Language of document : ECLI:EU:C:2018:257

Kawża C414/16

Vera Egenberger

vs

Evangelisches Werk für Diakonie und Entwicklung eV

(talba għal deċiżjoni preliminari, imressqa mill-Bundesarbeitsgericht)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika soċjali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fit-trattament – Differenza fit-trattament ibbażata fuq reliġjon jew twemmin – Attivitajiet professjonali fi knejjes jew organizzazzjonijiet oħrajn li l-etos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin – Reliġjon jew twemmin li jikkostitwixxu rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos tal-organizzazzjoni – Kunċett – Natura tal-attivitajiet u l-kuntest li fih jitwettqu – Artikolu 17 TFUE – Artikoli 10, 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas‑17 ta’ April 2015

1.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Ċaħda ta’ kandidatura għal pożizzjoni minn knisja jew organizzazzjoni oħra bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Ċaħda bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin li tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos tal-organizzazzjoni – Obbligu għall-Istati Membri li jipprevedu stħarriġ ġudizzjarju effettiv

(Artikolu 17 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 10 u 47; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 4(2), 9 u 10)

2.        Politika soċjali – Ugwaljanza fit-trattament fil-qasam tal-impjieg u tax-xogħol – Direttiva 2000/78 – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Kunċett ta’ rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat – Portata – Osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

(Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikolu 4(2))

3.        Dritt tal-Unjoni – Prinċipji – Ugwaljanza fit-trattament – Projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin – Rabta mad-Direttiva 2000/78 – Natura invokabbli tal-Artikoli 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea – Tilwima bejn żewġ individwi – Obbligi u setgħat tal-qorti nazzjonali – Interpretazzjoni tal-leġiżlazzjoni nazzjonali b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni – Limiti – Interpretazzjoni contra legem tad-dritt nazzjonali – Obbligu li kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja għad-dritt tal-Unjoni titħalla inapplikata

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 21 u 47; Direttiva tal-Kunsill 2000/78, Artikoli 1 u 4(2))

1.      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE tas‑27 ta’ Novembru 2000 li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, moqri flimkien mal-Artikoli 9 u 10 tagħha, kif ukoll mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta knisja jew organizzazzjoni oħra li l-etos tagħha huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin issostni, insostenn ta’ att jew ta’ deċiżjoni bħaċ-ċaħda ta’ kandidatura għal impjieg magħha, li, minħabba n-natura tal-attivitajiet ikkonċernati jew il-kuntest li fih dawn l-attivitajiet jitwettqu, ir-reliġjon tikkostitwixxi rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat fid-dawl tal-etos ta’ din il-knisja jew organizzazzjoni, tali allegazzjoni għandha, skont il-każ, tkun tista’ tiġi suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju effettiv li jirrikjedi li jiġi żgurat, fil-każ inkwistjoni, li l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 huma ssodisfatti.

Għalkemm id-Direttiva 2000/78 għandha l-għan li tipproteġi d-dritt fundamentali tal-ħaddiema sabiex ma jkunux is-suġġett ta’ diskriminazzjoni minħabba r-reliġjon tagħhom jew it-twemmin tagħhom, xorta jibqa’ l-fatt li, permezz tal-Artikolu 4(2) tagħha, l-imsemmija direttiva għandha wkoll tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt għall-awtonomija tal-knejjes u tal-organizzazzjonijiet pubbliċi jew privati l-oħra li l-etos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin, hekk kif irrikonoxxut fl-Artikolu 17 TFUE u fl-Artikolu 10 tal-Karta, li jikkorrispondi għall-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl‑4 ta’ Novembru 1950.

L-għan tal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għalhekk huwa li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn, minn naħa, id-dritt għall-awtonomija tal-knejjes u tal-organizzazzjonijiet l-oħra li l-etos tagħhom huwa bbażat fuq reliġjon jew twemmin u, min-naħa l-oħra, id-dritt tal-ħaddiema li ma jkunux is-suġġett, b’mod partikolari waqt ir-reklutaġġ tagħhom, għal diskriminazzjoni bbażata fuq reliġjon jew twemmin, f’sitwazzjonijiet li fihom dawn id-drittijiet jistgħu jkunu kunfliġġenti.

F’din il-perspettiva, din id-dispożizzjoni tistabbilixxi l-kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-ibbilanċjar li għandu jsir biex jiġi żgurat bilanċ ġust bejn dawn id-drittijiet potenzjalment kunfliġġenti.

Madankollu, f’każ ta’ tilwima, tali bbilanċjar għandu jkun is-suġġett, jekk ikun il-każ, ta’ stħarriġ minn awtorità indipendenti u, fl-aħħar nett, minn qorti nazzjonali.

