Language of document : ECLI:EU:C:2021:309

DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)

15 ta’ April 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja – Direttiva 2011/83/UE – Kuntratti konklużi mal-konsumaturi – Artikolu 21 – ‘Komunikazzjoni bit-telefon’ – Użu ta’ linja telefonika minn kummerċjant sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jikkuntattjawh fir-rigward ta’ kuntratt konkluż – Stabbiliment minn kumpannija, fil-kuntest tas-servizz tagħha ta’ wara l-bejgħ li jikkonċerna l-kuntratti konklużi, ta’ żewġ linji telefoniċi, jiġifieri linja fissa b’tariffa ogħla min-normal u linja mobbli bla ħlas – Kontenut tal-mezzi ta’ komunikazzjoni intiżi għall-klijenti – Ammissibbiltà ta’ linja telefonika ta’ assistenza li tesponi lill-klijenti għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika – Kunċett ta’ ‘tariffa bażika’”

Fil-Kawża C‑594/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja), permezz ta’ deċiżjoni tal‑11 ta’ Novembru 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit‑12 ta’ Novembru 2020, fil-proċedura

Kuluttaja-asiamies

vs

MiGame Oy

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),

komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, C. Toader (Relatriċi) u N. Jääskinen, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Pitruzzella,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li tinqata’ l-kawża permezz ta’ digriet motivat, konformement mal-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja,

tagħti l-preżenti

Digriet

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2011, L 304, p. 64).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn il-Kuluttaja-asiamies (l-Ombudsman tal-Konsumaturi, il-Finlandja) (iktar ’il quddiem l- “Ombudsman”) u MiGame Oy, kumpannija stabbilita fil-Finlandja, dwar il-kontenut tal-mezzi ta’ komunikazzjoni intiżi għall-klijentela ta’ din il-kumpannija, li juru numru tat-telefon ta’ assistenza b’tariffa ogħla mit-tariffa bażika, għall-konsumaturi li diġà kkonkludew kuntratt magħha.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2011/83 jiddefinixxi l-għan ta’ din tal-aħħar kif ġej:

“L-għan ta’ din id-Direttiva huwa, permezz tal-ksib ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, li tikkontribwixxi għat-tħaddim tajjeb tas-suq intern billi tagħmel approssimazzjoni ta’ ċerti aspetti tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-Istati Membri dwar kuntratti konklużi bejn konsumaturi u kummerċjanti.”

4        L-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva, intitolat “Livell ta’ armonizzjoni”, jipprovdi:

“L-Istati Membri m’għandhomx jippreservaw jew jintroduċu, fil-liġi nazzjonali tagħhom, dispożizzjonijiet diverġenti minn dawk stipulati f’din id-Direttiva, inklużi dispożizzjonijiet iktar jew inqas strinġenti biex jiżguraw livell differenti ta’ protezzjoni tal-konsumatur, sakemm din id-Direttiva ma tipprovdix mod ieħor.”

5        L-Artikolu 21 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Komunikazzjoni bit-telefon”, jipprevedi:

“L-Istati Membri għandhom jiggarantixxu li, fejn il-kummerċjant juża linja telefonika għall-iskop li jikkuntattja lill-konsumatur bit-telefon dwar il-kuntratt konkluż, il-konsumatur mhuwiex marbut iħallas aktar mit-tariffa bażika, meta jikkuntattja lill-kummerċjant.

L-ewwel subparagrafu Dan huwa bla ħsara għad-dritt tal-operaturi ta’ servizzi ta’ telekomunikazzjoni li japplikaw tariffa għal dawn it-telefonati.”

 Id-dritt Finlandiż

6        L-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 ġie traspost fil-leġiżlazzjoni Finlandiża fl-Artikolu 14 tal-Kapitolu II tal-kuluttajansuojalaki (38/1978) (il-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi (38/1978)), tal‑20 ta’ Jannar 1978, kif emendata bil-laki kuluttajansuojalain muuttamisesta (1211/2013) (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar il-Protezzjoni tal-Konsumaturi (1211/2013)), tat‑30 ta’ Diċembru 2013 (iktar ’il quddiem il-“Liġi 38/1978”).

