Language of document : ECLI:EU:T:2021:723

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

20 ta’ Ottubru 2021 (*)

“Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Trasport bl-ajru – Deċiżjoni li tiddikjara operazzjoni ta’ konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE – Suq inkwistjoni – Evalwazzjoni tal-effetti tal-operazzjoni fuq il-kompetizzjoni – Assenza ta’ impenn – Obbligu ta’ motivazzjoni”

Fil-Kawża T‑240/18,

Polskie Linie Lotnicze “LOT” S.A., stabbiltà f’Varsavja (il-Polonja), irrappreżentata minn M. Jeżewski u M. König, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Wildpanner, T. Franchoo u J. Szczodrowski, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

easyJet plc, stabbilita f’Luton (ir-Renju Unit), irrappreżentata minn M. Odriozola Alén, I. Terlecka u T. Reeves, avukati,

intervenjenti,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2017) 8776 finali tal-Kummissjoni, tat-12 ta’ Diċembru 2017, li tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq intern u mal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/M.8672 – easyJet/Ċerti attivi ta’ Air Berlin),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

Komposta minn M. van der Woude, President tal-Awla, A. Kornezov, E. Buttigieg, K. Kowalik-Bańczyk (Relatriċi) u G. Hesse, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tal-11 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Air Berlin plc kienet kumpannija tal-ajru. Hija bdiet, fl-2016, wara diffikultajiet finanzjarji, pjan ta’ ristrutturazzjoni li kellu jiġi parzjalment iffinanzjat permezz ta’ self mingħand waħda mill-azzjonisti tagħha, Etihad Airways PJSC.

2        Fid-9 ta’ Awwissu 2017, Etihad Airways ma wettqitx il-ħlas tal-parti tas-self li kienet dovuta.

3        Fil-11 ta’ Awwissu 2017, Etihad Airways ħabbret pubblikament li hija ma kinitx iktar sejra ssostni finanzjarjament lil Air Berlin.

4        Fil-15 ta’ Awwissu 2017, minn naħa, Air Berlin bdiet proċedura ta’ insolvenza quddiem l-Amtsgericht Charlottenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg, il-Ġermanja), li awtorizzatha tkompli tamministra u tuża l-beni tagħha taħt is-superviżjoni ta’ amministratur provviżorju.

5        Min-naħa l-oħra, il-Gvern Ġermaniż innotifika lill-Kummissjoni Ewropea, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, miżura ta’ għajnuna fil-forma ta’ self iggarantit ta’ ammont massimu ta’ EUR 150 il-miljun favur Air Berlin (iktar ’il quddiem l-“għajnuna għas-salvataġġ”). Permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 6080 finali, tal-4 ta’ Settembru 2017, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.48937 (2017/N) – il-Ġermanja, għas-salvataġġ ta’Air Berlin (ĠU 2017, C 400, p. 7, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna għas-salvataġġ kompatibbli mas-suq intern”), il-Kummissjoni ddikjarat l-għajnuna għas-salvataġġ kompatibbli mas-suq intern. F’dan ir-rigward, hija speċifikat li din l-għajnuna kellha tippermetti t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ Air Berlin għal tul massimu ta’ tliet xhur li matulhom kien previst li jinbiegħu l-attivi ta’ din tal-aħħar.

6        Fis-27 ta’ Ottubru 2017, l-intervenjenti, easyJet plc, u Air Berlin ikkonkludew ftehim dwar ix-xiri ta’ slots tal-ħin, b’mod partikolari fl-ajruport ta’ Berlin-Tegel (il-Ġermanja), ta’ postijiet ta’ parkeġġ li jikkorrispondu għal dawn l-islots tal-ħin, tal-eventwali ordnijiet tal-klijenti ta’ Air Berlin relatati mal-operazzjonijiet marbuta mal-imsemmija slots tal-ħin, ta’ diversi elementi ta’ kabina ta’ ajruplani u ta’ tagħmir korrispondenti kif ukoll ta’ data storika relatata ma dawn l-attivi kollha (iktar ’il quddiem il-“ftehim tas-27 ta’ Ottubru 2017”).

7        Fit-28 ta’ Ottubru 2017, Air Berlin temmet l-attivitajiet tagħha fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri.

8        Permezz ta’ digriet tal-1 ta’ Novembru 2017, l-Amtsgericht Charlottenburg (il-Qorti Distrettwali ta’ Charlottenburg) iddeċidiet li l-insolvenza u d-dejn eċċessiv ta’ Air Berlin kienu stabbiliti.

9        Fis-7 ta’ Novembru 2017, l-intervenjenti, innotifikat lill-Kummissjoni, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (KE) Nru 139/2004 (tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-“Regolament KE dwar il-Konċentrazzjonijiet”)(ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), il-konċentrazzjoni li permezz tagħha hija xtrat l-attivi msemmija fil-punt 6 iktar ’il fuq, konformement mal-ftehim tas-27 ta’ Ottubru 2017 (iktar ’il quddiem il-“konċentrazzjoni inkwistjoni”).

10      Permezz tad-Deċiżjoni C(2017) 8776 finali tal-21 ta’ Diċembru 2017 (Każ COMP/M.8672 – easyJet/Ċerti attivi ta’ Air Berlin) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet kompatibbli mas-suq intern bis-saħħa tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004.

11      B’mod iktar partikolari, fl-ewwel lok, il-Kummissjoni qieset, minn naħa, li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet prinċipalment tirrigwarda t-trasferiment ta’ slots tal-ħin ta’ Air Berlin lill-intervenjenti u, min-naħa l-oħra, li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri qabel l-imsemmija konċentrazzjoni u indipendentement minnha. Hija osservat, f’dan ir-rigward, li dawn is-slots tal-ħin ma kienu marbuta ma ebda konnessjoni bl-ajru speċifika u li Air Berlin ma kienet għadha topera l-ebda konnessjoni bl-ajru. Minn dan hija ddeduċiet li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, l-evalwazzjoni tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fuq is-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri ddefiniti f’pari ta’ bliet, bejn punt ta’ oriġini u punt ta’ destinazzjoni (iktar ’il quddiem is-“swieq O & D”) ma kinitx tippermetti li jsiru magħrufa l-“effetti strutturali” fuq il-kompetizzjoni ta’ konċentrazzjoni bħal din. Konsegwentement, minflok ma evalwat, konformement mal-prassi deċiżjonali tagħha, l-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq kull wieħed mill-imsemmija swieq li fihom kienu preżenti Air Berlin u l-intervenjenti, hija ddefinixxiet is-swieq rilevanti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri billi ġabret flimkien is-swieq O & D kollha bi tluq jew b’wasla minn jew f’kull wieħed mill-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin ittrasferiti lill-intervenjenti. Hija għalhekk iddefinixxiet is-swieq rilevanti bħala dawk tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti.

12      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar speċifiku l-ajruport ta’ Berlin-Tegel, il-Kummissjoni osservat li l-intervenjenti ma kellha ebda slot tal-ħin f’dan l-ajruport qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni, iżda li hija kellha tali slots fl-ajruport ta’ Berlin-Schönefeld (il-Ġermanja). Hija għalhekk qieset li t-trasferiment tal-islots tal-ħin ta’ Air Berlin fl-ajruport ta’ Berlin-Tegel ma jkollu l-ebda effett fuq il-kompetizzjoni fil-każ fejn dawn l-ajruporti jitqiesu li jifformaw parti minn swieq ġeografiċi differenti. Madankollu, minflok ma ddeċidiet dwar il-kwistjoni ta’ jekk l-imsemmija ajruporti kinux jifformaw parti mill-istess suq ġeografiku, hija ppreferiet tivverifika li l-imsemmija konċentrazzjoni ma kinitx tqajjem dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern fil-każ fejn dawn l-ajruporti jitqiesu bħala li jifformaw parti mill-istess suq ġeografiku.

13      Fit-tieni lok, il-Kummissjoni, essenzjalment, qieset li l-intervenjenti jkollha l-kapaċità li tagħlaq l-aċċess għas-swieq rilevanti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri meta jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel, in-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti f’wieħed mill-ajruporti kkonċernati jkun jirrappreżenta sehem sinjifikattiv min-numru totali ta’ slots tal-ħin ta’ dan l-ajruport, b’mod partikolari meta tintlaħaq ir-rata ta’ konġestjoni massima tiegħu. It-tieni, il-konċentrazzjoni inkwistjoni żżid kunsiderevolment in-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti fl-imsemmi ajruport, b’mod partikolari meta tintlaħaq ir-rata ta’ konġestjoni massima tiegħu. It-tielet, il-pussess ta’ slots tal-ħin mill-intervenjenti jaffettwa b’mod negattiv id-disponibbiltà ta’ slots tal-ħin f’dan l-istess ajruport, meqjusa r-rata ta’ konġestjoni għolja tiegħu u n-numru kunsiderevoli ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti.

14      Il-Kummissjoni minn dan iddeduċiet li l-intervenjenti mhux ser ikollha l-kapaċità li tagħlaq l-aċċess għas-swieq rilevanti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin. Madankollu, fid-dawl tal-impatt iktar kunsiderevoli tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fl-ajruporti ta’ Berlin-Tegel u ta’ Berlin-Schönefeld (iktar ’il quddiem l-“ajruporti ta’ Berlin”), hija, barra minn hekk, eżaminat jekk l-intervenjenti tkunx imħeġġa li tagħlaq l-aċċess għas-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti. Billi ħadet b’mod partikolari inkunsiderazzjoni r-rata ta’ konġestjoni ta’ dawn l-ajruporti, is-sehem tas-suq tal-kompetituri tal-intervenjenti u l-istrateġiji kummerċjali adottati preċedentement minn din tal-aħħar, hija qieset li l-intervenjenti ma kellhiex tkun imħeġġa li tagħlaq l-aċċess għal dawn is-swieq. Fl-aħħar, hija nnotat li, fid-dawl tal-preżenza ta’ żewġ kumpanniji oħra tal-ajru kbar fl-imsemmija swieq, l-implimentazzjoni ta’ eventwali strateġija ta’ esklużjoni mill-intervenjenti ma kellhiex twassal għal tnaqqis tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-16 ta’ April 2018, ir-rikorrenti, Polskie Linie Lotnicze “LOT” S.A., ippreżentat dan ir-rikors.

16      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-27 ta’ Lulju 2018, l-intervenjenti talbet li tintervjeni insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digriet tat-28 ta’ Novembru 2018, il-President tad-Disa’ Awla tal-Qorti Ġenerali aċċetta dan l-intervent.

17      Permezz ta’ atti tas-27 ta’ Awwissu 2018 kif ukoll tad-9 ta’ April u tas-27 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrenti talbet it-trattament kunfidenzjali ta’ ċerta informazzjoni li tinstab fin-noti tagħha u fl-annessi għal dawn tal-aħħar.

18      Peress li l-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali nbidlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef relatur ġie assenjat għall-Għaxar Awla, li lilha ġiet attribwita, konsegwentement, din il-kawża.

19      Fuq proposta tal-Għaxar Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura, li tibgħat il-kawża quddiem il-kulleġġ ġudikanti estiż.

20      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż;

–        tikkundanna lill-intervenjenti tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

21      Ir-rikorrenti, barra minn hekk, talbet lill-Qorti Ġenerali, abbażi tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, dwar it-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin u dwar il-bejgħ tal-attivi ta’ din tal-aħħar.

22      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Id-dritt

23      Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-intervenjenti tikkontesta l-ammissibbiltà tar-rikors. Madankollu, għandu jitfakkar, f’dan ir-rigward, li ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà ta’ rikors meta dan għandu, f’kull każ, jiġi miċħud fuq il-mertu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas-26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punti 51 u 52). Konsegwentement, f’din il-kawża, sa fejn, għar-raġunijiet esposti iktar ’il quddiem, ir-rikors għandu jiġi miċħud fuq il-mertu, ma huwiex neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tiegħu.

24      Insostenn tat-rikors, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi bbażati, l-ewwel, fuq id-definizzjoni ħażina tas-swieq rilevanti, it-tieni, fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, it-tielet, fuq l-ommissjoni tal-eżami tal-eventwali titjib fl-effiċjenza li jirriżulta minn din il-konċentrazzjoni, ir-raba’, fuq in-natura insuffiċjenti tal-impenji meħuda mill-intervenjenti, il-ħames, fuq l-ommissjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-imsemmija konċentrazzjoni u, is-sitta, fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq definizzjoni ħażina tas-swieq rilevanti

25      Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli għażlet definizzjoni ħażina tas-swieq rilevanti. Dan il-motiv jinvolvi, essenzjalment, żewġ partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti tikkontesta l-premessi tar-raġunament tal-Kummissjoni li skonthom, minn naħa, Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha u, min-naħa l-oħra, l-intervenjenti mhux ser tixtri lil Air Berlin inkwantu impriża, iżda biss attivi ta’ din tal-aħħar. Permezz tat-tieni parti, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma ddefinixxietx is-swieq rilevanti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri skont is-swieq O & D, inkluż fil-każ li Air Berlin jkollha titqies bħala li diġà rtirat minn uħud minn dawn is-swieq.

