerċjalizzazzjoni tal‑produzzjoni Komunitarja fis-suq dinji – jekk jirriżulta li l-imsemmija kummerċjalizzazzjoni tkun neċessarja sabiex tistabbilizza s-suq Komunitarju taz-zokkor – billi tkopri d-differenza bejn il-prezzijiet tal‑Komunità u l-prezzijiet fis-suq dinji.

5        Iz-zokkor A u z-zokkor B jistgħu jiġu kkummerċjalizzati b’mod ħieles fis-suq komuni u jgawdu minn dawn il-garanziji ta’ bejgħ, fejn iz-zokkor B igawdi garanzija għal prezz iktar baxx minn dak taz-zokkor A. B’mod kuntrarju, iz-zokkor C ma huwiex eliġibbli la għas-sistema tal-iffissar tal‑prezzijiet u lanqas għal dik tar-rifużjoni għall-esportazzjoni. Bħala prinċipju, dan għandu jinħareġ barra mill-Komunità sabiex jinbiegħ fis-suq dinji, skont it-test tal-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1260/2001.

6        Skont l-Artikolu 15(1)(a), (b) u (ċ) tal-imsemmi regolament, qabel it‑tmiem ta’ kull s-sena tas-suq, huma rreġistrati, b’mod partikolari, il‑produzzjoni prevedibbli taz-zokkor A u B li tista’ tkun konnessa mas-sena tas-suq ikkonċernata, il-kwantità prevedibbli ta’ zokkor għall-konsum fil-Komunità matul is-sena tas-suq ikkonċernata u l-kwantità żejda esportabbli billi titnaqqas, mill-ewwel waħda minn dawn il-kwantitajiet, it-tieni kwantità. Bħala prinċipju, dan l-kwantità żejda esportabbli hija dik li għaliha jingħataw ir‑rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni.

7        Skont l-Artikoli 15 u 16 tar-Regolament Nru 1260/2001, l-OKS taz-zokkor jorganizza l-finanzjament integrali mill-produtturi stess tal-ispejjeż tal-kummerċjalizzazzjoni taz-zokkor żejjed permezz ta’ kontribuzzjonijiet għall-produzzjoni u kontribuzzjonijiet addizzjonali. Din is-sistema ta’ awtofinanzjament tikkostitwixxi l-korrispettiv tal-garanziji ta’ bejgħ tal-produzzjoni Komunitarja, billi tissuġġetta lill-prodotturi għar-responsabbiltà aħħarija tal-ispejjeż neċessarji sabiex jiġi żgurat il-bejgħ tal-kwantitajiet mqiegħda fis-suq għal sena tas-suq partikolari. L-ammont ta’ kontribuzzjonijiet huwa ffissat wara t-tmiem ta’ kull sena tas-suq permezz ta’ bilanċ tal-funzjonament tas-suq Komunitarju stabbilit mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej fuq il-bażi ta’ informazzjoni mibgħuta mill-Istati Membri. Il-ħlas tar-rifużjonijiet għall-esportazzjoni huwa wieħed mill-miżuri ffinanzjati mill-produtturi skont il-kwota ta’ produzzjoni tagħhom.

II –  Fuq it-Trattat ta’ adeżjoni u l-Att ta’ Adeżjoni

8        Skont l-Artikolu 2(3) tat-Trattat bejn ir-Renju tal-Belġju, ir-Renju tad‑Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, ir-Repubblika Ellenika, ir-Renju ta’ Spanja, ir-Repubblika Franċiża, l-Irlanda, ir‑Repubblika Taljana, il-Gran Dukat tal-Lussemburgu, ir-Renju tal‑Olanda, ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika Portugiża, ir‑Repubblika tal-Finlandja, ir-Renju tal-Isvezja, ir-Renju Unit tal-Gran Britannja u l-Irlanda ta’ Fuq (Stati Membri tal-Unjoni Ewropea) u r‑Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal‑Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir‑Repubblika tas-Slovenja, ir-Repubblika Slovakka, li jikkonċerna l‑adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, tar-Repubblika tal-Estonja, tar‑Repubblika ta’ Ċipru, tar-Repubblika tal-Latvja, tar-Repubblika tal‑Litwanja, tar-Repubblika tal-Ungerija, tar-Repubblika ta’ Malta, tar‑Repubblika tal-Polonja, tar-Repubblika tas-Slovenja u tar‑Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea (ĠU L 236, p. 17, iktar ’il quddiem it-“Trattat ta’ adeżjoni”), iffirmat f’Ateni fis-16 ta’ April 2003:

“Minkejja l-paragrafu 2, l-istituzzjonijiet ta’ l-Unjoni jistgħu jadottaw qabel l-Adeżjoni l-miżuri li hemm referenza għalihom fl-Artikol[u] […] 41[…] ta’ l-Att [li jirrigwarda l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea]. Dawn il-miżuri jidħlu fis-seħħ biss soġġetti għal u fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan it-Trattat.”

9        Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att li jirrigwarda l‑kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal‑Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir‑Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r‑Repubblika Slovakka u l-aġġustamenti għat-trattati li fuqhom hija stabbilita l-Unjoni Ewropea (ĠU 2003, L 236, p. 33, iktar ’il quddiem l‑“Att ta’ Adeżjoni”), anness mat-Trattat ta’ adeżjoni:

“Jekk ikunu meħtieġa xi miżuri transitorji sabiex jiffaċilitaw it-transizzjoni mir-reġim eżistenti [fir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r‑Repubblika Slovakka] għal dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-politika agrikola komuni taħt il-kondizzjonijiet stipulati minn dan l-Att, dawn il-miżuri għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni skond il-proċedura li hemm referenza għaliha fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament tal-Kunsill […] Nru. 1260/2001 […], jew jekk ikun il-każ, fl-Artikoli korrispondenti tar-Regolamenti l-oħra dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli jew il-proċedura tal-kumitat rilevanti kif stabbilita mill-leġislazzjoni applikabbli. Il-miżuri transitorji li hemm referenza għalihom f’dan l-Artikolu jistgħu jittieħdu matul perijodu ta’ tliet snin wara d-data ta’ l-adeżjoni u l-applikazzjoni tagħhom għandha tkun limitata għal dak il-perijodu […].”

10      Skont il-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni:

“Kull ħażna ta’ prodott, kemm privata kemm pubblika, li fid-data ta’ l‑adeżjoni tkun f’ċirkolazzjoni libera fit-territorju ta’ l-Istati Membri l‑ġodda u li teċċedi l-kwantità li tista’ tkun meqjusa bħala ħażna li normalment tgħaddi minn żmien għall-ieħor għandha tiġi eliminata bi spejjeż għall-Istati Membri l-ġodda.

Il-kunċett ta’ ‘ħażna li normalment tgħaddi minn żmien għall-ieħor’għandu jkun definit għal kull prodott abbażi ta’ kriterji u miri speċifiċi għal kull organizzazzjoni komuni tas-suq.”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Fuq ir-Regolament (KE) Nru 60/2004

11      Fl-14 ta’ Jannar 2004, il-Kummissjoni adottat, fuq il-bażi tal-Artikolu 2(3) tat-Trattat ta’ adeżjoni, kif ukoll fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni, ir-Regolament (KE) Nru 60/2004 li jistabbilixxi miżuri transitorji fis-settur taz-zokkor bħala riżultat tad-dħul tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 125).

12      Essenzjalment, ir-Regolament Nru 60/2004 jistabbilixxi, b’deroga tranżitorja mir-regoli Komunitarji applikabbli, sistema ta’ eliminazzjoni mir-Repubblika Ċeka, ir-Repubblika tal-Estonja, ir-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika tal-Litwanja, ir-Repubblika tal-Ungerija, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Repubblika tas-Slovenja u r-Repubblika Slovakka (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri l-ġodda”) tal-ħażniet żejda ta’ zokkor, ta’ isoglukożju u ta’ fructose li jeżistu fl-imsemmija Stati.

13      B’dan il-mod, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 60/2004 jipprovdi li l‑Kummissjoni tiddetermina sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru tal-2004, għal kull Stat Membru ġdid, b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 42(2) tar-Regolament Nru 1260/2001, il-kwantità ta’ zokkor innifsu, jew fi prodotti pproċessati, isoglukożju u fruttożju li jiskorru l-kwantità kkunsidrata bħala li hija ħażna normali mogħtija fl-1 ta’ Mejju tal-2004 (iktar ’il quddiem il-“kwantità żejda”) u li għandhom ikunu eliminati mis-suq bi spejjeż tal-Istati Membri l‑ġodda. L-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 60/2004 jipprovdi wkoll l-mod kif il-Kummissjoni għandha tiddetermina l-kwantità żejda. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp osservat matul is-sena ta’ qabel l-adeżjoni b’paragun mas-snin ta’ qabel fir-rigward tal-kwantitajiet importati u esportati ta’ zokkor innifsu jew zokkor fi prodotti pproċessati, bħalma huma l-isoglukożju u l-fruttożju, tal-produzzjoni, il‑konsum u l-ħażna tal-imsemmija prodotti kif ukoll iċ-ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti.

14      L-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 60/2004 jipprovdi li kull Stat Membru ġdid ikkonċernat għandu jiżgura, mingħajr intervent Komunitarju, l-eliminazzjoni mis-suq ta’ kwantità ta’ zokkor jew isoglukożju li tkun ugwali għall-kwantità żejda attribwita lilu mill-Kummissjoni skont il‑proċedura prevista fl-Artikolu 6(1). L-eliminazzjoni tal-kwantità żejda tista’ sseħħ kemm permezz ta’ esportazzjoni mingħajr rifużjoni mill‑Komunità, kemm billi tintuża fil-qasam tal-oġġetti kombustibbli, kif ukoll, fl-aħħar nett, permezz tal-iżnaturazzjoni tagħha mingħajr ma tingħata għajnuna għall-għalf tal-annimali, b’mod konformi mat-Titoli III u IV tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 100/72, tal-14 ta’ Jannar 1972 li jippreskrivi regoli dettaljati dwar l-iżnaturazzjoni taz-zokkor għall-għalf tal-annimali (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 1, p. 289). F’kull każ, dan għandu jiġi żgurat sa mhux iktar tard mit-30 April tal-2005.

15      Skont il-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, għall-applikazzjoni tal‑paragrafu 2, kull Stat Membru ġdid għandu jkollu, sal-1 ta’ Mejju 2004, sistema għall-identifikazzjoni ta’ ħażniet żejda, innegozjati jew prodotti, ta’ zokkor innifsu jew fi prodotti pproċessati, isoglukożju u fruttożju, fil-livell tal-operaturi prinċipali kkonċernati. L-Istat Membru ġdid inkwistjoni għandu juża din is-sistema sabiex jisforza l-operaturi kkonċernati sabiex ineħħu mis-suq bi spejjeż tagħhom stess kwantità ekwivalenti ta’ zokkor jew isoglukożju mill-ħażna żejda tagħhom. L-operaturi kkonċernati għandhom jipprovdu l-prova ta’ din l-eliminazzjoni sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2005 u, f’każ kuntrarju, l-Istat Membru ġdid għandu jitlob ammont ugwali għall-kwantità inkwistjoni mmultiplikata bl-ogħla taxxi fuq l-importazzjoni applikabbli għall-prodott ikkonċernat matul il-perijodu mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2005, miżjud b’EUR 1.21 għal kull 100 kg f’zokkor abjad jew l-ekwivalenti ta’ materja niexfa, ammont li għandu jkun mogħti lill-baġit nazzjonali tiegħu.

16      L-Artikolu 6(4) tar-Regolament Nru 60/2004 jistabbilixxi li, meta l-ħażniet żejda jiġu eliminati permezz tal-esportazzjoni tagħhom, l-operaturi kkonċernati jistgħu jressqu prova ta’ dan sal-31 ta’ Lulju 2005.

17      L-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 60/2004 jipprovdi li, sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Lulju 2005, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jibagħtu lill-Kummissjoni l-prova tal-eliminazzjoni tal-kwantità żejda attribwita lilhom skont il-metodu previst fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament. Jekk din il-prova ma tiġix ipprovduta fit-terminu, fir-rigward tal-intier tal-kwantità żejda inkwistjoni jew parti minnha, l-Artikolu 7(2) jipprovdi li l-Istat Membru ġdid ikkonċernat ikollu jħallas ammont ekwivalenti għall-kwantità mhux eliminata mmultiplikata bl-ogħla rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni applikabbli għaz-zokkor abjad li jaqa’ taħt il-kodiċi NC 1701 99 10 għall-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2004 u t-30 ta’ April 2005, ammont li jingħata lill-baġit Komunitarju sa mhux iktar tard mit-30 ta’ Novembru 2005 u li jiġi kkunsidrat għall-kalkolu tal-levies tal-produzzjoni għas-sena tas-suq 2004/2005.

18      Ir-Regolament Nru 60/2004 daħal fis-seħħ fil-1 ta’ Mejju 2004, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tagħha.

II –  Fuq ir-Regolament (KE) Nru 651/2005

19      Fit-28 ta’ April 2005, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament Nru 651/2005 (KE) li jemenda r-Regolament Nru 60/2004 (ĠU L 306 M , 15.11.2008, p. 222), fuq il-bażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tal-Att ta’ Adeżjoni.

20      L-emendi għar-Regolament Nru 60/2004 introdotti bir-Regolament Nru 651/2005 jaffettwaw biss id-dati u t-termini ta’ riferenza li hemm fl-ewwel regolament.

21      B’hekk, id-dati previsti fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(1) u fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 60/2004, tal-31 ta’ Ottubru 2004 u tat-30 ta’ April 2005 saru l-31 ta’ Mejju u t-30 ta’ Novembru 2005 rispettivament. Id-data prevista fit-tieni u t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tat-30 ta’ April 2005 saret it-30 ta’ Novembru 2005. L‑istess, id-data ċċitata fis-sentenza introduttiva tal-Artikolu 6(4) tar‑Regolament Nru 60/2004, tal-31 ta’ Lulju 2005, saret it-28 ta’ Frar 2006, u dik iċċitata fir-raba’ subparagrafu tal-istess dispożizzjoni, tal-1 ta’ Mejju 2005, saret it-30 ta’ Novembru 2005. Fir-rigward tad-data prevista fl-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 60/2004, tal-31 ta’ Lulju 2005, din saret il-31 ta’ Marzu 2006 u l-perijodu ċċitatat fil-paragrafu 2, li kien jestendi mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ April 2005, issa jestendi mill-1 ta’ Mejju 2004 sat-30 ta’ Novembru 2005. Fl-aħħar nett, id-data tal‑ħlas tal-ammont dovut lill-baġit Komunitarju ġiet emendata wkoll, billi t-30 ta’ Novembru 2005 sar il-31 ta’ Diċembru tas-snin 2006 sa 2009.

22      Ir-Regolament Nru 651/2005 daħal fis-seħħ fid-29 ta’ April 2005, b’applikazzjoni tal-Artikolu 2 tiegħu.

III –  Fuq ir-regolament ikkontestat

23      Fil-31 ta’ Mejju 2005, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament (KE) Nru 832/2005 dwar id-determinazzjoni tal‑kwantitajiet żejda ta’ zokkor, isoglukożju u fruttożju għar‑Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l‑Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (ĠU L 330 M , 9.12.2008, p. 176, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”). L-Artikolu 1 ta’ dan ir‑regolament jistabilixxi l-kwantità żejda li għandha tiġi eliminata mis-suq Komunitarju għal kull wieħed mill-ħames Stati Membri ġodda li fir-rigward tagħhom ġie finalment ikkonstatat li kellhom kwantità żejda, jiġifieri r-Repubblika ta’ Ċipru, ir-Repubblika tal-Latvja, ir-Repubblika ta’ Malta, ir-Repubblika Slovakka u, fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Estonja. Għal dan l-Istat Membru tal-aħħar, il-kwantità żejda ġiet stabbilita fl-ammont ta’ 91 464 tunnellata.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-25 ta’ Awwissu 2005, ir-Repubblika tal-Estonja ppreżentat, skont l-Artikolu 230 KE, rikors intiż għall-annullament tar-regolament ikkontestat.

25      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Diċembru 2005, ir-Repubblika tal-Latvja talbet li tintervjeni fil‑kawża insostenn tat-talbiet tar-Repubblika tal-Estonja, talba li ntlaqgħet permezz tad-digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-10 ta’ Frar 2006.

26      Fis-27 ta’ Marzu 2006, ir-Repubblika tal-Latvja ppreżentat nota ta’ intervent.

27      Billi kien hemm tibdil fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti tal-Prim’Istanza u l‑Imħallef Relatur ġie assenjat lill-Ewwel Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

28      Fit-12 ta’ Frar 2009, il-Qorti tal-Prim’Istanza għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-Kummissjoni, li wieġbet għalihom fit-terminu stabbilit.

29      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali.

30      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal‑Qorti tal-Prim’Istanza nstemgħu matul is-seduta tat-22 ta’ April 2009.

31      Ir-Repubblika tal-Estonja, sostnuta, fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet tagħha mir-Repubblika tal-Latvja, titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tannulla r-regolament ikkontestat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

32      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Estonja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

33      Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li kien biss l-ammont ta’ 48 733 tunnellata mill-kwantità żejda attribwita lilha mill-Kummissjoni skont ir-regolament ikkontestat li nżamm mill-operaturi ekonomiċi, peress li r-rimanenti ammont ta’ 42 731 tunnellata kien ikkostitwit minn ħażniet miżmuma għall-familji Estonjani għall-konsum tagħhom (iktar ’il quddiem ir-“riżervi domestiċi”), kif jirriżulta wkoll mill-aħħar kalkoli tal-Kummissjoni fuq il-bażi tal‑ammonti mhux ikkontestati pprovduti minnha.

34      F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Estonja ssostni biss li r-riżervi domestiċi ma kellhomx jiġu inklużi fl-imsemmija kwantità żejda u titlob l-annullament tar-regolament ikkontestat sa fejn dawn ġew hekk inklużi.

35      F’dan ir-rigward, hija tinvoka tmien motivi, uħud minnhom sostnuti mir-Repubblika tal-Latvja. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità. It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tar‑Regolament Nru 60/2004. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba. Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ bona fide. Is-sitt motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. Is-seba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà. It-tmien motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

36      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Latvja tqajjem motiv addizzjonali fil-kuntest tan-nota ta’ intervent tagħha bbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża tagħha.

37      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Estonja titlob preliminarjament lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-Kummissjoni tibgħatilha ċerti dokumenti u tispjegalha d-differenzi bejn dawn id-dokumenti u numru ta’ dokumenti li r-Repubblika tal-Estonja daħħlet fil-proċess. Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tneħħi mill-proċess dawn id-dokument tal-aħħar. Dawn iż-żewġ talbiet għandhom jiġu eżaminati preliminarjament.

I –  Fuq it-talbiet magħmula preliminarjament mir-Repubblika tal‑Estonja u mill-Kummissjoni

A –  Fuq it-talba preliminari tar-Repubblika tal-Estonja

1.     L-argumenti tal-partijiet

38      Ir-Repubblika tal-Estonja tirrileva li ċerti dokumenti fil-pussess tagħha li kellhom jiġu ppreżentati lill-Kummissjoni fil-laqgħa tagħha tal‑20 ta’ April 2005 (iktar ’il quddiem l-“Anness 18”), li matulha l‑Kummissjoni awtorizzat lil tlieta mill-membri tagħha jadottaw ir-regolament ikkontestat, juru li, għal din tal-aħħar, il-kwistjoni ta’ jekk ir-riżervi domestiċi kinux jikkostitwixxu parti mill-kwantità żejda Estonjana kienet biss politika.

39      Sabiex tistabbilixxi l-awtentiċità tal-Anness 18, ir-Repubblika tal‑Estonja kienet talbet lill-Kummissjoni, fis-27 ta’ Ġunju 2005, kopja tad-dokumenti ppreżentati fil-laqgħa tal-20 ta’ April 2005. Bħala risposta, hija rċeviet, fil-25 ta’ Awwissu 2005, ċerti dokumenti, li fosthom kien hemm komunikazzjoni indirizzata lill-Kummissjoni minn waħda mill-membri tagħha responsabbli għall-kwistjonijiet ta’ agrikoltura u żvilupp rurali, M. Fischer Boel (iktar ’il quddiem il-“komunikazzjoni ta’ M. Fischer Boel”). Verżjoni mhux kompleta ta’ din il-komunikazzjoni tidher fl-Anness 18. Issa, din tal-aħħar għandha provi li l-Kummissjoni ma riditx tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni partikolari tar-Repubblika tal-Estonja, kif ukoll abbozz ta’ regolament, li ma jinsabx fid-dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni. Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Estonja titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-Kummissjoni tibgħatilha d-dokumenti kollha mressqa quddiemha fil-laqgħa tal-20 ta’ April 2005 u tispjegalha d-differenzi bejn l-Anness 18 u d-dokumenti mibgħuta fil-25 ta’ Awwissu 2005 sabiex jiġi mħares il-prinċipju ta’ ugwaljanza tal-armi.

40      Il-Kummissjoni tirrispondi li hija diġà ssodisfat din it-talba. Hija tippreċiża li l-Anness 18 huwa ġabra ta’ dokumenti preliminari li jaqgħu fl-ambitu ta’ diskussjonijiet bejn id-dipartimenti tagħha għall-finijiet tal-laqgħa tal-20 ta’ April 2005, li huma differenti mid-dokumenti finalment ippreżentati.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

41      Għandu jiġi rrilevat li r-Repubblika tal-Estonja, fl-aħħar mill-aħħar, ma tikkontestax li l‑Kummissjoni pprovditilha fil-25 ta’ Awwissu 2005 d-dokumenti kollha ppreżentati lill-Kulleġġ tal-membri tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem il-“Kulleġġ”) fil-laqgħa tal-20 ta’ April 2005. Fil-fatt, dawn id-dokumenti kienu diġà fil-proċess u ġew ippreżentati mir-Repubblika tal-Estonja, li sostniet biss li dokumenti oħra, li ma ġewx ikkomunikati mill-Kummissjoni, ġew ippreżentati lill-Kulleġġ matul l-imsemmija laqgħa. Għaldaqstant, it-talba għall-produzzjoni ta’ dokumenti mressqa mir-Repubblika tal-Estonja għandha titqies li hija mingħajr skop u l-argumenti tagħha għandhom jiġu interpretati biss fis-sens li, peress li d-dokumenti mibgħuta lilha mill-Kummissjoni fil-25 ta’ Awwissu 2005 għandhom differenzi sostanzjali meta mqabbla ma’ dawk li jikkostitwixxu l-Anness 18, li għalihom hija kellha aċċess b’mod li hija ma spjegatx, hija qed titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-Kummissjoni tispjega r-raġunijiet għal dawn id-differenzi.

42      Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni diġà pprovdiet il-kjarifiki mitluba.

43      Fil-fatt, il-Kummissjoni spjegat li l-Anness 18 huwa ġabra ta’ dokumenti preliminari, ippreparati għall-finijiet tal-laqgħa tal-20 ta’ April 2005. Hija spjegat ukoll li dawn id-dokumenti huma differenti mid-dokumenti finalment ippreżentati lill-Kulleġġ fl-imsemmija laqgħa preċiżament minħabba n-natura preliminari tagħhom.

44      L-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni tista’ tinftiehem u hija plawżibbli. Huwa kompletament normali li l-membru tal‑Kummissjoni li jippreżenta quddiemha dokumenti għall-finijiet ta’ preparazzjoni għall-adozzjoni ta’ miżura jkollu diversi verżjonijiet tal-imsemmija dokumenti u jagħżel minn fosthom dik li fil-fehma tiegħu tkun l-iktar adatta sabiex tiġi ppreżentata lill-Kulleġġ għall-finijiet tal-adozzjoni tal-miżura inkwistjoni. Minn dan isegwi li l-ispjegazzjoni pprovduta mill-Kummissjoni tirrendi superfluwu eżami ulterjuri tat-talba tar-Repubblika tal-Estonja.

B –  Fuq it-talba preliminari tal-Kummissjoni

1.     L-argumenti tal-partijiet

45      Il-Kummissjoni ssostni li l-Anness 18 huwa ġabra ta’ dokumenti interni u preliminari li jaqgħu fl-ambitu ta’ diskussjonijiet bejn id-dipartimenti tagħha u titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tneħħihom mill‑proċess.

46      F’dan ir-rigward, hija tirrileva li l-frankezza u t-trasparenza, li bihom għandu jsir id-dibattitu intern fi ħdanha, ikunu serjament mhedda fil-każ li d-dokumenti interni, preliminari u preparatorji tad-deliberazzjonijiet tal-Kulleġġ kellhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-partijiet li jikkontestaw quddiem il-qrati Komunitarji r-riżultat tal-imsemmija deliberazzjonijiet, b’mod partikolari sa fejn dawn joħorġu l-perspettivi espressi mis-servizz ġuridiku, peress li dawn jistħoqqilhom protezzjoni partikolari, u iktar minn hekk fejn dawn inkisbu b’mod irregolari.

47      Barra minn hekk, l-istħarriġ tal-qorti Komunitarja huwa eżerċitat fuq l-att finali u mhux fuq abbozzi jew dokumenti preparatorji, li jirriflettu biss perspettivi preparatorji.

48      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Estonja qatt ma talbet aċċess għall-Anness 18. It-talba tagħha għal aċċess għad-dokumenti tas‑27 ta’ Ġunju 2005, li barra minn hekk ġiet sodisfatta, kienet tirrigwarda biss id-dokumenti ppreżentati lill-Kulleġġ fil-laqgħa tal-20 ta’ April 2005 kif ukoll dawk li jikkonċernaw il-metodoloġija applikata għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda.

49      Ir-Repubblika tal-Estonja tikkontesta l-argumenti tal-Kummissjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

50      Fir-rigward tal-fatt li l-Kummissjoni ammettiet espressament, waqt is-seduta, wara mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li l-Anness 18 kien fih biss l-opinjonijiet tas-servizz ġuridiku tagħha, kif barra minn hekk jirriżulta mill-proċess, għandu jiġi kkunsidrat li t-talba tagħha sabiex l‑imsemmi anness jitneħħa mill-proċess hija bbażata fuq tliet prinċipji, jiġifieri, l-ewwel nett, in-natura interna u preliminari ta’ dawn id-dokumenti, it-tieni nett, il-kisba tal-imsemmija dokumenti permezz ta’ mezzi possibbilment irregolari, u t-tielet nett, in-nuqqas ta’ rilevanza ta’ dawn id-dokumenti għall-kawża preżenti.

51      Fir-rigward tal-ewwel u t-tieni prinċipji, hemm lok li jiġi rrilevat li la n-natura possibbilment kunfidenzjali tad-dokumenti inkwistjoni u lanqas il-fatt li dawn setgħu nkisbu b’mod irregolari ma jipprekludu li dawn jinżammu fil-proċess (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 2008, Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, T‑48/05, Ġabra p. II-1585, punt 74).

52      Fil-fatt, minn naħa, ma teżisti ebda dispożizzjoni li tipprovdi espressament il-projbizzjoni li jiġu kkunsidrati provi miksuba illegalment (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 75).

53      Barra minn hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza f’ċerti każijiet aċċettat li tikkunsidra dokumenti li fir-rigward tagħhom ma kienx stabbilit li dawn kienu nkisbu b’mezzi leġittimi (sentenza Franchet u Byk vs Il‑Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 78).

54      B’hekk, f’ċerti sitwazzjonijiet, ma huwiex neċessarju li r-rikorrent juri li kiseb b’mod legali d-dokument kunfidenzjali invokat insostenn tat-teżi tagħha. Il-Qorti tal-Prim’Istanza qieset, billi bbilanċjat l-interessi li għandhom jiġu protetti, li jeħtieġ li jiġi evalwat jekk ċirkustanzi partikolari, bħan-natura deċiżiva tal-produzzjoni tad-dokument sabiex jiġi żgurat l-istħarriġ tar-regolarità tal-proċedura ta’ adozzjoni tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tas-6 ta’ Marzu 2001, Dunnett et vs BEI, T‑192/99, Ġabra p. II‑813, punti 33 u 34) jew sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-29 ta’ Frar 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T‑280/94, ĠabraSP p. I‑A‑77 u II‑239, punt 59), jiġġustifikawx il-fatt li dokument ma jiġix irtirat (sentenza Franchet u Byk vs Il-Kummissjoni, punt 51 iktar ’il fuq, punt 79).

55      Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma eskludietx li anki dokumenti interni jistgħu, f’ċerti każijiet, jiġu inklużi b’mod leġittimu fil-proċess ta’ kawża (digrieti tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Marzu 1985, Tordeur, 232/84, Ġabra p. 3223, punt 8, u tal‑15 ta’ Ottubru 1986, LAISA vs Il-Kunsill, 31/86, Ġabra p. 2285, punt 5).

