Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Frar 2012 - T&L Sugars u Sidul Açúcares vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-103/12)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: T&L Sugars Ltd (London, ir-Renju Unit) u Sidul Açúcares, Unipessoal Lda (Santa Iria de Azóia, il-Portugall) (rappreżentanti: D. Waelbroeck, avukat, u D. Slater, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea u l-Unjoni Ewropea, irrapreżentati mill-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikajra ammissibili u fondat dan ir-rikors għal annullament ibbażat fuq ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE u/jew l-eċċezzjoni ta' illegalità mqajma skont l-Artikolu 277 TFUE, kontra r-Regolamenti Nru 1240/2011, Nru 1308/2011, Nru 1239/2011, Nru 1281/2011, Nru 1316/2011, Nru 1384/2011, Nru 27/2012 u Nru 57/2012;

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1240/2011, tat-30 ta' Novembru 2011, li jistabbilixxi miżuri eċċezzjonali fir-rigward tar-rilaxx ta' zokkor u iżoglukożju 'l fuq mill-kwota fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2011/2012 (ĠU L 318, p. 9);

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1308/2011, tal-14 ta' Diċembru 2011, li jiffissa l-koeffiċjent tal-allokazzjoni, li jirrifjuta iktar applikazzjonijet u li jagħlaq il-perjodu għat-tressiq tal-applikazzjonijiet għall-kwantitajiet disponibbli ta' zokkor barra mill-kwota li jkunu se jinbiegħu fis-suq tal-Unjoni b'imposta mnaqqsa fuq l-ammont żejjed matul is-sena tas-suq 2011/2012 (ĠU L 332, p. 8);

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1239/2011, tat-30 ta' Novembru 2011, li jiftaħ sejħa permanenti għat-tressiq ta' offerti għall-importazzjonijiet taz-zokkor bil-kodiċi tan-NM bin-numru 1701 b'dazju doganali mnaqqas għas-sena tas-suq 2011/2012 (ĠU L 318, p. 4);

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1281/2011, tat-8 ta' Diċembru 2011, dwar id-dazju doganali minimu li għandu jiġi stabbilit bi tweġiba għall-ewwel stedina parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċeduri tal-offerti miftuħin bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2011 (ĠU L 327, p. 60);

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1316/2011, tal-15 ta' Diċembru 2011, dwar id-dazju doganali minimu li għandu jiġi stabbilit bi tweġiba għat-tieni stedina parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċeduri tal-offerti miftuħin bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2011 (ĠU L 334, p. 16);

tannnulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1384/2011, tat-22 ta' Diċembru 2011, dwar id-dazju doganali minimu li għandu jiġi stabbilit bi tweġiba għat-tielet stedina parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċeduri tal-offerti miftuħin bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2011 (ĠU L 343, p. 33);

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 27/2012, tat-12 ta' Jannar 2012, dwar id-dazju doganali minimu għaz-zokkor li għandu jiġi stabbilit bi tweġiba għar-raba' stedina parzjali għall-offerti fil-qafas tal-proċeduri tal-offerti miftuħin bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2011 (ĠU L 9, p. 12); u

tannulla r-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 57/2012, tat-23 ta' Jannar 2012, li jissuspendi l-proċedura ta' sejħa għall-offerti miftuħa bir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) Nru 1239/2011 (ĠU L 19, p. 12);

sussidjarjament, tilqa' l-eċċezzjoni ta' illegalità kontra l-Artikoli 186(a) u 187 tar-Regolament 1234/2007  bħala ammissibbli u fondata, filwaqt li tiddikjara dawn id-dispożizzjonijiet leġiżlattivi bħala illegali u tannulla r-regolamenti kkontestati, li huma direttament jew indirettament ibbażati fuq dawn id-dispożizzjonijiet;

