Language of document : ECLI:EU:C:2016:920

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

BOT

ippreżentati fl-1 ta’ Diċembru 2016 (1)

Kawża C-499/15

W,

V

vs

X

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja)]

“Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Obbligi ta’ manteniment – Regolament (KE) Nru 4/2009 – Residenza abitwali tal-minuri – L-aħjar interessi tal-minuri – Ġurisdizzjoni tal-qrati tal-Istat Membru ta’ residenza ta’ ġenitur biex jeżaminaw kwistjonijiet relatati mad-dritt ta’ kustodja, mad-dritt ta’ aċċess, kif ukoll mal-obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ wild minuri – Modifika ta’ deċiżjoni li saret finali”






1.        Il-kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja toriġina minn tilwima li tikkonċerna d-dritt ta’ kustodja, id-dritt ta’ aċċess, kif ukoll l-istabbiliment tal-obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ wild minuri.

2.        Il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja) tfittex, mingħand il-Qorti tal-Ġustizzja, kjarifiki fir-rigward tal-applikazzjoni konkreta tar-Regolament (KE) Nru 2201/2003 (2) u tar-Regolament (KE) Nru 4/2009 (3), sabiex tiddetermina liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar dawn il-kwistjonijiet. Fil-fatt, fil-kawża prinċipali, il-qrati Litwani kienu taw deċiżjoni, li saret finali, dwar id-dritt ta’ kustodja, id-dritt ta’ aċċess, kif ukoll l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tal-wild minuri. Il-missier ta’ dan il-minuri mbagħad ressaq talba ġdida quddiem il-qrati Litwani bl-għan li tiġi mmodifikata din id-deċiżjoni. Madankollu, peress li l-minuri kkonċernat għandu r-residenza abitwali tiegħu fit-territorju Olandiż, ma’ ommu, il-kwistjoni li tqum hija dwar jekk il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani sabiex jiddeċiedu dwar din it-talba tistax tibqa’ fondata.

3.        F’dawn il-konklużjonijiet, se nispjega r-raġunijiet għaliex inqis li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun tat deċiżjoni, li ssir finali, dwar id-dritt ta’ kustodja, id-dritt ta’ aċċess, kif ukoll l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tal-wild minuri, din il-qorti ma jkollhiex iktar ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talba għal modifika ta’ din id-deċiżjoni, sakemm dan il-minuri ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Jien se nippreċiża għaliex, fil-fehma tiegħi, il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar tali talba hija, f’konformità ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll mal-prinċipju intiż biex jiġu mħarsa l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-minuri jkollu r-residenza abitwali tiegħu.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Ir-Regolament Nru 2201/2003

4.        Ir-Regolament (KE) Nru 2201/2003 għandu l-għan li joħloq uniformità, fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, fir-regoli rigward il-ġurisdizzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet ta’ divorzju, ta’ separazzjoni legali jew ta’ annullament taż-żwieġ, kif ukoll fi kwistjonijiet tar-responsabbiltà tal-ġenituri.

5.        Il-premessa 12 ta’ dan ir-regolament tindika dan li ġej:

“Ir-raġunijiet ta’ l-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri stabbiliti fir-Regolament preżenti huma fformati fi ħdan l-aqwa interessi għall-minuri, u partikolarment dwar il-kriterju ta’ l-qrubija [prossimità]. Dan ifisser li l-ġurisdizzjoni għandha toqgħod l-ewwelnett ma’ l-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ l-minuri, ħlief għal ċerti każijiet fejn hemm tibdil fir-residenza ta’ l-minuri jew skond ftehim bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità.”

6.        L-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament jistabbilixxi l-ġurisdizzjoni ġenerali fi kwistjonijiet ta’ divorzju, separazzjoni legali u annullament taż-żwieg. Dan l-artikolu huwa fformulat bil-mod li ġej:

“1.      Fi kwistjonijiet dwar id-divorzju, is-separazzjoni legali jew l-annullament taż-żwieġ, il-ġurisdizzjoni ħa taqa’ taħt il-kompetenza ta’ l-qrati ta’ l-Istat Membru

(a)      f’liema territorju:

–        il-konjuġi huma abitwalment residenti, jew

–        il-konjuġi kienu joqgħodu hemm l-aħħar, peress illi xi ħadd minnhom għadu/għadha residenti hemm, jew

–        il-konvenut huwa abitwalment residenti, jew

–        fil-każ ta’ applikazzjoni konġunta, wieħed jew waħda mill-konjuġi huwa abitwalment residenti, jew

–        L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu joqgħodu hemm mill-inqas sena mmedjatament qabel ma’ saret l-applikazzjoni, jew

–        L-applikant huwa abitwalment residenti jekk hu jew hija kienu residenti hemm mill-inqas sitt xhur immedjatament qabel saret l-applikazzjoni u jekk wieħed jew waħda minnhom huwa ċittadin ta’ l-Istat Membru in kwistjoni jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, għandu jew għandha ‘id-domiċilju’ hemmhekk;

(b)      dwar in-nazzjonalità taż-żewg konjuġi jew, fil-każ tar-Renju Unit u l-Irlanda, dwar ‘id-domiċilju’ taz-żewġ konjuġi.

