Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad voor Vreemdelingenbetwistingen (il-Belġju) fl-24 ta’ Ottubru 2023 – W vs Belgische Staat

(Kawża C-636/23, Al Hoceima 1 )

Lingwa tal-kawża: l-Olandiż

Qorti tar-rinviju

Raad voor Vreemdelingenbetwistingen

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: W

Konvenut: Belgische Staat

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(4), tal-Artikolu 8(1) u (2) u tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment 1 , moqrija flimkien jew separatament fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115, u tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu li n-nuqqas ta’ għoti ta’ terminu għat-tluq volontarju jitqies bħala sempliċi modalità ta’ eżekuzzjoni li ma tbiddilx is-sitwazzjoni legali taċ-ċittadin barrani kkonċernat, peress li l-għoti jew le ta’ terminu għat-tluq volontarju ma jbiddel xejn mill-ewwel konstatazzjoni tar-residenza irregolari fit-territorju?

Jekk l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv, il-formulazzjoni “li jakkumpanja” li tinsab fl-Artikolu 3(6) u l-formulazzjoni “għandhom ikunu akkumpanjati minn” li tinsab fl-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 2008/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li ma jipprekludux li l-awtorità kompetenti tista’ jew għandha tadotta, ukoll wara li jgħaddi perijodu ta’ żmien kunsiderevoli, projbizzjoni fuq id-dħul ibbażata fuq deċiżjoni ta’ ritorn li ma tkunx tinkludi t-terminu għat-tluq volontarju:

Jekk din id-domanda għandha tiġi risposta fin-negattiv, dawn il-formulazzjonijiet jimplikaw li deċiżjoni ta’ ritorn, li ma tagħtix terminu għat-tluq volontarju, għandha tinkludi projbizzjoni fuq id-dħul simultanjament, jew f’terminu raġonevolment qasir?

Jekk din id-domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv, id-dritt għal rimedju effettiv, iggarantit mill-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/115 u mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jimplika li tista’ tiġi kkontestata fil-kuntest tal-appell kontra d-deċiżjoni ta’ ritorn, il-legalità ta’ deċiżjoni li ma jingħatax terminu għat-tluq volontarju, jekk fin-nuqqas ta’ dan, il-legalità tal-bażi legali tal-projbizzjoni fuq id-dħul ma tkunx tista’ iktar tiġi utilment ikkontestata?

Jekk l-ewwel domanda għandha tiġi risposta fl-affermattiv, il-formulazzjoni “għandha tipprevedi perijodu adegwat” tal-Artikolu 7(1) u “u […] l-obbligu ta’ ritorn”, tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, għandhom jiġu interpretati fis-sens li dispożizzjoni dwar it-terminu, jew, fi kwalunkwe każ, in-nuqqas ta’ għoti ta’ terminu, fil-kuntest tal-obbligu ta’ tluq hija element essenzjali ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, b’mod li jekk illegalità hija kkonstatata dwar dan it-terminu, ikun hemm dekadenza tad-deċiżjoni ta’ ritorn fl-intier tagħha u għandha tittieħed deċiżjoni ta’ ritorn ġdida?

Jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li r-rifjut li jingħata terminu ma huwiex element essenzjali ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, u fl-ipoteżi fejn l-Istat Membru kkonċernat ma jkunx għamel użu, fil-kuntest tal-Artikolu 7[(1)] tad-Direttiva 2008/115, mill-possibbiltà li ma jiġix stabbilit terminu ħlief fuq it-talba taċ-ċittadin ikkonċernat, liema hija l-portata prattika u s-saħħa eżekuttiva ta’ deċiżjoni ta’ ritorn, fis-sens tal-punt 4 tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/115, fejn l-element rigward it-terminu ma jibqax japplika?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2008, L 348, p. 98.