7        L-Artikolu 14 tal-Kapitolu II tal-Liġi 38/1978 jipprevedi:

“Fil-każ ta’ komunikazzjoni telefonika dwar kuntratt fuq oġġetti tal-konsum li n-negozjant ikkonkluda, il-kummerċjant ma jistax juża servizz li għall-użu tiegħu l-konsumatur isostni spejjeż ogħla mit-tariffa tal-kuntratt ta’ abbonament tal-konsumatur jew ta’ spejjeż ogħla minn tariffa normali kkalkolata, li tikkorrispondi mat-tariffa tal-kuntratt ta’ abbonament.

It-tariffa normali kkalkolata hija tariffa bbażata fuq il-prezz minimu tal-impriżi ta’ telekomunikazzjonijiet u l-ishma tas-suq miżjuda b’20 %. Il-Viestintävirasto (l-Awtorità Regolatorja tat-Telekomunikazzjonijiet, il-Finlandja) tikkalkula u tippubblika kull sena t-tariffa normali kkalkulata. Dispożizzjonijiet iktar iddettaljati dwar il-metodu ta’ kalkolu tat-tariffa normali u dwar il-pubblikazzjoni tagħha jiġu ppubblikati permezz ta’ digriet tal-Ministeru tal-Ġustizzja.

Sa fejn il-kummerċjant jikser id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artiklu, il-konsumatur għandu dritt għal kumpens min-naħa tal-kummerċjant għall-ispejjeż tat-telefon li jkunu qabżu l-ogħla tariffa possibbli skont l-ewwel paragrafu.

[…]”

8        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 16 tal-imsemmi Kapitolu II tal-Liġi 38/1978, intitolat “Projbizzjoni”, jipprovdi:

“Meta dan ikun meħtieġ fl-interess tal-protezzjoni tal-konsumaturi, kummerċjant jista’ jiġi pprojbit milli jkompli jew jirrikorri għal prattika li tmur kontra d-dispożizzjonijiet ta’ dan il-kapitolu jew id-dispożizzjonijiet adottati skont dawn tal-aħħar jew prattika paragunabbli magħhom. Il-projbizzjoni hija suġġetta għal multa, ħlief jekk dan ma jkunx neċessarju għal raġunijiet speċifiċi.”

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

9        MiGame għandha prinċipalment bħala attività l-kummerċjalizzazzjoni tal-logħob diġitali.

10      Il-qorti tar-rinviju tippreċiża li din il-kumpannija indikat għal xi żmien, fuq is-siti tal-internet tagħha latauskoodit.fi, migame.fi, viihdemaa.fi, fuq il-paġna Facebook tagħha kif ukoll f’posta elettronika mibgħuta lill-konsumaturi dwar kuntratti konklużi, l-ewwel numru tat-telefon ta’ assistenza nazzjonali, jiġifieri l-0600-[…], li għalih kien speċifikat, fil-parti l-kbira tal-każijiet, li t-telefonati li saru permezz ta’ dan in-numru kienu ffatturati bir-rata ta’ EUR 1.98 il-minuta.

11      Sussegwentement, matul is-snin 2019 u 2020, minbarra dan l-ewwel numru, ġie indikat ukoll it-tieni numru ta’ assistenza f’ċerti każijiet, permezz, b’mod partikolari, tan-nota segwenti: “Is-servizz tal-klijentela tagħna huwa aċċessibbli primarjament bit-telefon permezz tas-servizz telefoniku tagħna disponibbli 24 siegħa kuljum fin-numru 0600‑[…], (1.98 [euro]/min). Jekk id-domanda tiegħek tirrigwarda ordni diġà magħmula, inti tista’ wkoll tikkuntattja n-numru ta’ assistenza lill-klijenti bla ħlas fuq 045-[…], (bejn 11 u 17 siegħa fil-jiem ta’ xogħol)”. L-imsemmija qorti tindika, dejjem bħala eżempju, li dan l-aħħar numru tat-telefon ċellulari, mingħajr ħlas, kien jinsab ukoll, fil-kundizzjonijiet ta’ kunsinna li jidhru fuq is-sit internet latauskoodit.fi, filwaqt li kien biss l-ewwel numru ta’ assistenza bi ħlas li deher fuq il-paġna ewlenija ta’ dan is-sit internet u fid-dettalji ta’ kuntatt.