[…]”

7.        Fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tal-qrati fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 jistabbilixxi r-regola ta’ ġurisdizzjoni ġenerali li ġejja:

“1. Il-qrati ta’ Stat Membru għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar minuri li huma abitwalment residenti f’dak l-Istat Membru fiż-żmien li l-qorti tkun ħadet il-pussess [ġiet adita bil-kawża].

2.      Il-paragrafu 1 għandu jkun bla ħsara għad-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 9, 10 u 12.”

8.        L-Artikolu 12 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa fformulat bil-mod li ġej:

“Il-qrati ta’ xi Stat Membru li jeżerċitaw l-ġurisdizzjoni bis-saħħa ta’ l-Artikolu 3 dwar l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg għandu jkollhom il-ġurisdizzjoni dwar kwalsijasi kwistjoni dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri li għandha x’taqsam ma’ dik l-applikazzjoni fejn:

(a)      mill-inqas wieħed mill-konjuġi għandu jew għandha r-responsabbilità bħala ġenituri fir-rigward tal-minuri

u

(b)      il-ġurisdizzjoni ta’ l-qrati ġiet aċċettata espressament jew xort’oħra f’mod inekwivokabbli mill-konjuġi u bejn dawk il-ġenituri li huma d-detenturi tar-responsabilità, fil-ħin li l-qorti tieħu pussess ta’ dan, u tkun fl-aqwa nteressi ta’ l-minuri.

2.      Il-ġurisdizzjoni mogħtija fil-paragrafu 1 għandha tieqaf jekk kif:

(a)      is-sentenza li tippermetti jew tirrifjuta l-applikazzjoni għad-divorzju, għas-separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg ġiet finalizzata;

(b)      f’dawk il-każijiet fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri għadhom pendenti fid-data imsemmija f’(a), sentenza f’dawn il-proċedimenti giet iffinalizzata;

(ċ)      il-proċedimenti msemmija f’(a) u f’(b) ġew mitmuma għal raġuni oħra.

[…]”

9.        F’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament “[f]ejn ebda qorti ta’ xi Stat Membru għandha l-ġurisdizzjoni skond l-Artikolu 8 sa 13, il-ġurisdizzjoni għandha tkun determinata, f’kull Stat Membru, mil-liġijiet ta’ dak l-Istat.”

10.      L-Artikolu 19 tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“[…]

2.      Fejn il-proċedimenti dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri dwar l-istess minuri u li tinkludi l-istess kawża se jidħru quddiem qrati fi Stati Membri differenti, it-tieni qorti li ħadet il-pussess għandha b’mozzjoni tagħha stess żżomm il-proċedimenti sakemm il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti tiġi stabbilita.

3.      Fejn il-ġurisdizzjoni ta’ l-ewwel qorti li ħadet il-pussess [adita] tiġi stabbilita, it-tieni qorti bil-pussess [adita] għandha iċċedi l-ġurisdizzjoni favur dik il-qorti.

F’dak il-każ, il-parti li tkun ġabet il-kawza relevanti quddiem il-qorti li ħadet il-ta’ l-pussess [adita] wara, tista’ ġġib dik il-kawza quddiem il-qorti li ħadet ita’ l-pussess [adita] l-ewwel.”

11.      Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, “[s]entenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr il-bżonn ta’ ebda proċedura speċjali”.

12.      Barra minn hekk, teżisti lista ta’ raġunijiet li ma tiġix irrikonoxxuta deċiżjoni mogħtija fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri. B’mod partikolari, skont l-Artikolu 23(a) ta’ dan ir-regolament, tali deċiżjoni ma tiġix irrikonoxxuta “[j]ekk l-imsemmi rikonoxximent jidħer ċar li huwa kuntrarju għall-politika pubblika ta’ l-Istat Membru li fih r-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub wara li jiġu kkunsidrati l-aħjar interessi ta’ l-minuri”.

B –    Ir-Regolament Nru 4/2009

13.      Ir-Regolament Nru 4/2009 huwa intiż sabiex jiffaċilita l-kisba ta’ deċiżjoni fi Stat Membru ieħor dwar talba ta’ manteniment, mingħajr il-ħtieġa ta’ ebda formalità oħra (4).

14.      Dan ir-regolament għandu japplika, skont l-Artikolu 1(1) tiegħu, “għall-obbligi ta’ manteniment li ġejjin minn relazzjonijiet tal-familja, parentela, żwieġ jew affinità”.

15.      Għal dan il-għan, l-imsemmi regolament jistabbilixxi sistema ta’ regoli komuni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kunflitti ta’ ġurisdizzjonijiet, billi jistabbilixxi regoli ta’ ġurisdizzjoni ġenerali fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment.

