Language of document : ECLI:EU:T:2013:405

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

6 ta’ Settembru 2013 (*)

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bl-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Dritt għall-proprjetà — Proporzjonalità”

Fil-Kawża T-434/11,

Europäisch-Iranische Handelsbank AG, stabbilita fi Hamburg (il-Ġermanja), inizjalment irrappreżentata minn S. Ashley, S. Gadhia, solicitors, H. Hohmann, avukat, D. Wyatt, QC, u R. Blakeley, barrister, sussegwentement minn M. Ashley, H. Hohmann, D. Wyatt, R. Blakeley, S. Jeffrey u A. Irvine, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn F. Naert u R. Liudvinaviciute-Cordeiro, bħala aġenti,

konvenut,

sostnut minn

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn E. Paasivirta, u S. Boelaert, sussegwentement minn E. Paasivirta u M. Konstantinidis, bħala aġenti,

u minn

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, irrappreżentat minn S. Behzadi-Spencer, A. Robinson u C. Murrell, bħala aġenti, assistiti minn J. Swift, QC, u minn R. Palmer, barrister,

intervenjent,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, l-ewwel nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 136, p. 65), it-tieni nett, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011, tat-23 ta’ Mejju 22011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 136, p. 26), it-tielet nett, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/783/PESK, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 71), ir-raba’ nett, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1245/2011, tal-1 ta’ Diċembru 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 319, p. 11), u, il-ħames nett, ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 267/2012, tat-23 ta’ Marzu 2012, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 961/2010 (ĠU L 88, p. 1), sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti.

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla),

komposta minn I. Pelikánová, President, K. Jürimäe (Relatur) u M. van der Woude, Imħallfin,

Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-20 ta’ Frar 2013,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

[omissis]

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

[omissis]

 Id-dritt

[omissis]

 Fuq l-ewwel motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

[omissis]

 Fuq l-ewwel parti bbażata fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

[omissis]

 Fuq it-tieni parti bbażata fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva

[omissis]

–       Fuq il-possibbiltà għar-rikorrenti li tinvoka l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża

[omissis]

–       Fuq l-assenza ta’ motivazzjoni xierqa u l-assenza ta’ komunikazzjoni ta’ informazzjoni suffiċjenti lir-rikorrenti

[omissis]

–       Fuq l-assenza ta’ notifika qabel l-ewwel elenkar tal-isem tar-rikorrenti fil-listi

[omissis]

–       Fuq l-insuffiċjenza ta’ eżami mill-ġdid formali fl-assenza ta’ laqgħa bejn ir-rikorrenti u r-rappreżentanti tal-Kunsill jew ta’ smigħ tagħha

[omissis]

 Fuq it-tieni motiv ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni

[omissis]

 Fuq l-ilment ibbażat fuq li l-Kunsill ma pproduċiex il-prova tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati

[omissis]

 Fuq l-ilment ibbażat fuq li l-kundizzjonijiet ta’ elenkar u ta’ żamma tal-isem tar-rikorrenti fil-listi ma humiex issodisfatti

[omissis]

123    Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati mill-partijiet, hemm lok li jiġi eżaminat jekk, hekk kif isostni l-Kunsill, it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati ppermettewx li jiġi elenkat isem ir-rikorrenti fil-listi. Għal dan il-għan, peress illi l-imsemmija tranżazzjonijiet seħħew “[fl-]2009”, “[f]tit żmien wara [bidu Awwissu 2010]”, “[f]’Awwissu 2010” u “[f]’Ottubru 2010”, jiġifieri, bl-eċċezzjoni tat-tranżazzjonijiet li seħħew bejn is-27 u l-31 ta’ Ottubru 2010, qabel id-dħul fis-seħħ, fis-27 ta’ Ottubru 2010, tar-Regolament Nru 961/2010, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 41 tiegħu, għandu jiġi eżaminat, minn naħa, jekk it-tranżazzjonijiet li seħħew qabel is-27 ta’ Ottubru 2010 twettqux skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 423/2007, tad-19 ta’ April 2007, dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU L 335M, p. 969).

