Language of document : ECLI:EU:C:2014:223

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fit-3 ta’ April 2014 (1)

Kawża C‑37/13 P

Nexans SA

u

Nexans France SAS

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Appell — Kompetizzjoni — Regolament (KE) Nru 1/2003 — Proċedura amministrattiva — Spezzjoni mingħajr preavviż — Deċiżjoni li tordna spezzjoni — Obbligu ta’ motivazzjoni — Portata ġeografika — Suspett ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni b’portata mondjali — Mandat tal-Kummissjoni li tispezzjona d-dokumenti kummerċjali relatati ma’ tranżazzjonijiet barra miż-Żona Ekonomika Ewropea”





I –    Introduzzjoni

1.        L-allarm ikun normalment kbir meta spetturi mill-Kummissjoni Ewropea jkunu jinsabu quddiem il-bibien ta’ kumpannija mingħajr preavviż, ħafna drabi fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu, u fil-qafas tal-hekk imsejħa “dawn raids” ikunu jridu jwettqu tfittxijiet sabiex jiddeterminaw jekk din il-kumpannija hijiex involuta f’aġir antikompetittiv.

2.        Sabiex kumpanniji li jkunu jinsabu f’sitwazzjonijiet bħal dawn jiġu protetti minn intrużjoni sproporzjonata jew saħansitra arbitrarja fil-postijiet tan-negozju tagħhom, sabiex jiġu mħarsa d-drittijiet tad-difiża tagħhom u fl-istess ħin sabiex jingħataw kjarifika dwar il-portata tal-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħhom, id-dritt tal-Unjoni jipprevedi ċerti garanziji proċedurali. B’mod partikolari, id-deċiżjoni li ssir spezzjoni, li fuq il-bażi tagħha jintervjenu l-ispetturi tal-Kummissjoni, għandha tkun debitament motivata.

3.        Din il-kawża toffri lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tispeċifika f’iktar dettall ir-rekwiżiti legali għall-motivazzjoni ta’ tali deċiżjonijiet ta’ spezzjoni. L-interess ewlieni f’dan ir-rigward huwa l-aspett tal-limitazzjoni ġeografika tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li għandu jiġi eżaminat mill-Kummissjoni, aspett li sa issa ftit li xejn hemm informazzjoni dwaru.

4.        F’dan l-istadju bikri tal-proċedura l-Kummissjoni kif għandha tieħu pożizzjoni dwar is-swieq ġeografikament rilevanti? Id-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tinkludi l-informazzjoni dwar jekk u sa liema punt kumpannija għandha tagħti aċċess lill-ispetturi tal-Kummissjoni għall-ispezzjoni tad-dokumenti kummerċjali tagħha dwar tranżazzjonijiet barra s-suq intern Ewropew? Din hija essenzjalment il-kwistjoni legali li għandha tiġi ċċarata f’din il-proċedura ta’ appell.

5.        Dawn id-domandi tqajmu fil-kuntest ta’ akkordju ssuspettat fuq kejbils ta’ tensjoni għolja u l-materjal relatat magħhom li dwaru l-Kummissjoni wettqet investigazzjonijiet bosta snin ilu u li dwaru, fil-bidu tal-2009, wettqet spezzjonijiet mingħajr preavviż, mhux l-inqas fil-kumpannija Nexans fi Franza. Hemmhekk hija spezzjonat bosta dokumenti kummerċjali, li kienu jikkonċernaw proġetti tal-kejbils tal-elettriku fi swieq mhux Ewropej. Essenzjalment, il-partijiet f’din il-kawża qegħdin jargumentaw dwar jekk il-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni kellhiex bażi adegwata għal tali proċedura.

6.        L-importanza tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja f’din il-kawża fir-rigward tal-prassi amministrattiva futura tal-Kummissjoni ma għandhiex tiġi ssottovalutata.

II – Il-kuntest ġuridiku

7.        Il-qafas legali primarju ta’ din il-kawża huwa ddeterminat, minn naħa, permezz tal-Artikolu 81 KE (li sar l-Artikolu 101 TFUE) u, min-naħa l-oħra, permezz tal-Artikolu 253 KE (li sar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE) (2) . Mil-leġiżlazzjoni sekondarja huwa rilevanti wkoll l-Artikolu 20 tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (3).

8.        L-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, b’mod partikolari, li:

“1.      Sabiex tagħmel id-doveri assenjati lilha min dan ir-Regolament, il-Kummissjoni tista’ tagħmel l-ispezzjonijiet neċessarji ta’ l-impriża u assoċjazzjoni ta’ l-impriża.

[…]

4.      Impriżi jew assoċjazzjonijiet tal-impriża huma rikjesti li jissottomettu għall-ispezzjonijiet ordnati b’deċiżjoni mil[l]-Kummissjoni. Id-deċiżjoni ħa tispeċifika s-suġġet[t] u l-għan tal-ispezzjoni, taħtar id-data li fiha għandha tibda u tindika l‑pieni previsti mil[l]-Artikoli 23 u 24 u d-dritt li tar-reviżjoni tad-deċiżjoni mil[l]-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni ħa tieħu deċiżjoni wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni.”

9.        Barra minn hekk, għandu jissemma wkoll l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1/2003, li jgħid hekk:

“Għal għan li jiġu applikati l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha ikollha s-setgħa prevista min dan ir-Regolament.”

III – Il-fatti li wasslu għall-kawża

A –    Il-fatti u l-proċedura amministrattiva

10.       Ir-rikorrenti fl-ewwel istanza u l-appellanti f’din il-kawża, Nexans SA u l-kumpannija sussidjarja 100 % tagħha Nexans France SAS, huma żewġ kumpanniji Franċiżi li joperaw fl-industrija tal-kejbils tal-elettriku.

11.      Permezz tad-Deċiżjoni C (2009) 92/1 tad-9 ta’ Jannar 2009, il-Kummissjoni ordnat li Nexans u l-kumpanniji kollha kkontrollati direttament jew indirettament minnha kellhom jaċċettaw li ssirilhom spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ spezzjoni”).

12.      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni jipprovdi fost l-oħrajn li:

“Nexans […], kif ukoll l-impriżi kollha, direttament jew indirettament ikkontrollati minnha, inkluża Nexans France […] bil-preżenti għandha l-obbligi li tissuġġetta ruħha għal spezzjoni dwar il-parteċipazzjoni eventwali [tagħha] (tagħhom) fi ftehimiet antikompetittivi u/jew prattiki miftiehma li jmorru kontra l-Artikolu 81 [KE …] fir-rigward tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku u ta’ materjal relatat inklużi, fost l-oħrajn, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u, f’ċerti każijiet, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art, li jinkludu s-sottomissjoni ta’ offerti miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi, l-għoti ta’ klijenti, kif ukoll l-iskambju illegali ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar il-provvista ta’ dawn il-prodotti” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

13.      Id-deċiżjoni ta’ spezzjoni kienet immotivata kif ġej:

“Il-Kummissjoni rċeviet informazzjoni fis-sens li l-fornituri ta’ kejbils tal-elettriku, inkluż fosthom impriżi li għalihom kienet indirizzata din id-deċiżjoni, jipparteċipaw jew kienu pparteċipaw fi ftehimiet u/jew prattiki miftiehma li jirrigwardaw il-provvista ta’ kejbils tal-elettriku u ta’ materjal relatat inklużi, fost l-oħrajn, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u, f’ċerti każijiet, il-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-art, li jinkludu s-sottomissjoni ta’ offerti miftiehma fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi, l-għoti ta’ klijenti, kif ukoll l-iskambju illegali ta’ informazzjoni kummerċjalment sensittiva dwar il-provvista ta’ dawn il-prodotti.

[...]

Skont l-informazzjoni riċevuta mill-Kummissjoni, [dawn] il-ftehimiet u/jew prattiki miftiehma […], li ilhom jeżistu mill-inqas mill-2001 għadhom jeżistu sal-ġurnata tal-lum. [Huma] għandhom probabbilment portata mondjali.

Jekk jiġi stabbilit li dawn l-allegazzjonijiet huma fondati, il-ftehimiet u/jew il-prattiki miftiehma deskritti iktar ’il fuq jammontaw għal ksur gravi ħafna tal-Artikolu 81 [KE].

Sabiex tippermetti lill-Kummissjoni tivverifika l-fatti kollha li jirrigwardaw il-ftehimiet u l-prattiki miftiehma preżunti u l-kuntest li fih huma seħħew, huwa neċessarju li jsiru spezzjonijiet skont l-Artikolu 20 tar-Regolament […] Nru 1/2003.