16.      Għalhekk, l-Artikolu 3 tar-Regolament Nru 4/2009 jindika dan li ġej:

“Fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, fl-Istati Membri, il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn:

(a)      il-qorti tal-post fejn il-konvenut għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(b)      il-qorti tal-post fejn il-kreditur għandu r-residenza abitwali tiegħu, jew

(ċ)      il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess, għandha l-ġurisdizzjoni biex twettaq proċedimenti li jikkonċernaw l-istatus ta’ persuna jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċedimenti, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq iċ-ċittadinanza ta’ waħda mill-partijiet, jew

(d)      il-qorti li, skont il-liġi tagħha stess għandha l-ġurisdizzjoni biex iżżomm proċeduri li jikkonċernaw ir-responsabbiltà ta’ ġenitur jekk il-kwistjoni relatata ma’ manteniment tkun anċillari għal dawk il-proċeduri, sakemm dik il-ġurisdizzjoni ma tkunx ibbażata unikament fuq in-nazzjonalità ta’ waħda mill-partijiet.”

II – Il-fatti tal-kawża prinċipali

17.      W, ta’ nazzjonalità Litwana, u X, ta’ nazzjonalità Olandiża u Arġentina, iżżewġu fid-9 ta’ Diċembru 2003 f’Portland, Oregon (l-Istati Uniti). V, li għandu n-nazzjonalità Litwana u Taljana, twieled minn din l-unjoni fl-20 ta’ April 2006, fil-Pajjiżi l-Baxxi.

18.      Matul il-perjodu mis-sena 2004 sas-sena 2011, W u X għexu parzjalment fil-Pajjiżi l-Baxxi, fl-Italja u fil-Kanada. Fix-xahar ta’ Novembru 2011, X stabbilixxiet ruħha ma’ V fil-Pajjiżi l-Baxxi. Huwa stabbilit, mill-qorti tar-rinviju, li V qatt ma għex u qatt ma mar il-Litwanja.

19.      Mix-xahar ta’ Diċembru 2010, W u X isseparaw. Huwa stabbilit li W għandu r-residenza abitwali tiegħu fil-Litwanja, filwaqt li X u V għandhom ir-residenza abitwali tagħhom fil-Pajjiżi l-Baxxi.

20.      X talbet id-divorzju quddiem qorti Kanadiża. Minn dan irriżultaw diversi deċiżjonijiet, mifruxa mix-xahar ta’ Mejju 2011 sax-xahar ta’ April 2012, dwar it-talba għal divorzju, l-istabbiliment tal-post ta’ residenza ta’ V, kif ukoll il-modalitajiet ta’ eżekuzzjoni tad-dritt ta’ aċċess u l-obbligi ta’ manteniment għal V. Il-qorti Kanadiża ddeċidiet dwar id-divorzju bejn il-partijiet permezz ta’ deċiżjoni tas-17 ta’ April 2012 u fdat il-kustodja ta’ V lil X.

A –    Il-proċedura quddiem il-qrati Litwani u Olandiżi

21.      Fuq talba ta’ W, il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja) irrifjutat li tirrikonoxxi d-deċiżjonijiet tal-qorti Kanadiża.

22.      W fetaħ kawża quddiem il-Vilniaus miesto 1 apylinkės teismas (qorti tal-ewwel distrett tal-belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja) b’talba għal divorzju minħabba nuqqasijiet ta’ X u għal stabbiliment tal-post ta’ residenza ta’ V miegħu. Fit-28 ta’ April 2011, fuq talba ta’ W, din il-qorti ħarġet digriet għal miżuri provviżorji u stabbilixxiet temporanjament il-post ta’ residenza ta’ V ma’ W. Dan id-digriet ġie annullat mill-qorti adita bit-talba għal divorzju b’deċiżjoni tat-12 ta’ April 2013 b’eżekuzzjoni immedjata. Fuq rikors ta’ W, fid-19 ta’ Lulju 2013, il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus, il-Litwanja) ikkonfermat id-deċiżjoni tat-12 ta’ April 2013 tal-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus). W ippreżenta appell ta’ kassazzjoni, iżda r-rikors tiegħu ġie ddikjarat inammissibbli.

23.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus) iddeċidiet dwar it-talba għal divorzju u stabbilixxiet ir-residenza ta’ V ma’ X, il-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess ta’ W, kif ukoll l-ammont ta’ obbligi ta’ manteniment ta’ dan tal-aħħar fir-rigward tal-minuri.

24.      W appella minn din id-deċiżjoni quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus) li kkonfermatha, permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Mejju 2014. W ippreżenta appell ta’ kassazzjoni, appell li ġie ddikjarat inammissibbli.

