Language of document : ECLI:EU:T:2019:468

Kawża T-406/15

Fereydoun Mahmoudian

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

 Sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) tat-2 ta’ Lulju 2019

“Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra r-Repubblika Iżlamika tal-Iran – Iffriżar ta’ fondi – Restrizzjoni fil-qasam tal-ammissjoni fit-territorji tal-Istati Membri – Kumpens għad-dannu allegatament subit wara l-inklużjoni u ż-żamma ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw miżuri restrittivi – Dannu materjali – Dannu morali”

1.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni – Rikors għad-danni intiż għall-ksib ta’ kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba l-inklużjoni żbaljata tar-rikorrent f’lista ta’ persuni li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi – Esklużjoni – Rikors għad-danni intiż għall-ksib ta’ kumpens għad-danni allegatament imġarrba minħabba l-implimentazzjoni ta’ miżuri restrittivi adottati kontra r-rikorrent – Inklużjoni

(Artikoli 24(1) u 40 TUE; Artikoli 215, 268, 275 u 291(2) TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2010/644/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 668/2010 u Nru 961/2010)

(ara l-punti 43, 44, 48)

2.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Setgħa tal-Kunsill, fil-qasam ta’ miżuri restrittivi bbażati fuq l-Artikolu 215 TFUE, li juża l-proċedura prevista fl-Artikolu 291(2) TFUE

(Artikoli 215 u 291(2) TFUE)

(ara l-punt 45)

3.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Kundizzjonijiet kumulattivi – Assenza ta’ waħda mill-kundizzjonijiet – Ċaħda tar-rikors għad-danni kollu kemm hu

(it-tieni paragrafu tal-Artikoli 340 TFUE)

(ara l-punti 49, 52)

4.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Dispożizzjoni legali li tagħti drittijiet lill-individwi – Kunċett

(it-tieni paragrafu tal-Artikoli 340 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2010/644/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 668/2010 u Nru 961/2010)

(ara l-punti 61 sa 63)

5.      Rikors għal annullament – Motivi – Użu ħażin ta’ poter – Kunċett

(ara l-punt 71)

6.      Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi kontra l-Iran – Iffriżar ta’ fondi ta’ persuni, entitajiet jew organi li jipparteċipaw fi jew li jsostnu l-proliferazzjoni nukleari – Restrizzjoni tad-dritt għall-proprjetà u tad-dritt għall-eżerċizzju liberu ta’ attività ekonomika – Ammissibbiltà – Ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità – Assenza – Traspożizzjoni ta’ din il-ġurisprudenza għal-libertà ta’ intrapriża

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikoli 16 u 17; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2010/644/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 668/2010 u Nru 961/2010)

(ara l-punti 78 sa 80)

7.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Illegalità – Dannu – Rabta kawżali – Responsabbilità minħabba l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrent fil-listi ta’ persuni u entitajiet suġġetti għal miżuri restrittivi – Oneru tal-prova

(Artikoli 268 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2010/644/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 668/2010 u Nru 961/2010)

(ara l-punti 86 sa 88)

8.      Proċedura ġudizzjarja – Prova – Prova dokumentali  – Valur probatorju – Evalwazzjoni mill-qorti tal-Unjoni – Kriterji

(ara l-punti 136 sa 139)

9.      Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Danni morali kkawżati bil-pubblikazzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali ta’ miżuri restrittivi li jnaqqsu r-reputazzjoni tal-persuna kkonċernata minn dawn il-miżuri – Inklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikoli 340 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2010/644/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 668/2010 u Nru 961/2010)

(ara l-punti 178 sa 180)

10.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert – Oneru tal-prova

(It-tieni paragrafu tal-Artikoli 340 TFUE)

(ara l-punt 182)

11.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Kundizzjonijiet – Dannu reali u ċert ikkawżat minn att illegali –Dannu morali kkawżat mill-adozzjoni u ż-żamma ta’ miżuri restrittivi – Annullament tal-att kontenzjuż li ma jiżgurax il-kumpens adegwat għad-dannu morali – Żamma tal-inklużjoni wara sentenza ta’ annulament mill-Qorti Ġenerali  – Gravità tal-illegalità kkonstatata mill-Qorti Ġenerali – Assenza ta’ provi – Eżami neċessarju, mill-awtur tal-miżuri, tan-natura ġġustifikata tagħhom

