Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta' Ġunju 2010 - Martin vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-291/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Anne Martin (Brussell, il-Belġju) (rappreżentant: U. O'Dwyer, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2010 li tiċħad l-applikazzjoni konfermatorja tar-rikorrenti tal-4 ta' Marzu 2010 għall-aċċess għad-dokumenti;

tordna lill-Kummissjoni sabiex tikkonforma mar-Regolament (KE) Nru 1049/20011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, fit-termini meqjusa bħala adattati mill-Qorti tal-Ġustizzja; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-deċiżjoni impliċita tal-Kummissjoni tal-20 ta' April 2010, fejn din tal-aħħar naqset li tirrispondi għall-applikazzjoni konfermatorja għall-aċċess għad-dokumenti tar-rikorrenti lis-Segretarju Ġenerali tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 7(2) tar-Regolament 1049/2001 li tistabbilixxi mill-ġdid l-aċċess għad-dokumenti li ntalab fit-22 ta' Diċembru 2009 qabel id-data ta' skadenza tal-20 ta' April 2010.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tippreżenta l-motivi li ġejjin:

In-nuqqas tal-Kummissjoni li tieħu deċiżjoni sad-data ta' skadenza tal-20 ta' April 2010 imposta fuqha mir-Regolament 1049/2001, jikkostitwixxi rifjut impliċitu tal-applikazzjoni konfermatorja għall-aċċess għad-dokumenti tal-4 ta' Marzu 2010 tar-rikorrenti u din tikser l-Artikolu 8(1) ta' dan ir-regolament u l-Artikolu 296 TFEU minħabba nuqqas ta' motivazzjoni għar-rifjut.

____________

1 - Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).