Language of document : ECLI:EU:T:2013:405

Kawża T-434/11

(pubblikazzjoni ta’ estratti)

Europäisch-Iranische Handelsbank AG

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Iran bl-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari — Iffriżar ta’ fondi — Obbligu ta’ motivazzjoni — Drittijiet tad-difiża — Dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Dritt għall-proprjetà — Proporzjonalità”

Sommarju — Sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla)
tas-6 ta’ Settembru 2013

1.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Setgħa tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jagħtu approvazzjoni ġeneralizzata għal ċerta kategorija ta’ tranżazzjonijiet — Assenza — Setgħa tal-Kunsill li jibbaża l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi applikabbli fil-futur fuq tranżazzjonijiet awtorizzati — Assenza — Limiti — Ċirkustanzi eċċezzjonali

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikoli 8 sa 10, u Nru 961/2010, Artikoli 17 sa 19)

2.      Unjoni Ewropea — Politika barranija u ta’ sigurtà komuni — Miżuri restrittivi kontra l-Iran — Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari — Tranżazzjonijiet imwettqa bl-intermedju ta’ entità mhux indikata — Kunċett — Kundizzjonijiet għall-ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Kunsill Nru 423/2007, Artikolu 7 (1) sa (3), u Nru 961/2010, Artikolu 16(1) sa (3))

1.      Fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, u iktar partikolarment tal-miżuri meħuda kontra l-Iran bl-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 8 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran kif ukoll dawk tal-Artikoli 17 sa 19 tar-Regolament Nru 961/2010 li ħassru ma jippermettux lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti li jagħtu approvazzjoni ġeneralizzata għal ċerta kategorija ta’ tranżazzjonijiet li għalihom l-entitajiet ikkonċernati minn miżura ta’ ffriżar ta’ fondi jkunu eżenti milli jitolbu awtorizzazzjonijiet każ b’każ.

Tali awtorizzazzjoni, mogħtija każ b’każ, minn awtorità nazzjonali kompetenti, tikkonferma l-legalità, fir-rigward, skont il-każ, ta’ wieħed jew tal-ieħor minn dawn ir-regolamenti, tat-tranżazzjoni awtorizzata. Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax, ħlief f’ċirkustanzi eċċezzjonali li għandu l-obbligu li juri, jibbaża l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi applikabbli fil-futur fuq tranżazzjonijiet awtorizzati, skont il-każ, id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq ta’ dawn ir-regolamenti. Min-naħa l-oħra, sempliċi approvazzjoni ġeneralizzata ma tistax, fl-assenza ta’ awtorizzazzjoni każ b’każ, torbot lill-Kunsill.

L-istruttura ta’ dawn ir-regolamenti ssostni din l-analiżi testwali. Fil-fatt, minħabba l-pożizzjoni tagħhom fl-imsemmija regolamenti dawn id-dispożizzjonijiet jippreżentaw ruħhom bħala modifika għall-prinċipju tal-iffriżar ta’ fondi. Fl-aħħar nett, din l-interpretazzjoni ssuġġerita mill-analiżijiet testwali u kuntestwali hija kompatibbli mal-għan imfittex minn dawn ir-regolamenti, jiġifieri l-intenzjoni li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari u, iktar ġeneralment, li jinżammu l-paċi u s-sigurtà internazzjonali, minħabba l-gravità tar-riskju li toħloq il-proliferazzjoni nukleari.

(ara l-punti 128-131)

2.      Fil-qasam tal-politika barranija u ta’ sigurtà komuni, u iktar partikolarment tal-miżuri meħuda kontra l-Iran bl-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari, jirriżulta mid-dispożizzjonijiet, mill-istruttura u mill-għan imfittex mir-Regolament Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u mir-Regolament Nru 961/2010 li ħassru li tranżazzjonijiet imwettqa bl-intermedju ta’ entità mhux indikata sabiex twettaq pagamenti jew tirregola djun ta’ entitajiet indikati ma humiex awtomatikament leċiti u li, sabiex tiġi ggarantita l-effettività tal-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 423/2007 u tal-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 961/2010, l-entitajiet ikkonċernati għandhom jiżguraw ruħhom mil-legalità ta’ tali tranżazzjonijiet billi jitolbu, jekk ikun il-każ, awtorizzazzjonijiet lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tagħhom.

