Language of document : ECLI:EU:C:2006:256

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla)

27 ta’ April 2006 (*)

“Trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali – Direttiva 79/7/KEE – Rifjut li tingħata pensjoni ta’ rtirar fl-età ta’ 60 sena lil transesswali li għamlet operazzjoni kirurġika ta’ tibdil mis-sess maskil għas-sess femminil”

Fil-kawża C-423/04,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Social Security Commissioner (ir-Renju Unit), permezz ta’ deċiżjoni ta’ l-14 ta’ Settembru 2004, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-4 ta’ Ottubru 2004, fil-kawża

Sarah Margaret Richards

vs

Secretary of State for Work and Pensions,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Jann, President ta’ l-Awla, K. Schiemann, N. Colneric, J. N. Cunha Rodrigues (Relatur) u E. Juhász, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: F. G. Jacobs,

Reġistratur: L. Hewlett, Amministratriċi Prinċipali,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta ta’ l-20 ta’ Ottubru 2005,

billi kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–       għal Richards, minn J. Sawyer u T. Eicke, barristers,

–       għall-Gvern tar-Renju Unit, minn R. Caudwell, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister,

–       għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Martin u N. Yerrell, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet ta’ l-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-15 ta' Diċembru 2005,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1       It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 4 u 7 tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali (ĠU 1979, L 6, p. 24).

2       Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Sinjura Richards, persuna li għamlet operazzjoni kirurġika ta’ tibdil tas-sess, u s-Secretary of State for Work and Pensions (iktar ’il quddiem is-“Secretary of State”) li tirrigwarda r-rifjut ta' dan ta’ l-aħħar li jagħtiha pensjoni ta’ rtirar minn egħluq is-sittin sena tagħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3       Skond l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7:

“Il-prinċipju tat-trattament ugwali jfisser li m’għandu jkun hemm ebda diskriminazzjoni fuq il-bażi tas-sess kemm direttament, jew indirettament speċjalment b’riferenza għall-istat maritali jew tal-familja f’dak li għandu x’jaqsam ma’:

–       l-għan ta’ l-iskemi u l-kondizzjonijiet ta’ l-aċċess għalihom,

–       l-obbligu li wieħed jikkontribwixxi u l-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet,

–       il-kalkolu tal-benefiċċji inklużi ż-żjidiet rigward konjugi u dipendenti u l-kondizzjonijiet li jirregolaw it-tul u ż-żamma tal-benefiċċji.”

4       L-Artikolu 7(1) ta’ din id-Direttiva huwa mingħajr preġudizzju għad-dritt ta’ l-Istati Membri li jeskludu mill-kamp ta' applikazzjoni tagħha:

“(a) l-iffissar ta’ età tal-pensjoni sabiex jingħataw pensjonijiet ta’ l-anzjanità u rtirar u l-konsegwenzi li jistgħu jiġu minnhom għall-benefiċċji l-oħra;

[…]”

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

5       L-Artikolu 29(1) u (3) tal-liġi ta’ l-1953 fuq ir-reġistrazzjoni tat-twelid u ta’ l-imwiet (Births and Deaths Registration Act 1953) jipprojbixxi kull tibdil fir-reġistru ta’ l-att ta’ twelid, ħlief fil-każ ta’ żball fil-kitba jew ta’ fatt.

6       L-Artikolu 44 tal-liġi ta’ l-1992 li tirrigwarda l-kontribuzzjonijiet u l-benefiċċji tas-sigurtà soċjali (Social Security Contributiona and Benefits Act 1992) jipprovdi li persuna tista' tgawdi minn pensjoni ta’ rtirar taħt il-kategorija A (pensjoni ta’ rtirar “normali”) meta hija tilħaq l-età ta’ rtirar u tissoddisfa diversi kundizzjonijiet fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet.

