Language of document : ECLI:EU:C:2022:963

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

8 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni – Skambju awtomatiku u obbligatorju ta’ informazzjoni fir-rigward tal-arranġamenti transkonfinali rapportabbli – Direttiva 2011/16/UE, kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/822 – Artikolu 8ab(5) – Validità – Sigriet professjonali tal-avukat – Eżenzjoni mill-obbligu ta’ rapportar li jgawdi minnha l-avukat intermedjarju suġġett għas-sigriet professjonali – Obbligu ta’ dan l-avukat intermedjarju li jikkomunika, lil kull intermedjarju ieħor li ma huwiex il-klijent tiegħu, l-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuqu – Artikoli 7 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Fil-Kawża C‑694/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas‑17 ta’ Diċembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑21 ta’ Diċembru 2020, fil-proċedura

Orde van Vlaamse Balies,

IG,

Belgian Association of Tax Lawyers,

CD,

JU

vs

Vlaamse Regering,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn K. Lenaerts, President, L. Bay Larsen, Viċi President, A. Arabadjiev, A. Prechal, K. Jürimäe, P. G. Xuereb, L. S. Rossi u D. Gratsias, Presidenti ta’ Awla, F. Biltgen, N. Piçarra, I. Jarukaitis, N. Jääskinen, N. Wahl, I. Ziemele u J. Passer (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: M. Ferreira, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal‑25 ta’ Jannar 2022,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Orde van Vlaamse Balies u għal IG, minn S. Eskenazi u P. Wouters, advocaten,

–        għall-Belgian Association of Tax Lawyers, għal CD u għal JU, minn P. Malherbe, avocat, u P. Verhaeghe, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn S. Baeyens, J.‑C. Halleux u C. Pochet, bħala aġenti, assistiti minn M. Delanote, advocaat,

–        għall-Gvern Ċek, minn J. Očková, M. Smolek u J. Vláčil, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Franċiż, minn R. Bénard, A.‑L. Desjonquères, E. de Moustier u É. Toutain, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Latvjan, minn J. Davidoviča, I. Hūna u K. Pommere, bħala aġenti,

–        għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, minn E. Chatziioakeimidou, I. Gurov u S. Van Overmeire, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn W. Roels u P. Van Nuffel, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal‑5 ta’ April 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-validità tal-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal‑15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE (ĠU 2011, L 64, p. 1, rettifika fil-ĠU 2020, L 274, p. 58), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal‑25 ta’ Mejju 2018 (ĠU 2018, L 139, p. 1, rettifiki fil-ĠU 2019, L 31, p. 108 u fil-ĠU 2020, L 279, p. 23) (iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2011/16 kif emendata”) fid-dawl tal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwimiet bejn, minn naħa, l-Orde van Vlaamse Balies (l-Ordni tal-Kmamar tal-Avukati Fjammingi), il-Belgian Association of Tax Lawyers, assoċjazzjoni professjonali ta’ avukati, kif ukoll IG, CD u JU, tliet avukati, u, min-naħa l-oħra, il-Vlaamse Regering (il-Gvern Fjamming, il-Belġju) dwar il-validità ta’ ċerti dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni Fjamminga dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni.

 Ilkuntest ġuridiku

 Iddritt talUnjoni

 IdDirettiva 2011/16

3        Id-Direttiva 2011/16 stabbilixxiet sistema ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet fiskali nazzjonali tal-Istati Membri u tistabbilixxi r-regoli u l-proċeduri li għandhom japplikaw waqt l-iskambju ta’ informazzjoni għal finijiet fiskali.

 IdDirettiva 2018/822

4        Id-Direttiva 2011/16 ġiet emendata diversi drabi u, b’mod partikolari, permezz tad-Direttiva 2018/822. Din id-direttiva introduċiet obbligu ta’ rapportar lill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-arranġamenti fiskali transkonfinali għall-ippjanar tat-taxxa ta’ natura potenzjalment aggressiva. F’dan ir-rigward, il-premessi 2, 4, 6, 8, 9 u 18 tad-Direttiva 2018/822 jiddikjaraw dan li ġej:

“(2)      L-Istati Membri jsibuha dejjem aktar diffiċli li jipproteġu l-bażijiet tat-taxxa nazzjonali tagħhom mill-erożjoni peress li l-istrutturi tal-ippjanar tat-taxxa evolvew biex saru partikolarment sofistikati u ħafna drabi jieħdu vantaġġ mill-mobilità miżjuda kemm tal-kapital kif ukoll tal-persuni fis-suq intern. […] Huwa għalhekk fundamentali li l-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri jiksbu informazzjoni komprensiva u rilevanti dwar arranġamenti potenzjalment aggressivi tat-taxxa. Tali informazzjoni tippermetti li dawk l-awtoritajiet jirreaġixxu fil-pront kontra prattiki tat-taxxa dannużi u jagħlqu lakuni bil-promulgazzjoni ta’ leġislazzjoni jew billi jwettqu valutazzjonijiet tar-riskju adegwati u awditjar tat-taxxa. […]

[…]

(4)      Bir-rikonoxximent li qafas trasparenti għall-iżvilupp ta’ attività ta’ negozju jista’ jikkontribwixxi għat-trażżin tal-evitar u tal-evażjoni tat-taxxa fis-suq intern, il-Kummissjoni [Ewropea] ntalbet twettaq inizjattivi fir-rigward tal-iżvelar obbligatorju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti ta’ ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa fuq il-linji tal-Azzjoni 12 tal-Proġett tal-[Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżvilupp Ekonomiċi (OECD)] dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (BEPS). F’dan il-kuntest, il-Parlament Ewropew talab miżuri aktar severi kontra intermedjarji li jgħinu f’arranġamenti li jistgħu jwasslu għall-evitar u l-evażjoni tat-taxxa. Huwa importanti wkoll li wieħed jinnota li fid-‘Dikjarazzjoni ta’ Bari tal-G7 tat‑13 ta’ Mejju 2017 dwar il-ġlieda kontra reati tat-taxxa u flussi finanzjarji illeċiti oħra’, l-OECD ntalbet tibda tiddiskuti modi possibbli biex jiġu indirizzati arranġamenti mfassla bil-ħsieb li jevitaw ir-rappurtar taħt [l-Istandard Komuni ta’ Rapportar (CRS)] jew li għandhom l-għan li jipprovdu lis-sidien benefiċjarji bil-protezzjoni ta’ strutturi mhux trasparenti, filwaqt li tqis ukoll mudelli ta’ regoli obbligatorji ta’ żvelar ispirati mill-approċċ meħud għall-arranġamenti tal-evitar tat-taxxa deskritti fir-Rapport tal-Azzjoni 12 tal-BEPS.

[…]

(6)      Ir-rappurtar ta’ arranġamenti ta’ ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa ta’ dimensjoni transkonfinali jista’ jikkontribwixxi b’mod effettiv għall-isforzi biex jinħoloq ambjent ta’ tassazzjoni ġusta fis-suq intern. F’dan id-dawl, l-obbligu li intermedjarji jinformaw lill-awtoritajiet tat-taxxa […] jkun jikkostitwixxi pass fid-direzzjoni t-tajba. […]

[…]

(8)      Biex ikun żgurat il-funzjonament korrett tas-suq intern u biex jiġu evitati lakuni fil-qafas propost ta’ regoli, l-obbligu ta’ rappurtar jenħtieġ li jiġi impost fuq l-atturi kollha li huma normalment involuti fit-tfassil, il-kummerċjalizzazzjoni, l-organizzazzjoni jew il-ġestjoni tal-implimentazzjoni ta’ tranżazzjoni transkonfinali rapportabbli jew sensiela ta’ tali tranżazzjonijiet, kif ukoll fuq dawk li jipprovdu assistenza jew parir. Lanqas ma għandu jiġi injorat li, f’ċerti każijiet, l-obbligu ta’ rappurtar ma jkunx infurzabbli fuq intermedjarju minħabba privileġġ professjonali legali jew fejn ma jkunx hemm intermedjarju minħabba li, pereżempju, il-kontribwent ifassal u jimplimenta skema interna. F’dawn iċ-ċirkostanzi, ikun għaldaqstant kruċjali li l-awtoritajiet tat-taxxa ma jitilfux l-opportunità li jirċievu informazzjoni dwar arranġamenti relatati mat-taxxa li huma potenzjalment konnessi ma’ ppjanar aggressiv tat-taxxa. F’tali każijiet, ikun għalhekk meħtieġ li l-obbligu ta’ rappurtar jiġi trasferit lill-kontribwent li jibbenefika mill-arranġament.