Fil-fatt, fl-ewwel lok, minn naħa, id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 7(1) sa (3) tar-Regolament Nru 423/2007 u 16(1) sa (3) tar-Regolament Nru 961/2010 jikkostitwixxu miżura ta’ projbizzjoni li t-trasgressjoni tagħha tista’ sservi ta’ bażi awtonoma għall-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet, inklużi dawk kriminali, skont id-dritt nazzjonali applikabbli. Barra minn hekk, meta jsemmi fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010 l-attivitajiet li għandhom bħala għan jew bħala effett dirett jew indirett li jevadu l-miżuri ta’ projbizzjoni stabbiliti fil-paragrafi 1 sa 3 ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-leġiżlatur tal-Unjoni jirreferi għall-attivitajiet li għandhom bħala għan jew bħala riżultat li jeħilsu lill-awtur tagħhom mill-applikazzjoni ta’ din il-miżura ta’ projbizzjoni. Il-kundizzjonijiet kumulattivi ta’ konoxxenza u ta’ intenzjoni stabbiliti f’dawn id-dispożizzjonijiet huma ssodisfatti meta l-persuna li tipparteċipa f’attività inkluża f’dawn id-dispożizzjonijiet tfittex intenzjonalment l-għan jew l-effett, dirett jew indirett, ta’ evażjoni marbuta magħha. Dawn huma wkoll issodisfatti meta l-persuna inkwistjoni tikkunsidra li l-parteċipazzjoni tagħha għal tali attività tista’ jkollha dan l-għan jew dan l-effett u li hija taċċetta din il-possibbiltà. Għaldaqstant, tranżazzjonijiet imwettqa bl-intermedju ta’ entità mhux indikata jistgħu jiksru l-projbizzjoni magħmula rispettivament fl-Artikolu 7(4) tar-Regolament Nru 423/2007 u fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010 peress illi huma għandhom bħala għan li jwettqu tranżazzjonijiet finanzjarji li jinteressaw entità indikata u li l-entitajiet implikati f’tali tranżazzjoni jfittxu effettivament it-twettiq ta’ dan l-għan jew jafu li l-parteċipazzjoni tagħhom f’din it-tranżazzjoni tista’ jkollha dan l-għan jew dan l-effett u jaċċettaw din il-possibbiltà. Min-naħa l-oħra, jirriżulta minn qari a contrario tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 961/2010 — dispożizzjoni li ma għandhiex ekwivalenti fir-Regolament Nru 423/2007 — li t-trasferimenti ta’ fondi għal destinazzjoni jew ta’ provenjenza minn persuni, entitajiet jew organi Iranjani, inklużi l-persuni, entitajiet jew organi Iranjani mhux indikati, jistgħu, bħala prinċipju, jitwettqu dejjem jekk il-kundizzjonijiet tal-imsemmi Artikolu 21 jiġu ssodisfatti. Għaldaqstant, l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 961/2010 jikkostitwixxi modifika għall-prinċipju tal-iffriżar ta’ fondi. Madankollu, it-trasferimenti ta’ fondi li jistgħu jitwettqu skont l-Artikolu 21 ma jistgħux jippermettu li tiġi evitata l-projbizzjoni stabbilita fl-Artikolu 16(4) tar-Regolament Nru 961/2010.

It-tieni nett, l-Artikolu 11a(1)(a) tar-Regolament Nru 423/2007, jimponi fuq l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament Nru 423/2007 li jeżerċitaw viġilanza kontinwa fuq l-attivitajiet tal-kontabbiltà fir-relazzjonijiet tagħhom mal-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu 11a, jiġifieri, b’mod partikolari, l-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu domiċiljati fl-Iran. L-Artikolu 23(1)(a) tar-Regolament Nru 961/2010 jimponi obbligu ta’ viġilanza li jixbah dak tal-istabbilimenti finanzjarji u ta’ kreditu li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 39 ta’ dan ir-regolament. Għaldaqstant, l-effettività tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikoli 7 sa 10 tar-Regolament Nru 423/2007 u tal-Artikoli 16 sa 19 u 21 tar-Regolament Nru 961/2010 tiġi kompromessa jekk entità mhux indikata setgħet liberament twettaq tranżazzjonijiet bl-intermedju ta’ entità mhux indikata għall-finijiet li tirregola d-djun jew li twettaq pagamenti f’isem entità indikata. Minn dan jirriżulta li entità mhux indikata għandha dejjem tiżgura ruħha mil-legalità ta’ tali tranżazzjonijiet billi titlob, jekk ikun il-każ, awtorizzazzjonijiet lill-awtorità nazzjonali kompetenti.

(ara l-punti 133-136, 138-141, 150, 154)