L-Artikolu 17 TFUE jesprimi n-newtralità tal-Unjoni fir-rigward tal-organizzazzjoni mill-Istati Membri tar-rapporti tagħhom mal-knejjes u mal-assoċjazzjonijiet jew mal-komunitajiet reliġjużi. Għall-kuntrarju, dan l-artikolu ma huwiex ta’ natura li jeżenta l-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 minn stħarriġ ġudizzjarju effettiv.

(ara l-punti 50 sa 53, 58, 59, u d-dispożittiv 1)

2.      L-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għandu jiġi interpretat fis-sens li rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat, imsemmi fih, jirreferi għal rekwiżit neċessarju u li huwa oġġettivament meħtieġ, fid-dawl tal-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni kkonċernata, min-natura jew mill-kundizzjonijiet li fih titwettaq l-attività professjonali inkwistjoni u ma jistax ikopri kunsiderazzjonijiet li ma humiex relatati ma’ dan l-etos jew mad-dritt għall-awtonomija ta’ din il-knisja jew ta’ din l-organizzazzjoni. Dan ir-rekwiżit għandu jkun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

F’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ “rekwiżit professjonali ġenwin, leġittimu u ġġustifikat” li jinsab fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, jirriżulta espressament minn din id-dispożizzjoni li huwa b’riferiment għan-“natura” tal-attivitajiet ikkonċernati jew tal-“kuntest” li fihom jitwettqu li r-reliġjon jew it-twemmin jistgħu, jekk ikun il-każ, jikkostitwixxu tali rekwiżit professjonali.

Għalhekk, il-legalità, mill-perspettiva ta’ din l-aħħar dispożizzjoni, ta’ differenza fit-trattament ibbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija suġġetta għall-eżistenza oġġettivament verifikabbli ta’ rabta diretta bejn ir-rekwiżit professjonali impost mill-persuna li timpjega u l-attività kkonċernata. Tali rabta tista’ tirriżulta jew min-natura ta’ din l-attività, pereżempju meta din tinvolvi l-parteċipazzjoni fid-determinazzjoni tal-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni jew f’kollaborazzjoni mal-missjoni tagħha ta’ proklamazzjoni, jew tal-kundizzjonijiet li fihom l-imsemmija attività għandha titwettaq, bħall-ħtieġa li jiġi żgurat li jkun hemm, mad-dinja ta’ barra, rappreżentazzjoni kredibbli tal-knisja jew tal-organizzazzjoni.

Barra minn hekk, dan ir-rekwiżit professjonali, hekk kif meħtieġ mill-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, għandu jkun “ġenwin, leġittimu u ġġustifikat” fid-dawl tal-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni. Għalkemm, kif ġie enfasizzat fil-punt 61 ta’ din is-sentenza, bħala prinċipju l-qrati nazzjonali ma għandhomx il-kompitu li jiddeċiedu dwar l-etos bħala tali li fuqu huwa bbażat ir-rekwizit professjonali invokat, madankollu huma għandhom jiddeterminaw, każ b’każ, jekk, fid-dawl ta’ dan l-etos, dawn it-tliet kriterji humiex issodisfati.

Fir-rigward ta’ dawn tal-aħħar, għandu jiġi ppreċiżat, fl-ewwel lok, f’dak li jikkonċerna n-natura “ġenwina” tar-rekwiżit, li l-użu ta’ dan l-aġġettiv ifisser li, għal-leġiżlatur tal-Unjoni, is-sħubija għar-reliġjon jew għat-twemmin li fuqhom huwa bbażat l-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni għandha tidher neċessarja minħabba l-importanza tal-attività professjonali inkwistjoni għall-affermazzjoni ta’ dan l-etos jew għall-eżerċizzju minn din il-knisja jew minn din l-organizzazzjoni tad-dritt tagħha għall-awtonomija.

Għal dak li jirrigwarda, fit-tieni lok, in-natura “leġittima” tar-rekwiżit, l-użu ta’ dan it-terminu juri li l-leġiżlatur tal-Unjoni ried jiżgura li r-rekwiżit dwar is-sħubija għal reliġjon jew għat-twemmin li fuqhom huwa bbażata l-etos tal-knisja jew tal-organizzazzjoni inkwistjoni ma tintużax għal finijiet oħra mhux relatati ma’ dan l-etos jew mal-eżerċizzju minn din il-knisja jew din l-organizzazzjoni tad-dritt tagħha għal awtonomija.

Fir-rigward, fit-tielet lok, tan-natura “ġġustifikata” tar-rekwiżit, dan it-terminu jimplika mhux biss li l-istħarriġ tal-osservanza tal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 jista’ jitwettaq minn qorti nazzjonali, iżda wkoll li l-knisja jew l-organizzazzjoni li imponiet dan ir-rekwiżit għandha l-obbligu li turi, fid-dawl taċ-ċirkustanzi fattwali ta’ kull każ partikolari, li l-allegat riskju ta’ ksur tal-etos tagħha jew tad-dritt tagħha għal awtonomija huwa probabbli u serju, b’tali mod li l-impożizzjoni ta’ tali rekwiżit hija effettivament meħtieġa.

(ara l-punti 62 sa 67, 69, u d-dispożittiv 2)

3.      Qorti nazzjonali, adita b’tilwima bejn żewġ individwi, hija marbuta, meta hija ma tkunx tista’ tinterpreta d-dritt nazzjonali applikabbli b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78, li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mill-Artikoli 21 u 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn l-artikoli waqt li tħalli mhux applikati, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li huma l-qrati nazzjonali li għandhom, filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni r-regoli kollha tad-dritt nazzjonali u fl-applikazzjoni tal-metodi ta’ interpretazzjoni rikonoxxuti minnu, jiddeċiedu jekk u sa fejn dispożizzjoni nazzjonali, bħall-Artikolu 9(1) tal-AGG, tista’ tiġi interpretata b’mod konformi mal-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 mingħajr interpretazzjoni contra legem ta’ din id-dispożizzjoni nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ April 2016, DI, C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 31 u 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

Fil-każ li jkun impossibbli għaliha li tipproċedi għal tali interpretazzjoni konformi mad-dispożizzjoni nazzjonali inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandu jiġi ppreċiżat, minn naħa, li d-Direttiva 2000/78 ma tistabbilixxix minnha nnifisha l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol, li għandu s-sors tiegħu f’diversi strumenti internazzjonali u fit-tradizzjonijiet kostituzzjonali komuni għall-Istati Membri, iżda għandha biss l-għan li tistabbilixxi, f’dan l-istess qasam, qafas ġenerali għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq diversi raġunijiet, fosthom ir-reliġjon jew it-twemmin, hekk kif jirriżulta mit-titolu u mill-Artikolu 1 tagħha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑10 ta’ Mejju 2011, Römer, C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

Il-projbizzjoni ta’ kull diskriminazzjoni bbażata fuq ir-reliġjon jew it-twemmin hija ta’ natura imperattiva inkwantu prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Stabbilita fl-Artikolu 21(1) tal-Karta, din il-projbizzjoni hija suffiċjenti fiha nnifisha sabiex tikkonferixxi lill-individwi dritt invokabbli bħala tali f’tilwima bejniethom f’qasam kopert mid-dritt tal-Unjoni (ara, għal dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni bbażata fuq l-età, is-sentenza tal‑15 ta’ Jannar 2014, Association de médiation sociale, C‑176/12, EU:C:2014:2, punt 47).

Fir-rigward tal-effett mandatorju tiegħu, l-Artikolu 21 tal-Karta ma jiddistingwixxix ruħu, bħala prinċipju, minn diversi dispożizzjonijiet tat-Trattati fundaturi li jipprojbixxu diskriminazzjonijiet ibbażata fuq diversi raġunijiet, anki meta tali diskriminazzjonijiet jirriżultaw minn kuntratti konklużi bejn individwi (ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑8 ta’ April 1976, Defrenne, 43/75, EU:C:1976:56, punt 39; tas‑6 ta’ Ġunju 2000, Angonese, C‑281/98, EU:C:2000:296, punti 33 sa 36; tat‑3 ta’ Ottubru 2000, Ferlini, C‑411/98, EU:C:2000:530, punt 50, kif ukoll tal‑11 ta’ Diċembru 2007, International Transport Workers’ Federation u Finnish Seamen’s Union, C‑438/05, EU:C:2007:772, punti 57 sa 61).

Min-naħa l-oħra, għandu jiġi enfasizzat li, bħal fil-każ tal-Artikolu 21 tal-Karta, l-Artikolu 47 tagħha, dwar id-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, huwa suffiċjenti fih innifsu u ma għandux għalfejn jiġi ppreċiżat minn dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni jew tad-dritt nazzjonali sabiex jagħti lill-individwi dritt invokabbli bħala tali.

Għaldaqstant, il-qorti nazzjonali hija marbuta li tiżgura, fil-kuntest tal-kompetenzi tagħha, il-protezzjoni ġuridika tal-partijiet li tirriżulta mill-Artikoli 21 u 47 tal-Karta u li tiggarantixxi l-effett sħiħ ta’ dawn l-artikoli waqt li tħalli mhux applikati, jekk ikun meħtieġ, kull dispożizzjoni nazzjonali kuntrarja.

(ara l-punti 71, 75 sa 79, 82, u d-dispożittiv 3)