(9)      L-arranġamenti ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa evolvew matul is-snin u saru dejjem aktar kumplessi u huma dejjem soġġetti għal modifiki u aġġustamenti kostanti bħala reazzjoni għall-kontromiżuri difensivi mill-awtoritajiet tat-taxxa. Meta jiġi kkunsidrat dan kollu, ikun aktar effettiv li wieħed jipprova jindividwa arranġamenti ta’ ppjanar potenzjalment aggressiv tat-taxxa bil-kompilazzjoni ta’ lista ta’ karatteristiċi u elementi ta’ tranżazzjonijiet li jippreżentaw indikazzjoni qawwija ta’ evitar jew ta’ abbuż tat-taxxa pjuttost milli wieħed jiddefinixxi l-kunċett ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa. Dawk l-indikazzjonijiet jissejħu ‘karatteristiċi distintivi’.

[…]

(18)      Din id-Direttiva tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti b’mod partikolari mill-Karta […].”

 IdDirettiva 2011/16 kif emendata

5        L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, intitolat “Definizzjonijiet”, jipprovdi:

“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

1.      ‘awtorità kompetenti’ ta’ Stat Membru tfisser l-awtorità li nħatret bħala tali minn dak l-Istat Membru. Meta jaġixxi skont din id-Direttiva, l-uffiċċju ċentrali ta’ kollegament, dipartiment ta’ kollegament jew uffiċjal kompetenti għandhom jitqiesu wkoll bħala awtoritajiet kompetenti permezz ta’ delega skont l-Artikolu 4;

[…]

18.      ‘arranġament transkonfinali’ tfisser arranġament li jikkonċerna jew aktar minn Stat Membru wieħed jew xi Stat Membru u pajjiż terz fejn tal-inqas tkun issodisfata waħda mill-kondizzjonijiet li ġejjin:

(a)      mhux il-parteċipanti kollha fl-arranġament ikunu residenti għal finijiet tat-taxxa fl-istess ġurisdizzjoni;

(b)      wieħed jew aktar mill-parteċipanti fl-arranġament ikunu simultanjament residenti għal finijiet tat-taxxa f’aktar minn ġurisdizzjoni waħda;

(c)      wieħed jew aktar mill-parteċipanti fl-arranġament imexxu negozju f’ġurisdizzjoni oħra permezz ta’ stabbiliment permanenti li jkun jinsab f’dik il-ġurisdizzjoni u l-arranġament ikun jifforma parti jew it-totalità tan-negozju ta’ dak l-istabbiliment permanenti;

(d)      wieħed jew aktar mill-parteċipanti fl-arranġament iwettqu attività f’ġurisdizzjoni oħra mingħajr ma jkunu residenti għal finijiet ta’ taxxa jew mingħajr ma joħolqu stabbiliment permanenti f’dik il-ġurisdizzjoni;

(e)      tali arranġament ikollu impatt possibbli fuq l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni jew l-identifikazzjoni ta’ sjieda benefiċjarja.

[…]

19.      ‘arranġament transkonfinali rapportabbli’ tfisser kwalunkwe arranġament transkonfinali li jinkludi tal-inqas waħda mill-karatteristiċi distintivi stipulati fl-Anness IV.

20.      ‘karatteristika distintiva’ tfisser karatteristika jew element ta’ arranġament transkonfinali li jippreżentaw indikazzjoni ta’ riskju potenzjali ta’ evitar tat-taxxa, kif elenkat fl-Anness IV.

21.      ‘intermedjarju’ tfisser kwalunkwe persuna li tfassal, tikkummerċjalizza, torganizza jew tagħmel disponibbli għall-implimentazzjoni jew tiġġestixxi l-implimentazzjoni ta’ arranġament transkonfinali rapportabbli.

Tfisser ukoll kwalunkwe persuna li, fid-dawl tal-fatti u taċ-ċirkostanzi rilevanti u fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli u l-għarfien espert u l-fehim rilevanti meħtieġa għall-forniment ta’ tali servizzi, tkun taf, jew tista’ tkun raġonevolment mistennija li tkun taf li hija impenjat ruħha li tipprovdi, direttament jew permezz ta’ persuni oħra, għajnuna, assistenza jew pariri rigward it-tfassil, il-kummerċjalizzazzjoni, l-organizzazzjoni, it-tqegħid għad-disponibbiltà għall-implimentazzjoni jew rigward il-ġestjoni tal-implimentazzjoni ta’ arranġament transkonfinali rapportabbli. Kwalunkwe persuna għandu jkollha d-dritt li tipprovdi evidenza li tali persuna ma kinitx taf u ma setgħetx tkun raġonevolment mistennija li tkun taf li dik il-persuna kienet involuta f’arranġament transkonfinali rapportabbli. Għal dan il-fini, dik il-persuna tista’ tirreferi għall-fatti u ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha kif ukoll għall-informazzjoni disponibbli u l-għarfien espert u l-fehim rilevanti tagħhom.

Sabiex tkun intermedjarju, persuna għandha tissodisfa tal-inqas waħda mill-kondizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)      tkun residenti għal finijiet tat-taxxa fi Stat Membru;

(b)      ikollha stabbiliment permanenti fi Stat Membru li permezz tiegħu jiġu pprovduti s-servizzi fir-rigward tal-arranġament;

(c)      tkun inkorporata fi Stat Membru jew regolata mil-liġijiet tiegħu;

(d)      tkun irreġistrata ma’ assoċjazzjoni professjonali relatata ma’ servizzi legali, ta’ tassazzjoni jew ta’ konsulenza fi Stat Membru.

22.      ‘kontribwent rilevanti’ tfisser kwalunkwe persuna li jkun tqegħdilha għad-dispożizzjoni tagħha arranġament transkonfinali rapportabbli għall-implimentazzjoni, jew li hija lesta li timplimenta arranġament transkonfinali rapportabbli jew tkun implimentat l-ewwel pass ta’ tali arranġament.

[…]

24.      ‘arranġament kummerċjabbli’ tfisser arranġament transkonfinali li jkun imfassal, kummerċjalizzat, lest għall-implimentazzjoni jew disponibbli għall-implimentazzjoni mingħajr il-ħtieġa li jiġi personalizzat b’mod sostanzjali.

25.      ‘arranġament imfassal għal għan speċifiku’ tfisser kwalunkwe arranġament transkonfinali li mhuwiex arranġament kummerċjabbli.”

6        L-Artikolu 8ab tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, intitolat “Kamp ta’ applikazzjoni u kondizzjonijiet għall-iskambju awtomatiku obbligatorju ta’ informazzjoni dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli”, iddaħħal permezz tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2018/822 u jipprovdi:

“1. Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li intermedjarji jippreżentaw informazzjoni li jkollhom għarfien tagħha, jew tkun fil-pussess tagħhom jew taħt il-kontroll tagħhom dwar arranġamenti transkonfinali rapportabbli lill-awtoritajiet kompetenti fi żmien 30 jum minn:

(a)      il-jum wara li l-arranġament transkonfinali rapportabbli jkun sar disponibbli għall-implimentazzjoni; jew

(b)      il-jum wara li l-arranġament transkonfinali rapportabbli jkun lest għall-implimentazzjoni; jew

(c)      meta jkun sar l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-arranġament transkonfinali rapportabbli,

skont liem minn dawn iseħħ l-ewwel.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-intermedjarji msemmijin fit-tieni paragrafu tal-punt 21 tal-Artikolu 3 għandhom ukoll ikunu meħtieġa jippreżentaw informazzjoni fi żmien 30 jum mill-jum wara li jingħataw, direttament jew permezz ta’ persuni oħrajn, għajnuna, assistenza jew pariri.

2.      Fil-każ ta’ arranġamenti kummerċjabbli, l-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedu li jsir rapport perjodiku mill-intermedjarju kull 3 xhur li jagħti aġġornament li jkun fih informazzjoni rapportabbli ġdida kif imsemmi fil-punti (a), (d), (g) u (h) tal-paragrafu 14, li tkun saret disponibbli minn mindu ġie ppreżentat l-aħħar rapport.

