Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Lulju 2019 – Mahmoudian vs Il-Kunsill

(Kawża T-406/15) 1

(“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Restrizzjoni fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorji tal-Istati Membri – Kumpens għad-dannu allegatament subit wara l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Dannu materjali – Dannu morali”)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Fereydoun Mahmoudian (Téhéran, l-Iran) (rappreżentanti: A. Bahrami u N. Korogiannakis, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: R. Liudvinaviciute-Cordeiro u M. Bishop, aġenti)

Intervenjenti insostenn tal-konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment A. Aresu u D. Gauci, sussegwentement A. Aresu u R. Tricot, aġenti)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 268 TFUE u intiża għall-ksib ta’ kumpens għad-dannu li r-rikorrent allegatament ġarrab wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39, rettifika fil-ĠU 2010, L 197, p. 19), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2010, L 281, p. 81) u tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1), li permezz tagħhom isem ir-rikorrent ġie inkluż u miżmum fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw il-miżuri restrittivi.

Dispożittiv

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat iħallas lil Fereydoun Mahmoudian kumpens ta’ EUR 71 000 fir-rigward tad-dannu morali subit.

Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

Fereydoun Mahmoudian, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom.

____________

1     ĠU C 337, 12,10,2015.