26      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

 Fuq l-ewwel parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq il-fatt li Air Berlin ma kinitx temmet l-attivitajiet tagħha qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha u kellha titqies bħala impriża għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni

27      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha fit-28 ta’ Ottubru 2017 u kienet, konsegwentement, irtirat mis-swieq kollha O & D li fihom din tal-aħħar kienet preżenti, qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hija qieset li din il-konċentrazzjoni, sa fejn din kienet tirrigwarda prinċipalment slots tal-ħin, kellha twassal sabiex l-intervenjenti tieħu l-pożizzjonijiet miżmuma minn Air Berlin, mhux speċifikament fis-swieq O & D li fihom din tal-aħħar kienet preżenti, iżda fl-ajruporti li magħhom dawn is-slots tal-ħin kienu marbuta.

28      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qieset, żbaljatament, li t-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin kien indipendenti mir-realizzazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Hija tosserva li fil-ġurnata tat-talba għall-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, fil-15 ta’ Awwissu 2017, l-awtoritajiet Ġermaniżi ddeċidew li jagħtu lil Air Berlin l-għajnuna għas-salvataġġ. Issa, din l-għajnuna ppermettiet li din tal-aħħar tevita l-irtirar tal-liċenzja operattiva tagħha u, konsegwentement, li tkompli l-attivitajiet tagħha u li żżomm l-attivi tagħha, fosthom b’mod partikolari l-islots tal-ħin tagħha. Għalhekk, l-għan tal-imsemmija għajnuna kien li jippermetti t-trasferiment ta’ parti mill-islots tal-ħin tagħha lill-intervenjenti, b’applikazzjoni tal-Artikolu 8a tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 95/93 tat-18 ta’ Jannar 1993 dwar ir-regoli komuni għall-allokazzjoni ta’ slots f’ajruporti tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 2, p. 3), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 545/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 (ĠU 2009, L 167, p. 24).

29      F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li l-proċedura ta’ insolvenza ta’ Air Berlin infetħet fil-15 ta’ Awwissu 2017 u li din il-proċedura kienet ir-riżultat tad-diffikultajiet finanzjarji ta’ Air Berlin u tar-rifjut ta’ Etihad Airways li twettaq il-ħlas tal-parti ta’ self favur din tal-aħħar. Ir-rikorrenti lanqas ma tikkontesta li, hekk kif jirriżulta, barra minn hekk, mid-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna għas-salvataġġ kompatibbli mas-suq intern, l-għan ta’ din l-għajnuna kien biss li jiġi ttardjat, għal tul massimu ta’ tliet xhur, it-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin, u mhux li dan jiġi ostakolat.

30      Konsegwentement, għandu jiġi osservat li Air Berlin kienet ittemm l-attivitajiet tagħha, anki fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, b’tali mod li l-Kummissjoni qieset, ġustament, li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha indipendentement minn din il-konċentrazzjoni.

31      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-fatt li t-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin seħħ qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni. B’mod iktar partikolari, hija ssostni li Air Berlin temmet l-attivitajiet tagħha biss fit-28 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri wara l-ftehim tas-27 ta’ Ottubru 2017, u li n-negozzjati ta’ dan il-ftehim kienu bdew fil-ġimgħat ta’ qabel ix-xahar ta’ Awwissu 2017. Minn dan hija tiddeduċi li Air Berlin kienet għadha attiva matul dawn in-negozjati. Iċ-ċirkustanza li, wara l-ftuħ tal-proċedura ta’ insolvenza, fil-15 ta’ Awwissu 2017, Air Berlin bdiet attivament tiskoraġġixxi kull riżervazzjoni ġdida għas-servizzi tagħha ma tfissirx li hija ma kinitx attiva, sa fejn, fid-dawl tal-għajnuna għas-salvataġġ, hija setgħet iżżomm iċ-ċertifikat tagħha ta’ trasportatur tal-ajru kif ukoll il-liċenzja operattiva tagħha.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 139/2004, konċentrazzjoni b’dimensjoni Ewropea ma għandhiex tkun implimentata qabel ma tkun innotifikata jew qabel ma tkun iddikjarata kompatibbli mas-suq intern, sakemm il-Kummissjoni ma tagħtix deroga minn dan l-obbligu abbażi tal-Artikolu 7(3) ta’ dan ir-regolament.

33      Sa fejn mill-fajl ma jirriżultax li l-Kummissjoni tat tali deroga, f’din il-kawża għandu jiġi osservat li r-realizzazzjoni sħiħa tal-imsemmija konċentrazzjoni setgħet isseħħ biss wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, fit-12 ta’ Diċembru 2017, jiġifieri kważi xahar u nofs wara li Air Berlin temmet l-attivitajiet tagħha.

34      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex fondata li tikkritika lill-Kummissjoni talli qieset li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni.

35      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli sseparat artifiċjalment l-attivi ta’ Air Berlin, li huma s-suġġett tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, mill-impriża Air Berlin, li kienet kumpannija tal-ajru kompetitriċi tal-intervenjenti. Għalkemm l-intervenjenti xtrat biss parti mill-attivi ta’ Air Berlin, ir-rikorrenti ssostni li Air Berlin kienet fl-istess ħin il-bejjiegħ ta’ dawn l-attivi u waħda mill-partijiet għall-imsemmija konċentrazzjoni. Hija tkompli tesponi li, b’kuntrast għal gruppi astratti ta’ attivi, huma biss l-impriżi li jistgħu jiġu kklassifikati bħala partijiet għal konċentrazzjoni. Issa, fid-dawl tat-trasferiment lil LGW ta’ slots tal-ħin u ta’ ajruplani għat-twettiq tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-intervenjenti effettivament xtrat impriża fil-kuntest tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

36      F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jitfakkar li, skont kliem l-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, ikun hemm konċentrazzjoni meta jkun hemm bidla fil-kontroll fuq bażi dewwiema li tirriżulta mix-xiri, minn impriża, tal-kontroll dirett ta’ impriża oħra kollha jew ta’ partijiet minnha. Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda l-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ, l-Artikolu 5(2) ta’ dan ir-regolament jipprovdi li, meta l-konċentrazzjoni tikkonsisti fix-xiri ta’ partijiet ta’ impriża, huwa biss id-dħul mill-bejgħ relatat mal-partijiet li huma s-suġġett tal-konċentrazzjoni li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-bejjiegħ. Minn dan isegwi li, hekk kif huwa indikat min-naħa l-oħra, ġustament, fil-punt 136 tal-Avviż ġurisdizzjonali konsolidat tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU 2008, C 95, p. 1), l-impriżi kkonċernati fis-sens ta’ dan ir-regolament huma x-xerrejja u l-parti jew il-partijiet mixtrija tal-impriża mmirata, iżda mhux l-attivitajiet miżmuma mill-bejjiegħ.

37      Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, l-attivitajiet miżmuma minn Air Berlin ma humiex meqjusa bħala impriża kkonċernata fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004.

38      It-tieni, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tikkontestax il-fatt, osservat mill-Kummissjoni fil-punt 15 tad-deċiżjoni kkontestata, li xi attivi jistgħu jikkostitwixxu, f’terminu ta’ tliet snin, negozju bi preżenza fis-suq, li għalih jista’ jiġi attribwit b’mod ċar dħul mill-bejgħ. Hija lanqas ma tikkontesta li tali negozju jista’ jikkostitwixxi, f’dawn iċ-ċirkustanzi, impriża kkonċernata fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li hija ma tipproduċi l-ebda element li jista’ juri li, f’din il-kawża, l-attivi mixtrija mill-intervenjenti, hekk kif iddefiniti fid-deċiżjoni kkontestata, ma setgħux jikkostitwixxux, f’terminu ta’ tliet snin, negozju bi preżenza fis-suq, li għalih jista’ jiġi attribwit b’mod ċar dħul mill-bejgħ.

39      Minn dan isegwi li l-Kummissjoni qieset, ġustament, li l-attivi mixtrija mill-intervenjenti fil-kuntest tal-konċentrazzjoni inkwistjoni kienu jikkostitwixxu impriża jew parti ta’ impriża fis-sens tar-Regolament Nru 139/2004, filwaqt li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha qabel din il-konċentrazzjoni. Konsegwentement, sa fejn huwa paċifiku li l-intervenjenti xtrat biss parti mill-attivi ta’ Air Berlin, il-Kummissjoni kkonstatat, ġustament, li l-intervenjenti kienet kisbet il-kontroll ta’ impriża jew ta’ parti ta’ impriża li tikkorrispondi biss għal ċerti attivi ta’ Air Berlin u li dawn l-attivi kienu jikkostitwixxu impriża kkonċernata fis-sens tal-imsemmi regolament.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-ewwel parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tal-ewwel motiv, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni messha eżaminat il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’kull wieħed mis-swieq O & D rilevanti

41      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli ma analizzatx l-eventwali effetti antikompetittivi tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq is-swieq O & D rilevanti.

42      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, sabiex tiddikjara li konċentrazzjoni hija kompatibbli mas-suq intern, il-Kummissjoni għandha, konformement mal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 139/2004, tikkonstata li t-twettiq ta’ din il-konċentrazzjoni ma huwiex ser ixekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti.

43      Id-definizzjoni xierqa tas-suq rilevanti hija, għalhekk, rekwiżit neċessarju minn qabel kull evalwazzjoni magħmula fuq l-impatt ta’ operazzjoni ta’ konċentrazzjoni fuq il-kompetizzjoni (sentenza tal-31 ta’ Marzu 1998, Franza et vs Il-Kummissjoni, C‑68/94 u C‑30/95, EU:C:1998:148, punt 143). F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li s-suq tal-prodotti li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni jinvolvi dawk il-prodotti u/jew is-servizzi kollha li l-konsumatur iqis li huma interkambjabbli jew sostitwibbli, minħabba l-karatteristiċi tagħhom, il-prezzijiet tagħhom u l-użu maħsub tagħhom (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche u, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 50). B’mod iktar partikolari, il-kunċett ta’ suq rilevanti jimplika li kompetizzjoni effettiva tista’ teżisti bejn il-prodotti jew is-servizzi li jagħmlu parti minnu, li jippreżupponi grad suffiċjenti ta’ interkambjabbiltà minħabba l-istess użu bejn il-prodotti jew is-servizzi kollha li jagħmlu parti mill-istess suq (sentenza tat-23 ta’ Jannar 2018, F. Hoffmann-La Roche u, C‑179/16, EU:C:2018:25, punt 51).

44      Madankollu, meta jiġi lmentat li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni problema eventwali ta’ kompetizzjoni fi swieq oħra barra minn dawk li kienu kkonċernati mill-analiżi kompetittiva, huwa r-rikorrent li għandu jipproduċi indikazzjonijiet serji li juru b’mod tanġibbli l-eżistenza ta’ problema ta’ kompetizzjoni li kellha, minħabba l-impatt tagħha, tiġi eżaminata mill-Kummissjoni. Sabiex dan ir-rekwiżit jiġi ssodisfatt, huwa r-rikorrent li għandu jidentifika s-swieq kkonċernati, jiddeskrivi s-sitwazzjoni kompetittiva fl-assenza ta’ konċentrazzjoni u jindika liema ser ikunu l-effetti probabbli ta’ konċentrazzjoni fid-dawl tas-sitwazzjoni kompetittiva f’dawn is-swieq (sentenzi tal-4 ta’ Lulju 2006, easyJet vs Il-Kummissjoni, T‑177/04, EU:T:2006:187, punti 65 u 66, u tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punti 174 u 175).

45      F’din il-kawża, il-Kummissjoni osservat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-kumpanniji tal-ajru jinstabu fuq in-naħa tad-domanda fir-rigward tas-suq tas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti pprovduti mill-ajruporti u fuq in-naħa tal-offerta fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri.