[…]

5.      Kull Stat Membru għandu jieħu [jista’ jieħu] l-miżuri meħtieġa biex jagħti lill-intermedjarji d-dritt ta’ rinunzja mill-preżentazzjoni tal-informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli fejn l-obbligu ta’ rappurtar jikser il-privileġġ professjonali legali skont il-liġi nazzjonali ta’ dak l-Istat Membru. F’tali ċirkostanzi, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi lill-intermedjarji jinnotifikaw [jikkomunikaw], mingħajr dewmien, kwalunkwe intermedjarju ieħor jew, jekk ma jkun hemm ebda tali intermedjarju, lill-kontribwent rilevanti dwar l-obbligi tagħhom ta’ rappurtar taħt il-paragrafu 6.

L-intermedjarji jistgħu jkunu intitolati għal rinunzja taħt l-ewwel subparagrafu biss sa fejn huma jkunu joperaw fil-limiti tal-liġijiet nazzjonali rilevanti li jiddefinixxu l-professjonijiet tagħhom.

6.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li, fejn ma jkun hemm ebda intermedjarju jew l-intermedjarju jinnotifika lill-kontribwent rilevanti jew intermedjarju ieħor dwar l-applikazzjoni ta’ rinunzja taħt il-paragrafu 5, l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli jkun tal-intermedjarju notifikat l-ieħor, jew, jekk ma jkun hemm ebda tali intermedjarju, tal-kontribwent rilevanti.

[…]

9.      Kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa biex jirrikjedi li, fejn ikun hemm aktar minn intermedjarju wieħed, l-obbligu li tiġi ppreżentata informazzjoni dwar l-arranġament transkonfinali rapportabbli jkun tal-intermedjarji kollha involuti fl-istess arranġament transkonfinali rapportabbli.

Intermedjarju għandu jiġi eżentat milli jippreżenta l-informazzjoni biss sa fejn ikollu prova, skont il-liġi nazzjonali, li l-istess informazzjoni msemmija fil-paragrafu 14 tkun diġà ġiet ippreżentata minn intermedjarju ieħor.

[…]

13.      L-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru fejn ġiet ippreżentata l-informazzjoni skont il-paragrafi 1 sa 12 […] għandha […] tikkomunika l-informazzjoni speċifikata fil-paragrafu 14 […] lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra kollha […]

14.      L-informazzjoni li trid tiġi kkomunikata mill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru taħt il-paragrafu 13 għandha tinkludi dan li ġej, kif applikabbli:

(a)      l-identifikazzjoni ta’ intermedjarji u kontribwenti rilevanti, inklużi isimhom, id-data u l-post tat-twelid tagħhom (fil-każ ta’ individwu), ir-residenza tagħhom għal finijiet ta’ taxxa, it-TIN tagħhom u, fejn xieraq, il-persuni li huma intrapriżi assoċjati għall-kontribwent rilevanti;

(b)      id-dettalji tal-karatteristiċi distintivi stipulati fl-Anness IV li permezz tagħhom l-arranġamenti transkonfinali jkun rapportabbli;

(c)      ġabra fil-qosor tal-kontenut tal-arranġament transkonfinali rapportabbli, inkluża referenza għall-isem li bih ġeneralment ikun magħruf, jekk ikun hemm, u deskrizzjoni f’termini astratti tal-attivitajiet jew l-arranġamenti ta’ negozju rilevanti, mingħajr ma jiġi żvelat xi sigriet kummerċjali, industrijali jew professjonali, jew xi proċess kummerċjali, jew xi informazzjoni li l-iżvelar tagħha jmur kontra l-ordni pubbliku;

(d)      id-data li fiha jkun sar jew ikun ser isir l-ewwel pass fl-implimentazzjoni tal-arranġament transkonfinali rapportabbli;

(e)      dettalji tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jifformaw il-bażi tal-arranġament transkonfinali rapportabbli;

(f)      il-valur tal-arranġament transkonfinali rapportabbli;

(g)      l-identifikazzjoni tal-Istat Membru tal-kontribwent(i) rilevanti u kwalunkwe Stat Membru ieħor li x’aktarx ikun ikkonċernat mill-arranġament transkonfinali rapportabbli;

(h)      l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe persuna oħra fl-Istat Membru li x’aktarx tintlaqat mill-arranġament transkonfinali rapportabbli, fejn għandu jiġi indikat ma’ liema Stati Membri hi marbuta tali persuna.

[…]”

 Iddritt Belġjan

7        Id-decreet betreffende de administratieve samenwerking op het gebied van belastingen (id-Digriet dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva fil-Qasam Fiskali), tal‑21 ta’ Ġunju 2013 (Belgisch Staatsblad, 26 ta’ Ġunju 2013, p. 40587, iktar ’il quddiem id-“Digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013”), jittrasponi d-Direttiva 2011/16 fir-Reġjun ta’ Vlaanderen (il-Belġju).

8        Dan id-digriet kien emendat bid-decreet tot wijziging van het decreet van 21 juni 2013, wat betreft de verplichte automatische uitwisseling van inlichtingen op belastinggebied met betrekking tot meldingsplichtige grensoverschrijdende constructies (id-Digriet li Jemenda d-Digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013, għal dak li Jirrigwarda l-Iskambju Awtomatiku u Obbligatorju ta’ Informazzjoni fil-Qasam Fiskali fir-Rigward tal-Arranġamenti Transkonfinali Rapportabbli), tas‑26 ta’ Ġunju 2020 (Belgisch Staatsblad, 3 ta’ Lulju 2020, p. 49170, iktar ’il quddiem id-“Digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020”), li jittrasponi d-Direttiva 2018/822.

9        Is-Subtaqsima 2 tat-Taqsima 2 tal-Kapitolu 2 tad-Digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013 tirregola l-obbligu, għall-intermedjarji jew għall-persuni taxxabbli kkonċernati, li jibagħtu informazzjoni dwar l-arranġamenti fiskali transkonfinali rapportabbli.

10      L-Artikolu 11/6 ta’ din is-subtaqsima, kif miżjud fid-Digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013 permezz tal-Artikolu 14 tad-Digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, jiddefinixxi r-relazzjoni bejn l-obbligu ta’ rapportar u s-sigriet professjonali li ċerti intermedjarji huma marbutin bih. Huwa jittrasponi l-Artikolu 8ab(5) u (6) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata. Il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 11/6 jipprovdi:

“Meta intermedjarju huwa marbut b’sigriet professjonali, huwa għandu:

1°      jinforma lill-intermedjarju jew intermedjarji l-oħra bil-miktub u b’mod motivat li huwa ma jistax jissodisfa l-obbligu ta’ rapportar, u b’hekk jittrasferixxi dan l-obbligu ta’ rapportar awtomatikament fuq l-intermedjarju jew intermedjarji l-oħra;

2°      fl-assenza ta’ intermedjarju ieħor, jinforma lill-persuna jew persuni taxxabbli kkonċernati dwar l-obbligu ta’ rapportar tagħha jew tagħhom bil-miktub u b’mod motivat.

L-eżenzjoni mill-obbligu ta’ rapportar tieħu effett biss fil-mument li fih intermedjarju jissodisfa l-obbligu previst [fl-ewwel subparagrafu].”

11      L-Artikolu 11/7 tad-Digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013, kif miżjud f’dan id-digriet bl-Artikolu 15 tad-Digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, jipprovdi:

“[…] jekk l-intermedjarju jinforma lill-persuna taxxabbli kkonċernata jew lil intermedjarju ieħor bl-applikazzjoni ta’ eżenzjoni skont il-punt 1 [tal-paragrafu 1] tal-Artikolu 11/6, l-obbligu li tiġi pprovduta informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli jaqa’ fuq l-intermedjarju l-ieħor li ġie informat, jew fl-assenza ta’ dan, fuq il-persuna taxxabbli kkonċernata.”

 Ittilwima filkawża prinċipali u ddomanda preliminari

12      Permezz ta’ rikorsi tal‑31 ta’ Awwissu u tal‑1 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ppreżentaw quddiem il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali, il-Belġju), li hija l-qorti tar-rinviju, rikors intiż għas-sospensjoni tad-Digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020 kif ukoll għall-annullament totali jew parzjali tiegħu.