124    Għaldaqstant, fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali ser tinterpreta l-Artikoli 7 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007, li skont l-applikazzjoni tiegħu l-partijiet ġew mistoqsija permezz ta’ mistoqsijiet bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, kif ukoll skont l-Artikoli 16 sa 19 u 21 tar-Regolament Nru 961/2010, sabiex jiġi stabbilit il-valur legali ta’ awtorizzazzjoni jew approvazzjoni li tingħata mill-awtorità nazzjonali kompetenti, bħal, f’dan il-każ, il-Bundesbank. F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi ppreċiżat li l-Artikoli 7 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007 jikkorrispondu essenzjalment mal-Artikoli 16 sa 19 tar-Regolament Nru 961/2010 u li għalhekk ser jiġu eżaminati flimkien. Dan l-aħħar regolament jinkludi, fl-Artikolu 21 tiegħu, minbarra dan, dispożizzjoni li speċifikament ittrattat trasferimenti ta’ fondi lil destinazzjoni jew ta’ provenjenza minn entitajiet Iranjani. Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali ser teżamina jekk, f’dan il-każ, it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati ġewx, hekk kif issostni r-rikorrenti, imwettqa skont dawn id-dispożizzjonijiet.

125    Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-interpretazzjoni tal-Artikoli 7 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007, kif ukoll tal-Artikoli 16 sa 19 u 21 tar-Regolament Nru 961/2010, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra p. 3781, punt 12).

126    L-ewwel nett, minn naħa, hemm lok li jiġi kkonstatat li l-Artikolu 7(1) u (2) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikolu 16(1) u (2) tar-Regolament Nru 961/2010 jipprovdu li huma ffriżati l-fondi u riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lill-persuni, entitajiet jew organi elenkati, rispettivament, fl-Anness IV u fl-Anness V kif ukoll fl-Anness VII u fl-Anness VIII ta’ dawn ir-regolamenti (iktar ’il quddiem il-“prinċipju tal-iffriżar ta’ fondi”).

127    Min-naħa l-oħra, l-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007 kif ukoll l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 961/2010 jipprevedu, essenzjalment, li, “[b]’deroga”, rispettivament, fl-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010, “l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri [...] jistgħu jawtorizzaw ir-rilaxx ta’ ċerti fondi jew riżorsi ekonomiċi ffriżati, jekk jiġu sodisfatti l-kondizzjonijiet [imsemmija fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq] li ġejjin”. Dawn il-kundizzjonijiet jirreferu essenzjalment, minn naħa, għan-natura tal-użu maħsub tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi u, min-naħa l-oħra, fir-rigward tad-derogi previsti fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 961/2010, għal notifika minn qabel tal-awtorizzazzjonijiet skont il-każ, lill-Kumitat tas-Sanzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u għall-Istati Membri oħra u l-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament Nru 423/2007 bl-istess mod bħall-Artikoli 18 u 19 tar-Regolament Nru 961/2010 jippreċiżaw li dawn l-awtorizzazzjonijiet jistgħu jingħataw “taħt tali kondizzjonijiet li [l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti] jqisu adatti.” Dawn il-formulazzjonijiet iwasslu għaż-żewġ osservazzjonijiet li ġejjin.

128    Għaldaqstant, fl-ewwel lok, jirriżulta minn dawn id-dispożizzjonijiet li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jingħataw is-setgħa li jawtorizzaw, f’ċerti ċirkustanzi u b’eċċezzjoni għall-prinċipju tal-iffriżar ta’ fondi, ir-rilaxx ta’ ċerti fondi. Għal dan il-għan, huma għandhom jipproċedu għal evalwazzjoni ta’ kull każ fir-rigward ta’ kull tranżazzjoni involuta sabiex jivverifikaw jekk il-kundizzjonijiet li fihom huma jistgħu jawtorizzaw rilaxx humiex issodisfatti. Korrelattivament, l-entitajiet ikkonċernati għandhom jitolbu awtorizzazzjoni għal kull tranżazzjoni li tidħol fil-kamp ta’ dawn id-dispożizzjonijiet. Għaldaqstant, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007 kif ukoll dawk tal-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 961/2010 ma jippermettux lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jagħtu approvazzjoni ġeneralizzata għal ċerta kategorija ta’ tranżazzjonijiet li għalihom l-entitajiet ikkonċernati jkunu, għalhekk, eżenti milli jitolbu awtorizzazzjonijiet każ b’każ b’każ.

