Language of document : ECLI:EU:C:2017:631

Kawżi Magħquda C643/15 u C647/15

Ir-Repubblika Slovakka
u
L-Ungerija

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

“Rikors għal annullament – Deċiżjoni (UE) 2015/1601 – Miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tar-Repubblika Ellenika u tar-Repubblika Taljana – Sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju ta’ ċerti Stati Membri – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn – Allokazzjonijiet ta’ rilokazzjoni – Artikolu 78(3) TFUE – Bażi legali – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni – Kunċett ta’ ‘att leġiżlattiv’ – Artikolu 289(3) TFUE – Natura obbligatorja għall-Kunsill tal-Unjoni Ewropea tal-konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew – Artikolu 15(1) TUE u Artikolu 68 TFUE – Forom proċedurali sostanzjali – Emenda tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea – Rekwiżiti ta’ konsultazzjoni mill-ġdid mal-Parlament Ewropew u ta’ vot unanimu fi ħdan il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 293 TFUE – Prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ proporzjonalità”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-6 ta’ Settembru 2017

1.        Atti tal-istituzzjonijiet – Natura ġuridika – Att leġiżlattiv – Kunċett – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Esklużjoni

(Artikoli 78(3) TFUE, 289 TFUE u 294 TFUE)

2.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Portata

(Artikolu 78(2) u (3) TFUE)

3.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Possibbiltà ta’ deroga minn dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi – Limiti – Neċessità li l-miżuri jkollhom natura temporanja

(Artikolu 78(2) u (3) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1601)

4.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Iffissar tat-tul – Kriterji ta’ evalwazzjoni

(Artikolu 78(3) TFUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1601)

5.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Kunċett ta’ “f’daqqa”

(Artikolu 78(3) TFUE)

6.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Neċessità ta’ rabta mill-qrib bejn is-sitwazzjoni ta’ emerġenza u l-imsemmi dħul

(Artikolu 78(3) TFUE)

7.        Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Setgħa diskrezzjonali tal-Kunsill fir-rigward tal-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu adottati – Possibbiltà li jiġu previsti mekkaniżmi ta’ aġġustament sabiex jirrispondu għall-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni

(Artikolu 78(3) TFUE)

8.        Kummissjoni – Kompetenzi – Setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva – Eżerċizzju fl-osservanza tal-prinċipju ta’ allokazzjoni tas-setgħat u ta’ ekwilibriju istituzzjonali – Applikazzjoni għall-proposti ta’ atti leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi

(Artikolu 13(2) TUE; Artikoli 68 TFUE u 78(3) TFUE)

9.        Atti tal-istituzzjonijiet – Proċedura għall-adozzjoni – Konsultazzjoni regolari mal-Parlament – Konsultazzjoni mill-ġdid obbligatorja fil-każ ta’ modifika sostanzjali mwettqa fil-proposta inizjali – Portata tal-obbligu

(Artikolu 113 TFUE)

10.      Kummissjoni – Kompetenzi – Setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva – Setgħa ta’ emenda ta’ proposta – Kundizzjonijiet għall-eżerċizzju – Proposta għal miżuri provviżorji għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi

(Artikoli 78(3) TFUE u 293(2) TFUE)

11.      Kummissjoni – Kompetenzi – Setgħa ta’ inizjattiva leġiżlattiva – Setgħa ta’ emenda ta’ proposta – Possibbiltà għall-Kulleġġ tal-Kummissarji li jawtorizza wħud mill-membri tiegħu jipproċedi bl-emenda

(Artikolu 293(2) TFUE; Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni, Artikolu 13)

12.      Kunsill – Deliberazzjonijiet – Sistema lingwistika – Possibbiltà li tiġi proposta emenda ta’ abbozz ta’ att legali f’lingwa uffiċjali waħda tal-Unjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Nuqqas ta’ oppożizzjoni ta’ Stat Membru

(Ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 3(3) TUE; Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/937, Anness, Artikolu 14)