13      Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jikkontestaw, b’mod partikolari, l-obbligu, previst fil-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11/6(1) tad-Digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013, li ddaħħal f’dan id-digriet permezz tal-Artikolu 14 tad-Digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, li jimponi fuq l-avukat li jaġixxi bħala intermedjarju, meta jkun marbut bis-sigriet professjonali, li jinforma lill-intermedjarji kkonċernati l-oħra bil-miktub u b’mod motivat li huwa ma jistax jissodisfa l-obbligu ta’ rapportar tiegħu. Skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, huwa impossibbli li dan l-obbligu ta’ informazzjoni jiġi ssodisfatt mingħajr ma jinkiser is-sigriet professjonali li bih huma marbuta l-avukati. Barra minn hekk, l-imsemmi obbligu ta’ informazzjoni ma huwiex neċessarju sabiex jiġi ggarantit li l-arranġamenti transkonfinali jiġu rrapportati peress li l-klijent, assistit jew le mill-avukat, jista’ jinforma huwa stess lill-intermedjarji l-oħra u jitlobhom jissodisfaw l-obbligu ta’ rapportar tagħhom.

14      Il-qorti tar-rinviju tirrileva li l-informazzjoni li l-avukati għandhom jibagħtu lill-awtorità kompetenti f’dak li jikkonċerna l-klijenti tagħhom hija protetta bis-sigriet professjonali jekk din l-informazzjoni tirrigwarda attivitajiet li jaqgħu taħt id-dmirijiet speċifiċi tagħhom ta’ difiża jew ta’ rappreżentanza legali jew ta’ konsulenza legali. Hija tosserva li s-sempliċi fatt li jintuża avukat huwa kopert bis-sigriet professjonali u li dan japplika, a fortiori, bl-istess mod fir-rigward tal-identità tal-klijent ta’ avukat. L-informazzjoni protetta bis-sigriet professjonali fir-rigward tal-awtoritajiet pubbliċi hija wkoll protetta fir-rigward ta’ atturi oħra, bħalma huma intermedjarji oħra.

15      Il-qorti tar-rinviju tindika li, skont ix-xogħlijiet preparatorji tad-Digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, l-obbligu għal intermedjarju li jinforma lill-intermedjarji l-oħra b’mod motivat li huwa suġġett għas-sigriet professjonali u li għalhekk ma huwiex ser jissodisfa l-obbligu ta’ rapportar huwa meħtieġ sabiex jiġu ssodisfatti r-rekwiżiti tad-Direttiva 2018/822 u sabiex jiġi żgurat li s-sigriet professjonali ma jipprekludix ir-rapporti neċessarji.

16      Dik il-qorti tikkonstata li r-rikorsi fil-kawża prinċipali jqajmu għalhekk il-kwistjoni tal-validità tad-Direttiva 2018/822, sa fejn introduċiet tali obbligu. Għaldaqstant, sabiex tkun tista’ tittieħed deċiżjoni definittiva dwar dawn ir-rikorsi, huwa neċessarju li qabel tiġi deċiża din il-kwistjoni.

17      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Grondwettelijk Hof (il-Qorti Kostituzzjonali), minn naħa, ordnat is-sospensjoni, b’mod partikolari, tal-punt 1 tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 11/6(1) tad-Digriet tal‑21 ta’ Ġunju 2013, kif introdott permezz tal-Artikolu 14 tad-Digriet tas‑26 ta’ Ġunju 2020, sa fejn din id-dispożizzjoni timponi fuq l-avukat li jaġixxi bħala intermedjarju obbligu ta’ informazzjoni fil-konfront ta’ intermedjarju ieħor li ma huwiex il-klijent tiegħu, u dan sad-data tal-pubblikazzjoni tas-sentenza li tiddeċiedi fuq l-imsemmija rikorsi. Min-naħa l-oħra, dik il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel id-domanda preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“Il-punt 2 tal-Artikolu 1 tad-[Direttiva 2018/822] jikser id-dritt għal smigħ xieraq iggarantit mill-Artikolu 47 tal-[Karta] u d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata ggarantit mill-Artikolu 7 tal-[Karta], sa fejn l-Artikolu 8ab(5) il-ġdid li huwa daħħal fid-[Direttiva 2011/16], jipprevedi li, jekk Stat Membru jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jagħti lill-intermedjarji d-dritt li jiġu eżentati mill-obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar arranġament transkonfinali li għandu jkun is-suġġett ta’ dikjarazzjoni meta l-obbligu ta’ dikjarazzjoni jikser is-sigriet professjonali applikabbli skont id-dritt nazzjonali tal-imsemmi Stat Membru, dan l-Istat Membru għandu jobbliga lill-imsemmija intermedjarji li jinnotifikaw mingħajr dewmien lil kull intermedjarju ieħor jew, fejn ma jkunx hemm tali intermedjarju, lill-persuna taxxabbli rilevanti, bl-obbligi ta’ dikjarazzjoni tiegħu, sa fejn dan l-obbligu għandu bħala effett li avukat li jaġixxi bħala intermedjarju jkun obbligat li jaqsam ma’ intermedjarju ieħor li ma jkunx il-klijent tiegħu l-informazzjoni li huwa jikseb fl-eżerċizzju tal-attivitajiet essenzjali tal-professjoni tiegħu, jiġifieri d-difiża jew ir-rappreżentanza legali tal-klijent u l-għoti ta’ pariri legali, anki fl-assenza ta’ kwalunkwe proċedura ġudizzjarja?”

 Fuq iddomanda preliminari

18      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li għalkemm id-domanda magħmula tagħmel riferiment għall-obbligu ta’ komunikazzjoni, previst fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, kemm fir-rigward tal-intermedjarji kif ukoll, fl-assenza ta’ intermedjarju, fir-rigward tal-persuna taxxabbli kkonċernata, minn qari tat-talba għal deċiżjoni preliminari fl-intier tagħha madankollu jirriżulta li l-qorti tar-rinviju, fir-realtà, għandha dubju biss dwar il-validità ta’ dan l-obbligu sa fejn il-komunikazzjoni għandha ssir, minn avukat li jaġixxi bħala intermedjarju, fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva (iktar ’il quddiem l-“avukat intermedjarju”), lil intermedjarju ieħor li ma jkunx il-klijent tiegħu.

19      Fil-fatt, meta l-komunikazzjoni prevista fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata ssir mill-avukat intermedjarju lill-klijent tiegħu, kemm jekk dan tal-aħħar ikun intermedjarju ieħor jew il-persuna taxxabbli kkonċernata, din il-komunikazzjoni ma tistax iddaħħal inkwistjoni r-rispett tad-drittijiet u tal-libertajiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, minn naħa, minħabba l-assenza ta’ kwalunkwe obbligu ta’ sigriet professjonali tal-avukat intermedjarju fil-konfront tal-klijent tiegħu u, min-naħa l-oħra, minħabba l-fatt li, fl-istadju tal-eżekuzzjoni minn dan il-klijent tal-obbligi ta’ rapportar tiegħu taħt din id-direttiva, il-kunfidenzjalità tar-relazzjoni bejn l-avukat intermedjarju u l-imsemmi klijent tipprekludi li dan tal-aħħar ikun jista’ jintalab jiżvela lil terzi u, b’mod partikolari, lill-amministrazzjoni fiskali, l-eżistenza tal-konsultazzjoni tiegħu ma’ avukat.

20      Għalhekk, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li, permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina l-validità, fid-dawl tal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, tal-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata sa fejn l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri għandha l-effett li timponi fuq l-avukat li jaġixxi bħala intermedjarju, fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta dan ikun eżentat mill-obbligu ta’ rapportar, previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 8ab tal-imsemmija direttiva, minħabba s-sigriet professjonali li huwa marbut bih, l-obbligu li jikkomunika mingħajr dewmien lil kull intermedjarju ieħor li ma jkunx il-klijent tiegħu l-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuqu skont il-paragrafu 6 tal-imsemmi Artikolu 8ab.