12      Permezz ta’ rikors ippreżentat fl‑20 ta’ Awwissu 2019, l-Ombudsman adixxa lill-Markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi, il-Finlandja) sabiex tipprekludi lil MiGame, taħt piena ta’ multa bbażata fuq l-Artikolu 16 tal-Kapitolu II tal-Liġi 38/1978, milli tkompli jew ittenni l-prattika li tikkonsisti fil-komunikazzjoni lill-klijenti tagħha ta’ numru tat-telefon b’tariffa ogħla f’dak li jirrigwarda l-kuntratti li jirrigwardaw oġġett ta’ konsum u konklużi ma’ konsumatur.

13      Insostenn tar-rikors tiegħu, l-Ombudsman isostni li d-Direttiva 2011/83 tipprekludi li kummerċjant iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu numru tat-telefon suġġett għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika, anki jekk huwa jqiegħed ukoll għad-dispożizzjoni tagħhom, fl-istess ħin, numru ieħor, li t-tariffa tiegħu ma taqbiżx din it-tariffa bażika. Barra minn hekk, l-Ombudsman iqis li t-tariffa normali, prevista fl-Artikolu 14 tal-Kapitolu II tal-Liġi 38/1978, teċċedi fil-prattika l-ispiża reali, għall-konsumatur, ta’ telefonata lejn linja tat-telefon fissa ġeografika jew mobbli standard. Il-kunċett ta’ “tariffa bażika”, imsemmi fl-Artikolu 21 ta’ din id-direttiva, jipprekludi li l-ispiża ta’ telefonata relatata ma’ kuntratt konkluż u lejn linja tat-telefon ta’ assistenza operata mill-kummerċjant tista’ taqbeż l-ispiża ta’ telefonata magħmula permezz ta’ linja fissa ġeografika jew mobbli standard.

14      MiGame titlob lill-qorti tar-rinviju tiċħad ir-rikors billi ssostni li hija kienet diġà implimentat l-emendi mitluba mill-Ombudsman u li hija temmet il-prattika deskritta fir-rikors ippreżentat minn dan tal-aħħar.

15      Sabiex issolvi l-kawża li tressqet quddiemha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar jekk kummerċjant jiksirx id-dispożizzjonijiet dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi billi jindika numru ta’ assistenza nazzjonali li jħallas għall-użu għat-telefonati relatati ma’ kuntratt li jirrigwarda oġġetti ta’ konsum li ġie konkluż u, għaldaqstant, jekk għandhiex tiġi pprojbita l-kontinwazzjoni jew ir-repetizzjoni ta’ tali prattika.

16      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-markkinaoikeus (il-Qorti tal-Affarijiet Ekonomiċi) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:

“1)      L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva [2011/83] għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi lil kummerċjant milli jipprovdi, minbarra linja tat-telefon li għaliha ma jitħallasx iktar mit-tariffa bażika, linja tat-telefon li l-konsumatur jista’ juża għal kwistjonijiet relatati ma’ kuntratt konkluż preċedentement u li għall-użu tagħha jitħallas prezz li jeċċedi t-tariffa bażika, u, barra minn hekk, fil-każ li l-provvista ta’ linja tat-telefon li għaliha jitħallas prezz li jeċċedi t-tariffa bażika titqies li hija kompatibbli mal-Artikolu 21 f’ċerti ċirkustanzi, il-fatturi, pereżempju, jekk huwiex faċli li jinstab in-numru tat-telefon suġġett għat-tariffa bażika, jekk l-użu intenzjonat għan-numri tat-telefon huwa speċifikat b’ċarezza suffiċjenti u jekk hemmx differenzi sinjifikattivi fid-disponibbiltà jew fil-livell ta’ servizz lill-konsumatur, huma rilevanti għall-evalwazzjoni?

2)      Il-kunċett ta’ “tariffa bażika” skont l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li kummerċjant jista’ jipprovdi, bħala linja tat-telefon intiża għas-servizz lill-konsumatur għal kwistjonijiet relatati ma’ kuntratti konklużi preċedentement, biss linja tat-telefon ġeografika standard jew linja tat-telefonija mobbli jew linja mingħajr ħlas għall-konsumaturi, u, barra minn hekk, fil-każ li l-kummerċjant ikun permess li jipprovdi linja tat-telefon oħra, x’inhu l-ammont massimu li konsumatur jista’ jintalab li jħallas għall-użu ta’ dik il-linja tat-telefon jekk ikun ikkonkluda kuntratt tat-telefon bħala parti minn pakkett?”