46      F’dak li jirrigwarda b’mod iktar partikolari l-islots tal-ħin, il-Kummissjoni osservat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 2(a) tar-Regolament Nru 95/93, dawn kienu awtorizzazzjonijiet, mogħtija minn koordinatur, sabiex jintużaw l-infrastrutturi tal-ajruporti kollha li kienu neċessarji għall-provvista ta’ servizz tal-ajru f’ajruport ikkoordinat, f’data u f’ħin preċiż, għall-finijiet tal-atterraġġ u tat-tluq. Minn dan hija ddeduċiet li l-islots tal-ħin jikkostitwixxu elementi neċessarji sabiex jippermettu li l-kumpanniji tal-ajru jeċċedu għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti pprovduti mill-ajruporti u, b’konsegwenza ta’ dan, li jipprovdu servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti. Wara dan, sa fejn il-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet intiża, prinċipalment, għat-trasferiment ta’ slots tal-ħin ta’ Air Berlin lill-intervenjenti, hija qieset li din il-konċentrazzjoni kellha tipproduċi effetti fuq id-domanda fis-swieq ta’ servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u fuq l-offerta fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri.

47      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, il-Kummissjoni eżaminat jekk, minħabba t-tkattir tan-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti, din tal-aħħar jkollhiex il-kapaċità jew tkunx imħeġġa li tagħlaq l-aċċess tal-kumpanniji l-oħra tal-ajru għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u, b’konsegwenza ta’ dan, għas-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin.

48      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li, mil-perspettiva tal-konsumaturi, is-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri huma pprovduti f’konnessjonijiet speċifiċi u li l-attività eżerċitata minn kumpanniji tal-ajru f’ajruport hija suġġetta għall-provvista ta’ dawn is-servizzi. Minn dan hija tiddeduċi li ma huwiex possibbli li l-attività eżerċitata minn kumpanniji tal-ajru f’ajruport tiġi distinta mill-provvista tal-imsemmija servizzi. Għalhekk, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq il-premessa żbaljata li l-kumpanniji tal-ajru huma operaturi ta’ ajruporti li joffru slots tal-ħin, filwaqt li l-iskambju ta’ tali slots tal-ħin bejn kumpanniji tal-ajru ma jikkorrispondix għall-attività prinċipali tagħhom.

49      Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-islots tal-ħin miżmuma minn Air Berlin kienu jitqiegħdu għad-dispożizzjoni ta’ kumpanniji tal-ajru oħra, konformement mar-Regolament Nru 95/93. Hija ssostni wkoll li l-kompetizzjoni hija iktar intensa fis-swieq O & D meta impriża tirtira minn dawn is-swieq milli meta l-attivi ta’ din l-impriża jinxtraw minn kompetitur, kif huwa l-każ f’din il-kawża. Konsegwentement, hija tqis li miċ-ċirkustanza li Air Berlin kienet temmet l-attivitajiet tagħha fis-swieq O & D ma jirriżultax li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma kienx ser ikollha effetti fuq dawn tal-aħħar.

50      F’dan ir-rigward, għandu ċertament jiġi osservat li, hekk kif issostni, essenzjalment, ir-rikorrenti, id-definizzjoni tas-swieq O & D tirrifletti l-perspettiva tad-domanda li minnha l-konsumaturi ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri jqisu l-għażliet kollha possibbli, inklużi l-modi differenti ta’ trasport, sabiex imorru minn belt ta’ oriġini lejn belt oħra ta’ destinazzjoni (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 138).

51      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li fid-deċiżjoni kkontestata l-Kummissjoni aċċettat il-każ li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-islots tal-ħin kollha mixtrija mill-intervenjenti kienu jiġu ttrasferiti lil kumpanniji tal-ajru oħra għajr l-intervenjenti. Iktar minn hekk, il-Kummissjoni kkonstatat li l-islots tal-ħin kienu ta’ “importanza kruċjali” għall-finijiet tal-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri sa fejn dawn jikkundizzjonaw l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti. Hija għalhekk aċċettat li l-imsemmija konċentrazzjoni seta’ jkollha effetti fuq id-diversi swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin.

52      Madankollu, il-Kummissjoni qieset li l-eżami tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin għandu jippermetti li jinftehmu l-effetti tal-imsemmija konċentrazzjoni fuq is-swieq O & D kollha bi tluq jew b’wasla minn jew fl-imsemmija ajruporti. Fil-fatt, hija qieset, bi qbil mar-rikorrenti, li, għalkemm il-kumpanniji tal-ajru jxaqilbu lejn in-naħa tad-domanda fis-suq tas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti, it-tkattir tan-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti seta’ eventwalment jippermettilha li tagħlaq l-aċċess għal dawn is-servizzi. Hija għalhekk ivverifikat jekk it-tkattir tan-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti għandux jagħti lil din tal-aħħar il-kapaċità jew l-inklinazzjoni li tagħlaq l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u, b’konsegwenza ta’ dan, għad-diversi swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-imsemmija ajruporti.

53      Minn dan isegwi li, bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni l-eventwali effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq is-swieq O & D rilevanti, għalkemm hija ma eżaminatx kull wieħed minn dawn is-swieq individwalment.

54      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li l-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni kemm l-ishma tas-suq ta’ Air Berlin u tal-intervenjenti kif ukoll l-effett tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq ir-relazzjoni kompetittiva tagħhom, fuq il-klijenti tagħhom u fuq il-kompetituri tagħhom fis-swieq O & D rilevanti. F’dan ir-rigward, hija tispeċifika li l-Kummissjoni messha identifikat kemm il-konnessjonijiet operati minn Air Berlin li kienu ser jittieħdu mill-intervenjenti wara din il-konċentrazzjoni kif ukoll is-swieq O & D li fihom l-imsemmija konċentrazzjoni kellha x’aktarx toħloq monopolju. Hija tkompli tesponi li l-Kummissjoni messha wkoll użat il-“metodi ta’ simulazzjoni li jippermettu li ssir magħrufa d-domanda” sabiex jiġu identifikati l-konnessjonijiet li għalihom ser jiġu probabbilment iddedikati, mil-intervenjenti, l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin. Hija tispeċifika, f’dan ir-rigward, li l-Kummissjoni messha eżaminat kemm is-swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruport ta’ Düsseldorf (il-Ġermanja) kif ukoll is-swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Berlin u li fihom l-intervenjenti kienet topera, qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni, minn tal-inqas konnessjoni waħda ta’ kuljum.

55      B’mod iktar partikolari, minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-konċentrazzjoni inkwistjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq Berlin (il-Ġermanja) – Budapest (l-Ungerija), Berlin – Tel Aviv (Iżrael), Berlin – Vjenna (Awstrija), Berlin – Zürich (Svizzera), Berlin – Napoli (Italja) u Berlin – Kopenħagen (Danimarka). Fil-fatt, l-intervenjenti ħadet dawn il-konnessjonijiet operati minn Air Berlin wara l-imsemmija konċentrazzjoni, b’tali mod li din tal-aħħar tinstab f’sitwazzjoni ta’ monopolju fis-swieq Berlin – Napoli u Berlin – Kopenħagen u għandha biss kompetitur wieħed fis-swieq l-oħra msemmija iktar ’il fuq. Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ssostni li l-intervenjenti tista’ tiżviluppa l-attivitajiet tagħha f’diversi swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Berlin u minn jew fl-ajruport ta’ Düsseldorf. Hija minn dan tiddeduċi li din il-konċentrazzjoni tista’ xxekkel l-iżvilupp tal-attivitajiet tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra f’dawn l-ajruporti. Hija tispeċifika li, meqjusa r-rata ta’ konġestjoni tal-imsemmija ajruporti, il-pussess ta’ numru kunsiderevoli ta’ slots tal-ħin minn numru żgħir ta’ kumpanniji tal-ajru jista’ jostakola l-aċċess ta’ kompetituri ġodda f’dawn l-ajruporti. Barra minn hekk, tali konċentrazzjoni mhux ser ikollha biss effett fuq “is-suq ta’ Berlin”, iżda wkoll fuq konnessjonijiet mill-pjattaformi ta’ korrispondenzi (hub) tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra li jittrasportaw passiġġieri fi tranżitu li ġejjin mill-ajruporti ta’ Berlin.

56      L-ewwel, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 50 iktar ’il fuq, l-eżami tas-swieq O & D jista’ jippermetti li jiġu identifikati, fost is-servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri, dawk li l-konsumatur iqis li huma interkambjabbli jew sostitwibbli. Minn dan isegwi li, meta l-impriżi kkonċernati mill-konċentrazzjoni huma kumpanniji tal-ajru li għadhom attivi, il-Kummissjoni tista’ tidentifika s-swieq O & D li fihom l-attivitajiet tagħhom jikkoinċidu. Hija tista’ għalhekk tevalwa l-impatt fuq il-kompetizzjoni li din il-konċentrazzjoni jista’ jkollha fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ta’ passiġġieri f’dawn is-swieq. B’mod iktar partikolari, hija tista’ b’mod partikolari tiddetermina l-portata tal-bidliet fir-rigward tal-ishma tas-suq u l-livelli ta’ konċentrazzjoni, billi tikkalkola s-sehem tas-suq kumulat tal-imsemmija impriżi wara l-imsemmija konċentrazzjoni u dak tal-kompetituri tagħhom.

57      Madankollu, f’din il-kawża, fid-dawl tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin, din tal-aħħar kienet irtirat mis-swieq kollha O & D li fihom hija kienet preżenti, b’tali mod li l-attivitajiet tagħha u dawk tal-intervenjenti ma kienu għadhom jikkoinċidu fuq l-ebda wieħed minn dawn is-swieq. Barra minn hekk, sa fejn l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin ma kienu marbuta ma ebda konnessjoni bl-ajru, il-Kummissjoni osservat, ġustament, li dawn setgħu, konsegwentement, jintużaw mill-intervenjenti fi swieq O & D oħra għajr dawk li fihom Air Berlin kienet preċedentement preżenti. Fil-fatt, huwa paċifiku li l-intervenjenti kienet f’pożizzjoni li tqassam mill-ġdid l-islots tal-ħin fuq numru kbir ta’ swieq O & D, sa fejn ir-rikorrenti, barra minn hekk, tammetti, fil-punti 98 u 100 tar-replika, li kien possibbli, għall-Kummissjoni, li teżamina s-swieq O & D kollha li fihom setgħu jiġu assenjati mill-ġdid l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin.

58      Minn dan isegwi li, b’kuntrast mal-konċentrazzjonijiet li jinvolvu kumpanniji tal-ajru li għadhom attivi, ma kienx ċert, f’din il-kawża, li l-konċentrazzjoni inkwistjoni kien ser ikollha xi effett fuq il-kompetizzjoni fis-swieq O & D li fihom Air Berlin kienet preżenti qabel it-tmiem tal-attivitajiet tagħha.

59      It-tieni, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element li jista’ juri li l-eżami tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq is-swieq ta’ servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti ma kienx jippermetti li jiġi identifikat eventwali xkiel għall-kompetizzjoni effettiva fid-diversi swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin.

60      B’mod iktar partikolari, għalkemm ir-rikorrenti tidentifika swieq O & D li fihom l-intervenjenti, jew kienet ser tieħu l-konnessjonijiet preċedentement operati minn Air Berlin, jew li lilhom kienet x’aktarx ser tassenja l-islots tal-ħin ta’ din tal-aħħar, hija ma tallegax li l-konċentrazzjoni inkwistjoni effettivament ikkostitwixxiet xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva f’dawn is-swieq. Bil-kontra ta’ dan, hija tallega li ma hijiex obbligata li tipprova l-eżistenza ta’ tali xkiel, iżda li hija l-Kummissjoni li għandha turi l-assenza tiegħu. Għalhekk, hija tillimita ruħha li ssostni li din il-konċentrazzjoni setgħet tikkostitwixxi tali xkiel u li l-Kummissjoni messha kkompletat l-analiżi tagħha, mingħajr, madankollu, ma tipproduċi, f’dan ir-rigward, indikazzjonijiet serji fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq. B’mod partikolari hija tibqa’ ma tispjegax kif l-imsemmija konċentrazzjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva f’ċerti swieq O & D fil-każ fejn jinżamm l-aċċess tal-kumpanniji tal-ajru l-oħra għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti inkwistjoni.