13.      Dritt tal-Unjoni Ewropea – Prinċipji – Proporzjonalità – Portata – Setgħa diskrezzjonali tal-leġiżlatur tal-Unjoni – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Evalwazzjoni fid-dawl tal-elementi disponibbli fil-mument tal-adozzjoni tal-att

(Artikolu 5(4) TUE; Artikolu 78(3) TFUE)

14.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn – Stħarriġ ġudizzjarju – Limiti – Impożizzjoni ta’ tqassim numeriku ta’ persuni rrilokati bejn l-Istati Membri – Ammissibbiltà – Osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust ta’ responsabbiltà bejn l-Istati Membri

(Artikoli 78(3) TFUE u 80 TFUE)

15.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn – Obbligu li tittieħed inkunsiderazzjoni l-eżistenza ta’ rabtiet kulturali jew lingwistiċi bejn kull ċittadin u l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni – Assenza

(Artikoli 78(3) TFUE u 80 TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 21)

16.      Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Motivi differenti minn dawk tal-parti li qed tiġi sostnuta – Ammissibbiltà – Kundizzjoni – Konnessjoni mas-suġġett tal-kawża

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 40; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikoli 129 u 132(2)(b))

17.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn – Obbligu li jiġi żgurat dritt għal rimedju effettiv kontra d-deċiżjoni ta’ rilokazzjoni

(Artikolu 78(3) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 47)

18.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn – Deċiżjoni 2015/1601 dwar miżuri proviżorji għall-benefiċċju talGreċja u tal-Italja – Modalitajiet ta’ tqassim taċ-ċittadini – Teħid inkunsiderazzjoni tal-preferenzi ta’ ċittadin għal Stat Membru ospitanti – Esklużjoni

(Artikolu 78(3) TFUE; Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 604/2013, Artikolu 13(1); Deċiżjoni tal-Kunsill 2015/1601, Artikolu 5(3))

19.      Kontrolli fil-fruntieri, ażil u immigrazzjoni – Politika tal-ażil – Miżuri provviżorji adottati mill-Kunsill għall-benefiċċju ta’ Stati Membri li jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi – Rilokazzjoni ta’ dawn iċ-ċittadini fit-territorju ta’ Stati Membri oħrajn – Klassifika ta’ rilokazzjoni bħala refoulement lejn Stat terz – Esklużjoni

(Artikolu 78(3) TFUE; Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 18)

1.      Att legali ma jistax jiġi kklassifikat bħala att leġiżlattiv tal-Unjoni ħlief jekk ikun ġie adottat fuq il-bażi ta’ dispożizzjoni tat-Trattati li tirreferi espressament jew għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja jew għall-proċedura leġiżlattiva speċjali. Minn dan isegwi li ma jistax jiġi dedott mir-riferiment għar-rekwiżit ta’ konsultazzjoni mal-Parlament, li jinsab fid-dispożizzjoni tat-Trattati li sservi ta’ bażi legali tal-att inkwistjoni, li l-proċedura leġiżlattiva speċjali tapplika għall-adozzjoni ta’ dan l-att.

Għaldaqstant, sa fejn l-Artikolu 78(3) TFUE jipprevedi li l-Kunsill jadotta l-miżuri provviżorji msemmija fih fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew u sa fejn ma fih ebda riferiment espress la għall-proċedura leġiżlattiva ordinarja u lanqas għall-proċedura leġiżlattiva speċjali, għandu jitqies li l-miżuri li jistgħu jiġu adottati abbażi ta’ din id-dispożizzjoni għandhom jiġu kklassifikati bħala atti mhux leġiżlattivi għaliex ma jiġux adottati wara t-tmiem tal-proċedura leġiżlattiva.