21      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-intermedjarji jkunu obbligati jgħaddu lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni li jkollhom għarfien tagħha jew li tkun fil-pussess jew taħt il-kontroll tagħhom dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli f’terminu ta’ tletin jum. L-obbligu ta’ rapportar previst f’din id-dispożizzjoni japplika għall-arranġamenti transkonfinali rapportabbli kollha u, għalhekk, kemm għall- arranġamenti imfassla għal għan speċifiku, iddefiniti fil-punt 25 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, u kemm għall-arranġamenti kummerċjabbli, iddefiniti fil-punt 24 ta’ dan l-Artikolu 3.

22      Għandu jiġi kkonstatat li, fl-eżerċizzju tal-attivitajiet tagħhom, l-avukati jistgħu jkunu “intermedjarji” fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, minħabba l-fatt li huma jistgħu jipprattikaw huma stess attivitajiet ta’ tfassil, ta’ kummerċjalizzazzjoni, ta’ organizzazzjoni, ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni għall-finijiet ta’ implimentazzjoni jew ta’ ġestjoni ta’ implimentazzjoni ta’ arranġamenti transkonfinali rapportabbli jew, fin-nuqqas ta’ dan, minħabba l-fatt li jistgħu jagħtu assistenza, għajnuna jew konsulenza fir-rigward ta’ tali attivitajiet. B’hekk, bħala prinċipju, l-avukati li jeżerċitaw tali attivitajiet huma suġġetti għall-obbligu ta’ rapportar previst fl-Artikolu 8ab(1) ta’ din id-direttiva.

23      Madankollu, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, kull Stat Membru jista’ jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex jagħti lill-intermedjarji, u b’mod partikolari lill-avukati intermedjarji, eżenzjoni mill-obbligu li jipprovdu informazzjoni dwar arranġament transkonfinali rapportabbli meta l-obbligu ta’ rapportar imur kontra s-sigriet professjonali applikabbli taħt id-dritt tal-imsemmi Stat Membru. F’tali każ, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex l-intermedjarji jkunu meħtieġa jikkomunikaw mingħajr dewmien lil kull intermedjarju ieħor, jew, fl-assenza ta’ tali intermedjarju, lill-persuna taxxabbli kkonċernata, l-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuqhom taħt il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu. Dan il-paragrafu jipprevedi li, f’tali każ, l-obbligu ta’ rapportar jaqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-intermedjarju l-ieħor li jkun irċieva l-komunikazzjoni, jew, fl-assenza ta’ tali intermedjarju, tal-persuna taxxabbli kkonċernata.

24      Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li, skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, l-intermedjarji ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan l-artikolu ħlief sa fejn jaġixxu fil-limiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li tiddefinixxi l-professjoni tagħhom, punt dan li, jekk ikun il-każ, għandu jiġi vverifikat mill-qrati nazzjonali fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Għaldaqstant, huwa biss fir-rigward tal-avukati intermedjarji li jaġixxu effettivament f’tali limiti li għandha tiġi eżaminata l-validità tal-Artikolu 8ab(5) ta’ din id-direttiva fid-dawl tal-Artikoli 7 u 47 tal-Karta.

25      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 7 tal-Karta, li jirrikonoxxi lil kull persuna d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja tagħha, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha, jikkorrispondi għall-Artikolu 8(1) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950 (iktar ’il quddiem il-“KEDB”), filwaqt li l-Artikolu 47, li jiggarantixxi d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, jikkorrispondi għall-Artikolu 6(1) tal-KEDB.

26      Konformement mal-Artikolu 52(3) tal-Karta, li huwa intiż li jiżgura l-koerenza neċessarja bejn id-drittijiet inklużi fiha u d-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-KEDB mingħajr ma tiġi ppreġudikata l-awtonomija tad-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha għalhekk tieħu inkunsiderazzjoni, fl-interpretazzjoni li hija tagħti fir-rigward tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikoli 7 u 47 tal-Karta, id-drittijiet korrispondenti ggarantiti mill-Artikolu 8(1) u mill-Artikolu 6(1) tal-KEDB, kif interpretati mill-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem (iktar ’il quddiem il-“Qorti EDB”), bħala livell minimu ta’ protezzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Frar 2021, Consob, C‑481/19, EU:C:2021:84, punti 36 u 37).

27      Fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta, mill-ġurisprudenza tal-Qorti EDB jirriżulta li l-Artikolu 8(1) tal-KEDB jipproteġi l-kunfidenzjalità ta’ kull korrispondenza bejn individwi u jagħti protezzjoni msaħħa lill-iskambji bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom (ara, f’dan is-sens, Qorti EDB, sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Michaud vs Franza, CE:ECHR:2012:1206JUD001232311, punti 117 u 118). Bħal din id-dispożizzjoni, li l-protezzjoni tagħha ma tkoprix biss l-attività ta’ difiża iżda wkoll il-konsulenza legali, l-Artikolu 7 tal-Karta jiggarantixxi neċessarjament is-sigriet ta’ din il-konsulenza legali, u dan kemm fir-rigward tal-kontenut tagħha kif ukoll fir-rigward tal-eżistenza tagħha. Fil-fatt, kif irrilevat il-Qorti EDB, il-persuni li jikkonsultaw avukat jistgħu raġonevolment ikollhom l-aspettattiva li l-komunikazzjonijiet tagħhom ser jibqgħu privati u kunfidenzjali (Qorti EDB, sentenza tad‑9 ta’ April 2019, Altay vs It-Turkija (Nru 2), CE:ECHR:2019:0409JUD001123609, punt 49). Għaldaqstant, ħlief għal sitwazzjonijiet eċċezzjonali, dawn il-persuni għandhom ikunu jistgħu leġittimament ikollhom fiduċja fil-fatt li l-avukat tagħhom ma huwa ser jiżvela lil ħadd, mingħajr il-kunsens tagħhom, li huma kienu kkonsultawh.

28      Il-protezzjoni speċifika li l-Artikolu 7 tal-Karta u l-Artikolu 8(1) tal-KEDB jagħtu lis-sigriet professjonali tal-avukati, li jimplika fuq kollox obbligi li jaqgħu fuq l-avukati, hija ġġustifikata mill-fatt li l-avukati għandhom funzjoni fundamentali f’soċjetà demokratika, jiġifieri d-difiża tal-individwi (Qorti EDB, sentenza tas‑6 ta’ Diċembru 2012, Michaud vs Franza, CE:ECHR:2012:1206JUD001232311, punti 118 u 119). Din il-funzjoni fundamentali timplika, minn naħa, ir-rekwiżit, li l-importanza tiegħu hija rrikonoxxuta fl-Istati Membri kollha, li kull individwu għandu jkollu l-possibbiltà li jikkonsulta bil-libertà kollha l-avukat tiegħu, li l-professjoni stess tiegħu tinkludi, fl-essenza tagħha, il-kompitu li jagħti, b’mod indipendenti, pariri legali lil dawk kollha li jeħtiġuhom u, min-naħa l-oħra, ir-rekwiżit korrelattiv ta’ lealtà min-naħa tal-avukat fil-konfront tal-klijent tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Mejju 1982, AM & S Europe vs Il‑Kummissjoni, 155/79, EU:C:1982:157, punt 18).

29      Issa, l-obbligu li jipprevedi l-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata għall-avukat intermedjarju meta, minħabba s-sigriet professjonali li huwa marbut bih taħt id-dritt nazzjonali, ikun eżentat mill-obbligu ta’ rapportar, previst fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu 8ab, li jikkomunika mingħajr dewmien lill-intermedjarji l-oħra li ma humiex il-klijenti tiegħu bl-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuqhom skont il-paragrafu 6 tal-imsemmi Artikolu 8ab, jimplika neċessarjament il-konsegwenza li dawn l-intermedjarji l-oħra jiksbu għarfien dwar l-identità tal-avukat intermedjarju li jkun qiegħed jagħmel il-komunikazzjoni, dwar l-evalwazzjoni tiegħu fis-sens li l-arranġament inkwistjoni huwa rapportabbli kif ukoll dwar il-fatt li huwa ġie kkonsultat dwar dan is-suġġett.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi u sa fejn dawn l-intermedjarji l-oħra ma jkollhomx neċessarjament għarfien tal-identità tal-avukat intermedjarju u tal-fatt li huwa ġie kkonsultat dwar l-arranġament transkonfinali rapportabbli, l-obbligu ta’ komunikazzjoni, previst fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, jimplika ndħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

31      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni jwassal, indirettament, għal indħil ieħor f’dan l-istess dritt, li jirriżulta mill-iżvelar, mit-terzi intermedjarji li jkunu rċevew din il-komunikazzjoni, lill-amministrazzjoni fiskali tal-identità u tal-konsultazzjoni tal-avukat intermedjarju.