61      Barra minn hekk, f’dak li jirrigwarda, minn naħa, is-swieq Berlin – Budapest, Berlin – Tel Aviv, Berlin – Vjenna, Berlin – Zürich, Berlin – Napoli u Berlin – Kopenħagen li fihom l-intervenjenti kienet, skont ir-rikorrenti, f’sitwazzjoni ta’ monopolju jew ta’ duopolju wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni, għandu jiġi osservat li din is-sitwazzjoni hija r-riżultat tal-irtirar ta’ Air Berlin minn dawn is-swieq. Issa, dan l-irtirar huwa l-konsegwenza tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin li, hekk kif ġie osservat fil-punti 27 sa 34 iktar ’il fuq, seħħ qabel din il-konċentrazzjoni u indipendentement minnha. Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li l-intervenjenti tinstab, wara t-twettiq tal-imsemmija konċentrazzjoni, f’sitwazzjoni ta’ monopolju jew ta’ duopolju f’dawn is-swieq O & D ma tfissirx, f’kull każ, li din il-konċentrazzjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva f’dawn is-swieq.

62      F’dak li jirrigwarda, min-naħa l-oħra, is-swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruport ta’ Düsseldorf u fl-ajruporti ta’ Berlin identifikati mir-rikorrenti, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ssostni li l-konċentrazzjoni inkwistjoni tista’ tagħti lill-intervenjenti pożizzjoni dominanti jew, minn tal-inqas, tippermettilha tistabbilixxi strateġiji ta’ esklużjoni. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li t-trasferiment ta’ slots tal-ħin lill-intervenjenti fl-imsemmija ajruporti jipprekludi lill-kumpanniji tal-ajru l-oħra milli jiksbu numru suffiċjentement għoli ta’ slots tal-ħin u, b’konsegwenza ta’ dan, milli jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom. Minn dan isegwi li, hekk kif issostni l-Kummissjoni, ir-rikorrenti tammetti li l-eżami tal-kapaċità tal-intervenjenti, wara l-imsemmija konċentrazzjoni, li tagħlaq l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti pprovduti minn ajruport seta’ jippermetti li jiġi vverifikat li din il-konċentrazzjoni ma hijiex ser ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq O & D bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti.

63      It-tielet, għandu jiġi osservat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li l-intervenjenti ser tuża l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin sabiex tkabbar l-offerta tagħha fuq il-konnessjonijiet li għalihom ikun hemm l-għola domanda, jirriżulta li l-intervenjenti ma hijiex ser tieħu l-konnessjonijiet kollha li kienu preċedentement operati minn Air Berlin. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti tippreċiża, barra minn hekk, li l-intervenjenti ssegwi l-mudell imsejjaħ “minn punt sa punt” li jippermettilha li ma jkollhiex għalfejn tissinkronizza t-titjiriet tagħha bejniethom u, għalhekk, li tassenja mill-ġdid faċilment l-islots tal-ħin tagħha lejn konnessjonijiet oħra skont il-kundizzjonijiet tas-suq. Konsegwentement, għandu jitqies li l-Kummissjoni qieset, ġustament, li l-konċentrazzjoni inkwistjoni seta’ jkollha effetti fuq is-swieq O & D kollha bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin, b’tali mod li l-eżami tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni ma setax ikun limitat għas-swieq O & D identifikati mir-rikorrenti.

64      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex fondata meta ssostni li d-definizzjoni tas-suq magħżula mill-Kummissjoni ma tippermettix li jiġi identifikat l-eventwali xkiel sinjifikattiv għall-kompetizzjoni effettiva li jirriżulta mill-konċentrazzjoni inkwistjoni, inkluż fis-swieq O & D identifikati mir-rikorrenti.

65      Konsegwentement, it-tieni parti tal-ewwel motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda u, b’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni

66      It-tieni motiv huwa magħmul, essenzjalment, minn tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-Linji ta’ gwida fuq l-istima jew kalkolu ta’ l-għaqdiet orizzontali taħt ir-Regolament tal-Kunsill dwar il-kontroll tal-konċentrazzjonijiet bejn l-intrapriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 10, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali”) kif ukoll il-Linji gwida dwar l-evalwazzjoni ta’ amalgamazzjonijiet mhux orizzontali taħt dan ir-regolament (ĠU 2008, C 265, p. 6) (iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali”). Permezz tat-tieni parti, hija tikkontesta r-rata ta’ konġestjoni tal-ajruporti ta’ Berlin kif ukoll l-ishma tal-islots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti li ġew deċiżi mill-Kummissjoni għal dawn l-ajruporti fid-deċiżjoni kkontestata. Permezz tat-tielet parti, hija tqis li l-konċentrazzjoni inkwistjoni tista’ tippermetti li l-intervenjenti tagħlaq l-aċċess għas-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri minn jew lejn l-imsemmija ajruporti.

67      Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

68      Preliminarjament, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita r-regoli bażiċi tar-Regolament Nru 139/2004, u, b’mod partikolari l-Artikolu 2 tiegħu, jagħtu lill-Kummissjoni ċerta setgħa diskrezzjonali, b’mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjonijiet ta’ natura ekonomika, u li, għaldaqstant, l-istħarriġ mill-qorti tal-eżerċizzju ta’ tali setgħa, li huwa essenzjali fid-definizzjoni tar-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet, għandu jsir fid-dawl tal-marġni ta’ evalwazzjoni li fuqu huma msejsa r-regoli ta’ natura ekonomika li jagħmlu parti mir-regoli dwar il-konċentrazzjonijiet (sentenzi tat-18 ta’ Diċembru 2007, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, C‑202/06 P, EU:C:2007:814, punt 53, u tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 85). Għalhekk, hija ġurisprudenza stabbilita li l-istħarriġ li l-qrati tal-Unjoni jeżerċitaw fuq l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi magħmula mill-Kummissjoni huwa limitat neċessarjament għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-fatti u ta’ użu ħażin ta’ poter (sentenzi tas-7 ta’ Mejju 2020, BTB Holding Investments u Duferco Participations Holding vs Il-Kummissjoni, C‑148/19 P, EU:C:2020:354, punt 56; tal-5 ta’ Settembru 2014, Éditions Odile Jacob vs Il-Kummissjoni, T‑471/11, EU:T:2014:739, punt 137, u tat-12 ta’ Diċembru 2018, Servier et vs Il-Kummissjoni, T‑691/14, taħt appell, EU:T:2018:922, punt 1374).

69      Madankollu, minkejja li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni, li għandha l-kompetenza istituzzjonali f’dan ir-rigward, bl-evalwazzjoni ekonomika rispettiva tagħha, minn ġurisprudenza li issa hija stabbilita sew jirriżulta li l-qorti tal-Unjoni għandha, b’mod partikolari, mhux biss tivverifika l-eżattezza materjali tal-provi invokati, il-kredibbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux l-informazzjoni rilevanti kollha li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk dawn humiex ta’ natura li jikkonfermaw il-konklużjonijiet misluta minnhom (sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39, u tal-11 ta’ Settembru 2014, CB vs Il-Kummissjoni, C‑67/13 P, EU:C:2014:2204, punt 46).

 Fuq l-ewwel parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-ksur tal-linji gwida dwar il-konċentrazzjonijiet rispettivament orizzontali u mhux orizzontali

70      Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni applikat, b’mod żbaljat, il-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali minflok il-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali. Hija tkompli tesponi li l-Kummissjoni kisret ukoll il-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali fil-każ fejn dawn tal-aħħar kienu applikabbli.

71      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont kliem il-punt 5 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, il-konċentrazzjonijiet orizzontali huma dawk li fihom l-impriżi kkonċernati huma kompetituri eżistenti jew potenzjali fl-istess suq inkwistjoni. Madankollu, in-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 6 tispeċifika li dawn il-linji gwida ma jikkonċernawx l-evalwazzjoni tal-effetti li konċentrazzjoni tista’ tipproduċi fuq il-kompetizzjoni fi swieq oħra, fosthom l-effetti vertikali. F’dan ir-rigward, skont kliem il-punt 4 tal-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali, il-konċentrazzjonijiet vertikali huma dawk li jikkonċernaw impriżi li joperaw f’livelli differenti tal-katina tal-provvista.

72      F’din il-kawża, il-Kummissjoni għamlet b’mod partikolari riferiment, fid-deċiżjoni kkontestata, għal-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali. Filwaqt li bbażat ruħha fuq il-punt 25 ta’ dawn il-linji gwida, hija qieset li ċ-ċirkustanza li s-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti fl-ajruporti ta’ Berlin għandu jkun ta’ inqas minn 30 % wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni kienet tikkostitwixxi indikazzjoni li din il-konċentrazzjoni ma hijiex ser ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq ta’ servizz ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin. Hija madankollu ammettiet li s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jista’ jaqbeż dan il-limitu f’ċerti ħinijiet.

73      F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn teżisti sovrappożizzjoni orizzontali bejn l-attivitajiet ta’ Air Berlin u dawk tal-intervenjenti fl-ajruporti ta’ Berlin, il-Kummissjoni messha applikat il-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali. Issa, peress li, minħabba l-konċentrazzjoni inkwistjoni, is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti għandu jaqbeż “kunsiderevolment” il-25 % f’dawn l-ajruporti, din il-konċentrazzjoni ma hijiex kompatibbli mas-suq intern b’applikazzjoni ta’ dawn il-linji gwida.

74      Għandu jiġi osservat, hekk kif ġie indikat fil-punti 45 sa 47 iktar ’il fuq, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni għandu jkollha effetti, minn naħa, fuq is-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq u b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin u, min-naħa l-oħra, fuq is-swieq ta’ servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti ta’ dawn l-ajruporti. Madankollu, hekk kif jirriżulta mill-punt 72 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni applikat il-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali biss għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-eventwali effetti tal-imsemmija konċentrazzjoni fuq is-swieq rilevanti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. Hija għalhekk ma għamlitx riferiment għall-imsemmija linji gwida fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-eventwali effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fuq is-swieq rilevanti ta’ infrastrutturi tal-ajruporti.

75      Issa, f’dak li jirrigwarda speċifikament is-swieq rilevanti ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, minn naħa, għandu jitfakkar li, fid-dawl tat-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin, din tal-aħħar ma kienet għadha preżenti fl-ebda wieħed minn dawn is-swieq. Minn dan isegwi li, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 57 iktar ’il fuq, ma setax iktar ikunu hemm sovrappożizzjoni bejn l-attivitajiet ta’ Air Berlin u dawk tal-intervenjenti f’dawn is-swieq. Konsegwentement, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-punt 5 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, il-Kummissjoni qieset, ġustament, li dawn il-linji gwida ma kinux applikabbli għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq l-imsemmija swieq.

76      Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-punt 46 iktar ’il fuq u hekk kif tammetti, barra minn hekk, ir-rikorrenti, il-Kummissjoni osservat, ġustament, li l-attribuzzjoni ta’ slots tal-ħin kienet tippermetti aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u li l-islots tal-ħin kienu jikkostitwixxu għalhekk elementi neċessarji għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri. Minn dan isegwi li teżisti relazzjoni vertikali bejn, minn naħa, l-attribuzzjoni tal-islots tal-ħin, li jinstabu upstream għall-katina tal-provvista fis-sena tal-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali, u, min-naħa l-oħra, il-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri, li tinstab downstream għal din il-katina.

77      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li tikkritika lill-Kummissjoni talli ma għamlitx riferiment għal-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali sabiex tevalwa l-eventwali effetti vertikali li jirriżultaw mit-trasferiment tal-islots tal-ħin ta’ Air Berlin fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta dawn l-islots.

78      Fit-tieni lok, mill-punti 24 u 27 tal-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali jirriżulta li l-livelli ta’ ishma tas-suq u ta’ konċentrazzjoni jikkostitwixxu elementi rilevanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tas-setgħa tas-suq tal-partijiet għall-konċentrazzjoni. B’mod iktar speċifiku, skont kliem il-punt 25 tal-istess linji gwida, ma huwiex probabbli wisq li l-Kummissjoni tiddeċiedi li jeżistu problemi ta’ kompetizzjoni fil-każ ta’ konċentrazzjonijiet mhux orizzontali meta s-sehem tas-suq tal-entità l-ġdida wara l-konċentrazzjoni f’kull wieħed mis-swieq ikkonċernati jkun ta’ inqas minn 30 % u meta l-Indiċi Herfindahl-Hirschmann (HHI) wara l-konċentrazzjoni jkun inqas minn 2 000.

79      Ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli kisret il-punt 25 tal-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali sa fejn hija ma għamlitx riferiment għall-HHI fid-deċiżjoni kkontestata u sa fejn l-ishma ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti għandhom jaqbżu t-30 % wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni.