129    It-tieni nett, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tal-Kunsill, tali awtorizzazzjoni tikkonferma l-legalità, fir-rigward, skont il-każ, tar-Regolament Nru 423/2007 jew tar-Regolament Nru 961/2010, tat-tranżazzjoni awtorizzata. Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li għandu l-obbligu li juri, jibbaża l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi applikabbli fil-futur fuq tranżazzjonijiet awtorizzati skont, skont il-każ, l-Artikolu 8, l-Artikolu 9 jew l-Artikolu 10 tar-Regolament Nru 423/2007 jew l-Artikolu 17, l-Artikolu 18 jew l-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 961/2010. Min-naħa l-oħra, sempliċi approvazzjoni ġeneralizzata ma tistax, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni każ b’każ, torbot lill-Kunsill.

130    Il-kuntest li jagħmlu parti minnu l-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 961/2010, u b’mod partikolari l-istruttura ta’ dawn ir-regolamenti, isostni din l-analiżi testwali. Fil-fatt, minħabba l-pożizzjoni tagħhom fir-Regolament Nru 423/2007 u fir-Regolament Nru 961/2010, l-Artikoli 8 sa 10 tal-ewwel u l-Artikoli 17 sa 19 tat-tieni jippreżentaw ruħhom bħala modifika għall-prinċipju tal-iffriżar ta’ fondi stabbilit, rispettivament, mill-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007 u mill-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010, li jippreċeduhom.

131    Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-analiżijiet testwali u kuntestwali hija kompatibbli mal-għan imfittex mir-Regolamenti Nru 423/2007 u Nru 961/2010, jiġifieri l-intenzjoni li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari u, iktar ġeneralment, li jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, minħabba l-gravità tar-riskju li toħloq il-proliferazzjoni nukleari.

132    Fit-tieni lok, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet li jitwettqu bl-intermedju ta’ entità mhux indikata bl-għan li jseħħu pagamenti jew, bħal fil-kuntest tal-proċedura tat-tielet rimedju, li jiġu rregolati djun ta’ entitajiet indikati (iktar ’il quddiem it-“tranżazzjonijiet imwettqa bl-intermedju ta’ entità mhux indikata”), għandu jiġi kkonstatat li la r-Regolament Nru 423/2007 u lanqas ir-Regolament Nru 961/2010 ma fihom dispożizzjoni espressa li skont din tali tranżazzjonijiet għandhom jiġu awtorizzati.

133    Madankollu, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet, mill-istruttura u mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 423/2007 u mir-Regolament Nru 961/2010 li tranżazzjonijiet imwettqa bl-intermedju ta’ entità mhux indikata ma humiex awtomatikament leċiti u li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007 u tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010, l-entitajiet ikkonċernati għandhom jiżguraw ruħhom mil-legalità ta’ tali tranżazzjonijiet billi jitolbu, jekk ikun il-każ, awtorizzazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom.

134    Fil-fatt, fl-ewwel lok, hija pprojbita, skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 423/2007, kif ukoll fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010, il-parteċipazzjoni, konxja u intenzjonata, f’attivitajiet li l-għan jew l-effett tagħhom huwa, direttament jew indirettament, l-evażjoni tal-miżuri ta’ projbizzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dawn l-istess dispożizzjonijiet. Dawn jikkostitwixxu miżura ta’ projbizzjoni li t-trasgressjoni tagħha, bħala tali, tista’ sservi ta’ bażi awtonoma għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, inklużi dawk kriminali, skont id-dritt nazzjonali applikabbli, skont l-Artikolu 16(1) tar-Regolament Nru 423/2007 u l-Artikolu 37(1) tar-Regolament Nru 961/2010 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Diċembru 2011, Afrasiabi et, C‑72/11, Ġabra p. I‑14285, punti 34 u 35).

135    Barra minn hekk, meta jsemmi fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010 l-attivitajiet li għandhom bħala għan jew bħala effett dirett jew indirett li “jevadu” l-miżuri ta’ projbizzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 rispettivi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi għall-attivitajiet li għandhom bħala għan jew bħala riżultat li jeħilsu lill-awtur tagħhom mill-applikazzjoni ta’ din il-miżura ta’ projbizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Afrasiabi et, punt 134 iktar ’il fuq, punt 60). Il-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ konoxxenza u ta’ intenzjoni stabbiliti fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010 huma ssodisfatti meta l-persuna li tipparteċipa f’attività inkluża f’dawn id-dispożizzjonijiet tfittex intenzjonalment l-għan jew l-effett, dirett jew indirett, ta’ evażjoni marbuta magħha. Dawn huma wkoll issodisfatti meta l-persuna inkwistjoni tikkunsidra li l-parteċipazzjoni tagħha għal tali attività tista’ jkollha dan l-għan jew dan l-effett u li hija taċċetta din il-possibbiltà (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Afrasiabi et, punt 134 iktar ’il fuq, punt 67).