(ara l-punti 62, 64-66)

2.      Id-dispożizzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 78(2) u (3) TFUE għandhom natura komplementari, li tippermetti lill-Unjoni tadotta, fil-kuntest ta’ din il-politika komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil, miżuri ddiversifikati, sabiex tikseb strumenti neċessarji, b’mod partikolari, sabiex tirreaġixxi b’mod effettiv, kemm fuq żmien qasir kif ukoll fuq żmien twil, għal sitwazzjonijiet ta’ kriżi migratorja. F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ miżuri provviżorji li għandhom jiġu adottati fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, għandu jkollu portata suffiċjentement wiesgħa sabiex jippermetti lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni jieħdu l-miżuri provviżorji neċessarji kollha sabiex jirrispondu b’mod effettiv u mħaffef għal sitwazzjoni ta’ emerġenza kkaratterizzata minn dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(ara l-punti 74, 77)

3.      Għalkemm huwa minnu li l-miżuri provviżorji adottati abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE jistgħu, bħala prinċipju, jidderogaw minn dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi, tali derogi għandhom, madankollu, ikunu limitati skont il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom kemm ratione materiae kif ukoll ratione temporis, b’tali mod li huma sempliċement jirrispondu malajr u effettivament, permezz ta’ mekkaniżmu provviżorju, għal sitwazzjoni ta’ kriżi preċiża, u dan jeskludi li dawn il-miżuri jistgħu jkollhom bħala suġġett jew bħala effett li jissostitwixxu jew jemendaw b’mod permanenti u ġenerali dawn l-atti leġiżlattivi, u b’hekk tiġi evitata l-proċedura leġiżlattiva ordinarja prevista fl-Artikolu 78(2) TFUE.

Id-derogi previsti fid-Deċiżjoni 2015/1601, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal‑Italja u l-Greċja, jissodisfaw dan ir-rekwiżit. Fil-fatt, id-derogi li tipprevedi l-imsemmija deċiżjoni japplikaw biss għal perijodu ta’ sentejn, bla ħsara għall-possibbiltà ta’ proroga. Barra minn hekk, huma jikkonċernaw numru limitat ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi, li ppreżentaw applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali fil-Ġreċja jew fl-Italja, li għandhom waħda min-nazzjonalitajiet imsemmija fid-Deċiżjoni 2015/1601, li ġew irrilokati minn wieħed jew minn dawn iż-żewġt Istati Membri u li waslu jew li ser jaslu fl-imsemmija Stati Membri matul ċertu perijodu.

(ara l-punti 78-80)

4.      Għalkemm l-Artikolu 78(3) TFUE jeżiġi li l-miżuri msemmija fih ikunu temporanji, huwa jirriżerva lill-Kunsill marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiffissa, każ b’każ, il-perijodu ta’ applikazzjoni tagħhom skont iċ-ċirkustanzi tal-każ u, b’mod partikolari, fid-dawl tal-ispeċifiċitajiet tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza li jiġġustifikaw dawn il-miżuri.

Għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni 2015/1601, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal‑Italja u l-Greċja, il-Kunsill ma eċċediex manifestament is-setgħa diskrezzjonali tiegħu meta ffissa t-tul tal-miżuri li huma inklużi f’din id-deċiżjoni għal 24 xahar. Fil-fatt, din l-għażla tidher iġġustifikata fid-dawl tal-fatt li rilokazzjoni ta’ numru kbir ta’ persuni hija operazzjoni fl-istess ħin bla preċedent kif ukoll kumplessa li teħtieġ ċertu żmien ta’ preparazzjoni u ta’ implementazzjoni, b’mod partikolari fuq il-livell ta’ koordinazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet tal-Istati Membri, qabel ma tkun tista’ tipproduċi effetti konkreti. F’dan ir-rigward, ma jistax jiġi sostnut b’mod validu li d-Deċiżjoni 2015/1601 ma għandhiex natura provviżorja peress li għandha effett fit-tul. Fil-fatt, kieku kellu jittieħed kont tat-tul tal-effetti ta’ miżura ta’ rilokazzjoni fuq il-persuni rrilokati sabiex tiġi evalwata n-natura provviżorja tagħha fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, ebda miżura ta’ rilokazzjoni ta’ persuni li għandhom bżonn ċar ta’ protezzjoni internazzjonali ma tkun tista’ tittieħed skont din id-dispożizzjoni, peress li tali effetti ftit jew wisq fit-tul huma inerenti għal tali rilokazzjoni.