25.      B’mod parallel għall-proċedura fil-Litwanja, X aġixxiet quddiem il-qrati Olandiżi. Għalhekk, permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2014, ir-rechtbank Overijssel (qorti ta’ Overijssel, il-Pajjiżi l-Baxxi) stabbilixxiet l-obbligi ta’ manteniment ta’ W fir-rigward ta’ X għal EUR 4 323.16 fix-xahar mit-8 ta’ Mejju 2012 u fir-rigward ta’ V għal EUR 567.01 fix-xahar għall-perijodu bejn is-27 ta’ Ġunju u l-1 ta’ Novembru 2011, imbagħad għal EUR 790 fix-xahar mit-2 ta’ Novembru 2011.

26.      Din l-istess qorti, permezz ta’ deċiżjoni tat-22 ta’ Awwissu 2014, annullat id-dritt ta’ kustodja komuni ta’ V u tat il-kustodja esklużiva lil X. Skont id-dritt Olandiż, il-kustodja esklużiva tingħata lil wieħed mill-ġenituri meta jkun jeżisti riskju inaċċettabbli li n-nuqqas ta’ qbil tal-ġenituri jkun ta’ ħsara għall-minuri u li ftit li xejn ikun probabbli li s-sitwazzjoni titjieb, jew meta l-bidla tal-modalitajiet ta’ kustodja tkun meħtieġa, għal raġunijiet oħra, fl-interessi tal-minuri.

27.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Ottubru 2014, ir-rechtbank Overijssel (qorti ta’ Overijssel) irrifjutat li tirrikonoxxi u li tinforza fil-Pajjiżi l-Baxxi l-parti tad-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 mogħtija mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus) dwar id-divorzju minħabba nuqqasijiet tal-konjuġi, dwar l-istabbiliment tar-residenza abitwali ta’ V ma’ X, l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward ta’ V u l-kumpens għall-ispejjeż. Min-naħa l-oħra, din irrikonoxxiet u inforzat fil-Pajjiżi l-Baxxi l-parti ta’ din id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 li tistabbilixxi d-dritt ta’ aċċess ta’ W.

28.      Permezz ta’ deċiżjoni tat-2 ta’ Frar 2015, fuq rikors ta’ W, il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja) irrifjutat l-inforzar fil-Litwanja tad-deċiżjoni tad-29 ta’ Jannar 2014 tar-rechtbank Overijssel (qorti ta’ Overijssel) u rrifjutat li tirrikonoxxi u tinforza fil-Litwanja d-deċiżjoni ta’ din l-istess qorti mogħtija fit-22 ta’ Awwissu 2014 li tirrigwarda d-dritt ta’ kustodja. Il-Lietuvos apeliacinis teismas (qorti tal-appell tal-Litwanja), barra minn hekk, temmet il-proċedura għal dak li jirrigwarda n-nuqqas ta’ rikonoxximent fil-Litwanja tad-deċiżjoni tar-rechtbank Overijssel (qorti ta’ Overijssel).

B –    Il-proċedura quddiem il-qorti tar-rinviju

29.      Fit-28 ta’ Awwissu 2014, W ressaq kawża quddiem il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus) sabiex jinbidlu l-post ta’ residenza ta’ V, l-ammont tal-obbligi ta’ manteniment u l-modalitajiet tad-dritt ta’ aċċess.

30.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2014, din il-qorti ddikjarat dawn it-talbiet bħala inammissibbli minħabba li W ma kienx wera liema ċirkustanzi fil-fatt inbidlu mill-adozzjoni tad-deċiżjoni mogħtija fit-8 ta’ Ottubru 2013.

31.      W appella mid-deċiżjoni tal-25 ta’ Settembru 2014 quddiem il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus). Permezz ta’ deċiżjoni tas-16 ta’ Diċembru 2014, din tal-aħħar laqgħet ir-rikors ta’ W, annullat parzjalment id-deċiżjoni inkwistjoni u assenjat il-kawża lill-ewwel qorti sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid.

32.      Il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus), permezz ta’ deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2014, iddikjarat it-talba bħala inammissibbli, filwaqt li qieset li ma kellhiex ġurisdizzjoni ladarba V għandu r-residenza abitwali tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi ma’ X. Għalhekk, skont din il-qorti, it-talbiet li tressqu quddiemha minn W ma kinux jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani. L-imsemmija qorti informat lil W li huwa seta’ jindirizza lill-qorti li għandha ġurisdizzjoni fil-Pajjiżi l-Baxxi.

33.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-31 ta’ Marzu 2015, il-Vilniaus apygardos teismas (qorti reġjonali ta’ Vilnjus), adita minn W, annullat id-deċiżjoni tat-23 ta’ Diċembru 2014 u rreferiet il-kwistjoni tal-ammissibbiltà tat-talba lill-istess qorti tal-ewwel istanza, jiġifieri lill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus), sabiex din tiddeċiedi mill-ġdid.