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

14.      L-ispezzjoni msemmija twettqet fil-perijodu bejn it-28 ta’ Jannar 2009 u t-30 ta’ Jannar 2009 u fit-3 ta’ Frar 2009 mill-ispetturi tal-Kummissjoni, akkumpanjati mill-Autorité de la concurrence (Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża) fil-postijiet tan-negozju ta’ Nexans France. Skont id-deċiżjoni ta’ spezzjoni, innotifikata preċedentement, l-ispetturi tal-Kummissjoni eżaminaw u ħadu kopji ta’ bosta dokumenti u għamlu mistoqsijiet lill-ħaddiema ta’ Nexans France, sabiex b’dan il-mod ikunu jistgħu jiksbu spjegazzjonijiet iktar iddettaljati dwar ċerti dokumenti kummerċjali.

B –    Il-proċedura fl-ewwel istanza

15.      Fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali, Nexans u Nexans France talbu protezzjoni legali permezz ta’ rikors għal annullament ippreżentat kontra d-deċiżjoni ta’ spezzjoni kif ukoll kontra żewġ atti tal-ispetturi tal-Kummissjoni matul l-ispezzjoni.

16.      Fir-rigward ta’ dak ir-rikors, il-Qorti Ġenerali ddikjarat, fis-sentenza tagħha tal-14 ta’ Novembru 2012 (4), li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandha tiġi annullata sa fejn kienet tikkonċerna l-kejbils tal-elettriku barra mill-kejbils tal-elettriku ta’ tensjoni għolja ta’ taħt l-ilma u ta’ taħt l-art kif ukoll il-materjal relatat ma’ dawn il-kejbils l-oħra; il-Qorti Ġenerali ċaħdet il-kumplament tar-rikors (5).

17.      Fir-rigward tal-ispejjeż tal-proċedura Nexans u Nexans France kienu ġew ordnati jbatu l-ispejjeż tagħhom u nofs l-ispejjeż sostnuti mill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni ġiet ikkundannata tbati n-nofs l-ieħor tal-ispejjeż tagħha stess (6).

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

18.      Permezz ta’ att tal-24 ta’ Jannar 2013, Nexans u Nexans France (iktar ’il quddiem ukoll l-“appellanti”) ippreżentaw flimkien dan l-appell kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Dan l-appell jittratta, minn naħa, il-parti tas-sentenza appellata li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors għall-annullament ta’ dawn iż-żewġ kumpanniji fir-rigward tal-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni u, min-naħa l-oħra, id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż tal-Qorti Ġenerali.

19.      L-appellanti jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn tiċħad it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-argument li l-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni kienet eċċessivament wiesgħa u mhux preċiża biżżejjed;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ spezzjoni abbażi tal-informazzjoni fil-pussess tagħha, sa fejn il-portata ġeografika kienet eċċessivament wiesgħa, u la kienet suffiċjentement ġustifikata u lanqas suffiċjentement preċiża, jew, alternattivament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tiddeċiedi fid-dawl tal-punti ta’ liġi stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja;

–        tannulla s-sentenza appellata sa fejn tikkundanna lil Nexans sabiex tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, nofs l-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, u tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż esposti minn Nexans fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali f’ammont li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xieraq;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tbati l-ispejjeż kollha esposti minn Nexans fil-proċedura preżenti.

20.      Il-Kummissjoni titlob, min-naħa tagħha, li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad l-appell;

–        tikkundanna lill-appellanti jbatu l-ispejjeż.

21.      Il-partijiet għamlu sottomissjonijiet bil-miktub dwar l-appell lill-Qorti tal-Ġustizzja u, fis-26 ta’ Frar 2014, ippreżentaw is-sottomissjonijiet orali tagħhom.

V –    Evalwazzjoni tal-aggravji

22.      Fl-appell tagħhom, Nexans u Nexans France ma humiex qegħdin iqajmu t-temi kollha li kienu s-suġġett tal-proċedura fl-ewwel istanza. Il-kwistjoni ġuridika fil-proċedura ta’ appell hija pjuttost limitata għall-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, filwaqt li s-suġġett fattwali ta’ din id-deċiżjoni — jiġifieri n-natura tal-prodotti kkonċernati mill-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni — ma għadux rilevanti. Lanqas l-azzjonijiet l-oħra tal-ispetturi tal-Kummissjoni matul l-ispezzjoni, li kontrihom Nexans u Nexans France ressqu r-rikors tagħhom fl-ewwel istanza, ma għadhom is-suġġett tal-kawża.

23.      L-appellanti essenzjalment jakkużaw lill-Qorti Ġenerali li ċaħdet b’mod żbaljat l-annullament tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fir-rigward tal-portata ġeografika tagħha (l-ewwel aggravju). Barra minn hekk, huma jsostnu li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż tal-ewwel istanza ma kinitx xierqa (it-tieni aggravju).

A –    L-ewwel aggravju: rekwiżiti għal deċiżjoni ta’ spezzjoni u l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha rigward il-portata ġeografika

24.      L-ewwel aggravju huwa indirizzat kontra l-punti 95 sa 100 tas-sentenza appellata, u jikkonsisti f’żewġ partijiet. L-ewwel nett, l-appellanti jinvokaw ksur tar-rekwiżiti ta’ motivazzjoni b’rabta mal-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 1 iktar ’il quddiem). It-tieni nett, huma jilmentaw dwar il-fatt li l-Qorti Ġenerali ma evalwatx b’mod adegwat jekk il-Kummissjoni setgħetx tibbaża ruħha fuq evidenza suffiċjenti s-suspett tagħha li kien hemm ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni b’portata “probabbilment [...] mondjali” (ara t-Taqsima 2, iktar ’il quddiem).

1.      Rekwiżiti ta’ motivazzjoni (l-ewwel parti tal-ewwel aggravju)

25.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tagħhom, l-appellanti jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li, minn naħa, is-sentenza tagħha kienet mingħajr bażi adegwata [ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima 1(a) iktar ’il quddiem] u, min-naħa l-oħra, li r-rekwiżiti stipulati għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni mill-Kummissjoni ma kinux stretti biżżejjed [ara t-Taqsima 2(b) iktar ’il quddiem].

26.      Għalkemm iż-żewġ aspetti inevitabbilment jikkoinċidu f’ċerti aspetti, madankollu dawn jirrigwardaw problemi legali differenti — l-ilment dwar żball formali tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fl-ewwel każ u l-ilment dwar żball sostantiv tal-Qorti Ġenerali fit-tieni każ — u għalhekk għandhom jiġu eżaminati separatament. Żball ta’ liġi li jista’ jkun hemm fir-rigward tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni bl-ebda mod ma jwassal neċessarjament għall-konklużjoni li hemm nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali, jew vice versa.

a)      Fuq l-allegat nuqqas ta’ motivazzjoni fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (l-ewwel ilment)

27.      Fl-ewwel lok, l-appellanti jilmentaw dwar il-fatt li fil-motivazzjoni tas-sentenza appellata ma ġiex spjegat b’mod xieraq kif il-Qorti Ġenerali waslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni, bir-referenza għall-portata “probabbilment [...] mondjali” tal-allegati ftehim u/jew prattiki miftiehma, kienet spjegat f’dettall suffiċjenti l-portata ġeografika tal-akkordju allegat.

28.      L-obbligu tal-motivazzjoni xierqa tas-sentenzi tal-ewwel istanza jirriżulta mill-Artikolu 36 u mill-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u huwa espress ukoll fl-Artikolu 81 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

29.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li dan l-obbligu ta’ motivazzjoni ma jeħtieġx li l-Qorti Ġenerali, fir-raġunament tagħha, għandha tindirizza b’mod eżawrjenti wieħed wieħed l-argumenti kollha mressqa mill-partijiet fil-kawża. B’hekk, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil-kundizzjoni li permezz tagħha dawk ikkonċernati jkunu jistgħu jifhmu r-raġunijiet għaliex il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-argumenti tagħhom u bil-kundizzjoni li permezz tagħha l-Qorti tal-Ġustizzja jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha (7). Essenzjalment, huwa importanti li l-Qorti Ġenerali tkun indirizzat debitament it-talbiet kollha tal-partijiet u l-ksur kollu allegat minnhom quddiemha fir-rigward tal-att legali inkwistjoni tal-istituzzjoni konvenuta tal-Unjoni (8).

30.      Huwa minnu li r-raġunament fis-sentenza appellata dwar il-portata ġeografika tal-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni eżaminat mill-Kummissjoni huwa relattivament skars, sa fejn il-Qorti Ġenerali ma ddedikatx iktar minn tliet punti għall-analiżi sostantiva ta’ din il-kwistjoni (9).

