Language of document : ECLI:EU:T:2012:287





Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla) tat-13 ta’ Ġunju 2012 — Insula vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-246/09)

“Klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratti ta’ finanzjament ta’ proġetti ta’ riċerka u ta’ żvilupp — Kuntratti MEDIS u Dias.Net — Assenza ta’ dokumenti ta’ sostenn u nuqqas ta’ konformità mad-dispożizzjonijiet kuntrattwali fir-rigward ta’ parti mill-ispejjeż iddikjarati — Żamma ta’ somma intiża għal kontraent ieħor — Rimbors ta’ somom imħallsa — Inammissibbiltà parzjali tar-rikors — Kontrotalba tal-Kummissjoni — Parzjalment ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-kontrotalba”

1.                     Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt li jipprovdi għajnuna finanzjarja Komunitarja għal azzjoni ta’ riċerka u ta’ żvilupp — Talba għar-rimbors ta’ ċerti spejjeż — Talba għad-danni — Kontrotalba li tinkludi interessi moratorji — Applikazzjoni tad-dritt nazzjonali — Konstatazzjoni ta’ nuqqas ta’ osservanza ta’ obbligi li jirriżultaw mill-kuntratt — Dritt tal-Kummissjoni għar-rimbors tal-antiċipu, miżjud bl-interessi moratorji skont ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew (Artikolu 238 KE) (ara l-punti 87, 124, 213-216, 288)

2.                     Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Kuntratt suġġett għad-dritt nazzjonali — Applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali fil-qasam tal-ġurisdizzjoni — Esklużjoni (Artikolu 238 KE) (ara l-punt 88)

3.                     Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Rikors li jikkontesta l-bażi tal-kreditu ta’ istituzzjoni fil-konfront tal-kontraenti tagħha — Deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni adottata għall-finijiet li jinġabar l-imsemmi kreditu — Deċiżjoni li tagħti titolu eżekuttiv — Natura ġuridika ta’ tali deċiżjoni ddefinita mit-Trattat KE — Att li jista’ jiġi kkontestat fuq il-bażi tal-Artikolu 230 KE (Artikoli 230 KE, 238 KE u 256 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 72(2)) (ara l-punti 93-96)

4.                     Proċedura ġudizzjarja — Suġġett tat-tilwima — Emenda fil-mori tal-kawża — Emenda fit-talbiet tar-rikors ippreżentata wara l-adozzjoni ta’ deċiżjoni mill-istituzzjoni konvenuta — Emenda dwar in-natura tar-rikors — Projbizzjoni (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(2)) (ara l-punti 100-104)

5.                     Proċedura ġudizzjarja — Kawża mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali abbażi ta’ klawżola ta’ arbitraġġ — Rikors li jikkontesta l-bażi tal-kreditu ta’ istituzzjoni fil-konfront tal-kontraenti tagħha — Kontrotalba intiża għall-irkupru ta’ dan il-kreditu — Adozzjoni, fil-mori tal-kawża, ta’ deċiżjoni ta’ din l-istituzzjoni għall-irkupru tal-istess kreditu — Interess tar-rikorrent u tal-konvenuta li jżommu t-talbiet tagħhom (Artikolu 238 KE) (ara l-punti 113-116, 294-302)

6.                     Proċedura ġudizzjarja — Produzzjoni tal-provi — Terminu — Produzzjoni tardiv tal-provi — Kundizzjonijiet (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 48(1)) (ara l-punt 143)

7.                     Proċedura ġudizzjarja — Tressiq ta’ motivi ġodda fil-mori tal-kawża — Kundizzjonijiet — Elaborazzjoni ta’ motiv eżistenti u rabta stretta ma’ dan tal-aħħar (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 44(1)(ċ), u 48(2)) (ara l-punt 199)

8.                     Proċedura ġudizzjarja — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali — Identifikazzjoni tas-suġġett tat-tilwima — Espożizzjoni sommarja tal-motivi invokati — Rikors intiż għall-kumpens għad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja — Rikors li għandu bħala għan kumpens mingħajr ma jagħti l-ebda informazzjoni f’dan ir-rigward — Inammissibbiltà (Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ)) (ara l-punti 221, 262, 270)

Suġġett

Talba intiża sabiex, minn naħa, jiġi ddikjarat bħala infondat kreditu tal-Kummissjoni ta’ EUR 189 241.64 u, min-naħa l-oħra, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata toħroġ “nota ta’ kreditu” ta’ dan l-ammont u, fl-aħħar nett, sabiex il-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallas bħala danni EUR 212 597, b’mod prinċipali, u EUR 230 025, b’mod sussidjarju.

Dispożittiv

1)

Ir-rikors ippreżentat mill-Conseil scientifique international pour le développement des îles (Insula) huwa miċħud.

2)

Ma fadalx lok li tingħata deċiżjoni fuq il-kontrotalbiet ippreżentati mill-Kummissjoni inkwantu dawn huma intiżi għall-kundanna ta’ Insula għall-ħlas tas-somma dovuta, b’mod prinċipali u bl-interessi, fuq il-bażi tal-kuntratt Dias.Net.

3)

Insula huwa kkundannat iħallas lill-Kummissjoni Ewropea s-somma prinċipali ta’ EUR 157 983.11, miżjuda bl-interessi moratorji bir-rata ta’ 2.75 % fis-sena, li jibdew jiddekorru mis-16 ta’ Mejju 2009 u sal-ħlas sħiħ tal-imsemmija somma prinċipali.

4)

Insula għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni, inklużi dawk marbuta mal-proċeduri għal miżuri provviżorji.