34.      Fid-dawl tan-nuqqas ta’ qbil bejn il-qrati nazzjonali dwar il-kwistjoni tal-ġurisdizzjoni, il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“Skont l-Artikoli 8 [sa] 14 tar-[Regolament Nru 2201/2003], liema Stat Membru (ir-Repubblika tal-Litwanja jew ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi) għandu ġurisdizzjoni fir-rigward tal-wild minuri V, li għandu r-residenza abitwali fil-Pajjiżi l-Baxxi, sabiex jieħu konjizzjoni ta’ talba għal bidla fir-residenza tiegħu u fl-obbligi ta’ manteniment u fid-dritt ta’ aċċess fir-rigward tiegħu?”

III – L-analiżi

35.      B’mod preliminari, nixtieq nindika li, fis-seduta, ir-rikorrent fil-kawża prinċipali sostna, b’mod partikolari, li l-minuri V ma kellux ir-residenza abitwali tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi iżda fil-Litwanja. Skont ir-rikorrent, mill-mument li fih deċiżjoni ġudizzjarja tistabbilixxi r-residenza tal-minuri ma’ ġenitur, huwa dan il-post ta’ residenza “legali” li għandu jitqies bħala l-post ta’ residenza abitwali. Madankollu, skont ġurisprudenza ferm stabbilita, “[i]l-kunċett ta’ ‘residenza abitwali’, fis-sens tal‑Artikolu 8(1) [ta’ dan] [i]r-Regolament, jikkorrispondi għall-post li jirrifletti ċerta integrazzjoni tal-wild f’ambjent soċjali u familjari. Dan il-post għandu jiġi stabbilit mill-qorti nazzjonali billi tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha ta’ fatt speċifiċi ta’ kull każ” (5). Il-Qorti tal-Ġustizzja żiedet li “[f]ost il-kriterji li fid-dawl tagħhom il-qorti nazzjonali għandha tistabbilixxi l-post tar-residenza abitwali ta’ wild, għandhom jiġu rrilevati b’mod partikolari l‑kundizzjonijiet u r-raġunijiet tas-soġġorn tal-wild fit-territorju ta’ Stat Membru, kif ukoll in-nazzjonalità tiegħu […]. Hekk kif il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat, barra minn hekk, fil-punt 38 tas-sentenza [tat-2 ta’ April 2009, A (6)], sabiex tiġi ddeterminata r-residenza abitwali ta’ wild, barra mill-preżenza fiżika tiegħu fi Stat Membru, hemm fatturi oħra supplimentari li għandhom juru li din il-preżenza ma hija bl-ebda mod ta’ natura temporanja jew okkażjonali” (7).

36.      F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet speċifikament ir-residenza abitwali tal-minuri fil-Pajjiżi l-Baxxi, filwaqt li indikat ukoll li l-minuri qatt ma għex fil-Litwanja. Għalhekk, ma hemm ebda dubju li r-residenza abitwali tal-minuri V tinsab fit-territorju Olandiż.

37.      Id-dubju dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani biex jadottaw id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 huwa permess. Nippreċiża madankollu li, f’din il-kawża, ma hijiex kwistjoni ta’ teħid ta’ deċiżjoni dwar il-kwistjoni dwar jekk il-qrati kellhomx ġurisdizzjoni, skont ir-regoli stabbiliti mir-Regolament Nru 2201/2003, biex jadottaw din id-deċiżjoni u lanqas ta’ rikonoxximent ta’ din tal-aħħar mill-qrati Olandiżi. Din ma hijiex id-domanda magħmula lilna hawnhekk.

38.      Għalkemm il-qorti tar-rinviju tipprevedi biss, fid-domanda tagħha, id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, għandu jiġi rrilevat li, fid-domanda tagħha magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, din tistaqsi dwar il-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani anki fir-rigward tal-obbligi ta’ manteniment. Madankollu, f’konformità mal-Artikolu 1(3)(e) ta’ dan ir-regolament, dan tal-aħħar ma japplikax għall-obbligi ta’ manteniment. Min-naħa l-oħra, il-kwistjonijiet marbuta mal-ġurisdizzjoni fejn għandhom x’jaqsmu obbligi ta’ manteniment huma rregolati mir-Regolament Nru 4/2009.

39.      Ma hemm l-ebda dubju, madankollu, li dawn iż-żewġ aspetti, jiġifieri r-responsabbiltà tal-ġenituri u l-obbligi ta’ manteniment favur il-minuri kkonċernat, huma inseparabbli. Barra minn hekk, id-deċiżjoni unika tat-8 ta’ Ottubru 2013 mogħtija mill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus) tirrigwarda preċiżament dawn iż-żewġ aspetti. Għalhekk, jien ma għandix dubju mill-fatt li t-talba li tirrigwarda l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tal-wild V hija anċillari għal dik li tirrigwarda d-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess fir-rigward tiegħu.

40.      Madankollu, skont l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009, fi kwistjonijiet relatati ma’ obbligi ta’ manteniment il-ġurisdizzjoni għandha tkun f’idejn il-qorti li, skont il-lex fori għandha l-ġurisdizzjoni sabiex tieħu konjizzjoni ta’ azzjoni li tikkonċerna r-responsabbiltà tal-ġenituri jekk it-talba relatata ma’ obbligu ta’ manteniment tkun anċillari għal dik l-azzjoni.