7       Skond il-parti I, paragrafu (1) ta' l-Anness 4 tal-liġi ta’ l-1995 dwar il-pensjonijiet ta’ rtirar (Pensions Act 1995), raġel jilħaq l-età ta’ rtirar mal-65 sena filwaqt li mara li twieldet qabel is-6 ta’ April 1950 mas-60 sena.

8       Fl-1 ta’ Lulju 2004, ġiet adottata l-liġi ta’ l-2004 dwar ir-rikonoxximent tas-sessi (Gender Recognition Act 2004, iktar ’il quddiem il-“liġi ta’ l-2004”), li daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ April 2005.

9       Din il-liġi tippermetti lil persuni li diġà biddlu s-sess jew li qed jippjanaw li jagħmlu din l-operazzjoni kirurġika sabiex jitolbu li jingħataw ċertifikat ta’ rikonoxximent tas-sess (“gender recognition certificate”), li abbażi tiegħu jistgħu jiksbu rikonoxxenza kważi totali tat-tibdil tas-sess tagħhom.

10     Skond l-Artikolu 2(1) tal-liġi ta’ l-2004, iċ-ċertifikat tar-rikonoxximent tas-sess għandu jingħata meta l-applikant jissoddisfa, inter alia, il-kundizzjonijiet li ġejjin:

“a) ibati jew kien ibati minn disforja tas-sess,

b) għex fl-identità sesswali akkwiżita tiegħu għal-perijodu ta’ sentejn qabel id-data li fiha saret l-applikazzjoni,

[…]”

11     L-Artikolu 9(1) tal-liġi ta’ l-2004 tgħid li:

“Meta persuna tingħata ċertifikat komplet ta’ rikkonoxximent tas-sess, is-sess ta’ din il-persuna isir għal kull fini s-sess akkwiżit (jiġifieri, jekk is-sess akkwiżit huwa dak maskil, il-persuna tiġi rikonoxxuta bħala raġel, filwaqt li jekk huwa s-sess femminil, il-persuna tiġi rikonoxxuta bħala mara).”

12     Skond l-Artikolu 9(2) tal-liġi ta’ l-2004, iċ-ċertifikat ta’ rikonoxximent tas-sess ma jaffetwax l-affarijiet jew l-avvenimenti li jkunu seħħew qabel ma dan jinħareġ.

13     Għal dak li jikkonċerna l-benefiċċji ta’ rtirar, il-parti 2, paragrafu 7(3) ta’ l-Anness 5 tal-liġi ta’ l-2004 jipprovdi li:

“[…]jekk (immedjatament qabel ma jinħareġ iċ-ċertifikat) il-persuna:

a) hija raġel li laħaq l-età li fiha mara ta’ l-istess età tilħaq l-età tal-pensjoni, iżda

b) ma laħqitx l-età ta’ 65 sena,

il-persuna għandha tiġi kkunsidrata […] bħala li tilħaq l-età tal-pensjoni meta jinħareġ iċ-ċertifikat”.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

14     Is-Sinjura Richards twieldet fit-28 ta’ Frar 1942 u ġiet irreġistrata bħala li hija ta' sess maskil fl-att ta’ twelid tagħha.Wara li ġiet iddijanjostikata bħala li tbati minn disforja tas-sess, hija għamlet operazzjoni kirurġika ta' tibdil tas-sess fit-3 ta’ Mejju 2001.

15     Fl-14 ta’ Frar 2002, hija applikat għall-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar mingħand is-Secretary of State mit-28 ta’ Frar 2002, data li fiha kienet ser tagħlaq 60 sena, li hija l-età li fiha, skond il-leġiżlazzjoni nazzjonali, mara li twieldet qabel is-6 ta’ April 1950 tista tirċievi pensjoni ta’ rtirar.

16     B’deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2002, l-imsemmija applikazzjoni ġiet irrifjutata minħabba li din “[ġiet] imressqa iżjed minn erba’ xhur qabel ma l-applikant għalaq il-65 sena” li hija l-età ta’ rtirar għall-irġiel fir-Renju Unit.