(ara l-punti 92, 96‑99)

5.      F’dan ir-rigward, hemm lok li jiġi kkunsidrat li jista’ jiġi kklassifikat bħala “f’daqqa”, fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, dħul ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi ta’ portata tali li kien imprevedibbli, u dan minkejja li jseħħ f’kuntest ta’ kriżi migratorja mifruxa fuq diversi snin, peress li jirrendi impossibbli l-funzjonament normali tas-sistema komuni ta’ ażil tal-Unjoni.

(ara l-punt 114)

6.      Għal dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni tal-aġġettiv “karatterizzata” li jikkwalifika s-sitwazzjoni ta’ emerġenza msemmija fl-Artikolu 78(3) TFUE, għalkemm minoranza tal-verżjonijiet lingwistiċi tal-imsemmija dispożizzjoni ma tużax il-kelma “karatterizzata” iżda l-kelma “kkawżata”, dawn iż-żewġ kelmiet għandhom, fil-kuntest ta’ din id-dispożizzjoni u fid-dawl tal-għan tagħha intiż li jippermetti l-adozzjoni mħaffa ta’ miżuri provviżorji ddestinati sabiex jirreaġixxu b’mod effikaċi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza migratorja, jinftiehmu fl-istess sens tar-rekwiżit ta’ rabta suffiċjentement mill-qrib bejn is-sitwazzjoni ta’ emerġenza inkwistjoni u d-dħul f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi.

(ara l-punt 125)

7.      Fid-dawl tal-fatt li huwa inerenti għall-flussi migratorji li dawn jistgħu jevolvu b’mod mgħaġġel, b’mod partikolari billi jiċċaqalqu lejn Stati Membri oħra, l-Artikolu 78(3) TFUE ma jipprekludix li tali mekkaniżmi ta’ aġġustament jiżdiedu mal-miżuri provviżorji meħuda taħt din id-dispożizzjoni. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni tagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa lill-Kunsill fl-għażla ta’ miżuri li jistgħu jiġu adottati sabiex tittieħed azzjoni malajr u b’mod effikaċi għal sitwazzjoni ta’ emerġenza partikolari kif ukoll għall-evoluzzjonijiet possibbli li din tista’ tkun suġġetta għalihom. Li tirrispondi għall-urġenza ma teskludix in-natura evoluttiva u aġġustata tar-rispons, sakemm din tippreżerva n-natura provviżorja tagħha.

(ara l-punti 131-134)

8.      Il-prinċipji ta’ allokazzjoni tas-setgħat u ta’ ekwilibriju istituzzjonali japplikaw għas-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-adozzjoni, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, ta’ atti mhux leġiżlattivi, bħal deċiżjoni li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju ta’ ċerti Stati Membri. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 78(3) TFUE ma jissuġġettax is-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni għall-eżistenza minn qabel ta’ linji gwida ddefiniti mill-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 68 TFUE.

Barra minn hekk, l-Artikolu 78(3) TFUE jippermetti lill-Kunsill jadotta miżuri b’maġġoranza kkwalifikata. Il-prinċipju ta’ ekwilibriju istituzzjonali jipprojbixxi li l-Kunsill Ewropew jemenda din ir-regola ta’ vot billi jimponi fuq il-Kunsill, permezz ta’ konklużjonijiet meħuda konformement mal-Artikolu 68 TFUE, regola li teħtieġ vot unanimu. Issa, sa fejn ir-regoli li jiddeterminaw il-mod kif l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jaslu għad-deċiżjonijiet tagħhom huma stabbiliti mit-Trattati u ma jaqgħu fid-diskrezzjoni la tal-Istati Membri u lanqas tal-istituzzjonijiet stess, it-Trattati biss jistgħu, f’każijiet partikolari, jawtorizzaw lil istituzzjoni temenda proċedura deċiżjonali li huma jistabbilixxu.