32      Fil-fatt, mill-Artikolu 8ab(1), (9), (13) u (14) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata jirriżulta li l-identifikazzjoni tal-intermedjarji tinsab fost l-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta fl-eżekuzzjoni tal-obbligu ta’ rapportar, fejn din l-identifikazzjoni hija s-suġġett ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri. Għaldaqstant, fil-każ ta’ komunikazzjoni skont l-Artikolu 8ab(5) ta’ din id-direttiva, it-terzi intermedjarji li jkunu rċevew din il-komunikazzjoni, hekk informati dwar l-identità tal-avukat intermedjarju u dwar il-konsultazzjoni tiegħu dwar l-arranġament transkonfinali rapportabbli li ma jkunux huma stess marbuta bis-sigriet professjonali, ser ikollhom jinformaw lill-awtoritajiet kompetenti, imsemmija fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva, mhux biss bl-eżistenza ta’ dan l-arranġament u bl-identità tal-persuna jew tal-persuni taxxabbli kkonċernati, iżda wkoll bl-identità u bil-konsultazzjoni tal-avukat intermedjarju.

33      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk dawn il-każijiet ta’ ndħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, jistgħux jiġu ġġustifikati.

34      F’dan il-kuntest, għandu jitfakkar li d-drittijiet stabbiliti fl-Artikolu 7 tal-Karta ma jidhrux li huma prerogattivi assoluti, iżda għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fir-rigward tal-funzjoni tagħhom fis-soċjetà. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 52(1) tal-Karta, din taċċetta limitazzjonijiet għall-eżerċizzju ta’ dawn id-drittijiet, kemm-il darba dawn il-limitazzjonijiet ikunu previsti fil-liġi, jirrispettaw il-kontenut essenzjali tal-imsemmija drittijiet u, b’osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, ikunu neċessarji u effettivament jissodisfaw għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni Ewropea jew il-ħtieġa li jiġu protetti d-drittijiet u l-libertajiet ta’ ħaddieħor (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, Privacy International, C‑623/17, EU:C:2020:790, punti 63 u 64).

35      Fl-ewwel lok, fir-rigward tar-rekwiżit li kull limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali għandha tkun prevista fil-liġi, dan ir-rekwiżit jimplika li l-att li jippermetti l-indħil f’dawn id-drittijiet għandu jiddefinixxi huwa stess il-portata tal-limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-dritt ikkonċernat, filwaqt li għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li dan ir-rekwiżit ma jeskludix li l-limitazzjoni inkwistjoni tkun ifformulata f’termini suffiċjentement miftuħin sabiex tkun tista’ tiġi adattata għal każijiet differenti kif ukoll għall-bidliet fis-sitwazzjonijiet. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, jekk ikun il-każ, tispeċifika, permezz ta’ interpretazzjoni, il-portata konkreta tal-limitazzjoni fir-rigward kemm tat-termini stess tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni kif ukoll tal-istruttura ġenerali tagħha u tal-għanijiet imfittxija minnha, kif interpretati fid-dawl tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta (sentenza tal‑21 ta’ Ġunju 2022, Ligue des droits humains, C‑817/19, EU:C:2022:491, punt 114 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, il-paragrafu 5 tal-Artikolu 8ab tad-Direttiva 2011/16 kif emendata jipprevedi espliċitament l-obbligu, għall-avukat intermedjarju eżentat mill-obbligu ta’ rapportar minħabba s-sigriet professjonali li huwa marbut bih, li jikkomunika lill-intermedjarji l-oħra l-obbligi ta’ rapportar li huma għandhom skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu. Min-naħa l-oħra, kif ġie kkonstatat fil-punti 29 u 30 ta’ din is-sentenza, l-indħil fid-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta, huwa l-konsegwenza diretta ta’ tali komunikazzjoni mill-avukat lil intermedjarju ieħor li ma huwiex il-klijent tiegħu, b’mod partikolari meta dan tal-aħħar, sal-mument ta’ din il-komunikazzjoni, ma kienx jaf bl-identità ta’ dan l-avukat u bil-konsultazzjoni tiegħu dwar l-arranġament transkonfinali rapportabbli.

37      Barra minn hekk, fir-rigward tal-indħil li jirriżulta indirettament mill-imsemmi obbligu ta’ komunikazzjoni minħabba l-iżvelar, mit-terzi intermedjarji li rċevew il-komunikazzjoni, tal-identità u tal-konsultazzjoni tal-avukat intermedjarju lill-amministrazzjoni fiskali, dan huwa dovut, kif ġie kkonstatat fil-punti 31 u 32 ta’ din is-sentenza, għall-portata tal-obbligi ta’ informazzjoni li jirriżultaw mill-Artikolu 8ab(1), (9), (13) u (14) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata.

38      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-prinċipju ta’ legalità huwa ssodisfatt.

39      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-osservanza tal-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, għandu jiġi rrilevat li l-obbligu ta’ komunikazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, iwassal biss b’mod limitat għat-tneħħija, fir-rigward ta’ terz intermedjarju u tal-amministrazzjoni fiskali, tal-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat intermedjarju u l-klijent tiegħu. B’mod partikolari, din id-dispożizzjoni ma tipprevedix l-obbligu, u lanqas l-awtorizzazzjoni, għall-avukat intermedjarju li jikkondividi, mingħajr il-kunsens tal-klijent tiegħu, informazzjoni dwar il-kontenut ta’ dawn il-komunikazzjonijiet ma’ intermedjarji oħra u għalhekk dawn tal-aħħar ma humiex ser ikunu f’pożizzjoni li jibagħtu tali informazzjoni lill-amministrazzjoni fiskali.

40      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ma jistax jitqies li l-obbligu ta’ komunikazzjoni, previst fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, jippreġudika l-kontenut essenzjali tad-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom, stabbilit fl-Artikolu 7 tal-Karta.

41      Fit-tielet lok, fir-rigward tal-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dan jeżiġi li l-limitazzjonijiet li jistgħu b’mod partikolari jiġu imposti minn atti tad-dritt tal-Unjoni għal drittijiet u libertajiet stabbiliti fil-Karta ma għandhomx jaqbżu l-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju sabiex jiġu ssodisfatti l-għanijiet leġittimi mfittxija jew il-ħtieġa ta’ protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet ta’ ħaddieħor, filwaqt li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel l-inqas waħda oneruża. Barra minn hekk, għan ta’ interess ġenerali ma jistax jiġi segwit mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li huwa għandu jkun irrikonċiljat mad-drittijiet fundamentali kkonċernati mill‑miżura, u dan billi jinstab bilanċ bejn, minn naħa, l-għan ta’ interess ġenerali u, min-naħa l‑oħra, id-drittijiet inkwistjoni, sabiex jiġi żgurat li l-inkonvenjenzi kkawżati minn din il-miżura ma jkunux sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa. B’hekk, il-possibbiltà li tiġi ġġustifikata limitazzjoni għad-drittijiet iggarantiti fl-Artikolu 7 tal-Karta għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-gravità tal-indħil ikkawżat minn tali limitazzjoni u filwaqt li jiġi vverifikat li l-importanza tal-għan ta’ interess ġenerali segwit minn din il-limitazzjoni hija proporzjonat ma’ din il-gravità (sentenzi tas‑26 ta’ April 2022, Il‑Polonja vs Il‑Parlament u Il‑Kunsill, C‑401/19, EU:C:2022:297, punt 65, kif ukoll tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers u Sovim, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 64).