80      Madankollu, hekk kif huwa speċifikat fil-punt 27 tal-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali, il-fatt li jiġu ppreżentati livelli ta’ sehem tas-suq u ta’ konċentrazzjoni msemmija fil-punt 25 ta’ dawn il-linji gwida ma jippermettix li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni. Fil-fatt, dan l-aħħar punt jillimita ruħu li jiddeskrivi sitwazzjoni li fiha ma huwiex probabbli wisq li l-Kummissjoni tiddeċiedi li jeżistu problemi ta’ kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, mill-istess punt ma jirriżultax li din is-sitwazzjoni hija l-unika waħda li ma tqajjimx tali problemi.

81      B’mod iktar partikolari, għandu jiġi osservat li l-livelli ta’ sehem tas-suq u ta’ konċentrazzjoni msemmija fil-punt 25 tal-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali jirrigwardaw id-determinazzjoni tas-setgħa tas-suq tal-impriżi kkonċernati wara l-konċentrazzjoni u li l-punt 27 ta’ dawn il-linji gwida jispeċifika li l-fatt li jkun hemm setgħa tas-suq sinjifikattiva f’minn tal-inqas wieħed mis-swieq kkonċernati jikkostitwixxi biss rekwiżit neċessarju, iżda mhux suffiċjenti, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ problemi ta’ kompetizzjoni. Il-punt 32 tal-imsemmija linji gwida, li għalih jagħmlu b’mod partikolari riferiment kemm il-punt 27 tal-istess linji gwida kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata, jindika għalhekk li l-esklużjoni tad-dħul tippreżupponi, barra minn hekk, li jkunu sodisfatti tliet kundizzjonijiet kumulattivi, jiġifieri, l-ewwel, li wara l-konċentrazzjoni l-impriżi kkonċernati jkollhom il-kapaċità li jagħlqu l-aċċess għad-dħul, it-tieni, li dawn ikollhom interess li jagħlqu tali aċċess u, it-tielet, li l-esklużjoni ta’ dan l-aċċess ikollu effett negattiv sinjifikattiv fuq il-kompetizzjoni downstream.

82      F’din il-kawża, mill-punt 14 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni qieset li ebda waħda mit-tliet kundizzjonijiet imsemmija fil-punt 32 tal-Linji Gwida dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali ma kienet sodisfatta fir-rigward tas-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Berlin. Konsegwentement, iċ-ċirkustanza li l-ishma ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-l-intervenjenti f’dawn l-ajruporti jistgħu, f’ċerti ħinijiet, jaqbżu l-livell imsemmi fil-punt 25 tal-imsemmija linji gwida u li l-Kummissjoni ma vverifikatx jekk l-HHI kienx inqas mil-livell imsemmi f’dan il-paragrafu ma tippermettix li jitqies li l-Kummissjoni kisret l-imsemmija linji gwida. Barra minn hekk, fir-rigward tal-HHI, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li r-rikorrenti nnifisha tammetti, fil-punt 82 tal-Anness C.2 tar-replika, li l-“applikazzjoni prattika tal-HHI fil-kawżi relatati mal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet fis-settur tal-ajru hija marġinali”.

83      Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma hijiex fondata li ssostni li l-Kummissjoni kisret il-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali jew dawk dwar il-konċentrazzjonijiet mhux orizzontali.

84      Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tieni parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq l-ishma ta’ slots tal-ħin u fuq ir-rati ta’ konġestjoni mhux korretti f’dak li jirrigwarda l-ajruporti ta’ Berlin

85      Ir-rikorrenti tikkontesta l-ishma ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti u r-rati ta’ konġestjoni deċiżi mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata f’dak li jirrigwarda l-ajruporti ta’ Berlin.

86      Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkritika lill-Kummissjoni talli bbażat ruħha esklużivament fuq id-data prodotta mill-intervenjenti għall-finijiet tal-kalkolu tal-ishma ta’ slots tal-ħin miżmuma minn din tal-aħħar wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni filwaqt li hija messha wkoll ġabret data mingħand il-koordinaturi tal-ajruporti ta’ Berlin. Hija tkompli tesponi li l-Kummissjoni ssottovalutat is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti f’dawn l-ajruporti.

87      L-ewwel, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tar-rekwiżit ta’ ħeffa u tat-termini stretti imposti fuq il-Kummissjoni fil-kuntest tal-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, hija ma tistax, fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet li juru l-ineżattezza tal-informazzjoni pprovduta, tkun marbuta li twettaq verifiki fir-rigward tal-informazzjoni kollha li hija tirċievi. Fil-fatt, minkejja li l-obbligu ta’ eżami diliġenti u imparzjali tal-Kummissjoni, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, ma jippermettilhiex li tibbaża ruħha fuq elementi jew informazzjoni li ma jistgħux jiġu kkunsidrati bħala veri, dan ir-rekwiżit ta’ ħeffa jippreżupponi, madankollu, li hija ma tistax tivverifika waħedha, fl-iċken dettall, l-awtentiċità u l-affidabbiltà tal-komunikazzjonijiet kollha mibgħuta lilha, sa fejn il-proċedura ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet tistrieħ neċessarjament u sa ċertu punt fuq il-fiduċja (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il-Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 184).

88      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet, huma previsti diversi miżuri intiżi sabiex jiskoraġġixxu u jippenalizzaw it-trażmissjoni ta’ informazzjoni ineżatta jew qarrieqa. Fil-fatt, mhux biss, il-partijiet li jippreżentaw in-notifika huma suġġetti, abbażi tal-Artikolu 4(1) u tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 802/2004 tal-21 ta’ April 2004, li jimplementa r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 88), għall-obbligu espliċitu li jipprovdulha b’mod sħiħ u onest il-fatti u ċ-ċirkustanzi rilevanti għad-deċiżjoni, obbligu li huwa stabbilit fl-Artikolu 14 tar-Regolament Nru 139/2004, iżda l-Kummissjoni tista’ wkoll tirrevoka, abbażi tal-Artikolu 6(3)(a) u tal-Artikolu 8(6)(a) tar-Regolament Nru 139/2004, id-deċiżjoni ta’ kompatibbiltà jekk din id-deċiżjoni hija bbażata fuq indikazzjonijiet ineżatti li għalihom waħda mill-impriżi kkonċernati hija responsabbli jew jekk tkun inkisbet b’qerq (sentenza tas-7 ta’ Mejju 2009, NVV et vs Il-Kummissjoni, T‑151/05, EU:T:2009:144, punt 185).

89      F’din il-kawża, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuq data prodotta mill-intervenjenti u li toriġina b’mod partikolari minn database li tiġbor data maħruġa mill-International Air Trasport Association (IATA, l-Assoċjazzjoni Internazzjonali tat-Trasport bl-Ajru), hekk kif hija, barra minn hekk, ikkonfermat dan waqt is-seduta. Fid-dawl tal-eżistenza ta’ diversi databases aċċessibbli b’mod partikolari għall-kumpanniji tal-ajru, li l-affidabbiltà tagħhom ma hijiex, bħala tali, ikkontestata mir-rikorrenti, il-Kummissjoni kienet fondata meta qieset li l-intervenjenti kienet f’pożizzjoni li tipproduċi data affidabbli u, b’konsegwenza ta’ dan, kienet fondata li tuża d-data prodotta minn din tal-aħħar fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha.

90      It-tieni, għandu, f’kull każ, jiġi osservat li, minn naħa, il-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma bbażatx ruħha esklużivament fuq id-data prodotta mill-intervenjenti. Hija fil-fatt speċifikat li vverifikat din id-data mal-amministraturi u mal-koordinaturi tal-ajruporti kkonċernati.

91      Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti tar-rikorrenti ma humiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-korrettezza tad-data li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li għalkemm ir-rikorrenti ċertament issostni li, skont database oħra differenti minn dik imsemmija fid-deċiżjoni kkontestata, l-intervenjenti għandu bħala medja jkollha, fl-ajruporti ta’ Berlin, 30.05 % tal-islots tal-ħin matul il-perijodu ta’ skedar (staġun) IATA għas-sajf 2018 u 23.6 % tal-islots tal-ħin matul l-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018. Hija tqis għalhekk li l-Kummissjoni ssottovalutat is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti sa fejn din tal-aħħar indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li l-intervenjenti kellha, bħala medja, fl-ajruporti ta’ Berlin, inqas minn 25 % tal-islots tal-ħin matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018 u inqas minn 20 % tal-islots tal-ħin matul l-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018. Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li d-data li fuqha bbażat ruħha l-Kummissjoni kienu stimi disponibbli waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, hekk kif issostni, essenzjalment, il-Kummissjoni, li r-rikorrenti ma tispeċifikax, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, id-data kronoloġiku tad-data li hija tinvoka. Ir-rikorrenti barra minn hekk ikkonfermat, matul is-seduta, li din id-data kienet suċċessiva għad-deċiżjoni kkontestata. Konsegwentement, il-fatt li d-data prodotta mir-rikorrenti ma tikkorrispondix eżattament għall-istimi li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni ma jfissirx neċessarjament li l-imsemmija data ma setgħetx titqies suffiċjentement affidabbli fid-data tad-deċiżjoni kkontestata.

92      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tikkalkola s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti fuq il-bażi tal-islots tal-ħin kollha allokati lill-kumpanniji tal-ajru, filwaqt li teskludi, għalhekk, l-islots tal-ħin li ma humiex allokati. Issa, minn naħa, il-Kummissjoni kkalkolat, fid-deċiżjoni kkontestata, is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti billi bbażat fuq il-globalità tal-islots tal-ħin tal-ajruporti kkonċernati. Min-naħa l-oħra, hija osservat li r-rata ta’ konġestjoni medja tal-ajruporti ta’ Berlin matul l-istaġuni tas-sajf IATA 2018 u tax-xitwa IATA 2017/2018 huma biss, rispettivament, ta’ 54 % u ta’ 46 %. Għalhekk, skont l-istaġuni IATA meħuda inkunsiderazzjoni, bejn 46 % u 54 % tal-islots tal-ħin tal-ajruporti ta’ Berlin ma kinux allokati. Konsegwentement, mis-sempliċi fatt li l-ishma ta’ slots tal-ħin invokati mir-rikorrenti huma ikbar minn dawk li fuqhom ibbażat ruħha l-Kummissjoni, ma jistax jiġi dedott li dawn tal-aħħar huma żbaljati.

93      Fl-aħħar, għalkemm ir-rikorrenti għandha l-intenzjoni li tikkritika lill-Kummissjoni talli ma speċifikatx il-“mudell ekonometriku” użat għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ddeskriviet il-kalkoli relatat mal-ishma ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti u mar-rati ta’ konġestjoni tal-ajruporti kkonċernati fil-punti 110, 111 u 114 tad-deċiżjoni kkontestata.

94      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni qieset, żbaljatament, li l-ajruporti ta’ Berlin kienu miftuħin biss mit-tlieta ta’ filgħodu UTC (ħin universali kkoordinat) sad-disa’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħaxija UTC matul l-istaġuni tas-sajf IATA, filwaqt li l-ajruport ta’ Berlin-Schönefeld kien jibqa’ miftuħ b’mod permanenti u li l-ajruport ta’ Berlin-Tegel kien miftuħ mill-erba’ ta’ filgħodu UTC sat-tmienja u disa’ u ħamsin minuta UTC. Fid-dawl tan-nuqqas ta’ slots tal-ħin, ċerti kumpanniji tal-ajru jużaw l-islots ta’ billejl, b’tali mod li dan l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni huwa ta’ natura li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

95      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni indikat, fid-deċiżjoni kkontestata, li bbażat ruħha fuq approssimazzjoni dwar il-ħinijiet ta’ ftuħ tal-ajruporti ta’ Berlin. Hija, fil-fatt, issupponiet li dawn l-ajruporti kellhom l-istess ħinijiet ta’ ftuħ għall-finijiet tal-kalkolu tar-rati ta’ konġestjoni u tal-ishma ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti wara l-konċentrazzjoni f’dawn l-ajruporti, jiġifieri, mit-tlieta ta’ filgħodu UTC sad-disa’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħaxija UTC matul l-istaġuni tas-sajf IATA, għalkemm dan ma jikkorrispondix eżattament għar-realtà. Hija madankollu speċifikat li n-numru ta’ slots tal-ħin użati fl-ajruport ta’ Berlin-Schönefeld bejn id-disa’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħaxija UTC u t-tlieta ta’ filgħodu UTC kien negliġibbli.

