Language of document : ECLI:EU:F:2013:32

DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU TAL-UNJONI EWROPEA

(It-Tielet Awla)

11 ta’ Marzu 2013

Kawża F‑17/12

Luigi Marcuccio

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Servizz pubbliku – Artikolu 34(1) u (6) tar-Regoli tal-Proċedura – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors – Firma bl-idejn tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta – Tardività tar-rikors – Inammissibbiltà manifesta”

Suġġett:      Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 270 TFUE, applikabbli għat-Trattat KEEA skont l-Artikolu 106a, li bih L. Marcuccio jitlob, essenzjalment, il-kumpens għad-dannu li huwa jqis li ġarrab minħabba t-tul tal-proċedura li tirrigwarda t-talba tiegħu tal-25 ta’ Novembru 2002. Fit-8 ta’ Frar 2012, qabel il-preżentata tal-oriġinali tar-rikors bil-posta, dokument ippreżentat bħala l-kopja tal-oriġinali tar-rikors ippreżentat intbagħat b’faks fir-Registru tal-Qorti li rċevieh fl-istess jum.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud bħala manifestament inammissibbli. L. Maruccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu u huwa kkundannat għall-ispejjeż esposti mill-Kummissjoni.

Sommarju

1.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Firma bl-idejn ta’ avukat – Regola sostanzjali ta’ applikazzjoni stretta – Assenza – Inammissibbiltà

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19 u l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21 ,u Anness I, Artikolu 7(1); Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34(1))

2.      Proċedura ġudizzjarja – Rikors promotur – Rekwiżiti proċedurali – Rikors ippreżentat permezz ta’ faks fit-terminu għall-preżentata ta’ rikors ‑ Firma bl-idejn tal-avukat differenti minn dik li tidher fuq l-oriġinali tar-rikors mibgħut bil-posta – Konsegwenza – Assenza ta’ teħid inkunsiderazzjoni tad-data li fiha ġiet riċevuta l-faks sabiex tiġi evalwata l-osservanza tat-terminu għall-preżentata ta’ rikors

(Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, Artikolu 34; Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 91(3))

1.      Mit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 19 u mill-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li kull rikorrent għandu jkun irrappreżentat minn persuna awtorizzata għal dan il-għan u li, konsegwentement, il-qrati tal-Unjoni jistgħu jiġu validament aditi biss permezz ta’ rikors iffirmat minn din tal-aħħar. Skont l-Artikolu 7(1) tal-Anness I ta’ dan l-istess Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, dawn id-dispożizzjonijiet japplikaw ukoll għall-proċeduri quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ebda deroga minn jew eċċezzjoni għal dan l-obbligu ma hija prevista mill-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jew mir-Regoli tal-Proċedura ta’ dan it-Tribunal.

Fil-fatt, ir-rekwiżit ta’ firma bl-idejn tar-rappreżentant tar-rikorrent jiġġarantixxi, bil-għan ta’ ċertezza legali, l-awtentiċità tar-rikors u jeskludi r-riskju li din ma tkunx ix-xogħol tal-avukat jew tal-konsulent li jkun ġie inkarigat għal dan il-għan. Għaldaqstant, dan tal-aħħar, bħala rappreżentant legali jissodisfa r-rwol essenzjali, li jikkonferilu l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja kif ukoll r-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jippermetti, permezz tal-ministeru tiegħu, l-aċċess tar-rikorrent għall-imsemmi tribunal. Għaldaqstant, dan ir-rekwiżit għandu jitqies li huwa regola sostanzjali tal-proċedura u għandu jiġi applikat strettament, b’tali mod li l-ksur tiegħu jwassal għall-inammissibbiltà tar-rikors.

(ara l-punti 22 u 23)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 5 ta’ Diċembru 1996, Lopes vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, C‑174/96 P, punt 8, u l-ġurisprudenza ċċitata.

Il-Qorti Ġenerali: 23 ta’ Mejju 2007, Il-Parlament vs Eistrup, T‑223/06 P, punti 50 sa 52

2.      Fil-kuntest ta’ kawżi tas-servizz pubbliku tal-Unjoni, għall-finijiet tal-preżentata tal-oriġinali ta’ kull att proċedurali fit-termini applikabbli, l-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jippermettix lir-rappreżentant tal-parti kkkonċernata li jagħmel żewġ firem bl-idejn distinti, anki jekk awtentiċi, waħda fuq dokument mibgħut b’faks lir-reġistru tal-imsemmi tribunal u l-oħra fuq l-oriġinali li ser jintbagħat bil-posta jew jiġi kkunsinnat bl-idejn lill-imsemmi reġistru.

F’dawn il-kundizzjonijiet, għalkemm jidher li l-oriġinali tal-att li huwa materjalment ippreżentat fir-Reġistru fi żmien għaxart’ijiem wara t-trażmissjoni tiegħu f’kopja permezz ta’ faks lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma għandux l-istess firma bħal dik li tinsab fuq id-dokument li jkun intbagħat b’faks, għandu jiġi kkonstatat li fir-Reġistru tal-imsemmi tribunal waslu żewġ atti proċedurali distinti, li kull wieħed minnhom għandu l-firma tiegħu anki jekk kull waħda kienet magħmula mill-istess persuna. Peress li t-trażmissjoni tat-test mibgħut b’faks ma tissodisfax il-kundizzjonijiet ta’ ċertezza legali imposti mill-Artikolu 34 tar-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, id-data ta’ trażmissjoni tad-dokument mibgħut b’faks ma tistax tittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-osservanza tat-terminu għall-preżentata tar-rikors.

Barra minn hekk, it-terminu għall-preżentata tar-rikors huwa ffissat mill-Artikolu 91(3) tal-Istatut, li r-Regoli tal-Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma jistgħux jidderogaw minnu. Konsegwentement, jeħtieġ li l-oriġinali tar-rikors jiġi prodott mhux iktar tard mill-iskadenza ta’ dan it-terminu. Minn din il-perspettiva, il-fatt li rikors jintbagħat b’faks ma huwiex biss mezz ta’ trażmissjoni, iżda jippermetti wkoll li jiġi pprovat li l-oriġinali tar-rikors, li wasal fir-Reġistru ta’ dan it-tribunal wara l-iskadenza, kien diġà ġie prodott fit-terminu għall-preżentata tar-rikors.

(ara l-punti 25 sa 27)

Referenza:

Il-Qorti tal-Ġustizzja: 22 ta’ Settembru 2011, Bell & Ross BV vs UASI, C‑426/10 P, punti 37 sa 43