42      Għaldaqstant, għandu jiġi vverifikat, qabelxejn, li l-obbligu ta’ komunikazzjoni, previst fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, jissodisfa għan ta’ interess ġenerali rrikonoxxut mill-Unjoni. Fl-affermattiv, ikollu mbagħad jiġi żgurat, l-ewwel, li dan l-obbligu huwa xieraq sabiex jintlaħaq dan l-għan, it-tieni, li l-indħil fid-dritt fundamentali għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukati u l-klijenti tagħhom li jista’ jirriżulta minn dan l-obbligu ta’ komunikazzjoni huwa limitat għal dak li huwa strettament neċessarju, fis-sens li l-għan imfittex ma jistax raġonevolment jintlaħaq b’mod daqstant effikaċi permezz ta’ mezzi oħra li huma inqas ta’ preġudizzju għal dan id-dritt, u, it-tielet, kemm-il darba dan ikun effettivament il-każ, li dan l-indħil ma huwiex sproporzjonat meta mqabbel mal-imsemmi għan, li jimplika b’mod partikolari bbilanċjar bejn l-importanza tiegħu u l-gravità tal-imsemmi ndħil (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2022, Luxembourg Business Registers u Sovim, C‑37/20 u C‑601/20, EU:C:2022:912, punt 66).

43      Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 88 tal-konklużjonijiet tiegħu, l-emenda introdotta fid-Direttiva 2011/16 bid-Direttiva 2018/822 tagħmel parti mill-kuntest ta’ kooperazzjoni fiskali internazzjonali fil-ġlieda kontra l-ippjanar tat-taxxa aggressiv, kooperazzjoni li hija espressa b’mod konkret permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni bejn Stati Membri. F’dan ir-rigward, b’mod partikolari mill-premessi 2, 4, 8 u 9 tad-Direttiva 2018/822 jirriżulta li l-obbligi ta’ rapportar u ta’ komunikazzjoni, stabbiliti bl-Artikolu 8ab tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, għandhom l-għan li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ evażjoni u ta’ frodi fiskali.

44      Issa, il-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv u l-prevenzjoni tar-riskju ta’ evażjoni u ta’ frodi fiskali jikkostitwixxu għanijiet ta’ interess ġenerali rrikonoxxuti mill-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 52(1) tal-Karta, li jistgħu jippermettu li ssir limitazzjoni għall-eżerċizzju tad-drittijiet iggarantiti mill-Artikolu 7 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Ottubru 2020, État luxembourgeois (Dritt għal azzjoni legali kontra talba għal informazzjoni fil-qasam fiskali), C‑245/19 u C‑246/19, EU:C:2020:795, punt 87).

45      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-obbligu ta’ komunikazzjoni, previst fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, huwiex xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-imsemmija għanijiet, il-Gvern Franċiż u l-Gvern Latvjan isostnu, essenzjalment, li tali komunikazzjoni tippermetti b’mod partikolari li l-intermedjarji l-oħra jsiru konxji tad-dmir tagħhom li jikkonformaw ruħhom mal-obbligu ta’ rapportar u b’hekk li jiġi evitat li dawn l-intermedjarji l-oħra ma jiġux informati bil-fatt li l-obbligu ta’ rapportar tal-arranġament transkonfinali jkun qiegħed jiġi ttrasferit fuqhom b’applikazzjoni tal-Artikolu 8ab(6) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata. B’hekk, skont dawn il-gvernijiet, fin-nuqqas ta’ obbligu ta’ komunikazzjoni għall-avukat intermedjarju, ikun hemm ir-riskju li l-arranġament transkonfinali ma jiġi rrapportat bl-ebda mod, bi ksur tal-għanijiet imfittxija minn din id-direttiva.

46      Issa, anki jekk jitqies li l-obbligu ta’ komunikazzjoni, stabbilit fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, huwa effettivament xieraq sabiex jikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv u għall-prevenzjoni tar-riskju ta’ evażjoni u ta’ frodi fiskali, għandu jiġi kkonstatat li dan l-obbligu, madankollu, ma jistax jitqies li huwa strettament neċessarju sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet u, b’mod partikolari, sabiex jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti.

47      Fil-fatt, fl-ewwel lok, l-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuq l-intermedjarji huma stabbiliti b’mod ċar fid-Direttiva 2011/16 kif emendata, b’mod partikolari fl-Artikolu 8ab(1) tagħha. Skont din id-dispożizzjoni, l-intermedjarji kollha huma, bħala prinċipju, obbligati jibagħtu lill-awtoritajiet kompetenti l-informazzjoni li jkollhom għarfien tagħha jew li tkun fil-pussess jew taħt il-kontroll tagħhom dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli. Barra minn hekk, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 8ab(9) ta’ din id-direttiva, kull Stat Membru għandu jieħu l-miżuri neċessarji sabiex jeżiġi li, meta jkun hemm iktar minn intermedjarju wieħed, l-obbligu li tintbagħat informazzjoni jaqa’ fuq l-intermedjarji kollha li jipparteċipaw fl-istess arranġament transkonfinali rapportabbli. B’hekk, l-ebda intermedjarju ma jista’ jsostni b’mod utli li huwa ma kienx jaf bl-obbligi ta’ rapportar li għalihom huwa direttament u individwalment suġġett, minħabba s-sempliċi fatt li għandu l-kwalità ta’ intermedjarju.

48      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-argument tal-Gvern Latvjan fis-sens li l-obbligu ta’ komunikazzjoni jnaqqas ir-riskju li l-intermedjarji l-oħra jibbażaw ruħhom fuq il-fatt li l-avukat intermedjarju ser jiddikjara l-informazzjoni meħtieġa lill-awtoritajiet kompetenti u li jastjenu għal din ir-raġuni milli jagħmlu rapport huma stess, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li, sa fejn il-konsultazzjoni ta’ avukat hija suġġetta għas-sigriet professjonali, l-intermedjarji l-oħra ma jkollhomx, kif ġie rrilevat fil-punt 30 ta’ din is-sentenza, neċessarjament għarfien tal-identità tal-avukat intermedjarju u tal-konsultazzjoni tiegħu dwar l-arranġament transkonfinali rapportabbli, ħaġa din li, f’tali każ, teskludi a fortiori tali riskju.

49      Min-naħa l-oħra, anki fil-każ kuntrarju li l-intermedjarji l-oħra jkollhom tali għarfien, ma hemmx lok li wieħed jibża’ li dawn ser iserrħu rashom, mingħajr verifika, li l-avukat intermedjarju ser jagħmel ir-rapportar meħtieġ, peress li t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 8ab(9) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata jispeċifika li intermedjarju huwa eżentat mill-obbligu li jibgħat informazzjoni fil-każ biss li jkun jista’ jipprova li din l-istess informazzjoni kienet diġà ntbagħtet minn intermedjarju ieħor. Barra minn hekk, billi tipprevedi espressament, fl-Artikolu 8ab(5) tagħha, li s-sigriet professjonali jista’ jwassal għal eżenzjoni mill-obbligu ta’ rapportar, id-Direttiva 2011/16 kif emendata tagħmel lill-avukat intermedjarju persuna li mingħandha l-intermedjarji l-oħra ma jistgħux, a priori, jistennew xi inizjattiva ta’ natura li teżentahom mill-obbligi ta’ rappportar tagħhom stess.

50      Fit-tielet lok, għandu jitfakkar li kull intermedjarju li, minħabba s-sigriet professjonali li huwa marbut bih taħt id-dritt nazzjonali, huwa eżentat mill-obbligu ta’ rapportar previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 8ab tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, jibqa’ madankollu obbligat li jikkomunika mingħajr dewmien lill-klijent tiegħu l-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuqu skont il-paragrafu 6 ta’ dan l-artikolu.

51      Fir-raba’ lok, fir-rigward tal-iżvelar, mit-terzi intermedjarji li jkunu rċevew il-komunikazzjoni, tal-identità u tal-konsultazzjoni tal-avukat intermedjarju lill-amministrazzjoni fiskali, dan l-iżvelar lanqas ma jidher strettament neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, jiġifieri l-ġlieda kontra l-ippjanar fiskali aggressiv u l-prevenzjoni tar-riskju ta’ evażjoni u ta’ frodi fiskali.

52      Fil-fatt, minn naħa, l-obbligu ta’ rapportar li jaqa’ fuq l-intermedjarji l-oħra li ma humiex suġġetti għas-sigriet professjonali u, fin-nuqqas ta’ tali intermedjarji, dak li jaqa’ fuq il-persuna taxxabbli kkonċernata, jiggarantixxu, bħala prinċipju, li l-amministrazzjoni fiskali tiġi informata bl-arranġamenti transkonfinali rapportabbli. Barra minn hekk, l-amministrazzjoni fiskali tista’, wara li tkun irċeviet tali informazzjoni, titlob jekk ikun hemm bżonn informazzjoni addizzjonali dwar l-arranġament inkwistjoni direttament lill-persuna taxxabbli kkonċernata, li mbagħad tkun tista’ tikkuntattja lill-avukat tagħha sabiex jassistiha, jew twettaq kontroll tas-sitwazzjoni fiskali tal-imsemmija persuna taxxabbli.