56      Għandu jiġi kkunsidrat li ċ-ċirkustanzi li jippermettu ż-żamma ta’ dokumenti interni fl-imsemmi proċess huma, b’mod partikolari, dawk li jistgħu jiġu kkunsidrati għaż-żamma fil-proċess ta’ kawża ta’ dokumenti possibbilment miksuba b’mezzi mhux leġittimi u li huma previsti fil-punt 54 iktar ’il fuq, (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Dunnett et vs BEI, punt 54 iktar ’il fuq, punt 33).

57      Issa, fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, hemm lok li jiġi rrilevat li l-kuntest speċifiku tar-rikors preżenti jippermetti li jiġi kkunsidrat li d-dokumenti li jikkostitwixxu l-Anness 18 għandhom jinżammu fil-proċess. Fil-fatt, dawn ġew invokati, preċiżament, sabiex jistabbilixxu l-eżistenza ta’ diversi irregolaritajiet fil-proċedura ta’ adozzjoni tar-regolament ikkontestat kif ukoll l-eżistenza ta’ abbuż ta’ poter, li jiġġustifika l-fatt li dawn ma jiġux irtirati skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 54 iktar ’il fuq.

58      Fl-aħħar nett, fir-rigward tat-tielet prinċipju li fuq il-bażi tiegħu l-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tneħħi l-Anness 18 mill-proċess u li jgħid li d-dokumenti li jikkostitwixxu l-imsemmi anness ma humiex rilevanti għas-soluzzjoni tal-kawża, għandu jiġi rrilevat li n-nuqqas tar-rilevanza ta’ dokument għat-trattazzjoni ta’ kawża ma huwiex suffiċjenti bħala tali sabiex jiġġustifika l-irtirar tiegħu mill-proċess.

59      Konsegwentement, hemm lok li t-talba preliminari tal‑Kummissjoni tiġi miċħuda.

II –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità

A –  L-argumenti tal-partijiet

60      Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l‑Kulleġġ ma jistax jillimita ruħu li juri r-rieda tiegħu li jaġixxi b’ċertu mod mingħajr ma jintervjeni fit-tfassil tal-att li jikkonferma l‑imsemmija rieda u fil-formulazzjoni definittiva tiegħu. Dan ir‑raġunament japplika a fortiori fil-kawża preżenti, peress li r‑regolament ikkontestat għandu konsegwenzi serji għal diversi persuni kif ukoll għall-baġit tal-Istati Membri kkonċernati. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-atti li jaffettwaw is-sitwazzjoni ġuridika tad-destinatarju għandhom jiġu eżaminati u adottati mill-Kulleġġ. Minn dan, ir-Repubblika tal-Estonja tikkonkludi li l-Artikolu 13 tar-regoli ta’ proċedura tal-Kummissjoni, li jawtorizza lil din tal-aħħar sabiex tippermetti lill-membri tagħha jadottaw it-test definittiv ta’ att li s-sustanza tiegħu hija tkun iddefinixxiet matul id-deliberazzjonijiet, għandu jiġi interpretat fis-sens li kull emenda tat-test ta’ regolament, u b’mod partikolari tad-dispożittiv tiegħu, hija pprojbita wara t-teħid tad‑deċiżjoni mill-Kulleġġ.

61      Issa, ir-regolament ikkontestat kien ġiet adottat bi ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità inkwantu, fil-laqgħa tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2005, ġie deċiż, l-ewwel nett, li M. Fischer Boel tingħata r‑responsabbiltà taż-żamma ta’ kuntatti mal-Istati Membri l-ġodda bil-għan li ssir verifika finali tal-kwantitajiet żejda billi jittieħdu inkunsiderazzjoni b’mod partikolari l-aħħar ċifri disponibbli, kif ukoll tal-kwistjoni li jiġi stabbilit sa fejn għandhom, ir-riżervi domestiċi, jiġu inklużi fil-kalkolu ta’ dawn il-kwantitajiet żejda. It-tieni nett, ġie deċiż li l‑Kumitat ta’ ġestjoni taz-zokkor jingħata r-responsabbiltà li jabbozza regolament li jistabbilixxi l-kwantità żejda ta’ kull Stat Membru ġdid. It-tielet nett, ġie deċiż li M. Fischer Boel tingħata r-responsabbiltà li tadotta, bi ftehim mal-President tal-Kummissjoni u membru ieħor ta’ din tal-aħħar, l-imsemmi abbozz fil-każ li ma jkunx hemm opinjoni negattiva min-naħa tal-Kumitat jew, jekk l-iżvilupp tas-sitwazzjoni jiġġustifika dan, li tadottah hija stess permezz ta’ proċedura orali. B’hekk, il-fatt li M. Fischer Boel ġiet awtorizzata tadotta r-regolament ikkontestat mingħajr ma l-Kulleġġ jkun approva abbozz definittiv jikser il-prinċipju ta’ kolleġjalità.

62      Anki kieku d-deċiżjoni tal-Kulleġġ kienet neċessarja biss f’dak li jirrigwarda l-kontenut tar-regolament ikkontestat u mhux it-test eżatt tiegħu, huwa ċar li M. Fischer Boel kellha r-responsabbiltà tiddeċiedi jekk ir-riżervi domestiċi kellhomx jiġu inklużi fil-kwantitajiet żejda. L-estent tas-setgħa diskrezzjonali tagħha tidher barra minn hekk b’mod ċar meta l-kwantitajiet żejda ddeterminati definittivament fir-regolament ikkontestat jitqabblu ma’ dawk iddeterminati inizjalment fl-abbozz tal‑20 ta’ April 2005, jiġifieri, għar-Repubblika tal-Estonja, 91 464 tunnellata minnflok 91 466; għar-Repubblika taċ-Ċipru, 40 213 tunnellata minnflok 40 249; għar-Repubblika tal-Latvja, 10 589 tunnellata minnflok 20 080; għar-Repubblika ta’ Malta, 2 452 tunnellata minnflok 13 210 u, fl-aħħar nett, għar-Repubblika Slovakka, 10 225 tunnellata minnflok 17 419. Fl-aħħar nett, il-komunikazzjoni ta’ M. Fischer Boel u d-dokument metodoloġiku mehmuż, li huwa l-bażi tad-deċiżjoni tal-Kulleġġ u jinkludi l-mandat ta’ M. Fischer Boel, jinkludu biss indikazzjonijiet vagi, jistabbilixxu li ċerta flessibbiltà setgħet tiġi aċċettata fir-rigward ta’ dak li huwa kkunsidrat bħala ħażna li normalment tgħaddi minn żmien għall-ieħor u ma jispjegawx liema ċirkustanzi partikolari jiġġustifikaw it-tnaqqis tal-kwantitajiet żejda.

63      Il-Kummissjoni stess kienet konxja minn dan l-istat ta’ fatt, peress li hija tikkonstata fir-risposta tagħha, minn naħa, li hija kienet approvat indikazzjoni u mhux deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, li, fid-19 ta’ Mejju 2005, ir-Repubblika tal-Estonja kien għad għandha l-possibbiltà tesponi argumenti addizzjonali. Fl-aħħar nett, ittra tal-Kummissjoni tat-22 ta’ Awwissu 2005 turi li l-kwantitajiet żejda ta’ kull Stat Membru ġew deċiżi biss matul il-laqgħa tal-esperti tad-19 ta’ Mejju 2005, li l-Kummissjoni tikkonferma fir-risposta tagħha. Għaldaqstant, fl-20 ta’ April 2005, il-Kummissjoni ma setgħetx tadotta r-regolament ikkontestat.

64      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

65      Għandu jitfakkar li l-funzjonament tal-Kummissjoni huwa rregolat mill-prinċipju ta’ kolleġjalità (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Ġunju 1994, Il‑Kummissjoni vs BASF et, C‑137/92 P, Ġabra p. I‑2555, punt 62). Dan il-prinċipju huwa msemmi espressament fl‑Artikolu 217(1) KE, kif emendat bit-Trattat ta’ Nice, li abbażi tiegħu l-Kummissjoni tissodisfa l-missjoni tagħha taħt id-direzzjoni politika tal-President tagħha, li għandu jiddeċiedi dwar l-organizzazzjoni interna tagħha biex jiżgura l-koerenza, l-effiċjenza, u l-kolleġjalità

66      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-imsemmi prinċipju jirriżulta mill‑Artikolu 219 KE, li abbażi tiegħu d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni għandhom jittieħdu b’maġġoranza tal-għadd tal-membri skont l‑Artikolu 213 KE u laqgħa tal-Kummissjoni għandha tkun biss valida jekk ikun preżenti n-numru ta’ membri indikat fir-regoli ta’ proċedura tagħha. Huwa bbażat fuq l-ugwaljanza tal-membri tal-Kummissjoni fil‑parteċipazzjoni fit-teħid tad-deċiżjoni u jimplika b’mod partikolari li d‑deċiżjonijiet jiġu ddeliberati mill-membri flimkien u li l-membri kollha tal-Kulleġġ huma kollettivament responsabbli, fuq livell politiku, għat-totalità tad-deċiżjonijiet meħuda (sentenzi tal-Qorti tal‑Ġustizzja tat-23 ta’ Settembru 1986, AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, 5/85, Ġabra p. 2585, punt 30, u Il-Kummissjoni vs BASF et, punt 65 iktar ’il fuq, punt 63).

67      Madankollu, l-użu tal-proċedura ta’ awtorizzazzjoni għall‑adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ kolleġjalità.

68      Fil-fatt, b’mod limitat għal kategoriji determinati ta’ atti amministrattivi u ta’ ġestjoni, li ipotetikament jeskludu d-deċiżjonijiet ta’ prinċipju, tali sistema ta’ awtorizzazzjoni tidher neċessarja, meta wieħed jikkunsidra ż-żieda kunsiderevoli tan-numru ta’ deċiżjonijiet li l-Kummissjoni tissejjaħ li tieħu, sabiex din tkun f’pożizzjoni li tissodisfa l-funzjoni tagħha (sentenza AKZO Chemie u AKZO Chemie UK vs Il-Kummissjoni, punt 66 iktar ’il fuq, punt 37, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-27 ta’ April 1995, AAC et vs Il-Kummissjoni, T‑442/93, Ġabra p. II‑1329, punt 84).

69      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk ir-regolament ikkontestat għandux jitqies li huwa miżura ta’ ġestjoni jew ta’ amministrazzjoni jew deċiżjoni ta’ prinċipju.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minkejja n-natura normattiva tiegħu, ir-regolament ikkontestat għandu bħala għan uniku d-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda ta’ ċerti Stat Membri ġodda skont il-proċedura stabbilita f’dan ir-rigward fir-Regolament Nru 60/2004, li tiegħu jikkostitwixxi att ta’ implementazzjoni. It-twettiq ta’ tali kalkolu ma jistax jitqies li jikkostitwixxi deċiżjoni ta’ prinċipju.

71      Fil-fatt, mill-qari tal-punti 13 sa 17 iktar ’il fuq jirriżulta li huwa fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 60/2004, kif emendat bir-Regolament Nru 651/2005, li l-kwantità żejda kif ukoll il-metodu li l-Kummissjoni għandha ssegwi sabiex tiddeterminaha huma ddefiniti. Huwa fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 60/2004 fejn huwa previst li l-kwantità żejda hekk ikkalkolata għandha tiġi eliminata skont modalitajiet preċiżi, u mhux fi kwalunkwe dispożizzjoni tar-regolament ikkontestat. Fl-aħħar nett, huwa fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 60/2004 fejn hemm indikati l-konsegwenzi li l-Istati Membri l-ġodda jkollhom isostnu fil-każ li ma jissodisfawx l-obbligi imposti.

72      Kull kwistjoni ta’ prinċipju rilevanti hija rregolata, għaldaqstant, fl-ambitu tar-Regolament Nru 60/2004, kif emendat, li għalih ir-regolament ikkontestat huwa suġġett u dan tal-aħħar huwa limitat għat-twettiq ta’ eżerċizzju ta’ kontabbiltà, anki jekk dan tal-aħħar huwa ċertament kumplikat.

73      Ghandu jingħad ukoll li, matul il-laqgħa tal-20 ta’ April 2005, il-Kulleġġ awtorizza tlieta mill-membri tiegħu sabiex iwettqu tali eżerċizzju ta’ kontabbiltà mingħajr ma tahom, fl-istess ħin, il-fakultà li jadottaw id-deċiżjonijiet ta’ prinċipju ġodda jew li jeżaminaw mill-ġdid l-opportunità li japplikaw dawk li hemm fir-Regolament Nru 60/2004, kif jirriżulta wkoll mill-minuti tal-1698 laqgħa tal-Kummissjoni tal-20 ta’ April 2005.

74      Fil-fatt, matul l-imsemmija laqgħa, il-Kulleġġ, qabel kollox, approva l-komunikazzjoni ta’ M. Fischer Boel. Issa, l-metodoloġija annessa ma’ din il-komunikazzjoni u approvata flimkien magħha mill-Kulleġġ, ’il bogħod milli tawtorizza lill-membri awtorizzati sabiex jadottaw ir-regolament ikkontestat li jwarrbu kwistjonijiet ta’ prinċipju stabbiliti fir‑Regolament Nru 60/2004, tinkorpora iktar is-setgħa diskrezzjonali tagħhom fit-teħid tad-deċiżjoni. B’mod partikolari, hija tiżviluppa l-kriterji ta’ determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda li jidhru fir-Regolament Nru 60/2004 u tistabbilixxi regola ċara li permezz tagħha jiġu stabbiliti l-kwantitajiet żejda mill-varjazzjoni tal-produzzjoni, li magħhom għandha tiżdied il-varjazzjoni tal-importazzjonijiet u titnaqqas il-varjazzjoni tal-esportazzjonijiet matul il-perijodu bejn Mejju 2003 u April 2004, b’paragun mar-riżultat ta’ dawn l-operazzjonijiet għall-perijodu ekwivalenti tat-tliet snin preċedenti.

75      Huwa minnu li l-metodoloġija inkwistjoni taqa’ fl-ambitu tal‑Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004, li abbażi tiegħu l‑Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet li fihom il-ħażniet ikunu ġew ikkostitwiti waqt id-determinazzjoni tal-imsemmija ħażniet. B’hekk, huwa indikat fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 2(3)(b) tal-metodoloġija annessa mal-komunikazzjoni ta’ M. Fischer Boel li ċerta flessibbiltà setgħet tiġi aċċettata fir-rigward ta’ dak li għandu jiġi kkunsidrat bħala ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara. Madankollu, dan ir-riferiment bl-ebda mod ma jawtorizza lill-membri tal-Kummissjoni awtorizzati biex jikkalkolaw il-kwantitajiet żejda ta’ ċerti Stati Membri b’mod differenti minn dak previst mir-Regolament Nru 60/2004. Dawn huma biss awtorizzati jevalwaw l-informazzjoni ta’ kontabbiltà pprovduta mill-imsemmija Stati b’ċerta flessibbiltà li tippermetti l-evalwazzjoni tal-ħażniet eżistenti fil-kuntest tagħhom sabiex jiġu esklużi mill-kalkolu ta’ kwantitajiet żejda ħażniet li l-preżenza tagħhom tista’ tiġi spjegata b’raġunijiet li ma humiex relatati mal-ispekulazzjoni marbuta mal-adeżjoni ta’ dawn l-Istati mal-Unjoni Ewropea u li ma joħolqux riskju ta’ tfixkil fis-suq.

76      Il-komunikazzjoni ta’M. Fischer Boel tagħti, barra minn hekk, risposta elaborata għall-argumenti li r-Repubblika tal-Estonja sostniet sabiex turi li r-riżervi domestiċi ġew ikkostitwiti f’ċirkustanzi li jistħoqqilhom evalwazzjoni mill-ġdid tal-kwantitajiet ikkonċernati skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004. Jekk huwa minnu li l-membri tal‑Kummissjoni awtorizzati setgħu, skont l-awtorizzazzjoni tagħhom, iżommu kuntatti addizzjonali mal-Istati Membri l-ġodda sabiex jirrevedu l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li, l‑imsemmija komunikazzjoni kienet ġiet approvata mill-Kulleġġ b’mod ċar, il-membri inkwistjoni ma setgħux iwarrbu d-direzzjoni li ġiet iddefinita u, konsegwentement, ma setgħux jeskludu r-riżervi domestiċi mill-kalkolu tal-kwantitajiet żejda ħlief fuq il-bażi ta’ elementi mhux indirizzati fl-imsemmija komunikazzjoni, ħaġa li ma għamlux.

77      Barra minn hekk, jekk huwa minnu li l-membri tal-Kummissjoni awtorizzati setgħu, abbażi tal-awtorizzazzjoni tagħhom, iżommu kuntatti addizzjonali mal-Istati Membri l-ġodda sabiex jirrevedu l-argumenti tagħhom f’dan ir-rigward, xorta jibqa’ l-fatt li l-Kulleġġ irriżerva l‑possibbiltà li jadotta huwa stess id-deċiżjoni finali fil-każ li s-sitwazzjoni kienet hekk teżiġi, li jistà biss jiġi interpretat bħala intiż għas-sitwazzjoni li fiha approċċ differenti minn dak espost fil-komunikazzjoni ta’ M. Fischer Boel kellu jiġi segwit. F’kull każ, tali bidla fl-approċċ ma seħħitx.

78      Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat li, f’kull każ, il-Kummissjoni, filwaqt li tosserva l-prinċipju ta’ kolleġjalità, għandha jkollha s-setgħa li tinkariga lil xi wħud mill-membri tagħha bil-kompitu li jwettqu eżerċizzju ta’ kontabbiltà, ikun kemm ikun kumpless, bil-għan li jiddeterminaw il-kwantitajiet ta’ prodott agrikolu partikolari eżistenti fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri, taħt piena ta’ preġudizzju serju fil-konfront tal-kapaċità tagħha li tiġġestixxi b’mod effikaċi l-politika agrikola komuni, settur li jeħtieġ ġestjoni simultanja u mħaffa ta’ informazzjoni relattiva għall-produzzjoni, għar-riżervi u għal elementi varjabbli oħra li jirriżultaw mill-eżerċizzji ta’ kalkolu bħal dawn imwettqa fl-ambitu tar-regolament ikkontestat.

79      Minn dan isegwi li dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

III –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 60/2004

80      Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li r-regolament ikkontestat ġie adottat bi ksur tar-Regolament Nru 60/2004. F’dan ir-rigward, hija tinvoka żewġ argumenti li jistgħu jiġu ppreżentati taħt il-forma ta’ żewġ partijiet separati. L-ewwel nett, hija tirrileva li r-Regolament Nru 60/2004 ma jippermettix l-inklużjoni tar-riżervi domestiċi fil-kalkolu tal-kwantitajiet żejda. It‑tieni nett, hija tirrileva li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi partikolari li kkaratterizzawha fid-determinazzjoni tal-kwantità żejda tagħha, bi ksur tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004.

81      Madankollu, preliminarjament, il-partijiet ma jaqblux dwar in-natura vinkolanti tar-Regolament Nru 60/2004 meta mqabbel mar-regolament ikkontestat. Peress li n-natura operanti ta’ dan il-motiv tiddependi fuq din il-kwistjoni, din għandha tiġi ttrattata qabel ma jiġu eżaminati ż-żewġ partijiet previsti fil-punt preċedenti.

A –  Fuq in-natura vinkolanti tar-Regolament Nru 60/2004 meta mqabbel mar-regolament ikkontestat

1.     L-argumenti tal-partijiet

82      Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li peress li r-Regolament Nru 60/2004 huwa l-bażi legali tar-regolament ikkontestat, il-ksur tal-ewwel għandu jwassal għall-annullament tat-tieni, anki jekk ġew adottati mill-istess istituzzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 1971, Deutsche Tradax, 38/70, Ġabra p. 145, u tad-29 ta’ Marzu 1979, ISO vs Il-Kunsill, 118/77, Ġabra p. 1277), mingħajr ma jkun importanti f’dan ir-rigward li dawn ikunu ġew adottati skont l-istess proċedura.

83      Il-Kummissjoni tammetti li r-regolament ikkontestat huwa bbażat fuq ir‑Regolament Nru 60/2004, iżda hija tqis li dan jista’ jidderoga mid‑dispożizzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, peress li dawn iż-żewġ regolamenti ġew adottati mill-istess istituzzjoni skont l-istess proċedura, mhux bħall-atti li taw lok għall-ġurisprudenza invokata mir‑Repubblika tal-Estonja. Fl-aħħar nett, jista’ jiġi kkunsidrat ukoll li r‑regolament ikkontestat japplika direttament l-Att ta’ Adeżjoni, anki jekk huwa bbażat fuq l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 60/2004, peress li l-għażla ta’ din il-bażi ġuridika ma kellhiex influwenza fuq il-proċedura applikabbli [sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Diċembru 2002, British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, C‑491/01, Ġabra p. I‑11453, punti 93 sa 98].

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

84      Għandu jiġi rrilevat li, billi adottat ir-regolament ikkontestat, il‑Kummissjoni ma wettqitx eżerċizzju teoretiku ta’ kontabbiltà, iżda implementat l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 60/2004 li abbażi tiegħu kellha tiddetermina l-kwantità żejda ta’ kull Stat Membru ġdid. Dan ir-regolament jipprovdi wkoll il-modalitajiet ta’ eliminazzjoni tal-kwantitajiet hekk iddeterminati u l-konsegwenzi għall-Istati Membri l-ġodda fil-każ li jonqsu milli jeliminawhom, u dan biss inkwantu dawn il-kwantitajiet ġew stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet tiegħu. Fl-aħħar nett, ir-Regolament Nru 60/2004 huwa previst fost il-bażijiet legali tar-regolament ikkontestat kif ukoll fil-premessi 1 sa 3 ta’ dan tal-aħħar. F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż li dan jikkostitwixxi att ta’ implementazzjoni tar-Regolament Nru 60/2004. Issa, bħalma ssostni r-Repubblika tal-Estonja, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fis-sentenza Deutsche Tradax, punt 82 iktar ’il fuq (punt 10), li ma jistax jiġi aċċettat li regolament ta’ applikazzjoni, adottat skont awtorizzazzjoni f’dispożizzjoni ta’ regolament ta’ bażi minn fejn joriġina, ikun jista’ jidderoga mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir‑regolament.

85      Huwa minnu li, kif tirrileva wkoll il-Kummissjoni, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha fuq żewġ regolamenti adottati mill-Kunsill skont proċeduri differenti, l-ewwel wara, u t‑tieni mingħajr konsultazzjoni mal-Assemblea tal-Komunitajiet Ewropej. Madankollu, ir-regola stabbilita f’din is-sentenza hija kompletament applikabbli fil-kawża preżenti.

86      Fil-fatt, l-ewwel nett, għandu jiġi enfasizzat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma għamlet ebda riferiment għall-eżistenza ta’ żewġ proċeduri ta’ adozzjoni sabiex waslet għall-konklużjoni msemmija iktar ’il fuq.

87      It-tieni nett, din il-konklużjoni saret mill-ġdid f’ġurisprudenza sussegwenti u l-qorti adita ma esprimiet ebda dubju fir-rigward tad-differenza jew l-identità tal‑proċeduri ta’ adozzjoni tal-atti inkwistjoni quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza ISO vs Il-Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, punt 46, u s‑sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ Marzu 1999, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑179/97, Ġabra p. I‑1251, punt 20; is-sentenza tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tat-30 ta’ Ġunju 1993, Devillez et vs Il‑Parlament, T‑46/90, Ġabra p. II-699, punt 25).

88      It-tielet nett, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà annullat regolament adottat mill-istituzzjoni li adottat ir-regolament ta’ bażi minħabba raġunijiet li jmorru kontra t-teżi mressqa mill-Kummissjoni.

89      Fil-fatt, fis-sentenza ISO vs Il-Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, il-Qorti tal‑Ġustizzja annullat regolament tal-Kunsill li jimponi dazju antidumping definittiv fuq ċerti prodotti importati mill-Ġappun, b’mod partikolari billi ċaħdet argument tal-Kunsill li skontu r-regolament inkwistjoni kien miżura sui generis, ibbażat direttament fuq l-Artikolu 113 tat-Trattat KE (li sar, wara emenda, l-Artikolu 133 KE), u mhux suġġett għad-dispożizzjonijeit tar-regolament ta’ bażi tiegħu, jiġifieri r‑Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 459/68 tal-5 ta’ April 1968 dwar il-protezzjoni mir-rimi tal-iskart bil-massa jew il-konċessjoni ta’ rigali ta’ flus jew sussidji mill-pajjiżi li mhumiex membri tal-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU L 103, p. 38). Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li tali argument jinjora l-fatt li l-proċedura kollha li rriżultat fl-adozzjoni tar-regolament antidumping kkonċernat saret skont ir-rekwiżiti previsti mir-regolament ta’ bażi ċċitat iktar ’il fuq u kkonkludiet li l-Kunsill, wara li adotta regolament ġenerali sabiex jimplementa wieħed mill-għanijiet tal-Artikolu 113 tat-Trattat KE, ma setax jidderoga mir-regoli hekk stabbiliti fl-applikazzjoni tagħhom għal każijiet partikolari (punt 46 tas-sentenza).

90      Issa, il-proċedura prevista fl-Artikolu 113 tat-Trattat KE għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ difiża kummerċjali, bħal dawk li jittieħdu f’każijiet ta’ dumping, hija dik prevista fil-paragrafu 4 tal-imsemmija dispożizzjoni, li abbażi tagħha l-Kunsill jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata. Barra minn hekk, minn qari flimkien tal-Artikolu 17(1) u 2(a) tar-Regolament Nru 459/68 jirriżulta li, meta mill-konstatazzjoni definittiva tal-fatti u tal-investigazzjoni mwettqa skont id-dispożizzjonijiet l-oħra tal-imsemmi regolament jirriżulta li hemm dumping u dannu, u meta l-interessi tal-Komunità jeħtieġu azzjoni Komunitarja, il-Kummissjoni tippreżenta proposta lill-Kunsill wara li tkun semgħet l-opinjonijiet espressi fi ħdan il-kumitat rilevanti, u r-regolament antidumping inkwistjoni jiġi, jekk ikun il-każ, adottat mill-Kunsill billi jiddeċiedi b’maġġoranza kkwalifikata.

91      Minn dan isegwi li l-Kunsill kien adotta r-regolament antidumping inkwistjoni billi ddeċieda b’maġġoranza kkwalifikata, anki jekk l-imsemmi regolament kien ippreċedut minn atti proċedurali oħra, kif kellu jsir sabiex jiġi emendat ir-Regolament Nru 459/68, li jeskludi l-fondatezza tat-teżi tal-Kummissjoni.

92      Din il-konklużjoni ma tistax tiddgħajjef mill-fatt li, fis-sentenza ISO vs Il-Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja waslet għall-konklużjoni li l-Kunsill kien naqas, f’każ partikolari, milli jikkunsidra l-applikazzjoni tar-regoli ġenerali, u dan anki jekk seta’ jiġi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat ma japplikax ir-regoli ġenerali li hemm fir-Regolament Nru 60/2004 f’dak li jirrigwarda każ partikolari, iżda f’dak li jirrigwarda s-sitwazzjonijiet kollha li fihom dawn ir-regoli għandhom japplikaw.

93      Fil-fatt, fis-sentenza ISO vs Il-Kunsill, punt 82 iktar ’il fuq, il-Qorti tal‑Ġustizzja stabbilixxiet li l-Kunsill, wara li jkun adotta regolament ġenerali sabiex jimplementa wieħed mill-għanijiet tal-Artikolu 113 tat-Trattat KE, ma jkunx jista’ jidderoga mir-regoli hekk stabbiliti fl-applikazzjoni tagħhom f’każijiet partikolari għal żewġ raġunijiet. Dawn ir-raġunijiet huma li jekk tali deroga tiġi aċċettata, l-ewwel nett, tfixkel is-sistema leġiżlattiva tal-Komunità u, it-tieni nett, tikser l-ugwaljanza tal-individwi quddiem il-liġi. Issa, jekk it-tieni raġuni tissopponi li r-regolament ta’ implementazzjoni jista’ jiġi applikat fiż-żmien għal diversi destinatarji, dan ma huwiex il-każ f’dak li jirrigwarda l-ewwel raġuni, li tista’ għal kollox tiġi invokata fil-kuntest tal-kawża preżenti.

94      F’kull każ, għandu jiġi rrilevat li, anki kieku t-teżi tal-Kummissjoni kienet eżatta u l-kunċett ta’ “ħażniet” previst fir-Regolament Nru 60/2004 seta’ jiġi mibdul waqt l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat, il-Kummissjoni kellha timmotiva r-raġunijiet għalfejn kien neċessarju li tipproċedi b’dan il-bdil. Madankollu, il‑Kummissjoni lanqas biss ipprovat issostni li kienet ipprovdiet tali motivazzjoni, anki jekk irreferiet diversi drabi għall-fatt li, permezz tar‑regolament ikkontestat, hija kellha l-intenzjoni tapplika r-Regolament Nru 60/2004.