136    Għaldaqstant, tranżazzjonijiet imwettqa bl-intermedju ta’ entità mhux indikata jistgħu jiksru l-projbizzjoni magħmula rispettivament fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010 peress illi huma għandhom bħala għan li jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji li jinteressaw entità indikata u li l-entitajiet implikati f’tali tranżazzjoni jfittxu effettivament it-twettiq ta’ dan l-għan jew jafu li l-parteċipazzjoni tagħhom f’din it-tranżazzjoni tista’ jkollha dan l-għan jew dan l-effett u jaċċettaw din il-possibbiltà. F’tali ċirkustanzi, hija l-entità li tibbaża ruħha fuq il-konformità tat-tranżazzjonijiet imwettqa minnha, skont il-każ, skont ir-Regolament Nru 423/2007 jew ir-Regolament Nru 961/2010 li għandha turi li l-kundizzjonijiet tal-projbizzjoni, skont il-każ, tal-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 423/2007 jew tal-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010 ma humiex sodisfatti.

137    Min-naħa l-oħra, hemm lok li jiġi osservat li huma previsti, fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 961/2010, li ma hemm xejn ekwivalenti fir-Regolament Nru 423/2007, regoli speċifiċi li jirregolaw it-trasferimenti ta’ fondi lejn jew ta’ provenjenza minn persuna, entità jew organu Iranjani. B’mod partikolari, dan l-artikolu jimponi obbligu li tinkiseb, mingħand awtoritajiet nazzjonali kompetenti, awtorizzazzjoni minn qabel għal kull trasferiment, barra t-trasferimenti msemmija fil-paragrafu (1)(a) tiegħu, ta’ ammont ugwali jew ogħla minn EUR 40 000. Tali awtorizzazzjoni hija, skont l-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 961/2010, mogħtija sakemm it-trasferiment ta’ fondi maħsub jikkontribwixxi għall-attivitajiet imsemmija f’din id-dispożizzjoni. Min-naħa l-oħra, trasferimenti ta’ fondi ta’ ammont inqas minn EUR 40 000 ma jeħtieġux awtorizzazzjoni minn qabel, iżda għandhom jiġu nnotifikati meta l-ammont huwa ogħla minn EUR 10 000.

138    Jirriżulta minn qari a contrario tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 961/2010 li t-trasferimenti ta’ fondi għal destinazzjoni jew ta’ provenjenza minn persuni, entitajiet jew organi Iranjani, inklużi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(m) ta’ dan ir-regolament, il-persuni, entitajiet jew organi Iranjani mhux indikati, jistgħu, bħala prinċipju, jitwettqu dejjem jekk il-kundizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 21 jiġu ssodisfatti. Għaldaqstant, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 961/2010 jikkostitwixxi modifika għall-prinċipju tal-iffriżar ta’ fondi magħmul fl-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010, peress illi, hekk kif jirriżulta mill-Artikolu 1(i) ta’ dan ir-regolament, l-iffriżar ta’ fondi għandu jinftiehem bħala kull azzjoni intiża sabiex tipprekludi, b’mod partikolari, kwalunkwe trasferiment ta’ fondi li jkollu bħala konsegwenza bidla fil-volum, fl-ammont, fil-post, fil-proprjetà, fil-pussess, fil-karattru, fid-destinazzjoni tagħhom.

139    Madankollu, peress illi, hekk kif jirriżulta mill-punt preċedenti, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 961/2010 jikkostitwixxi modifika għall-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 16 ta’ dan ir-regolament, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 961/2010 għandu jiġi interpretat f’konformità mal-Artikolu 16(4) ta’ dan l-istess regolament. Issa, din l-aħħar dispożizzjoni tipprojbixxi l-evitar konxju u intenzjonali tal-miżuri msemmija fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu. Għaldaqstant, it-trasferimenti ta’ fondi li jistgħu jitwettqu skont l-Artikolu 21 ma jistgħux jippermettu li tiġi evitata l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010.