41.      Għalhekk, skont din id-dispożizzjoni, ir-regola ta’ ġurisdizzjoni li se tiġi stabbilita għar-responsabbiltà tal-ġenituri se tapplika wkoll għall-obbligi ta’ manteniment.

42.      Nipproponi, għaldaqstant, li d-domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju tiġi rriformulata bil-mod li ġej: permezz tad-domanda preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 2201/2003 u r-Regolament Nru 4/2009 għandhomx jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun tat deċiżjoni, li ssir finali, dwar id-dritt ta’ kustodja, id-dritt ta’ aċċess, kif ukoll l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tal-wild minuri, din il-qorti jkollha ġurisdizzjoni wkoll biex tiddeċiedi dwar talba għal modifika ta’ din id-deċiżjoni, minkejja li dan il-minuri ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

43.      Fil-verità, il-kwistjoni li tqum f’din il-kawża hija dik dwar jekk il-qrati Litwani li adottaw id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013, li kisbet l-awtorità ta’ res judicata u li tirrigwarda d-dritt ta’ kustodja, id-dritt ta’ aċċess kif ukoll l-obbligi ta’ manteniment favur il-wild V, jibbenefikawx minn estensjoni tal-ġurisdizzjoni li tippermettilhom jiddeċiedu mill-ġdid dwar l-istess suġġett, għalkemm, skont ir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni stabbilita mir-Regolament Nru 2201/2003, huma l-qrati Olandiżi li għandhom il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, peress li l-minuri V għandu r-residenza abitwali tiegħu fil-Pajjiżi l-Baxxi.

44.      Fil-fehma tiegħi, ma teżisti l-ebda raġuni li tista’ tiġġustifika l-ġurisdizzjoni tal-qrati Litwani sabiex jiddeċiedu dwar talba bħal din.

45.      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-ġurisdizzjoni ta’ qorti fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri għandha tiġi vverifikata u ddeterminata f’kull każ partikolari, meta qorti tkun adita bi proċedura, u dan jimplika li din il-ġurisdizzjoni ma tinżammx lil hinn mit-tmiem ta’ proċedura pendenti (8).

46.      It-talba ta’ W hija intiża, ċertament, biex jinbidlu l-modalitajiet tad-dritt ta’ kustodja, tad-dritt ta’ aċċess, kif ukoll dawk relatati mal-obbligi ta’ manteniment, stabbiliti fid-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013. Dan it-tip ta’ talba inċidentalment ma għandu xejn li huwa eċċezzjonali. Huwa komuni li wieħed mill-ġenituri jiftaħ kawża quddiem il-qorti sabiex tali modalitajiet jinbidlu minħabba li s-sitwazzjoni personali tiegħu jew saħansitra s-sitwazzjoni finanzjarja tiegħu nbidlet.

47.      Madankollu, din id-deċiżjoni saret finali u t-talba magħmula minn W fit-28 ta’ Awwissu 2014 quddiem il-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus) għandha għalhekk titqies bħala talba ġdida.

48.      Madankollu, ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti mir-Regolament Nru 2201/2003 huma ċari. Skont l-Artikolu 8 tiegħu, il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri hija, fl-ewwel lok, mogħtija lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri jkollu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument meta l-qorti tintalab tiddeċiedi, jiġifieri “fiż-żmien li d-dokument li istitwixxa l-proċedimenti […] jiġ[i] ppreżentat[] l-qorti” (9). F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju tippreċiża li l-minuri V ilu jirrisjedi abitwalment fil-Pajjiżi l-Baxxi mix-xahar ta’ Novembru 2011 u li huwa qatt ma għex fil-Litwanja. Konsegwentement, fid-data li fiha W adixxa lill-qrati Litwani, jiġifieri, bħalma huwa indikat fil-punt preċedenti, fit-28 ta’ Awwissu 2014, huma l-qrati Olandiżi li kellhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mar-responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-minuri.

49.      Il-fatt li t-talba ta’ W hija intiża sabiex jinbidlu l-modalitajiet stabbiliti mid-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 adottata mill-qrati Litwani ma jistax ikollu bħala effett id-deroga mir-regola ġenerali u l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati.

50.      Ir-regoli ta’ ġurisdizzjoni stabbiliti minn dan ir-regolament fil-qasam tar-responsabbiltà tal-ġenituri huma mfassla fid-dawl tal-aħjar interessi tal-minuri u, b’mod partikolari, tal-kriterju ta’ prossimità (10). Huwa għalhekk li, skont l-Artikolu 8 ta’ dan ir-regolament, il-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri hija, fl-ewwel lok, mogħtija lill-qrati tal-Istat Membru fejn il-minuri jkollu r-residenza abitwali tiegħu fil-mument meta l-qorti tintalab tiddeċiedi. Fil-fatt, minħabba l-prossimità ġeografika tagħhom, dawn il-qrati huma ġeneralment fl-aħjar pożizzjoni sabiex jevalwaw il-miżuri li għandhom jiġu adottati fl-interessi tal-minuri (11).