31.      Madankollu, għandu jiġi nnotat li lanqas Nexans u Nexans France ma qajmu bħala l-punt ċentrali tal-argumenti tagħhom fl-ewwel istanza l-kwistjoni tal-portata “probabbilment [...] mondjali” tal-ftehim u l-imġiba li kellhom jiġu eżaminati (10). L-enfasi tagħhom fl-ewwel istanza ma kinitx il-portata ġeografika, iżda s-suġġett sostantiv tal-ispezzjonijiet mill-Kummissjoni, jiġifieri l-prodotti koperti mill-ispezzjoni. L-argument ewlieni tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali kien jikkonċerna dawn il-prodotti.

32.      F’din il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, l-appellanti ftit li xejn jistgħu jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali talli, fil-motivazzjoni tas-sentenza tagħha, għamlet l-istess enfasi.

33.      Fl-aħħar nett, madankollu, dak li huwa kruċjali huwa jekk il-Qorti Ġenerali, minkejja l-qosor tar-raġunament tagħha, indirizzatx b’mod suffiċjenti l-ilmenti ta’ Nexans u Nexans France fir-rigward tad-delimitazzjoni tal-portata ġeografika tal-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u jekk, mill-motivazzjoni tas-sentenza, jistax jiġi identifikat għalfejn il-Qorti Ġenerali qieset li dawn l-ilmenti ma kinux validi.

34.      Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali indirizzat espressament din il-kwistjoni. B’referenza għall-portata “probabbilment [...] mondjali” tal-ftehim u/jew tal-prattiki miftiehma li kellhom jiġu eżaminati, hija tinnota li l-Kummissjoni “ddeskriviet b’mod iddettaljat, il-portata ġeografika tal-akkordju ssuspettat”. Mill-perspettiva tal-Qorti Ġenerali għalhekk il-“preċiżjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni li tirrigwarda l-portata ġeografika tal-ksur eventwali għad-dritt tal-kompetizzjoni fejn l-eżistenza kienet issuspettata mill-Kummissjoni għandha b’hekk titqies li hija suffiċjenti” (11).

35.      Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tindirizza wkoll l-argumenti mressqa minn Nexans u Nexans France fis-sens li l-Kummissjoni ma kellhiex testendi l-ispezzjoni tagħha għal dokumenti li kienu relatati mas-swieq ġeografiċi ta’ natura lokali lil hinn mis-suq intern, mingħajr ma tingħata tiġġustifika kif l-imġiba tal-kumpanniji inkwistjoni f’dawn is-swieq setgħet twassal għal distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern (12). Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, huwa minnu li l-Kummissjoni ma tistax twettaq spezzjoni fil-postijiet tan-negozju ta’ kumpannija meta tissuspetta l-eżistenza ta’ ftehim jew ta’ prattika miftiehma li jaffettwaw esklużivament suq jew diversi swieq lil hinn mis-suq intern. Madankollu, skont il-fehma tal-Qorti Ġenerali, ma hemm xejn li jipprekludi lill-Kummissjoni milli teżamina dokumenti b’rabta ma’ dawn is-swieq sabiex tiżvela mġiba ta’ natura tali li tista’ taffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li jkollha l-prevenzjoni, ir-restrizzjoni jew id-distorsjoni tal-kompetizzjoni fis-suq intern bħala l-għan jew l-effett tagħha (13).

36.      Konsegwentement, fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ħadet pożizzjoni ċara u inekwivoka dwar l-ilment ta’ Nexans u Nexans France fir-rigward tal-portata ġeografika tal-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u speċifikat, għalkemm fil-qosor, għalfejn qieset li dan l-ilment ma kienx validu.

37.      L-appellanti jistgħu ma jaqblux fil-mertu mal-Qorti Ġenerali. Madankollu, dan il-fatt waħdu ma jistax jikkostitwixxi nuqqas ta’ motivazzjoni tas-sentenza appellata, iżda, l-iktar l-iktar, jista’ jfisser li din tkun żbaljata fil-mertu (14).

38.      Meta jittieħed kollox inkunsiderazzjoni, għalhekk, is-sentenza appellata ma hijiex affettwata min-nuqqas ta’ motivazzjoni allegat. L-ewwel ilment tal-appellanti fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.

39.      Għandu jiġi ċċarat issa, fil-kuntest tat-tieni lment, jekk l-evalwazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali dwar il-portata ġeografika tal-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni u dwar ir-rekwiżiti relatati mal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni humiex żbaljati fil-mertu.

b)      Fuq ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni (it-tieni lment)

40.      It-tieni nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali imponiet rekwiżiti laxki żżejjed għall-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni u konsegwentement kisret id-dritt tal-Unjoni. Fil-fehma tagħhom, id-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni fil-preambolu tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni kienet wisq vaga u ambigwa sa fejn tipprovdi li l-ftehim u/jew il-prattiki miftiehma li kellhom jiġu eżaminati kellhom “probabbilment portata mondjali”. Fil-fehma ta’ Nexans u Nexans France, fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni l-Kummissjoni kellha, minn naħa, tillimita b’mod ċar is-suq ġeografiku rilevanti u, min-naħa l-oħra, tiddikjara sa fejn proġetti tal-kejbils tal-elettriku barra mill-Unjoni Ewropea jew miż-Żona Ekonomika Ewropea kienu ta’ importanza għall-ispezzjonijiet tagħha f’dan il-każ ta’ akkordju.

41.      L-obbligu ta’ motivazzjoni ta’ att tal-Unjoni jirriżulta mill-Artikolu 253 KE (li sar it-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE) u huwa wkoll stabbilit bħala parti mid-dritt għal amministrazzjoni tajba anki fl-Artikolu 41(2)(c) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

42.      Skont ġurisprudenza stabbilita, din il-motivazzjoni għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, id-deliberazzjonijiet tal-istituzzjoni tal-Unjoni li adottat l-att legali, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-funzjoni ta’ stħarriġ tagħha (15).

43.      Fir-rigward tad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni, il-kontenut u l-portata tal-obbligu ta’ motivazzjoni huma speċifikati f’iktar dettall fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Skont din id-dispożizzjoni, f’tali deċiżjonijiet għandhom jiġu speċifikati b’mod partikolari s-suġġett u l-għan tal-ispezzjonijiet rispettivi. Dan ir-rekwiżit għandu bħala għan li jevita li l-Kummissjoni twettaq spezzjonijiet bl-addoċċ (16), mingħajr suspetti konkreti, prassi li bl-Ingliż sikwit tissejjaħ “fishing expeditions” (17).

44.      Kif il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet diversi drabi, l-obbligu speċjali ta’ motivazzjoni previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jikkostitwixxi rekwiżit fundamentali, sa fejn ma huwiex “maħsub biss sabiex tintwera n-natura ġġustifikata tal-intervent previst fl-impriżi kkonċernati, iżda wkoll sabiex dawn jitqiegħdu f’pożizzjoni li jifhmu l-portata tal-obbligu ta’ kooperazzjoni tagħhom filwaqt li fl-istess ħin jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom” (18).

45.      F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali setgħet tikkunsidra r-referenza tal-Kummissjoni għall-portata “probabbilment [...] mondjali” tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ssuspettat bħala indikazzjoni suffiċjenti tas-suġġett u tal-għan tal-ispezzjoni? Jew il-Qorti Ġenerali kellha titlob informazzjoni iktar speċifika dwar is-suq ġeografiku rilevanti kif ukoll dwar ir-rilevanza tad-dokumenti kummerċjali dwar il-proġetti tal-kejbils tal-elettriku barra mill-Unjoni Ewropea jew miż-Żona Ekonomika Ewropea? Din hija l-kwistjoni ewlenija fil-qofol tat-tilwima bejn il-partijiet f’din il-proċedura ta’ appell.

i)      Fuq is-suq ġeografiku rilevanti

46.      L-ewwel nett, l-appellanti jsostnu li l-Qorti Ġenerali kien imissha oġġezzjonat għan-nuqqas ta’ informazzjoni iktar speċifika min-naħa tal-Kummissjoni dwar id-dimensjoni ġeografika tal-investigazzjonijiet tagħha. Fl-opinjoni tagħhom, fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni kellu jiġi ddikjarat b’mod ċar jekk is-suq ġeografiku rilevanti kienx jinkludi l-Unjoni Ewropea jew iż-Żona Ekonomika Ewropea.