53      Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-eżenzjoni mir-rapport prevista fl-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata, l-iżvelar lill-amministrazzjoni fiskali tal-identità u tal-konsultazzjoni tal-avukat intermedjarju ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li din l-amministrazzjoni teżiġi mingħandu informazzjoni mingħajr il-kunsens tal-klijent tiegħu.

54      Waqt is-seduta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni madankollu sostniet, essenzjalment, li dan l-iżvelar tal-identità u tal-konsultazzjoni tal-avukat intermedjarju huwa neċessarju sabiex jippermetti lill-amministrazzjoni fiskali tivverifika li dan ikun qiegħed jinvoka b’mod iġġustifikat is-sigriet professjonali.

55      Dan l-argument ma jistax jiġi aċċettat.

56      Huwa minnu li, kif ġie rrilevat fil-punt 24 ta’ din is-sentenza, it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 5 tal-Artikolu 8ab tad-Direttiva 2011/16 kif emendata jispeċifika li l-avukati intermedjarji ma jistgħux jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ħlief sa fejn jaġixxu fil-limiti tal-leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li tiddefinixxi l-professjoni tagħhom. Madankollu, l-għan tal-obbligi ta’ rapportar u ta’ komunikazzjoni, previsti fl-Artikolu 8abta’ din id-direttiva, ma huwiex li jiġi kkontrollat li l-avukati intermedjarji jaġixxu f’dawn il-limiti, iżda dak tal-ġlieda kontra l-prattiki fiskali potenzjalment aggressivi u dak li jiġi evitat ir-riskju ta’ evażjoni u ta’ frodi fiskali, billi jiġi żgurat li l-informazzjoni dwar l-arranġamenti transkonfinali rapportabbli tintbagħat lill-awtoritajiet kompetenti.

57      Issa, kif jirriżulta mill-punti 47 sa 53 ta’ din is-sentenza, l-imsemmija direttiva tiżgura tali informazzjoni tal-amministrazzjoni fiskali, mingħajr ma huwa meħtieġ, għal dan il-għan, l-iżvelar lilha tal-identità u tal-konsultazzjoni tal-avukat intermedjarju.

58      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-eventwalità li l-avukati intermedjarji jistgħu jinvokaw b’mod żbaljat is-sigriet professjonali sabiex jevitaw l-obbligu ta’ rapportar tagħhom ma tistax tippermetti li jiġi kkunsidrat li huma strettament neċessarji l-obbligu ta’ komunikazzjoni, previst fl-Artikolu 8ab(5) ta’ din id-direttiva, u l-iżvelar bħala konsegwenza ta’ dan l-obbligu, lill-amministrazzjoni fiskali, tal-identità u tal-konsultazzjoni tal-avukat intermedjarju li jkun għamel il-komunikazzjoni.

59      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata jikser id-dritt għar-rispett tal-komunikazzjonijiet bejn l-avukat u l-klijent tiegħu, iggarantit fl-Artikolu 7 tal-Karta, sa fejn jipprevedi, essenzjalment, li l-avukat intermedjarju, suġġett għas-sigriet professjonali, huwa obbligat jikkomunika lil kull intermedjarju ieħor li ma huwiex il-klijent tiegħu l-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuqu.

60      Fir-rigward tal-validità tal-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata fid-dawl tal-Artikolu 47 tal-Karta, għandu jitfakkar li d-dritt għal smigħ xieraq, iggarantit f’din l-aħħar dispożizzjoni, huwa kkostitwit minn diversi elementi. Dan jinkludi, b’mod partikolari, id-drittijiet tad-difiża, il-prinċipju ta’ opportunitajiet ugwali għall-partijiet, id-dritt ta’ aċċess għall-qrati u d-dritt ta’ aċċess għal avukat, kemm f’materji ċivili kif ukoll f’materji kriminali. L-avukat ma jkunx f’pożizzjoni li jiggarantixxi l-funzjoni ta’ konsulenza, ta’ difiża u ta’ rappreżentanza tal-klijent tiegħu b’mod xieraq, u għalhekk dan tal-aħħar ikun imċaħħad mid-drittijiet mogħtija lilu mill-Artikolu 47 tal-Karta, jekk l-avukat, fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jew tal-preparazzjoni għaliha, ikun obbligat jikkoopera mal-awtoritajiet pubbliċi billi jibgħatilhom informazzjoni li jkun kiseb matul konsultazzjonijiet legali li jkunu seħħew fil-kuntest ta’ tali proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punti 31 u 32).

61      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li r-rekwiżiti li joħorġu mid-dritt għal smigħ xieraq jimplikaw, mid-definizzjoni tagħhom stess, rabta ma’ proċedura ġudizzjarja (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Ġunju 2007, Ordre des barreaux francophones et germanophone et, C‑305/05, EU:C:2007:383, punt 35).

62      Issa, għandu jiġi kkonstatat li tali rabta ma hijiex stabbilita f’dan il-każ.

63      Fil-fatt, mid-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8ab(1) u (5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata u, b’mod partikolari, mit-termini previsti f’dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-obbligu ta’ komunikazzjoni jitnissel fi stadju bikri, mhux iktar tard minn meta l-arranġament transkonfinali rapportabbli jiġi ffinalizzat u jkun lest sabiex jiġi implimentat, u għaldaqstant barra mill-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja jew ta’ preparazzjoni għaliha.

64      Kif irrileva, essenzjalment, l-Avukat Ġenerali fil-punt 41 tal-konklużjonijiet tiegħu, f’dan l-istadju bikri, l-avukat intermedjarju ma jaġixxix bħala difensur tal-klijent tiegħu f’tilwima u s-sempliċi fatt li l-pariri tal-avukat jew l-arranġament transkonfinali li kien is-suġġett tal-konsultazzjoni tiegħu jistgħu jagħtu lok għal tilwima fi stadju ulterjuri ma jfissirx li l-intervent tal-avukat seħħ fil-kuntest jew għall-finijiet tad-dritt tad-difiża tal-klijent tiegħu.

65      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li l-obbligu ta’ komunikazzjoni li jissostitwixxi, għall-avukat intermedjarju marbut bis-sigriet professjonali, l-obbligu ta’ rapportar previst fl-Artikolu 8ab(1) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata ma jimplikax indħil fid-dritt għal smigħ xieraq, iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

66      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta li għandha tingħata għad-domanda magħmula hija li l-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva 2011/16 kif emendata huwa invalidu fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta sa fejn l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri għandha l-effett li timponi fuq l-avukat li jaġixxi bħala intermedjarju fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, meta dan ikun eżentat mill-obbligu ta’ rapportar, previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 8ab tal-imsemmija direttiva, minħabba s-sigriet professjonali li bih huwa marbut, l-obbligu li jikkomunika mingħajr dewmien lil kull intermedjarju ieħor li ma jkunx il-klijent tiegħu l-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuqu skont il-paragrafu 6 tal-imsemmi Artikolu 8ab.

 Fuq lispejjeż

67      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 8ab(5) tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/16/UE tal15 ta’ Frar 2011 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni u li tħassar id-direttiva 77/799/KEE, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2018/822 tal25 ta’ Mejju 2018, huwa invalidu fid-dawl tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea sa fejn l-applikazzjoni tiegħu mill-Istati Membri għandha l-effett li timponi fuq l-avukat li jaġixxi bħala intermedjarju fis-sens tal-punt 21 tal-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, kif emendata, meta dan ikun eżentat mill-obbligu ta’ rapportar, previst fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 8ab tal-imsemmija direttiva, kif emendata, minħabba s-sigriet professjonali li bih huwa marbut, l-obbligu li jikkomunika mingħajr dewmien lil kull intermedjarju ieħor li ma jkunx il-klijent tiegħu l-obbligi ta’ rapportar li jaqgħu fuqu skont il-paragrafu 6 tal-imsemmi Artikolu 8ab.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.