51.      Għalkemm huwa minnu li din ir-regola ġenerali ta’ ġurisdizzjoni tirrikonoxxi eċċezzjonijiet, dawn, madankollu, huma elenkati b’mod restrittiv fl-Artikoli 9 sa 15 tar-Regolament Nru 2201/2003 u għandhom jiġu interpretati b’mod strett (12).

52.      L-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament jipprevedi l-każ fejn il-minuri jiċċaqlaq legalment minn Stat Membru. L-Artikolu 10 ta’ dan l-istess regolament huwa relatat mal-każijiet ta’ ħtif ta’ minuri. L-Artikolu 12 tal-imsemmi regolament jirrigwarda l-estensjoni tal-ġurisdizzjoni li tippermetti lill-qrati ta’ Stat Membru minbarra dak tar-residenza abitwali tal-minuri jieħdu konjizzjoni tat-talbiet fi kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri fir-rigward ta’ dan il-minuri kemm meta dawn il-qrati jkollhom ġurisdizzjoni biex jiddeċiedu dwar talba għal divorzju, separazzjoni legali jew għall-annullament taż-żwieg, kif ukoll meta l-minuri jkollu rabta stretta ma’ dan l-Istat minħabba l-fatt, b’mod partikolari, li wieħed mid-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri jkollu r-residenza abitwali tiegħu hemmhekk jew il-minuri jkun ċittadin tal-imsemmi Stat. Fiż-żewġ każijiet, il-ġurisdizzjoni “eċċezzjonali” tal-imsemmija qrati trid tkun ġiet aċċettata espressament jew xorta oħra b’mod inekwivoku mill-konjuġi u d-detenturi tar-responsabbiltà tal-ġenituri (13).

53.      Fir-rigward tal-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament, dan għandu jitqies meta l-ebda qorti ta’ xi Stat Membru ma jkollha ġurisdizzjoni skont l-Artikoli 8 sa 13 ta’ dan l-istess regolament. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15 tal-imsemmi regolament jipprevedi l-possibbiltà, għall-qrati ta’ xi Stat Membru li għandhom il-ġurisdizzjoni biex jittrattaw il-mertu tal-kwistjoni, biex jassenjaw il-kawża lill-qrati ta’ Stat Membru ieħor, li l-minuri għandu rabta partikolari miegħu jekk dawn ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jieħdu konjizzjoni tal-kawża u meta dan ikun fl-aħjar interessi tal-minuri.

54.      Għandu jiġi kkonstatat li l-każ imressaq hawnhekk ma jaqa’ taħt l-ebda waħda mill-eċċezzjonijiet previsti mill-imsemmi regolament.

55.      L-estensjoni jew iż-żamma ta’ ġurisdizzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk din kienet fl-aħjar interessi tal-minuri. L-Artikolu 24(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea jipprevedi, f’dan ir-rigward, li, “[f]l-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jittieħdu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interess tat-tfal għandu jkun kunsiderazzjoni primarja”.

56.      Effettivament, jista’ jiġi ssuġġerit li, peress li d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-modalitajiet marbuta mad-dritt ta’ kustodja, mad-dritt ta’ aċċess u mal-obbligi ta’ manteniment għandha tendenza li tiġi mmodifikata minn deċiżjoni ġdida, ikun xieraq li din id-deċiżjoni l-ġdida tiġi adottata mill-istess qorti.

57.      Tali eċċezzjoni għar-regola ġenerali teżisti fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess. L-Artikolu 9 tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi, f’każ ta’ ċaqliq leċitu tal-minuri u ta’ akkwist ta’ residenza abitwali ġdida, iż-żamma tal-ġurisdizzjoni mill-qrati tal-Istat Membru tar-residenza abitwali ta’ qabel matul perijodu ta’ tliet xhur wara dan iċ-ċaqliq, sabiex tiġi mmodifikata deċiżjoni fir-rigward tad-dritt ta’ aċċess mogħtija f’dak l-Istat Membru.

58.      Il-leġiżlatur tal-Unjoni ġġustifika tali eċċezzjoni għar-regola ġenerali bil-fatt li kien ippreferut li tkun “il-qorti li kienet l-eqreb għall-minuri fil-mument tal-bidla li timmodifika hija stess id-deċiżjoni preċedenti tagħha biex tieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċaqliq tal-minuri, u dan jiggarantixxi ċerta kontinwità mingħajr ma tinbidel id-definizzjoni tar-‘residenza abitwali’” (14) [traduzzjoni mhux uffiċjali].