47.      F’dan ir-rigward għandu jingħad li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew persuni oħra li jistgħu jkunu direttament u individwalment ikkonċernati jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti kollha sa fejn il-verifika ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 253 KE ma għandhiex issir biss fid-dawl tal-kontenut tiegħu iżda anki fid-dawl tal-kuntest tiegħu u tad-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw is-suġġett (19).

48.      Fil-kuntest partikolari tal-ispezzjonijiet mingħajr preavviż, ta’ min jinnota li dawn normalment isiru fi stadju bikri ħafna — normalment saħansitra matul l-investigazzjonijiet preliminari ta’ każ ta’ akkordju. F’dak il-mument, anki meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi leġittimi tal-kumpanniji li jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom — ma huwiex mistenni li fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni tagħha l-Kummissjoni tagħti evalwazzjonijiet ġuridiċi preċiżi fi stadju daqstant bikri. Huwa naturali li f’dan l-istadju tal-proċedimenti l-Kummissjoni jkun għad ma għandhiex l-informazzjoni neċessarja sabiex tkun tista’ tagħmel evalwazzjoni ġuridika speċifika u tkun għad trid tivverifika l-eżattezza tas-suspett inizjali tagħha kif ukoll tal-portata ta’ dawn l-avvenimenti (20). Dan il-punt ma jistax jiġi injorat fl-evalwazzjoni tar-rekwiżiti legali għall-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni (21).

49.      Għalhekk, kif diġà ġie deċiż diversi drabi mill-Qorti tal-Ġustizzja, ma huwiex indispensabbli li l-informazzjoni kkomunikata f’deċiżjoni ta’ spezzjoni jkun fiha indikazzjoni preċiża tas-suq rilevanti, deskrizzjoni ġuridika eżatta tal-ksur allegat jew indikazzjoni tal-perijodu li matulu allegatament seħħ dan il-ksur (22).

50.      L-ebda konklużjoni differenti ma tnisslet mis-sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni tal-Qorti Ġenerali, li fuqha jibbażaw ruħhom l-appellanti. Huwa veru li fiha hemm punt kemxejn ambigwu fejn jingħad li l-Kummissjoni għandha tindika “s-suq preżunt in kwistjoni [is-suq li fil-fehma tagħha jkun rilevanti]” (23). Madankollu, minn qari bir-reqqa ta’ din is-sentenza jirriżulta li permezz ta’ dan il-punt il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma eżiġiet rekwiżiti ogħla għall-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni minn dawk meħtieġa mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza stabbilita. Kif il-Qorti Ġenerali stess tikkjarifika fil-punt immedjatament preċedenti tas-sentenza ċċitata, il-Kummissjoni ma hijiex meħtieġa li tiddefinixxi preċiżament is-suq inkwistjoni (24).

51.      F’dan l-isfond, l-ilment tal-appellanti, fis-sens li fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni f’din il-kawża kellu jiġi ddikjarat b’mod ċar jekk mil-lat ġeografiku l-Unjoni Ewropea jew iż-Żona Ekonomika Ewropea kinux is-suġġett tal-investigazzjoni tal-Kummissjoni, huwa infondat. Fid-dawl tal-istadju bikri li fih il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Qorti Ġenerali ma setgħetx u ma kellhiex titlob tali deskrizzjoni preċiża tas-suq ġeografiku rilevanti.

52.      Madankollu, fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha dejjem tispeċifika, b’mod kemm jista’ jkun preċiż, dak li jkun qed jiġi mfittex u l-elementi li għandhom ikunu koperti mill-ispezzjoni (25). Fi kliem ieħor, mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni għandu jirriżulta liema suspetti l-Kummissjoni għandha l-intenzjoni li tivverifika (26). Dak li huwa importanti f’dan l-istadju ma huwiex daqstant li tingħata deskrizzjoni kemm jista’ jkun preċiża tas-swieq affettwati, iżda pjuttost li tingħata deskrizzjoni, li tkun tista’ tinftiehem mill-kumpanniji kkonċernati, tal-ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li jkun issuspettat mill-Kummissjoni.

53.      F’dan il-każ, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni kkontestata ssodisfatt dawn ir-rekwiżiti: fil-preambolu ta’ dik id-deċiżjoni l-Kummissjoni ddikjarat li l-ispezzjoni tagħha kienet tirrigwarda “ftehim u/jew prattiki miftiehma” li kellhom “probabbilment portata mondjali” u li huma relatati mal-“provvista ta’ kejbils tal-elettriku u ta’ materjal relatat”. B’hekk, is-suspetti li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni kienu deskritti b’mod ċar biżżejjed u li jinftiehem.

54.      B’mod partikolari, id-dimensjoni ġeografika tal-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li kellu jiġi eżaminat mill-Kummissjoni kienet identifikata b’mod kompletament ċar b’riferiment għall-portata “mondjali” tagħha. Ma jistax jiġi serjament ikkontestat li b’din ir-referenza għal portata “mondjali” kien kopert ukoll is-suq intern Ewropew.

55.      Is-sempliċi fatt li l-Kummissjoni, bl-użu tal-kelma “probabbilment”, dgħajfet il-formulazzjoni tagħha ma jaffettwax il-kjarezza tad-dikjarazzjonijiet tagħha iżda din iż-żieda hija espressjoni tan-natura tal-eżaminazzjoni preliminari tal-Kummissjoni li, f’dak il-mument, kellha inevitabbilment tibbaża ruħha fuq suspett inizjali u ma setgħetx tirrikorri għal fatt stabbilit b’mod sħiħ kif ukoll għall-argumenti tal-partijiet kollha.

56.      Nexans u Nexans France għalhekk setgħu faċilment jagħrfu liema suspett kellha tikkonċerna l-ispezzjoni mingħajr preavviż ordnata mill-Kummissjoni, sabiex huma setgħu jiffukaw l-istrateġija ta’ difiża tagħhom fuqu u jifhmu l-obbligu tagħhom li jikkooperaw.

57.      Konsegwentement, għandu jiġi miċħud l-argument tal-appellanti fis-sens li, fir-rigward tas-suq ġeografiku rilevanti, il-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat ir-rekwiżiti ta’ motivazzjoni li għandha tissodisfa deċiżjoni ta’ spezzjoni.

ii)    Fuq ir-rilevanza tad-dokumenti kummerċjali b’rabta ma’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku barra s-suq intern Ewropew.

58.      Għad irid jiġi eżaminat it-tieni lment tal-appellanti fis-sens li l-Qorti Ġenerali kien imissha insistiet li l-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni kellu jkollha informazzjoni iktar speċifika dwar id-dokumenti kummerċjali li kellhom jiġu spezzjonati mill-ispetturi. B’mod partikolari, Nexans u Nexans France huma tal-fehma li l-Kummissjoni kellha tispeċifika r-raġunijiet għaliex id-dokumenti kummerċjali relatati mal-proġetti tal-kejbils tal-elettriku barra mill-Unjoni Ewropea jew miż-Żona Ekonomika Ewropea kienu rilevanti għall-investigazzjoni tagħha u kellhom jiġu ppreżentati lill-ispetturi.

59.      Mingħajr dubju, mill-ħtieġa li l-kumpanniji kkonċernati jiġu protetti kontra interventi (27) arbitrarji u sproporzjonati fil-postijiet tan-negozju tagħhom kif ukoll mir-rieda li jitħarsu d-drittijiet tad-difiża tagħhom jirriżulta li, fil-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex tispeċifika biss bl-iktar mod preċiż possibbli dak li qiegħed jiġi mfittex u l-elementi li qed jiġu investigati, iżda fiha għandha tippreċiża wkoll liema huma s-setgħat mogħtija lill-investigaturi tal-Unjoni f’kull każ partikolari (28).

60.      Fil-fehma tiegħi, dan kollu madankollu ma jfissirx li l-Kummissjoni, fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni tagħha, kellha tispeċifika fid-dettall b’mod prekawzjonarju liema tip ta’ dokumenti kummerċjali l-ispetturi tagħha setgħu jitħallew jispezzjonaw u liema le. Hemm żewġ raġunijiet li jmorru kontra l-preżunzjoni ta’ obbligu legali li, fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, jingħataw tali dettalji.