17     Peress li l-appell imressaq mis-Sinjura Richards quddiem is-Social Security Appeal Tribunal ġie miċħud, hija ġabet il-każ quddiem is-Social Security Commissioner, fejn sostniet li, wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġusitzzja tas-7 ta’ Jannar 2004, K.B. (C-117/01, Ġabra p. I-541), ir-rifjut li tingħata pensjoni ta’ rtirar wara egħluq is-60 sena jikkostitwixxi ksur ta’ l-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fondamentali kif ukoll diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 4 tad-Direttiva 79/7.

18     Is-Secretary of State osserva quddiem il-qorti tar-rinviju li t-talba tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali ma tidħolx fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-imsemmija Direttiva. Fil-fatt, huwa jgħid li d-dritt Komunitarju jipprovdi biss miżuri ta’ armonizzazzjoni fir-rigward tal-benefiċċji ta’ l-anzjanità, mingħajr b'daqshekk ma jagħti d-dritt li jinkisbu tali benefiċċji. Barra minn hekk, is-Sinjura Richards ma ġietx iddiskriminata meta mqabbla mal-persuni li jikkostitwixxu l-element adegwat ta’ tqabbil, jiġifieri l-irġiel li m’għaddewx minn operazzjoni kirurġika ta’ tibdil tas-sess.

19     Sabiex ikun jista' jiddeċiedi din il-kawża, is-Social Seurity Commissioner iddeċieda li jissospendi l-proċedimenti u li jagħmel is-segwenti domandi għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      Id-Direttiva 79/7 timpedixxi li jiġi rrifjutat l-għoti tal-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar lil transesswali li tkun qalbet mis-sess maskil għas-sess femminil sakemm tagħlaq 65 sena, meta kien ikollha dritt għal tali pensjoni fl-età ta' 60 sena li kieku hija kienet ġiet meqjusa bħala mara skond id-dritt nazzjonali?          

2)      Fil-każ ta’ risposta affermattiva, minn liema data għandu jkollha effett id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-ewwel domanda?”

 Fuq l-ewwel domanda

20     Permezz ta' l-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 jipprojbixxix leġiżlazzjoni li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar lil persuna li tkun qalbet mis-sess maskil għas-sess femminil minħabba li hija kienet għadha ma laħqitx l-età ta’ 65 sena, meta din l-istess persuna kien ikollha dritt għal tali pensjoni fl-età ta’ 60 sena li kieku kienet ġiet meqjusa bħala mara skond id-dritt nazzjonali.

21     L-ewwel nett, għandu jiġi rrilevat li huwa f'idejn l-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet għar-rikonoxximent legali tat-tibdil tas-sess ta’ persuna (ara, f’dan is-sens, is-sentenza K.B., iċċitata iktar ’il fuq, punt 35).

22     Biex tingħata risposta għall-ewwel domanda, għandu mill-ewwel jiġi ppreċiżat li d-Direttiva 79/7 hija l-espressjoni, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, tal-prinċipju ta’ trattament ugwali ta' irġiel u nisa li hu wieħed mill-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju.

23     Barra minn hekk, skond ġurisprudenza kostanti tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt li ma ssirx diskriminazzjoni kontra persuna minħabba s-sess tagħha jikkostitwixxi wieħed mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem, dritt li l-Qorti tal-Ġustizzja hija marbuta li tassigura li jiġi rispettat (ara s-sentenzi tal-15 ta’ Ġunju 1978, Defrenne, 149/77, Ġabra p. 1365, punti 26 u 27, kif ukoll tat-30 ta’ April 1996, P. vs S., C-13/94, Ġabra p. I-2143, punt 19).

24     Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 79/7 ma jistax jiġi limitat biss għad-diskriminazzjoni li tirriżulta mill-appartanenza għal sess wieħed jew ieħor. Meta jitqiesu l-għan u n-natura tad-drittijiet li trid tipproteġi, din id-direttiva għanda wkoll l-iskop li tapplika għad-diskriminazzjoni li ssib l-oriġini tagħha fit-tibdil tas-sess tal-persuna kkonċernata [ara, fir-rigward tad-Direttiva tal-Kunsill 76/207/KEE, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjiegi, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40), is-sentenza P. vs S., iċċitata iktar ’il fuq, punt 20].