95      Barra minn hekk, għandha tiġi mwarrba bħala mhux fondata t-teżi tal‑Kummissjoni li skontha jista’ jiġi kkunsidrat li r-regolament ikkontestat japplika direttament l-Att ta’ Adeżjoni. Il-Kummissjoni stess tirrikonoxxi li l-imsemmi regolament huwa bbażat espliċitament fuq l‑Artikolu 6 tar-Regolament Nru 60/2004, kif juri l-fatt li din id‑dispożizzjoni tidher fil-preambolu tar-regolament ikkontestat. Il‑Kummissjoni kienet għażlet il-bażi legali li hija qieset bħala l-iktar adattata fil-kawża preżenti, jiġifieri l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 60/2004, u huwa wkoll u b’mod partikolari fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni li hemm lok li tiġi eżaminata l-legalità tar-regolament ikkontestat (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal‑15 ta’ April 2008, SIDE vs Il-Kummissjoni, T‑348/04, Ġabra p. II‑625, punt 69).

96      Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li s-sentenza British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco, punt 83 iktar ’il fuq, invokata mill‑Kummissjoni insostenn tat-teżi tagħha ma tikkorroborax lil din tal-aħħar. Fil-fatt, l-imsemmija sentenza tirrigwarda att li kien ġie adottat fuq il-bażi ta’ żewġ bażijiet legali. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet biss li, minkejja l-fatt li waħda minn dawn iż-żewġ bażijiet legali ma kinitx korretta, il-bażi legali l-oħra prevista kienet tippermetti l-adozzjoni tal-att inkwistjoni, li kienet ir-raġuni għalfejn hija kkunsidrat li l-imsemmi att kien validu. Issa, dan ir-raġunament ma japplikax fil-kawża preżenti.

97      Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-legalità tar-regolament ikkontestat jiddependi b’mod partikolari fuq l-osservanza minn dan tal-aħħar tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 60/2004, li fuq il-bażi tiegħu dan ġie adottat. Huwa fid-dawl ta’ din il-konklużjoni li għandhom jiġu analizzati ż-żewġ partijiet li jikkostitwixxu l-motiv preżenti.

B –  Fuq l-ewwel parti

98      Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 60/2004 jipprovdi biss l-obbligu li tiġi eliminata l-kwantità żejda kkalkolata taz-zokkor miżmum mill-operaturi kummerċjali u mhux tar-riżervi domestiċi. Insostenn ta’ din it-teżi, ikkontestata mill-Kummissjoni, ir-Repubblika tal-Estonja taqsam l-ewwel parti tat-tieni motiv tagħha f’ħames subdiviżjonijiet, li għandhom jiġu eżaminati separatament.

1.     Fuq it-tifsira tal-kelma “ħażna”

a)     L-argumenti tal-partijiet

99      Ir-Repubblika tal-Estonja tirrileva li t-test tal-Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 60/2004 jeskludi r-riżervi domestiċi mill-kalkolu tal-kwantità żejda.

100    Fil-fatt, id-definizzjoni stess tal-kelma “ħażna” jiġifieri, “provvista jew riżerva akkumulata; speċjalment: prodotti tal-ikel miżmuma fil-maħżen ta’ bejjiegħ jew produttur”, tirriferi biss għall-kwantitajiet miżmuma mill-operaturi. Bl-istess mod, il-“Concepts and Definitions Database” (bażi ta’ data tal-kunċetti u tad-definizzjonijiet) tal-Eurostat (Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej) ma tinkludix il-bejgħ bl-imnut u l-familji.

101    Barra minn hekk, l-użu tal-kelma “ħażniet” fir-regolamenti li jirrigwardaw l-OKS taz-zokkor jeskludi r-riżervi domestiċi, kif juru l-Artikolu 1(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 1998/78, tat‑18 ta’ Awwissu 1978, li jippreskrivi regoli dettaljati sabiex jiġu kkumpensati l-ispejjeż tal-ħażna taz-zokkor (ĠU L 231, p. 5), l-Artikolu 1 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 189/77, tat-28 ta’ Jannar 1977, dwar modalitajiet ta’ applikazzjoni għas-sistema ta’ ħażna minimali fis-settur taz-zokkor (ĠU L 25, p. 27), l-Artikoli 8 u 12 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2038/1999, tat-13 ta’ Settembru 1999, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq fis-settur taz-zokkor (ĠU L 252, p. 1), kif ukoll l-Anness III, punt IX(1)(b) tar‑Regolament Nru 1260/2001 jew l-Artikolu 10(4) ta’ dan ir-regolament tal-aħħar. Din id-definizzjoni tirriżulta wkoll mill-punt 7 tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2006 intitolat “Forecast balance sheet 2006/2007 of the Sugar Management Committee” (Bilanċ provviżorju 2006/2007 tal-Kumitat tal-ġestjoni taz-zokkor).

102    Issa, skont il-prinċipju ta’ interpretazzjoni sistematika, l-istess kelma għandha tiġi interpretata, ħlief fil-każ ta’ indikazzjoni kuntrarja, bl-istess mod u, f’kull każ, il-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi li d-determinazzjoni tal-ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara għandha titwettaq skont il-kriterji partikolari għal kull organizzazzjoni komuni tas-suq.

103    Għandu wkoll jiġi enfasizzat li kunċett determinat jista’, fil-qasam ġuridiku Komunitarju, ikollu sinjifikat partikolari (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta’ Ottubru 1982, Cilfit et, 283/81, Ġabra p. 3415, punt 19) u li, fl-istess qasam ġuridiku, il-Qorti tal-Ġustizzja tinterpreta b’mod identiku kunċett li jidher f’dispożizzjonijiet differenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Marzu 1982, Levin, 53/81, Ġabra p. 1035, punti 6 u s-sussegwenti).

104    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Estonja tqis li interpretazzjoni kuntrarja għat-teżi tagħha timplika li l-kelma “ħażniet” tista’ tinkludi z-zokkor li, normalment, jaqa’ taħt il-kunċett ta’ “konsum”, jiġifieri z-zokkor mibjugħ lill-familiji għall-użu tagħhom. Madankollu, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 60/2004 jinkludi fl-istess paragrafu l-kliem “konsum” u “ħażniet”, u huwa ftit probabbli li l-Kummissjoni tuża dawn iż-żewġ kelmiet jekk it-tieni jinkludi l-ewwel, peress li hija tirrendi superflwu l-kunċett ta’ “konsum” li f’kull każ huwa sinonimu ta’ xiri u mhux ta’ konsum ta’ zokkor mill-konsumatur.

105    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

106    Qabel kollox, għandu jiġi enfasizzat li l-prinċipju ta’ eliminazzjoni tal‑kwantitajiet żejda li r-Regolament Nru 60/2004 għandu l-għan li jimplementa, huwa stabbilit permezz ta’ regola ta’ dritt primarju, jiġifieri l-punt 4(2) tal-Anness IV tal‑Att ta’ Adeżjoni, li għalih tagħmel riferiment il-premessa 7 tal-imsemmi regolament u li fih il-kelma “ħażna” tokkupa pożizzjoni ċentrali. Għandu għaldaqstant jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “ħażna” previst fir-Regolament Nru 60/2004, jirriżulta minn dak previst fil‑punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni.

107    Ir-Repubblika tal-Estonja tqis li l-kelma “ħażniet”, limitata b’dan il‑mod, għandha tkun is-suġġett ta’ interpretazzjoni stretta, ristretta għar‑riżervi kkostitwiti mill-operaturi kummerċjali, filwaqt li l‑Kummissjoni tiffavorixxi interpretazzjoni iktar wiesgħa li tinkludi wkoll ir-riżervi domestiċi.

108    Madankollu, la l-Kummissjoni u lanqas ir-Repubblika tal-Estonja ma huma f’pożizzjoni li jibbażaw ruħhom fuq kwalunkwe dokument ta’ natura li juri li l-intenzjoni tal-awturi tal-Att ta’ Adeżjoni jew dak tal-Kummissjoni matul it-tfassil tar-Regolament Nru 60/2004 kienet li jagħtu lill-kelma “ħażna” s-sinjifikat li huma jinvokaw.

109    Fin-nuqqas ta’ dokumenti preparatorji li juru b’mod ċar l-intenzjoni tal-awturi ta’ dispożizzjoni, il-qorti Komunitarja tista’ biss tibbaża ruħha fuq il-portata tat-test kif ġie stabbilit u ttih is-sens li jirriżulta mill-interpretazzjoni litterali u loġika tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-1 ta’ Ġunju 1961, Simon vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, 15/60, Ġabra p. 223, 244). Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat is-sens normalment rikonoxxut lill-imsemmija kelma sabiex jiġi ddeterminat jekk jikkorrispondix għal dak propost mill-Kummissjoni jew għal dak propost mir-Repubblika tal-Estonja.

110    Issa, fil-kuntest tal-interpretazzjoni litterali, jeħtieġ li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li t-testi tad-dritt Komunitarju jinkitbu f’diversi lingwi u li l-verżjonijiet lingwistiċi differenti huma lkoll awtentiċi. L-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju timplika għaldaqstant li jiġu pparagunati l-verżjonijiet lingwistiċi differenti (is‑sentenza Cilfit et, punt 103 iktar ’il fuq, punt 18, u s-sentenza tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tas-6 ta’ Ottubru 2005, Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, T‑22/02 u T‑23/02, Ġabra p. II‑4065, punt 42).

111    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kelma “ħażniet” ma għandux sinjifikat inekwivoku fil-verżjonijiet lingwistiċi differenti tal-atti ġuridiċi inkwistjoni.

112    B’hekk, il-kelma “stock” tintuża fil-verżjonijiet Franċiżi u Ingliżi tal-Att ta’ Adeżjoni u tar-Regolament Nru 60/2004. Fil-verżjonijiet Spanjoli, Taljani, Pollakki u Estonjani l-kliem użati kienu rispettivament “existencias”, “scorta” “zapas” u “varu”.

113    Eżami tas-sinjifikat normali ta’ kull wieħed minn dawn il-kelmiet juri li, bit-Taljan, bil-Pollakk u bl-Estonjan, il-kelma “ħażniet” tista’ tintuża mingħajr distinzjoni għar-riżervi kkostitwiti mill-operaturi kummerċjali kif ukoll għal dawk ikkostitwiti mill-familji. Bl-Ingliż, bil-Franċiż u bl-Ispanjol, l‑imsemmija kelma pjuttost tintuża iktar fil-lingwaġġ kummerċjali iżda tista’ wkoll tirreferi għar-riżervi kkostitwiti mill-familji.

114    Għaldaqstant, jekk kemm it-teżi tal-Kummissjoni u kemm dik tar‑Repubblika tal-Estonja jsibu ċertu sostenn fl-analiżi tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-Att ta’ Adeżjoni u tar-Regolament Nru 60/2004, jirriżulta li dik tal‑Kummissjoni hija iktar plawżibbli.

115    Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju, hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil-leġiżlazzjoni li jagħmlu parti minnha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12), kif ukoll tat-totalità tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju (sentenzi Cilfit et, punt 103 iktar ’il fuq, punt 20, u Sumitomo Chemical u Sumika Fine Chemicals vs Il-Kummissjoni, punt 110 iktar ’il fuq, punt 47).

116    B’mod partikolari, għandu jiġi rrilevat li, anki meta l-verżjonijiet lingwistiċi differenti jkollhom elementi li jidhru li jsostnu interpretazzjoni partikolari, inkwantu test, moqri fit-totalità tiegħu, jibqa’ ambigwu, hemm lok li tiġi eżaminata l-funzjoni tal-kliem ikkontestati fid-dawl tal-għanijiet tal-leġiżlazzjoni inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-19 ta’ Ġunju 1980, Roudolff, 803/79, Ġabra p. 2015, punt 7).

117    Għaldaqstant, peress li l-użu tal-kelma “ħażna” ma huwiex nieqes minn ċerta ambigwità, huwa għandu jiġi interpretat fid-dawl tal-għan tar‑Regolament Nru 60/2004, li jista’ jkun biss, f’dak li jirrigwarda l-eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda, konformi ma’ dak tal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni.

118    Fir-rigward tal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-imsemmi att, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza tagħha tal-15 ta’ Jannar 2002, Weidacher (C‑179/00, Ġabra p. I‑501), il-Qorti tal-Ġustizzja ppronunzjat ruħha dwar l-obbligu impost fuq ir-Repubblika tal-Awstrija, ir-Repubblika tal-Finlandja u fuq ir-Renju tal-Isvezja (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri l-ġodda tal-1995”), mal-adeżjoni tal-imsemmija Stati mal-Unjoni Ewropea fl-1995 (iktar ’il quddiem l-“adeżjoni tal-1995) li jeliminaw bi spiża tagħhom il-ħażniet ta’ prodotti agrikoli li jinsabu f’ċirkulazzjoni ħielsa fuq it-territorju tagħhom u li jaqbżu l-kwantità ta’ dak li seta’ jiġi kkunsidrat bħala li jirrappreżenta ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara abbażi tal-Artikolu 145(2) tal-Att dwar il-kondizzjonijiet ta’ adeżjoni tar-Repubblika tal-Awstrija, tar-Repubblika tal-Finlandja u tar-Renju tal-Isvezja u l-aġġustamenti tat-Trattati li fuqhom hija bbażata l-Unjoni Ewropea (ĠU 1994, C 241, p. 9), kif emendat (iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-1994”), li l-kliem tiegħu huma simili ħafna għal dawk tal-punt 4 tal-Anness IV, tal-Att ta’ Adeżjoni. B’dan il-mod, Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-awturi tal-Att tal-adeżjoni tal-1994 kienu kkunsidraw li l-eżistenza, fl-1 ta’ Jannar 1995, fl-Istati Membri l-ġodda tal-1995 ta’ ħażniet mhux normali ta’ prodotti koperti minn organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli kienet tikkostitwixxu sors ta’ tfixkil għall-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi previsti mill-imsemmija organizzazzjoni, b’mod partikolari minħabba l-impatt tagħha fuq l-iffissar tal-prezzijiet (punti 20 u 21 tas-sentenza).

119    Minn dan isegwi li l-għan tal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni huwa, b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda z-zokkor, li jevita kull tfixkil fil-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi previsti mill-OKS taz-zokkor u, b’mod partikolari, it-tfixkil li għandu impatt fuq l-iffissar tal-prezzijiet u kkawżat minn akkumulazzjoni ta’ kwantitajiet mhux normali ta’ zokkor fl-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea.

120    Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk, bħalma sostniet il-Kummissjoni, l-akkumulazzjoni ta’ riżervi domestiċi kbar fl-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni hijiex sors potenzjonali ta’ tfixkil tal-mekkaniżmi tal-OKS taz-zokkor.

121    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, li l-OKS taz-zokkor hija bbażata essenzjalment, kif jirriżulta minn dak espost fil-punti 1 sa 6 iktar ’il fuq, fuq sistema ta’ attribuzzjoni ta’ kwoti lil kull Stat Membru, kwoti li dan għandu, minn naħa tiegħu, jaqsam bejn il-produtturi li jinsabu fit‑territorju tiegħu.

122    Dawn il-kwoti huma kkalkolati b’mod partikolari permezz tal‑previżjoni tad-domanda interna, li hija ċifra li tirriżulta mill-addizzjoni tal-konsum prevedibbli ta’ kull Stat Membru fid-dawl tad-data storika. Issa, l-eżistenza ta’ riżervi domestiċi li huma għoljin b’mod mhux normali f’wieħed jew iktar mill-Istati Membri hija ta’ natura li twassal għal diskrepanza kbira bejn l-imsemmija kwoti u l-kwantità finalment ikkonsmata. Fil-fatt, il-familji ta’ dawn l-Istati Membri jissostitwixxu, fil-konsum normali tagħhom, il-kwantitajiet rriżervati mal-kwantitajiet li, altrimenti jixtru bi prezz tas-suq Komunitarju u li jirriżulta mill-kwantitajiet li l-produzzjoni tagħhom hija awtorizzata mill-Kummissjoni taħt il-forma ta’ kwoti A u B, li l-prezz tagħhom huwa ggarantit fl-ambitu tal-OKS taz-zokkor.

123    L-uniku mod li jista’ jiġi ggarantit il-prezz ta’ intervent għall-imsemmija kwantitjiet mhux mixtrija fis-suq huwa li jiġu applikati mekkaniżmi Komunitarji ta’ intervent, bix-xiri tal-imsemmija kwantitajiet bi prezz iggarantit jew bl-esportazzjoni bl-għajnuna tal-mekkaniżmi ta’ rifużjoni fuq l-esportazzjoni.

124    Fir-rigward tax-xiri bi prezz garantit, għandu jiġi rrilevat li, skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1260/2001, matul is-sena tas-suq, l-aġenzija tal-intervent maħtur minn kull Stat Membru produttur taz-zokkor għandu, skont il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ddeterminati skont il-paragrafu 5 tal-istess artikolu, l-obbligu li jixtri z-zokkor abjad u z-zokkor mhux maħdum prodotti taħt il-kwota, manifatturati mill-pitravi jew miz-zokkor tal-kannamiela miġbura fil-Komunità mogħtija lilu, sakemm ikun hemm, minn qabel, konklużjoni ta’ kuntratt ta’ ħażna bejn l-offerenti u l-imsemmija aġenzija għaz-zokkor inkwistjoni.

125    Huwa mfakkar fil-premessa 36 tar-Regolament Nru 1260/2001 li l‑ispejjeż li jintefqu mill-Istati Membri biex ikopru l-obbligi li joħorġu mill-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament għandhom jitħallsu mill-Komunità, skont l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar l-iffinanzjar tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), applikabbli sad-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2007, tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal-21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 209, p. 1), u, għaldaqstant, għall-fatti tal-kawża preżenti. Fuq il-bażi, b’mod partikolari, tal-imsemmija dispożizzjoni, l-interventi intiżi għar-regolarizzazzjoni tas-swieq agrikoli fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli huma ffinanzjati taħt it-taqsima “Garanziji” tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG). Għaldaqstant, ix-xiri ta’ kwantitajiet ta’ zokkor mill-aġenziji tal-intervent ċertament jippreġudika l-baġit Komunitarju.

126    Fir-rigward tal-esportazzjoni bl-għajnuna tar-rifużjonijiet applikabbli, il-qari tal-Artikolu 15(1)(a) u (b) tar-Regolament Nru 1260/2001 jippermetti li jiġi konkluż, kif hu rrilevat fil-punt 6 iktar ’il fuq, li d-differenza bejn il-kwantità prevedibbli ta’ produzzjoni ta’ zokkor A u ta’ zokkor B għas-sena tas-suq għaddejja u l‑kwantità prevedibbli ta’ zokkor għall-konsum fil-Komunità matul l-imsemmija sena tas-suq hija, bħala prinċipju, esportata qabel it-tmiem tas-sena tas-suq inkwistjoni.

127    Minn dan isegwi li kull kwantità ta’ zokkor prodotta taħt il-kwoti A u B u mhux kkummerċjalizzata minħabba l-eżistenza ta’ kwantitajiet żejda mhux eliminati fl-Istati Membri l-ġodda għandha, bħala prinċipju, tiġi esportata barra mill-Komunità. L-operaturi li jwettqu tali esportazzjoni jistgħu jirrikorru għar-rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni previsti fl-Artikoli 27 sa 30 tar-Regolament Nru 1260/2001, li huma sostnuti mill-produtturi skont l-Artikoli 15 u 16 tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, l-imsemmija produtturi jkollhom ibatu t-telf ikkawżat mill-esportazzjoni, permezz ta’ taxxi tal-produzzjoni skont l-Artikolu 15(3) sa (5) tar-Regolament Nru 1260/2001 u, jekk dawn tal-aħħar ma jkunux suffiċjenti f’dan ir-rigward, permezz ta’ taxxa addizzjonali, skont l-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament.

128    Id-dannu ekonomiku hekk subit mill-produtturi huwa, barra minn hekk, kuntrarju għal wieħed mill-għanijiet tal-OKS taz-zokkor, peress li, skont it-test tal-premessa 2 tar-Regolament Nru 1260/2001, il‑miżuri adattati sabiex jistabbilizzaw is-suq taz-zokkor huma intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw lill-produtturi tal-pitravi u taz‑zokkor tal-kannamiela tal-Komunità ż-żamma tal-garanziji neċessarji f’dak li jirrigwarda l-impjieg u l-livell tal-għajxien tagħhom, il-prezz ta’ intervent għandu jiġi ffissat għal livell li jiżguralhom remunerazzjoni ekwa, billi jiġu rrispettati wkoll l-interessi tal‑konsumaturi.

129    Mill-premess jirriżulta li l-eventwali sostituzzjoni, wara l‑adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda mal-Unjoni Ewropea, tar-riżervi domestiċi fl-Istati Membri fejn dawn jinsabu mal-kwantitajiet li jkunu nxtraw mill‑familji fis-suq Komunitarju jkollha effetti dannużi għall‑istabbiltà u l-finanzjament tal-OKS taz-zokkor u tikkostitwixxi tfixkil sostanzjali.

130    Is-serjetà tal-imsemmi tfixkil ma għandux ikun sottovalutat. Fil-fatt, kieku r-riżervi domestiċi kellhom jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “ħażna”, fis-sens tar-Regolament Nru 60/2004, iċ-ċittadini tal-Istati Membri l-ġodda fejn il-prezz taz-zokkor huwa sew inqas mill-prezz Komunitarju jkollhom interess jikkostitwixxu l-ikbar riżervi possibbli sabiex idewmu l‑konsegwenzi, fuq il-livell ta’ prezzijiet, tal-applikazzjoni tal-OKS taz‑zokkor fl-Istat ta’ residenza tagħhom. Sa fejn, fl-Istati Membri l-ġodda kollha, il-prezz taz-zokkor kien inqas jew inqas ħafna mill-prezz Komunitarju, l-interpretazzjoni proposta mir-Repubblika tal‑Estonja twassal għall-ħolqien ta’ ambjent li jiffavorixxi kostituzzjoni kbira ta’ riżervi domestiċi, li jista’ jwassal għal tnaqqis sostanzjali ħafna, jew anki tmiem f’ċerti każijiet, tal-konsum taz-zokkor fl-imsemmija Stati matul il-perijodu immedjatament sussegwenti għall-adeżjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea.

131    F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li d-diskrepanza bejn il-kwoti awtorizzati u l-konsum Komunitarju konsekuttiv għall-adeżjoni ma tistax tiġi evitata permezz tal-limitazzjoni tal-kwoti attribwiti lill‑produtturi Komunitarji sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni l-konsum imnaqqas b’mod mhux normali li jista’ jiġi mistenni minn naħa tal-Istati Membri li kkostitwixxew jew li setgħu jikkostitwixxu riżervi domestiċi kbar.

132    Fil-fatt, il-kwoti ta’ produzzjoni huma ddeterminati, fil-loġika tar-Regolament Nru 1260/2001, darba biss għall-perijodu kollu ta’ applikazzjoni tal-imsemmi regolament, skont l-Artikolu 11(2) tiegħu, u dan fid-data ta’ adozzjoni tal-imsemmi regolament, jiġifieri ħafna qabel id-data tal-adeżjoni. Konsegwentement, l-uniku mod li tiġi adattata l‑produzzjoni Komunitarja għad-domanda prevedibbli, peress li l-kwoti għall-Istati Membri l-antiki jkunu diġà ġew attribwiti, hija li jingħataw lill‑Istati Membri l-ġodda kwoti iktar imnaqqsa minn dawk li kienu jiġu attribwiti lilhom kieku l-konsum tal-imsemmija Stati, matul il-perijodu immedjatament sussegwenti għall-adeżjoni, seta’ jiġi kkwalifikat bħala normali meta pparagunat mas-snin tas-suq riċenti.

133    Issa, il-kwoti ta’ produzzjoni attribwiti lill-Istati Membri l-ġodda ġew stabbiliti fil-punt 32(ċ) u (d) tal-Anness II tal-Att ta’ Adeżjoni u, għaldaqstant, f’data li fiha ma kienx għadu possibbli li jkun magħruf id-daqs tar-riżervi domestiċi kkostitwiti fl-Istati Membri l-ġodda, peress li dawn setgħu jibqgħu jiġu kkostitwiti sad-data tal-adeżjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea.

134    Barra minn hekk, il-kalkolu tal-kwoti Komunitarji skont talba mnaqqsa b’mod mhux normali jista’ biss, essenzjalment, idewwem l‑applikazzjoni sħiħa tal-OKS taz-zokkor fl-Istati Membri l-ġodda bi ħsara għall-produtturi li l-OKS taz-zokkor hija intiża li tipproteġi, skont it-test ċar tal-premessa 2 tar-Regolament Nru 1260/2001, l‑impjieg u l-livell ta’ għajxien tagħhom. Issa, mill-Artikoli 2 u 10 tal‑Att ta’ Adeżjoni jirriżulta li dan tal-aħħar huwa bbażat fuq il‑prinċipju ta’ applikazzjoni immedjata u sħiħa tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju fir-rigward tal-Istat Membri l-ġodda, li fihom derogi huma ammessi biss sa fejn dawn ġew espressament previsti mid-dispożizzjonijiet tranżitorji (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal‑Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Diċembru 1982, Metallurgiki Halyps vs Il‑Kummissjoni, 258/81, Ġabra p. 4261, punt 8, u tat-3 ta’ Diċembru 1998, KappAhl, C‑233/97, Ġabra p. I‑8069, punt 15).

135    Fl-aħħar nett, għandu jiġi enfasizzat, għall-finijiet ta’ kompletezza, li, fid‑dokumenti mibgħuta mir-Repubblika tal-Estonja lill-Kummissjoni bl-Ingliż fil-kors tal-perijodu preċedenti għall-adozzjoni tar‑regolament ikkontestat, ir-Repubblika tal-Estonja stess irriferiet diversi drabi għar-riżervi domestiċi bħala “ħażna”.

136    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-kelma “ħażniet”, fis-sens tar-Regolament Nru 60/2004 u tal-punt 4(2) tal-Anness IV, tal-Att ta’ Adeżjoni ma għandhiex tiġi interpretata, kuntrarjament għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Estonja, li teskludi bħala prinċipju r-riżervi domestiċi.

137    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi mdgħajfa minn ebda waħda mill-affermazzjonijiet tar-Repubblika tal-Estonja.

138    Fil-fatt, l-ewwel nett, fir-rigward tal-affermazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja interpretat b’mod identiku kunċett li jidher f’dispożizzjonijiet differenti li jaqgħu taħt l-istess qasam ġuridiku u r-regolamenti dwar l-OKS taz-zokkor ma jippermettux li jiġi kkunsidrat li r-riżervi domestiċi jagħmlu parti mill-ħażniet, għandu jiġi rrilevat, mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġi eżaminat jekk, fl-imsemmija regolamenti, il-kelma “ħażna” tintużax dejjem fir-rigward tar-riżervi kkostitwiti mill-operaturi kummerċjali, li l-interpretazzjoni ta’ kelma li tidher f’dispożizzjoni b’mod li tikkonforma mal-mod kif użat fir-regoli li jaqgħu taħt l-istess qasam ġuridiku ma tistax twassal sabiex hija tingħata sinjifikat li ma jikkorrispondix mal-għan tad-dispożizzjoni li fiha tidher, mingħajr ma ċċaħħad lil din tal-aħħar minn parti mill-effett utli tagħha.

139    Barra minn hekk, il-qrati Komunitarji qatt ma ddeċidew fuq il-kwistjoni dwar jekk il-kelma “ħażna”, kif prevista fir-regolamenti differenti relattivi għall-OKS taz-zokkor, hijiex applikabbli biss għar-riżervi kkostitwiti mill-operaturi.

140    Fl-aħħar nett, id-dispożizzjonijiet invokati mir-Repubblika tal-Estonja ma jistgħux isostnu t-teżi tagħha.

141    B’hekk, l-ewwel mill-imsemmija dispożizzjonijiet, jiġifieri l-Artikolu 1(2) tar-Regolament Nru 1998/78, jipprovdi:

“2. Huwa kkunsidrat, fis-sens ta’ dan ir-regolament:

a) bħala taħħan, produttur ta’ blokki taz-zokkor, u produttur ta’ zokkor raffinat min:

–        l-attività tiegħu tikkonsisti fil-produzzjoni biss, b’zokkor mhux raffinat, taz-zokkor fil-pożizzjonijiet 17.01 u 17.02 tat-tariffa doganali komuni, li jippreżenta karratteristiċi fiżiċi differenti għal dawk taz-zokkor użat,

–        li għalih, waqt sena tas-suq, il-medja ta’ ħażniet ikkonstati fl-aħħar ta’ kull xahar fl-imħażen approvati mhijiex inqas minn 200 tunnellata;

b) bħala kummerċjant speċjalizzat min:

–        waħda mill-attivitajiet essenzjali tiegħu tikkonsisti fin-negozjar taz-zokkor bl-ingrossa u li jixtri, għal sena tas-suq, ammont minimu ta’ 10 000 tunnellata ta’ zokkor Komunitarju jew ta’ zokkor preferenzjali jew ikkostitwit mit-tnejn, sabiex jinbiegħ mhux ipproċessat,

–        li mhux involut f’attività ta’ bejgħ taz-zokkor bl-imnut,

–        li għalih, waqt sena tas-suq, il-medja ta’ ħażniet ikkonstatati fit-tmiem ta’ kull xahar fl-imħażen approvati tiegħu mhijiex inqas minn 500 tunnellata.”[traduzzjoni mhux uffiċjali]

142    Ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni tillimita l-kunċett ta’ “ħażna” għar-riżervi kkostitwiti mill-operaturi kummerċjali. Peress li r-Regolament Nru 1998/78 jipprovdi b’mod partikolari sistema relattiva għall-kumpens tal-ispejjeż ta’ ħażna ta’ ċerti persuni, huwa raġonevoli li dan jiddefinixxi min huma l-persuni li jaqgħu taħt il‑kategoriji kkonċernati mis-sistema ta’ kumpens inkwistjoni. Madankollu, minn dan ma jirriżultax li l-persuni hekk iddefiniti biss jistgħu jżommu ħażniet.

143    It-tieni dispożizzjoni invokata mir-Repubblika tal-Estonja, jiġifieri l-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 189/77, tipprovdi:

“1. Il-ħażna minima:

–        għandha tinżamm b’mod permanenti waqt kull xahar ikkonċernat,

–        ma tistax tirrigwarda zokkor li jkun ġie ttrasferit skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 31 tar-Regolament (KEE) Nru 3330/74 sakemm l-ispejjeż tal-ħażna għal dan iz-zokkor ma jkunux rimborżati […]

2. Il-produzzjoni taz-zokkor fis-sens tal-Artikolu 1(a) tar-Regolament (KEE) Nru 1488/76 kif ukoll il-ħażna minima prevista fil-paragrafu 1 huma stabbiliti skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 1 tar-Regolament (KEE) Nru 700/73.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

144    Ma huwiex possibbli li jiġi konkluż li din id-dispożizzjoni tillimita l-kunċett ta’ “ħażna” għar-riżervi kkostitwiti mill-operaturi kummerċjali. Barra minn hekk, ir-Regolament Nru 189/77 jirriferi għall-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3330/74, tad-19 ta’ Diċembru 1974, dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq taz-zokkor (ĠU L 359, p. 1), li jipprovdi l-obbligu għall-produtturi taz-zokkor, u mhux għall-operaturi kollha, li jikkostitwixxu ħażniet minimi fid-dawl, b’mod partikolari, tal-kwoti ta’ produzzjoni tagħhom. Issa, ir-Repubblika tal-Estonja ma tispjegax għalfejn, fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt Komunitarju li tobbliga lill-produtturi ta’ prodott sabiex jikkostitwixxu ħażniet, għandu jiġi dedott li l-operaturi previsti biss jistgħu jagħmlu dan.

145    It-tielet u r-raba’ dispożizzjonijiet invokati mir-Repubblika tal-Estonja, jiġifieri l-Artikoli 8 u 12 tar-Regolament Nru 2038/1999, jipprovdu:

“L-Artikolu 8

1. Hija prevista, taħt il-kundizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, sistema ta’ kumpens tal-ispejjeż ta’ ħażna li tinkludi ħlas lura u finanzjament ta’ dan permezz ta’ kontribuzzjoni.

2. L-ispejjeż ta’ ħażna:

–        taz-zokkor abjad,

–        taz-zokkor mhux ipproċessat,

–        tal-ġulepp miksub qabel l-istadju tal-kristallazzjoni,

–        tal-ġulepp miksub meta jinħall iz-zokkor kristallizzat,

prodotti mill-pitravi jew mill-kannamiela miġbura fil-Komunità huma rimborżati b’rata fissa mill-Istati Membri.

L-Istati Membri jiġbru kontribuzzjoni mingħand kull produttur taz-zokkor skont il-każ:

–        għal kull unità ta’ piż ta’ zokkor prodott,

–        għal kull unità ta’ piż ta’ ġulepp previst fl-ewwel subparagrafu, prodott qabel l-istadju tal-kristallazzjoni u mibjugħa f’dan l-istat.

L-ammont ta’ rimborż huwa l-istess għall-Komunità kollha. Din ir-regola ta’ uniformità tapplika wkoll għall-kontribuzzjoni.

3. Il-paragrafu 2 ma huwiex applikabbli għaz-zokkor li fih ħwawar jew sustanzi tal-kulur tal-kodiċi NC 1701 u lanqas għall-ġulepp li fih ħwawar jew sustanzi tal-kulur tal-kodiċi NC 2106 90 59.

4. Il-Kunsill, permezz ta’ maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal‑Kummissjoni:

a) jadotta r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu;

b) jistabbilixxi, flimkien mal-prezzijiet ta’ intervent derivati, l-ammont ta’ rimbors.

5. L-ammont tal-kontribuzzjoni huwa stabbilit kull sena skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 48. Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni l-oħra ta’ dan l-artikolu huma adottati skont l-istess proċedura.

[…]

L-Artikolu 12

1. Sabiex tiġi żgurata provvista normali fiż-żoni kollha tal-Komunità jew waħda minnhom, huwa previst l-obbligu permanenti li tinżamm, fit-territorju Ewropew tal-Komunità, ħażna minima:

(a) ta’ zokkor mill-pitravi prodott fil-Komunità;

(b) ta’ zokkor mill-kannamieli prodott fid-dipartimenti Franċiżi tal-esteru u taz-zokkor preferenzjali previst fl-Artikolu 40.

Il-ħażna minima ta’ zokkor prevista fil-paragrafu 1(a) huwa ugwali, f’data partikolari, għal perċentwali tal-kwota A ta’ kull impriża taz-zokkor jew għall-istess perċentwali tal-produzzjoni tagħha taz-zokkor A meta din tkun inqas mill-kwota A tagħha.

Il-perċentwali stabbilita tista’ titnaqqas.

Il-ħażna minima ta’ zokkor prevista fil-paragrafu 1(b) huwa ugwali għal perċentwali tal-kwantità taz-zokkor inkwistjoni li impriża rraffinat matul perijodu determinat.

2. Il-Kunsill, permezz ta’ maġġoranza kwalifikata fuq proposta tal‑Kummissjoni, jadotta r-regoli ġenerali għall-applikazzjoni ta’ dan l-artikolu u b’mod partikolari d-data u l-perċentwali previsti fit-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1, kif ukoll il-perċentwali u l-perijodu previsti fir-raba’ subparagrafu tal-paragrafu 1.

Skont l-istess proċedura, obbligu ekwivalenti għall-obbligu li tinżamm ħażna minima jista’ jiġi previst għall-prodotti previsti fl-Artikolu 1(1)(f) u (h).

3. Il-modalitajiet ta’ applikazzjoni ta’ dan l-artikolu, u b’mod partikolari t-tnaqqis tal-perċentwali previst fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 1 huma deċiżi skont il-proċedura prevista fl-Artikolu 48.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

146    B’hekk, dawn id-dispożizzjonijiet jirrigwardaw obbligu għall-produtturi taz-zokkor, u mhux għall-operaturi kollha f’dan is-settur, li jikkostitwixxu ħażna minima skont, b’mod partikolari, il-kwoti ta’ produzzjoni tagħhom kif ukoll il-kwantitajiet effettivament raffinati. Issa, kif ingħad fil-punt 144 iktar ’il fuq, ir-Repubblika tal-Estonja ma tispjegax għalfejn mill-fatt li regola tad-dritt Komunitarju tobbliga lill-produtturi ta’ prodott jikkostitwixxu ħażniet, għandu jiġi dedott li huma biss l-operaturi previsti li jistgħu jagħmlu dan.

147    Il-ħames dispożizzjoni invokata mir-Repubblika tal-Estonja, jiġifieri l-punt IX(1) tal-Anness III tar-Regolament Nru 1260/2001, jipprovdi:

“Il-kuntratti għandhom jipprovdu għal prezz addizzjonali li jrid jitħallas mill-bejjiegħ meta:

a) hemm żieda fil-prezz għall-pitravi fil-bidla minn sena tas-suq għal dik ta’ wara, u

b) iż-żieda fil-prezz ta’ l-intervent għaz-zokkor li tirriżulta miż-żieda fil-prezz tal-pitravi ma tkunx soġġetta għat-taxxa fuq il-ħażniet miżmuma fil-ħin tal-bidla.

[…]”

148    Issa, din id-dispożizzjoni ma tiddefinixxix, la b’mod espress u lanqas b’mod impliċitu, il-kunċett ta’ “ħażna” u lanqas ma tillimita l-użu possibbli tiegħu għar-riżervi kkostitwiti mill-operaturi.

149    Is-sitt dispożizzjoni invokata mir-Repubblika tal-Estonja, jiġifieri l-Artikolu 10(4) tar-Regolament Nru 1260/2001, tipprovdi:

“Għall-iskop ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafu 3, il-kwantità ggarantita permezz tal-kwoti għandha tkun stabbilita qabel l-1 ta’ Ottubru għall-kull sena tas-suq fuq il-bażi tat-tbassir dwar il-produzzjoni, l-importazzjoni, il-konsum, il-ħażna, il-kwantitajiet li jibqgħu minn sena għall-oħra, il-bilanċ li jista’ jkun esportat u l-medja tat-telf li huwa probabbli li jkollha ġġorr l-iskema ta’ l-iffinanzjar tagħha nfisha fi ħdan it-tifsira ta’ l-Artikolu 15(1)(d). Jekk dawn it-tbassir juru li l-bilanċ esportabbli għas-sena tas-suq in kwistjoni huwa akbar mill-massimu msemmi fil-Ftehim, allura l-kwantità ggarantita għandha tkun imnaqqsa bid-differenza fi qbil mal-proċedura li hemm referenza dwarha fl-Artikolu 42(2). Din id-differenza għandha tinqasam bejn iz-zokkor, l-isoglukożi u x-xiropp ta’ l-insulina skond il-persentaġġ irrappreżentat mis-somma tal-kwoti A u B ta’ kull prodott għall-Komunità kollha. Imbagħad għandha tkun maqsuma aktar skond l-Istat Membru u l-prodott bl-applikazzjoni tal-ko-effiċjenti rilevanti elenkati fit-tabella ta’ hawn taħt […]”

150    Issa, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni lanqas ma tiddefinixxi, la b’mod espress, u lanqas b’mod impliċitu l-kunċett ta’ “ħażna” u lanqas tillimita l-użu possibbli biss għar-riżervi kkostitwiti mill-operaturi.

151    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Estonja ma tispjegax b’liema mod il-punt 7 tad-dokument ta’ ħidma tal-Kummissjoni tas-16 ta’ Frar 2006 intitolat “Forecast balance sheet 2006/2007 of the Sugar Management Committee”, li, anki jekk isemmi l-kelma “ħażna”, jinkludi biss ċifra waħda, għandu jiġġustifika t-teżi tagħha.

152    Fir-rigward, it-tieni nett, tal-affermazzjoni tar-Repubblika tal-Estonja li tipprovdi li l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 60/2004 jinkludi fl-istess paragrafu l-kliem “konsum” u “ħażniet” u li huwa ftit probabbli li l-Kummissjoni użat dawn iż-żewġ kelmiet fil-każ li t-tieni kellha tinkludi l-ewwel waħda, għandu jiġi rrilevat li din hija affermazzjoni żbaljata.

153    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat, qabel kollox, li l-Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 60/2004, li huwa intiż biex jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ħażniet mhux normali,” jipprovdi li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni, fost elementi oħrajn, il-produzzjoni, il-konsum u l-ħażniet taz-zokkor u tal-isoglukożju. B’hekk, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-livell ta’ ħażniet huwa element li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ ħażniet mhux normali, il-kelma “ħażna” għaldaqstant hija parti, fl-istess ħin, għall-kunċett li għandu jiġi ddefinit u għad-definizzjoni tagħha stess. Indipendentement mill-fatt li dan jista’ juri teknika leġiżlattiva bi preċiżjoni limitata, dan juri li l-preżenza tal-kunċett ta’ “konsum” kemm fil-kunċett li għandu jiġi ddefinit u kemm fid-definizzjoni tal-kelma “ħażna” huwa possibbli fil-loġika tar-Regolament Nru 60/2004.

154    F’kull każ, l-użu tal-kelma “konsum” f’din id-dispożizzjoni għandha tinftiehem f’sens makroekonomiku, inkwantu r-Regolament Nru 60/2004 huwa intiż b’mod partikolari sabiex jevita t-tfixkil fit-totalità tal-OKS taz-zokkor.

155    Issa, il-kwistjoni essenzjali sabiex issir distinzjoni, minn perspettiva makroekonomika, bejn il-kwantitajiet li għandhom jiġu kkunsidrati bħala kkonsmati u l-kwantitajiet li għandhom jiġu kkunsidrati bħala maħżuna fis-sens tar-Regolament Nru 60/2004 hija dik dwar jekk iz-zokkor mixtri jintużax b’tali mod li x-xerrej ikollu jakkwista kwantitajiet ta’ zokkor addizzjonali sabiex ikopri l-bżonnijiet tal-futur eventwali. Fil-fatt, jekk ix-xiri taz-zokkor huwa ta’ tali kobor li jimplika li l-bżonnijiet futuri tal-imsemmi prodott huma koperti miz-zokkor mixtri, il-kwantitajiet hekk mixtrija għandhom l-istess effett fuq il-konsum futur tal-ħażniet li ġew ikkostitwiti mill-operaturi u għandhom, għaldaqstant, jistgħu jiġu assimilati.

156    Fir-rigward ta’ dak li ntqal qabel, l-ewwel subdiviżjoni tal-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

2.     Fuq il-qari sistematiku tar-Regolament Nru 60/2004

a)     L-argumenti tal-partijiet

157    Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li t-teżi li r-riżervi domestiċi ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kwantità żejda tagħha hija kkonfermata mill-qari sistematiku tar-Regolament Nru 60/2004. B’hekk, il-premessi 5, 6 u 8 tal-imsemmi regolament, bħall-premessa 1 tar-regolament ikkontestat, jagħmlu riferiment biss għall-ħtieġa li tiġi evitata l-ispekulazzjoni, peress li din, bħal kull tfixkil tas-suq, tiġi neċessarjament mill-bejgħ mill-ġdid taz-zokkor maħżun, u mhux minn dak maħżun mill-familji. Huwa għalhekk li l-prezz taz-zokkor fl-Estonja għola, wara l-adeżjoni, minn EUR 0.35 il-kilo għal madwar EUR 1.10 il-kilo biex wara baqa’ stabbli, filwaqt li, fil-każ ta’ spekulazzjoni, kien ivarja.

158    Ir-Repubblika tal-Estonja tenfasizza li l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 60/2004 jipprovdi li t-totalità tal-kwantità żejda għandha tiġi eliminata mis-suq skont waħda mill-modalitajiet li huwa jipprovdi. Issa, ebda waħda minn dawn ma tista’ tiġi implementata mill-familji sabiex jeliminaw ir-riżervi tagħhom, li kienu, barra minn hekk, diġà ġew eliminati mis-suq. B’dan il-mod, l-obbligu li jiġu eliminati r-riżervi domestiċi ma jistax jiġi rrispettat permezz ta’ ħlas ta’ ammont previst mill-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 60/2004. Dan il-ħlas jista’ jikkostitwixxi penali jew kumpens, iżda ma jippermettix li ssir l-eliminazzjoni taz-zokkor jew li jiġi evitat it-tfixkil tas-suq. Bl-istess mod, l-imsemmija dispożizzjoni tapplika biss jekk l-obbligu ta’ eliminazzjoni ma setax jiġi rrispettat mill-operaturi u l-Artikolu 1 tar-regolament ikkontestat jimponi b’mod espress l-eliminazzjoni tal-kwantità żejda skont l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 60/2004, li jeskludi r-rispett ta’ dan l-obbligu permezz tal-ħlas tal-imsemmi ammont.

159    Barra minn hekk, l-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 60/2004, li jinkludi l-mekkaniżmu li jippermetti r-rispett tal-obbligu previst fl-Artikolu 6(2) tal-imsemmi regolament, juri li dan tal-aħħar ma jipprevedix l-inklużjoni tar-riżervi domestiċi fl-kwantitajiet żejda, peress li l-imsemmi Artikolu 6(3), jimponi fuq l-Istati Membri l-ġodda li jadottaw sistema ta’ identifikazzjoni tal-kwantitajiet zejda fid-dawl tar-rispett tal-obbligu ta’ eliminazzjoni li jirrigwarda biss lill-operaturi kummerċjali. It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 60/2004 jimponi fuq l-Istati Membri l-ġodda li jġiegħlu biss lill-operaturi li jneħħu mis-suq kwantità ekwivalenti ta’ zokkor jew ta’ isoglukożju tal-kwantità żejda individwali tagħhom.

160    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Estonja tqis li jkun żbaljat li jiġi konkluż li hemm obbligu li jirriżulta mill-Att ta’ Adeżjoni jew mir-Regolament Nru 60/2004 li jipprekludi lill-familji milli jixtru kwantitajiet ta’ zokkor. Fil-fatt, dan ma jirriżultax mid-dispożizzjonijiet tagħhom u, barra minn hekk, billi l-Att ta’ Adeżjoni u r-Regolament Nru 60/2004 daħlu fis-seħħ fil-1 ta’ Mejju 2004, dawn ma setgħux jimponu obbligi fuq l-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea.

161    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

162    L-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda li r-Regolament Nru 60/2004 huwa intiż li jimplementa huwa stabbilit mill-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni li għandu l-għan li jevita kull tfixkil għall-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi previsti mill-OKS taz-zokkor u b’mod partikolari, dak ikkawżat mill-elementi li għandhom impatt fuq l-iffissar tal-prezzijiet u li jinħoloq mill-akkumulazzjoni ta’ kwantitajiet mhux normali ta’ zokkor fl-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni (ara l-punt 119 iktar ’il fuq).

163    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-Repubblika tal-Estonja, ir-Regolament Nru 60/2004 ma huwiex intiż biss sabiex jiġġieled l-ispekulazzjoni marbuta biss mal-kummerċ, iżda wkoll sabiex jevita t-tfixkil tal-mekkaniżmi previsti mill-OKS taz-zokkor u sabiex jirrimedja l-effetti dannużi eventwali għall-istabbiltà ta’ din tal-aħħar ikkawżati mill-eżistenza ta’ kwantitajiet mhux normal ta’ zokkor fl-Istati Membri l-ġodda, akkumulati qabel l-adeżjoni.

164    Issa, kif ġie konkluż fil-punti 121 sa 129 iktar ’il fuq, l-eżistenza ta’ riżervi domestiċi kunsiderevoli tikkostitwixxi riskju kbir ta’ tfixkil għall-OKS taz-zokkor.

165    Barra minn hekk, kif tindika l-Kummissjoni, mill-premessa 7 tar-Regolament Nru 60/2004 jidher ċar li l-għan li jiġu eliminati mis-suq il-kwantitajiet ta’ ħażniet ta’ zokkor ogħla mill-ħażniet normali li jgħaddu għas-sena ta’ wara, bi spejjeż tal-Istat Membru l-ġdid. Barra minn hekk, huwa ppreċiżat fil-premessa 8 tal-imsemmi regolament li huwa fl-interess kemm tal-Komunità u kif ukoll tal-Istati Membri l-ġodda li jipprojbixxu l-akkumulazzjoni ta’ ħażniet żejda u, f’kull każ, li jidentifikaw l-operaturi jew l-individwi implikati f’manuvri sinjifikattivi ta’ natura spekulattiva. Dan jikkonferma, kif il-Kummissjoni ġustament issostni, li l-għan tar-Regolament Nru 60/2004 ma huwiex biss il-prevenzjoni tal-ispekulazzjoni marbuta biss mal-kummerċ, iżda b’mod iktar ġenerali li jiżgura l-eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda ta’ zokkor ikkonstatati fl-Istati Membri l-ġodda.

166    Fl-aħħar nett, huwa żbaljat li jiġi sostnut li l-analiżi tas-suq taz-zokkor Estonjan matul il-perijodu wara l-adeżjoni jikkonferma n-nuqqas ta’ riskju ta’ tfixkil. Fil-fatt, il-fatt li wara l-adeżjoni l-prezz taz-zokkor fl-imsemmi suq għola minn EUR 0.35 il-kilo għal madwar EUR 1.10 il-kilo sabiex wara jibqa’ stabbli hija biss konsegwenza loġika tal-applikazzjoni tal-OKS taz-zokkor fl-Estonja. L-imsemmija OKS tiffissa prezz minimu għaz-zokkor li taħtu ebda operatur ma jkollu interess li jbigħ iz-zokkor prodott fl-ambitu tal-kwota li ġiet lilu attribwita u li taħtu ma jkunx jista’ jbigħ iz-zokkor prodott barra mill-imsemmija kwota, peress li huwa obbligu tal-operatur ikkonċernat li jesportah mingħajr rifużjoni mill-Komunità. F’dawn iċ-ċirkustanzi, huwa perfettament spjegabbli kif il-prezz taz-zokkor fl-Estonja għola wara l-adeżjoni sabiex konsegwentement jibqa’ stabbli mingħajr ma għandu jinftiehem minn dan nuqqas ta’ riskju ta’ tfixkil tas-suq.

167    Barra minn hekk, it-tfixkil tas-suq taz-zokkor li jista’ jiġi kkawżat minħabba l-eżistenza ta’ riżervi domestiċi mhux normali ma huwiex marbut mal-bejgħ taz-zokkor bi prezz inqas minn dak iggarantit mill-OKS taz-zokkor, iżda, kif ġie enfasizzat fil-punti 121 sa 129 iktar ’il fuq, mat-tnaqqis eventwali fil-konsum fl-Istati Membri li fihom tali riżervi ġew ikkostitwiti, li jwassal għal diskrepanza bejn il-kwoti mogħtija fl-ambitu tal-OKS taz-zokkor u l-konsum Komunitarju, bi ħsara għall-produtturi u, eventwalment, għall-baġit Komunitarju.

168    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-konklużjonijiet li r-Repubblika tal-Estonja tiġbed mill-impossibbiltà prattika li jiġu eliminati r-riżervi domestiċi skont il-modalitajiet previsti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 60/2004 jirriżultaw minn interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmi regolament.

169    Fil-fatt, it-teżi tar-Repubblika tal-Estonja hija bbażata, essenzjalment, fuq il-premessa li, skont l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 60/2004, l-istess kwantitajiet żejda li jeżistu fi Stat Membru ġdid, bħal dawk ikkonstatati mill-Kummissjoni, għandhom ikunu dawk li għandhom jiġu eliminati minn dan tal-aħħar, bi spejjeż tiegħu u skont il-modalitajiet previsti fl-imsemmi artikolu. Dan jippresupponi li z-zokkor ikkunsidrat bħala żejjed ikun identiku għaz-zokkor li għandu jiġi eliminat.

170    Issa, tali premessa hija żbaljata.

171    Fil-fatt, l-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 60/2004 jipprovdi li l-Istat Membru l-ġdid ikkonċernat għandu jiżgura l-eliminazzjoni mis-suq ta’ kwantità ta’ zokkor jew ta’ isoglukożju, mingħajr intervent Komunitarju, ugwali għall-kwantità żejda ddeterminat mill-Kummissjoni. B’hekk, l-imsemmi Stat Membru ma għandux jelimina z-zokkor ikkunsidrat bħala żejjed fl-1 ta’ Mejju 2004, iżda kwantità ta’ zokkor, anki mixtrija jew prodotta wara din id-data, ekwivalenti għall-kwantità li ġiet ikkunsidrata bħala żejda mill-Kummissjoni.

172    Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li l-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 60/2004, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ qabel l-emenda li rriżultat mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 651/2005, tiddermina sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Ottubru 2004, għal kull Stat Membru ġdid, il-kwantità ta’ zokkor innifsu jew ta’ zokkor fi prodotti pproċessati, isoglukożju u fruttożju, li taqbeż il-kwantità kkunsidrata bħala ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara fl-1 ta’ Mejju 2004 u li għandha tiġi eliminat mis-suq bi spejjeż tal-Istati Membri l-ġodda. Abbażi tal-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni, l-Istat Membru l-ġdid ikkonċernat għandu jiżgura l-eliminazzjoni mis-suq ta’ kwantita ta’ zokkor jew ta’ isoglukożju, mingħajr intervent Komunitarju, ugwali għall-kwantità żejda prevista fil-paragrafu 1, sa mhux iktar tard mit-30 ta’ April 2005. Mill-qari flimkien ta’ dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Kummissjoni għandha terminu ta’ sitt xhur mill-1 ta’ Mejju 2004 sabiex tiddetermina l-kwantità żejda eżistenti f’din id-data u li l-Istat Membru kkonċernat għandu sitt xhur oħra sabiex jelimina kwantità ekwivalenti għall-imsemmija kwantità żejda.

173    Għaldaqstant, huwa perfettament possibbli li l-kwantitajiet żejda eżistenti fit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat f’Mejju 2004 jkunu ġew mibjugħa qabel tmiem Ottubru 2004 u, a fortiori, qabel tmiem April 2005.

174    Huwa minnu li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 6(3) tar‑Regolament Nru 60/2004, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru l-ġdid għandu jkollhom fl-1 ta’ Mejju 2004, għall-applikazzjoni tal-paragrafu 2, sistema ta’ identifikazzjoni ta’ kwantitajiet żejda, innegozjati jew prodotti, ta’ zokkor innifsu jew zokkor fi prodotti pproċessati, isoglukożju jew fruttożju, fil-livell tal-operaturi prinċipali kkonċernati. Madankollu, dan ma jiggarantix li l‑merkanzija żejda fil-pussess tal-imsemmija operaturi ma taħrabx mill-kontroll ta’ dawn tal-aħħar u li ma tiġix esportata barra mit-territorju ta’ dawn tal-aħħar u anki mit-territorju tal-Istat Membru kkonċernat. Barra minn hekk, din id-dispożizzjoni tirrigwarda biss l‑operaturi prinċipali, u tħalli barra mis-sistema ta’ identifikazzjoni hekk maħluqa l‑kwantitajiet żejda ta’ zokkor fil-pussess tal-operaturi inqas kbar. Dawn il-kwantitajiet tal-aħħar għandhom neċessarjament, waħidhom, piż inqas fit‑totalità tal-kwantità żejda kkonstatata, iżda ladarba jingħaqdu flimkien, jistgħu jirrapreżentaw parti sinjifikattiva, jiġifieri sostanzjali, mill‑imsemmija kwantità żejda.

175    Barra minn hekk, skont it-tieni, it-tielet u r-raba’ subparagrafi tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament Nru 60/2004, l-Istat Membru l-ġdid għandu juża din is-sistema sabiex iġiegħel lill-operaturi kkonċernati jneħħu mis-suq bi spiża tagħhom stess kwantità ta’ zokkor jew isoglukożju ekwivalenti għall-kwantità żejda individwali tagħhom, filwaqt li l-operaturi kkonċernati għandhom iġibu l-prova ta’ dan. Fil-każ li tali prova ma tinġiebx, dawn tal-aħħar jintalbu jħallsu mill-Istat Membru l-ġdid ċertu ammont li għandu jiddaħħal fil-baġit nazzjonali, ikkalkolat fid-dawl tal-kwantità li kellha tiġi eliminata. Madankollu dan l-obbligu jirrigwarda biss lill-operaturi prinċipali.

176    Fl-aħħar nett, l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 60/2004, li abbażi tiegħu l-Istati Membri għandhom jipprovdu prova lill-Kummissjoni, li l-kwantità żejda msemmija fl-Artikolu 6(1) kienet eliminata mis-suq inkonformità mal-Artikolu 6(2) u jispeċifikaw il-metodu użat fit-twettiq ta’ dan, ma jirreferix għall-kwantitajiet eliminati mill-operaturi prinċipali abbażi tal-paragrafu 3, iżda għal kwantità li tkopri neċessarjament lil dawn tal-aħħar li tista’ madankollu tkun ogħla, jiġifieri l-kwantità ekwivalenti għall-kwantità żejda kkonstatata għall-Istat Membru inkwistjoni.

177    Minn dan isegwi li l-obbligu ta’ eliminazzjoni impost fuq l-Istati Membri l-ġodda li fir-rigward tagħhom il-Kummissjoni kkonstatat l-eżistenza ta’ kwantitajiet żejda ma jirreferix għaz-zokkor żejjed akkumulat fl-1 ta’ Mejju 2004, iżda, sempliċement, għal kwantità ekwivalenti għal din tal-aħħar.

