Language of document : ECLI:EU:T:2011:182

Kawża T-466/08

Lancôme parfums et beauté & Cie

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ACNO FOCUS — Trade mark nazzjonali verbali preċedenti FOCUS — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009] — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 [li sar Artikolu 42(2) u (3) tar-Regolament Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet minn terzi u oppożizzjoni — Eżami tal-oppożizzjoni — Prova tal-użu mit-trade mark preċedenti – Bidu tad-dekorrenza tat-terminu ta’ ħames snin — Data tar-reġistrazzjoni tat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 43(2) u (3); Direttiva tal-Kunsill 89/104)

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      Mill-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jirriżulta li l-proprjetarju ta’ trade mark Komunitarja preċedenti li għamel oppożizzjoni ma huwiex obbligat li jagħmel il-prova tal-użu ta’ din it-trade mark sakemm, fid-data tal-pubblikazzjoni tal-applikazzjoni għal trade mark Komunitarja, it-trade mark Komunitarja preċedenti ġiet irreġistrata għall-inqas ħames snin qabel.

Skont l-Artikolu 43(3) tar-Regolament Nru 40/94, “[i]l-paragrafu 2 japplika għal trade marks nazzjonali preċedenti msemmija fl-Artikolu 8(2)(a), u dana billi l-użu f l-Istat Membru fejn it-trade mark nazzjonali preċedenti hija protetta jiġi sostitwit b’użu fil-Komunità.”

Għalkemm mill-qari flimkien tal-Artikolu 43(2) u (3) tar-Regolament Nru 40/94 jirriżulta li r-reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali preċedenti tikkostitwixxi l-bidu tad-dekorrenza tal-perijodu ta’ ħames snin ta’ reġistrazzjoni, għandu jiġi kkonstatat li r-Regolament Nru 40/94 ma jippermettix li tiġi ddeterminata d-data li fiha t-trade marks nazzjonali preċedenti huma kkunsidrati bħala rreġistrati f’kull Stat Membru.

Għalkemm id-dritt nazzjonali ta’ trade marks ġie armonizzat bl-Ewwel Direttiva 89/104 dwar it-trade marks, l-imsemmija direttiva ma tarmonizzax l-aspett proċedurali tar-reġistrazzjoni tat-trade marks, hekk li huwa l-Istat Membru li l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ġiet ippreżentata lilu li għandu jiddetermina l-mument meta tintemm il-proċedura ta’ reġistrazzjoni skont ir-regoli proċedurali tiegħu stess.

Minn dan isegwi li, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni rilevanti fir-Regolament Nru 40/94 jew fid-Direttiva 89/104, għandu jsir riferiment għad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat sabiex tiġi ddeterminata d-data ta’ reġistrazzjoni ta’ trade mark nazzjonali preċedenti.

(ara l-punti 27, 28, 30-32)

2.      Teżisti, għall-pubbliku Ġermaniż, probabbilità ta’ konfużjoni bejn is-sinjal verbali ACNO FOCUS, li r-reġistrazzjoni tiegħu bħala trade mark Komunitarja hija mitluba għal “Kożmetiċi u prodotti tal-make-up” li jaqgħu taħt il-klassi 3 skont il-Ftehim ta’ Nice, u t-trade mark verbali FOCUS, irreġistrata preċedentement fil-Ġermanja għal prodotti u servizzi li jaqgħu, fost oħrajn, taħt l-istess klassi.

Fil-fatt, hemm ċertu xebh fuq il-livelli viżwali, fonetiku u kunċettwali bejn is-sinjali kunfliġġenti. Barra minn hekk, il-prodotti inkwistjoni huma identiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’mod partikolari mill-fatt li l-pubbliku rilevanti jiftakar biss stampa imperfetta tat-trade marks inkwistjoni, hekk li l-element komuni tagħhom “focus” joħloq ċerti xebh bejniethom, u mill-interdipendenza tad-diversi fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, għandu jiġi konkluż li hemm probabbiltà ta’ konfużjoni bejn iż-żewġ sinjali kunfliġġenti.

(ara l-punti 46, 49, 69, 70)