59.      Madankollu, minbarra li tikkonċerna biss id-dritt ta’ aċċess, teżisti differenza fundamentali bejn sitwazzjoni bħal dik prevista fl-Artikolu 9 ta’ dan ir-regolament u s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali. Il-qrati Litwani li adottaw id-deċiżjoni tat-8 ta’ Ottubru 2013 li W jixtieq li tiġi mmodifikata, fl-ebda mument ma setgħu jibbażaw il-ġurisdizzjoni tagħhom fuq il-post ta’ residenza tal-minuri, peress li dan tal-aħħar, infakkar, qatt ma għex fil-Litwanja. Jidher, fid-dawl tal-elementi li jinsabu fl-atti tal-proċess, li l-qrati Litwani li adottaw din id-deċiżjoni setgħu qiesu li għandhom ġurisdizzjoni fuq il-bażi tal-Artikolu 14 tal-imsemmi regolament, ġurisdizzjoni sussidjarja, kif indikat fil-punt 53 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għalhekk il-ġurisdizzjoni ta’ dawn il-qrati ma ġietx stabbilita skont il-kriterju ta’ prossimità, u, konsegwentement, skont l-aħjar interessi tal-minuri.

60.      Għaldaqstant, estensjoni ta’ ġurisdizzjoni li ma sservix bl-aħjar mod l-aħjar interessi tal-minuri tmur għalkollox kontra s-sistema stabbilita mir-Regolament Nru 2201/2003 u l-prinċipju fundamentali, stabbilit fl-Artikolu 24 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, li jeżiġi li fl-azzjonijiet kollha relatati mat-tfal, kemm jekk jitwettqu minn awtoritajiet pubbliċi jew minn istituzzjonijiet privati, l-aħjar interessi tal-minuri għandhom jikkostitwixxu kunsiderazzjoni primarja.

61.      Fid-dawl ta’ dawn l-elementi kollha, inqis li l-Artikolu 8 tar-Regolament Nru 2201/2003 u l-Artikolu 3(d) tar-Regolament Nru 4/2009 għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun tat deċiżjoni, li ssir finali, dwar id-dritt ta’ kustodja u d-dritt ta’ aċċess fir-rigward tal-wild minuri, din il-qorti ma jkollhiex iktar ġurisdizzjoni biex tiddeċiedi dwar talba għal modifika ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn dan il-minuri ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru. Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar tali talba hija, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll mal-prinċipju intiż sabiex jiġu mħarsa l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti tal-Istat Membru fejn il-minuri għandu r-residenza abitwali tiegħu.

IV – Konklużjoni

62.      Fir-rigward tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta lill-Vilniaus miesto apylinkės teismas (qorti tad-distrett tal-belt ta’ Vilnjus, il-Litwanja) bil-mod li ġej:

L-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 u l-Artikolu 3(d) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta qorti ta’ Stat Membru tkun tat deċiżjoni, li ssir finali, dwar id-dritt ta’ kustodja, id-dritt ta’ aċċess, kif ukoll l-obbligi ta’ manteniment fir-rigward tal-wild minuri, din il-qorti ma jkollhiex iktar ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar talba għal modifika ta’ din id-deċiżjoni, sa fejn dan il-minuri ma jkollux ir-residenza abitwali tiegħu fit-territorju ta’ dak l-Istat Membru.

Il-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar tali talba hija, konformement ma’ dawn id-dispożizzjonijiet, kif ukoll mal-prinċipju intiż biex iħares l-aħjar interessi tal-minuri, il-qorti tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu l-minuri għandu r-residenza abitwali tiegħu.


1      Lingwa oriġinali: il-Franċiż.


2      Regolament tal-Kunsill, tas-27 ta’ Novembru 2003, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243).


3      Regolament tal-Kunsill, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment (ĠU 2009, L 7, p. 1, u rettifika ĠU 2011, L 131, p. 26).


4      Ara l-premessa 9 ta’ dan ir-regolament.


5      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata).


6      C‑523/07, EU:C:2009:225.


7      Ara s-sentenza tat-22 ta’ Diċembru 2010, Mercredi (C‑497/10 PPU, EU:C:2010:829, punti 48 u 49).


8      Ara s-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, E. (C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 40).


9      Ara l-Artikolu 16(1) ta’ dan ir-regolament. Ara wkoll is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, E. (C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 38).


10      Ara l-premessa 12 tar-Regolament Nru 2201/2003. Ara, ukoll, is-sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014, E. (C‑436/13, EU:C:2014:2246, punt 44).


11      Ara s-sentenza tat-23 ta’ Diċembru 2009, Detiček (C‑403/09 PPU, EU:C:2009:810, punt 36).


12      Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-21 ta’ Ottubru 2015, Gogova (C‑215/15, EU:C:2015:710, punt 41).


13      Ara l-Artikolu 12(1)(b) u (3)(b) tar-Regolament Nru 2201/2003.


14      Proposta għal regolament tal-Kunsill dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 44/2001 fir-rigward ta’ kwistjonijiet li jirrigwardaw il-manteniment [COM(2002) 222 final (ĠU 2002, C 203 E, p. 155)].