(ara l-punti 146-149)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 160-162)

10.    Skont l-Artikolu 293(2) TFUE, sakemm il-Kunsill ikun għadu ma ħa ebda azzjoni fuq proposta tal-Kummissjoni, din tal-aħħar tista’ temenda l-proposta tagħha f’kull ħin matul il-proċedura li twassal għall-adozzjoni ta’ att tal-Unjoni. Il-proposti emendati li tadotta l-Kummissjoni mhux neċessarjament għandhom ikunu bil-miktub peress li huma jagħmlu parti mill-proċess ta’ adozzjoni ta’ atti tal-Unjoni li huwa kkaratterizzat minn ċertu flessibbiltà, neċessarja sabiex tinkiseb konverġenza ta’ fehmiet bejn l-istituzzjonijiet.

Fil-kuntest partikolari tal-Artikolu 78(3) TFUE, jista’ jitqies li l-Kummissjoni eżerċitat is-setgħa tagħha ta’ emenda msemmija fl-Artikolu 293(2) TFUE ladarba jirriżulta ċarament mill-parteċipazzjoni ta’ din l-istituzzjoni fil-proċess ta’ adozzjoni tal-att ikkonċernat li l-proposta emendata ġiet approvata mill-Kummissjoni. Tali interpretazzjoni tissodisfa l-għan tal-Artikolu 293(2) TFUE li huwa intiż li jipproteġi s-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni.

(ara l-punti 177, 179, 181)

11.    Mill-Artikolu 13 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Kummissjoni, interpretati fid-dawl tal-għan tal-Artikolu 293(2) TFUE li huwa intiż li jipproteġi s-setgħa ta’ inizjattiva tal-Kummissjoni, jirriżulta li l-Kulleġġ tal-Kummissarji jista’ jawtorizza wħud mill-membri tiegħu jipproċedu bl-emenda, matul il-proċedura, tal-proposta tal-Kummissjoni fil-limiti li huwa jkun iddetermina preċedentement.

(ara l-punt 185)

12.    Minkejja li l-Unjoni għandha għal qalbha ż-żamma tal-multilingwiżmu, li l-importanza tiegħu hija mfakkra fir-raba’ subparagrafu tal-Artikolu 3(3) TUE, xejn ma jipprekludi li l-Kunsill jinterpreta l-Artikolu 14 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu fis-sens li, filwaqt li l-paragrafu 1 tiegħu jirrikjedi li l-abbozzi li jikkostitwixxu l-bażi tad‑deliberazzjonijiet tal-Kunsill għandhom bħala prinċipju jkunu mfassla bil-lingwi uffiċjali kollha tal-Unjoni, il-paragrafu 2 tal-istess artikolu jipprevedi sistema ssemplifikata għall-emendi, li mhux bilfors għandhom ikunu disponibbli bil-lingwi kollha uffiċjali tal-Unjoni. Ikun biss fil-każ ta’ oppożizzjoni ta’ Stat Membru li l-verżjonijiet lingwistiċi indikati minn dak l-Istat Membru għandhom jiġu wkoll ippreżentati lill‑Kunsill qabel ma huwa jkun jista’ jkompli bid-deliberazzjonijiet. Fil-fatt, tali interpretazzjoni tirriżulta minn approċċ ekwilibrat u flessibbli li jiffavorixxi l-effiċjenza u r-rapidità tax-xogħlijiet tal-Kunsill.

