Language of document :

Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) tal-10 ta' Mejju 2012 - Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Renju tal-Pajjizi l-Baxxi

(C-368/10) 

(Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Direttiva 2004/18/KE - Proċeduri ta' għoti ta' kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi - Kuntratt pubbliku għall-provvista, l-installazzjoni u l-manutenzjoni ta' magni ta' xorb sħun, u l-provvista ta' tè, ta' kafè u ta' ingredjenti oħrajn - Artikolu 23(6) u (8) -Speċifikazzjonijiet tekniċi - Artikolu 26 - Kundizzjonijiet ta' eżekuzzjoni tal-kuntratt - Artikolu 53(1) - Kriterji ta' għoti ta' kuntratti - Offerta li hija l-iktar vantaġġuża ekonomikament - Prodotti li jirriżultaw mill-agrikoltura organika u mill-kummerċ ġust - Użu ta' tikketti fil-kuntest tal-formulazzjoni ta' speċifikazzjonijiet tekniċi u ta' kriterji ta' għoti - Artikolu 39(2) - Kunċett ta 'informazzjoni addizzjonali' - Artikolu 2 - Prinċipji ta' għoti ta' kuntratti - Prinċipju ta' transparenza - Artikoli 44(2) u 48 - Verifika tal-adattabbiltà u għażla tal-parteċipanti - Livelli minimi ta' kapaċitajiet tekniċi jew professjonali - Osservanza tal-'kriterji ta' sostenibbiltà tal-akkwisti u ta' responsabbiltà soċjali tal-impriżi')

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Zadra u F. Wilman, aġent)

Konvenuta: Ir-Renju tal-Pajjizi l-Baxxi (rappreżentanti: C. Wissels u M. de Ree, aġenti)

Suġġett

Nuqqas ta' Stat li jwettaq obbligu - Ksur tal-Artikoli 2, 23(6) u (8), 44(2), 48(1) u (2) u 53(1) tad-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal 31 ta' Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132) - Prinċipji ta' għoti ta' kuntratti - Speċifikazzjonijiet tekniċi - Verifika tal-adattabilità u għażla ta' parteċipanti, għoti ta' kuntratti - Kapaċitajiet tekniċi jew professjonali - Kriterji għall-għoti ta' kuntratti - Provvista, installazzjoni u manutenzjoni ta' magni tal-kafé

Dispożittiv

Minħabba l-fatt li, fil-kuntest tal-għoti ta' kuntratt pubbliku għall-provvista u l-ġestjoni ta' magni tal-kafé, li kien is-suġġett ta' avviż ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropew fis-16 ta' Awwissu 2008, il-provinċja ta' Hollande-Septentrionale:

-    stabbilit speċifikazzjoni teknika inkompatibbli mal-Artikolu 23(6) tad-Direttiva 2004/18 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta' Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta' proċeduri għall-għoti ta' kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] kif emendata bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1422/2007, tal-4 ta' Diċembru 2007, billi teżiġi li ċerti prodotti li għandhom jiġu pprovduti jkollhom tikketta eko speċifika, pjuttost li jużaw speċifikazzjonijiet dettaljati.

-    stabbilit kriterji ta' għoti inkompatibbli mal-Artikolu 53(1)(a) tal-imsemmija direttiva billi pprovdiet li l-fatt li ċerti prodotti li għandhom jiġu pprovduti jkollhom tikketti speċifiċi jagħti lok għall-għoti ta' ċertu numru ta' punti fil-kuntest tal-għażla tal-offerta li hija l-iktar ekonomikament vantaġġuża, mingħajr ma elenkat il-kriterji sottostanti għal dawn it-tikketti u lanqas awtorizzat li l-prova li prodotti jissodisfa dawn il-kriterji sottostanti tingħata b'kull mezz xieraq.

-    stabbilit livell minimu ta' kapaċità teknika mhux awtorizzat mill-Artikoli 44(2) u 48 tal-istess direttiva billi timponi, skont ir-rekwiżiti ta' adattabbiltà u ta' livelli minimi msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, applikabbli fil-kuntest tal-imsemmi kuntratt, il-kundizzjoni li tipprovdi li l-offerenti josservaw "il-kriterji ta' sostenibbiltà tal-akkwisti u ta' responsabbiltà soċjlai tal-impriżi" u jindikaw kif huwa josservaw dawn il-kriterji u "jikkontribwix[xu] sabiex irendu l-kuntratt tal-kafé iktar sostenibbli u sabiex irendu l-produzzjoni tal-kafé ekoloġikament, soċjalment u ekonomikament responsabbli",

-    stabbilit klawsola kuntrarja għall-obbligu ta' trasparenza previst fl-Artikolu 2 ta' din l-istess direttiva, billi imponiet il-kundizzjoni li tipprovdi l-offerenti josservaw "il-kriterji ta' sostenibbiltà tal-akkwisti u ta' responsabbiltà soċjali tal-impriżi", u jindikaw kif huma josservaw dawn il-kriterji u "jikkontribbwix[xu] sabiex irendu s-suq tal-kafé iktar sostenibbli u sabiex irendu l-produzzjoni tal-kafé ekoloġikament, soċjalment u ekomomikament responsabbli",

ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi naqas milli jwettaq l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet imsemmija iktar 'il fuq.

2)    Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.

3)    Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi huwa kkundannat għall-ispejjeż.

____________

1 - ĠU C 328, 04.12.2010.