tikkundanna lill-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, sabiex tikkumpensa kull dannu subit mir-rikorrenti sussegwentement għall-ksur mill-Kummissjoni tal-obbligi tagħha, u li tiffissa l-ammont tal-kumpens għad-dannu subit mir-rikorrenti għall-perijodu mill-1 ta' April 2011 sad-29 ta' Jannar 2012 għal EUR 87 399 257, flimkien mat-telf kurrenti subit mir-rikorrenti wara din id-data, jew ta' kull ammont ieħor li jirrifletti d-dannu li kien jew ser ikun subit mir-rikorrenti bħal ma huma jew ser jistabbilixxu matul it-tul ta' din il-proċedura, b'mod partikolari sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dannu fil-futur;

tikkundanna l-ħlas ta' interessi bir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għat-tranżazzjonijiet prinċipali ta' finanzjament mill-ġdid tiegħu, flimkien ma' żieda ta' 2 %, jew kull rata xierqa oħra li ser tiġi stabbilita mill-Qorti Ġenerali, fuq is-somma dovuta bejn id-data tad-deċiżjoni li ser tingħata u dik tal-ħlas effettiv;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka sitt motivi.

L-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, fejn l-atti kkontestati joħolqu diskriminazzjoni għad-dannu tar-raffineriji taz-zokkor u favur proċessuri tal-pitravi.

It-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tar-Regolament Nru 1234/2007 u tan-nuqqas ta' bażi legali xieraq, peress li l-konvenuta ma għandhiex is-setgħa li żżid il-kwoti u għandha l-obbligu li timponi imposti għoljin u dissważivi fuq it-tqegħid fis-suq ta' zokkor 'l fuq mill-kwota. Minbarra dan, hija lanqas ma għandha mandat jew setgħa sabiex timponi miżura ta' dan it-tip, li qatt ma kienet intenzjonata mil-leġiżlazzjoni bażika.

It-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali, peress li r-Regolament Nru 1239/2011 u r-regolamenti ta' implementazzjoni tiegħu ħolqu sistema li fiha d-dazji doganali ma humiex prevedibbli u ffissati peremzz ta' kriterji koerenti u oġġettivi, iżda huma stabbiliti bil-volontà suġġettiva ta' ħlas, mingħajr rabta mal-prodotti importati.

Ir-raba' motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, sa fejn il-konvenuta setgħet faċilment tadotta miżuri inqas restrittivi, li ma kinux jittieħdu esklużivament għad-dannu tar-raffineriji importaturi.

Il-ħames motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-aspettattivi leġittimi, peress li l-konvenuta ma osservatx l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti li jiġu kkunsidrati b'mod ekwilibrat, xieraq u mhux diskriminatorju.

Is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipji ta' diliġenza u ta' amministrazzjoni tajba, peress li l-konvenuta kienet mill-bidu naqset totalment milli taġixxi, minkejja t-twissijiet repetuti relatati mat-taqlib fis-suq, sussegwentement adottat miżuri manifestament mhux xierqa sabbiex tiġġieled kontra dan it-taqlib u, meta għamlet dan, kisret l-ekwilibriju li l-Kunsill kien stabbilixxa bejn il-prodotturi interni u r-raffineriji importaturi.

Għall-annullament tar-Regolament Nru 57/2012, ir-rikorrenti jinvokaw biss l-ewwel, ir-raba' u s-sitt motivi.

Sussidjarjament, ir-rikorrenti jinvokaw il-miżuri iktar 'il fuq kontra r-Regolament Nru 1239/2011 u r-Regolament Nru 1308/2011, insostenn tal-illegalità ta' dawn ir-regolamenti, skont l-Artikolu 277 TFUE. Fl-eventwalità li l-Qorti Ġenerali tiċħad dawn il-motivi ta' annullament, il-partijiet jinvokaw ukoll l-illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, tal-Artikolu 186(a) u tal-Artikolu 187 tar-Regolament Nru 1234/2007, li jikkostitwixxu l-bażi legali tar-regolamenti kkontestati, u jitolbu l-annullament ta' dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll tar-regolamenti kkontestati.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta' Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta' swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (Ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1).