25     Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li l-fatti li wasslu għall-kawża prinċipali jirriżultaw mill-għażla tal-leġiżlatur nazzjonali li jiffissa l-età ta’ rtirar b’mod differenti għall-irġiel u għan-nisa. Din il-fakultà ta’ għażla hija espressament mogħtija lill-Istati Membri mill-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 79/7, li tawtorizzhom biex jidderogaw mill-prinċipju ta’ trattament ugwali ta' rġiel u nisa fil-qasam tal-pensjonijiet ta’ rtirar. Il-fatt li, bħal fil-kawża prinċipali, id-distinzjoni tas-sistema ta’ rtirar skond is-sess taffettwa d-drittijiet tat-transesswali huwa nieqes minn kull importanza.

26     Argument bħal dan ma jistax jiġi akkolt.

27     Is-Sinjura Richards issostni li ġiet impedita milli tibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar malli hija għalqet 60 sena, jiġifieri l-età li fiha n-nisa li twieldu qabel is-6 ta’ April 1950 jistgħu jgawdu minn tali pensjoni fir-Renju Unit.

28     It-trattament inugwali in kwistjoni fil-kawża prinċipali jistrieħ fuq l-impossibbiltà għas-Sinjura Richards li s-sess il-ġdid li hija akkwistat wara operazzjoni kirurġika jiġi rikonoxxut, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-liġi ta’l-1995 li tikkonċerna l-pensjonijiet ta’ rtirar.

29     Għall-kuntrarju tan-nisa li s-sess tagħhom mhuwiex ir-riżultat ta’ operazzjoni kirurġika ta’ tibdil tas-sess, li jistgħu jibbenefikaw minn pensjoni ta’ rtirar fl-età ta’ 60 sena, is-Sinjura Richards mhijiex f’pożizzjoni li tissoddisfa waħda mill-kundizzjonijiet biex tikkwalifika għall-imsemmija pensjoni, f’dan il-każ dik li għandha x'taqsam ma' l-età ta’ rtirar.

30     Billi t-trattament inugwali li subiet is-Sinjura Richards jirriżulta mit-tibdil tas-sess, dan għandu jiġi kkunsidrat bħala diskriminazzjoni pprojbita mill-Artikolu 4(1), tad-Direttiva 79/7.

31     Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li leġiżlazzjoni nazzjonali li tostakola l-fatt li transesswali, minħabba n-nuqqas ta' rikonoxximnet tas-sess il-ġdid tagħha, tista' tissoddisfa kundizzjoni neċessarja biex tkun tista' tgawdi minn dritt li hu protett mid-dritt Komunitarju, għandha tiġi kkunsidrata bħala inkompatibbli,bħala regola, mar-rekwiżiti tad-dritt Komunitarju (ara s-sentenza K. B., iċċitata iktar ’il fuq, punti 30 sa 34).

32     Il-Gvern tar-Renju Unit isostni li ebda dritt mogħti mid-dritt Komunitarju ma ġie vvjolat mid-deċiżjoni tat-12 ta’ Marzu 2002 li rrifjutat l-għoti ta' pensjoni, peress li d-dritt biex wieħed jibbenefika minn pensjoni ta’ rtirar jirriżulta biss mid-dritt nazzjonali.