140    It-tieni nett, hemm lok li jitfakkar li, fir-rigward tal-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu, bħar-rikorrenti, l-Artikolu 11a(1)(a) tar-Regolament Nru 423/2007, kif inkluż f’dan ir-regolament bl-Artikolu 1(h) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1110/2008, tal-10 ta’ Novembru 2008, li jemenda r-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU L 300, p. 1), jimponi fuq dawn l-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 423/2007 li jeżerċitaw “viġilanza kontinwa fuq l-attivitajiet tal-kontijiet [kontabbiltà]” fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 11a, jiġifieri, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu domiċiljati fl-Iran. Skont l-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 423/2007, dan japplika għal kull persuna ġuridika, entità jew korp, stabbilita, bħar-rikorrenti jew ikkostitwita taħt il-liġi ta’ Stat Membru, kif ukoll kull persuna ġuridika, kull entità jew kull korp f’dak li jikkonċerna kwalunkwe kummerċ imwettaq, kollu kemm hu jew parti minnu, ġewwa l-Komunità. L-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 jimponi obbligu ta’ viġilanza li jixbah dak tal-istabbilimenti finanzjarji u ta’ kreditu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament, fir-rigward tal-attività tal-kontabbiltà.

141    Għaldaqstant, l-effettività tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 7 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007 u tal-Artikoli 16 sa 19 u 21 tar-Regolament Nru 961/2010 tiġi kompromessa jekk entità mhux indikata setgħet liberament twettaq tranżazzjonijiet bl-intermedju ta’ entità mhux indikata għall-finijiet li tirregola d-djun jew li twettaq pagamenti f’isem entità indikata. Minn dan jirriżulta li entità mhux indikata għandha dejjem tiżgura ruħha mil-legalità ta’ tali tranżazzjonijiet billi titlob, jekk ikun il-każ, awtorizzazzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

142    Huwa fid-dawl ta’ din l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 423/2007 kif ukoll tar-Regolament Nru 961/2010 li għandu jiġi eżaminat, fit-tieni lok, jekk, f’dan il-każ, it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati kinux leċiti.

143    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, sabiex jintwera li t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa minnha kienu leċiti, ir-rikorrenti ssostni li dawn kienu, skont il-każ, awtorizzati mill-Bundesbank jew esklużi mill-kamp tal-miżuri restrittivi jew imwettqa skont proċedura approvata mill-Bundesbank, jiġifieri l-proċedura tat-tielet rimedju.

144    Il-Qorti Ġenerali ser teżamina, l-ewwel nett, it-tranżazzjonijiet allegatament esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni, it-tieni nett, it-tranżazzjonijiet allegatament awtorizzati u, it-tielet nett, it-tranżazzjonijiet allegatament imwettqa skont il-proċedura tat-tielet rimedju.

145    Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet allegatament esklużi mill-kamp tal-miżuri restrittivi, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, ir-rikorrenti tillimita ruħha li ssostni li wħud mit-tranżazzjonijiet tagħha kienu esklużi minn dan il-kamp, mingħajr, bl-ebda mod ieħor, ma ssostni f’dan ir-rigward l-argument tagħha li kien ikkonċentrat fuq it-tranżazzjonijiet awtorizzati jew approvati. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li dan l-argument jiġi miċħud bħala inammissibbli fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 44(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

146    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti ppreċiżat, waqt is-seduta, li l-approvazzjoni, mill-Bundesbank, tal-proċedura tat-tielet rimedju kienet ibbażata fuq il-kunsiderazzjoni li t-tranżazzjonijiet imwettqa skont din il-proċedura kienu esklużi mill-kamp, skont il-każ, tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007 jew tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010. F’dawn iċ-ċirkustanzi, dan l-argument ser jiġi eżaminat fil-kuntest tal-eżami tat-tranżazzjonijiet allegatament approvati u mwettqa skont din il-proċedura.