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tillimita ruħha li ssemmi l-ipoteżi li kumpanniji tal-ajru jistgħu jagħżlu li jużaw l-ajruport ta’ Berlin-Schönefeld bejn d-disa’ u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħaxija UTC u t-tlieta ta’ filgħodu UTC matul l-istaġuni tas-sajf IATA. Madankollu, hija ma tipproduċi l-ebda element li jista’ juri li n-numru ta’ slots tal-ħin fl-imsemmi ajruport matul dan il-perijodu kien insuffiċjenti sabiex jissodisfa t-totalità tad-domanda. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tispjegax b’liema mod din l-approssimazzjoni setgħet tbiddel b’mod suffiċjentement sinjifikattiv il-kalkoli tal-Kummissjoni sabiex tikkonfuta l-evalwazzjoni, imwettqa minn din tal-aħħar, tal-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni. B’mod iktar partikolari, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif issostni l-Kummissjoni, li din l-approssimazzjoni twassal għal sopravalutazzjoni kemm tar-rati ta’ konġestjoni tal-ajruporti ta’ Berlin kif ukoll tas-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti f’dawn l-ajruporti, fatt li ġie barra minn hekk ammess mir-rikorrenti matul is-seduta. Għalhekk, minn din l-approssimazzjoni ma jistax jirriżulta li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

97      Fit-tielet lok, ir-rikorrenti tesprimi dubji dwar ir-rati ta’ konġestjoni tal-ajruporti ta’ Berlin deċiżi mill-Kummissjoni sa fejn, minn naħa, mid-deċiżjoni kkontestata ma jirriżultax li l-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, minbarra l-użu tar-runways, il-kapaċitajiet tat-terminals u n-numru ta’ postijiet ta’ parkeġġ u sa fejn, min-naħa l-oħra, l-amministratur tal-ajruport ta’ Berlin-Tegel informaha li l-postijiet ta’ parkeġġ kienu insuffiċjenti sabiex tiġi ssodisfatta t-totalità tad-domanda.

98      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset, fid-deċiżjoni kkontestata, li ma kienx hemm lok li ssir distinzjoni bejn l-aċċess għat-terminals u għall-postijiet ta’ parkeġġ fost id-diversi servizzi tal-ajruporti indispensabbli għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri sa fejn l-attribuzzjoni ta’ slots tal-ħin kienet neċessarjament tinkludi l-aċċess għal dawn is-servizzi kollha.

99      F’dawn iċ-ċirkustanzi, minn naħa, huwa biżżejjed li jiġi osservat li, għalkemm ir-rikorrenti tiddikjara li l-Kummissjoni messha ħadet inkunsiderazzjoni l-kapaċità tat-terminals tal-ajruporti kkonċernati, hija ma tipproduċi l-ebda element li jista’ jistabbilixxi li l-kapaċità tal-ajruporti ta’ Berlin kienet limitata minn dik tat-terminals rispettivi tagħhom.

100    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti tipproduċi ittra tal-amministratur tal-ajruport ta’ Berlin-Tegel tad-19 ta’ Frar 2018 dwar l-attribuzzjoni ta’ postijiet ta’ parkeġġ f’dan l-ajruport. F’din l-ittra, l-imsemmi amministratur jispjega, l-ewwel, li “l-insolvenza ta’ Air Berlin fis-sajf 2017” kienet ippermettiet li kapaċitajiet ta’ dan l-ajruport jiġu lliberati, it-tieni, li t-talbiet imressqa mill-kumpanniji tal-ajru sabiex jaċċedu għall-postijiet ta’ parkeġġ ta’ billejl kienu tkattru b’mod sinjifikattiv meta mqabbla mal-istaġuni preċedenti, b’tali mod li l-kapaċitajiet tal-imsemmi ajruport ma kinux iktar suffiċjenti u, it-tielet, li mill-“istaġun tas-sajf” 2018 kellha tiġi stabbilita proċedura ġdida ta’ attribuzzjoni tal-imsemmija postijiet. Huwa jispeċifika wkoll li, jekk ikun il-każ, il-kumpanniji tal-ajru jistgħu jiġu kkuntattjati direttament sabiex ikun hemm titjib ikbar tal-koordinazzjoni tagħhom.

101    Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tispjegax b’liema mod il-postijiet ta’ parkeġġ ta’ billejl fl-ajruport ta’ Berlin-Tegel jikkostitwixxu elementi li huma neċessarji, l-istess bħall-islots tal-ħin, sabiex jiġu pprovduti servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Berlin. Barra minn hekk, l-ittra prodotta mir-rikorrenti ma ssemmix biss l-implimentazzjoni ta’ proċedura ġdida dwar l-attribuzzjoni tal-postijiet ta’ parkeġġ ta’ billejl iżda ssemmi wkoll il-fatt li għadu possibbli li jkun hemm koordinazzjoni ikbar bejn il-kumpanniji tal-ajru jekk jirriżulta li dan ikun neċessarju. Konsegwentement, minn din is-sempliċi ittra ma jistax jirriżulta li n-numru ta’ postijiet ta’ parkeġġ huwa ta’ natura li jillimita l-provvista ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri minn jew lejn l-ajruport ta’ Berlin-Tegel.

102    F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li r-rikorrenti ma hijiex fondata meta ssostni li l-kalkolu tar-rata ta’ konġestjoni tal-ajruport ta’ Berlin-Tegel kellha neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-kapaċitajiet tat-terminals kif ukoll il-postijiet ta’ parkeġġ.

103    Konsegwentement, għandu jitqies li r-rikorrenti ma hijiex fondata li tikkritika lill-Kummissjoni talli għażlet ishma ta’ slots tal-ħin u tar-rati ta’ konġestjoni żbaljati, b’tali mod li t-tieni parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda.

 Fuq it-tielet parti tat-tieni motiv, ibbażata fuq il-fatt li l-konċentrazzjoni inkwistjoni tista’ tippermetti li l-intervenjenti tagħlaq l-aċċess għas-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri minn jew lejn l-ajruporti ta’ Berlin

104    Ir-rikorrenti ssostni li l-konċentrazzjoni inkwistjoni tipproduċi effetti antikompetittivi. Fil-fehma tagħha, fl-assenza ta’ din il-konċentrazzjoni, parti kunsiderevoli mill-islots tal-ħin tal-ajruporti ta’ Berlin ittrasferiti lill-intervenjenti kienet tiġi attribwita lil kumpanniji tal-ajru oħra. Hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-ajruport ta’ Berlin-Tegel huwa ajruport ikkoordinat fis-sens tar-Regolament Nru 95/93. Konsegwentement, minn naħa, hija tqis, konformement mal-Artikolu 10 ta’ dan ir-regolament, li sa nofs l-islots tal-ħin preċedentement miżmuma minn Air Berlin kienu jiġu attribwiti lil “kompetituri ġodda” bħalha, u dan kien inaqqas il-barrieri għad-dħul fis-swieq inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li, fid-dawl tal-ishma kunsiderevoli ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti u tar-rata ta’ konġestjoni tal-ajruporti ta’ Berlin, l-intervenjenti tista’ tadotta diversi strateġiji ta’ esklużjoni.

105    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-analiżi prospettiva li għandha titwettaq mil-Kummissjoni tikkonsisti f’eżami ta’ kif konċentrazzjoni tista’ tbiddel il-fatturi li jiddeterminaw l-istat tal-kompetizzjoni f’suq partikolari sabiex jiġi stabbilit jekk din tistax tirriżulta fi tfixkil sinjifikattiv tal-kompetizzjoni effettiva. Din l-analiżi teħtieġ li jiġu mbassra diversi xejriet ta’ kawża u effett bil-għan li jiġi stabbilit liema minnhom huma l-aktar probabbli (sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval, C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 43).

106    F’din il-kawża, il-Kummissjoni kkonstatat, fid-deċiżjoni kkontestata, li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin kienu jmorru lura fil-ġemgħa msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 95/93. F’dan ir-rigward, hija speċifikat li, konformement mal-Artikolu 10(6) tar-Regolament Nru 95/93, 50 % ta’ dawn l-islots tal-ħin kienu jiġu attribwiti lil kompetituri ġodda, sakemm it-talbiet ta’ dawn tal-aħħar ma jkunux jirrappreżentaw inqas minn 50 % tal-imsemmija slots tal-ħin. Konsegwentement, minn tal-inqas 50 % tal-islots tal-ħin ta’ Air Berlin kienu jiġu ttrasferiti lill-kumpanniji l-oħra tal-ajru li jew diġà għandhom numru suffiċjenti ta’ slots tal-ħin fl-ajruporti kkonċernati jew li nkella jixtiequ jidħlu fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti. Għalhekk, is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti fl-ajruport ta’ Berlin-Tegel seta’ jiżdied fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

107    Madankollu, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ipoteżi li l-islots tal-ħin kollha li kienu s-suġġett ta’ din il-konċentrazzjoni kienu jiġu ttrasferiti lil kumpanniji tal-ajru oħra apparti l-intervenjenti. Konsegwentement, hija għażlet, għall-finijiet tal-evalwazzjoni tagħha, tkabbir tas-sehem ta’ slots tal-ħin b’riżultat tal-konċentrazzjoni inkwistjoni li huwa għola minn dak li messu ntgħażel fl-ipoteżi sostnuta mir-rikorrenti u li tgħid li parti mill-islots tal-ħin ta’ Air Berlin kienet tmur lura fil-ġemgħa msemmija fl-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 95/93 fl-assenza ta’ din il-konċentrazzjoni.

108    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 2(2) u (3) tar-Regolament Nru 139/2004, huma biss il-konċentrazzjonijiet li jistgħu jxekklu b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti, li għandhom jiġu ddikjarati inkompatibbli mas-suq intern. Konsegwentement, hekk kif issostni, ġustament, il-Kummissjoni, iċ-ċirkustanza li l-konċentrazzjoni għandha tipproduċi effetti antikompetittivi ma hijiex, fiha nnifisha, suffiċjenti sabiex jitqies li din il-konċentrazzjoni hija inkompatibbli mas-suq intern, peress li din ma xxekkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu.

109    F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-sempliċi ċirkustanza li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, uħud mill-islots tal-ħin tal-ajruporti ta’ Berlin ittrasferiti lill-intervenjenti setgħu jiġu attribwiti lil kumpanniji oħra tal-ajru, u b’dan il-mod jitnaqqsu, għal dawn tal-aħħar, il-barrieri għad-dħul fir-rigward ta’ dawn l-ajruporti, ma tippermettix, bħala tali, li jintwera li din il-konċentrazzjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu.

110    Fit-tielet lok, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni eżaminat il-kapaċità tal-intervenjenti li tagħlaq l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti u, sussegwentement, għas-swieq tas-servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Berlin.

111    Hekk kif jirriżulta mill-punt 13 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni, f’dan ir-rigward, mhux biss is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti u l-effett tal-konċentrazzjoni inkwistjoni fuq dan is-sehem ta’ slots tal-ħin, iżda wkoll il-konġestjoni ta’ dawn l-ajruporti. Fil-fatt, il-Kummissjoni ċertament ikkonstatat li, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 3(5) tar-Regolament Nru 95/93, il-kapaċità tal-ajruporti kkoordinati ma kinitx suffiċjenti sabiex jiġu ssodisfatti d-domandi kollha tat-trasportaturi tal-ajru abbażi ta’ kooperazzjoni volontarja bejniethom. Madankollu, hija osservat li ajruport seta’ jiġi kklassifikat bħala kkoordinat fis-sens tal-imsemmi regolament mingħajr ma jintużaw l-islots kollha tal-ħin ta’ dan l-ajruport. Hija għalhekk ikkalkolat, meta qieset li dan kien meħtieġ, ir-rata ta’ konġestjoni tal-ajruporti kkonċernati billi ddividiet, għall-kull waħda mis-sigħat ta’ ftuħ, in-numru ta’ slots tal-ħin attribwiti lill-kumpanniji kollha tal-ajru bin-numru total ta’ slots tal-ħin disponibbli. Hija qieset, mingħajr kontestazzjoni f’dan ir-rigward min-naħa tar-rikorrenti, li l-eżistenza ta’ xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva tista’, bħala prinċipju, tiġi eskluża meta r-rata ta’ konġestjoni medja ta’ ajruport tkun ta’ inqas minn 60 %.