33     F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, skond ġurisprudenza kostanti, id-dritt Komunitarju ma jindaħalx fil-kompetenza ta’ l-Istati Membri biex jiżviluppaw is-sistemi tagħhom ta' sigurtà soċjali u li, fin-nuqqas ta’ armonizzazzjoni fuq il-livell Komunitarju, hija l-leġiżlazzjoni ta’ kull Stat Membru li għandha tiddetermina, minn naħa, il-kundizzjonijiet tad-dritt jew l-obbligu li l-individwi jkunu affiljati ma' skema ta’ sigurtà soċjali u, min-naħa l-oħra, il-kundizzjonijiet li jagħtu dritt għal xi benefiċċji. Huwa madankollu meħtieġ, fl-eżerċizzju ta’ din il-kompetenza, li l-Istati Membri jirrispettaw id-dritt Komunitarju (is-sentenzi tat-12 ta’ Lulju 2001, Smits u Peerbooms, C-157/99, Ġabra p. I-5473, punti 44 sa 46, u ta’ l-4 ta’ Diċembru 2003, Kristiansen, C-92/02, Ġabra p. I-14597, punt 31).

34     Barra minn hekk, id-diskriminazzjoni li tmur kontra l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 taqa' taħt id-deroga prevista fl-Artikolu 7(1)(a) ta’ din l-istess Direttiva, biss sakemm din tkun neċessarja sabiex jinkisbu l-għanijiet li l-imsemmija Direttiva trid tilħaq billi tħalli lill-Istati Membri l-libertà li jistabbilixxu età ta’ rtirar differenti għall-irġiel u għan-nisa (is-sentenza tas-7 ta’ Lulju 1992, Equal Opportunities Commission, C-9/91, Ġabra P. I-4297, punt 13).

35     Minkejja li l-premessi tad-Direttiva 79/7 ma jippreċiżawx il-ġustifikazzjoni għad-derogi li din tipprovdi, jista' jiġi dedott min-natura ta’ l-eċċezzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 7(1) ta’ l-imsemmija Direttiva, li l-leġiżlatur Komunitarju ried jawtorizza lill-Istati Membri biex fil-qasam tal-pensjonijiet ta' rtirar, iżommu b’mod temporanju dawk il-vantaġġi li jingħataw lin-nisa, sabiex jippermettilhom jipproċedu progressivament lejn bidla fis-sistemi ta’ pensjoni minn dan il-lat, mingħajr ma jaffetwaw l-ekwilibriju finanzjarju kumpless ta’ dawn is-sistemi, li l-importanza tagħhom ma setgħetx tiġi injorata mil-lieġiżlatur. Fost dawn il-vantaġġi, wieħed isib preċiżament il-possibbiltà li l-ħaddiema nisa jibbenefikaw mid-dritt għall-pensjoni iżjed kmieni mill-ħaddiema rġiel, kif jipprovdi l-Artikolu 7(1)(a) ta’ l-istess Direttiva (is-sentenza Equal Opportunities Commission, iċċitata iktar ’il fuq, punt 15).

36     Skond ġurisprudenza kostanti, l-eċċezzjoni għall-projbizzjoni ta' diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 79/7, għandha tiġi interpretata b'mod restrittiv (ara s-sentenzi tas-26 ta’ Frar 1986, Marshall, 152/84, Ġabra p. 723, punt 36, u Beets-Proper, 262/84, Ġabra p. 773, punt 38, kif ukoll tat-30 ta’ Marzu 1993, Thomas et, C-328/91, Ġabra P. I-1247, punt 8).

37     Għaldaqstant, din id-dispożizzjoni għandha tiġi interpretata fis-sens li hija tirrigwarda biss l-iffissar ta' età ta’ rtirar differenti għall-irġiel u għan-nisa. Madankollu, il-kawża prinċipali ma tirrigwardax tali miżura.

38     Jirriżulta minn dak li ntqal s'issa li l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 79/7 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar lil persuna li, b'mod konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali, tkun qalbet mis-sess maskil għas-sess femminil, minħabba li hija kienet għadha ma laħqitx l-età ta’ 65 sena, meta din l-istess persuna kien ikollha dritt għal tali pensjoni fl-età ta’ 60 sena li kieku kienet ġiet meqjusa bħala mara skond id-dritt nazzjonali.