147    Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet allegatament awtorizzati mill-Bundesbank, ir-rikorrenti ssostni li t-tranżazzjonijiet tagħha kienu, jekk meħtieġ, awtorizzati abbażi, skont il-każ, tal-Artikolu 18 jew tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 961/2010. Bħala tweġiba għal mistoqsija bil-miktub tal-Qorti Ġenerali, hija żżid li, qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 961/2010, hija kienet dejjem talbet, meta dan kien neċessarju, l-awtorizzazzjonijiet skont l-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007. Sabiex turi li t-tranżazzjonijiet tagħha kienu effettivament leċiti, ir-rikorrenti tikkuntenta ruħha madankollu li tipproduċi, fl-anness għar-rikors, minn naħa, lista tat-tranżazzjonijiet allegatament awtorizzati, abbażi tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 961/2010, li seħħew bejn it-2 ta’ Settembru 2010 u l-21 ta’ Lulju 2011 u li jimplikaw il-Bank Mellat, il-Bank Sepah, il-Bank Saderat Iran u l-Bank Saderat Plc (Bank Saderat ta’ Londra), il-Future Bank kif ukoll il-Postbank of Iran. Min-naħa l-oħra, hija tipproduċi għaxar “eżempji” ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa, abbażi tal-Artikolu 21(4) tar-Regolament Nru 961/2010, fis-7 u fl-24 ta’ Jannar 2011, fit-3 ta’ Frar 2011, fit-23 ta’ Marzu 2011, fit-13 u fid-19 ta’ Mejju 2011 u fis-16 ta’ Ġunju 2011, fir-rigward ta’ tranżazzjonijiet imwettqa skont il-proċedura tat-tielet rimedju li għalihom tali awtorizzazzjoni kienet neċessarja.

148    Issa, minn naħa, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati li seħħew qabel it-2 ta’ Settembru 2010, ir-rikorrenti ma tistax validament issostni li l-kundizzjonijiet tal-elenkar ta’ isimha fil-listi, immotivat minn tranżazzjonijiet li seħħew fl-2009 u fl-2010, ma kinux issodisfatti għar-raġuni li t-tranżazzjonijiet imwettqa minnha bejn it-2 ta’ Settembru 2010 u l-21 ta’ Lulju 2011 kienu awtorizzati. Għaldaqstant, dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala ineffettiv sa fejn jikkonċerna t-tranżazzjonijiet imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati li seħħew qabel it-2 ta’ Settembru 2010.

149    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet li seħħew mit-2 ta’ Settembru 2010, hemm lok li jiġi kkunsidrat li l-eżempji ta’ awtorizzazzjoni, imsemmija fil-punt 145 iktar ’il fuq, huma insuffiċjenti sabiex isostnu l-argument tar-rikorrenti li t-tranżazzjonijiet kollha mwettqa minnha matul il-perijodi sussegwenti għat-2 ta’ Settembru 2010, imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati, kienu leċiti. Għaldaqstant dan l-argument għandu jiġi miċħud bħala infondat sa fejn jikkonċerna l-imsemmija tranżazzjonijiet.

150    Fit-tielet lok, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet allegatament imwettqa skont il-proċedura tat-tielet rimedju approvata mill-Bundesbank, ir-rikorrenti ssostni, fis-seduta, li dawn kienu esklużi, skont il-Bundesbank, mill-kamp ta’ applikazzjoni, skont il-każ, tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007 jew tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010. Hija, barra minn hekk, dejjem talbet, sa mill-adozzjoni tar-Regolament Nru 961/2010, awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 21 tiegħu meta tali awtorizzazzjoni kienet meħtieġa. F’dan ir-rigward, barra l-fatt li dan l-aħħar argument għandu jiġi miċħud għar-raġunijiet esposti fil-punt 145 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat, l-ewwel nett, li, fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 135 sa 139 iktar ’il fuq, it-tranżazzjonijiet allegatament imwettqa skont il-proċedura tat-tielet rimedju huma ta’ natura li jiksru l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010. Fil-fatt, dawn it-tranżazzjonijiet għandhom, skont id-definizzjoni mogħtija fir-rikors, bħala għan li jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji li jinteressaw lil entitajiet indikati peress li huma kellhom jippermettu, b’mod partikolari, li jiġu eżegwiti obbligi preċedenti tal-banek Iranjani indikati. Ir-rikorrenti kellha għarfien mhux biss tal-eżistenza tas-sistema ta’ miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran, iżda wkoll tal-fatt li l-proċedura tat-tielet rimedju kienet tippermetti, minkejja l-prinċipju tal-iffriżar ta’ fondi, li jitwettqu tranżazzjonijiet li kienu jikkonċernaw banek indikati.

