Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tal-10 ta’ April 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Landgericht Berlin - il-Ġermanja) – Romano Pisciotti vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-191/16) 1

(Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Ċittadinanza tal-Unjoni – Artikoli 18 u 21 TFUE – Estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika ta’ ċittadin ta’ Stat Membru li eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu – Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u dan l-Istat terz – Kamp ta’ applikazzjoni tad-dritt tal-Unjoni – Projbizzjoni ta’ estradizzjoni applikata biss għaċ-ċittadini nazzjonali – Restrizzjoni għall-moviment liberu – Ġustifikazzjoni bbażata fuq il-prevenzjoni tal-impunità – Proporzjonalità – Informazzjoni tal-Istat Membru ta’ oriġini taċ-ċittadin tal-Unjoni)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Berlin

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: Romano Pisciotti

Konvenuta: Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

Dispożittiv

Id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat fis-sens li, fil-każ, bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti jkun ġie arrestat, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ din it-talba, fi Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, is-sitwazzjoni ta’ dan iċ-ċittadin tkun taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan id-dritt peress li l-imsemmi ċittadin ikun eżerċita d-dritt tiegħu ta’ moviment liberu fl-Unjoni Ewropea u l-imsemmija talba għall-estradizzjoni tkun saret fil-kuntest tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tal-25 ta’ Ġunju 2003.

Fil-każ, bħal dak fil-kawża prinċipali, fejn ċittadin tal-Unjoni li jkun is-suġġett ta’ talba għall-estradizzjoni lejn l-Istati Uniti tal-Amerika, fil-kuntest tal-Ftehim dwar l-estradizzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Uniti ta’ l-Amerika tal-25 ta’ Ġunju 2003, ikun ġie arrestat fi Stat Membru li ma jkunx dak li tiegħu huwa għandu n-nazzjonalità, bil-ħsieb tal-possibbiltà ta’ eżekuzzjoni ta’ din it-talba, l-Artikoli 18 u 21 TFUE għandhom jiġu interpretati fis-sens li huma ma jipprekludux lill-Istat Membru mitlub milli jistabbilixxi distinzjoni fuq il-bażi ta’ regola tad-dritt kostituzzjonali bejn iċ-ċittadini tiegħu u ċ-ċittadini ta’ Stati Membri oħra u milli jawtorizza din l-estradizzjoni meta huwa ma jkunx jippermetti l-estradizzjoni taċ-ċittadini tiegħu stess, sakemm huwa jkun qiegħed minn qabel lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru li tiegħu dan iċ-ċittadin ikollu n-nazzjonalità f’pożizzjoni li jitolbu l-konsenja ta’ dan iċ-ċittadin fil-kuntest ta’ mandat ta’ arrest Ewropew u dan l-Istat Membru tal-aħħar ma jkun ħa ebda miżura f’dan is-sens.

____________

1     ĠU C 270, 25.7.2016.