Language of document : ECLI:EU:C:2023:908

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)

23 ta’ Novembru 2023 (*)

“Appell – Għajnuna mill-Istat – Artikolu 107(2)(b) TFUE – Suq Franċiż tat-trasport bl-ajru – Skema ta’ għajnuna kkomunikata mir-Repubblika Franċiża – Moratorju fuq il-ħlas tat-taxxa u tat-tariffi tal-avjazzjoni intiżi bħala appoġġ għall-kumpanniji tal-ajru fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 – Qafas temporanju għall-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Għajnuna intiża biex tirrimedja għad-danni kkawżati minn avveniment straordinarju – Prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ nondiskriminazzjoni – Libertà li jiġu provduti servizzi”

Fil-Kawża C‑210/21 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑2 ta’ April 2021,

Ryanair DAC, stabbilita fi Swords (l-Irlanda), irrappreżentata minn V. Blanc, F.-C. Laprévote u E. Vahida, avocats, I.-G. Metaxas-Maranghidis, dikigoros, D. Pérez de Lamo u S. Rating, abogados,

appellanti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Flynn, C. Georgieva, S. Noë u F. Tomat, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata inizjalment minn A.‑L. Desjonquères, P. Dodeller, T. Stéhelin u N. Vincent, sussegwentement minn A.-L. Desjonquères, T. Stéhelin u N. Vincent, u fl-aħħar nett minn A.-L. Desjonquères u T. Stéhelin, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn C. Lycourgos, President tal-Awla, O. Spineanu-Matei, J.-C. Bonichot, S. Rodin (Relatur) u L. S. Rossi, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: M. Longar, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad‑19 ta’ Ottubru 2022,

wara li rat id-deċiżjoni meħuda, wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li taqta’ l-kawża mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, Ryanair DAC titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas‑25 ta’ April 2021, Ryanair vs ILKummissjoni (T‑259/20, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2021:92), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 2097 final tal‑31 ta’ Marzu 2020 dwar l-Għajnuna mill-Istat SA.56765 (2020/N) – Franza – COVID-19 – Moratorju fuq il-ħlas ta’ taxxi ajrunawtiċi favur impriżi tat-trasport pubbliku bl-ajru (ĠU 2020, C 294, p. 8, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kontenzjuża”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża u ddeċiżjoni kontenzjuża

2        Il-fatti li wasslu għall-kawża, kif jirriżultaw mis-sentenza appellata, jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

3        Fl‑24 ta’ Marzu 2020, ir-Repubblika Franċiża kkomunikat lill-Kummissjoni Ewropea, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ moratorju fuq il-ħlas tat-taxxa tal-avjazzjoni ċivili u tat-taxxa ta’ solidarjetà fuq il-biljetti tal-ajru dovuti mill-kumpanniji tal-ajru (iktar ’il quddiem l-“iskema ta’ għajnuna inkwistjoni”).

4        L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet intiża sabiex il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa fi Franza skont l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropea u tal-Kunsill tal‑24 ta’ Settembru 2008 dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi ta’ l-ajru fil-Komunità (ĠU 2008, L 293, p. 3) (iktar ’il quddiem il-“liċenzja Franċiża”), ikunu jistgħu jżommu biżżejjed likwidità sat-tneħħija tar-restrizzjonijiet jew tal-projbizzjonijiet fuq l-ivvjaġġar marbuta mal-pandemija tal-COVID-19 u r-ritorn għal attività kummerċjali normali. Din kienet tipprevedi li l-ħlas tat-taxxa tal-avjazzjoni ċivili u tat-taxxa ta’ solidarjetà fuq il-biljetti tal-ajru dovuti għall-perijodu minn Marzu sa Diċembru 2020 kellu jiġi pospost għall‑1 ta’ Jannar 2021 u kellu jitqassam fuq perijodu ta’ 24 xahar, sal‑31 ta’ Diċembru 2022. L-ammont eżatt tat-taxxi kellu jiġi ddeterminat skont in-numru ta’ passiġġieri ttrasportati jew in-numru ta’ titjiriet operati minn ajruport Franċiż. Barra minn hekk, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellha tibbenefika lill-impriżi tat-trasport pubbliku bl-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, li kien jimplika li huma għandhom il-“post prinċipali tan-negozju” tagħhom fi Franza.

5        Fil‑31 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni kontenzjuża, li permezz tagħha hija, wara li kkonkludiet li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, evalwat il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern u b’mod iktar partikolari fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

6        F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset b’mod partikolari li l-pandemija tal-COVID-19 kienet tikkostitwixxi avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u li kienet teżisti rabta kawżali bejn id-danni kkawżati minn dan l-avveniment u d-dannu kkumpensat mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, sa fejn din tal-aħħar kienet intiża sabiex tnaqqas il-kriżi ta’ likwidità tal-kumpanniji tal-ajru minħabba din il-pandemija, billi tipprovdi rispons għall-bżonnijiet ta’ likwidità tal-impriżi tat-trasport pubbliku bl-ajru li għandhom liċenzja Franċiża.

7        Fit-tieni lok, wara li fakkret li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja kien jirriżulta li setgħu jiġu kkumpensati biss l-iżvantaġġi ekonomiċi kkawżati direttament minn avveniment straordinarju u li l-kumpens ma setax jeċċedi l-ammont ta’ dawn l-iżvantaġġi, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet proporzjonata fir-rigward tal-ammont tad-danni mistennija, sa fejn l-ammont ta’ għajnuna previżjonali kien jidher inqas mid-danni kummerċjali mistennija minħabba l-kriżi li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19.

8        It-tieni nett, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet stabbilita b’mod nondiskriminatorju peress li l-benefiċjarji tal-iskema kienu jinkludu l-kumpanniji tal-ajru kollha li għandhom liċenzji Franċiżi. F’dan ir-rigward, hija enfasizzat li l-fatt li l-għajnuna ngħatat fil-forma ta’ moratorju fuq ċerti taxxi imposti wkoll fuq il-baġit tal-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzji ta’ operat maħruġa minn Stati Membri oħra ma kellux impatt fuq in-natura nondiskriminatorja tagħha, sa fejn l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet intiża sabiex tikkumpensa d-danni mġarrba mill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzji Franċiżi. L-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tibqa’ għalhekk proporzjonata mal-għan tagħha li jiġu kkumpensati d-danni kkawżati mill-pandemija COVID‑19. B’mod partikolari, l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tikkontribwixxi għall-preżervazzjoni tal-istruttura tas-settur tal-ajru għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzji Franċiżi. Konsegwentement, il-Kummissjoni qieset li l-awtoritajiet Franċiżi kienu wrew f’dan l-istadju li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx ser teċċedi d-danni kkawżati direttament mill-kriżi li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19.

9        Għaldaqstant, il-Kummissjoni ddeċidiet, fid-dawl tal-impenji meħuda mir-Repubblika Franċiża u, b’mod partikolari, l-impenn li tibgħatilha u li tikseb il-kunsens tagħha għall-metodoloġija ddettaljata tal-mod li bih dan l-Istat Membru kellu l-intenzjoni li jikkwantifika, a posteriori u għal kull benefiċjarju, l-ammont tad-danni marbuta mal-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet fir-rigward tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

 Ilproċedura quddiem ilQorti Ġenerali u ssentenza appellata

10      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑8 ta’ Mejju 2020, Ryanair ippreżentat rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kontenzjuża.

11      Insostenn tar-rikors tagħha, Ryanair qajmet erba’ motivi, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq ksur tal-prinċipji ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità u tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, it-tieni wieħed, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni fl-eżami tal-proporzjonalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tad-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19, it-tielet wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet kisret id-drittijiet proċedurali tagħha billi rrifjutat li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali minkejja l-eżistenza ta’ dubji serji li kellhom iwasslu għall-ftuħ ta’ tali proċedura u, ir-raba’ wieħed, fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni kienet kisret it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

12      Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel, it-tieni u r-raba’ motiv invokati minn Ryanair bħala infondati. Fir-rigward tat-tielet motiv, hija qieset, b’mod partikolari fid-dawl tal-motivi li wasslu għaċ-ċaħda tal-ewwel żewġ motivi tar-rikors, li ma kienx neċessarju li tiġi eżaminata l-fondatezza tiegħu. Konsegwentement, hija ċaħdet ir-rikors kollu kemm hu, mingħajr ma ddeċidiet dwar l-ammissibbiltà ta’ dan ir-rikors.

 Ittalbiet talpartijiet quddiem ilQorti talĠustizzja

13      Permezz tal-appell tagħha, Ryanair titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tannulla d-deċiżjoni kontenzjuża;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni u lir-Repubblika Franċiża għall-ispejjeż jew, sussidjarjament;

–        tannulla s-sentenza appellata; u

–        tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali; u tirriżerva l-ispejjeż.

14      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell u

–        tikkundanna lill-appellanti għall-ispejjeż.

15      Ir-Repubblika Franċiża titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell.

 Fuq lappell

16      Insostenn tal-appell tagħha, Ryanair tinvoka ħames aggravji. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat ċaħdet il-motiv tar-rikors fl-ewwel istanza bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifest tal-fatti fl-eżami tal-motiv ta’ dan ir-rikors ibbażat fuq il-ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. It-tielet aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifesta tal-fatti fl-applikazzjoni tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE u tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fir-rigward tal-ammont tad-danni mġarrba mill-benefiċjarji tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifest tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE. Il-ħames aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi u fuq żnaturament manifest tal-fatti mwettqa mill-Qorti Ġenerali meta ddeċidiet li ma teżaminax, fir-rigward tal-mertu, it-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti.

 Fuq lewwel aggravju

 Largumenti talpartijiet

17      Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, li jinkludi erba’ partijiet u li jirrigwarda l-punti 28 sa 51 tas-sentenza appellata, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żbalji ta’ liġi meta qieset li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni ma kinitx tikser il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità.

18      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali ma applikatx debitament il-prinċipju ta’ projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità, li huwa prinċipju essenzjali tal-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Minkejja li l-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet, fil-punti 31 u 32 tas-sentenza appellata, li d-differenza fit-trattament stabbilita mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni setgħet tiġi assimilata ma’ diskriminazzjoni fir-rigward ta’ waħda mill-kriterji ta’ eliġibbiltà, jiġifieri ż-żamma ta’ liċenzja Franċiża, hija qieset b’mod żbaljat li tali diskriminazzjoni kellha tiġi evalwata biss fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, minħabba li din id-dispożizzjoni kienet tikkostitwixxi dispożizzjoni partikolari fis-sens tal-Artikolu 18 TFUE. Fil-fatt, il-limitazzjoni tal-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għall-impriżi tat-trasport bl-ajru li għandhom liċenzja Franċiża hija ekwivalenti għal diskriminazzjoni diretta bbażata fuq in-nazzjonalità peress li, sabiex tikseb tali liċenzja, kumpannija tal-ajru għandu neċessarjament ikollha l-post prinċipali tan-negozju tagħha fi Franza.

19      Barra minn hekk, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk tali diskriminazzjoni kinitx iġġustifikata għal raġunijiet ta’ ordni pubbliku, ta’ sigurtà pubblika jew ta’ saħħa pubblika, fis-sens tal-Artikolu 52 TFUE, jew, fi kwalunkwe każ, jekk din kinitx ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet oġġettivi, indipendenti min-nazzjonalità tal-persuni kkonċernati.

20      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, l-appellanti ssostni li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 33 sa 34 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti f’dak li jirrigwarda d-determinazzjoni tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. B’mod partikolari, huwa b’mod żbaljat li hija qieset li l-għan ta’ din l-iskema kien li jiġi rrimedjat id-dannu li jirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19 għall-“kumpanniji tal-ajru milquta b’mod qawwi” jew li jitnaqqas id-dannu mġarrab mill-kumpanniji tal-ajru li joperaw fit-territorju kkonċernat u li dan l-għan kien konformi mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, filwaqt li mid-deċiżjoni kontenzjuża jirriżulta li l-imsemmi għan kien li l-kumpanniji tal-ajru “li għandhom liċenzja Franċiża” jkunu jistgħu jżommu likwidità suffiċjenti.

21      Permezz tat-tielet parti tal-ewwel aggravju tagħha, Ryanair issostni li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi u bi żnaturament tal-fatti sa fejn il-Qorti Ġenerali qieset, fil-punti 36 sa 41 tas-sentenza appellata, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li minnha jibbenefikaw biss il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, kienet xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

22      Ryanair issostni, prinċipalment, li d-deċiżjoni kontenzjuża ma tinkludi ebda motivazzjoni ta’ natura li tiġġustifika l-użu ta’ kriterju ta’ eliġibbiltà marbut mal-pussess ta’ liċenzja Franċiża u li l-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha f’dan ir-rigward fuq motivi mhux previsti mid-deċiżjoni kontenzjuża, fil-punti 37 sa 39 tas-sentenza appellata, wettqet sostituzzjoni tal-motivi, minkejja li ma kellhiex kompetenza.

23      Sussidjarjament, Ryanair issostni li t-tliet motivi mressqa mill-Qorti Ġenerali għal dan l-għan huma vvizzjati bi żbalji ta’ liġi jew żnaturament tal-fatti.

24      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali interpretat b’mod żbaljat ir-Regolament Nru 1008/2008, billi qieset, fil-punti 37 sa 39 tas-sentenza appellata, l-ewwel nett, li Stat Membru li jkun ħareġ liċenzja ta’ operat lil kumpannija tal-ajru jista’ jikkontrolla l-użu tal-għajnuna li huwa alloka lil din il-kumpannija, it-tieni nett, li dan l-Istat Membru jista’ jiżgura ruħu li l-imsemmija kumpannija tħallas taxxi li l-ħlas tagħhom ġie ddifferit, b’tali mod li jitnaqqas it-telf tagħha ta’ dħul fiskali fuq medda medja ta’ żmien, u, it-tielet nett, li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat għandhom rabta eqreb mal-ekonomija tal-Istat Membru li jkun ħareġ din il-liċenzja. Fil-fatt, ma teżisti ebda differenza, f’termini ta’ kontrolli finanzjarji, ta’ riskju ta’ inadempjenza fil-ħlas tat-taxxi u ta’ rabtiet mal-ekonomija tal-Istat Membru li jkun alloka l-għajnuna, bejn il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa minn dan l-Istat Membru u dawk li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa minn Stat Membru ieħor. Il-Qorti Ġenerali għalhekk introduċiet fir-Regolament Nru 1008/2008 kompetenzi fil-qasam tal-għoti u l-monitoraġġ tal-għajnuna li ma humiex inklużi fih u waslet għal konklużjonijiet legali żbaljati mid-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament dwar il-kundizzjonijiet finanzjarji stabbiliti għall-għoti ta’ liċenzja ta’ operat.

25      Permezz tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti sa fejn qieset, fil-punti 43 sa 48 tas-sentenza appellata, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet proporzjonata.

26      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali, sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-kriterju ta’ eliġibbiltà marbut maż-żamma ta’ liċenzja Franċiża, ibbażat ruħha, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, fuq motiv, li jipprovdi li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża kienu l-iktar milquta b’mod qawwi mill-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament adottati mill-awtoritajiet Franċiżi, li ma jinsabux fid-deċiżjoni kontenzjuża. Dan il-motiv ma jistax jikkostitwixxi element ta’ riferiment xieraq sabiex tiġi evalwata l-proporzjonalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni jekk, kif tallega l-Qorti Ġenerali, l-avveniment straordinarju ppreżentat bħala l-kawża tad-danni mġarrba jinkludi kemm il-pandemija tal-COVID-19 kif ukoll il-miżuri restrittivi tat-trasport adottati mill-awtoritajiet Franċiżi.

27      It-tieni nett, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, iġġustifikat dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà, kemm arbitrarju kif ukoll diskriminatorju, billi bbażat ruħha fuq l-argument dubjuż li l-Istati Membri ma għandhomx riżorsi illimitati. Issa, skont Ryanair, skemi ta’ għajnuna jistgħu jiġu stabbiliti għal ammonti limitati u fuq il-bażi ta’ kriterji nondiskriminatorji, b’tali mod li jippreżervaw ir-riżorsi baġitarji filwaqt li josservaw l-Artikoli 18 u 56 TFUE u jissodisfaw l-għan intiż tal-għajnuna.

28      It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali naqset milli tevalwa, fis-sentenza appellata, l-effett kompetittiv tal-għajnuna sabiex tevalwa l-proporzjonalità ta’ din l-għajnuna. Issa, tali evalwazzjoni hija essenzjali sabiex jiġi ddeterminat, skont il-kliem stess tal-Qorti Ġenerali, jekk l-iskema ta’ għajnuna tmurx “lil hinn minn dak li huwa neċessarju” sabiex jintlaħaq l-għan intiż tagħha.

29      Ir-raba’ nett, il-Qorti Ġenerali rrifjutat b’mod żbaljat, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li teżamina xenarju ieħor ta’ għajnuna minħabba li l-Kummissjoni ma setgħetx “teżamina kull miżura alternattiva possibbli”. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha b’mod żbaljat fuq is-sentenza tagħha tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs IlKummissjoni (T‑135/17, EU:T:2019:287), li minnha jirriżulta biss li l-Kummissjoni ma kellhiex id-dmir li teżamina l-miżuri alternattivi kollha fil-motivazzjoni tagħha.