(ara l-punti 201, 203)

13.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 206-208, 221)

14.    F’kuntest partikolari ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza serja kkaratterizzata minn dħul kbir u f’daqqa ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi fl-Istati Membri, deċiżjoni li jiġi adottat mekkaniżmu vinkolanti ta’ rilokazzjoni ta’ 120 000 persuna skont l-Artikolu 78(3) TFUE, filwaqt li għandha tkun ibbażata fuq kriterji oġġettivi, ma tistax tiġi kkritikata mill-Qorti tal-Ġustizzja ħlief jekk jiġi kkonstatat li, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tal-informazzjoni u tal-istatistika disponibbli f’dak il-mument, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni, fis-sens li miżura oħra inqas vinkolanti, iżda xorta waħda effikaċi, setgħet tittieħed mingħajr dewmien.

F’dan ir-rigward, għal dak li jirrigwarda l-argumentazzjoni li tgħid li d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi miżura sproporzjonata peress li hija timponi, mingħajr neċessità, mekkaniżmu vinkolanti li jinkludi tqassim ta’ numru speċifiku kif ukoll mandatorju, taħt forma ta’ allokazzjonijiet, ta’ persuni rrilokati bejn l-Istati Membri, ma jidhirx li, billi għażel li jimponi tali mekkaniżmu vinkolanti ta’ rilokazzjoni, il-Kunsill wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni. Fil-fatt, il-Kunsill jista’ ġustament iqis, fil-kuntest tal-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ li għandu jingħata f’dan ir-rigward, li n-natura vinkolanti tat-tqassim tal-persuni rrilokati hija neċessarja fid-dawl tas-sitwazzjoni ta’ emerġenza partikolari li fiha d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi adottata. Barra minn hekk, matul l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kunsill huwa effettivament obbligat jimplementa l-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust ta’ responsabbiltà bejn l-Istati Membri, inkluż fuq il-livell finanzjarju, li huwa meħtieġ, skont l-Artikolu 80 TFUE, waqt l-implementazzjoni tal-politika komuni tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil. Għaldaqstant, il-Kunsill ma jistax jiġi akkużat li wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni meta qies li kellu jieħu, fid-dawl tal-urġenza speċifika tas-sitwazzjoni, abbażi tal-Artikolu 78(3) TFUE, moqri fid-dawl tal-Artikolu 80 TFUE u tal-prinċipju ta’ solidarjetà bejn Stati Membri li huwa stabbilit fih, miżuri provviżorji li kienu jikkonsistu f’li jiġi impost mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni vinkolanti.

(ara l-punti 235, 236, 245, 246, 252, 253)

15.    Meta Stat Membru wieħed jew iktar ikunu jinsabu f’sitwazzjoni ta’ emerġenza, fis-sens tal-Artikolu 78(3) TFUE, il-piżijiet li jinvolvu l-miżuri provviżorji adottati taħt din id-dispożizzjoni għall-benefiċċju ta’ dan l-Istat Membru jew dawn l-Istati Membri għandhom, bħala prinċipju, jitqassmu bejn l-Istati Membri l-oħra kollha, skont il-prinċipju ta’ solidarjetà u ta’ tqassim ġust tar-responsabbiltajiet bejn l-Istati Membri, peress li, skont l-Artikolu 80 TFUE, dan il-prinċipju jirregola l-politika tal-Unjoni fil-qasam tal-ażil. Għaldaqstant, huwa ġust li, matul l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li tistabbilixxi miżuri provviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju ta’ ċerti Stati Membri, il-Kummissjoni u l-Kunsill iqisu li t-tqassim tal-applikanti rrilokati bejn l-Istati Membri kollha, skont il-prinċipju stabbilit fl-Artikolu 80 TFUE, jikkostitwixxi element fundamentali tal-imsemmija deċiżjoni.