112    B’mod iktar partikolari, il-Kummissjoni l-ewwel osservat li s-sehem ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti ser ikun, wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-ewwel, inqas minn 25 % bħala medja, it-tieni, inqas minn 40 % fis-sigħat fejn ir-rata ta’ konġestjoni tkun l-għola, jiġifieri bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-għaxra u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħodu UTC matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018 u bejn it-tmienja ta’ filgħodu u t-tmienja u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħodu matul l-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018, u, it-tielet, inqas minn 50 % meta s-sehem tagħha ta’ slots tal-ħin ikun l-għola, jiġifieri l-Ġimgħa bejn s-sagħtejn ta’ waranofsinhar u s-sagħtejn u disa’ u ħamsin minuta ta’ waranofsinhar UTC matul l-imsemmi staġun tas-sajf u l-Ġimgħa bejn it-tlieta ta’ waranofsinhar u t-tlieta u disa’ u ħamsin minuta ta’ waranofsinhar UTC matul l-imsemmi staġun tax-xitwa.

113    Wara dan, il-Kummissjoni kkonstatat, minn naħa, li r-rata ta’ konġestjoni medja tkun ta’ 54 % matul l-istaġun tas-sajf IATA 2018 u ta’ 46 % matul l-istaġun tax-xitwa IATA 2017/2018 u, min-naħa l-oħra, li l-għola r-rati ta’ konġestjoni jkunu ta’ 73 % bejn l-għaxra ta’ filgħodu u l-għaxra u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħodu UTC matul l-imsemmi staġun tas-sajf u ta’ 62 % bejn it-tmienja ta’ filgħodu u t-tmienja u disa’ u ħamsin minuta ta’ filgħodu matul l-imsemmi staġun tax-xitwa.

114    Fl-aħħar, il-Kummissjoni nnotat li, hekk kif jirriżulta mill-punti 112 u 113 iktar ’il fuq, il-ħin li fih is-sehem ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti jkun l-għola ma jikkorrispondix mal-ħin li fih ir-rata ta’ konġestjoni kienet l-għola u li, f’kull każ, anki meta r-rata ta’ konġestjoni kienet l-għola, il-kapaċità li kien għad fadal fl-ajruporti ta’ Berlin kienet suffiċjenti sabiex tippermetti d-dħul u l-espansjoni ta’ kompetituri.

115    Ir-rikorrenti ssostni li, fid-dawl tas-sehem kunsiderevoli tagħha ta’ slots tal-ħin u tar-rata ta’ konġestjoni, b’mod partikolari tal-ajruport ta’ Berlin, l-intervenjenti tista’ tadotta diversi strateġiji ta’ esklużjoni. Jekk jiġi preżunt li n-numru rispettivament ta’ postijiet u ta’ passiġġieri ttrasportati minn Air Berlin huma kkorelatati mal-islots tal-ħin ittrasferiti lill-intervenjenti, hija tqis li l-intervenjenti għandha tittrasporta, wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni, sa’ 40 % tan-numru totali ta’ postijiet u rispettivament 40 % u 50 % tal-passiġġieri matul l-istaġuni tax-xitwa IATA 2017/2018 u tas-sajf IATA 2018. Hija minn dan tiddeduċi li l-intervenjenti tista’, l-ewwel, iżżid in-numru ta’ titjiriet fil-ħinijiet tat-titjiriet ippjanati minn kompetitur ġdid jew fuq il-linji diġà operati minn dan tal-aħħar, b’tali mod li trendi l-attivitajiet tiegħu inqas redittizji, it-tieni, tuża b’mod iktar effiċjenti l-islots tal-ħin tagħha billi tallokahom mill-ġdid, skont il-bżonn, għad-diversi konnessjonijiet tagħha u, it-tielet, toffri programmi ta’ fedeltà iktar vantaġġużi għall-klijenti tagħha. Hija tispeċifika li dawn huma riskji li ma huwiex kompitu tagħha li teżamina, iżda li kellhom jiġu eżaminati mill-Kummissjoni.

116    F’dan ir-rigward, l-ewwel, bil-kontra ta’ dak li tissuġġerixxi r-rikorrenti, il-Kummissjoni eżaminat jekk it-tkattir tan-numru ta’ slots tal-ħin miżmuma mill-intervenjenti setgħax jippermetti li din tal-aħħar tillimita l-aċċess ta’ kumpanniji oħra tal-ajru għas-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti kkonċernati. Hija madankollu qieset li, f’din il-kawża, l-intervenjenti ma għandux ikollha l-kapaċità li tagħlaq l-aċċess tal-kumpanniji l-oħra tal-ajru għal dawn is-swieq.

117    Barra minn hekk, f’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti tillimita ruħha li tagħmel riferiment għall-ishma tas-suq tal-intervenjenti fl-ajruport ta’ Berlin-Tegel, filwaqt li, hekk kif ġie osservat fil-punt 12 iktar ’il fuq, il-konċentrazzjoni inkwistjoni x’aktarx li jkollha effett fuq is-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dan l-ajruport biss fil-każ fejn dan tal-aħħar u l-ajruport ta’ Berlin-Schönefeld ikunu jifformaw parti mill-istess suq ġeografiku. Għalhekk hija ma tispjegax kif l-istrateġiji ta’ esklużjoni li hija tinvoka setgħu effettivament jiġu implimentati fir-rigward tal-ajruporti ta’ Berlin, ikkunsidrati flimkien, fid-dawl b’mod partikolari tal-fatt li s-sehem medju ta’ slots tal-ħin miżmum mill-intervenjenti huwa ta’ inqas minn 25 % u li r-rata ta’ konġestjoni medja ta’ dawn l-ajruporti hija inqas mir-rata ta’ 60 % imsemmija fil-punt 111 iktar ’il fuq. B’mod iktar partikolari, hija ma tindikax ir-raġuni li għaliha kompetitur ġdid ma jkunx jista’, minħabba din ir-rata ta’ konġestjoni, jingħata daqstant slots tal-ħin daqs kemm ikun neċessarju sabiex ikun jista’ jipprovdi servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew f’dawn l-ajruporti.

118    It-tieni, għandu jitfakkar li, hekk kif osservat, ġustament, il-Kummissjoni fil-punt 16 tal-Linji Gwida tagħha dwar Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali, iċ-ċirkustanza li l-kompetituri jistgħu jkunu leżi mill-fatt li konċentrazzjoni tiġġenera titjib fl-effiċjenza ma tistax, fiha nnifisha, tikkostitwixxi xkiel għall-kompetizzjoni. Issa, ir-rikorrenti ma tispjegax b’liema mod l-użu iktar effiċjenti mill-intervenjenti tal-islots tal-ħin tagħha kif ukoll l-implimentazzjoni ta’ programmi ta’ fedeltà iktar vantaġġużi favur il-klijenti tagħha ma jirriflettux titjib fl-effiċjenza li, għalkemm jista’ jkunu ta’ ħsara għall-kompetituri, ma jikkostitwixxix madankollu xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva.

119    It-tielet, għandu jitfakkar li, hekk kif issemma fil-punt 14 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni bbażat ruħha b’mod partikolari fuq tliet raġunijiet separati sabiex tiddikjara l-konċentrazzjoni inkwistjoni kompatibbli mas-suq intern fir-rigward tal-ajruporti ta’ Berlin. Hija mhux biss talli qieset li l-intervenjenti ma għandux ikollha l-kapaċità li tagħlaq l-aċċess għas-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Berlin, iżda wkoll li din l-anqas ma tkun imħeġġa li tagħlaq dan l-aċċess u li l-implimentazzjoni ta’ eventwali strateġija ta’ esklużjoni minn din tal-aħħar ma għandux ikollha l-effett tnaqqis tal-kompetizzjoni f’dawn is-swieq. Issa, peress li dawn it-tieni u t-tielet raġuni tad-deċiżjoni kkontestata ma humiex ikkontestati mir-rikorrenti, l-argumenti tar-rikorrenti dwar l-allegata kapaċità tal-intervenjenti li tagħlaq l-imsemmi aċċess għandhom, f’kull każ, jiġu miċħuda bħala ineffettivi.

120    Minn dan isegwi li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma hijiex ser ixxekkel b’mod sinjifikattiv il-kompetizzjoni effettiva fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti ta’ Berlin.

121    Għalhekk, it-tielet parti tat-tieni motiv tar-rikorrenti għandha tiġi miċħuda u, b’konsegwenza ta’ dan, l-imsemmi motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tielet u r-raba’ motiv, ibbażati fuq l-ommissjoni tal-eżami tal-eventwali titjib fl-effiċjenza b’riżultat tal-konċentrazzjoni inkwistjoni u fuq l-assenza ta’ impenji imposti mill-Kummissjoni

122    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret il-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali billi naqset milli teżamina l-eventwali titjib fl-effiċjenza li jista’ jirriżulta mill-konċentrazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, hija tikkritika lill-Kummissjoni talli ma imponietx fuq l-intervenjenti miżuri korrettivi, fil-forma ta’ impenji, intiżi li jippermettu l-użu ta’ ċerti slots tal-ħin ta’ din tal-aħħar minn kumpanniji oħra tal-ajru.

123    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

124    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta barra minn hekk minn kliem it-taqsima 9 tal-formola CO dwar in-notifika ta’ konċentrazzjoni konformement mar-Regolament Nru 139/2004, li tinstab fl-Anness I tar-Regolament Nru 802/2004, u minn dak tal-punt 78 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, li għalih tagħmel b’mod partikolari riferiment in-nota ta’ qiegħ il-paġna imdaħħla fil-punt 21 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet mhux Orizzontali, it-titjib fl-effiċjenza kkawżat mill-konċentrazzjoni għandu jkun ta’ natura li jiffavorixxi l-kompetizzjoni favur il-konsumaturi. Il-premessa 29 tar-Regolament Nru 139/2004, li għaliha tagħmel riferiment ir-rikorrenti, tfakkar għalhekk li tali effiċjenzi li jirriżultaw mill-konċentrazzjoni jistgħu jpattu għall-effetti fuq il-kompetizzjoni, u b’mod partikolari, għall-ħsara potenzjali għall-konsumaturi, li jkollha jew jista’ jkollha din il-konċentrazzjoni u li, għalhekk, din ma xxekkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu.

125    B’mod analogu, għandu jitfakkar li, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, l-għan tal-impenji meħuda mill-impriżi kkonċernati huwa li jneħħi kull dubju serju dwar il-kwistjoni ta’ jekk il-konċentrazzjoni hijiex ser ixxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva f’suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 297).

126    F’din il-kawża, għandu jiġi osservat li l-Kummissjoni qieset, billi bbażat ruħha fuq l-Artikolu 6(1)(b) u(2) tar-Regolament Nru 139/2004, li l-konċentrazzjoni inkwistjoni ma setgħetx tikkostitwixxi xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, mingħajr ma jkun meħtieġ li l-intervenjenti turi li kien hemm titjib fl-effiċjenza jew li tipproponi impenji. Konsegwentement, peress li, hekk kif ġie indikat fil-punt 120 iktar ’il fuq, ir-rikorrenti ma hijiex fondata li ssostni li l-imsemmija konċentrazzjoni tista’ manifestament tikkostitwixxi tali xkiel, ma kienx hemm lok li l-Kummissjoni teżamina titjib fl-effiċjenza li seta jpatti għall-effetti fuq il-kompetizzjoni ta’ din il-konċentrazzjoni u lanqas li teżamina impenji li setgħu jipprevjenu dan ix-xkiel.

127    Fit-tieni lok, mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 139/2004 u mill-punti 84 sa 87 tal-Linji Gwida dwar il-Konċentrazzjonijiet Orizzontali, invokati mir-rikorrenti, jirriżulta li huma l-partijiet għall-konċentrazzjoni li għandhom juru l-eventwali titjib fl-effiċjenza li jirriżulta minn din il-konċentrazzjoni. Bl-istess mod, mill-Artikolu 6(2) ta’ dan ir-regolament u mill-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 802/2004 jirriżulta li huma, jekk ikun il-każ, il-partijiet għall-konċentrazzjoni li għandhom jipproponu, f’forma ta’ impenji, bidliet għal din il-konċentrazzjoni. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma tistax tikkritika lill-Kummissjoni talli ma fittxitx li tikkonstata l-eżistenza ta’ titjib fl-effiċjenza li ma ntweriex minn qabel mill-intervenjenti jew talli ma imponietx impenji li ma ġewx proposti minn qabel min din tal-aħħar.

