Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta' Frar 2013 minn Kris Van Neyghem mis-sentenza mogħtija mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-12 ta' Diċembru 2012 fil-Kawża F-77/11, Van Neyghem vs Il-Kunsill

(Kawża T-113/13 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Kris Van Neyghem (Tienen, il-Belġju) (rappreżentant: M. Velardo, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tal-appellant

tannulla s-sentenza mogħtija fil-Kawża F-77/11, Kris Van Neyghem vs Il-Kunsill;

tannulla d-deċiżjoni tal-1 ta' Ottubru 2010 li tirrifjuta l-promozzjoni lir-rikorrent u tilqa' t-talbiet għal kumpens;

tibgħat il-kawża lura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għas-sentenza, skont il-każ;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż inklużi l-ispejjeż kollha tal-proċedura fl-ewwel istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant jinvoka żewġ aggravji.

L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta' liġi u fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kkunsidra li d-deċiżjoni li jiġi rrifjutat li l-persuna kkonċernata tiġi promossa setgħet tiġi motivata fl-istadju tar-risposta għall-ilment filwaqt li l-motivazzjoni kellha diġà tkun ipprovduta fid-deċiżjoni ta' nuqqas ta' promozzjoni peress li din id-deċiżjoni kienet ittieħdet skont l-Artikolu 266 TFUE fl-eżekuzzjoni tas-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-5 ta' Mejju 2010, Bouillez et vs Il-Kunsill (F-53/08, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra) u mhux skont l-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea.

It-tieni aggravju bbażat fuq żball ta' liġi u fuq ksur tal-Artikolu 266 TFUE u l-ġurisprudenza li tikkonċernah, peress li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ma bbaża ruħu la fuq id-dispożittiv u lanqas fuq il-motivi tas-sentenza tiegħu fil-Kawża F-53/08 sabiex jistabbilixxi jekk din is-sentenza kinitx ġiet eżegwita korrettament.

____________