61.      Minn naħa, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Kummissjoni ma għandhiex tillimita ruħha fil-qafas ta’ spezzjoni mingħajr preavviż għall-ispezzjoni ta’ dokumenti li tkun diġà tista’ tidentifika bi preċiżjoni minn qabel. Permezz ta’ tali limitazzjoni tkun qiegħda tirrendi d-dritt tagħha għal aċċess għal dawn id-dokumenti jew faxxikli inutli. Dan id-dritt tal-Kummissjoni li twettaq spezzjonijiet mingħajr preavviż jimplika, għall-kuntrarju, il-possibbiltà li jiġu mfittxa elementi ta’ informazzjoni oħra li ma jkunux għadhom magħrufa jew kompletament identifikati (29). Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, it-tfittxija għal dawn id-dokumenti kummerċjali ma tistax tkun posposta għal data iktar tard u lanqas ma tista’ ssir permezz ta’ talba għal informazzjoni kif previst fl-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 1/2003, peress li f’każijiet ta’ akkordji huwa dejjem mistenni li, hekk kif l-element ta’ sorpriża jiġi eliminat mal-ewwel spezzjoni mingħajr preavviż, il-kumpanniji involuti ser jeliminaw l-evidenza inkriminanti.

62.      Min-naħa l-oħra, huwa ovvju li, fil-qafas ta’ spezzjoni mingħajr preavviż, il-Kummissjoni tfittex biss dokumenti kummerċjali u tkun tista’ tispezzjonahom biss jekk b’xi mod dawn jistgħu jkunu rilevanti għall-proċedura rispettiva prevista fl-Artikolu 81 KE jew 82 KE (li saru l-Artikolu 101 TFUE jew 102 TFUE). Dan minħabba li s-setgħat ta’ spezzjoni previsti fl-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 jservu sabiex il-Kummissjoni tipproteġi l-kompetizzjoni fis-suq intern minn distorsjonijiet u tippenalizza kull ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni tas-suq intern (30). Il-limitazzjoni fuq is-setgħat tal-ispetturi tal-Kummissjoni marbuta mas-suġġett rispettiv tal-investigazzjonijiet għalhekk tirriżulta saħansitra mill-kuntest legali li fih isseħħ kull spezzjoni marbuta mar-regoli tal-kompetizzjoni, u għalhekk ma tkun meħtieġa ebda speċifikazzjoni espliċita fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Fi kwalunkwe każ, spjegazzjonijiet li jista’ jkun hemm f’dan is-sens fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni jistgħu jkunu biss ta’ natura dikjaratorja.

63.      Fl-aħħar nett, l-appellanti jidhru li qed isostnu li l-ispezzjoni tad-dokumenti kummerċjali relatati ma’ proġetti barra l-Unjoni Ewropea jew miż-Żona Ekonomika Ewropea ġeneralment ma hijiex koperta mis-setgħa ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni u li għalhekk, fl-eventwalità li l-Kummissjoni — f’każijiet eċċezzjonali? — tkun trid tordna l-ispezzjoni ta’ tali dokumenti kummerċjali, tkun meħtieġa motivazzjoni separata.

64.      Madankollu, fuq eżami iktar fil-qrib, dan l-argument ma jikkonvinċix. Dan għaliex, jew, minn naħa, taħt l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni ma għandha ebda kompetenza għall-ispezzjoni ta’ dokumenti kummerċjali bħal dawn. F’dan il-każ, hija ma tistax tagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ kompetenza billi tipprovdi xi tip ta’ spjegazzjoni fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni tagħha. Jew inkella, min-naħa l-oħra, il-kompetenza ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni testendi wkoll għal dokumenti bħal dawn. F’dan il-każ ukoll allura, lanqas ma jkun hemm bżonn ta’ motivazzjoni separata fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni għaliex l-ispetturi tal-Kummissjoni jistgħu jeżaminawhom. Għalhekk, fil-verità, fiż-żewġ każijiet il-kwistjoni ma hijiex problema ta’ motivazzjoni.

65.      Speċjalment f’sitwazzjoni bħal din ineżami, fejn il-Kummissjoni kienet qed issegwi akkordju operattiv fuq livell mondjali, bl-ebda mod ma setgħet tillimita ruħha għall-ispezzjoni tad-dokumenti kummerċjali b’rabta mal-proġetti tal-kejbils tal-elettriku fl-Unjoni Ewropea jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea. Minħabba s-suspett inizjali dwar tali akkordju, f’dan il-każ il-Kummissjoni setgħet titfa’ l-attenzjoni tagħha ipso facto anki fuq proġetti tal-kejbils tal-elettriku li jinsabu f’pajjiżi terzi. Dan għaliex, b’mod evidenti, anki dokumenti b’rabta ma’ proġetti bħal dawn jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament ta’ tali akkordju, u dan anki jekk il-proġetti ċċitati bħala tali ma għandhom l-ebda impatt fuq is-suq intern. Jekk, pereżempju, mid-dokumenti kummerċjali dwar proġett li ser jitwettaq barra mill-Unjoni Ewropea jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea jirriżulta li l-parteċipanti tal-akkordju jaqsmu s-swieq fuq livell mondjali u ma jikkompetux fis-swieq domestiċi rispettivi tagħhom (l-hekk imsejjaħ “stay-at-home agreement”), dan jista’ jkun indikazzjoni tajba ħafna li l-akkordju kien f’pożizzjoni li jippreġudika l-kompetizzjoni effettiva fis-suq intern.

66.      Fir-rigward ta’ akkordji li joperaw fuq livell mondjali, huwa possibbli li “l-evidenza inkriminanti”, li tista’ tkun dokument wieħed fejn il-kumpanniji jkunu ddokumentaw il-kontenut tal-fehim antikompetittiv tagħhom għall-proġetti kollha tagħhom madwar id-dinja, inkluża l-imġiba ppjanata tagħhom fis-suq intern Ewropew, tkun tista’ tinsab biss fid-dokumenti kummerċjali marbuta ma’ tranżazzjonijiet trans-Ewropej speċifiċi. Ma jistax jiġi serjament argumentat li l-Kummissjoni ma setgħetx tinkludi tali evidenza fil-proċess. Konsegwentement, ma tistax tinċaħad milli tfittex tali evidenza fil-kuntest ta’ spezzjoni mingħajr preavviż, u dan anki fid-dokumenti kummerċjali b’rabta ma’ proġetti barra mill-Ewropa fir-rigward tal-prodotti allegatament involuti f’akkordju. Fuq mistoqsija li għamiltlu matul is-seduta, ir-rappreżentant tal-appellanti ammetta dan il-punt.

67.      Il-fatt li f’dan il-każ il-Kummissjoni kienet qiegħda tfittex ukoll il-provi ċċitati dwar it-tqassim tas-suq mondjali fil-kuntest tal-akkordju allegat kien definittivament speċifikat ukoll fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, fejn tqajjem fil-fatt is-suspett ta’ “tqassim tal-klijenti” bejn dawk involuti fil-ftehim jew fil-prattiki antikompetittivi allegati b’portata “probabbilment [...] mondjali” fis-suq tal-kejbils tal-elettriku. Barra minn hekk, mill-preambolu tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni jirriżulta li l-Kummissjoni riedet teżamina l-“fatti kollha relatati mal-ftehim u l-prattiki miftiehma allegati u l-kuntest li seħħew fih”.

68.      F’dan l-isfond, jidhirli li, meta wieħed iqis iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ preżenti, l-ilment ta’ Nexans u Nexans France, fis-sens li l-Qorti Ġenerali kellha tinsisti fuq motivazzjoni iktar dettaljata f’dan ir-rigward fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ma huwiex konvinċenti.

69.      Kuntrarjament għall-fehma tal-appellanti, fid-dritt internazzjonali ma hemm xejn li jipprekludi investigazzjonijiet ta’ dan it-tip (31). B’mod partikolari, ma jistax jiġi invokat ksur tal-prinċipju ta’ territorjalità. Il-postijiet tan-negozju li saret tfittxija fihom mill-Kummissjoni u d-dokumenti kummerċjali li ġew spezzjonati minnha kienu fil-fatt jinsabu fit-territorju tal-Unjoni.

70.      Huwa minnu li l-Kummissjoni, skont il-prinċipju ta’ territorjalità, kellha tillimita ruħha esklużivament għall-investigazzjoni ta’ aġir li, fid-dawl tal-effeti mistennija tiegħu, huwa ta’ natura tali li jippreġudika l-kompetizzjoni fis-suq intern (32). Madankollu, dan ma jfissirx li fl-ispezzjonijiet tagħha kellha tillimita ruħha biss għad-dokumenti kummerċjali li huma marbuta mal-proġetti tal-parteċipanti tal-akkordju fl-Unjoni Ewropea jew fiż-Żona Ekonomika Ewropea.