(It-tieni paragrafu tal-Artikoli 340 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2010/644/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 668/2010 u Nru 961/2010)

(ara l-punti 183, 187 sa 195, 219)

12.    Responsabbiltà mhux kuntrattwali – Dannu – Dannu li jista’ jiġi kkumpensat – Danni morali li jikkonsistu fi preġudizzju kkawżat mill-atti kontenzjużi għall-ħajja soċjali u tal-familja tar-rikorrent – Dannu li jirriżulta mid-deterjorazzjoni tal-immaġni tal-familja u soċjali tiegħu – Dannu differenti mid-dannu kkawżat mill-preġudizzju għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni tar-rikorrent – Inklużjoni

(It-tieni paragrafu tal-Artikoli 340 TFUE; Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2010/413/PESK u 2010/644/PESK; Regolamenti tal-Kunsill Nru 668/2010 u Nru 961/2010)

(ara l-punti 215 sa 218)

Sunt

Permezz tas-sentenzi tagħha tat-2 ta’ Lulju 2019, Fulmen vs Il-Kunsill (T-405/15) u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T-406/15), il-Qorti Ġenerali laqgħet ir-rikors għad-danni ppreżentat mill-kumpannija Fulmen, għad-danni immaterjali mġarrba wara l-adozzjoni ta’ erba’ atti mill-Kunsill dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (1) (Kawża T-405/15), kif ukoll ir-rikors ippreżentat minn F. Mahmoudian, għad-danni morali mġarrba minħabba l-adozzjoni tal-istess atti (Kawża T-406/15). Permezz ta’ dawn l-atti (iktar ’il quddiem l-“atti kontenzjużi”), l-ismijiet ta’ dawn iż-żewġ rikorrenti kienu ġew inklużi u miżmuma fil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li għalihom japplikaw l-imsemmija miżuri restrittivi. Il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-annullament tal-atti kontenzjużi permezz ta’ sentenza preċedenti ma kienx suffiċjenti sabiex jikkumpensa għad-danni immaterjali jew morali mġarrba mir-rikorrenti minħabba l-preġudizzju li dawn ikkawżaw għar-reputazzjoni tagħhom. Hija ddeċidiet li verifika, mill-Kunsill, tan-natura ġġustifikata tal-miżuri restrittivi adottati kontrihom kienet tkun partikolarment iġġustifikata f’dan il-każ, wara l-għoti tas-sentenza li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali kienet annullat l-atti kontenzjużi, fid-dawl tal-gravità tal-illegalità kkonstatata, jiġifieri l-assenza ta’ provi.

Fulmen, hija kumpannija Iranjana, attiva b’mod partikolari fis-settur tat-tagħmir elettroniku. F. Mahmoudian huwa, min-naħa tiegħu, azzjonist maġġoritarju u president tal-Bord tad-Diretturi tal-imsemmija kumpannija. It-tilwima bejn iż-żewġ rikorrenti u l-Kunsill hija waħda minn sensila ta’ kawżi relatati ma miżuri restrittivi adottati fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-proliferazzjoni nukleari fl-Iran. L-atti kontenzjużi kienu ġew annullati bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (2), sa fejn dawn kienu jirrigwardaw lir-rikorrenti. Permezz ta’ sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (3), il-Qorti tal-Ġustizzja kienet ċaħdet l-appell tal-Kunsill mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, fejn iddeċidiet li dan tal-aħħar ma kienx ipproduċa l-prova li r-rikorrenti kienu intervjenew fis-sit ta’ Qom/Fordoo (l-Iran), li tikkostitwixxi r-raġuni tal-inklużjoni tagħhom fil-listi. Permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1361/2013 (4), il-Kunsill, abbażi tal-konsegwenzi tas-sentenza tat-28 ta’ Novembru 2013, neħħa l-ismijiet tar-rikorrenti mil-listi ta’ persuni u ta’ entitajiet li huma s-suġġett ta’ miżuri restrittivi.

Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi, f’dan il-każ, li l-Kunsill wettaq ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tagħti drittijiet lill-individwi billi ma osservax l-obbligu li huwa għandu li jipproduċi provi insostenn tal-miżuri restrittivi adottati b’mod konformi mal-Artikolu 215 TFUE u kkontestati mill-persuni kkonċernati.