F’dan ir-rigward, kieku r-rilokazzjoni kellha tiddependi strettament fuq l-eżistenza ta’ rabtiet kulturali jew lingwistiċi bejn kull applikant għal protezzjoni internazzjonali u l-Istat Membru ta’ rilokazzjoni, minn dan jirriżulta li tqassim ta’ dawn l-applikanti bejn l-Istati Membri kollha fl-osservanza tal-prinċipju ta’ solidarjetà li jimponi l-Artikolu 80 TFUE u, għaldaqstant, l-adozzjoni ta’ mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni vinkolanti, ikun impossibbli. Fi kwalunkwe każ, kunsiderazzjonijiet marbuta mal-oriġini etnika tal-applikanti għal protezzjoni internazzjonali ma jistgħux jittieħdu inkunsiderazzjoni inkwantu huma jmorru, ovvjament, kontra d-dritt tal-Unjoni u b’mod partikolari, kontra l-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 291, 292, 304, 305)

16.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 303)

17.    Konformement mal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi żgurat dritt għal rimedju effettiv fuq livell nazzjonali kontra kull deċiżjoni li għandha tittieħed minn awtorità nazzjonali fil-kuntest tal-proċedura ta’ rilokazzjoni skont l-Artikolu 78(3) TFUE.

(ara l-punt 325)

18.    Is-sistema stabbilita mid-Deċiżjoni 2015/1601, li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal‑Italja u l-Greċja, hija bbażata, bħas-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 604/2013, li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida, fuq kriterji oġġettivi u mhux fuq l-espressjoni ta’ preferenza mill-applikant għal protezzjoni internazzjonali. B’mod partikolari, ir-regola tar-responsabbiltà tal-Istat Membru tal-ewwel dħul, prevista fl-Artikolu 13(1) tal-imsemmi regolament, li hija l-unika regola ta’ determinazzjoni tal-Istat Membru responsabbli li jipprevedi dan ir-regolament li minnu tidderoga d-Deċiżjoni 2015/1601, ma hijiex marbuta mal-preferenzi tal-applikant għal Stat Membru ospitanti partikolari u ma hijiex intiża speċifikament li tiżgura li teżisti rabta lingwistika, kulturali jew soċjali bejn dan l-applikant u l-Istat Membru responsabbli.

Barra minn hekk, għalkemm ċertu marġni ta’ diskrezzjoni huwa rriżervat għall-awtoritajiet tal-Istati Membri benefiċjarji meta huma jintalbu, skont l-Artikolu 5(3) tad-Deċiżjoni 2015/1601, jidentifikaw l-applikanti individwali li jistgħu jiġu rrilokati lejn Stat Membru ta’ rilokazzjoni partikolari, tali marġni huwa ġġustifikat fid-dawl tal-għan ta’ din id-deċiżjoni, li tappoġġja s-sistema ta’ ażil Griega u dik Taljana billi tirriloka numru kbir ta’ applikanti, fi żmien qasir u b’mod effettiv, lejn Stati Membri oħrajn fir-rispett tad-dritt tal-Unjoni u, b’mod partikolari, tad-drittijiet fundamentali ggarantiti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, id-dritt tal-Unjoni ma jippermettix lill-applikanti jagħżlu l-Istat Membru responsabbli għall-eżami tal-applikazzjoni tagħhom. Fil-fatt, il-kriterji li jipprevedi r-Regolament Nru 604/2013 sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali ma humiex marbuta mal-preferenzi tal-applikant għal Stat Membru ospitanti partikolari.

(ara l-punti 333, 334, 337, 339)

19.    It-trasferiment fil-kuntest ta’ operazzjoni ta’ rilokazzjoni skont l-Artikolu 78(3) TFUE ta’ applikant għal protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru lejn ieħor sabiex jiġi żgurat li l-applikazzjoni tiegħu tiġi eżaminata f’termini raġonevoli ma jistax jitqies li huwa refoulement lejn Stat terz. Bil-kontra, din hija miżura ta’ ġestjoni ta’ kriżi, meħuda fuq livell tal-Unjoni, intiża li jiġi żgurat l-eżerċizzju effettiv, fl-osservanza tal- Konvenzjoni dwar l-istatus tar-refuġjati, iffirmata f’Genève fit‑28 ta’ Lulju 1951, tad-dritt fundamentali għal ażil, kif stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 342, 343)