151    Għaldaqstant it-twettiq, minn istituzzjoni finanzjarja, ta’ tranżazzjonijiet skont il-proċedura tat-tielet rimedju, bħala prinċipju jista’ jiġġustifika l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi, sakemm l-imsemmija tranżazzjonijiet ma kinux awtorizzati mill-awtorità nazzjonali kompetenti b’mod konformi, skont il-każ, mar-Regolament Nru 423/2007 jew mar-Regolament Nru 961/2010, u jaqa’, kuntrarjament għal dak li r-rikorrenti ssostni fis-seduta, taħt il-kamp ta’ applikazzjoni, skont il-każ, tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007 jew tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010.

152    Ir-rikorrenti madankollu ssostni, li dawn it-tranżazzjonijiet kienu leċiti. Sabiex tintwera n-natura leċita tagħhom, hija tipproduċi, fl-anness mar-rikors, b’mod partikolari:

–        żewġ messaġġi elettroniċi mibgħuta mill-Bundesbank lir-rikorrenti, rispettivament tad-19 ta’ April 2007 u tal-1 ta’ Lulju 1007, li l-informazzjoni tagħhom hija kkonfermata minn numru ta’ ittri u minn messaġġi elettroniċi mibgħuta, matul dan l-istess perijodu, skont il-każ, mill-Bank Saderat lir-rikorrenti, mir-rikorrenti lill-Bundesbank, mill-Bundesbank lil Bank Saderat, kif ukoll permezz ta’ noti ta’ konversazzjonijiet telefoniċi, tal-istess perijodu bl-eċċezzjoni ta’ konversazzjoni li seħħet fl-2011, miktuba minn rappreżentanti tar-rikorrenti;

–        tliet ittri indirizzati mill-Österreichische Nationalbank (Bank nazzjonali Awstrijak) lil Wirtschaftskammer Österreich (Kamra tal-Kummerċ Awstrijaka), waħda mhux b’data, l-oħrajn rispettivament tas-27 ta’ Ġunju 2008 u tas-6 ta’ Awwissu 2010, li jesponu r-riżultati ta’ laqgħa Relex/sanzjonijiet tat-13 ta’ Ġunju 2007, il-parir legali tal-Österreichische Nationalbank rigward it-tranżazzjonijiet finanzjarji kif ukoll ir-rekwiżiti ġodda ta’ awtorizzazzjoni li ħarġu mid-Deċiżjoni 2010/413;

–        tliet rapporti ta’ awdituri li tnejn minnhom, tas-16 ta’ Diċembru 2010 u tat-30 ta’ Mejju 2011 rispettivament, twettqu minn rappreżentanti tal-Bundesbank u, it-tielet nett, tat-23 ta’ Diċembru 2010, twettaq minn kumpannija ta’ konsultazzjoni (iktar ’il quddiem ir-“rapport tat-23 ta’ Diċembru 2010”).

153    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, hemm lok li jiġi osservat li, ċertament, skont it-termini tal-messaġġi elettroniċi tal-Bundesbank, minn naħa, “trasferimenti ta’ fondi [setgħu] seħħew bejn kontijiet bankarji ta’ żewġ entitajiet mhux indikati anki meta dawn [kienu] twettqu bl-għan li jirregolaw djun ta’ entità indikata”. Min-naħa l-oħra, jirriżulta mill-messaġġ elettroniku tal-Bundesbank tal-24 ta’ Mejju 2007 li t-talba għal awtorizzazzjoni, tat-18 ta’ April 2007, sabiex jintlaqgħu pagamenti li kienu ġejjin mill-Bank Sepah, kienet “superfluwa”.

154    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawn il-messaġġi elettroniċi, kif ukoll il-messaġġi elettroniċi ta’ konferma u n-noti ta’ konversazzjonijiet telefoniċi huma, fl-assenza ta’ awtorizzazzjonijiet mogħtija każ b’każ, insuffiċjenti sabiex tintwera n-natura leċita, fir-rigward tar-Regolament Nru 423/2007 u tar-Regolament Nru 961/2010, tat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati quddiem kunsiderazzjonijiet ippreżentati fil-punti 136 sa 139 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn naħa, approvazzjoni ġeneralizzata li tkopri, mingħajr distinzjoni tan-natura ta’ tranżazzjonijiet preċiżi u entitajiet indikati kkonċernati, hija insuffiċjenti. Min-naħa l-oħra, il-messaġġi elettroniċi, ittri u telefonati inkwistjoni huma preċedenti, skont il-każ, għal sena jew sentejn għat-tranżazzjonijiet imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati, bl-eċċezzjoni ta’ telefonata li seħħet wara l-elenkar tar-rikorrenti fil-listi. Issa, quddiem ir-rekwiżit ta’ viġilanza li jaqa’ taħt il-punt 138 iktar ’il fuq, istituzzjoni finanzjarja raġonevolment diliġenti jmissha talbet iktar preċiżazzjonijiet fir-rigward tal-“approvazzjoni” rċevuta.