128    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tielet u r-raba’ motiv tar-rikorrenti għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq il-ħames motiv, ibbażat fuq l-ommissjoni ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-għajnuna għas-salvataġġ fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-effetti tal-konċentrazzjoni inkwistjoni

129    Ir-rikorrenti ssostni li l-għajnuna għas-salvataġġ ingħatat lil Air Berlin sabiex titwettaq il-konċentrazzjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, hija ssostni li din l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq intern, li ċerta informazzjoni dwar din l-għajnuna ma hijiex aċċessibbli għall-pubbliku u li n-negozzjati dwar l-imsemmija konċentrazzjoni bejn l-intervenjenti u Air Berlin ġew miżmuma wara bibien magħluqa. Hija minn dan tiddeduċi li l-għajnuna għas-salvataġġ ipprekludiet lil “operaturi iktar effiċjenti” oħra milli jixtru l-attivi ta’ Air Berlin. Barra minn hekk, hija tqis li din l-għajnuna bidlet il-kapaċità finanzjament ta’ Air Berlin, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha tieħu din l-għajnuna inkunsiderazzjoni, konformement mal-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004.

130    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

131    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, mid-deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna għas-salvataġġ kompatibbli mas-suq intern jirriżulta li l-għan ta’ din l-għajnuna kien b’mod partikolari li jkun permess il-bejgħ “ordnat” tal-attivi ta’ Air Berlin b’tali mod li l-konsegwenzi negattivi għall-persunal ta’ din tal-aħħar jiġu limitati.

132    Madankollu, l-ewwel, mill-allegata inkompatibbiltà tal-għajnuna għas-salvataġġ mas-suq intern u mill-fatt li ċerta informazzjoni dwar din l-għajnuna ma hijiex aċċessibbli għall-pubbliku ma jistax jirriżulta li l-għan ta’ din l-għajnuna kien speċifikament ix-xiri, mill-intervenjenti, tal-attivi ta’ Air Berlin ikkonċernati mill-konċentrazzjoni inkwistjoni.

133    It-tieni, ir-rikorrenti ma tallegax, u lanqas, a fortiori, ma turi li l-“operaturi iktar effiċjenti” li għalihom hija tagħmel riferiment ma setgħux jitfgħu offerta għal xiri ta’ attivi ta’ Air Berlin fil-kuntest tal-proċedura ta’ insolvenza ta’ din tal-aħħar.

134    It-tielet, għandu jitfakkar li, hekk kif ġie indikat fil-punt 109 iktar ’il fuq, is-sempliċi ċirkustanza li, fl-assenza tal-konċentrazzjoni inkwistjoni, l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin ittrasferiti lill-intervenjenti setgħu jiġu, minn tal-inqas parzjalment, attribwiti lil kompetituri ta’ din tal-aħħar, ma hijiex suffiċjenti, waħedha, sabiex jitqies li din il-konċentrazzjoni setgħet ixxekkel b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva, b’tali mod li l-Kummissjoni kellha tiddikjaraha inkompatibbli mas-suq inter.

135    Fit-tieni mill-Artikolu 2(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004 jirriżulta li, fl-evalwazzjoni tagħha tal-konċentrazzjonijiet, il-Kummissjoni għandha b’mod partikolari tieħu inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni fis-suq tal-impriżi kkonċernati u tas-setgħa ekonomika u finanzjarja tagħhom. Madankollu, għandu jiġi osservat li r-rikorrenti ma tipproduċi l-ebda element li jista’ juri li l-ammont tas-self mogħti lil Air Berlin abbażi tal-għajnuna għas-salvataġġ kien jifforma parti mill-attivi mixtrija mill-intervenjenti fil-kuntest tal-konċentrazzjoni inkwistjoni.

136    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma huwiex stabbilit li l-ammont tas-self mogħti lil Air Berlin kien jifforma parti mill-konċentrazzjoni inkwistjoni, b’tali mod li hemm lok li jitqies li l-għajnuna għas-salvataġġ ma kinitx ta’ natura li taffettwa l-pożizzjoni fis-suq jew is-setgħa ekonomika u finanzjarja tal-attivi ta’ Air Berlin mixtrija mill-intervenjenti. Minn dan isegwi li din l-għajnuna ma setgħetx tibdel l-evalwazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ din il-konċentrazzjoni.

137    Konsegwentement, il-ħames motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE

138    Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 296 TFUE minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex immotivata suffiċjentement. Hija b’mod iktar partikolari tikkritika lill-Kummissjoni talli ma analizzatx b’mod iktar eżawrjenti l-kuntest fattwali tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Hija għalhekk issostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fis-swieq O & D, li hija wettqet biss analiżi “qasira” tal-eventwali interess tal-intervenjenti li tadotta strateġija ta’ esklużjoni u tal-effetti ta’ tali strateġija fuq il-kompetizzjoni, li hija ma kinitx ivverifikat jekk it-titjib fl-effiċjenza b’riżultat tal-konċentrazzjoni inkwistjoni kienx ipatti għall-effetti antikompetittivi prodotti minnha, li hija ma eżaminatx jekk miżuri korrettivi kellhomx jippermettu li jiġi eliminat xkiel sinjifikattiv għal kompetizzjoni effettiva b’riżultat tal-imsemmija konċentrazzjoni u, fl-aħħar, li hija ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-għajnuna għas-salvataġġ.

139    Il-Kummissjoni u l-intervenjenti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrenti.

140    Skont kliem l-Artikolu 296 TFUE, l-atti ġuridiċi adottati mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom ikunu motivati.

141    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni rikjesta mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni li tkun adottat l-att, b’tali mod li tippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu l-ġustifikazzjoni tal-miżura adottata u li l-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha. Għalhekk, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jkun evalwat skond iċ-ċirkustanzi tal-każ inkwistjoni, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-formulazzjoni tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha kif ukoll f’dak tar-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 63; tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il-Kummissjoni, C‑42/01, EU:C:2004:379, punt 66, u tal-15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 79).

142    Għalhekk, il-Kummissjoni ma tiksirx l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha jekk, meta hija teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll tal-konċentrazzjonijiet, hija ma tinkludix, fid-deċiżjoni tagħha, motivazzjoni preċiża dwar l-evalwazzjoni ta’ ċertu numru ta’ aspetti tal-konċentrazzjoni li jidhrulha manifestament barra l-iskop tagħha, mhux sinjifikattivi u evidentement sekondarji għall-evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, EU:C:1998:154, punt 64). Tali rekwiżit ikun fil-fatt diffiċilment kompatibbli mal-ħtieġa ta’ ħeffa u mat-termini qosra ta’ proċedura li l-Kummissjoni għandha tosserva meta teżerċita s-setgħa tagħha ta’ kontroll ta’ konċentrazzjonijiet u li jifformaw parti minn ċirkustanzi partikolari ta’ proċeduri għall-kontroll ta’ dawn il-konċentrazzjonijiet. Minn dan jirriżulta li, meta l-Kummissjoni tiddikjara konċentrazzjoni kompatibbli mas-suq komuni fuq il-bażi tal-Artikolu 6(1)(b) tar-Regolament Nru 139/2004, ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni huwa sodisfatt jekk din id-deċiżjoni turi b’mod ċar ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni tqis li l-konċentrazzjoni inkwistjoni, jekk ikun il-każ wara tibdiliet magħmula mill-impriżi kkonċernati, ma xxekkilx b’mod sinjifikattiv kompetizzjoni effettiva fis-suq intern jew f’parti sostanzjali tiegħu, b’mod partikolari minħabba l-fatt tal-ħolqien jew ta’ tisħiħ ta’ pożizzjoni dominanti (ara, b’analoġija, is-sentenza tat-13 ta’ Mejju 2015, Niki Luftfahrt vs Il-Kummissjoni, T‑162/10, EU:T:2015:283, punt 100).

143    F’din il-kawża, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat, hekk kif jirriżulta mill-punti 27 u 46 iktar ’il fuq li l-Kummissjoni esponiet, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġuni li għaliha hija ma kinitx evalwat il-konċentrazzjoni inkwistjoni f’kull wieħed mis-swieq O & D rilevanti. Fil-fatt, minn naħa, hija spjegat li, sa fejn kienet temmet l-attivitajiet tagħha qabel il-konċentrazzjoni inkwistjoni u indipendentement minnha, Air Berlin ma kienet għadha topera fuq l-ebda wieħed mis-swieq O & D li fihom din tal-aħħar kienet preżenti preċedentement. Min-naħa l-oħra, hija sostniet li l-effetti ta’ din il-konċentrazzjoni fis-swieq ta’ servizzi ta’ trasport bl-ajru ta’ passiġġieri bi tluq jew b’wasla minn jew fl-ajruporti li magħhom kienu marbuta l-islots tal-ħin ta’ Air Berlin kellhom jiġu evalwati minħabba li dawn l-islots tal-ħin ma kienu allokati għal ebda suq O & D speċifiku.

144    It-tieni, għandu jiġi osservat li, minn naħa, l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-fatt li l-intervenjenti tkun imħeġġa tagħlaq l-aċċess għas-servizzi ta’ infrastruttura tal-ajruporti fl-ajruporti ta’ Berlin kienet għal finijiet ta’ kompletezza, peress li l-Kummissjoni kienet preċedentement qieset li l-intervenjenti probabbilment mhux ser ikollha l-kapaċità li tagħlaq dan l-aċċess. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li, għalkemm kumpannija tal-ajru dominanti tista’ ċertament tkun imħeġġa li tagħlaq l-imsemmi aċċess, madankollu kien hemm lok li jiġu indikati, f’din il-kawża, kemm in-numru suffiċjenti ta’ slots tal-ħin li kien għadhom disponibbli għall-kumpanniji l-oħra tal-ajru kif ukoll il-preżenza ta’ kompetitur fl-ajruport ta’ Berlin-Tegel, li għandu sehem ta’ slots tal-ħin f’dan l-ajruport li huwa paragunabbli għal dak tal-intervenjenti wara l-konċentrazzjoni inkwistjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni kompliet tesponi li, matul l-investigazzjoni tagħha tas-suq, ma sabitx provi li l-intervenjenti kienet preċedentement adottat aġir li jxaqleb lejn għeluq tas-suq.

145    It-tielet, hekk kif jirriżulta mill-punt 126 iktar ’il fuq, ma kienx hemm lok li l-Kummissjoni tevalwa eventwali titjib fl-effiċjenza li jirriżulta mill-konċentrazzjoni inkwistjoni jew li tikkunsidra eventwali impenji li setgħu jiġu proposti mill-intervenjenti. Bl-istess mod, hekk kif jirriżulta mill-punt 137 iktar ’il fuq, ma hemmx lok li l-Kummissjoni tieħu inkunsiderazzjoni l-għajnuna għas-salvataġġ għall-finijiet tal-evalwazzjoni tal-konċentrazzjoni inkwistjoni. Minn dan isegwi li dawn id-diversi elementi, invokati mir-rikorrenti, setgħu ġustament jidhru, f’għajnejn il-Kummissjoni, bħala li huma manifestament barra mill-iskop tal-eżami, b’tali mod li, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 142 iktar ’il fuq, hija ma tistax tiġi kkritikata talli kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuqha billi ma semmithomx fid-deċiżjoni kkontestata.

146    F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li d-deċiżjoni kkontestata hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, b’tali mod li s-sitt motiv tar-rikorrenti għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-talba tar-rikorrenti għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura

147    Fir-rikors, ir-rikorrenti, abbażi tal-Artikolu 88 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-Qorti Ġenerali tadotta miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura dwar l-għajnuna għas-salvataġġ, dwar it-tmiem tal-attivitajiet ta’ Air Berlin u dwar il-bejgħ tal-attivi ta’ din tal-aħħar.

148    Madankollu, għandu jiġi osservat, minn naħa, li, bi ksur tal-Artikolu 88(2) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti ma indikatx, b’mod suffiċjentement iddettaljat, ir-raġunijiet li jistgħu jiġġustifikaw il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura kollha li hija talbet u, min-naħa l-oħra, li, hekk kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 28 sa 34 u 132 sa 136 iktar ’il fuq, dawn il-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura ma humiex neċessarji sabiex tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors.

149    Konsegwentement, ma hemmx lok li t-talba għal miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mressqa mir-rikorrenti tintlaqa’.

150    Minn dak li ġie espost iktar ’il fuq jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu, mingħajr il-ħtieġa li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tal-Anness C.2 tar-replika, ikkontestata mill-Kummissjoni.

 Fuq l-ispejjeż

151    Skont kliem l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, kull parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall ispejjeż jekk dawn jintalbu. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż kif mitluba mill-Kummissjoni u mill-intervenjenti.

Għal dawn ir-raġunijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

Taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Polskie Linie Lotnicze “LOT” S.A. hija kkundannata għall-ispejjeż.

Van der Woude

Kornezov

Buttigieg

Kowalik-Bańczyk

 

      Hesse

Hekk mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Ottubru 2021.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.