 Fuq id-domandi preliminari

17      Skont l-Artikolu 99 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta r-risposta għal domanda preliminari tkun tista’ tiġi dedotta b’mod ċar mill-ġurisprudenza jew meta r-risposta għad-domanda magħmula ma tħalli lok għal ebda dubju raġonevoli, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull mument, fuq proposta tal-Imħallef Relatur u wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.

18      F’din il-kawża, hemm lok li tiġi applikata din id-dispożizzjoni.

19      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu ttrattati flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kummerċjant iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu, minbarra numru tat-telefon li t-tariffa tiegħu ma taqbiżx it-tariffa bażika, numru tat-telefon suġġett għal tariffa ogħla minn din it-tariffa tal-aħħar u li l-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt ma’ dan il-kummerċjant jirriskjaw li jużaw.

20      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, kif jirriżulta mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, meta l-kummerċjant juża linja tat-telefon sabiex jikkuntattjah bit-telefon dwar il-kuntratt konkluż, il-konsumatur, meta jindirizza lil dan il-kummerċjant, ma jkunx marbut iħallas iktar mit-tariffa bażika.

21      Fir-rigward tal-kunċett ta’ “tariffa bażika”, fis-sens tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, għandu jiġi enfasizzat li din tkopri tariffa abitwali ta’ komunikazzjoni telefonika, mingħajr spejjeż addizzjonali għall-konsumatur. Il-fatt li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 21, tad-Direttiva 2011/83, il-persuni li jipprovdu servizzi bit-telefon għandhom id-dritt jiffatturaw lill-konsumaturi t-telefonati huwa mingħajr effett fuq il-kunsiderazzjonijiet preċedenti, bil-kundizzjoni li l-ammonti ffatturati ma jeċċedux il-prezzijiet abitwali li dawn tal-aħħar ikunu ħallsu għal telefonata standard (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2017, Zentrale zur Bekämpfung unlauteren Wettbewerbs Frankfurt am Main, C‑568/15, EU:C:2017:154, punti 27 u 30).

22      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fil-punt 33 tas-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Starman (C‑332/17, EU:C:2018:721), li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li, jekk kummerċjant ikun poġġa fid-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu kollha numru tat-telefon speed dial wieħed jew diversi suġġetti għal tariffa ogħla mit-tariffa bażika, il-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt ma’ dan il-kummerċjant iħallsu iktar mit-tariffa bażika meta huma jikkuntattjaw lill-imsemmi kummerċjant, bit-telefon, dwar dan il-kuntratt.

23      F’dan il-każ, mill-indikazzjonijiet ipprovduti mill-qorti tar-rinviju jirriżulta li għalkemm in-numru tat-telefon disponibbli bit-tariffa bażika kien xi drabi jissemma f’ċerti mezzi ta’ komunikazzjoni indirizzati lill-klijentela ta’ MiGame, huwa paċifiku li dan ma kienx dejjem il-każ u, tal-inqas, li dawn il-mezzi kienu ta’ spiss jippreferu l-wiri tan-numru tal-linja ta’ assistenza b’tariffa ogħla min-normal.

24      Issa, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, fil-każ fejn, minn naħa, kuntratt ikun ġie konkluż bejn il-kummerċjant u l-konsumatur, u, min-naħa l-oħra, it-telefonata tal-konsumatur tikkonċerna dan il-kuntratt, l-imsemmi konsumatur ma għandux iħallas iktar mit-tariffa bażika sabiex jikkjarifika kwistjonijiet relatati mal-eżekuzzjoni tal-imsemmi kuntratt jew sabiex jinvoka d-drittijiet iggarantiti minn din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Starman, C‑332/17, EU:C:2018:721, punti 29 u 30).