71.      Kif diġà ġie spjegat, dak li jkun jista’ jasal għal konklużjonijiet dwar l-eżistenza ta’ prattiki antikompetittivi b’impatti potenzjalment negattivi fuq il-kompetizzjoni fis-suq intern anki minn dokumenti kummerċjali li jkunu relatati ma’ proġetti lokali f’pajjiżi terzi, pereżempju, jekk dawn id-dokumenti jipprovdu informazzjoni dwar il-funzjonament ta’ akkordju li jopera fuq livell mondjali jew jekk minħabba r-relazzjoni tagħhom ma’ proċeduri interni tal-Unjoni dawn il-proġetti min-naħa tagħhom jistgħu jaffettwaw is-suq intern. Din ir-rabta mas-suq intern hija biżżejjed mil-lat tad-dritt internazzjonali sabiex tiġġustifika li l-Kummissjoni tinvestiga d-dokumenti kummerċjali inkwistjoni fil-kuntest ta’ investigazzjoni preliminari.

72.      Għalhekk, il-Qorti Ġenerali kellha raġun meta ddeċidiet li xejn ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli teżamina d-dokumenti marbuta mas-swieq mhux Ewropej, “sabiex jiġi identifikat aġir li jista’ jaffettwa l-kummerċ bejn Stati Membri u li għandu bħala għan jew effet li jwaqqaf, jirrestrinġi jew ixekkel il-kompetizzjoni ġewwa s-suq Komuni” (33).

c)      Konklużjonijiet intermedjarji

73.      Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju hija, għaldaqstant, infondata.

2.      Fuq l-istħarriġ ġudizzjarju tal-fatt suspettuż li jifforma l-bażi ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni (it-tieni parti tal-ewwel aggravju)

74.      Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju tagħhom, Nexans u Nexans France jilmentaw li l-Qorti Ġenerali kisret id-dritt tal-Unjoni billi ma evalwatx jekk il-Kummissjoni kellhiex indizji suffiċjentement serji sabiex tissuspetta ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ portata mondjali.

a)      Fuq l-ammissibbiltà

75.      L-ewwel nett, tqum il-kwistjoni jekk l-ilment imressaq permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju huwiex qabel kollox ammissibbli. Għandu jiġi eżaminat jekk, meta għażlu li jressqu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kritika dwar l-intensità tal-istħarriġ ġudizzjarju tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, l-appellanti qajmux argument kompletament ġdid u li ma ġiex ippreżentat quddiem il-Qorti Ġenerali dwar allegat ksur tad-drittijiet. Jekk dan huwa l-każ, din il-parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda ex officio bħala inammissibbli, anki jekk l-ebda parti ma tkun ittrattat dan il-punt fil-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja (34).

76.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li kieku parti titħalla tqajjem għall-ewwel darba quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja motiv jew difiża li hija ma qajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali, dan ikun ifisser li din il-parti tkun qiegħda tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tilwima li l-ambitu tagħha jkun usa’ minn dak tat-tilwima deċiża mill-Qorti Ġenerali. Bħala prinċipju, fil-kuntest ta’ appell, il-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja hija limitata għall-eżami tal-evalwazzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali tal-motivi mressqa quddiemha (35).

77.      Konsegwentement, l-Artikolu 127(1), ikkunsidrat flimkien mal-Artikolu 190(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, jipprevedi li ebda motiv ġdid ma jista’ jiġi ppreżentat matul l-istanza, sakemm dan il-motiv ma jkunx ibbażat fuq punti ta’ liġi u ta’ fatt li joħorġu matul il-proċedura.

78.      Fl-ewwel istanza, Nexans u Nexans France ttrattaw il-kwistjoni tal-portata ġeografika tas-suġġett tal-investigazzjoni biss mill-perspettiva tal-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni kkontestata, jiġifieri f’termini ta’ żball formali mill-Kummissjoni (36). Huma primarjament ikkritikaw ir-referenza tal-Kummissjoni għall-portata “probabbilment [...] mondjali” tal-allegat ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni li, fil-fehma tagħhom, kienet vaga wisq u ma kinitx tippermettilhom jidentifikaw l-ambitu preċiż tal-ispezzjonijiet u l-portata eżatta tal-obbligu tagħhom li jikkooperaw (37). Barra minn hekk, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma fiha l-ebda informazzjoni speċifika dwar liema swieq u b’liema mod kwalunkwe ftehim jew prattiki antikompetittivi barra l-Unjoni setgħu affettwaw is-suq intern (38).

79.      Għall-kuntrarju, fis-sottomissjonijiet tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali, Nexans u Nexans France fl-ebda punt ma esprimew dubju mil-lat sostantiv dwar l-eżistenza ta’ evidenza suffiċjenti għas-suspett ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni ta’ portata mondjali. Lanqas meta saritilhom mistoqsija speċifika bil-miktub mill-Qorti tal-Ġustizzja ma setgħu jipproduċu l-evidenza ta’ tali sottomissjoni min-naħa tagħhom fl-ewwel istanza. Pjuttost, fis-seduta orali, l-avukat tagħhom kellu jammetti li Nexans u Nexans France ma ressqux espressament tali lment fl-ewwel istanza.

80.      Barra minn hekk, ftit li xejn huwa konvinċenti l-argument tal-appellanti, ippreżentat oralment, fis-sens li fl-argumenti tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali ċertament kien hemm ilment impliċitu fis-sens li l-Kummissjoni seta’ ma kellhiex evidenza biżżejjed għal suspett ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni b’portata mondjali. Huwa ferm improbabbli li l-avukati speċjalizzati ħafna, li rrappreżentaw lil Nexans u Nexans France f’dan il-każ, setgħu ħbew ilment sostantiv dwar il-korrettezza sostantiva tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni fost l-argumenti dwar il-legalità formali tagħha, minflok ma ppreżentawh espliċitament (39). Dan huwa iktar u iktar minnu fid-dawl tal-fatt li Nexans u Nexans France f’kuntest ieħor, jiġifieri dak relatat mal-portata sostantiva tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, ibbażaw ruħhom b’mod espliċitu preċiżament fuq tali lment sostantiv (40).

81.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, jista’ jingħad li t-tieni parti tal-ewwel aggravju tinkludi motiv ġdid. Dan il-motiv ma huwiex ibbażat fuq punti ta’ liġi jew ta’ fatt li setgħu mmaterjalizzaw għall-ewwel darba matul il-proċedura, u lanqas ma jista’ jitqies bħala sempliċi żvilupp tal-argumenti skambjati fl-ewwel istanza. Għall-kuntrarju, dan il-motiv jikkostitwixxi estensjoni tas-suġġett tat-tilwima meta mqabbel ma’ dak fl-ewwel istanza u għalhekk huwa inammissibbli.

b)      Fuq il-mertu

82.      Ser ngħaddi issa biex nindirizza, fil-qosor u b’mod sussidjarju biss, il-mertu ta’ din it-tieni parti tal-ewwel aggravju.

83.      Bl-ilment tagħhom Nexans u Nexans France jikkritikaw lill-Qorti Ġenerali li ma eżaminatx jekk, meta adottat id-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-Kummissjoni kellhiex indizji suffiċjentement serji sabiex tissuspetta li kien hemm ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni b’portata mondjali.

84.      Dan l-argument għandu jiġi miċħud.

85.      Bla dubju kwalunkwe deċiżjoni ta’ spezzjoni hija suġġetta retrospettivament għal stħarriġ ġudizzjarju dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex provi biżżejjed sabiex tiġġustifika s-suspett inizjali ta’ ksur serju tad-dritt tal-kompetizzjoni u sabiex b’hekk tiġġustifika l-miżuri investigattivi ordnati fid-deċiżjoni ta’ spezzjoni tagħha (41). Tali stħarriġ ġudizzjarju ex post huwa fil-prinċipju biżżejjed sabiex tiġi żgurata b’mod xieraq il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali tal-kumpanniji kkonċernati (42).

86.      Il-fatt li huwa biss fil-proċeduri quddiem il-qrati kompetenti, u mhux fi stadju preċedenti fil-motivazzjoni tad-deċiżjoni ta spezzjoni tagħha (43), li l-Kummissjoni hija meħtieġa tiżvela l-informazzjoni li fuq il-bażi tagħha kkunsidrat li kien iġġustifikat li twettaq tfittxija fil-bini tal-kumpannija kkonċernata, huwa konformi man-natura ta’ dan l-istħarriġ sussegwenti (44).

87.      Barra minn hekk, fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-kompetizzjoni, il-proċeduri quddiem il-qrati tal-Unjoni huma bbażati fuq il-prinċipju tal-amministrazzjoni tal-provi (45). Peress li fl-ewwel istanza Nexans u Nexans France ma esprimew l-ebda dubju li l-Kummissjoni kellha indizji suffiċjentement serji għas-suspett inizjali ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni b’portata mondjali (46), il-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn tittratta din il-kwistjoni. Fi kwalunkwe każ, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex għalfejn, minħabba r-referenza estremament vaga ta’ Nexans u Nexans France għan-natura purament lokali tal-proġetti tal-kejbils tal-elettriku barra mill-Ewropa, tieħu l-opportunità li ġeneralment tiddubita dwar l-eżistenza ta’ provi suffiċjenti u, fuq l-inizjattiva tagħha stess, tistħarreġ hija stess in-natura tal-akkordju allegat bħala ksur b’portata mondjali.

88.      Għall-kuntrarju ta’ dak li jsostnu l-appellanti, f’dan ir-rigward ma jbiddel xejn il-fatt li l-ispezzjonijiet mingħajr preavviż jirriżultaw f’intrużjonijiet serji fil-postijiet ta’ kumpanniji u konsegwentement fl-ambitu tad-drittijiet fundamentali protetti tagħhom. Nexans u Nexans France kienu rrappreżentati minn avukati speċjalizzati ħafna, li kienu mistennija jippreżentaw l-ilmenti kollha essenzjali quddiem il-Qorti Ġenerali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-qorti jista’ jkollha l-obbligu li teżamina ex officio l-provi inizjali jekk tiddeċiedi, mingħajr ma tisma’ lill-parti l-oħra (47), li l-ispezzjoni mingħajr preavviż ser issir jew tkun saret b’mod illeċitu, jew inkella jekk ikun hemm raġunijiet serji li jindikaw dan. Madankollu, l-ebda waħda minn dawn is-sitwazzjonijiet ma kienet il-każ fil-kawża ineżami.

89.      Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fl-aħħar mill-aħħar ikkonfermat l-eżistenza ta’ provi li fuqhom il-Kummissjoni f’dan il-każ setgħet raġonevolment tibbaża s-suspett inizjali ta’ ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni b’portata mondjali. Kif iddikjarat il-Kummissjoni partikolarment fir-risposta għall-appell tagħha, mingħajr ma ġiet ikkontesta f’dan ir-rigward u filwaqt li ssostanzjat id-dikjarazzjoni tagħha bi kwotazzjonijiet, fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni hija kellha dikjarazzjonijiet orali magħmula minn applikant għal klemenza li minnhom kienu jirriżultaw indizji konkreti dwar l-eżistenza ta’ akkordju li jopera fuq livell mondjali, li l-membri tiegħu fost l-oħrajn qasmu s-swieq u llimitaw ruħhom għas-swieq lokali rispettivi tagħhom (48). Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet tirreferi għall-esperjenzi iktar reċenti u konkreti li hija kellha fir-rigward tal-aġir ta’ akkordji oħra li f’xi wħud minnhom kienu involuti l-istess kumpanniji.

90.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni kienet iġġustifikata li twettaq, fil-kuntest tal-ispezzjonijiet mingħajr preavviż tagħha, spezzjonijiet għal evidenza tal-eżistenza u tal-funzjonament ta’ tali akkordju b’portata mondjali (49).

c)      Konklużjonijiet intermedjarji

91.      Għalhekk, kollox ma’ kollox, it-tieni parti tal-ewwel aggravju għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondata. Għalhekk, l-ewwel aggravju fl-intier tiegħu huwa ineffettiv.

B –    It-tieni aggravju: deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż

92.      Bit-tieni aggravju tagħhom, indirizzat kontra l-punti 138 u 139 tas-sentenza appellata, l-appellanti fl-aħħar nett isostnu li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż tal-proċedura fl-ewwel istanza hija “manifestament irraġonevoli”.

93.      Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 58 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-appelli li jkunu diretti biss kontra d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż għandhom jiġu miċħuda. F’ġurisprudenza stabbilita din id-dispożizzjoni hija interpretata b’mod wiesa’. B’hekk, din id-dispożizzjoni tkopri wkoll dawk il-każijiet fejn appellant ma jikkontestax biss id-deċiżjoni dwar l-ispejjeż iżda jikkontesta wkoll id-deċiżjoni fl-ewwel istanza minn aspetti oħra mingħajr ma jirnexxielu jegħlibha fuq il-bażi ta’ xi wieħed mill-aggravji tiegħu (50).

94.      Dan huwa preċiżament il-każ hawnhekk. Peress li fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti s-sottomissjonijiet tal-appellanti ma jistgħux jintlaqgħu (51), l-aggravju tagħhom dwar id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-ispejjeż ma jeħtieġ l-ebda eżami addizzjonali.

95.      Għal finijiet ta’ kompletezza, inżid ngħid li, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali għandha marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa fir-rigward tad-deċiżjoni tagħha dwar l-ispejjeż, marġni li ma marritx lil hinn minnu f’dan il-każ. Fl-ewwel istanza, Nexans u Nexans France kkontestaw tliet azzjonijiet differenti tal-Kummissjoni minn diversi aspetti legali. Kien biss fir-rigward ta’ waħda minn dawn l-azzjonijiet, jiġifieri d-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li kellhom parzjalment suċċess. F’dawn iċ-ċirkustanzi jidhirli li kien għalkollox xieraq li l-Qorti Ġenerali kkundannat lil Nexans u lil Nexans France jbatu l-ispejjeż tagħhom u nofs l-ispejjeż tal-Kummissjoni.

96.      Għaldaqstant, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli u, fi kwalunkwe każ, bħala infondat.

VI – Spejjeż

97.      Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell jiġi miċħud, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

98.      Skont l-Artikolu 138(1) u (2), flimkien mal-Artikolu 184(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu; jekk ikun hemm iktar minn parti waħda li titlef il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar kif għandhom jitqassmu l-ispejjeż. Peress li l-appellanti tilfu fl-aggravji tagħhom, huma għandhom jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni. Billi ppreżentaw l-appell flimkien, huma għandhom jiġu kkundannati għall-ispejjeż in solidum (52).

VII – Konklużjoni

99.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      L-appell huwa miċħud.

2)      L-appellanti huma kkundannati għall-ispejjeż in solidum.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Is-sitwazzjoni legali qabel id-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta’ Lisbona biss hija deċiżiva, peress li d-deċiżjoni ta’ spezzjoni kkontestata ġiet adottata u implementata qabel l-1 ta’ Diċembru 2009.


3 – Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta’ Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Nru 1/2003”).


4 – Sentenza Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T‑135/09, EU:T:2012:596), iktar ’il quddiem ukoll “is-sentenza appellata” jew “is-sentenza tal-Qorti Ġenerali”.


5 – Ara l-punti 1 u 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.


6 – Ara l-punti 3 u 4 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.


7 – Sentenzi FIAMM et vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni (C-120/06 P u C-121/06 P, EU:C:2008:476, punt 96); Edwin vs UASI (C-263/09 P, EU:C:2011:452, punt 64), u Inuit Tapiriit Kanatami et vs II-Parlament u Il-Kunsill (C-583/11 P, EU:C:2013:625, punt 82).


8 – F’dan ir-rigward ara s-sentenzi Moritz vs Il-Kummissjoni (C-68/91 P, EU:C:1992:531, punti 26 u 37 sa 39); Acerinox vs Il-Kummissjoni (C-57/02 P, EU:C:2005:453, punti 36 u 37); Il-Kummissjoni vs Greencore (C-123/03 P, EU:C:2004:783, punti 40 u 41); France Télécom vs Il-Kummissjoni (C-202/07 P, EU:C:2009:214, punt 41); Komninou et vs Il‑Kummissjoni (C-167/06 P, EU:C:2007:633, punt 22), u Mindo vs Il-Kummissjoni (C-652/11 P, EU:C:2013:229, punt 41).


9 – Punti 97 sa 99 tas-sentenza appellata.


10 – Fl-ewwel istanza, kienu biss erbgħa mit-73 punt tar-rikors ta’ Nexans u Nexans France (punti 37 sa 40) u tnejn mill-41 punt tar-replika tagħhom (punti 19 u 20) li kienu ddedikati għal dan is-suġġett.


11 – Punt 97 tas-sentenza appellata.


12 – Punti 98 sa 99 tas-sentenza appellata.


13 – Punt 99 tas-sentenza appellata.


14 – Sentenzi Wunenburger vs Il-Kummissjoni (C-362/05 P, EU:C:2007:322, punt 80), u Gogos vs Il-Kummissjoni (C-583/08 P, EU:C:2010:287, punt 35).


15 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63); Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P, EU:C:2008:392, punt 166), u Ziegler vs Il-Kummissjoni (C-439/11 P, EU:C:2013:513, punt 115).