Sabiex tikkonstata li l-annullament tal-atti kontenzjużi ma kienx biżżejjed sabiex jagħmel tajjeb għad-danni immaterjali jew morali mġarrba mir-rikorrenti minħabba l-preġudizzju kkawżat lir-reputazzjonijiet tagħhom, il-Qorti Ġenerali tosserva barra minn hekk li l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti, li setgħet tiġi rtirata mill-Kunsill f’kull mument, inżammet għal madwar tliet snin u nofs, minkejja l-protesti tar-rikorrenti, b’mod partikolari fir-rigward tal-assenza ta’ provi fir-rigward tal-allegazzjoni magħmula fil-konfront tagħhom. F’dan ir-rigward, il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li, f’Unjoni ta’ dritt, fid-dawl tal-gravità tal-aġir illegali kkonstatat mill-Qorti Ġenerali, l-istituzzjoni kkonċernata għandha l-kompitu li twettaq, anki jekk b’mod parallel għall-preżentazzjoni ta’ appell, verifika tal-evalwazzjonijiet li ġew ikkritikati mill-Qorti Ġenerali.

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali tiddikjara li fid-dawl tal-awtonomija tal-miżuri Amerikani fil-konfront tal-kumpannija Fulmen meta mqabbla mal-atti kontenzjużi, l-Unjoni ma tistax tinżamm responsabbli għall-eventwali dannu immaterjali li dawn setgħu kkawżaw lir-rikorrenti. Għaldaqstant, fid-dawl tal-istess awtonomija tal-miżuri Amerikani, il-Kunsill ma huwiex iġġustifikat li jikkunsidra li l-evalwazzjoni tal-ammont tad-dannu immaterjali subit mir-rikorrenti għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rikorrenti baqgħet suġġetta għall-miżuri Amerikani wara l-annullament tal-atti kontenzjużi.

Fl-aħħar nett, il-Qorti Ġenerali tqis li, għal dak li jirrigwarda d-dannu morali li jirriżulta, essenzjalment, minn stress jew sentimenti ta’ ansjetà, ta’ umiljazzjoni jew ta’ ħtija, b’mod partikolari fil-konfront tal-qraba tiegħu, dan id-dannu huwa separat mid-dannu li jirriżulta mill-ħsara għall-onorabbiltà u għar-reputazzjoni ta’ F. Mahmoudian. Fil-fatt, id-dannu morali allegat, li jirrigwarda ħsara kkawżata mill-atti kontenzjużi lill-ħajja soċjali u familjari tar-rikorrent, jirriżulta, bħala persuna fiżika, mid-degradazzjoni, essenzjalment, tal-immaġni familjari jew saħansitra soċjali tiegħu, minħabba li ma kienx iktar kapaċi, minħabba l-iffriżar tal-assi finanzjarji u ekonomiċi tiegħu, li jżomm l-istil ta’ ħajja preċedenti li kellu. Il-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li l-adozzjoni tal-atti kontenzjużi u ż-żamma tal-inklużjoni ta’ ismu fil-listi kontenzjużi li jirrigwardawh, ikkawżaw lir-rikorrent dannu morali kumpensabbli.


1      Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/413/PESK tas-26 ta’ Lulju 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li tħassar il-Pożizzjoni Komuni 2007/140/PESK (ĠU 2010, L 195, p. 39, rettifika fil-ĠU 2010, L 197, p. 19); Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 668/2010 tas-26 ta’ Lulju 2010 li jimplimenta l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (KE) Nru 423/2007 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2010, L 195, p. 25); Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/644/PESK tal-25 ta’ Ottubru 2010 li temenda d-Deċiżjoni 2010/413 (ĠU 2010, L 281, p. 81); Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 961/2010 tal-25 ta’ Ottubru 2010 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 423/2007 (ĠU 2010, L 281, p. 1).


2      Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-21 ta’ Marzu 2012, Fulmen u Mahmoudian vs Il-Kunsill (T-439/10 u T-440/10, EU:T:2012:142).


3      Sentenza tal_Qorti tal-Ġustizzja tat-28 ta’ Novembru 2013, Il-Kunsill vs Fulmen u Mahmoudian (C‑280/12 P, EU:C:2013:775).


4      Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1361/2013 tat-18 ta’ Diċembru 2013 li jimplimenta r-Regolament Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran (ĠU 2013, L 343, p. 7, rettifika fil-ĠU 2014, L 54, p. 22).