178    Għaldaqstant, anki jekk parti mill-kwantità żejda kkonstatata għar-Repubblika tal‑Estonja jew għal Stat Membru ġdid ieħor ġiet maħżuna taħt il-forma ta’ riżervi domestiċi mhux normali u, bħalma tqis ir-Repubblika tal-Estonja, jekk l-eliminazzjoni tar-riżervi mhijiex possibbli skont il-modalitajiet ta’ eliminazzjoni previsti fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament Nru 60/2004, l-Istat Membru kkonċernat ikun jista’ jissodisfa l-obbligu ta’ eliminazzjoni tiegħu billi jakkwista kwantità ta’ zokkor ekwivalenti għal dik tar-riżervi domestiċi sabiex jeliminaha skont l-imsemmija modalitajiet u, imbagħad, jipprovdi prova ta’ dan lill‑Kummissjoni. Din il-kwantità tkun tista’ tiġi akkwistata, jekk ikun il-każ, bil-prezz tas-suq Komunitarju, mingħand operaturi kummerċjali li jinsabu fl-Istat Membru inkwistjoni jew mingħand operaturi kummerċjali oħra. B’dan il-mod, l-Istat Membru kkonċernat joħloq żieda fit-talba Komunitarja ugwali għat-tnaqqis artifiċjali maħluq mir-riżervi domestiċi u jikkumpensa għall-effett negattiv tal-eżistenza tagħhom fuq l-istabbiltà tal-OKS taz-zokkor.

179    Jekk l-Istat Membru inkwistjoni ma jasalx biex jissodisfa l-obbligu ta’ eliminazzjoni tal-kwantità żejda kkonstatata mill-Kummissjoni, dan ikun marbut, skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 60/2004, li jħallas lill-baġit Komunitarju ammont speċifikat ikkalkolat fid-dawl tal-kwantità mhux eliminata.

180    Din id-dispożizzjoni, bħalma ssostni l-Kummissjoni, timplementa sistema intiża sabiex tiżgura li l-ispejjeż neċessarji sabiex jiġi indirizzat it-tfixkil eventwali fis-suq taz-zokkor li jirriżulta mill-eżistenza ta’ kwantitajiet żejda mhux eliminati ma jiġux sostnuti mill-baġit jew mill-produtturi Komunitarji, iżda mill-Istati Membri kkonċernati, bl-osservanza tal-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, li abbażi tiegħu l-eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda għandha sseħħ bi spejjeż tal-imsemmija Stati, fejn il-konsegwenza loġika ta’ din id-dispożizzjoni tal-aħħar hija li l-ispejjeż marbuta man-nuqqas ta’ eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda inkwistjoni għandhom, huma wkoll, jiġu sostnuti mill-Istati Membri li kellhom jeliminawhom.

181    Fl-aħħar nett, għandu jiġi miċħud l-argument tar-Repubblika tal-Estonja li skontu r-riżervi domestiċi kienu diġà ġew eliminati mis-suq inkwantu dawn inbiegħu lill-konsumaturi. Fil-fatt il-modalitajiet ta’ eliminazzjoni awtorizzati mir-Regolament Nru 60/2004 huma biss dawk previsti fl-Artikolu 6(2) tiegħu, kif ir-Repubblika tal-Estonja stess tenfasizza, u s-sempliċi bejgħ fi ħdan l-Istat Membru kkonċernat ma jidhirx fost dawn il-modalitajiet.

3.     Fuq il-kunċett ta’ “ħażna” miżmuma f’adeżjonijiet preċedenti

a)     Osservazzjonijiet preliminari

182    L-Artikoli 86 u 254 tal-Att li jikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-adeżjoni tar-Renju ta’ Spanja u tar-Repubblika Portugiża u l-aġġustamenti għat‑Trattati (ĠU 1985, L 302, p. 23, iktar ’il quddiem l-“Att ta’ Adeżjoni tal-1985”) jipprovdu, f’dak li jirrigwarda l-adeżjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati (iktar ’il quddiem l-“Istati Membri l-ġodda tal-1986”) mal-Komunità Ewropea (iktar ’il quddiem l-“l-adeżjoni tal-1986”), li kull ħażna ta’ prodotti li tinsab f’ċirkolazzjoni libera fit-territorji Spanjoli u Portugiżi fl-1 ta’ Marzu 1986 u li teċċedi l-kwantità li tista’ tkun meqjusa bħala ħażna li normalment tgħaddi għas-sena ta’ wara għandha tiġi eliminata bi spejjeż tal-Istati Membri kkonċernati. L-Artikolu 142(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1994 u l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3577/90 tal-4 ta’ Diċembru 1990 dwar il-miżuri transitorji u l-aġġustamenti meħtieġa fis-settur agrikolu bħala riżultat tal-unifikazzjoni tal-Ġermanja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 11, p. 77), għandhom kontenut ekwivalenti, mutatis mutandis, f’dak li jirrigwarda l-ħażniet li kienu jinsabu fit-territorju tal-Istati Membri l-ġodda tal-1995 fiż-żmien tal-adeżjoni ta’ dawn tal-aħħar mal-Unjoni Ewropea fl-1995 u fit-territorju tal-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża fiż-żmien tar-riunifikazzjoni tal-Ġermanja, rispettivament. Dawn l-erba’ dispożizzjonijiet u l-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni huma simili.

183    Id-dispożizzjonijiet li stabbilixxew il-kontenut konkret tal-obbligu ta’ eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda fil-kuntest, minn naħa, tal-adeżjonijiet tal-1986 u tal-1995 kif ukoll fiż-żmien tar-riunifikazzjoni Ġermaniża u, min-naħa l-oħra, tal-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda fl-2004 jippreżentaw madankollu xi differenzi sostanzjali.

184    Fil-fatt l-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3770/85 tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-ħażniet ta’ prodotti agrikoli li jinsabu fl-Ispanja (ĠU L 362, p. 18), jipprovdi li hija kkunsidrata bħala ħażna ta’ prodotti kull kwantità proprjetà tar-Renju ta’ Spanja jew ta’ kull persuna fiżika jew ġuridika jew miżmuma minnhom, bl-eċċezzjoni tal-kwantitajiet minimi. L-Artikolu 3(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3771/85, tal-20 ta’ Diċembru 1985, dwar il-ħażniet tal-prodotti agrikoli li jinsabu fil-Portugall (ĠU L 362, p. 21) huwa identiku, mutatis mutandis, għall-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 3770/85 f’dak li jirrigwarda r-Repubblika Portugiża. B’hekk, dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jintroduċu regola de minimis fil-kunċett ta’ “ħażna” miżmuma fiż-żmien tal-adeżjoni tal-1986, ibbażata fuq l-estent tal-kwantità rriżervata u mhux fuq il-kwalità tad-detentur tagħha.

185    Ebda dispożizzjoni fost ir-regoli relattivi għall-adeżjoni tal-1995 jew fost dawk relattivi għar-riunifikazzjoni Ġermaniża ma tistabilixxi, f’dak li jirrigwarda z-zokkor, regola de minimis identika. Madankollu, tali regola tirriżulta mill-Artikoli 6 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3300/94 tal-21 ta’ Diċembru 1994, li jistabbilixxi miżuri tranżitorji fis-settur taz-zokkor wara l-adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Isvezja (ĠU L 341, p. 39), u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2761/90, tas-27 ta’ Settembru 1990, dwar il-ħażniet tal-prodotti agrikoli li jinsabu fit-territorju tal-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża (ĠU L 267, p. 1), kif ser ikun analizzat iktar ’il quddiem.

186    Min-naħa l-oħra, ir-Regolament Nru 60/2004 ma jinkludix regola de minimis li tippermetti espressament li jiġu esklużi l-kwantitajiet minimi.

187    It-tieni differenza sostanzjali bejn is-sistemi ta’ eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda taz-zokkor implementati, minn naħa, mal-adeżjonijiet tal-1986 u tal-1995 u mar-riunifikazzjoni Ġermaniża u, min-naħa l-oħra mal-adeżjoni tal-2004 hija l-metodu ta’ determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda.

188    F’dak li jirrigwarda l-adeżjoni tal-1986, abbażi tal-Artikolu 5(1) tar-Regolamenti Nru 3770/85 u Nru 3771/85, mingħajr ħsara għal dispożizzjonijiet partikolari li jirrigwardaw ċerti prodotti, hija kkunsidrata bħala ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara l-ħażna ta’ funzjonament neċessarja għall-bżonnijiet tas-suq rilevanti matul perijodu li għandu jiġi stabbilit, fejn dawn il-bżonnijiet jiġu evalwati b’mod partikolari skont il-konsum, it-trasformazzjoni u l-esportazzjonijiet tradizzjonali, filwaqt li jitqiesu l-kriterji u l-għanijiet xierqa għal kull organizzazzjoni komuni tas-suq.

189    Skont l-Artikolu 8(1) u (2)(a) tar-Regolamenti Nru 3770/85 u Nru 3771/85, il-modalitajiet ta’ applikazzjoni tal-imsemmija regolamenti jinkludu b’mod partikolari, l-iffissar tal-ħażniet previsti fl-Artikoli 86 u 254 tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1985 għall-prodotti li l-kwantitajiet tagħhom jaqbżu l-ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara. Huwa minħabba dan li l-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 579/86, tat-28 ta’ Frar 1986, li jistabbilixxi l-modalitajiet relattivi għall-ħażniet ta’ prodotti ta z-zokkor li jinsabu fl-1 ta’ Marzu 1986 fi Spanja u fil-Portugall (ĠU L 57, p. 21), li japplika, fis-settur taz-zokkor, ir-Regolamenti Nru 3770/85 u Nru 3771/85, ma jistabbilixxix l-kwantitajiet żejda attribwiti mill-Kummissjoni lir-Renju ta’ Spanja u lir-Repubblika Portugiża, iżda l-ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara għal dawn l-Istati fid-data tal-adeżjoni tagħhom mal-Komunità. Huma mbagħad dawn tal-aħħar li, abbażi tad-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 579/86, għandhom jipproċedu għall-kalkolu tal-kwantitajiet żejda tagħhom. Sabiex jagħmlu dan, huma għandhom jipproċedu b’eżerċizzju ta’ stħarriġ tal-ħażniet li jinsabu fiċ-ċirkolazzjoni libera fit-territorju tagħhom fid-data tal-adeżjoni tal-1986 fuq il-bażi tad-dikjarazzjonijiet tad-detenturi tal-kwantitajiet ta’ zokkor jew ta’ isoglukożju ta’ mill-inqas 3 tunnellati, fejn dawn tal-aħħar għandhom isiru qabel it-13 ta’ Marzu 1986 quddiem l-awtoritajiet kompetenti. Imbagħad, l-Istati inkwistjoni għandhom jiżguraw l-esportazzjoni barra mill-Komunità, qabel l-1 ta’ Jannar 1987, ta’ kwantità ugwali għad-differenza bejn il-kwantità mistħarrġa u l-ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara stabbilita mill-Kummissjoni.

190    Għaldaqstant, inkwantu l-eżerċizzju ta’ stħarriġ isir biss għall-kwantitajiet ta’ iktar minn 3 tunnellati, l-obbligu ta’ eliminazzjoni jikkonċerna fil-prattika kwantità ekwivalenti għad-differenza bejn it-totalità ta’ riżervi individwali ta’ iktar minn 3 tunnellati li jeżistu fl-Istat Membru kkonċernat u l-ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara ddeterminata mill-Kummissjoni, kif tipprovdi wkoll ir-regola de minimis stabbilita fl-Artikolu 3(2) tar-Regolamenti Nru 3770/85 u Nru 3771/85.

191    Essenzjalment, is-sistema stabbilita mid-dispożizzjonijiet rilevanti fir-rigward tal-adeżjoni tal-1995 hija identika għal dik tar-Regolament Nru 579/86. B’hekk, f’dak li jirrigwarda l-adeżjoni tal-1995, l-Artikoli 5, 6 u 7 tar-Regolament Nru 3300/94 huma ekwivalenti, mutatis mutandis, għall-Artikoli 2, 3 u 4 tar-Regolament Nru 579/86, rispettivament. L-Artikoli 6 u 7 tar-Regolament Nru 3300/94 jimplementaw regola de minimis ekwivalenti għal dik implementata mill-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Nru 579/86.

192    Is-sistema implementata mid-dispożizzjonijiet rilevanti li tirrigwarda r-riunifikazzjoni Ġermaniża tippreżenta wkoll numru ta’ aspetti simili għal dik tar-Regolament Nru 579/86. Madankollu, hemm żewġ differenzi fundamentali.

193    B’hekk, l-ewwel nett, abbażi tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2761/90, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tipproċedi b’eżerċizzju ta’ stħarriġ u bl-istabbiliment ta’ inventarju għad-determinazzjoni tal-ħażniet privati ta’ ċerti prodotti, inkluż iz-zokkor, li jinsabu fit-territorju tal-ex Repubblika Demokratika Ġermaniża fil-ġurnata tal-unifikazzjoni, bl-eċċezzjoni tal-kwantitajiet minimi. Iżda t-tieni paragrafu ta’ din id-dispożizzjoni jipprovdi li, għall-applikazzjoni tal-paragrafu preċedenti, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tista’ tuża wkoll metodi ta’ statistika. Issa, din il-possibbiltà ma ġietx offruta la lill-Istati Membri l-ġodda tal-1986 u lanqas lil dawk tal-1995 fl-adeżjonijiet preċedenti.

194    It-tieni nett, ir-Regolament Nru 2761/90 ma jistabbilixxix l-obbligu għar-Repubblika Federali tal-Ġermanja biex telimina l-kwantitajiet mistħarrġa jew ikkalkolati b’mod statistiku u li jaqbżu l-ħażna li normalment tgħaddi għas-sena ta’ wara, li huwa obbligu previst fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 3577/90.

195    F’kull każ, is-sistemi kollha deskritti jippreżentaw differenza fundamentali mis-sistema maħluqa mir-Regolament Nru 60/2004. Fil-fatt, f’din tal-aħħar, ma huwiex previst li hija l-Kummissjoni li għandha tiffissa l-ħażniet normali li jgħaddu għas-sena ta’ wara ta’ kull Stat Membru ġdid biex imbagħad timponilu li jipproċedi b’eżerċizzju ta’ stħarriġ tal-kwantitajiet ikbar minn 3 tunnellati li jeżistu fit-territorju tiegħu u biex jikkalkola, billi jagħmel paragun bejn iċ-ċifra hekk miksuba u ċ-ċifra ekwivalenti għall-ħażniet normali li jgħaddu għas-sena ta’ wara ddeterminata mill-Kummissjoni, l-kwantità żejda proprja tiegħu (sistema li taqa’ taħt l-adeżjonijiet tal-1986 u l-1995). Lanqas mhuwa l-kompitu tal-Istat Membru l-ġdid ikkonċernat li jwettaq eżerċizzju ta’ stħarriġ tal-ħażniet tiegħu kkostitwiti minn ammonti mhux minimi (sistema tar-riunifikazzjoni Ġermaniża). B’mod kompletament kuntrarju, abbażi tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 60/2004, il-Kummissjoni tiddetermina direttament u b’mod unilaterali l-kwantità żejda ta’ kull Stat Membru ġdid.

196    Barra minn hekk, minn din id-dispożizzjoni stess jirriżulta li l-Kummissjoni ma twettaqx kalkolu tal-kwantitajiet żejda fuq il-bażi ta’ eżerċizzju ta’ stħarriġ eventwali tad-detenturi prinċipali ta’ ħażniet f’kull Stat Membru, iżda billi tieħu inkunsiderazzjoni partikolarment l-iżvilupp osservat matul is-sena preċedenti għall-adeżjoni b’paragun mas-snin preċedenti fir-rigward tal-kwantitajiet importati u esportati ta’ zokkor mhux maħdum jew ta’ zokkor fi prodotti ttrasformati, bħalma huma l-isoglukożju u l-fruttożju, tal-produzzjoni, il-konsum u l-ħażniet ta’ zokkor u ta’ isoglukożju u, fl-aħħar nett, taċ-ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti.

197    Dan jimplika li l-Kummissjoni tikkalkola l-kwantità żejda ta’ kull Stat Membru ġdid billi tuża l-istatistiċi makroekonomiċi disponibbli u mhux billi tosserva direttament is-sitwazzjoni reali tal-ħażniet fuq livell mikroekonomiku. Huwa minħabba dan li, fil-premessa 9 tar-Regolament Nru 60/2004, jinsab indikat li, għad-determinazzjoni tal-ħażniet u l-eliminazzjoni tal-ħażniet żejda identifikati bħala tali, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni l-istatistiċi l-iktar riċenti fir-rigward tal-kummerċ, tal-produzzjoni u tal-konsum tal-prodotti kkunsidrati, iżda mhux eżerċizzju ta’ stħarriġ li fuq il-bażi tiegħu għandu jsir il-kalkolu.

198    Madankollu, ċerta flessibbiltà hija introdotta f’din is-sistema, inkwantu r-riżultati tal-analiżi makroekonomiċi jistgħu jiġu aġġustati skont iċ‑ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004.

199    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet kollha li l-argumenti tal-partijiet għandhom jiġu ppreżentati u sussegwentement eżaminati.

b)     L-argumenti tal-partijiet

200    Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li l-esklużjoni tar-riżervi domestiċi mill-kunċett ta’ “ħażna” hija konformi fil-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, b’mod partikolari, inkwantu din id-dispożizzjoni hija kważi identika għal dawk adottati fl-adeżjonijiet tal-1986 u tal-1995, li abbażi tagħhom l-Istati Membri l-ġodda tal-1986 u tal-1995 ġew suġġetti għal obbligi ta’ eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda tagħhom ekwivalenti għall-obbligu impost fuq l-Istati Membri l-ġodda, fejn id-dispożizzjonijiet tal-aħħar manifestament jeskludu r-riżervi domestiċi mill-kunċett ta’ “ħażniet li għandhom jiġu eliminati”, u huma biss il-ħażniet ta’ iktar minn 3 tunnellati li ttieħdu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda tal-Istati Membri l-ġodda tal-1986 u tal-1995.

201    Dan juri li l-kunċett ta’ “ħażniet privati” li jidher fil-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni ma jipprevedix lill-familji, iżda lill-operaturi kummerċjali, peress li r-riżervi domestiċi fl-Estonja huma ta’ medja ta’ 72 kilo għal kull familja.

202    B’mod partikolari, l-adeżjoni tal-1995 u dik tal-2004 ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala differenti f’dak li jirrigwarda r-riżervi domestiċi, minħabba l-fatt li, fil-każ ta’ din tal-aħħar, ir-riskji huma ikbar minħabba d-daqs tas-swieq tal-Istati Membri l-ġodda. Fil-fatt, dan ikun minnu biss fil-każ li r-riżervi domestiċi tal-Istati Membri l-ġodda jirrapreżentaw riskju serju għall-funzjonament tas-suq. Issa, it-43 000 tunnellata ta’ riżervi domestiċi fl-Estonja ma humiex sinjifikattivi meta mqabbla mat-13 420 682 tunnellata tal-kwoti A u B fl-Unjoni Ewropea.

203    Fl-aħħar nett, kieku l-Kummissjoni kellha intenzjoni taġixxi b’mod differenti, hija kien ikollha tindika dan b’mod espress, b’mod partikolari peress li hija wriet ir-rieda tagħha li tittratta l-kwistjoni tal-ħażniet agrikoli billi tieħu inkunsiderazzjoni l-esperjenza miksuba fl-adeżjonijiet preċedenti, kif juri d-dokumenti tal-Kummissjoni tat-30 ta’ Jannar 2002 dwar il-ħażniet (iktar ’il quddiem is-“SIP”) u dan huwa kkonfermat b’ittra tal-20 ta’ Awwissu 2003 indirizzata lill-ambaxxatur tar-Repubblika tal-Estonja.

204    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

c)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

205    It-teżi tar-Repubblika tal-Estonja tikkonsisti, essenzjalment, fil-fatt li ssostni li, inkwantu d-dispożizzjonijiet li ġew adottati fl-adeżjonijiet tal-1985 u tal-1995 kif ukoll fiż-żmien tar-rijunifikazzjoni Ġermaniża implementaw sistema ta’ eliminazzjoni ta’ kwantitajiet żejda li minnha l-kwantitajiet minimi ġew fil-prattika esklużi, il-kunċett ta’ “ħażna” previst mill-imsemmija obbligi, sostanzjalment identiku għal dak previst fil-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni, ma jistax jinkludi l-kwantitajiet minimi, bħal dawk ikkostitwiti mir-riżervi domestiċi.

206    Din it-teżi ma tistax tiġi aċċettata.

207    Fil-fatt, il-protokolli u l-annessi ta’ att ta’ adeżjoni jikkostitwixxu dispożizzjonijiet ta’ dritt primarju li, sakemm l-att ta’ adeżjoni ma jiddisponix mod ieħor, ma jistgħux jiġu sospiżi, emendati jew imħassra ħlief skont il-proċeduri previsti għar-reviżjoni tat-trattati oriġinali (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-11 ta’ Settembru 2003, L-Awstrija vs Il-Kunsill, C‑445/00, Ġabra p. I‑8549, punt 62).

208    Issa, bħala prinċipju, il-portata ta’ dispożizzjoni ta’ dritt primarju ma tistax tiġi interpretata fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet ta’ dritt derivat li l-istituzzjonijiet ikunu eventwalment adottaw sabiex japplikawh. Huwa, b’mod kuntrarju, id-dritt derivat li għandu jiġi interpretat, jekk tali interpretazzjoni hija neċessarja u sa fejn huwa possibbli, fis-sens li jkun konformi mad-dispożizzjonijiet tad-dritt oriġinali (ara, f’dan is‑sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Novembru 1986, Klensch et, 201/85 u 202/85, Ġabra p. 3477, punt 21).

209    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li la d-dispożizzjonijiet, previsti fil-punt 182 iktar ’il fuq, li jipprovdu obbligu ta’ eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda fl-ambitu tal-adeżjonijiet tal-1986 u tal-1995 u tar-riunifikazzjoni Ġermaniża u lanqas il-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni ma jillimitaw il-kunċett ta’ “ħażna” għall-kwantitajiet ta’ ċertu daqs.

210    Barra minn hekk, meta dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju tista’ tkun suġġetta għal diversi interpretazzjonijiet, għandha tiġi ppreferita dik li hija ta’ natura li tissalvagwardja l-effett utli tagħha (sentenza tal‑Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Frar 2000, Il-Kummissjoni vs Franza, C‑434/97, Ġabra p. I‑1129, punt 21). Għaldaqstant, jekk kien hemm dubju rigward id-daqs minimu tal-kwantitajiet previsti mill-kunċett ta’ “ħażna” li jidher fl-imsemmija obbligi, dan kellu jitneħħa bl-għażla tal-interpretazzjoni li tista’ tiżgura l-effett utli ta’ dawn tal-aħħar.

211    Issa, kif ġie spjegat fil-punt 119 iktar ’il fuq, l-għan tal-obbligi inkwistjoni huwa b’mod partikolari, f’dak li jirrigwarda z-zokkor, li jiġi evitat kull tfixkil tal-funzjonament tajjeb tal-mekkaniżmi previsti mill-OKS taz-zokkor u, b’mod partikolari, dawk ikkawżati minn elementi li għandhom impatt fuq l-iffissar tal-prezzijiet u kkawżati mill-akkumulazzjoni ta’ kwantitajiet ta’ zokkor mhux normali fl-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni. Għaldaqstant, l-imsemmija obbligi jiġu miċħuda mill-effett utli tagħhom jekk il-kwantitajiet minimi jiġu esklużi kompletament mill-kunċett ta’ “ħażna”, inkwantu jista’ jkun hemm tfixkil fis-suq fil-każ li l-kwantitajiet minimi maħżuna jkunu tant numerużi li, meħuda flimkien, jikkostitwixxu parti sostanzjali tas-suq inkwistjoni.

212    Dan ma jipprekludix li l-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ miżuri li hija tadotta sabiex timplementa sistema ta’ eliminazzjoni intiża sabiex tiżgura l-effett utli tal-obbligi msemmija fil-punti 182 u 209 iktar ’il fuq, tiddeċiedi, għal raġunijiet ta’ simplifikazzjoni amministrattiva jew ta’ proporzjonalità, li tillimita l-obbligi li jirriżultaw mill-imsemmija sistema għall-kwantitajiet maħżuna ta’ kobor partikolari, jekk hija tikkunsidra li, billi tagħmel dan, hija ma tikkompromettix l-għan mandatorju li tevita kull tfixkil tas-suq. Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward tista’ biss tiddependi fuq ir-riskji li, fl-opinjoni tagħha, kull adeżjoni ġġib għall-istabbiltà tas-suq.

213    Huwa biss f’dan id-dawl li għandha tiġi kkunsidrata l-eżistenza ta’ differenzi sostanzjali bejn id-dispożizzjonijiet li ddefinixxew il-kontenut konkret tal-obbligu ta’ eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda fil-kuntest, minn naħa, tal-adeżjonijiet tal-1986 u tal-1995 kif ukoll taż-żmien ta’ riunifikazzjoni Ġermaniża u, min-naħa l-oħra, tal-adeżjoni tal-2004.

214    Fir-rigward tal-argument tar-Repubblika tal-Estonja bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni kellha tispjega minħabba liema raġuni hija ddeċidiet taġixxi b’mod differenti fir-rigward tal-adeżjonijiet preċedenti, dan huwa, fir‑realtà, ilment ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u ser ikun, għaldaqstant, eżaminat fil-kuntest tat-tielet motiv.

215    Għaldaqstant, it-tielet subdiviżjoni tal-ewwel parti għandha tiġi miċħuda.

4.     Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 KE

a)     L-argumenti tal-partijiet

216    Ir-Repubblika tal-Estonja tirrileva li l-Artikolu 32(1) KE teskludi l-familji mill-politika agrikola komuni. Għaldaqstant, ir-riżervi domestiċi ma jistgħux jiġu rregolati mir-regoli dwar l-imsemmija politika, inkluż ir-Regolament Nru 60/2004. Barra minn hekk, il-familji ma jistgħux jabbużaw mill-mekkaniżmi tal-OKS taz-zokkor, billi jbigħu mill-ġdid l-imsemmija riżervi bi prezz ogħla, jew billi jesportawhom b’rifużjoni tal-Komunita. Ir-raġuni għax-xiri ta’ 1 000 000 tunnellata ta’ zokkor mill-aġenziji tal-intervent wara l-adeżjoni mhijiex l-eżistenza ta’ 43 000 tunnellata ta’ riżervi domestiċi fl-Estonja, iżda livell ta’ rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni iktar baxx milli previst u, fuq kollox, żieda fil-produzzjoni ta’ zokkor għal kull ettaru, li rriżultat fis-sena tas-suq 2004/2005 f’9.10 tunnellata għal kull ettaru minflok 8.17 tunnellata għal kull ettaru kif previst, kif tikkonferma wkoll id-diklassifikazzjoni mill-Kummissjoni ta’ madwar 1 900 000 tunnellata għas-sena tas-suq 2005/2006.

217    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

218    Huwa minnu li, kif tirrileva r-Repubblika tal-Estonja, l-Artikolu 32(1) KE jipprovdi li “[i]s-suq komuni jikkomprendi l-agrikoltura u l-kummerċ fi prodotti agrikoli”, iżda xorta jibqa’ l-fatt li l-paragrafu 4 tal-istess artikolu jipprovdi li “[i]l-funzjonament u l-iżvilupp tas-suq komuni għall-prodotti agrikoli għandhom jiġu akkompanjati mill-istabbiliment ta’ politika agrikola komuni”.

219    F’dan ir-rigward għandu jitfakkar li l-firxa tal-kompetenza Komunitarja fis-settur agrikolu għandha tiġi interpretata fid-dawl tal-Artikolu 33 KE, li jelenka l-għanijiet tal-politika agrikola komuni, u tal-Artikolu 34 KE, li jipprovdi, b’mod partikolari, li sabiex jintlaħqu l-għanijiet previsti fl-Artikolu 33 KE, hija stabbilita organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli u li din l-organizzazzjoni tista’ tieħu l-miżuri kollha neċessarji sabiex jintlaħqu l-imsemmija għanijiet (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Frar 1979, Stölting, 138/78, Ġabra p. 713, u tat-23 ta’ Frar 1988, Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill, 68/86, Ġabra p. 855, punt 9).

220    L-għanijiet tal-politika agrikola stabbiliti fl-Artikolu 33 KE huma intiżi b’mod partikolari sabiex jiżguraw livell ta’ għajxien ġust għall-popolazzjoni agrikola, b’mod partikolari billi jkabbar il-qligħ individwali tal-ħaddiema fl-agrikoltura, u li jistabbilizza s-swieq.