16 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo, Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:73, punt 206), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, EU:C:2011:256, punt 138).


17 – L-ilment tal-appellanti huwa fl-istess sens meta jsostnu li l-Kummissjoni kienet aġixxiet f’dan il-każ skont l-“approċċ tax-xibka tat-tkarkir mondjali” (fil-lingwa tal-kawża: “global dragnet approach”).


18 – Sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 29); Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punti 8 u 40); Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punti 26 u 45), u Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punt 47); similarment is-sentenza Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni (C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, punt 299). Għalkemm din il-ġurisprudenza tikkonċerna d-dispożizzjoni preċedenti għall-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, tista’ madankollu tiġi faċilment ittrasferita għal din id-dispożizzjoni tal-aħħar.


19 – Sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63); Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P, EU:C:2008:392, punt 166), u Ziegler vs Il-Kummissjoni (C-439/11 P, EU:C:2013:513, punt 116).


20 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza National Panasonic vs Il-Kummissjoni (EU:C:1980:169, punt 21), kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:73, punt 174), flimkien mal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, EU:C:2011:256, punt 143).


21 – Ara wkoll, fir-rigward tad-determinazzjoni ta’ jekk hemmx ksur tal-Artikolu 81 KE jew 82 KE, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Mischo fil-kawża Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:73, punt 176), kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, EU:C:2011:256, punt 144).


22 – Sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 41); Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 10); Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 45), u Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punt 82).


23 – Sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni (T-340/04, EU:T:2007:81, punt 52).


24 – Sentenza France Télécom vs Il-Kummissjoni (T-340/04, EU:T:2007:81, punt 51).


25 – Sentenza Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punt 83).


26 – Sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 41); Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 9) u Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 45); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Solvay vs Il-Kummissjoni (C-109/10 P, EU:C:2011:256, punt 138).


27 – Ara f’dan ir-rigward is-sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 19); Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 30), u Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 16).


28 – Sentenza Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punt 83).


29 – Sentenza Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punt 84); ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 27); Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 38), u Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 24).


30 – Ara, f’dan ir-rigward, il-premessa 24 tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll l-Artikolu 4 tiegħu, kif ukoll is-sentenzi National Panasonic vs Il-Kummissjoni (EU:C:1980:169, punt 20); AM & S vs Il-Kummissjoni (155/79, EU:C:1982:157, punt 15); Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 25); Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punt 36); Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 22), u Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punt 42).


31 – Għalkemm huwa biss fit-tieni parti tal-ewwel aggravju li l-appellanti daħlu fid-dettall fuq l-aspetti tad-dritt internazzjonali, naħseb madankollu li huwa iktar xieraq li nittratta l-argumenti tagħhom minn issa, fil-kuntest ta’ din l-ewwel parti tal-ewwel aggravju.


32 – Ara, essenzjalment, is-sentenza Woodpulp (is-sentenza Ahlström Osakeyhtiö et vs Il-Kummissjoni, 89/85, 104/85, 114/85, 116/85, 117/85 u 125/85 sa 129/85, EU:C:1988:447, punti 15 sa 17).


33 – Punt 99, l-aħħar sentenza, tas-sentenza appellata.


34 – F’dan il-każ, kien għall-ewwel darba fis-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja li l-Kummissjoni talbet sabiex din it-tieni parti tal-ewwel aggravju tiġi ddikjarata bħala inammissibbli.


35 – Sentenzi Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni (C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punt 165); Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C-628/10 P u C-14/11 P, EU:C:2012:479, punt 111), u Groupe Gascogne vs Il-Kummissjoni (C-58/12 P, EU:C:2013:770, punt 35).


36 – Ara l-paragrafu 3.2.3 (punti 37 sa 40) tar-rikors fl-ewwel istanza bit-titolu “Overly broad geographic scope”.


37 – Punti 39 u 40 tar-rikors fl-ewwel istanza.


38 – Punti 37 u 38 tar-rikors fl-ewwel istanza.


39 – Għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li minnha jirriżulta li, fl-istħarriġ ġudizzjarju tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, għandha ssir distinzjoni bejn il-legalità formali u sostantiva, ara s-sentenzi Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C-367/95 P, EU:C:1998:154, punt 67);, Bertelsmann u Sony Corporation of America vs Impala (C-413/06 P, EU:C:2008:392, punt 392), u Gascogne Sack Deutschland vs Il-Kummissjoni (C-40/12 P, EU:C:2013:768, punt 46)


40 – Ara l-punti 60 sa 94 tas-sentenza appellata.


41 – Sentenza Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punti 49 u 50), kif ukoll – impliċitament – is-sentenza Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 52).


42 – Sentenza tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem tas-7 ta’ Ġunju 2007, Smirnov vs Ir-Russja (Rikors Nru 71362/01), Recueil des arrêts et décisions 2007-VII, punt 45), kif ukoll is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 2011, Harju vs Il-Finlandja (Rikors Nru 56716/09, punti 40 u 44) u Heino vs Il-Finlandja (Rikors Nru 56720/09, punt 45).


43 – Ara wkoll, f’dan ir-rigward, is-sentenza Dalmine vs Il-Kummissjoni (C-407/04 P, EU:C:2007:53, punt 60), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li l-kumpanniji inkwistjoni setgħu jaħbu l-evidenza fil-każ li jkunu diġà jafu, fl-istadju tal-ewwel investigazzjoni, liema informazzjoni jkollha l-Kummissjoni f’dak il-mument.


44 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Hoechst vs Il-Kummissjoni (46/87 u 227/88, EU:C:1989:337, punt 41); Dow Benelux vs Il-Kummissjoni (85/87, EU:C:1989:379, punti 9 u 15); Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punti 45 u 51), u Roquette Frères (C-94/00, EU:C:2002:603, punti 60 sa 62).


45 – Partikolarment dwar il-prinċipju tal-amministrazzjoni tal-provi b’rabta mad-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni ara s-sentenza Dow Chemical Ibérica et vs Il-Kummissjoni (97/87 sa 99/87, EU:C:1989:380, punt 52); b’mod ġenerali dwar dan il-prinċipju fid-dritt tal-kompetizzjoni ara s-sentenzi Chalkor vs Il-Kummissjoni (C-386/10 P, EU:C:2011:815, punti 64 u 65), u Otis et (C-199/11, EU:C:2012:684, punt 61, l-ewwel sentenza) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Alliance One International u Standard Commercial Tobacco vs Il-Kummissjoni (C-628/10 P u C-14/11 P, EU:C:2012:11, punt 99) u l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni (C 501/11 P, EU:C:2013:248, punt 47).


46 – Ara l-punti 77 u 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


47 – Dan ikun regolarment il-każ meta l-qorti nazzjonali, qabel ma jsiru l-ispezzjonijiet mingħajr preavviż, tintalab tordna, għal raġunijiet ta’ prekawzjoni, l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ infurzar [Artikolu 20(7) u (8) tar-Regolament Nru 1/2003].


48 – Xi wħud minn dawn id-dikjarazzjonijiet mill-applikant għal klemenza kienu diġà s-suġġett ta’ diskussjoni kontradittorja fl-ewwel istanza quddiem il-Qorti Ġenerali.


49 – Diġà ttrattajt l-argumenti tal-appellanti relatati mad-dritt internazzjonali fil-kuntest ta’ din it-tieni parti tal-ewwel aggravju fil-punti 68 sa 71 iktar ’il fuq ta’ dawn il-konklużjonijiet.


50 – Ara d-digriet Roujanski vs Il-Kunsill (C-253/94 P, EU:C:1995:4, punti 12-14) kif ukoll is-sentenzi Henrichs vs il-Kummissjoni (C-396/93 P, EU:C:1995:280, punt 65-66); Il-Kummissjoni u Franza vs TF1 (C-302/99 P u C-308/99 P, EU:C:2001:408, punt 31); Tralli vs BĊE (C-301/02 P, EU:C:2005:306, punt 88), u Gualteri vs Il-Kummissjoni (C-485/08 P, EU:C:2010:188, punt 111).


51 – Ara f’dan ir-rigward l-argumenti tiegħi dwar l-ewwel aggravju fil-punti 24 sa 86 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


52 – Sentenza Akzo Nobel Chemicals u Akcros Chemicals vs Il-Kummissjoni et (C‑550/07 P, EU:C:2010:512, punt 123); fl-istess sens ara s-sentenza D u L-Isvezja vs Il-Kunsill (C‑122/99 P u C‑125/99 P, EU:C:2001:304, punt 65); fl-aħħar każ kienu D u r-Renju tal-Isvezja li ppreżentaw żewġ appelli separati u xorta waħda ġew ordnati jbatu in solidum l-ispejjeż.