Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Awwissu 2011 - Makhlouf vs Il-Kunsill

(Kawża T-433/11)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: Ehab Makhlouf (Damas, is-Sirja) (rappreżentant: E. Ruchat, avukat)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli u fondat;

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/273/PESK, tad-9 ta' Mejju 2011, kif ukoll l-atti ta' implementazzjoni sussegwenti ta' din id-deċiżjoni (u b'mod iktar partikolari, id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/302/PESK, tat-23 ta' Mejju 2011, li tipprevedi l-inklużjoni tar-rikorrent fil-lista ta' persuni previsti mill-miżuri restrittivi previsti mid-Deċiżjoni 2011/273/PESK, kif ukoll, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 442/2011, tad-9 ta' Mejju 2011, u l-atti ta' implementazzjoni sussegwenti tiegħu (jiġifieri r-Regolament ta' implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 504/2011 tat-23 ta' Mejju 2011 u r-Rettifika tiegħu), sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrent;

tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva previsti mill-Artikoli 6 u 13 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (iktar 'il quddiem il-"KEDB"), kif ukoll mill-Artikoli 41 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, sa fejn ir-rikorrent jakkuża lill-Kunsill li l-motivazzjoni li pprovda ma tissodisfax l-obbligu tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea previst mill-Artikolu 6 tal-KEDB, mill-Artikolu 296 TFUE, kif ukoll mill-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

It-tielet motiv li jipprovdi li l-miżuri kkontestati jirrestringu b'mod inġustifikat u sproporzjonat id-drittijiet fundamentali tar-rikorrent, u b'mod partikolari d-drittijiet tiegħu għal proprjetà, previsti mill-Artikolu 1 tal-ewwel protokoll addizzjonali tal-KEDB u l-Artikolu 17 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, id-dritt tiegħu għar-rispett tal-unur u tar-reputazzjoni tiegħu previst mill-Artikoli 8 u 10 tal-KEDB, il-libertà tal-intrapriża tiegħu u li jeżerċita l-kummerċ tiegħu previsti mill-Artikoli 15 u 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u fl-aħħar il-prinċipju tal-preżunzjoni tal-innoċenza previst mill-Artikolu 6 tal-KEDB u mill-Artikolu 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

____________