221    Minn dan jirriżulta li l-għanijiet tal-politika agrikola għandhom jiġu mifhuma b’mod li jippermetti lill-istituzzjonijiet Komunitarji jwettqu r-responsabbiltajiet tagħhom billi jieħdu inkunsiderazzjoni l-mekkaniżmi neċessarji sabiex jipprevjenu t-tfixkil tas-suq u sabiex jiżguraw dħul individwali kkunsidrat xieraq għal dawk li jaħdmu f’dan is-settur.

222    Skont l-Artikolu 34(2) KE, l-organizzazzjoni komuni taħt waħda mill-forom previsti fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu tista’ tinkludi l-miżuri kollha meħtieġa biex jintlaħqu l-għanijiet speċifikati fl‑Artikolu 33 KE, b’mod partikolari, kontrolli tal-prezzijiet, sussidji kemm għall‑produzzjoni u kif ukoll għall-marketing ta’ diversi prodotti, arranġamenti dwar twarrib ta’ prodotti u dwar riporti, u mekkaniżmi komuni biex jistabblizzaw l‑importazzjoni u l-esportazzjoni.

223    Kif jirriżulta wkoll minn dak li ġie konkluż qabel, il-kontroll tal‑kwantitajiet mhux normali taz-zokkor miżmuma bħala riżerva fl-Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea fosthom ir-riżervi domestiċi, hija kundizzjoni mandatorja sabiex jiġi evitat it-tfixkil eventwali tal-OKS taz-zokkor, wara, b’mod partikolari, it-tnaqqis artifiċjali prevedibbli tad-domanda kkawżata mis‑sostituzzjoni tal-imsemmija riżervi għall-kwantitajiet li kienu nxtraw fuq is-suq, u dan bi ħsara għad-dħul tal-produtturi Komunitarji u tal-baġit Komunitarju.

224    Minn dan isegwi li t-teħid inkunsiderazzjoni tar-riżervi domestiċi għall-kalkolu tat-totalità tal-kwantitajiet żejda eżistenti fl-Istati Membri l-ġodda, neċessarju sabiex jiġu evitati l-problemi msemmija iktar ’il fuq, jaqa’ taħt il-miżuri li għandhom jiġu adottati fil-kuntest tal-politika agrikola komuni. It-teżi tar-Repubblika tal-Estonja għandha għaldaqstant tiġi mwarrba.

5.     Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “detenturi ta’ ħażniet żejda” segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja

a)     L-argumenti tal-partijiet

225    Skont ir-Repubblika tal-Estonja, il-Qorti tal-Ġustizzja rrestrinġiet il‑kunċett ta’ “detenturi ta’ ħażniet żejda” għall-operaturi kummerċjali biss (sentenza Weidacher, punt 118 iktar ’il fuq, punt 42). Din l‑interpretazzjoni saret f’kuntest normattiv identiku għal dak ta’ din il‑kawża. B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja tirreferi għall-Artikolu 4(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 3108/94, tad-19 ta’ Diċembru 1994, dwar il-miżuri tranżitorji li għandhom jittieħdu minħabba l-adeżjoni tal-Awstrija, tal-Finlandja u tal-Isvezja, dwar il-kummerċ ta’ prodotti agrikoli (ĠU L 328, p. 42), fejn il‑kontenut, f’dak li jirrigwarda l-kunċett ta’ “ħażna żejda”, huwa identiku, essenzjalment, għal dak tar-Regolament Nru 60/2004.

226    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

227    Huwa minnu li, kif tirrileva r-Repubblika tal-Estonja, il-Qorti tal‑Ġustizzja żammet, fis-sentenza Weidacher, punt 118 iktar ’il fuq, definizzjoni tal-kunċett ta’ “detentur ta’ ħażniet żejda” fis-sens tar‑Regolament Nru 3108/94 li tinkludi biss l-operaturi kummerċjali. Hija kkonkludiet li l-imsemmi kunċett, fis-sens tal-Artikolu 4 tal‑imsemmi regolament, jinkludi kull persuna li għandha s-setgħa tqiegħed il-prodott maħżun fis-suq u li tieħu profitt minnu (punt 45 tas-sentenza).

228    Madankollu, l-interpretazzjoni tal-imsemmija sentenza mir-Repubblika tal-Estonja hija żbaljata, anki jekk l-Artikolu 145(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1994, li jipprovdi li l-Istati Membri l-ġodda tal-1995 għandhom jeliminaw l-kwantitajiet żejda bi spejjeż tagħhom, u l-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni huma simili ħafna u r-Regolament Nru 60/2004 huwa intiż sabiex jimplementa dan tal-aħħar.

229    L-ewwel nett, f’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fis-sentenza Weidacher, punt 118 iktar ’il fuq, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddefinixxietx il‑kunċett ta’ “detentur ta’ ħażniet żejda” previst fl-Artikolu 145(2) tal‑Att ta’ Adeżjoni tal-1994, u lanqas dak previst fid-dispożizzjoni ta’ implementazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Fil-fatt, l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3108/94 ma jimponi ebda obbligu ta’ eliminazzjoni ta’ kwantità kwalunkwe ta’ prodotti agrikoli, iżda biss, taxxa fuq il-ħażniet żejda kkonstatati. Huwa minħabba dan li l-Qorti tal-Ġustizzja llimitat ruħha sabiex tindika li l-imsemmija dispożizzjoni tippermetti li jitnaqqas il-piż tal-obbligu tal-Istati Membri l-ġodda tal-1995, previst fl-Artikolu 145(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1994, li jeliminaw tali ħażniet bi spejjeż tagħhom, mingħajr ma stabbilixxiet li din setgħet tikkostitwixxi regola ta’ eżekuzzjoni.

230    Issa, f’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi rrilevat li l-fatt li d-detenturi ta’ ħażniet żejda ma jiġux intaxxati għall-pussess ta’ dawn tal-aħħar ħlief jekk ikunu operaturi kummerċjali ma jimplikax neċessarjament li l‑kunċett ta’ “ħażniet żejda li għandhom jiġu eliminati” jista’ jinkludu biss il-ħażniet fil-pussess tal-operaturi kummerċjali.

231    Barra minn hekk, hemm differenza fundamentali bejn l-impożizzjoni ta’ taxxa fuq il-pussess tal-ħażniet żejda, li tista’ fil-prattika tipprevedi biss lill-persuni li għandhom kwantità minima, u l-kunsiderazzjoni tal-kwantitajiet żejda eżistenti fi Stat Membru, li tista’ tinkludu l‑kwantitajiet minimi, jekk din isseħħ, bħal fil-kawża preżenti, fuq il-bażi tal‑osservazzjoni ta’ ċerti elementi varjabbli makroekonomiċi.

232    Konsegwentement, il-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li d-detenturi ta’ ħażniet suġġetti għal taxxa skont ir-Regolament Nru 3108/94 kienu operaturi kummerċjali ma jimplikax neċessarjament li l-kwantitajiet li ma humiex fil-pussess tal-imsemmija operaturi ma jistgħux jiġu inklużi bħala żejda fil-kuntest tal-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

233    It-tieni nett, għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza Weidacher, punt 118 iktar ’il fuq, ma kellhiex l-intenzjoni li tirrispondi għall‑kwistjoni ta’ jekk il-kunċett ta’ “detenturi ta’ ħażniet żejda” previst fl-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3108/94 kienx jinkludi biss l-operaturi li għandhom kwantitajiet mhux normali ta’ prodott jew jekk dan kienx jinkludi wkoll il-familji li kkostitwixxew riżervi mhux normali. Il-Qorti tal‑Ġustizzja kellha l-intenzjoni biss tiddetermina jekk, kif sostna l‑Gvern Awstrijak fil-kawża li wasslet għall-imsemmija sentenza, hijiex biss il-persuna li għandha s-setgħa tiddisponi mill-merkanzija li tista’ tiġi kkunsidrata bħala d-detentur tagħha fis-sens tal-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 3108/94 jew, kif sostniet il‑Kummissjoni, jekk il-kelma “detenturi”, fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni, tirreferix għall-persuna li teżerċita l-kontroll effettiv fuq il‑ħażniet jew li żżommhom b’mod reali u fiżiku, inkluż il‑proprjetarju ta’ dritt ta’ rahan jew it-trasportatur, li ma għandhomx neċessarjament is-setgħa jiddisponu minnhom b’mod liberu (punti 40, 41 u 43 tas-sentenza). Huwa biss f’dan il-kuntest li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbilixxiet li l-kunċett ta’ “detenturi”, fis-sens tal-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 3108/94, jipprevedi persuni li, fid-data tal-1 ta’ Jannar 1995, kellhom is-setgħa jqiegħdu l-prodott maħżun fis-suq bil-għan li jagħmlu profitt li t-taxxa inkwistjoni kienet intiża preċiżament li tinnewtralizza (punt 42 tas-sentenza). Għaldaqstant, ma hemmx bżonn li ssir interpretazzjoni estenziva ta’ din il-konklużjoni.

234    It-tielet nett, għandu jiġi rrilevat li ebda definizzjoni ta’ “detenturi ta’ ħażniet żejda” miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Weidacher, punt 118 iktar ’il fuq, ma teskludix biss il-persuni li ma humiex operaturi kummerċjali, iżda wkoll l-operaturi kummerċjali li ma jistgħux jagħmlu profitt mhux normali mill-bejgħ ta’ prodott maħżun. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li kien hemm lok li l-kunċett ta’ “detenturi” jiġi interpretat, fis-sens tal-Artikolu 4 tar‑Regolament Nru 3108/94, bħala li jinkludi l-persuni li, fid-data tal-1 ta’ Jannar 1995, kellhom is-setgħa jqiegħdu l-prodott maħżun fis-suq bil-għan li jagħmlu profitt li t-taxxa inkwistjoni kienet intiża preċiżament li tinnewtralizza (punt 42 tas-sentenza), jiġifieri profitt marbut mal-vantaġġi ekonomiċi li minnhom ibbenefikaw l-operaturi li kkostitwixxew ħażniet żejda bi prezz baxx (punt 22 tas-sentenza). Madankollu, l-Artikolu 145(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-1994 obbliga l‑Istati Membri l-ġodda tal-1995 jeliminaw l-kwantitajiet żejda eżistenti fit‑territoju tagħhom u mhux biss dawk li jrendu profitt mhux normali għad-detenturi tagħhom. Huwa minħabba dan, pereżempju, li d‑dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 3300/94 jobbligaw lir-Repubblika tal-Awstrija telimina l‑kwantitajiet ta’ zokkor, ikkalkolati fuq il-bażi tal-addizzjoni tal‑ħażniet ta’ iktar minn 3 tunnellati, li jaqbżu l-kwantità ta’ riferenza ta’ 294 177 tunnellata, meta l-prezz taz-zokkor qabel l-1995 kien ogħla mill-prezz Komunitarju, skont il-Kummissjoni.

235    Ir-raba’ nett, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza Weidacher, punt 118 iktar ’il fuq, ma tistax tiġi eżaminata billi jintesa l‑fatt li din twettqet f’kuntest normattiv differenti ħafna minn dak ta’ din il‑kawża. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet flimkien tal-Artikoli 5 sa 7 tar-Regolament Nru 3300/94 illimitaw fil-prattika l-obbligu ta’ eliminazzjoni tal-ħażniet żejda għall-kwantitajiet ikkalkolati biss fuq il-bażi tal‑addizzjoni tal-ħażniet individwali ta’ iktar minn 3 tunnellati u li jaqbżu l-ħażniet normali li jgħaddu għas-sena ta’ wara ddeterminati mill‑Kummissjoni għal kull Stat Membru ġdid tal-1995. Għalhekk ma jkunx xieraq li jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “detentur” fis-sens tal‑Artikolu 4 tar-Regolament Nru 3108/94 kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja jipprevedi persuni li ma humiex operaturi kummerċjali, meta l-Kummissjoni sussegwentement illimitat fil-prattika l-obbligu ta’ eliminazzjoni ta’ kwantitajiet żejda għall-kwantitajiet ta’ iktar minn 3 tunnellati.

236    Fid-dawl tal-premess, hemm lok li jiġi konkluż li d‑definizzjoni inkwistjoni miżmuma mill-Qorti tal-Ġustizzja fis‑sentenza Weidacher, punt 118 iktar ’il fuq, ma timplikax li r-riżervi domestiċi għandhom jiġu esklużi mill-kwantitajiet żejda ta’ Stat Membru ġdid, fis‑sens tar-Regolament Nru 60/2004. It-teżi tar-rikorrenti u, għaldaqstant, l-ewwel parti tat-tieni motiv għandhom jiġu miċħuda.

C –  Fuq it-tieni parti

237    Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li r-regolament ikkontestat, billi jinkludi fl-kwantità żejda attribwit lilha lir-riżervi domestiċi, kiser l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004, li skontu l‑Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari li fihom ġew ikkostitwiti l-ħażniet waqt id-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda, fatt ikkontestat mill-Kummissjoni.

238    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Estonja tirrileva li l-Kummissjoni kienet obbligata tieħu inkunsiderazzjoni tliet ċirkustanzi speċifiċi relattivi għas-sitwazzjoni tagħha, jiġifieri l-post partikolari taz-zokkor fl-ekonomija u l-kultura Estonjana, il-bidla tal-metodu fil-livell tad‑determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda u l-kontribuzzjoni tal-Komunità fil‑kostituzzjoni ta’ dawn tal-aħħar.

239    Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni suffiċjentement l-iżvilupp tal-ekonomija tal-Istati Membri l-ġodda.

240    Għandhom jiġu eżaminati b’mod indipendenti, l-ewwel nett, l-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Estonja bbażati fuq in-nuqqas min-naħa tal-Kummissjoni li tikkunsidra kull waħda minn dawn it-tliet ċirkustanzi u, it-tieni nett, tal-argument ippreżentat mir-Repubblika tal-Latvja. B’mod preliminari, għandha tiġi ddeterminata l-portata tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 60/2004.

1.     Osservazzjonijiet preliminari fuq il-portata tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 60/2004

241    Għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 6(1) tar‑Regolament Nru 60/2004, għal finijiet ta’ determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda tal-Istati Membri l-ġodda, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni l‑iżvilupp osservat matul is-sena ta’ qabel l-adeżjoni b’paragun mas-snin preċedenti fir-rigward tal-kwantitajiet importati u esportati ta’ zokkor innifsu u ta’ zokkor fi prodotti pproċessati, bħall‑isoglukożju u l-fruttożju, tal-produzzjoni, il-konsum u l-ħażniet ta’ zokkor u ta’ isoglukożju u, fl-aħħar nett, taċ-ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti (ara l-punt 13 iktar ’il fuq).

242    Ir-regolamenti li jistabbilixxu l-kuntest normattiv tal-eliminazzjoni ta’ kwantitajiet żejda ta’ zokkor fiż-żmien tal-adeżjonijiet tal-1986 u tal-1995, jiġifieri, ir-Regolamenti Nru 579/86 u Nru 3300/94, rispettivament, ma fihom ebda dispożizzjoni analoga għal dik tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004. Fil-fatt, abbażi ta’ dawn iż-żewġ regolamenti, kull kwantità li tirriżulta mill-addizzjoni ta’ ħażniet ta’ iktar minn 3 tunnellati li jaqbżu l-ħażniet li normalment jgħaddu għas-sena ta’ wara kkalkolati mill-Kummissjoni huma awtomatikament ikkunsidrati bħala kwantitajiet żejda.

243    Għalhekk, is-sistema implementata mir-Regolament Nru 60/2004 tipprevedi flessibbiltà reali meta mqabbla mas-sistemi stabbiliti fiż-żmien tal‑adeżjonijiet preċedenti, inkwantu tippermetti li ċerta riżerva ta’ zokkor ma tiġix kkunsidrata bħala kwantità żejda skont iċ-ċirkustanzi li fihom l‑imsemmija riżerva ġiet ikkostitwita.

244    Madankollu, hemm lok li jiġi enfasizzat li r-Regolament Nru 60/2004 ma jispjegax liema huma ċ-ċirkustanzi partikolari ta’ kostituzzjoni ta’ ħażniet li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni u lanqas ir-rwol li dawn għandu jkollhom fl-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.

245    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitfakkar li, kif issemma fil-punt 115 iktar ’il fuq, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni ta’ dritt Komunitarju, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni mhux biss it‑test tagħha iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet segwiti mil‑leġiżlazzjoni li minnha tagħmel parti, kif ukoll tal-assjem tad‑dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Għaldaqstant, il-kunċett ta’ “ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti” għandu jiġi interpretat b’mod partikolari fid-dawl tal-għan tar-Regolament Nru 60/2004.

246    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-għan tal-miżuri implementati mir-Regolament Nru 60/2004 huwa b’mod partikolari li jevitaw it-tfixkil tas-suq Komunitarju taz-zokkor li jippreġudika l-baġit Komunitarju u l-produtturi (ara l-punt 163 iktar ’il fuq). Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li t-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004 ma jistax ikollu bħala effett il-ħolqien ta’ riskju ta’ tfixkil tas-suq.

247    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004 jippermetti biss li jiġu esklużi mill-kalkolu tal-kwantitajiet żejda ċerti ħażniet ikkostitwiti, li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni bħala kwantitajiet żejda skont il-kriterji previsti fl-Artikolu 6(1) tal-imsemmi regolament, iżda li ma jikkostitwixxux riskju ta’ tfixkil tas-suq fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ. Dan jgħodd ukoll, pereżempju, għall-kostituzzjoni ta’ ħażniet bi previżjoni ta’ żieda sostanzjali ħafna tal-konsum jew minħabba l-fatt li, għal raġunijiet partikolari, il-livell ta’ ħażniet matul il-perijodu immedjatament qabel l-adeżjoni kien baxx b’mod mhux normali.

248    B’mod kuntrarju, mit-test tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004 ma jirriżultax li ċ-ċirkustanzi inkwistjoni għandhom ikunu speċifiċi biss għas-sitwazzjoni ta’ Stat Membru partikolari.

249    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li l-parti preżenti għandha tiġi eżaminata.

2.     Fuq l-importanza tal-konsum taz-zokkor fl-Estonja

a)     L-argumenti tal-partijiet

250    Ir-Repubblika tal-Estonja tirrileva li, fir-rigward tal-konsum taz-zokkor, is-sitwazzjoni tal-Estonja hija differenti minn dik prevalenti fl-Istati Membri l-oħra. L-ewwel nett, l-Estonjani għandhom dħul medju ħafna iktar baxx minn dak taċ-ċittadini tal-Istati Membri l-antiki, u jonfqu perċentwali għall-ikel, għax-xorb u għat-tabbakk li jammonta għad-doppju ta’ dak li jonfqu dawn tal-aħħar. It-tieni nett, 96 % tal-ġamm, 92 % tal-komposti u 54 % tal-meraq tal-frott huma prodotti fid-dar fl-Estonja, fejn il-konsum ta’ zokkor għal kull persuna huwa 20% ogħla minn dak tal-Istati Membri l-antiki. It-tielet nett, l-Estonja ma tipproduċix iz-zokkor u, qabel l-adeżjoni, hija ma ġabritx dazji tad-dwana fuq l-imsemmi prodott, li l-prezz Estonjan tiegħu kien ekwivalenti għal terz tal-prezz Komunitarju. Minħabba dawn l-elementi kollha, kif ukoll nuqqasijiet ta’ provvisti li dan l-Istat kellu wara l-indipendenza tiegħu mill-Unjoni Sovjetika, l-Estonjani kienu ħafna iktar sensittivi għall-prezz taz-zokkor. Għaldaqstant, inkwantu kienu konvinti li dan tal-aħħar kien se jogħla wara l-adeżjoni tar-Repubblika tal-Estonja mal-Unjoni Ewropea, huma xtraw kwantitajiet ta’ zokkor li jeċċedu 30 kilo għal kull abitant u ta’ medja ta’ 72 kilo għal kull familja, filwaqt li l-importazzjonijiet totali żdiedu minn 65 478 tunnellata fl-2002/2003 għal 160 023 tunnellata fl-2003/2004. B’mod kuntrarju, f’Malta u f’Ċipru, l-uniċi Stati Membri oħra li ma humiex produtturi taz-zokkor fost l-Istati Membri l-ġodda, ma hemmx bħala tradizzjoni l-produzzjoni ta’ ġamm u d-dħul għal kull abitant huwa ogħla. B’hekk, iż-żieda fil-prezz taz-zokkor ma jikkostitwixxix piż komparabbli għaċ-ċittadini ta’ dawn iż-żewġ Stati Membri ġodda, li għaldaqstant ma kkostitwixxewx riżervi.

251    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

252    It-teżi tar-Repubblika tal-Estonja ssostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-konsumaturi Estonjani kellhom interess evidenti u anki fundamentali sabiex jikkostitwixxu riżervi domestiċi sostanzjali minħabba l-previżjoni taż-żieda mistennija tal-prezz taz-zokkor fl-Estonja wara l-adeżjoni.

253    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa ċertament minnu li l‑konsumaturi Estonjani kellhom, matul il-perijodu immedjatament qabel l-adeżjoni, interess kbir li jikkostitwixxu riżervi ta’ zokkor sabiex idewmu, sa fejn kien possibbli, l-impatt fuq il-baġit tagħhom taż-żieda prevista, ta’ iktar minn 300 %, fil-prezz ta’ dan il-prodott wara l‑adeżjoni.

254    Madankollu, it-teħid inkunsiderazzjoni ta’ tali ċirkustanza sabiex ir-riżervi hekk ikkostitwiti jiġu esklużi mill-kunċett ta’ “kwantità żejda” jostakola l-ilħiq tal-għan previst mir-Regolament Nru 60/2004, jiġifieri li jiġi evitat tfixkil fis-suq taz-zokkor marbut mal-kostituzzjoni ta’ kwantitajiet żejda (ara l-punt 163 iktar ’il fuq).

255    Konsegwentement, l-eżistenza ta’ raġunijiet oġġettivi li jrendu interess li jiġu kkostitwiti riżervi domestiċi ma tistax tiġi kkunsidrata bħala ċirkustanza li fiha l-ħażniet ġew ikkostitwiti skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004.

256    Fir-rigwarda l-argument li skontu z-zokkor jintuża ħafna iktar fl-Estonja milli fl-Istati Membri l-oħra, għandu jiġi rrilevat li, anki jekk jitqies li dan huwa minnu, dan bl-ebda mod ma jimplika li l-kwantitajiet żejda kkostitwiti taħt il-forma ta’ riżervi domestiċi ma humiex ta’ natura li joħolqu r-riskju ta’ tfixkil fis-suq Komunitarju taz-zokkor wara l-adeżjoni.

257    Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li l-importanza taz-zokkor fil-konsum u fil-kultura Estonjana kellu rwol fundamentali fil-kostituzzjoni tar-riżervi domestiċi kif tallega r-Repubblika tal-Estonja. Fil-fatt, skont ir-Repubblika tal-Estonja stess, il-konsum per capita taz-zokkor fit-territorju tagħha huwa biss 20 % ogħla mill-medja Komunitarja.

258    Fl-aħħar nett, il-miżuri implementati mill-Kummissjoni abbażi tar-Regolament Nru 60/2004 ma jostakolawx lir-Repubblika tal-Estonja milli tippermetti liċ-ċittadini tagħha jkollhom konsum ogħla ta’ zokkor, iżda biss, milli jikkostitwixxu riżervi ta’ daqs mhux normali li, fil-prattika, idewmu l-applikazzjoni integrali tal-OKS taz-zokkor fit-territojru tagħha, bi ħsara, b’mod partikolari, għall-produtturi u għall-baġit Komunitarju.

259    F’dan ir-rigward, kieku r-Repubblika tal-Estonja kkunsidrat li kien essenzjali li tiggarantixxi liċ-ċittadini tagħha provvista temporanja ta’ zokkor bi prezz inqas minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tal-OKS taz-zokkor fit-territorju tagħha, konsegwenza diretta tad-deċiżjoni tagħha ta’ adeżjoni mal-Unjoni Ewropea, hija kellha titlob, fl-ambitu tan-negozjati mal-Unjoni Ewropea fid-dawl tal-adeżjoni, kif għamlet, pereżempju, ir-Repubblika ta’ Malta, kif jirriżulta mill-punt 4(a) tal-Anness XI tal-Att ta’ Adeżjoni, li tingħata l-fakultà li tissussidja l-akkwist ta’ kwantità partikolari ta’ zokkor għaċ-ċittadini tagħha matul perijodu partikolari.

260    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Estonja ma wrietx li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004 billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni r-rwol taz-zokkor u tal-konsum tiegħu fit-territorju tagħha.

3.     Fuq it-tibdil tal-Kummissjoni fil-kriterji applikati fl‑adeżjonijiet preċedenti

a)     L-argumenti tal-partijiet

261    Ir-Repubblika tal-Estonja tqis li, fiż-żmien tal-adeżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni ma inkludietx ir-riżervi domestiċi fil-kalkolu tal-kwantitajiet żejda, iżda, biss, il-kwantitajiet ta’ iktar minn 3 tunnellati. Il-metodu applikat fil-kawża preżenti jikkostitwixxi bidla fundamentali u din dehret b’mod ċar biss wara l-adeżjoni tal-Istati Membri l-ġodda mal-Unjoni Ewropea, id-data li minnha l-kwantitajiet żejda ġew iddeterminati. Dan ipprojbixxi lir-Repubblika tal-Estonja milli tevita l-formazzjoni tar-riżervi domestiċi. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ħolqot aspettattiva leġittima li l-imsemmija riżervi ma kinux jammontaw għal kwantitajiet żejda, billi rreferiet b’mod ripetut għall-adeżjonijiet preċedenti. Dan jirriżulta mill-fatt li, fis-SIP, il-Kummissjoni indikat li kienu biss l-operaturi li kellhom jiġu preklużi milli jikkostitwixxu ħażniet u li l-obbligu tal-eliminazzjoni tal-ħażniet żejda kien impost fuqhom biss. Dawn ir-riferimenti ma humiex kontradetti mill-Att ta’ Adeżjoni, li t-test tiegħu huwa, f’dak li jirrigwarda l-kwantitajiet żejda, kważi identiku għad-dispożizzjonijiet ekwivalenti adottati fl-adeżjonijiet preċedenti.

262    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

263    Permezz ta’ dan l-argument, ir-Repubblika tal-Estonja tqajjem, essenzjalment, żewġ kwistjonijiet differenti.

264    L-ewwel nett, hija ssostni li l-fatt li, fiż-żmien tal-adeżjonijiet preċedenti, il‑kwantitajiet żejda tal-Istati Membri l-ġodda tal-1986 u tal-1995 kienu ġew ikkalkolati biss fuq il-bażi ta’ kwantitajiet ta’ iktar minn 3 tunnellati eżistenti fit‑territorju tagħhom huwa ċirkustanza li fiha l-ħażniet ġew ikkostitwiti, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004.

265    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li l-Kummissjoni kienet ħolqotilha aspettattiva leġittima fir-rigward tal-fatt li r-riżervi domestiċi ma kinux ser jingħaddu bħala kwantitajiet żejda.

266    F’dak li jirrigwarda l-ewwel kwistjoni, għandu jiġi rrilevat li r‑Repubblika tal-Estonja ma tindikax b’mod ċar liema konklużjoni hija tasal għaliha. L-interpretazzjoni l-iktar plawżibbli tal‑argumenti tagħha hija l-konklużjoni li hija tqis li l-fatt li, fiż-żmien tal-adeżjonijiet preċedenti, il-kwantitajiet żejda tal-Istati Membri l-ġodda tal-1986 u tal-1995 kienu ġew ikkalkolati biss fuq il-bażi ta’ kwantitajiet ta’ iktar minn 3 tunnellati jimplika li l-Kummissjoni kellha tipproċedi bl-istess mod fid-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda fil-kuntest tal-adozzjoni tar‑regolament ikkontestat.

267    Madankollu, għandu jiġi enfasizzat qabel kollox li l-modalitajiet ta’ kalkolu tal-kwantitajiet żejda miżmuma fiż-żmien tal-adeżjonijiet preċedenti ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004.

268    Barra minn hekk, fid-dawl ta’ dak li ġie espost fil-punti 245 sa 248 iktar ’il fuq, it-teħid inkunsiderazzjoni taċ-ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti ma jistax ikollu bħala effett il-ħolqien ta’ riskju ta’ tfixkil tal-mekkaniżmi previsti mill-OKS taz-zokkor. Issa, kieku kull kwantità ta’ zokkor ta’ inqas minn 3 tunnellati kellha tiġi, minħabba dan, eskluża mill-kalkolu tal-kwantitajiet żejda ta’ Stat Membru ġdid, il-kwantità totali ta’ zokkor eżistenti fit-territorju ta’ dan l-Istat fil-ġurnata tal‑adeżjoni tista’ tkun kbira ħafna, u dan jikkomprometti l-għan tar‑Regolament Nru 60/2004, li huwa dak li jiġi evitat kull tfixkil tal‑imsemmija mekkaniżmi.

