Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Marzu 2012 - Il-Greċja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-105/12)

Lingwa tal-kawża: il-Grieg

Partijiet

Rikorrenti: Ir-Repubblika Ellenika (rappreżentanti: K. Samoni u N. Dafniou)

Konvenuta: Il-Kummissjoni

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tilqa' r-rikors għal annullament;

tannulla d-deċiżjoni kkontestata tal-Kummissjoni; u

tikundnna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Ellenika titlob l-annullament (skont l-Artikolu 263 TFUE) tad-deċiżjoni 1472708, tat-3 ta' Jannar 2012 "li tikkonċerna t-tkomplija tal-ħlas ta' penalità ta' kuljum ta' EUR 31 536 għal kull jum ta' dewmien fit-teħid ta' miżuri neċessarji sabiex wieħed jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-65/05", għall-parti tagħha fejn titlob il-ħlas tal-imsemmija penalità sa mit-22 ta' Awwissu 2011. Skont id-deċiżjoni kkontestata ċċitata iktar 'il fuq, sa fejn, skont il-Kummissjoni, jidher li r-Repubblika Ellenika ma adottatx il-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-65/05 u wara t-tieni sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża C-109/08, ir-Repubblika Ellenika hija mistiedna tħallas is-somma ta' EUR 4 825 008 bħala penalità għall-perijodu mill-1 ta' Lulju 2011 sat-30 ta' Novembru 2011.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka l-motivi li ġejjin.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-evalwazzjoni żbaljata, min-naħa tal-Kummissjoni, tat-teħid ta' miżuri neċessarji mir-Repubblika Ellenika sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja

Il-konvenuta wettqet evalwazzjoni u interpretazzjoni żbaljati tal-miżuri meħuda mir-Repubblika Ellenika sabiex tikkonforma ruħha mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-Repubblka Ellenika ssostni li hija ħadet il-miżuri neċessarji kollha sabiex timplementa s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, billi adottat il-liġi 4002/20111 liema liġi tħassar - hekk kif tirrikjedi s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-Kawża C-65/05 - l-Artikoli kontenzjużi tal-liġi 3037/2002.

It-tieni motiv ibbażat fuq l-aġir ultra vires min-naħa tal-Kummissjoni

Il-Kummissjoni marret lil hinn mil-limiti tal-missjoni tagħha bħala gwardjan tat-Trattat, peress li din ma kkuntentatx ruħha bl-implementazzjoni, manifesta jew le, tal-miżuri ta' konformità. Barra minn hekk, hija marret lil hinn mis-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja, sa fejn ir-Repubblika Ellenika ikkonformat b'mod sħiħ ma' dawn tal-aħħar.

It-tielet motiv ibbażat fuq nuqqas ta' motivazzjoni mill-Kummissjoni

Fid-deċiżjoni tagħha, ikkontestata f'dan il-każ mir-Repubblika Ellenika, il-Kummissjoni la mmotivat u lanqas ma esponiet b'mod espress ir-raġunijiet li għalihom hija talbet it-tkomplija tal-ħlas tal-penalità għall-perijodu ta' wara l-adozzjoni tal-liġi 4002/2011, jiġifieri għall-perijodu mit-22 ta' Awwissu 2011 sat-30 ta' Novembru 2011.

Ir-Repubblika Ellenika tikkontesta dan l-ammont addizzjonali, sa fejn hija tqis li hija kkonformat ruħha totalment mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja sa mill-pubblikazzjoni tal-imsemmija liġi.

Ir-raba' motiv ibbażat fuq l-użu ta' bażi legali żbaljata

Skont ir-Repubblika Ellenika, li kieku l-Kummissjoni qieset li r-Repubbika Ellenika ma applikatx il-liġi 4002/2011 b'mod korrett, hija kellha tagħmel użu mill-Artikolu 258 TFUE billi tiftaħ proċedura ta' ksur ġdida, minflok ma teżiġi t-tkomplija tal-ħlas tal-penalità.

____________