30      Barra minn hekk, il-motiv imsemmi mill-Qorti Ġenerali fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li jgħid li l-miżura alternattiva ipotetika, li tikkonsisti fl-estensjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għal kumpanniji mhux stabbiliti fi Franza, ma kinitx tippermetti li jintlaħaq l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni huwa bbażat, permezz ta’ riferiment għall-punti 37 sa 41 ta’ din is-sentenza, fuq l-ipoteżi legali żbaljata li, skont ir-Regolament Nru 1008/2008, il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa minn Stat Membru ieħor jistgħu iktar faċilment jinterrompu r-rotot tagħhom lejn u minn Franza.

31      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jsostnu li l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

32      Preliminarjament għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-klassifikazzjoni ta’ miżura nazzjonali bħala “għajnuna mill-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, tirrikjedi li l-kundizzjonijiet kollha segwenti jkunu ssodisfatti. L-ewwel, għandu jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz tar-riżorsi tal-Istat. It-tieni, dan l-intervent għandu jkun ta’ natura li jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri. It-tielet, dan għandu jagħti vantaġġ selettiv lill-benefiċjarju tiegħu. Ir-raba’, irid joħloq distorsjoni jew jhedded li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Ġunju 2018, IlĠermanja vs IlKummissjoni, C‑208/16 P, EU:C:2018:506, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Huwa għalhekk fid-dawl ta’ miżuri li għandhom tali karatteristiċi u li għandhom tali effetti, sa fejn dawn jistgħu joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni u jippreġudikaw il-kummerċ bejn l-Istati Membri, li l-Artikolu 107(1) TFUE jistabbilixxi l-prinċipju ta’ inkompatibbiltà ta’ għajnuna mill-Istat mas-suq intern.

34      B’mod partikolari, ir-rekwiżit ta’ selettività li jirriżulta mill-Artikolu 107(1) TFUE jippreżupponi li l-Kummissjoni tistabbilixxi li l-vantaġġ ekonomiku, f’sens wiesa’, li jirriżulta direttament jew indirettament minn miżura partikolari jkun ta’ vantaġġ speċifiku għal impriża waħda jew iktar. Sabiex tagħmel dan, hija għandha turi, b’mod partikolari, li l-miżura kkonċernata tintroduċi distinzjonijiet bejn l-impriżi li jkunu jinsabu, fir-rigward tal-għan imfittex, f’sitwazzjoni paragunabbli. Għalhekk, jeħtieġ li l-vantaġġ jingħata b’mod selettiv u li dan ikun jista’ jqiegħed lil ċerti impriżi f’sitwazzjoni iktar favorevoli minn oħrajn (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs IlKummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

35      L-Artikolu 107(2) u (3) TFUE jipprevedi madankollu ċerti derogi mill-prinċipju ta’ inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, imsemmi fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, bħal dik stabbilita fl-Artikolu 107(2)(b) TFUE, dwar l-għajnuna “mogħtija sabiex tirrimedja għall-ħsara kkawżata minn diżastri naturali jew avvenimenti oħra straordinarji”. Għaldaqstant, hija kompatibbli jew tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern għajnuna mill-Istat mogħtija għall-finijiet u fuq il-bażi tal-kundizzjonijiet previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet derogatorji, minkejja l-fatt li din għandha l-karatteristiċi u tipproduċi l-effetti msemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza.

36      Minn dan isegwi li, ħlief biex l-imsemmija dispożizzjonijiet derogatorji jiġu mċaħħda minn kull effett utli, għajnuna mill-Istat li tingħata b’mod konformi ma’ dawn ir-rekwiżiti, jiġifieri għall-finijiet ta’ għan irrikonoxxut fihom u fil-limiti ta’ dak li huwa neċessarju u proporzjonat għat-twettiq ta’ dan l-għan, ma tistax titqies inkompatibbli mas-suq intern biss fid-dawl tal-karatteristiċi jew biss fid-dawl tal-effetti, imsemmija fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, li huma inerenti għal kull għajnuna mill-Istat, jiġifieri, b’mod partikolari, għal raġunijiet marbuta mal-fatt li l-għajnuna hija selettiva jew li toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 107 u l-ġurisprudenza ċċitata).

37      Għalhekk, għajnuna ma tistax titqies li hija inkompatibbli mas-suq intern għal raġunijiet li huma marbuta biss mal-fatt li l-għajnuna hija selettiva jew li toħloq distorsjoni jew thedded li tfixkel il-kompetizzjoni (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni C‑320/21 P, punt 108).

38      Madankollu, fir-rigward tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħha li permezz tagħha Ryanair tinvoka żball ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali ma applikatx, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, il-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni minħabba n-nazzjonalità stabbilit fl-Artikolu 18 TFUE, iżda eżaminat il-miżura inkwistjoni fid-dawl tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, għandu jitfakkar li mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat FUE. Għaldaqstant, għajnuna li, bħala tali jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern (sentenzi tal‑31 ta’ Jannar 2023, IlKummissjoni vs Braesch et, C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 96, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 109).

39      Madankollu, f’dak li jirrigwarda speċifikament l-Artikolu 18 TFUE, hija ġurisprudenza stabbilita li dan l-artikolu huwa intiż li japplika b’mod awtonomu biss f’sitwazzjonijiet irregolati mid-dritt tal-Unjoni li fir-rigward tagħhom it-Trattat FUE ma jipprevedix regoli speċifiċi ta’ nondiskriminazzjoni (sentenzi tat‑18 ta’ Lulju 2017, Erzberger, C‑566/15, EU:C:2017:562, punt 25 u tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 110).

40      Peress li, kif tfakkar fil-punt 35 ta’ din is-sentenza, l-Artikolu 107(2) u (3) TFUE jipprevedi derogi mill-prinċipju, imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu, tal-inkompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat mas-suq intern, u għalhekk jirrikonoxxi, b’mod partikolari, differenzi fit-trattament bejn impriżi, bil-kundizzjoni li jissodisfaw ir-rekwiżiti previsti minn dawn id-derogi, dawn tal-aħħar għandhom jitqiesu bħala “dispożizzjonijiet partikolari” previsti mit-Trattati, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 18 TFUE (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 111).

41      Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 32 tas-sentenza appellata, li l-Artikolu 107(2)(b) TFUE kien jikkostitwixxi tali dispożizzjoni partikolari u li kellu jiġi eżaminat biss jekk id-differenza fit-trattament ikkawżata mill-miżura inkwistjoni kinitx permessa taħt din id-dispożizzjoni.

42      Minn dan jirriżulta li d-differenzi fit-trattament li ġġib magħha din il-miżura inkwistjoni ma għandhomx vantaġġ li jiġu ġġustifikati fid-dawl tal-motivi stabbiliti fl-Artikolu 52 TFUE, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair.

43      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

44      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 33 u 34 tas-sentenza appellata, identifikat b’mod żbaljat l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kif jirriżulta mid-deċiżjoni kontenzjuża, u li, b’mod żbaljat, qieset li dan l-għan ma kienx jikkonsisti fit-tnaqqis tad-dannu mġarrab mill-kumpannija tal-ajru li joperaw fit-territorju kkonċernat.

45      F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali, fil-punt 33 tas-sentenza appellata, irrilevat, essenzjalment, li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kien, konformement mal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, b’mod ġenerali, li jiġi rrimedjat id-dannu, fis-settur tat-trasport bl-ajru, li jirriżulta minn avveniment straordinarju, jiġifieri mill-pandemija tal-COVID-19, u, b’mod iktar speċifiku, li jittaffu, permezz tal-għoti ta’ moratorju, l-ispejjeż tal-kumpanniji tal-ajru milquta b’mod qawwi mill-miżuri ta’ restrizzjoni tat-trasport u ta’ konfinament adottati mir-Repubblika Franċiża sabiex taffaċċja din il-pandemija.

46      Din id-deskrizzjoni tal-għan intiż minn din l-iskema hija konformi ma’ dik esposta fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’mod partikolari fil-premessi 2 u 3 tagħha, li jinsabu fil-Taqsima 2.1 intitolata “Għan tal-Miżura”, iċċitati fis-sentenza appellata. Għall-kuntrarju, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, minn din id-deċiżjoni ma jirriżultax li ż-żamma ta’ liċenzja Franċiża kienet tikkostitwixxi għan fih innifsu tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, iżda li tali żamma kienet tikkostitwixxi pjuttost, kif essenzjalment qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 33 tas-sentenza appellata, kriterju ta’ eliġibbiltà ta’ din l-iskema.