269    B’hekk għandu jiġi kkunsidrat li l-fatt li l-Kummissjoni, fid‑dispożizzjonijiet ta’ applikazzjoni tal-obbligi ta’ eliminazzjoni tal‑kwantitajiet żejda li jidhru fl-Att ta’ Adeżjoni tal-1985 u tal-1994, illimitat il‑portata tal-imsemmija obbligi għal kwantitajiet ta’ iktar minn 3 tunnellati juri biss li hija qieset li l-eżistenza ta’ kwantitajiet żejda kkalkolati fuq il-bażi ta’ ammonti iżgħar ma kinitx toħloq riskju għall-istabbiltà tas-suq Komunitarju taz-zokkor, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari eżistenti fiż-żmien tal‑imsemmija adeżjonijiet. Issa, tali diskrepanza ma tistax tippreġudika l-kwistjoni ta’ jekk l-eżistenza tal-kwantitajiet żejda kkalkolati fuq il-bażi ta’ kwantitajiet ta’ inqas minn 3 tunnellati hijiex ta’ natura li toħloq riskju ta’ tfixkil tal-mekkaniżmi tal-OKS taz-zokkor fil-kuntest tal-adeżjoni.

270    Fir-rigward tat-tieni kwistjoni, hemm lok li jitfakkar li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi invokat kontra leġiżlazzjoni Komunitarja ħlief fil-każ fejn il-Komunità stess ħolqot minn qabel sitwazzjoni li tista’ tippreġudika l-aspettattivi leġittimi (ara s-sentenza Weidacher, punt 118 iktar ’il fuq, punt 31, u l-ġurisprudenza ċċitata). L-imsemmi prinċipju, li huwa stabbilit fost il-prinċipji fundamentali tal-Komunità, jissopponi li l‑istituzzjoni Komunitarja kkonċernata tkun għamlet lill-partijiet interessati assigurazzjonijiet preċiżi li ħolqulhom stennija fondata (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament, T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, Ġabra p. II‑2823, punt 183).

271    Issa, għandu jiġi rrilevat li l-Komunità ma ħolqotx minn qabel, fil-kawża preżenti, sitwazzjoni li tista’ toħloq aspettattiva leġittima fir-rigward tar-Repubblika tal-Estonja jew tal-operaturi Estonjani dwar il-fatt li r-riżervi domestiċi ma kinux ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kwantità żejda Estonjana.

272    Fil-fatt, jekk huwa indikat fil-punt 8(1)(2) tas-SIP li l-kwistjoni tal-kwantitajiet żejda għandha tiġi kkunsidrata filwaqt li titqies l-esperjenza miksuba mill-adeżjonijiet tal-1986 u tal-1995 kif ukoll mir-riunifikazzjoni Ġermaniża, dan ma jimplikax li l-miżuri adottati fiż-żmien tal-adeżjoni tal-2004 għandhom ikunu identiċi għal dawk adottati fiż-żmien tal-adeżjonijiet preċedenti.

273    Barra minn hekk, id-dispożizzjonijiet applikabbli fir-rigward tal-adeżjonijiet tal-1986 u tal-1995 li huma ċċitati, b’mod informattiv, fil-punt 8(1)(2) tas-SIP huma dawk li jidhru fl-Atti ta’ adeżjoni tal-1985 u tal-1994, u jipprovdu obbligu ta’ eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda li ma huwiex suġġett għal regola de minimis b’mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet ta’ implementazzjoni tagħhom, li introduċew tali regola.

274    Għaldaqstant, ir-Repubblika tal-Estonja ma wriet ebda dokument li juri l-assigurazzjonijiet preċiżi min-naħa tal-Kummissjoni li skonthom ir-riżervi domestiċi ma kinux ser jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-kwantità żejda Estonjan. Hija lanqas ma ressqet prova fir-rigward tal-assigurazzjonijiet preċiżi min-naħa tal-Kummissjoni li skonthom il-miżuri ta’ implementazzjoni tal-obbligu ta’ eliminazzjoni li jidhru fil-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni kellhom ikunu identiċi għall-miżuri adottati bl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet ekwivalenti tal-Atti ta’ adeżjoni tal-1985 u tal-1994.

275    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-Repubblika tal-Estonja ma setgħetx tinjora n-natura miftuħa ħafna tar-redazzjoni tal-punt 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni, li abbażi tiegħu l-Istati Membri kienu obbligati jiżguraw bi spejjeż tagħhom l-eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda kollha eżistenti fit-territorju tagħhom.

276    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-fatt li r-riżervi domestiċi ma ġewx inklużi fil-kalkolu tal-kwantitajiet żejda fiż-żmien tal-adeżjonijiet preċedenti ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ċirkustanza li fiha l-ħażniet ġew ikkostitwiti fl-adeżjoni tal-2004, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004.

4.     Fuq il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-kostituzzjoni tar-riżervi domestiċi fl-Estonja

a)     L-argumenti tal-partijiet

277    Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li, matul is-sena ta’ qabel l-adeżjoni, 87 % tal-importazzjonijiet Estonjani ta’ zokkor kienu jsiru mill-Unjoni Ewropea u kienu inkoraġġati permezz ta’ sussidji Komunitarji ddikjarati illegali mill-bord tal-appell tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ (WTO), li huwa kuntrarju għall-prinċipju ta’ bona fide. Il-Kummissjoni kienet anki pprojbixxiet lir-Repubblika tal-Estonja milli tirrestrinġi l-importazzjonijiet Komunitarji bħala miżura ta’ protezzjoni, li kien jevita l-kostituzzjoni ta’ kwantitajiet żejda, peress li l-imsemmija importazzjonijiet ma kinux sostitwibbli f’perijodu daqshekk qasir.

278    Il-Kummissjoni tiċħad l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

279    It-teżi tar-Repubblika tal-Estonja tibda, essenzjalment, mill-premessa li l-eżistenza tar-riżervi domestiċi u, b’mod iktar ġenerali tal-kwantità żejda Estonjana, hija dovuta b’mod partikolari għall-fatt li l-Unjoni Ewropea ssussidjat esportazzjonijiet taz-zokkor lejn it-territorju tagħha. Minn dan hija tikkonkludi li l-Kummissjoni hija obbligata tieħu inkunsiderazzjoni din iċ-ċirkustanza abbażi tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004 sabiex teskludi mill-kalkolu tal-kwantità żejda tagħha r-riżervi domestiċi.

280    Din it-teżi ma tistax tiġi aċċettata.

281    Fil-fatt, anki jekk jitqies li tali relazzjoni ta’ kawża u effett bejn il‑kostituzzjoni tar-riżervi domestiċi fl-Estonja u l-esportazzjonijiet Komunitarji ssusidjati lejn ir-Repubblika tal-Estonja tista’ tiġi stabbilita, tali relazzjoni ma trendix inqas perikoluża għall-istabbiltà tal-OKS taz‑zokkor l-eżistenza tal-imsemmija riżervi. Dawn jistgħu joħolqu tfixkil fis-suq Komunitarju taz-zokkor għar-raġunijiet imsemmija fil-punti 121 sa 134 iktar ’il fuq, u dan indipendentement mir-raġunijiet li minħabba fihom dawn ġew ikkostitwiti.

282    Konsegwentement, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li jidhru fil-punti 245 sa 248 iktar ’il fuq, hemm lok li jiġi konkluż li l-eżistenza ta’ esportazzjonijiet Komunitarji ssussidjati lejn ir-Repubblika tal-Estonja ma għandhiex tittieħed inkunsiderazzjoni bħala ċirkustanza li fiha l-ħażniet ġew ikkostitwiti skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004.

283    Barra minn hekk, u fi kwalunkwe każ, il-premessa li fuqha t-teżi tar-Repubblika tal-Estonja hija bbażata hija żbaljata.

284    Fil-fatt, huwa paċifiku bejn il-partijiet li l-prezz taz-zokkor fis-suq internazzjonali kien ekwivalenti, qabel l-adeżjoni, għal inqas minn terz tal-prezz Komunitarja. Għaldaqstant, anki kieku l-Kummissjoni kellha l-mezzi sabiex telimina kull possibbiltà għar-Repubblika tal-Estonja li tiġi pprovduta biz-zokkor mingħand operaturi Komunitarji, l-importaturi Estonjani kien għad għandhom b’kull mod interess evidenti sabiex jixtru mingħand il-produtturi taz-zokkor mhux Komunitarji sabiex jikkostitwixxu ħażniet kemm biex ibigħuhom fil-Komunità estiża bi profitt kbir u kif ukoll biex jipprovdu lir-residenti Estonjani bil-kwantitajiet li huma kienu jitolbu sabiex jikkostitwixxu riżervi domestiċi.

285    Ir-Repubblika tal-Estonja tqis li din il-bidla fis-sorsi ta’ provvista ma kinitx possibbli, inkwantu l-importaturi Estonjani kienu ltaqgħu ma’ diffikultajiet sabiex jissostitwixxu minn ġurnata għal oħra l-fornituri tradizzjonali Komunitarji tagħhom b’fornituri stabbiliti barra mill-Komunità.

286    Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Estonja ma tipprovdi ebda raġuni għalfejn kien evidenti li, f’suq bħal dak taz‑zokkor, operatur ta’ esperjenza ma kienx f’pożizzjoni li jixtri fis‑suq internazzjonali kwantitajiet sostanzjali ta’ zokkor fit-terminu ta’ tliet xhur u nofs, bejn id-data tal-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali tar‑Regolament Nru 60/2004 u d-data tal-adeżjoni tal-Istati Membri l‑ġodda mal-Unjoni Ewropea, u dan iktar u iktar meta l-operaturi Estonjani setgħu jħallsu għaz-zokkor mhux Komunitarju d-doppju tal‑prezz tas-suq u, għaldaqstant, iżommu marġni wiesgħa ta’ profitt.

287    Barra minn hekk, hemm lok li jiġi rrilevat li xejn ma jindika li l‑operaturi Estonjani ma setgħux jikkostitwixxu kwantitajiet żejda qabel id-data tal-pubblikazzjoni tar-Regolament Nru 60/2004 fil-għan li jbigħuhom fil-Komunità estiża jew fis-suq nazzjonali. Issa, f’dan il‑każ, l-adozzjoni mill-Kummissjoni fl-ambitu tal-imsemmi regolament, ta’ miżuri li jiskoraġġixxu l-esportazzjonijiet Komunitarji lejn l-Estonja ma kinitx suffiċjenti sabiex tiżgura l-eliminazzjoni tal-kwantitajiet żejda inkwistjoni.

288    Għaldaqstant, hemm lok li jiġu miċħuda l-argumenti kollha tar‑Repubblika tal-Estonja.

5.     Fuq il-kunsiderazzjoni insuffiċjenti min-naħa tal-Kummissjoni tal‑iżvilupp tal-ekonomija tal-Istati Membri l-ġodda.

a)     L-argumenti tal-partijiet

289    Ir-Repubblika tal-Latvja tqis li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni suffiċjentement, skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004, l-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri l-ġodda kif ukoll iż-żieda oġġettivament mgħaġġla tal-bżonnijiet ta’ riżorsi marbuta ma’ dik tal-poter ta’ akkwist tar-residenti u mal‑iżvilupp fis-settur tat-turiżmu. B’hekk, il-parti l-kbira tal-kwantità żejda fil‑Latvja kienet riżultat ta’ żieda fil-kapaċità ta’ produzzjoni u fil‑konsum, u din ma tteħditx inkunsiderazzjoni fil-formuli stretti tal‑Kummissjoni. Barra minn hekk, din kellha tiddetermina mhux biss l-kwantità żejda ta’ kull Stat Membru, iżda wkoll l-ħażna li normalment tgħaddi għas-sena ta’ wara fl-1 ta’ Mejju 2004, li barra minn hekk kienet tiggarantixxi li ċ-ċirkustanzi ta’ kostituzzjoni ta’ ħażniet ikunu suġġetti għal analiżi xierqa. B’dan il-mod, il-Kummissjoni kisret ukoll il‑prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

290    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Latvja.

b)     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

291    It-tieni subparagrafu tal-Artikolu 115(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal‑Qorti tal-Prim’Istanza jissuġġetta l-ammissibbiltà ta’ talba għal intervent għall-osservanza, b’mod partikolari, tal-kundizzjoni prevista fl‑Artikolu 44(1)(ċ) tal-imsemmija regoli, li skontha r-rikors għandu jkollu, b’mod partikolari, sunt tal-motivi mressqa. Ir-rikors għandu, għalhekk, jispeċifika fiex jikkonsisti l-motiv li fuqu r-rikors huwa bbażat, b’tali mod li d-dikjarazzjoni astratta tiegħu biss ma tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u tar-Regoli tal-Proċedura (sentenzi tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Jannar 1995, Viho vs Il‑Kummissjoni, T‑102/92, Ġabra p. II‑17, punt 68, u tal‑10 ta’ Settembru 2008, L-Italja vs Il-Kummissjoni, T‑181/06, Ġabra p. II-164, punt 139).

292    Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, għandu jiġi kkonstatat li l‑elementi invokati mir-Repubblika tal-Latvja insostenn tat-teżi tagħha huma vagi wisq sabiex jiġu eżaminati. Fil-fatt, huwa impossibbli li jiġi ddeterminat fuq il-bażi tal-imsemmija argumenti l-mod li bih il‑Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni l-iżvilupp tal‑ekonomika tal-Istati Membri l-ġodda sabiex konsegwentement temenda l-metodu ta’ kalkolu tal-kwantitajiet żejda fuq il-bażi ta’ konsum allegatament ogħla.

293    Barra minn hekk, is-sustanza tal-argumenti tar-Repubblika tal-Latvja tirrigwarda, essenzjalment, l-iżvilupp ekonomiku tagħha u, anki jekk jitqiesu fondati, dawn ma għandhom l-ebda impatt fuq il-kwistjoni ta’ jekk, fiż-żmien tal-kalkolu tal-kwantità żejda attribwibbli lir‑Repubblika tal-Estonja, il-Kummissjoni kkunsidratx suffiċjentement il-kundizzjonijiet li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti fit-territorju tagħha.

294    Fid-dawl tal-premess, hemm lok li jiġi konkluż li kemm l-ilment tar‑Repubblika tal-Latvja kif ukoll l-assjem tal-motiv preżenti għandhom jiġu miċħuda.

IV –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

A –   L-argumenti tal-partijiet

295    Ir-Repubblika tal-Estonja tqis li l-Kummissjoni ma spjegatx fir‑regolament ikkontestat għalfejn ir-riżervi domestiċi ġew inklużi fil‑kwantità żejda inkwistjoni, u dan huwa tant iktar serju minħabba ċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti.

296    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hija ssostni li, meta miżura hija intiża għal każ partikolari, ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni huma iktar stretti (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Ottubru 1982, Lion et, 292/81 u 293/81, Ġabra p. 3887, punti 18 u ta’ wara, u tal-11 ta’ Mejju 1983, Klöckner-Werke vs Il-Kummissjoni, 311/81 u 30/82, Ġabra p. 1549, punti 30 u ta’ wara). Hija tqis li r-regolament ikkontestat jirrigwarda biss ħames Stati Membri ġodda u huwa bbażat fuq sitwazzjoni unika li ma tistax tirrepeti ruħha, jiġifieri t-tranżizzjoni mis-sistema fis-seħħ f’dawn l-Istati għall-OKS taz-zokkor. Issa, meta n-numru ta’ persuni huwa ddeterminat u ma hemmx possibbiltajiet ta’ applikazzjoni futuri, regolament jikkostitwixxi pjuttost ġabra ta’ deċiżjonijiet.

297    It-tieni nett, ir-Repubblika tal-Estonja tirrileva li deċiżjoni għandha tiġi ddettaljata b’mod partikolari meta tipproduċi effetti serji u sostanzjali. Issa, peress li l-ammont li r-Repubblika tal-Estonja jkollha tħallas jekk ma teliminax il-kwantitajiet żejda tagħha huwa ta’ EUR 45.7 miljun, jiġifieri 1.35 % tal-baġit tagħha, il-Kummissjoni hija suġġetta għal obbligu ta’ motivazzjoni ikbar.

298    It-tielet nett, ir-Repubblika tal-Estonja tenfasizza li, fir-rigward tal-adeżjonijiet preċedenti, il-Kummissjoni bidlet il-prattika fil-livell tal-kalkolu tal-kwantitajiet żejda u li introduċiet metodu atipiku fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, meta t-tibdil ta’ prattika jeħtieġ ukoll motivazzjoni ddettaljata.

299    Ir-raba’ u l-aħħar nett, ir-regolament ikkontestat ma fih ebda motivazzjoni fir-rigward tal-mod li ċ-ċirkustanzi partikolari li għalihom jirreferi l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004 ittieħdu inkunsiderazzjoni, bl-eċċezzjoni ta’ indikazzjoni meqjusa bħala evidenti fil-premessa 3. Dan jostakola kull stħarriġ tal-legalità tar-regolament ikkontestat, filwaqt li ladarba l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004 iħalli marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni, il-livell meħtieġ ta’ motivazzjoni f’din is-sitwazzjoni huwa ogħla.

300    F’dan ir-rigward, ir-Repubblika tal-Estonja tirrileva li r-raġunijiet għalfejn ir-riżervi domestiċi ġew inklużi fil-kalkolu tal-kwantitajiet żejda inkwistjoni ma ġewx ikkomunikati lilha, anki fl-ambitu tal-kumitati ta’ ġestjoni taz-zokkor jew matul il-laqgħa tad-19 ta’ Mejju 2005, u tistieden lill-Kummissjoni sabiex tibgħat lill-Qorti tal-Prim’Istanza d-dokumenti ppreżentati f’din il-laqgħa.

301    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

302    Għandu jiġi rrilevat li r-regolament ikkontestat ma huwiex l-att normattiv li pprovda li r-riżervi domestiċi għandhom jiġu kkunsidrati bħala kwantitajiet żejda.

303    Fil-fatt, l-att normattiv li stabbilixxa tali kunsiderazzjoni huwa biss ir-Regolament Nru 60/2004. Dan tal-aħħar stabbilixxa sistema ta’ kalkolu tal-kwantitajiet żejda li huwa differenti ħafna minn dawk implementati mir-Regolamenti Nru 579/86 u Nru 3300/94 għall-adeżjonijiet tal-1986 u tal-1995 u li kienu b’mod partikolari bbażati fuq l-organizzazzjoni ta’ eżerċizzju ta’ stħarriġ mill-awtoritajiet nazzjonali tal-kwantitajiet ta’ iktar minn 3 tunnellati eżistenti fit-territorji tagħhom sabiex dawn jiġu sussegwentement imqabbla ma’ kwantità stabbilita mill-Kummissjoni bħala ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara u b’hekk tiġi eliminata kull kwantità żejda eventwali (ara l-punti 195 u 196 iktar ’il fuq).

304    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li huwa indikat b’mod ċar fil‑premessa 7 tar-Regolament Nru 60/2004 li d-determinazzjoni ta’ ħażniet issir mill-Kummissjoni fuq il-bażi tal-iżvilupp tal-modi ta’ negozju, produzzjoni u konsum fl-Istati Membri l-ġodda matul il-perijodu tal-1 ta’ Mejju ta’ l-2000 sat-30 ta’ April tal-2004. Fir‑rigward tal-premessa 9 tal-imsemmi regolament, din tindikat li, għad-determinazzjoni ta’ ħażniet żejda, l-Istati Membri l-ġodda għandhom jipprovdu għall-Kummissjoni l-istatistiċi l-iktar reċenti ta’ negozju, produzzjoni u konsum tal-prodotti kkunsidrati (ara l-punt 197 iktar ’il fuq).

305    L-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 60/2004 jipprovdi li, sabiex jiġu ddeterminati l-kwantitajiet żejda, għandu b’mod partikolari jittieħed inkunsiderazzjoni l-iżvilupp osservat matul is-sena ta’ qabel id-dħul b’paragun mas-snin ta’ qabel fir-rigward tal-kwantitajiet importati u esportati ta’ zokkor innifsu jew ta’ zokkor fi prodotti pproċessati, bħall-isoglukożju u l-fruttożju, tal-produzzjoni, il-konsum u l-ħażniet ta’ zokkor u ta’ isoglukożju u, fl-aħħar nett, taċ-ċirkustanzi li fihom il-ħażniet ġew ikkostitwiti.

306    Għaldaqstant, huwa evidenti li, kif diġà ġie spjegat qabel, ir-Regolament Nru 60/2004 jistabbilixxi metodu ta’ determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda bbażat fuq l-osservazzjoni ta’ tendenzi makroekonomiċi u mhux fuq dik tal-kwantitajiet effettivament miżmuma bħala riżerva fi Stat Membru partikolari. Dan jinkludi wkoll klawżola ta’ flessibbiltà finali li tippermetti li r-riżultat ta’ dan l-eżami jiġi mmodifikat skont iċ-ċirkustanzi partikolari li jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ ċerti kwantitajiet ta’ zokkor, fil-każ li l-eżistenza ta’ dawn il-kwantitajiet ma tikkostitwix riskju ta’ tfixkil tal-mekkaniżmi tal-OKS taz-zokkor, kif jirriżulta mill-interpretazzjoni tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004 magħmula fil-punti 245 sa 248 iktar ’il fuq. Il-Kummissjoni stess, fl-Anness I tal-komunikazzjoni ta’ M. Fischer Boel tirrileva li l-għan tal-imsemmi anness huwa dak li jistabbilixxi metodoloġija għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda tal-Istati Membri l-ġodda fil-livell makroekonomiku, kif jeħtieġ l-Artikolu 6 tar-Regolament Nru 60/2004, li ma fih ebda dispożizzjoni li teskludi mill-kalkolu tal-kwantitajiet żejda l‑kwantitajiet minimi.

307    Il-premessa 3 tar-regolament ikkontestat issemmi l-elementi varjabbli makroenomiċi li ġew ikkunsidrati fil-prattika mill-Kummissjoni għall‑kalkolu ta’ kwantitajiet żejda. B’dan il-mod, huwa spjegat li, b’mod ġenerali, il‑Kummissjoni tikkunsidra li l-kwantitajiet żejda ta’ zokkor jirriżultaw miż-żieda fil-produzzjoni, li magħha għandhom jiżdiedu l-importazzjonijiet u jitnaqqsu l-esportazzjonijiet għall-perijodu bejn l-1 ta’ Mejju 2003 u t-30 ta’ April 2004, ipparagunati mal-medja ta’ dawn l-istess kwantitajiet waqt l-istess perijodu matul it-tliet snin preċedenti.

308    Huwa manifest ukoll li tali metodu ta’ determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda jimplika neċessarjament li jittieħdu inkunsiderazzjoni r-riżervi domestiċi bl-istess mod ta’ dawk ikkostitwiti mill-operaturi. Fil-fatt, f’dak li jirrigwarda r-Repubblika tal-Estonja, Stat li ma jipproduċix iz-zokkor, l-kwantità żejda kkalkolata għas-sena tas-suq 2003/2004 għandha neċessarjament tirriżulta mid-differenza bejn l-importazzjonijiet imwettqa matul din is-sena tas-suq u l-medja tal-importazzjonijiet imwettqa matul it-tliet snin tas-suq preċedenti li minnha għandha titnaqqas id-differenza bejn l-esportazzjonijiet imwettqa bejn din is-sena tas-suq u l-medja tal-esportazzjonijiet imwettqa matul it-tliet snin tas-suq preċedenti. Issa, tali metodu, li bħala prinċipju jieħu inkunsiderazzjoni biss l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, ma jippermettix li jiġu esklużi r-riżervi domestiċi mill-kwantità hekk miksuba, ħlief sabiex jiġi kkunsidrat li l-eżistenza tal-imsemmija riżervi hija ċirkustanza li fiha l-ħażniet ġew kkostitwiti skont l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004.

309    Il-fatt li dan il-metodu ġie effettivament applikat jirriżulta mhux biss mill-premessi tar-regolament ikkontestat iżda wkoll, u dan b’mod ċar ħafna, mid-dokumenti ppreżentati diversi drabi lir-Repubblika tal-Estonja fil-kumitat ta’ ġestjoni taz-zokkor u, fl-aħħar lok, fil-laqgħa tal-grupp ta’ esperti tad-19 ta’ Mejju 2005, fejn dawn id-dokumenti ġew ippreżentati qabel l-adozzjoni tar-regolament u kienu magħrufa mir-Repubblika tal-Estonja.

310    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi konkluż, minn naħa, li r-regolament ikkontestat huwa suffiċjentement immotivat fir-rigward tal-kwistjoni tar-raġunijiet li għalihom ir-riżervi domestiċi ma ġewx esklużi mill-kalkolu tal-kwantità żejda Estonjana u, min-naħa l-oħra, li l-motivazzjoni tal-imsemmi regolament ma kellhiex ta’ bilfors tinkludi r-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni warrbet il-prattika adottata fl-adeżjonijiet preċedenti, inkwantu l-fatt li għamlet dan huwa konsegwenza loġika u neċessarja tar-Regolament Nru 60/2004, li l-legalità tiegħu ma ddaħħlitx inkwistjoni mir-Repubblika tal-Estonja fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

V –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

A –  L-argumenti tal-partijiet

311    Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba billi adottat ir-regolament ikkontestat, peress li, billi dan kien ġabra ta’ ħames deċiżjonijiet li jirrigwardaw lill-Istati Membri ġodda kkonċernati, hija kienet marbuta tipprepara b’attenzjoni u b’mod imparzjali d-deċiżjoni tagħha. Il-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi partikolari relattivi għas-sitwazzjoni tar-Repubblika tal-Estonja u dan minkejja li ġiet informata bihom. M. Fischer Boel ħadet din id-deċiżjoni billi bbażat ruħha fuq kunsiderazzjonijiet li ma kellhomx rabta mal-kawża, u wettqet b’hekk abbuż ta’ poter. Minn naħa, hija pprovat tevita r-riskju li Stati Membri ġodda oħra jikkontestaw il-bażijiet ta’ kalkolu fir-rigward ta’ prodotti oħra jew jinvokaw ċirkustanzi partikolari u, min-naħa l-oħra, hija pprovat tevita li toħloq preċedenti għall-adeżjonijiet futuri.

312    Barra minn hekk, il-Kummissjoni kellha tevalwa l-impatt tal-aġir tagħha stess fuq is-sitwazzjoni maħluqa, b’mod partikolari sa fejn iddikjarat li hija użat l-istess metodu ta’ kalkolu li użat fl-adeżjonijiet preċedenti.

313    Fl-aħħar nett, skont il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, il-Kulleġġ għandu, qabel kull teħid ta’ deċiżjoni, ikun jaf bil-fatti essenzjali. Għaldaqstant, huwa ppronunzja ruħu fuq il-kwistjoni tal-inklużjoni tar-riżervi domestiċi fl-kwantità żejda Estonjana anki jekk il-verżjoni definittiva tal-komunikazzjoni ta’ M. Fischer Boel la inkludiet l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja fir-rigward, b’mod partikolari, tal-konsegwenzi serji ta’ din id-deċiżjoni fuq il-baġit tagħha, la l-kunsiderazzjonijiet ta’ M. Fischer Boel f’dan ir-rigward, la ċ-ċiffri effettivi u lanqas ma inkludiet paragun mar-Repubblika ta’ Malta u mar-Repubblika ta’ Ċipru.

314    Il-Kummissjoni tqis li l-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

315    Għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, permezz tal-motiv preżenti, billi tinvoka l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, ir-Repubblika tal-Estonja tirrepeti essenzjalment ir-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 6(1)(ċ) tar-Regolament Nru 60/2004 meta adottat ir‑regolament ikkontestat mingħajr ma ħadet inkunsiderazzjoni ċ‑ċirkustanzi partikolari relattivi għas-sitwazzjoni tagħha. Dawn l‑argumenti ġew eżaminati u miċħuda fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv. Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika tal-Estonja tirrepeti r-raġunijiet għalfejn hija tqis li l-prinċipju ta’ kolleġjalità ġie miksur fil-kawża preżenti. Dawn l-argumenti ġew eżaminati fil-kuntest tal-ewwel motiv.

316    Għaldaqstant, għandu jiġi miċħud il-motiv preżenti fl-intier tiegħu.

VI –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ bona fide

A –  L-argumenti tal-partijiet

317    Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li l-prinċipju ta’ bona fide jipprojbixxi lill-firmatarji ta’ ftehim internazzjonali milli jadottaw atti li jċaħħdu lil dan il-ftehim mill-għan u mill-iskop tiegħu. Għaldaqstant, wara l-iffirmar tal-Att ta’ Adeżjoni, il-Kummissjoni kienet marbuta tastjeni minn kull miżura li tista’ tiffavorixxi kwalunkwe tfixkil tas-suq jew l-ispekulazzjoni. Issa, hija naqset milli tieħu miżuri kontra ż-żieda tal-esportazzjonijiet Komunitarji u pprekludiet lir-Repubblika tal‑Estonja milli tagħmel dan. Dan huwa tant iktar serju inkwantu l-Kummissjoni indikat li kellha intenzjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-effetti fuq il-ħażniet ikkawżati mil-liberalizzazzjoni tan-negozju bejn l-Istati kandidati u l-Unjoni Ewropea u li kienet ser tapplika l-istess prinċipji li applikat fl-adeżjonijiet preċedenti.

318    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

319    Fil-kuntest ta’ dan il-motiv, ir-Repubblika tal-Estonja tressaq essenzjalment l-istess argumenti li hija sostniet fil-kuntest tat-tieni u tar-raba’ motivi tagħha. Għaldaqstant, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda għall-istess raġunijiet li għalihom ġew miċħuda l-imsemmija motivi.

VII –  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

320    Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li r-regolament ikkontestat jikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fi tliet aspetti, li għandhom jiġu eżaminati b’mod separat.

A –  Diskriminazzjoni meta mqabbla mar-Repubblika ta’ Malta u mar-Repubblika ta’ Ċipru

1.     L-argumenti tal-partijiet

321    Ir-Repubblika tal-Estonja tqis li hija ġiet ittrattata b’mod diskriminatorju meta mqabbla mar-Repubblika ta’ Malta u mar-Repubblika ta’ Ċipru, peress li dawn iż-żewġ Stati Membri ġew ittrattati bl-istess mod li bih hija ġiet ittrattata, meta nofs il-kwantità żejda Estonjana huwa kkostitwit mir-riżervi domestiċi filwaqt li l-kwantitajiet żejda Maltin u Ċiprijotti huma miżmuma mill-operaturi biss. Din id-diskriminazzjoni tirriżulta wkoll mill-qari tal-Anness 18 u tkun tant iktar gravi jekk, kif juri l-iżvilupp tal-kalkolu tal-kwantità żejda Maltija mill-abbozz ta’ regolament (13 210 tunnellata) għar-regolament ikkontestat (2 452 tunnellata), xi ċirkustanzi partikolari ttieħdu fil-fatt inkunsiderazzjoni fir-rigward tar-Repubblika ta’ Malta.

322    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

323    Essenzjlament, it-teżi tar-Repubblika tal-Estonja ssostni li l-kwantità żejda Estonjana ġiet ikkalkolata bl-istess mod tal-kwantitajiet żejda Ċiprijotti u Maltin, meta ċ-ċirkustanzi partikolari relattivi għas-sitwazzjoni tagħha kellhom iwasslu lill-Kummissjoni sabiex tittrattaha b’mod differenti. Madankollu, ir-raġunijiet għalfejn ir-Repubblika tal-Estonja tqis li għandha tibbenifika minn tali trattament ma humiex ta’ natura li jsostnu t-teżi tagħha.

324    Fil-fatt, dawn ir-raġunijiet huma, essenzjalment, dawk invokati sabiex issostni li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni r-rwol partikolari tal-konsum taz-zokkor fir-Repubblika tal-Estonja, esposti fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv. Issa, inkwantu ġie konkluż li dawn ir-raġunijiet ma setgħux iwasslu lill-Kummissjoni sabiex teskludi r-riżervi domestiċi tar-Repubblika tal-Estonja mill-kalkolu tal-kwantità żejda ta’ din tal-aħħar, kif ġie enfasizzat fil-punti 252 sa 260 iktar ’il fuq, ma jistax jiġi kkunsidrat li, billi ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-imsemmija raġunijiet, il-Kummissjoni ttrattat b’mod diskriminatorju lir-Repubblika tal-Estonja.

325    Barra minn hekk, inkwantu l-argument tar-Repubblika tal-Estonja jista’ jinftiehem fis-sens li l-Kummissjoni naqqset l-kwantità żejda Maltija billi ħadet inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ ċirkustanza partikolari relattiva għas-sitwazzjoni tar-Repubblika ta’ Malta meta ma għamlitx dan fir-rigward tar-Repubblika tal-Estonja, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ tali kundizzjoni speċifika, ħaġa li ma tissemmiex fir-regolament ikkontestat, ma tistax taffettwa l-legalità tal-kalkolu tal-kwantità żejda Estonjana u lanqas ma tista’ titqies li hija prova ta’ diskriminazzjoni kontra r-Repubblika tal-Estonja.

326    Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Estonja ma indikatx jekk it-tnaqqis, li għalih ir-Repubblika ta’ Malta kellha dritt, kellux jingħata lilha wkoll minħabba l-fatt li s-sitwazzjoni tagħha u dik tar-Repubblika ta’ Malta, li ppermettiet lil din tal-aħħar tikseb it-tnaqqis inkwistjoni, kienu jaqgħu taħt l-istess ċirkustanza partikolari.

327    Barra minn hekk, jekk l-argument tar-Repubblika tal-Estonja għandu jinftiehem fis-sens li l-kwantità żejda totali tar-Repubblika ta’ Malta tnaqqset b’mod żbaljat, għandu jiġi enfasizzat li dan l-iżball min-naħa tal-Kummissjoni, anki jekk jitqies li huwa stabbilit, ma jistax iqiegħed f’dubju r-regolament ikkontestat fir-rigward tar-Repubblika tal-Estonja. Fil-fatt, dan l-Istat Membru ma jistax jitlob l-applikazzjoni ta’ metodu ta’ kalkolu tal-kwantità żejda tiegħu li ma huwiex dak applikabbli għalih u, f’kull każ, l-iżball imwettaq ma għandux impatt fuq ir-regolament ikkontestat sa fejn dan jirrigwarda r-Repubblika ta’ Malta (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ Marzu 2002, L-Italja vs Il-Kunsill, C‑340/98, Ġabra p. I‑2663, punti 90 u 91).

328    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Estonja ma wrietx li l-Kummissjoni, meta adottat ir-regolament ikkontestat, ittrattaha b’mod diskriminatorju meta mqabbla mar-Repubblika ta’ Malta u mar-Repubblika ta’ Ċipru.

B –  Diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ ċerti Stati Membri li ngħaqdu preċedentement mal-Komunità

1.     L-argumenti tal-partijiet

329    Ir-Repubblika tal-Estonja tqis li ġiet ittrattata b’mod diskriminatorju fir-rigward tal-Istati Membri li ngħaqdu preċedentement mal-Komunità, u wara mal-Unjoni Ewropea, peress li, f’dawn is-sitwazzjonijiet ta’ fatt u ġuridiċi identiċi, ir-riżervi domestiċi ta’ dawn tal-aħħar ma ttiħdux inkunsiderazzjoni għad-determinazzjoni tal-kwantitajiet żejda tagħhom, u dan huwa kkontestat mill-Kummissjoni.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

330    Għandu jiġi rrilevat li l-miżuri tranżitorji li għandhom jiġu adottati fis-settur agrikolu f’kull tkabbir għandhom jiġu adattati għar-riskji konkreti ta’ tfixkil fis-suq agrikolu li dan it-tkabbir jista’ ikollu. Għaldaqstant, l-istituzzjonijiet ma humiex marbuta japplikaw il-miżuri tranżitorji identiċi fil-kuntest taż-żewġ okkażjonijiet ta’ tkabbir suċċessivi.

331    B’mod partikolari, il-Kummissjoni setgħet tieħu inkunsiderazzjoni, fost id-differenzi li eżistew fit-tkabbir tal-1995 u tal-2004, il-fatt li l-għan li jigi evitat it-tfixkil fuq is-suq Komunitarju taz-zokkor minħabba l-akkumulu ta’ kwantitajiet żejda kien iktar diffiċili sabiex jintlaħaq fl-2004, minħabba d-daqs ħafna ikbar tas-swieq tal-Istati Membri l-ġodda u l-kapaċità ħafna ikbar ta’ produzzjoni, kif ukoll minħabba l-fatt li ċerti Stati Membri, bħar-Repubblika tal-Estonja, ma applikaw ebda taxxa fuq l-importazzjoni taz-zokkor, peress li dan il-prodott seta’ sempliċement jinxtara fis-suq internazzjonali, elementi li l-Kummissjoni tagħmel riferenza għalihom fin-noti tagħha, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-Repubblika tal-Estonja. Barra minn hekk, id-differenzi fil-prezz bejn il-Komunità u l-Istati Membri l-ġodda kienu, huma wkoll, ikbar. Dawn iż-żewġ elementi flimkien irrendew ir-riskju ta’ distabbilizzazzjoni tas-suq taz-zokkor sostanzjalment ikbar u għalhekk kienu jiġġustifikaw l-adozzjoni ta’ miżuri tranżitorji iktar stretti.

332    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Estonja ma wrietx li l-Kummissjoni ttrattataha b’mod diskriminatorju meta mqabbla mal-Istati Membri li ngħaqdu mal-Komunità, imbagħad mal-Unjoni Ewropea, fl-adeżjonijiet preċedenti.

C –  Diskriminazzjoni meta mqabbla mal-Istati Membri l-antiki kollha

1.     L-argumenti tal-partijiet

333    Ir-Repubblika tal-Estonja tqis li hija ġiet ittrattata b’mod diskriminatorju meta mqabbla mal-Istati Membri l-antiki kollha. Fil-fatt, abbażi tar-regolament ikkontestat, hija marbuta teżiġi li l-operaturi tagħha jeliminaw kwantità ta’ zokkor ikbar mill-kwantità żejda tagħhom sabiex jissodisfaw l-obbligu ta’ eliminazzjoni tagħhom, peress li huwa impossibbli li jiġu eliminati r-riżervi domestiċi. Għaldaqstant, l-operaturi tagħha huma f’sitwazzjoni inqas favorevoli minn dik tal-Istati Membri l‑antiki. Fl-aħħar nett, jekk ir-Regolament Nru 60/2004 kellu jiġi interpretat b’tali mod li hija r-Repubblika tal-Estonja li għandha tbati l-konsegwenzi tal-eżistenza tal-imsemmija riżervi, billi tħallas l-ammont previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 60/2004, hija tkun qed tiġi ddiskriminata meta mqabbla mal-Istati Membri l-antiki, li fil-passat ma kellhom qatt ibatu tali piż.

334    Prinċipalment, il-Kummissjoni tqis li l-argument tar-Repubblika tal-Estonja huma diretti kontra r-Regolament Nru 60/2004 u mhux kontra r-regolament ikkontestat u huma għaldaqstant inammissibbli, u sussidjarjament, tikkontesta l-imsemmija argumenti.

2.     Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

335    Mingħajr ma jkun neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-argumenti tar-Repubblika tal-Estonja, għandu jiġi enfasizzat li l-operaturi Estonjani ma humiex marbuta, skont ir-Regolament Nru 60/2004, jeliminaw kwantità ta’ zokkor ogħla mill-kwantità żejda individwali tagħhom. Hija biss ir-Repubblika tal-Estonja stess li għandha tiżgura l-eliminazzjoni ta’ kwantità ta’ zokkor ekwivalenti għall-kwantità żejda ddeterminata mill-Kummissjoni (ara l-punt 171 iktar ’il fuq).

336    F’dak li jirrigwarda l-allegata diskriminazzjoni fil-konfront tar-Repubblika tal-Estonja meta mqabbla mal-Istati Membri l-antiki, inkwantu din għandha tħallas l-ammont previst fl-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 60/2004 jekk ma teliminax kwantità ta’ zokkor ekwivalenti għall-kwantità żejda tagħha, għandu jiġi rrilevat li s-sitwazzjoni tal-agrikoltura fl-Istati Membri l-ġodda kienet differenti ħafna għal dik eżistenti fl-Istati Membri l-antiki (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-23 ta’ Ottubru 2007, Il-Polonja vs Il-Kunsill, C‑273/04, Ġabra p. I‑8925, punt 87). Għaldaqstant, hemm lok li jiġi kkonstatat li, f’dak li jirrigwarda l‑eżistenza ta’ kwantitajiet żejda, is-sitwazzjoni tal-Istati Membri l-antiki u dik tar‑Repubblika tal-Estonja qabel it-tkabbir ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala komparabbli.

337    Fil-fatt, l-operaturi li jinsabu fl-Istati Membri l-antiki u dawk li jinsabu fl‑Estonja ġew suġġetti qabel it-tkabbir għar-regoli, għall-kwoti u għall‑mekkaniżmi ta’ sostenn għall-produzzjoni differenti. Barra minn hekk, filwaqt li l-istituzzjonijiet Komunitarji setgħu jipprojbixxu l‑formazzjoni ta’ ħażniet żejda fit-territorju tal-Istati Membri l-antiki permezz ta’ miżuri previsti fl-ambitu tal-OKS taz-zokkor, huma ma setgħux jipprojbixxu l-formazzjoni ta’ ħażniet żejda fit-territorji tal‑Istati Membri l-ġodda qabel l-adeżjoni tagħhom mal-Unjoni Ewropea. Huwa għal din ir-raġuni li l-punt 4(1) sa (4) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi l-obbligu tal-Istati Membri l-ġodda biex jeliminaw bi spejjeż tagħhom il-ħażniet żejda mingħajr ma jipprovdi madankollu obbligu simili għall-Istati Membri l-antiki, sitwazzjoni li ġiet aċċettata mir-Repubblika tal-Estonja meta ffirmat l-Att ta’ Adeżjoni.

338    Għaldaqstant, hemm lok li jiġi konkluż li r-Repubblika tal-Estonja ma wrietx l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni fil-konfront tagħha meta mqabbla mal-Istati Membri l-antiki.

339    B’hekk, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

VIII –  Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà

A –  L-argumenti tal-partijiet

340    Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li r-regolament ikkontestat jikser id‑dritt ta’ proprjetà, rikonoxxut u protett fl-ambitu tas-suq agrikolu komuni, li fir-rigward tiegħu ma jistgħux isiru restrizzjonijiet ħlief fil-każ li dawn ikunu meħtieġa għal għanijiet ta’ interess ġenerali segwiti mill-Kummissjoni u ma jikkostitwixxux indħil sproporzjonat li jista’ jkun ta’ dannu għas-sustanza stess tad-dritt. Issa, l-obbligu taċ-ċittadini Estonjani li jeliminaw iz-zokkor mixtri għall‑konsum tagħhom jikkostitwixxi tali intervent, peress li z-zokkor ma setax joħloq riskju ta’ spekulazzjoni jew ta’ tfixkil fis-suq. Barra minn hekk, dan jikkostitwixxi esproprijazzjoni, mingħajr, f’dan ir-rigward, il-benefiċċju dirett tal-familji, sempliċi konsumaturi, mill-OKS taz‑zokkor. Fl-aħħar nett, jekk l-operaturi ġew obbligati jeliminaw kwantità żejda li teċċedi l-ħażna żejda individwali tagħhom, dan jikkostitwixxi wkoll ksur tad‑dritt ta’ proprjetà.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

341    It-teżi tar-Repubblika tal-Estonja għandha tiġi miċħuda mill-ewwel.

342    Fil-fatt, ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 60/2004 ma tobbliga lill-familji Estonjani sabiex jeliminaw kwalunkwe kwantità ta’ zokkor u lanqas lill-operaturi Estonjani biex jeliminaw kwantità addizzjonali ta’ zokkor fir-rigward tal-kwantità żejda individwali tagħhom. Hija biss ir‑Repubblika tal-Estonja li hija marbuta tiżgura l-eliminazzjoni ta’ kwantità ta’ zokkor ekwivalenti għall-kwantità żejda ddeterminata mill‑Kummissjoni jew biex tħallas l-ammont previst fl-Artikolu 7(2) tal-imsemmi regolament jekk ma tirrispettax l-obbligu tagħha.

343    Fid-dawl tal-premess, hemm lok li jiġi konkluż li r‑Repubblika tal-Estonja ma wriet ebda ksur tad-dritt ta’ proprjetà minħabba l-adozzjoni tar-regolament ikkontestat.

IX –  Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

A –  L-argumenti tal-partijiet

344    Ir-Repubblika tal-Estonja ssostni li r-regolament ikkontestat jikser il‑prinċipju ta’ proporzjonalità, peress li l-eliminazzjoni tar-riżervi domestiċi ma kienx neċessarju sabiex jiġu evitati l-ispekulazzjoni u t-tfixkil tas-suq, għanijiet segwiti mir-Regolament Nru 60/2004. Fil-fatt, l-eżistenza ta’ dawn ir-riżervi ma toħloqx riskju ta’ tfixkil ħlief jekk setgħu jerġgħu jinbiegħu, li ma huwiex l-għan tal-familji, kif juri l-fatt li l-prezz taz-zokkor fl-Estonja ttripla wara l-adeżjoni biex imbagħad baqa’ stabbli. Min-naħa l-oħra, dawn ir-riżervi ma jipprovokawx spekulazzjoni, kif juri l-fatt li dawn ma ġew qatt ikkunsidrati fl-adeżjonijiet preċedenti. Fl-aħħar nett, l-inklużjoni tal-imsemmija riżervi fil-kwantità żejda attribwita lir-Repubblika tal-Estonja kellha bħala effett l-irdoppjar tal-ammont li kellu jitħallas fil-każ tan-nuqqas ta’ rispett tal-obbligi previsti mir-Regolament Nru 60/2004.

345    Ir-Repubblika tal-Latvja żżid li, fid-dawl tal-iżbalji ta’ kalkolu tal-Kummissjoni, ir-regolament ikkontestat ma jistax jilħaq l-għan segwit mir-Regolament Nru 60/2004, li ma huwiex dak li jolqot il-baġit tal-Istati Membri l-ġodda, imma dak tal-impriżi li ħażnu z-zokkor għal finijiet spekulattivi bl-użu tad-differenzi relattivi għad-dazji fuq l-importazzjoni.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

346    Il-kunsiderazzjonijiet żviluppati fil-punti 121 sa 129 u 162 sa 167 iktar ’il fuq iwasslu neċessarjament għaċ-ċaħda tal-argumenti mressqa mir-Repubblika tal-Estonja.

347    Fir-rigward tal-argumenti tar-Repubblika tal-Latvja, hemm lok li jiġi rrilevat li dawn ma jippermettux li jiġu identifikati l-allegati żbalji ta’ kalkolu tal-Kummissjoni li ma jippermettux li jintlaħaq l-għan segwit mir-regolament ikkontestat kif ukoll mir-Regolament Nru 60/2004. Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li, b’mod kuntrarju għal dak li ssostni r-Repubblika tal-Latvja, l-għan ta’ dawn ir-regolamenti ma huwiex li jolqot il-baġit tal-impriżi li ħażnu z-zokkor għal finijiet spekulattivi bl-użu tad-differenzi relattivi għad-dazji fuq l-importazzjoni u mhux dak tal-Istati Membri l-ġodda, iżda li jipprevjenu t-tfixkil possibbli tal-OKS taz-zokkor, wara l-adeżjoni ta’ dawn tal-aħħar, marbut mal-eżistenza ta’ kwantitajiet żejda fit-territorju tagħhom, u dan, b’mod partikolari, billi jiggarantixxi li l-kwantitajiet żejda jiġu eliminati bi spiża esklużiva tal-imsemmija Stati.

348    Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud.

X –  Fuq l-ewwel motiv addizzjonali mqajjem mir-Repubblika tal-Latvja, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża

A –  L-argumenti tal-partijiet.

349    Ir-Repubblika tal-Latvja tindika li ma kellhiex il-possibbiltà tressaq l‑opinjoni tagħha fuq ir-regolament ikkontestat u li tippreżenta l‑oġġezzjonijiet tagħha f’terminu raġonevoli fir-rigward tal-metodoloġija li biha l‑kwantitajiet żejda ġew ikkalkolati, fatt li l-Kummissjoni tikkontesta.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

350    Ir-Repubblika tal-Latvja tinvoka, essenzjalment, ksur tad-drittijiet ta’ difiża tagħha. Għalhekk, l-argumenti tagħha huma irrilevanti, peress li, anki jekk jitqiesu bħala ammissibili u fondati, ma jista’ jkollhom ebda impatt fuq il-legalità tar‑regolament ikkontestat f’dak li jirrigwarda r-Repubblika tal-Estonja.

351    Għaldaqstant, il-motiv preżenti għandu jiġi miċħud.

XI –  Fuq it-tieni motiv addizzjonali mqajjem mir-Repubblika tal-Latvja, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

A –  L-argumenti tal-partijiet

352    Ir-Repubblika tal-Latvja tqis li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettativi leġittimi, peress li kellha tiddetermina, għal kull Stat Membru ġdid, mhux biss l-kwantità żejda korrispondenti, iżda wkoll il-ħażna li normalment tgħaddi għas-sena ta’ wara fl-1 ta’ Mejju 2004, fatt li l-Kummissjoni tikkontesta.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

353    Għandu jitfakkar li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal‑Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza abbażi tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-imsemmi statut u tal-Artikolu 116(4) tar-Regoli tal-Proċedura li jagħtu lill-intervenjent f’kawża d-dritt li jissottometti b’mod awtonomu mhux biss argumenti, iżda wkoll motivi, sakemm dawn isostnu t-talbiet ta’ waħda mill-partijiet prinċipali u ma jkunux mingħajr ebda konnessjoni mal-kunsiderazzjonijiet li fuqhom tkun ibbażata l-kawża bejn ir-rikorrent u l-konvenut, b’mod li jbiddlu s-suġġett tal-kawża (sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-15 ta’ Ġunju 2005, Regione autonoma della Sardegna vs Il-Kummissjoni, T‑171/02, Ġabra p. II‑2123, punt 152).

354    Issa, dan il-motiv addizzjonali mqajjem mir-Repubblika tal-Latvja huwa ta’ natura kompletament estranja għall-kunsiderazzjonijiet żviluppati insostenn tal-motivi invokati mir-Repubblika tal-Estonja fil-kuntest tar-rikors preżenti u għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. Fil-fatt, jekk ir-Repubblika tal-Estonja ressqet, fil-kuntest tat-tieni parti tat-tieni motiv, argument li jista’ jiġi interpretat parzjalment, bħala bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, hija għamlet dan fir-rigward tal-fatt li, fl-adeżjonijiet preċedenti, il‑kwantitajiet inqas minn 3 tunnellati ma ġewx ikkunsidrati għall-kalkolu tal-kwantitajiet żejda, u mhux għar-rigward ta’ allegata aspettattiva leġittima fis-sens li kellha tiġi kkalkolata l-ħażna li normalment tgħaddi għas-sena ta’ wara u mhux il-kwantità żejda.

355    Għall-finijiet ta’ kompletezza, għandu jiġi rrilevat li, minkejja li l-punt 4(2) tal-Anness IV tal-Att ta’ Adeżjoni jipprovdi li kull ħażna ta’ prodotti f’ċirkulazzjoni libera fit-territorju tal-Istati Membri l-ġodda fid-data tal-adeżjoni u li taqbeż il-kwantità li tista’ tiġi kkostitwita bħala ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara għandha tiġi eliminata bi spejjeż tal-imsemmija Stati, din id-dispożizzjoni ma tobbligax lill-Kummissjoni tikkalkola din il‑kwantità żejda f’żewġ fażijiet, jiġifieri li tikkalkola qabel kollox il‑ħażna normali li tgħaddi għas-sena ta’ wara, u mbagħad, il-kwantità li taqbeż din iċ-ċifra u li għandha tiġi eliminata.

356    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, meta teżerċita l-kompetenzi li l‑Kunsill, bħall-awturi tal-Att ta’ Adeżjoni, jikkonferixxi fuqha fil‑qasam tal-politika agrikola komuni, għall-implementazzjoni tar-regoli li jistabbilixxi, il-Kummissjoni tista’ tagħmel użu minn setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, b’tali mod li hija biss in-natura manifestament inadegwata ta’ miżura adottata f’dan il-qasam, meta mqabbla mal-għan li l-istituzzjoni kompetenti trid tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ tali miżura (ara s-sentenza Weidacher, punt 118 iktar ’il fuq, punt 26, u l-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li hija libera, fl-eżerċizzju ta’ din is-setgħa wiesgħa ta’ diskrezzjoni, li tapplika metodu ta’ kalkolu ssimplifikat li minnu tista’ tirriżulta b’mod dirett il-kwantità żejda li għandha tiġi eliminata. Hija r-Repubblika tal-Latvja li għandha turi li l-metodu magħżul mill-Kummissjoni huwa manifestament inadattat. Madankollu, l-argumenti li r-Repubblika tal-Latvja ssostni f’dan ir-rigward ma humiex ta’ natura li joħolqu dubju fir-rigward tal-fondatezza tal-metodu użat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, ir-Repubblika tal-Latvja ssostni biss, mingħajr ma tissostanzja bl-ebda mod l-affermazzjoni tagħha, minn naħa, li kieku l-Kummissjoni applikat il-metodu li hija tqis adegwat, hija kienet tkun tista’ tiggarantixxi aħjar li ċ-ċirkustanzi tal-kostituzzjoni tal-ħażniet kienu ser jiġu analizzati b’mod korrett u, min-naħa l-oħra, li, b’dan l-mod, hija kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi mingħajr ma rriferiet għal ebda assigurazzjoni preċiża min-naħa tal-Kummissjoni li tindika li kienet ser tipproċedi bil-mod li r‑Repubblika tal-Latvja tqis bħala adattat.

357    Isegwi li l-motiv addizzjonali mqajjem mir-Repubblika tal-Latvja għandu wkoll jiġi miċħud fuq il-mertu.

358    Fid-dawl tal-premess, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

359    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r‑Repubblika tal-Estonja tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l‑ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

360    Ir-Repubblika tal-Latvja għandha tbati l-ispejjeż tagħha, bl‑applikazzjoni tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(4) tar-Regoli tal-Proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika tal-Estonja hija kkundannata għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għal dawk tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.

3)      Ir-Repubblika tal-Latvja għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Tiili

Dehousse

Wiszniewska-Białecka

Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-2 ta’ Ottubru 2009.

FiremWerrej

Il-kuntest ġuridiku

I –  Fuq l-OKS taz-zokkor

II –  Fuq it-Trattat ta’ adeżjoni u l-Att ta’ adeżjoni

Il-fatti li wasslu għall-kawża

I –  Fuq ir-Regolament (KE) Nru 60/2004

II –  Fuq ir-Regolament (KE) Nru 651/2005

III –  Fuq ir-regolament ikkontestat

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

I –  Fuq it-talbiet magħmula preliminarjament mir-Repubblika tal‑Estonja u mill-Kummissjoni

A –  Fuq it-talba preliminari tar-Repubblika tal-Estonja

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq it-talba preliminari tal-Kummissjoni

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

II –  Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kolleġjalità

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

III –  Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tar-Regolament Nru 60/2004

A –  Fuq in-natura vinkolanti tar-Regolament Nru 60/2004 meta mqabbel mar-regolament ikkontestat

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Fuq l-ewwel parti

1.  Fuq it-tifsira tal-kelma “ħażna”

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

2.  Fuq il-qari sistematiku tar-Regolament Nru 60/2004

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq il-kunċett ta’ “ħażna” miżmuma f’adeżjonijiet preċedenti

a)  Osservazzjonijiet preliminari

b)  L-argumenti tal-partijiet

c)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 32 KE

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “detenturi ta’ ħażniet żejda” segwita mill-Qorti tal-Ġustizzja

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Fuq it-tieni parti

1.  Osservazzjonijiet preliminari fuq il-portata tal-Artikolu 6(1)(ċ) tar‑Regolament Nru 60/2004

2.  Fuq l-importanza tal-konsum taz-zokkor fl-Estonja

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

3.  Fuq it-tibdil tal-Kummissjoni fil-kriterji applikati fl‑adeżjonijiet preċedenti

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

4.  Fuq il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni għall-kostituzzjoni tar-riżervi domestiċi fl-Estonja

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

5.  Fuq il-kunsiderazzjoni insuffiċjenti min-naħa tal-Kummissjoni tal‑iżvilupp tal-ekonomija tal-Istati Membri l-ġodda.

a)  L-argumenti tal-partijiet

b)  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

IV –  Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

V –  Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

VI –  Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ bona fide

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

VII –  Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni

A –  Diskriminazzjoni meta mqabbla mar-Repubblika ta’ Malta u mar-Repubblika ta’ Ċipru

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

B –  Diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ ċerti Stati Membri li ngħaqdu preċedentement mal-Komunità

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

C –  Diskriminazzjoni meta mqabbla mal-Istati Membri l-antiki kollha

1.  L-argumenti tal-partijiet

2.  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

VIII –  Fuq is-seba’ motiv, ibbażat fuq ksur tad-dritt ta’ proprjetà

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

IX –  Fuq it-tmien motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

X –  Fuq l-ewwel motiv addizzjonali mqajjem mir-Repubblika tal-Latvja, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet ta’ difiża

A –  L-argumenti tal-partijiet.

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

XI –  Fuq it-tieni motiv addizzjonali mqajjem mir-Repubblika tal-Latvja, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

A –  L-argumenti tal-partijiet

B –  Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Estonjan.