155    It-tieni nett, fir-rigward tal-ittri tal-Österreichische Nationalbank, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li din l-awtorità ma hijiex l-awtorità nazzjonali kompetenti, fis-sens tar-Regolament Nru 423/2007 u tar-Regolament Nru 961/2010, għall-Ġermanja. Issa, ir-rikorrenti hija stabbilita fil-Ġermanja.

156    It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li tallega r-rikorrenti, ma jirriżultax mir-rapporti ta’ kontabbiltà msemmija fit-tielet inċiż tal-punt 152 iktar ’il fuq, li din, fi kwalunkwe każ, ikkonformat ruħha mar-rekwiżiti relatati mal-miżuri restrittivi. Bil-kontra, minbarra l-fatt li ż-żewġ rapporti ta’ awdituri mwettqa mill-Bundesbank kif ukoll ir-rapport tat-23 ta’ Diċembru 2010 huma sussegwenti għal analiżi tat-tranżazzjonijiet finanzjarji mwettqa mir-rikorrenti li ma hijiex eżawrjenti, iżda bbażata fuq kampjun, ir-rapport tat-23 ta’ Diċembru 2010 jikkonstata espliċitament li t-tranżazzjonijiet imwettqa, fl-2010, fil-kuntest tal-proċedura tat-tielet rimedju setgħu jikkompromettu l-għanijiet tal-politika ta’ sanzjonijiet tal-Unjoni.

157    Jirriżulta minn dak kollu li ntqal li, kuntrarjament għal dak li ssostni r-rikorrenti, it-tranżazzjonijiet imsemmija fil-motivi tal-atti kkontestati ma humiex, fl-assenza ta’ awtorizzazzjonijiet maħruġa każ b’każ, leċiti, fir-rigward, skont il-każ, tar-Regolament Nru 423/2007 u tar-Regolament Nru 961/2010, b’mod li, quddiem kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punti 129 u 139 iktar ’il fuq, il-Kunsill seta’ validament jibbaża l-adozzjoni ta’ miżuri restrittivi fir-rigward tar-rikorrenti fuq dawn it-tranżazzjonijiet.

[omissis]

 Fuq l-ilment li jikkonċerna l-evalwazzjoni tal-proposta ta’ elenkar u ta’ eżami mill-ġdid tal-elenkar

[omissis]

 Fuq it-tielet motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tad-dritt għal amministrazzjoni tajba

[omissis]

 Fuq l-eċċezzjoni ta’ illegalità msemmija fl-Artikolu 20(1)(b) tad-Deċiżjoni 2010/413, l-Artikolu 16(2)(b) tar-Regolament Nru 961/2010 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 267/2012

[omissis]

 Fuq ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, tad-dritt għall-proprjetà u tal-libertà ta’ impriża

[omissis]

 Fuq l-effetti ratione temporis tal-annullament tal-atti tat-23 ta’ Mejju 2011

[omissis]

 Fuq l-ispejjeż

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 503/2011, tat-23 ta’ Mejju 2011, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 961/2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/299/PESK, tat-23 ta’ Mejju 2011, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran, huma annullati sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lil Europäisch-Iranische Handelsbank AG.

2)      Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)      Europäisch-Iranische Handelsbank għandha tbati, minbarra tlieta minn ħames partijiet tal-ispejjeż tagħha, it-tlieta minn ħames partijiet tal-ispejjeż sostnuti mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.

4)      Il-Kunsill għandu jbati, minbarra tnejn minn ħames partijiet tal-ispejjeż tiegħu, it-tnejn minn ħames partijiet tal-ispejjeż sostnuti minn Europäisch-Iranische Handelsbank.

5)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

Pelikánová

Jürimäe

Van der Woude

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-6 ta’ Settembru 2013.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1 –      Huma riprodotti biss il-punti minn din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis bħala utli għall-pubblikazzjoni.