25      Għaldaqstant, mill-kuntest li jidħol fih l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li l-kummerċjant jista’ jattribwixxi lill-konsumatur, li jeżerċita d-drittijiet li huma mogħtija lilu minn din id-direttiva, biss l-ispejjeż li ma jeċċedux l-ispiża li tikkorrispondi mat-tariffa bażika (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Starman, C‑332/17, EU:C:2018:721, punt 25).

26      Ċertament, din id-dispożizzjoni ma tipprekludix li kummerċjant iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-pubbliku linji tat-telefon differenti, skont l-emittenti ta’ dawn it-telefonati u s-suġġett tagħhom, u b’mod partikolari billi jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li l-emittent diġà kkonkluda kuntratt ma’ dan il-professjonist jew għadu ma għamilx dan. Madankollu, in-numru tal-linja telefonika stabbilita speċifikament għar-relazzjonijiet mal-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt mal-kummerċjant u skont tariffa li ma taqbiżx it-tariffa bażika għandu jissemma fil-mezzi ta’ komunikazzjoni intiżi għall-klijentela tiegħu, u jkun identifikabbli faċilment mill-konsumaturi fuq dawn il-mezzi.

27      F’dan ir-rigward, sabiex tiġi evitata kull konfużjoni f’moħħ il-pubbliku, għalkemm in-numri ta’ linji telefoniċi differenti mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-kummerċjant jistgħu jissemmew fl-istess ħin fil-mezzi ta’ komunikazzjoni, in-numru tal-linja suġġett għal tariffa addizzjonali taxxabbli ma għandux jidher hemmhekk b’mod prominenti u l-użi li għalihom huma intiżi dawn id-diversi linji tat-telefon għandhom jiġu indikati b’mod suffiċjentement ċar u komprensibbli. Barra minn hekk, bejn il-linja tat-telefon li tosserva t-tariffa bażika u dik suġġetta għal tariffa ogħla intaxxata, ma għandux ikun hemm, għad-detriment tas-servizz ta’ assistenza offrut lill-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt ma’ dan il-kummerċjant, differenzi sinjifikattivi fl-aċċessibbiltà u l-livell tas-servizz.

28      Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma konformi mal-għan imfittex mid-Direttiva 2011/83, li, kif jirriżulta mill-Artikolu 1 tagħha, huwa li jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi billi tiġi ggarantita l-informazzjoni u s-sigurtà tagħhom fit-tranżazzjonijiet mal-kummerċjanti.

29      Issa, il-possibbiltà għall-konsumatur, prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83, ladarba l-kuntratt konkluż, jikkomunika b’mod effettiv mal-kummerċjant billi jikkuntattja lill-kummerċjant mingħajr ma jbati spejjeż żejda, hija ta’ importanza fundamentali għas-salvagwardja u l-implimentazzjoni effettiva tad-drittijiet tal-konsumatur.

30      Għandu jiġi ppreċiżat ukoll li mill-Artikolu 4 tad-Direttiva 2011/83 jirriżulta li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumaturi żgurat mid-dispożizzjonijiet nazzjonali previsti mill-Istati Membri ma jistax jitbiegħed minn dak stabbilit minn din id-direttiva, ħlief jekk din tipprovdi mod ieħor. F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 21 tal-imsemmija ma jikkostitwixxix eċċezzjoni għall-obbligu hekk impost fuq l-Istati Membri li ma jiddevjawx mil-livell ta’ protezzjoni stabbilit mill-istess direttiva (sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Starman, C‑332/17, EU:C:2018:721, punt 28).

31      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi preliminari magħmula għandha tkun li l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kummerċjant iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu, minbarra numru tat-telefon li t-tariffa tiegħu ma taqbiżx it-tariffa bażika, numru tat-telefon suġġett għal tariffa ogħla minn din it-tariffa tal-aħħar u li l-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt ma’ dan il-kummerċjant jirriskjaw li jużaw.

 Fuq l-ispejjeż

32      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tad-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal25 ta’ Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li kummerċjant iqiegħed għad-dispożizzjoni tal-klijenti tiegħu, minbarra numru tat-telefon li t-tariffa tiegħu ma taqbiżx it-tariffa bażika, numru tat-telefon suġġett għal tariffa ogħla minn din it-tariffa tal-aħħar u li l-konsumaturi li jkunu kkonkludew kuntratt ma’ dan il-kummerċjant jirriskjaw li jużaw.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż.