Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesverfassungsgericht (il-Ġermanja) fl-10 ta’ Frar 2014 – Peter Gauweiler et

(Kawża C-62/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Bundesverfassungsgericht

Partijiet fil-kawża prinċipali

Proċedura tal-appell kostituzzjonali

Rikorrenti: Peter Gauweiler, Bruno Bandulet, Wilhelm Hankel, Wilhelm Nölling, Albrecht Schachtschneider, Joachim Starbatty, Roman Huber et, Johann Heinrich von Stein et

Konvenuti: Deutscher Bundestag, Bundesregierung

II)     Proċedura quddiem l-Organstreit

Applikanti: Fraktion DIE LINKE im Bundestag

Konvenut: Deutscher Bundestag

Parti intervenjenti: Bundesregierung

Domandi preliminari

1.a)    Id-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-6 ta’ Settembru 2012, dwar Technical features of Outright Monetary Transactions hija inkompatibbli mal-Artikolu 119 u mal-Artikolu 127(1) u (2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mal-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew, peress li hija teċċedi l-mandat dwar il-politika monetarja tal-Bank Ċentrali Ewropew, irregolat mid-dispożizzjonijiet imsemmija, u tinterferixxi fil-kompetenza tal-Istati Membri?

Jirriżulta, b’mod partikolari, eċċess tal-kompetenza tal-mandat tal-Bank Ċentrali Ewropew meta d-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-6 ta’ Settembru 2012

aa)    tkun marbuta ma’ programm ta’ għajnuna tal-politika ekonomika tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (kundizzjonalità)?

bb)     tipprevedi x-xiri ta’ titoli tal-Istat ta’ ċerti Stati Membri biss (selettività)?

cc)     tipprevedi x-xiri ta’ bonds tal-gvern tal-pajjiżi fil-programm flimkien mal-programm ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (natura parallela)?

dd)     tista’ tevita l-limiti u r-rekwiżiti tal-programm ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (evitar)?

    b)     Id-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-6 ta’ Settembru 2012, dwar Technical features of Outright Monetary Transactions hija inkompatibbli mal-projbizzjoni tal-finanzjament tal-baġit monetarju, stabbilita fl-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea?

Il-kompatibbiltà mal-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea hija prekluża, b’mod partikolari, mill-fatt li d-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-6 ta’ Settembru 2012

aa)     ma tkun tipprevedi l-ebda limitu kwantitattiv għax-xiri ta’ bonds tal-gvern (volumi)?

bb)     ma tkun tipprevedi l-ebda perijodu ta’ żmien bejn il-ħruġ ta’ bonds tal-gvern fis-suq primarju u x-xiri tagħhom permezz tas-sistema Ewropea tal-Bank Ċentrali fis-suq sekondarju (formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq)?

cc)     tippermetti li l-bonds tal-gvern kollha miksuba jinżammu sad-data ta’ skadenza (interferenza fil-loġika tas-suq)?

dd)     ma tinkludi l-ebda rekwiżit speċifiku dwar l-eventwali solvenza tal-bonds tal-gvern li jkunu ser jinkisbu (riskju li l-bonds ma jiġux onorati)?

ee)     tipprevedi ugwaljanza fit-trattament bejn, minn naħa, is-sistema Ewropea tal-Bank Ċentrali u, min-naħa l-oħra, detenturi privati u detenturi oħra tal-bonds tal-gvern (tnaqqis tad-dejn)?

2.     Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li d-deċiżjoni tal-Kunsill Regolatorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, tas-6 ta’ Settembru 2012, dwar Technical features of Outright Monetary Transactions ma hijiex att ta’ korp tal-Unjoni Ewropea li jista’ jkun is-suġġett ta’ talba skont il-punt (b) tal-ewwel paragarfu tal-Artikolu 267 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea:

a)     L-Artikolu 119 u l-Artikolu 127 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikoli 17 sa 24 tal-Protokoll dwar l-Istatut tas-Sistema Ewropea ta’ Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jawtorizzaw lis-Sistema Ewropea - b’mod alternattiv jew b’mod kumulattiv,

aa)     tissuġġetta x-xiri ta’ bonds tal-gvern għall-eżistenza u għall-osservanza tal-programm ta’ għajnuna tal-politika ekonomika tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (kundizzjonalità)?

bb)     tixtri bonds tal-gvern ta’ ċerti Stati Membri biss (selettività)?

cc)     tixtri bonds tal-gvern tal-pajjiżi fil-programm flimkien mal-programm ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (natura parellela)?

dd)     tevita l-limiti u r-rekwiżiti tal-programm ta’ għajnuna tal-Fond Ewropew għall-Istabbiltà Finanzjarja jew tal-Mekkanżimu Ewropew għall-Istabbiltà (evitar)?

    b)     L-Artikolu 123 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, fid-dawl tal-projbizzjoni tal-finanzjament tal-baġit monetarju, għandu jiġi interpretat fis-sens li s-Sistema Ewropea hija awtorizzata - b’mod alternattiv jew b’mod kumulattiv,

aa)     tixtri bonds tal-gvern mingħajr limiti kwantitattivi (volum)?

bb)     tixtri bonds tal-gvern mingħajr perijodi minimi ta’ żmien mill-ħruġ tagħhom fis-suq primarju (formazzjoni tal-prezzijiet fis-suq)?

cc)     iżżomm il-bonds tal-gvern kollha miksuba sad-data ta’ skadenza (interferenza fil-loġika tas-suq)?

dd)     tikseb bonds tal-gvern mingħajr rekwiżiti minimi dwar l-eventwali solvenza (riskju li l-bonds ma jiġux onorati)?

ee)     taċċetta ugwaljanza fit-trattament bejn, minn naħa, is-sistema Ewropea tal-Bank Ċentrali u, min-naħa l-oħra, detenturi privati u detenturi oħra tal-bonds tal-gvern (tnaqqis tad-dejn)?

ff)     bid-dikjarazzjoni tal-intenzjoni ta’ xiri jew b’xi mod ieħor, fl-istess żmien tal-ħruġ tal-bonds tal-gvern mill-Istati Membri fiż-żona tal-Euro, teżerċita influwenza fuq il-formazzjoni tal-prezzijiet (inkoraġġiment għall-ewwel akkwist)?