47      Sa fejn, permezz ta’ din it-tieni parti, Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żnaturament tal-fatti sottomessi lilha, għandu jitfakkar li, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) TFUE u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea jirriżulta li l-Qorti Ġenerali biss għandha ġurisdizzjoni, minn naħa, sabiex jiġu kkonstatati l-fatti, ħlief fil-każ fejn l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tagħha tirriżulta mill-atti tal-proċess li jkunu ġew ippreżentati quddiemha, u, min-naħa l-oħra, sabiex jiġu evalwati dawn il-fatti (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 103 u l-ġurisprudenza ċċitata).

48      Minn dan isegwi li l-evalwazzjoni tal-fatti ma tikkostitwixxix, ħlief fil-każ ta’ żnaturament tal-provi prodotti quddiem il-Qorti Ġenerali, kwistjoni ta’ liġi suġġetta, bħala tali, għall-istħarriġ tal-Qorti tal-Ġustizzja (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 104 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Meta jallega żnaturament tal-provi mill-Qorti Ġenerali, appellant għandu, skont l-Artikolu 256 TFUE, l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 168(1)(d) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jindika b’mod preċiż l-elementi li kienu ġew żnaturati minnha u juri l-iżbalji fl-analiżi li, fl-evalwazzjoni tagħha, wasslu lill-Qorti Ġenerali għal dan l-iżnaturament. Barra minn hekk, hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li żnaturament għandu jidher b’mod manifest mill-atti tal-proċess, mingħajr ma jkun meħtieġ li ssir evalwazzjoni ġdida tal-fatti u tal-provi (sentenza tal‑25 ta’ Ġunju 2020, CSUE vs KF, C‑14/19 P, EU:C:2020:492, punt 105 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, insostenn ta’ din il-parti, Ryanair ma tippreċiżax il-provi li l-Qorti Ġenerali żnaturat għad-determinazzjoni tal-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni u, a fortiori, ma turix kif dawn il-provi ġew żnaturati.

51      F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

52      Permezz tat-tielet parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti meta ddeċidiet, fil-punti 36 sa 41 tas-sentenza appellata, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, sa fejn kienet tibbenefika biss lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, kienet adatta sabiex tilħaq l-għan tagħha.

53      F’dan ir-rigward, Ryanair issostni, b’mod prinċipali, essenzjalment, li bl-affermazzjoni, b’mod partikolari fil-punt 37 tas-sentenza appellata, li l-kriterju taż-żamma ta’ liċenzja maħruġa mill-Istat Membru li jagħti l-għajnuna kien jippermetti li jiġi kkontrollat il-mod kif din tintuża mill-benefiċjarji, il-Qorti Ġenerali ressqet ġustifikazzjoni li ma kinitx tinsab fid-deċiżjoni kontenzjuża, b’tali mod li ssostitwixxiet il-motivi tagħha għal dawk adottati mill-Kummissjoni insostenn ta’ din id-deċiżjoni.

54      F’dan ir-rigward, ċertament, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fil-kuntest tal-istħarriġ tal-legalità skont l-Artikolu 263 TFUE, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti Ġenerali ma jistgħux, fi kwalunkwe każ, jissostitwixxu l-motivazzjoni tagħhom għal dik tal-awtur tal-att ikkontestat (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, World Duty Free Group u Spanja vs IlKummissjoni, C‑51/19 P u C‑64/19 P, EU:C:2021:793, punt 70 u l-ġurisprudenza ċċitata). F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat, fil-premessi 45 u 46 tad-deċiżjoni kontenzjuża, il-Kummissjoni tirreferi espressament għall-fatt li l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat Franċiża għandhom il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Franza u li huma hemmhekk suġġetti għal monitoraġġ regolari tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom. Għalhekk, fil-punt 37 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha li tispjega l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża u, b’mod iktar partikolari, li tislet ċerti indikazzjonijiet mill-elementi li jinsabu fiha, mingħajr madankollu ma ssostitwixxiet il-motivi ta’ din id-deċiżjoni.

55      Sussidjarjament, Ryanair tikkontesta d-dikjarazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali, li jinsabu fil-punti 37 sa 39 tas-sentenza appellata, li jgħidu, l-ewwel nett, li Stat Membru li ħareġ liċenzja lil kumpannija tal-ajru, seta’ jikkontrolla l-użu tal-għajnuna li huwa alloka lil din il-kumpannija, it-tieni nett, dan l-Istat Membru seta’ jiżgura ruħu li l-imsemmija kumpannija tħallas taxxi li l-ħlas tagħhom ġie ddifferit, b’tali mod li jitnaqqas it-telf tagħha ta’ dħul fiskali fuq medda’ medja ta’ żmien, l-inqas għoli possibbli, u, it-tielet nett, il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja kellhom rabta eqreb mal-ekonomija tal-Istat Membru li ħareġ din il-liċenzja. Huwa billi bbażat ruħha fuq dawn l-affermazzjonijiet li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, li billi llimitat il-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni biss għall-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża u li għandhom, għaldaqstant, il-post prinċipali tan-negozju tagħhom fi Franza, ir-Repubblika Franċiża kienet leġittimament fittxet, essenzjalment, li tiżgura l-eżistenza ta’ rabta perenni bejnha u l-kumpanniji tal-ajru li jibbenefikaw mill-moratorju u, fil-punt 41 tal-imsemmija sentenza, li l-kriterju ta’ eliġibbiltà marbut maż-żamma ta’ tali liċenzja kien għalhekk xieraq sabiex jintlaħaq l-għan li jiġu rrimedjati d-danni kkawżati minn avveniment straordinarju fis-sens tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

56      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq ir-Regolament Nru 1008/2008, fil-punti 37 sa 39 tas-sentenza appellata, biss sabiex tistabbilixxi l-ispeċifiċità u l-istabbiltà tar-rabta li tgħaqqad il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat mal-Istat Membru li ħareġ din il-liċenzja, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi regolament li jirregola r-relazzjonijiet tagħhom u, b’mod partikolari, il-kontrolli finanzjarji li jeżerċitaw l-awtoritajiet ta’ dan l-Istat Membru fuq dawn il-kumpanniji tal-ajru. Issa, bħala tali, huwa mingħajr effett fuq l-evalwazzjoni ta’ din ir-rabta, sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterji ta’ eliġibbiltà humiex xierqa sabiex jintlaħaq l-għan imfittex mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-fatt li dawn il-kontrolli ma jirrigwardawx speċifikament l-għajnuna mogħtija lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża jew li kontroll tal-użu tal-għajnuna jista’ jsir ukoll fuq kumpanniji tal-ajru li ma għandhomx liċenzja Franċiża, kif issostni Ryanair.

57      Għalkemm, it-tieni nett, Ryanair tallega żnaturament tal-fatti f’dak li jikkonċerna l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punt 55 ta’ din is-sentenza, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija ma ressqet ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali wettqet tali żnaturament, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza.

58      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tielet parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

59      Permezz tar-raba’ parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair tilmenta, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti sa fejn qieset, fil-punti 43 sa 48 tas-sentenza appellata, li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet proporzjonata.

60      L-ewwel żewġ ilmenti ta’ din il-parti huma diretti kontra l-punt 43 tas-sentenza appellata, li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, “bl-adozzjoni tal-kriterju tal-liċenzja Franċiża, l-Istat Membru kkonċernat, fid-dawl [...] tal-fatt li l-Istati Membri ma għandhomx riżorsi illimitati, irriżerva l-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni għall-kumpanniji tal-ajru l-iktar milquta mill-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament adottati minn dan l-istess Stat u li, mid-definizzjoni tagħhom, għandhom effett fuq it-territorju tiegħu”.

61      F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li f’dan l-istess punt 43, il-Qorti Ġenerali rreferiet, sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, għal data prodotta mill-Kummissjoni dwar it-titjiriet imwettqa fi Franza, minn Franza jew lejn Franza, rispettivament, mill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża u minn dawk li ma għandhomx tali liċenzja. Il-Qorti Ġenerali ddeduċiet minn din id-data, fil-punt 44 tas-sentenza appellata, li dawn l-ewwel kumpanniji tal-ajru, unikament eliġibbli għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, kienu proporzjonalment ħafna iktar milquta mill-appellanti, li, fid-dawl tal-aħħar data pprovduta, wettqet biss 8.3 % tal-attività tagħha fi Franza, lejn Franza u minn Franza, fil-konfront ta’ 100 % għal ċerti kumpanniji eliġibbli.

62      Mill-argumenti mressqa mill-appellanti fil-kuntest tal-ewwel żewġ ilmenti ma jirriżultax li r-raġunament imsemmi iktar ’il fuq huwa żbaljat fid-dritt jew huwa bbażat fuq evalwazzjoni manifestament żbaljata li tikkostitwixxi żnaturament tal-provi.

63      B’mod partikolari, minn naħa, ma jistax jiġi lmentat lill-Qorti Ġenerali li ssostitwixxiet il-motivazzjoni tagħha għal dik tad-deċiżjoni kontenzjuża, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 54 ta’ din is-sentenza, peress li jirriżulta, b’mod partikolari, mill-premessi 2 u 3 ta’ din id-deċiżjoni, li l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kien li jingħata kumpens lill-kumpanniji tal-ajru milquta bil-qawwi mir-restrizzjonijiet fuq it-trasport meħuda minħabba l-pandemija tal-COVID-19. Il-Qorti Ġenerali llimitat ruħha, sabiex tevalwa jekk il-kriterju ta’ eliġibbiltà marbut maż-żamma ta’ liċenzja Franċiża kienx jippermetti li tiġi żgurata l-proporzjonalità ta’ din l-iskema, li tikkonstata, b’riferiment għall-provi prodotti quddiemha, li l-kumpanniji li għandhom din il-liċenzja kienu effettivament l-iktar milquta minn dawn il-miżuri.

64      Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ma tistax tiġi kkritikata li ġġustifikat dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà, fil-punt 43 tas-sentenza appellata, bil-fatt li “l-Istati Membri ma għandhomx riżorsi illimitati”, peress li din id-dikjarazzjoni taqa’ biss fl-ispjegazzjoni tal-kuntest li fih l-imsemmi kriterju ta’ eliġibbiltà ġie adottat.

65      Għalhekk l-ilmenti fformulati fil-kuntest tal-ewwel żewġ ilmenti tar-raba’ parti għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

66      Sa fejn, permezz tat-tielet ilment tar-raba’ parti tal-ewwel aggravju, Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali ma eżaminatx, fil-kuntest tal-proporzjonalità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, l-effetti kompetittivi ta’ din l-għajnuna, għandu jiġi kkonstatat li l-appellanti ma qajmitx, fl-ewwel istanza, ilment ibbażat fuq il-fatt li kien hemm lok li jiġu eżaminati, għall-finijiet tal-proporzjonalità, l-effetti kompetittivi tal-għajnuna jew, b’mod iktar partikolari, l-ibbilanċjar ta’ dawn l-effetti.

67      Issa, skont l-Artikolu 170(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l‑appell ma jistax ibiddel is-suġġett tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali. Għalhekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ appell hija limitata għall-evalwazzjoni tas-soluzzjoni legali li ngħatat għall-motivi u għall-argumenti ttrattati fl-ewwel istanza. Għalhekk, parti ma tistax tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ilment li hija ma tkunx qajmet quddiem il-Qorti Ġenerali, peress li dan ikun ifisser li din il-parti titħalla tadixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li l-kompetenza tagħha fil-qasam tal-appell hija limitata, b’tilwima iktar estiża minn dik li tkun ħadet konjizzjoni tagħha l-Qorti Ġenerali (sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Sigma Alimentos Exterior vs IlKummissjoni C‑50/19 P, EU:C:2021:792, punti 37 u 38).

68      Għaldaqstant, it-tielet ilment tar-raba’ parti, ibbażat fuq in-neċessità li jiġu eżaminati l-effetti kompetittivi tal-għajnuna, għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli, peress li dan l-ilment tqajjem għall-ewwel darba fil-kuntest ta’ dan l-appell.

69      Fir-rigward tar-raba’ lment ta’ din il-parti tal-ewwel aggravju tal-appellanti, intiż kontra l-punt 46 tas-sentenza appellata, għandu jiġi kkonstatat li huwa biss għal finijiet ta’ kompletezza li l-Qorti Ġenerali kkunsidrat, f’dan il-punt 46, li l-Kummissjoni ma kellhiex tiddeċiedi dwar il-miżuri alternattivi kollha għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet fil-punt 47 tas-sentenza tagħha, fi kwalunkwe każ, li l-miżuri alternattivi proposti mill-appellanti fl-ewwel istanza ma kinux jippermettu li jintlaħaq b’mod daqstant preċiż u mingħajr riskju ta’ kumpens żejjed l-għan imfittex mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni. Għal dan l-għan, hija bbażat ruħha fuq il-punti 37 sa 41 tal-imsemmija sentenza, li, kif jirriżulta mill-punti 55 sa 57 ta’ din is-sentenza, ma humiex ivvizzjati bi żbalji ta’ liġi.

70      Dan l-ilment għalhekk għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda u, konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ittieni aggravju

 Largumenti talpartijiet

72      Permezz tat-tieni aggravju, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali, fi-punti 55 sa 57 tas-sentenza appellata, wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti meta ċaħdet ir-raba’ parti tal-ewwel motiv tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, li permezz tagħha hija invokat ksur tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

73      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li, kuntrarjament għal dak li huwa indikat fil-punt 56 tas-sentenza appellata, hija kienet invokat, quddiem il-Qorti Ġenerali, ksur tar-Regolament Nru 1008/2008, billi sostniet li l-prinċipju tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi fis-settur tat-trasport bl-ajru kien ġie miksur. Billi ċaħdet l-argumenti tagħha għar-raġuni żbaljata, li “r-rikorrenti ma tallega ebda ksur ta’ dan ir-regolament”, il-Qorti Ġenerali manifestament żnaturat is-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha u ma mmotivatx is-sentenza tagħha b’mod suffiċjenti fid-dritt.

74      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, b’mod kontradittorju u żbaljat li hija ma stabbilixxietx kif l-esklużjoni tagħha mill-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ta’ natura li tiddisswadiha milli tipprovdi servizzi minn u lejn Franza. Il-fatt li l-kumpanniji tal-ajru huma esklużi minn vantaġġ irriżervat għal dawk imsejħa minnha bħala “kumpanniji tal-ajru Franċiżi” huwa fil-fatt biżżejjed sabiex jintwera li l-libertà li jiġu pprovduti servizzi hija skoraġġuta, mingħajr ma hija meħtieġa ebda prova oħra. Fi kwalunkwe każ, Ryanair ipproduċiet provi abbundanti li juru li miżura bħall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, li tissuġġetta l-għoti minn Stat Membru ta’ vantaġġ għaż-żamma ta’ liċenzja maħruġa minn dan l-Istat Membru, tiżvantaġġa, fil-prattika, biss lit-trasportaturi tal-ajru li għandhom is-sede tagħhom fi Stat Membru ieħor.

75      Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-provi billi naqset milli teżamina l-elementi importanti pprovduti mill-appellanti fir-rigward tal-effett restrittiv tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi.

76      Permezz tat-tielet parti tat-tieni aggravju, Ryanair issostni li, fil-kuntest tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, hija wriet b’mod suffiċjenti fid-dritt, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali fil-punt 57 tas-sentenza appellata, li l-effetti restrittivi tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma kinux iġġustifikati.

77      L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali ma eżaminatx din ir-restrizzjoni b’mod korrett fid-dawl tal-kriterji rilevanti tal-adegwatezza u tal-proporzjonalità, li ma humiex dawk tal-Artikolu 107 TFUE.

78      It-tieni nett, skont Ryanair, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset, b’mod partikolari fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li ma kienx neċessarju li jiġi eżaminat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tan-natura xierqa u proporzjonata tar-restrizzjoni għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, jekk kienx hemm miżuri alternattivi potenzjalment inqas restrittivi.

79      Issa, f’dan ir-rigward, Ryanair ipprovdiet diversi elementi li juru li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kellha effetti restrittivi fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi huma inutli, mhux xierqa u sproporzjonati fid-dawl tal-għan ta’ din l-iskema, jiġifieri li jiġu rrimedjati d-danni kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. Barra minn hekk, hija semmiet, f’dan il-kuntest, kriterju alternattiv ta’ eliġibbiltà tal-għajnuna, ibbażat fuq l-ishma mis-suq, li kien ikun inqas ta’ preġudizzju għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, hija semmiet espressament dan il-kriterju f’korrispondenza indirizzata, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, lis-Segretarju tal-Istat Franċiż inkarigat mit-Trasport u lill-Kummissarju Ewropew responsabbli għall-Kompetizzjoni li hija annettiet mar-rikors fl-ewwel istanza.

80      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jsostnu li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

81      Permezz tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni aggravju, li għandhom jiġu eżaminati flimkien u fl-ewwel lok, Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, ivvizzjat is-sentenza appellata bi żbalji ta’ liġi, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, sa fejn hija eżaminat biss il-fatt li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni kienet ta’ benefiċċju biss għal dawk imsejħa minnha bħala “kumpanniji tal-ajru Franċiżi”, jiġifieri l-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża, unikament fid-dawl tal-kriterji tal-Artikolu 107 TFUE, minflok ma vverifikat jekk din il-miżura kinitx iġġustifikata fid-dawl tal-motivi previsti mid-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Issa, Ryanair ipproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali punti ta’ fatt u ta’ liġi li juru ksur ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.

82      F’dan ir-rigward, kif tfakkar fil-punt 38 ta’ din is-sentenza, il-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE ma għandha qatt twassal għal riżultat li jmur kontra d-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għaldaqstant, għajnuna li, bħala tali jew permezz ta’ ċerti modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet jew prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern.

83      Madankollu, minn naħa, l-effetti restrittivi li miżura ta’ għajnuna għandha fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi ma jikkostitwixxux madankollu restrizzjoni pprojbita mit-Trattat, sa fejn jista’ jkun hemm effett inerenti għan-natura stess ta’ għajnuna mill-Istat, bħan-natura selettiva tagħha (sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 132).

84      Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, meta l-modalitajiet ta’ għajnuna mill-Istat ikunu tant marbuta b’mod inseparabbli mal-għan tal-għajnuna li ma jkunx possibbli li jiġu evalwati b’mod iżolat, l-effett tagħhom fuq il-kompatibbiltà jew l-inkompatibbiltà tal-għajnuna fl-intier tagħha għandu neċessarjament jiġi evalwat permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Iannelli & Volpi, 74/76, EU:C:1977:51, punt 14; tal‑31 ta’ Jannar 2023, , C‑284/21 P, EU:C:2023:58, punt 97, kif ukoll tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 133).

85      Issa, f’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 45 u 46 ta’ din is-sentenza, għalkemm iż-żamma ta’ liċenzja Franċiża kienet tikkostitwixxi fiha nnifisha mhux l-għan tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, iżda kriterju ta’ eliġibbiltà għal din l-iskema, dan il-kriterju kien bħala tali b’mod inseparabbli marbut mal-għan tal-imsemmija skema, li kien, b’mod ġenerali, li jiġi rrimedjat, fis-settur tat-trasport bl-ajru, id-dannu li jirriżulta minn avveniment straordinarju, jiġifieri mill-pandemija tal-COVID-19, u, b’mod iktar speċifiku, li jtaffi, permezz tal-għoti ta’ moratorju, l-ispejjeż tal-kumpanniji tal-ajru li ntlaqtu b’mod qawwi mill-miżuri restrittivi ta’ trasport u ta’ konfinament adottati mir-Repubblika Franċiża sabiex tiġi affaċċjata din il-pandemija. Minn dan isegwi li l-effett li jirriżulta minn dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà għall-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fis-suq intern ma jistax ikun is-suġġett ta’ eżami separat minn dak tal-kompatibbiltà ta’ din il-miżura ta’ għajnuna kollha kemm hi mas-suq intern permezz tal-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE.

86      Mill-motivi preċedenti u mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 36 u 37 ta’ din is-sentenza, jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 57 tas-sentenza appellata, essenzjalment, li sabiex jiġi stabbilit li l-miżura inkwistjoni kienet tikkostitwixxi, minħabba li kienet tibbenefika biss lill-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja ta’ operat maħruġa minn Franza, u mhux, lil Ryanair, ostakolu għal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-appellanti kellha turi, f’dan il-każ, li din il-miżura kienet tipproduċi effetti restrittivi li kienu jmorru lil hinn minn dawk li huma inerenti għal għajnuna mill-Istat mogħtija konformement mar-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 107 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Settembru 2023, Ryanair vs Il‑Kummissjoni, C‑320/21 P, EU:C:2023:712, punt 135).

87      Issa, l-argument imressaq minn Ryanair insostenn tat-tieni u tat-tielet parti tat-tieni aggravju huwa intiż, fl-intier tiegħu, sabiex jikkritika l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni sa fejn huma biss il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja Franċiża li kienu eliġibbli għal din l-iskema u l-effetti restrittivi ta’ dan il-kriterju ta’ eliġibbiltà fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi, minkejja li tali effetti huma inerenti għan-natura selettiva tal-imsemmija skema.

88      Barra minn hekk, fir-rigward tal-provi li hija pproduċiet quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma ressqet ebda argument li jista’ juri li din żnaturat dawn il-provi.

89      Minn dan isegwi li t-tieni u t-tielet parti tat-tieni aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

90      Fl-aħħar nett, l-ewwel parti ta’ dan l-aggravju għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, sa fejn hija intiża li tikkontesta l-punt 56 tas-sentenza appellata, li l-motivi tiegħu huma ta’ natura superfluwa meta mqabbla ma’ dawk esposti fil-punt 57 ta’ din is-sentenza. Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq ittielet aggravju

 Largumenti talpartijiet

91      Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Ryanair issostni li l-Qorti Ġenerali kkontradixxiet lilha nnifisha u wettqet żball ta’ liġi meta stħarrġet, fil-punti 59 sa 74 tas-sentenza appellata, il-proporzjonalità tal-ammont tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni meta mqabbel mad-danni mġarrba minħabba l-avveniment straordinarju.

92      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair issostni li, sabiex tqis, fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-ammont tad-danni mġarrba mill-benefiċjarji tal-għajnuna minħabba l-avveniment straordinarju kien ogħla mill-ammont nominali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali qieset id-danni kollha kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Qorti Ġenerali, għalhekk, ikkontradixxiet lilha nnifisha sa fejn sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-kriterju ta’ eliġibbiltà marbut maż-żamma ta’ liċenzja Franċiża, hija bbażat ruħha biss fuq id-danni li jirriżultaw mill-miżuri ta’ restrizzjoni tat-trasport adottati mill-awtoritajiet Franċiżi.

93      Permezz tat-tieni parti tat-tielet aggravju, l-appellanti tilmenta li l-Qorti Ġenerali, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, qieset b’mod żbaljat, billi bbażat ruħha fuq is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, IlKummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990), li l-vantaġġ kompetittiv mogħti lill-benefiċjarji tal-għajnuna minħabba l-esklużjoni tal-kumpanniji tal-ajru li ma għandhomx liċenzja Franċiża ma kellux jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-paragun tal-ammont tal-għajnuna mogħtija u l-ammont tad-danni mġarrba, skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE. Din is-sentenza ma hijiex rilevanti, peress li tikkonċerna l-kalkolu tal-ammont ta’ għajnuna għall-finijiet tal-irkupru tagħha. Billi amalgamat bejn dan il-kalkolu u l-eżami tal-proporzjonalità ta’ għajnuna mogħtija abbażi ta’ din id-dispożizzjoni u billi naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni n-natura essenzjalment ekonomika ta’ dan l-eżami ta’ proporzjonalità, il-Qorti Ġenerali għalhekk wettqet żball ta’ liġi.

94      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jsostnu li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat. Skont ir-Repubblika Franċiża, dan l-aggravju huwa, barra minn hekk, parzjalment inammissibbli, sa fejn huwa intiż li jikkontesta evalwazzjoni tal-fatti li l-Qorti Ġenerali wettqet.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

95      Sa fejn, permezz tal-ewwel parti tat-tielet aggravju, Ryanair tikkontesta l-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali fil-punt 68 tas-sentenza appellata, li l-ammont tad-danni mġarrba mill-benefiċjarji tal-għajnuna minħabba l-avveniment straordinarju kien, skont kull probabbiltà, ogħla mill-ammont nominali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, din il-parti għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, peress li, mingħajr ma tallega eventwali żnaturament tal-fatti, l-appellanti tfittex għalhekk li tikkontesta evalwazzjoni sovrana tal-fatti li l-Qorti Ġenerali wettqet f’dan il-punt.

96      Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tar-rabta stretta bejn l-okkorrenza tal-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri restrittivi adottati mill-awtoritajiet Franċiżi f’dan il-kuntest, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 26 tas-sentenza appellata, ebda kontradizzjoni ma tirriżulta minn dan il-punt 68 bejn l-evalwazzjoni li wettqet il-Qorti Ġenerali sabiex tevalwa l-proporzjonalità tal-ammont tal-għajnuna u l-evalwazzjoni tagħha tal-proporzjonalità tal-kriterju ta’ eliġibbiltà marbut maż-żamma ta’ liċenzja Franċiża.

97      Permezz tat-tieni parti ta’ dan l-aggravju, Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, wettqet żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mas-suq intern skont l-Artikolu 107(2)(b) TFUE, u b’mod partikolari l-proporzjonalità tagħha, il-vantaġġ kompetittiv li jirriżulta għall-benefiċjarji minħabba l-esklużjoni tal-kumpanniji tal-ajru li ma għandhomx liċenzja Franċiża.

98      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li ssostni Ryanair, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, IlKummissjoni vs Aer Lingus u Ryanair Designated Activity (C‑164/15 P u C‑165/15 P, EU:C:2016:990), li għaliha l-Qorti Ġenerali rreferiet fil-punt 73 tas-sentenza appellata, minkejja li tikkonċerna d-determinazzjoni tal-ammont ta’ għajnuna illegali għall-finijiet tal-irkupru tagħha, hija rilevanti f’dan il-każ, sa fejn jista’ jiġi dedott mill-punt 92 ta’ din is-sentenza li l-vantaġġ li għajnuna tagħti lill-benefiċjarju tagħha ma jinkludix l-eventwali benefiċċju ekonomiku li dan il-benefiċjarju jikseb mill-operat ta’ dan il-vantaġġ.

99      Għalhekk, fil-każ tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, jiġifieri għajnuna fil-forma ta’ moratorju għall-ħlas ta’ ċerti taxxi favur benefiċjarji eliġibbli, bi ħlas iddifferit mingħajr interessi, l-ammont tal-għajnuna mogħtija, li l-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ kumpens żejjed eventwali tad-danni mġarrba mill-benefiċjarji minħabba l-avveniment straordinarju inkwistjoni, jikkorrispondi, bħala prinċipju, fid-dawl tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tal-metodu li jistabbilixxi r-rati ta’ referenza u ta’ skont (ĠU 2008, C 14, p. 6) u kif qieset il-Kummissjoni fid-deċiżjoni kontenzjuża, għall-ammont tal-interessi li l-benefiċjarji tal-miżura kellhom iħallsu fis-suq sabiex jiksbu likwidità ekwivalenti. Għall-kuntrarju, għall-finijiet ta’ din id-determinazzjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tieħu inkunsiderazzjoni vantaġġ eventwali li l-benefiċjarji ta’ din l-iskema kienu jiksbu indirettament minn din l-għajnuna, bħall-vantaġġ kompetittiv allegat minn Ryanair.

100    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 73 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tieħu inkunsiderazzjoni l-vantaġġ kompetittiv li Ryanair allegat l-eżistenza tiegħu.

101    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni parti tat-tielet aggravju għandha tiġi miċħuda bħala infondata u, konsegwentement, dan l-aggravju għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq irraba’ aggravju

 Largumenti talpartijiet

102    Permezz tar-raba’aggravju tagħha, Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament manifest tal-fatti sa fejn iddeċidiet b’mod żbaljat, fil-punti 79 sa 85 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE.

103    Skont l-appellanti, il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet li l-kuntest li fih ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, jiġifieri l-okkorrenza tal-pandemija tal-COVID-19 u d-diffikultajiet li din is-sitwazzjoni kellha għat-tfassil tad-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, jista’ jiġġustifika l-fatt li tħallew barra ċerti elementi kruċjali fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni kontenzjuża, minkejja li kienu neċessarji għall-appellanti biex tifhem ir-raġunament konkret li fuqu kienu bbażati l-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. L-interpretazzjoni tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, li tat il-Qorti Ġenerali tmur kontra l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u ċċaħħad l-obbligu ta’ motivazzjoni minn kull effett utli.

104    Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jsostnu li r-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

105    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti twettaq l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tar-raġunijiet invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment minn dan l-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Il-motivazzjoni ma għandhiex bilfors tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tagħha, iżda wkoll f’dak tal-kuntest tagħha u tar-regoli kollha tad-dritt li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat (ara, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, IlKummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 198 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

106    Meta tkun, b’mod iktar partikolari, bħal f’dan il-każ, deċiżjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ miżura ta’ għajnuna, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-okkażjoni tippreċiża li tali deċiżjoni, li tittieħed f’termini qosra, għandha tinkludi biss ir-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni tqis li ma hemmx diffikultajiet serji ta’ evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkonċernata mas-suq intern u li anki motivazzjoni fil-qosor ta’ din id-deċiżjoni għandha titqies li hija suffiċjenti fir-rigward tar-rekwiżit ta’ motivazzjoni li jipprevedi t-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, sa fejn turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunijiet għalfejn il-Kummissjoni qieset li ma kienx hemm tali diffikultajiet, peress li l-kwistjoni tal-fondatezza ta’ din il-motivazzjoni ma hijiex suġġetta għal dan ir-rekwiżit (ara, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, IlKummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 199 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

107    Huwa fid-dawl ta’ dawn ir-rekwiżiti li għandu jiġi eżaminat jekk il-Qorti Ġenerali wettqitx żball ta’ liġi meta qieset li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

108    F’dan ir-rigward, minn naħa, sa fejn Ryanair tilmenta li l-Qorti Ġenerali, essenzjalment, naqqset ir-rekwiżiti relatati mal-obbligu ta’ motivazzjoni fid-dawl tal-kuntest tal-pandemija tal-COVID-19 li fih kienet ġiet adottata d-deċiżjoni kontenzjuża, għandu jiġi kkonstatat li billi rreferiet, fil-punti 79 u 80 tas-sentenza appellata, għall-kuntest li fih id-deċiżjoni kontenzjuża kienet ġiet adottata, jiġifieri dak ta’ pandemija u tal-urġenza estrema li fiha l-Kummissjoni kienet eżaminat il-miżuri li kienu kkomunikawlha l-Istati Membri u adottat id-deċiżjonijiet relatati ma’ dawn il-miżuri, fosthom din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali, ġustament, kif teżiġi l-ġurisprudenza msemmija fil-punti 105 u 106 ta’ din is-sentenza, ħadet inkunsiderazzjoni elementi rilevanti sabiex tiddetermina jekk, bl-adozzjoni tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonformatx ruħha mal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha.

109    Min-naħa l-oħra, sa fejn Ryanair tirreferi għal elementi speċifiċi li fuqhom il-Kummissjoni, bi ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha, ma ddeċidietx jew ma evalwatx fid-deċiżjoni kkontestata, bħall-konformità tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi, l-effetti kompetittivi tagħha għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-kriterju ta’ proporzjonalità kif ukoll il-kalkolu tal-ammont tal-għajnuna, mill-punti 81 sa 83 tas-sentenza appellata jirriżulta li l-Qorti Ġenerali qieset li dawn l-elementi jew ma kinux rilevanti għall-finijiet ta’ din id-deċiżjoni, jew li kien b’mod suffiċjenti fid-dritt li sar riferiment għalihom fl-imsemmija deċiżjoni sabiex ir-raġunament tal-Kummissjoni jinftiehem f’dan ir-rigward.

110    Issa, ma jidhirx li, permezz ta’ dawn l-evalwazzjonijiet, il-Qorti Ġenerali kisret ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni, skont l-Artikolu 108(3) TFUE, li ma tqajjimx oġġezzjonijiet, kif jirriżultaw mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punti 105 u 106 ta’ din is-sentenza, peress li din il-motivazzjoni tippermetti, f’dan il-każ, lil Ryanair tkun taf il-ġustifikazzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni u lill-qorti tal-Unjoni teżerċita l-istħarriġ tagħha fir-rigward tagħha, kif jirriżulta barra minn hekk mis-sentenza appellata.

111    Barra minn hekk, sa fejn l-argument imressaq fil-kuntest tar-raba’ aggravju huwa intiż fir-realtà sabiex juri li d-deċiżjoni kontenzjuża ġiet adottata abbażi ta’ evalwazzjoni insuffiċjenti jew ġuridikament żbaljata tal-Kummissjoni, dan l-argument, li jirrigwarda l-fondatezza ta’ din id-deċiżjoni pjuttost milli r-rekwiżit ta’ motivazzjoni bħala formalità essenzjali, għandu jiġi miċħud fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 106 ta’ din is-sentenza.

112    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Qorti Ġenerali ma wettqet ebda żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 84 tas-sentenza appellata, li d-deċiżjoni kontenzjuża kienet immotivata b’mod suffiċjenti fid-dritt.

113    Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma ressqet ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali żnaturat provi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, meta eżaminat il-ħames motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

114    Għaldaqstant, ir-raba’ aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ilħames aggravju

 Largumenti talpartijiet

115    Permezz tal-ħames aggravju tagħha, Ryanair issostni li, billi kkonstatat, fil-punti 86 u 87 tas-sentenza appellata, li t-tielet motiv tar-rikors tagħha fl-ewwel istanza, dwar ir-rifjut tal-Kummissjoni li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE kien imċaħħad mill-għan indikat tiegħu minħabba ċ-ċaħda tal-ewwel żewġ motivi ta’ dan ir-rikors u kien nieqes minn kontenut awtonomu meta mqabbel ma’ dawn iż-żewġ motivi, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturament tal-fatti.

116    Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li qieset il-Qorti Ġenerali, dan it-tielet motiv kien jippreżenta kontenut awtonomu, meta mqabbel mal-ewwel żewġ motivi tar-rikors fl-ewwel istanza. L-istħarriġ ġudizzjarju dwar l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali huwa differenti minn dak dwar l-iżball ta’ liġi jew dwar l-iżball manifest ta’ evalwazzjoni mwettaq mill-Kummissjoni waqt l-eżami fil-mertu tal-miżura ta’ għajnuna L-eżistenza ta’ diffikultajiet serji tista’ għalhekk tiġi kkonstatata minkejja li, kuntrarjament għal dak li l-appellanti kienet sostniet permezz tal-ewwel żewġ motivi tagħha fl-ewwel istanza, l-eżami mill-Kummissjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni la huwa vvizzjat minn żball manifest ta’ evalwazzjoni u lanqas minn żball ta’ liġi.

117    Bl-istess mod, it-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ma ġiex imċaħħad mill-għan indikat tiegħu, peress li l-prova tal-eżistenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni hija totalment differenti minn dik ta’ diffikultajiet serji li kellhom iwasslu għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Barra minn hekk, Ryanair qajmet argumenti awtonomi għal dan l-għan, li juru, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni ma kellhiex data tas-suq dwar l-istruttura tas-settur tal-avjazzjoni f’dak li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kumpanniji tal-ajru li għandhom liċenzja maħruġa minn Stat Membru li ma huwiex Franza, li għandhom importanza kruċjali sabiex tiġi eżaminata l-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni fir-rigward tal-għan allegat tagħha. Quddiem il-Qorti Ġenerali, Ryanair kienet identifikat lakuni preċiżi fl-informazzjoni tal-Kummissjoni, li wrew diffikultajiet serji li jagħtu lill-motiv tagħha kontenut awtonomu meta mqabbel mal-ewwel żewġ motivi tar-rikors.

118    Il-Kummissjoni u r-Repubblika Franċiża jsostnu li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Ilkunsiderazzjonijiet talQorti talĠustizzja

119    Meta rikorrent jitlob l-annullament ta’ deċiżjoni tal-Kummissjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet fir-rigward ta’ għajnuna mill-Istat, essenzjalment huwa jikkontesta l-fatt li din id-deċiżjoni ttieħdet mingħajr ma din l-istituzzjoni tiftaħ il-proċedura formali ta’ investigazzjoni prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE, b’tali mod li tikser id-drittijiet proċedurali tagħha. Sabiex it-talba għal annullament tagħha tintlaqa’, ir-rikorrenti tista’ tinvoka kwalunkwe motiv ta’ natura li juri li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha, matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura kkomunikata, kien imissha qajmet dubji fir-rigward tal-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern. L-użu ta’ tali argumenti ma jistax għaldaqstant ikollu bħala konsegwenza li jbiddel is-suġġett tar-rikors u lanqas li jbiddel il-kundizzjonijiet ta’ ammissibbiltà tiegħu. Għall-kuntrarju, l-eżistenza ta’ dubji dwar din il-kompatibbiltà hija preċiżament il-prova li għandha tiġi prodotta sabiex jintwera li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali msemmija fl-Artikolu 108(2) TFUE kif ukoll fl-Artikolu 6(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/1589 tat‑13 ta’ Lulju 2015 li jistabblixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tal-[Artikolu 108 TFUE] (ĠU 2015, L 248, p. 9) (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑24 ta’ Mejju 2011, IlKummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

120    Għalhekk, huwa l-awtur ta’ talba għal annullament ta’ deċiżjoni li ma jqajjimx oġġezzjonijiet li għandu juri li kienu jeżistu dubji dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna mas-suq intern, b’tali mod li l-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali. Tali prova għandha titfittex kemm fiċ-ċirkustanzi tal-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni kif ukoll fil-kontenut tagħha, minn sensiela ta’ indizji konkordanti (ara, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 40 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

121    B’mod partikolari, in-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari tikkostitwixxi indizju tal-fatt li din l-istituzzjoni ltaqgħet ma’ diffikultajiet serji sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura kkomunikata mas-suq intern, li kellu jwassalha sabiex tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali (ara, is-sentenza tat‑2 ta’ Settembru 2021, Il‑Kummissjoni vs Tempus Energy u Tempus Energy Technology, C‑57/19 P, EU:C:2021:663, punt 41 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

122    F’dan ir-rigward, f’dak li jikkonċerna, qabelxejn, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li t-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kien nieqes minn kontenut awtonomu, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu, kif sostniet Ryanair fl-appell tagħha, li kieku l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja msemmija fil-punt 112 ta’ din is-sentenza, kienet ġiet ipprovata, id-deċiżjoni kontenzjuża setgħet tiġi annullata għal din ir-raġuni biss, anki jekk ma kienx ġie stabbilit, barra minn hekk, li l-evalwazzjonijiet magħmula fuq il-mertu mill-Kummissjoni kienu żbaljati fid-dritt jew fil-fatt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs IlKummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punt 66).

123    Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ diffikultajiet simili tista’ titfittex, b’mod partikolari, f’dawn l-evalwazzjonijiet u tista’, bħala prinċipju, tiġi stabbilita permezz ta’ motivi jew argumenti mressqa minn rikorrent sabiex jikkontesta l-fondatezza tad-deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet, anki jekk l-eżami ta’ dawn il-motivi jew ta’ dawn l-argumenti ma jwassalx għall-konklużjoni li l-evalwazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar il-mertu huma żbaljati fil-fatt jew fid-dritt (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑2 ta’ April 2009, Bouygues u Bouygues Télécom vs IlKummissjoni, C‑431/07 P, EU:C:2009:223, punti 63 u 66 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

124    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza ta’ Ryanair kien ibbażat, essenzjalment, fuq in-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura tal-eżami preliminari u fuq l-evalwazzjoni differenti tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni li għaliha kienet tkun waslet il-Kummissjoni li kieku kienet iddeċidiet tiftaħ proċedura ta’ investigazzjoni formali. Issa, minn dan ir-rikors jirriżulta wkoll li, insostenn ta’ dan il-motiv, l-appellanti, essenzjalment, irriproduċiet b’mod konċiż l-argumenti mressqa fil-kuntest tal-ewwel u t-tieni motiv tal-imsemmi rikors, dwar il-fondatezza tad-deċiżjoni kontenzjuża, jew irreferiet direttament għal dawn l-argumenti.

125    F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Qorti Ġenerali setgħet, ġustament, tqis, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li t-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza kien “nieqes minn kontenut awtonomu” meta mqabbel mal-ewwel żewġ motivi tiegħu, fis-sens li, peress li eżaminat fil-mertu dawn l-aħħar motivi, inklużi l-argumenti bbażati fuq in-natura inkompleta u insuffiċjenti tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni, hija ma kinitx obbligata tevalwa l-fondatezza tat-tielet motiv ta’ dan ir-rikors b’mod separat, dan iktar u iktar peress li, kif il-Qorti Ġenerali, ukoll ġustament, irrilevat f’dan il-punt 87 tas-sentenza appellata, Ryanair ma kinitx, permezz ta’ dan l-aħħar motiv, enfasizzat elementi speċifiċi li jistgħu juru l-eżistenza ta’ eventwali “diffikultajiet serji” li ltaqgħet magħhom il-Kummissjoni sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-miżura inkwistjoni mas-suq intern.

126    Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx żball ta’ liġi meta qieset, fil-punt 87 tas-sentenza appellata, li ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-fondatezza tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza. Ma huwiex neċessarju, f’dan ir-rigward, li jiġi eżaminat, barra minn hekk, jekk il-Qorti Ġenerali kinitx korretta meta ddeċidiet, fil-punt 86 tas-sentenza appellata, li dan il-motiv kien ta’ natura sussidjarja u li kien imċaħħad mill-għan indikat tiegħu.

127    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li Ryanair ma ressqet ebda argument li jista’ juri li l-Qorti Ġenerali żnaturat provi, fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 49 ta’ din is-sentenza, fil-kuntest tal-eżami tagħha tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza.

128    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-ħames aggravju għandu jiġi miċħud bħala infondat.

129    Billi ebda wieħed mill-aggravji invokati mill-appellanti ma ntlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq lispejjeż

130    Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti deċiżjoni dwar l-ispejjeż.

131    Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-appellanti tilfet l-aggravji tagħha u l-Kummissjoni talbet li din tiġi kkundannata għall-ispejjeż, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż relatati ma’ dan l-appell

132    Konformement mal-Artikolu 184(4) tar-Regoli tal-Proċedura, intervenjent fl-ewwel istanza li jipparteċipa fil-fażi bil-miktub jew orali tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jista’ jiġi kkundannat għall-ispejjeż. Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tikkundannah għall-ispejjeż rispettivi tiegħu. Konsegwentement, ir-Repubblika Franċiża intervenjenti fil-kuntest tar-rikors fl-ewwel istanza u li pparteċipat fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      Ryanair DAC għandha tbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tagħha, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Franċiża għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.