 Fuq it-tieni domanda

39     Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, f'każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tiddeċiedi li d-Direttiva 79/7 tipprojbixxi l-leġiżlazzjoni nazzjonali in kwistjoni fil-kawża prinċipali, jekk l-effetti ta' tali sentenza għandhomx ikunu limitati fiż-żmien.

40     Huwa biss b’mod eċċezzjonali li l-Qorti tal-Ġustizzja tista', billi tapplika l-prinċipju ġenerali ta’ ċertezza legali li huwa inerenti fis-sistema legali Komunitarja, tasal biex tillimita l-possibbiltà għal kull parti interessata milli tinvoka dispożizzjoni li hija tkun interpretat sabiex jitqajmu dubji dwar relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide (is-sentenzi tat-2 ta’ Frar 1988, Blaizot, 24/86, Ġabra p. 379, punt 28, u tat-23 ta’ Mejju 2000, Buchner et, C-104/98, Ġabra p. I-3625, punt 39).

41     Barra minn hekk, hija ġurisprudenza kostanti li l-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għal Stat Membru minħabba sentenza mogħtija fil-kuntest ta' talba għal deċiżjoni preliminari fihom infushom ma jiġġustifikawx li l-effetti ta’ din is-sentenza jiġu limitati fiż-żmien (is-sentenzi ta’ l-20 ta’ Settembru 2001, Grzelczyk, C-184/99, Ġabra p. I-6193, punt 52, u tal-15 ta’ Marzu 2005, Bidar, C-209/03, Ġabra p. I-2119, punt 68).

42     Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikorriet għal din is-soluzzjoni biss f’ċirkustanzi preċiżi ħafna, meta, minn naħa, kienet teżisti probabbiltà ta’ riperkussjonijiet ekonomiċi gravi partikolarment minħabba n-numru kbir ta’ relazzjonijiet ġuridiċi stabbiliti in bona fide abbażi tar-regolamentazzjoni kkunsidrata bħala validament fis-seħħ u, min-naħa l-oħra, meta kien jidher li l-individwi u l-awtoritajiet nazzjonali kienu ġew imħeġġa biex jaġixxu b’mod li ma kienx konformi mar-regolamentazzjoni Komunitarja minħabba inċertezza oġġettiva u kbira fir-rigward ta’ l-iskop tad-dispożizzjonijiet Komunitarji, inċertezza li għaliha kkontribwixxa wkoll l-aġir ta' Stati Membri oħra jew tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (is-sentenza Bidar, iċċitata iktar ’il fuq, punt 69).

43     F’dan il-każ, id-dħul fis-seħħ tal-liġi ta’ l-2004, fl-4 ta’ April 2005, huwa tali li ħassar il-kwistjonijiet bħal dawk li taw lok għall-kawża prinċipali. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet bil-miktub li l-Gvern tar-Renju Unit ressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja waqt is-seduta, huwa ma żammx id-domanda li kien ressaq fil-kuntest tal-kawża prinċipali intiża biex tillimita fiż-żmien l-effetti tas-sentenza.

44     Għaldaqstant, ir-risposta għat-tieni domanda għandha tkun li l-effetti ta' din is-sentenza m'għandhomx għalfejn jiġu limitati fiż-żmien.

 Fuq l-ispejjeż

45     Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (L-Ewwel Awla) taqta' u tiddeċiedi:

1)      L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/7/KEE, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà soċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi leġiżlazzjoni li tirrifjuta l-benefiċċju ta’ pensjoni ta’ rtirar lil persuna li, b'mod konformi mal-kundizzjonijiet stabbiliti mid-dritt nazzjonali, tkun qalbet mis-sess maskil għas-sess femminil, minħabba li hija kienet għadha ma laħħqitx l-età ta’ 65 sena, meta din l-istess persuna kien ikollha d-dritt għal tali pensjoni fl-età ta’ 60 sena li kieku kienet ġiet meqjusa bħala mara skond id-dritt nazzjonali.

2)      L-effetti ta' din is-sentenza m'għandhomx għalfejn jiġu limitati fiż-żmien.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.