Language of document : ECLI:EU:C:2015:306

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

ippreżentati fis-7 ta’ Mejju 2015 (1)

Kawża C‑218/14

Kuldip Singh

Denzel Njume

Khaled Aly

vs

Minister for Justice and Equality

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-High Court of Ireland (l-Irlanda)]

“Direttiva 2004/38/KE – Artikolu 7(1)(b), Artikolu 12 u Artikolu 13(2) – Żwieġ bejn ċittadina tal-Unjoni u ċittadin ta’ pajjiż terz – Tluq mill-pajjiż taċ-ċittadina tal-Unjoni u divorzju sussegwenti – Żamma tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ospitanti”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-kwistjoni prinċipali fit-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti hija dwar jekk ċittadin ta’ pajjiż terz, li bħala konjuġi ta’ ċittadina tal-Unjoni kien jirrisjedi magħha fi Stat Membru tal-Unjoni li ma għandhiex in-nazzjonalità tiegħu ċ-ċittadina tal-Unjoni, huwiex awtorizzat jibqa’ huwa stess f’dan l-Istat jekk iċ-ċittadina tal-Unjoni tkun telqet minn dan l-Istat permanentement u sussegwentement tkun iddivorzjat lill-konjuġi tagħha.

2.        Ir-risposta għal din il-kwistjoni teżiġi interpretazzjoni tad-Direttiva 2004/38/KE (2) li tirregola ż-żamma tad-dritt ta’ residenza kemm fil-każ ta’ tluq mill-pajjiż kif ukoll fil-każ ta’ divorzju f’żewġ dispożizzjonijiet separati. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għadha ma kkjarifikatx kif dawn id-dispożizzjonijiet għandhom japplikaw f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni.

II – Il-kuntest legali

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2004/38 jipprovdi parzjalment kif ġej:

“(1)  Iċ-ċittadini kollha ta’ l-Unjoni għandhom id-dritt ta’ residenza fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor għal perjodu ta’ aktar minn tliet xhur jekk huma:

a)       ħaddiema jew nies li jaħdmu għal rashom fl-Istat Membru ospitanti; jew

b)       għandhom biżżejjed riżorsi għalihom u għall-membri tal-familja tagħhom biex ma jkunux ta’ piż fuq is-sistema ta’ l-għajnuna soċjali ta’ l-Istat Membru ospitanti matul il-perjodu tagħhom ta’ residenza [...]

(2)       Id-dritt ta’ residenza previst fil-paragrafu 1 għandu jkun estiż għall-membri tal-familja li mhumiex ċittadini ta’ Stat Membru, li jakkumpanjaw jew li jingħaqdu maċ-ċittadin ta’ l-Unjoni fl-Istat Membru ospitanti, sakemm dan iċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jissoddisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1(a), (b) jew (ċ).

[...]”

4.        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 jirregola ż-żamma tad-dritt ta’ residenza mill-membri tal-familja fil-każ ta’ mewt jew ta’ tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni u jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju [għal kundizzjonijiet addizzjonali previsti fit-]tieni sottoparagrafu, il-mewt jew it-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti m’għandux jolqot id-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru.

[...]

2.      Mingħajr preġudizzju [għal kundizzjonijiet addizzjonali previsti fit-] tieni sottoparagrafu, il-mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni ma jwassalx it-telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja tiegħu li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru u li kienu qed jgħixu fl-Istat Membru ospitanti bħala membri tal-familja għal ta’ l-inqas sena qabel il-mewt taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni.

[...]

(3)       It-tluq taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti jew il-mewt tiegħu m’għandux iwassal għal telf tad-dritt ta’ residenza tat-tfal tiegħu jew tal-ġenitur li għandu l-kustodja preżenti tat-tfal, irrispettivament miċ-ċittadinanza, jekk it-tfal jgħixu fl-Istat Membru ospitanti u huma miktuba f‘istituzzjoni edukattiv, għal skop ta‘ studju, sat-tlestija ta[’] l-istudji tagħhom”.

5.        Skont il-premessa 15 tad-Direttiva 2004/38, jekk iż-żwieġ taċ-ċittadin tal-Unjoni jintemm, il-membri tal-familja tiegħu għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom b’osservanza tal-ħajja tal-familja u tad-dinjità tal-bniedem.

6.        L-Artikolu 13(2) jipprovdi f’dan ir-rigward:

“2. Mingħajr preġudizzju [għal kundizzjonijiet addizzjonali previsti fit-]tieni sottoparagrafu, id-divorzju, l-annullament taż-żwieġ taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata, kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2 ma jfissirx telf tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja taċ-ċittadin ta’ l-Unjoni li m’għandhomx ċittadinanza ta’ Stat Membru fejn:

a)      qabel il-bidu tal-proċeduri ta’ divorzju jew ta’ annullament jew it-tmiem ta’ l-unjoni reġistrata msemmija fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, iż-żwieġ jew l-unjoni reġistrata damu minn ta’ l-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti; jew

[...]

d)      ir-raġel/mara jew is-sieħeb/sieħba li m’għandhomx iċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru u li għandhom id-dritt ta’ aċċess għal tifel/tifla minorenni skond ftehim bejn il-miżżewġin jew bejn is-sieħeb/sieħba kif imfissra fil-punt 2(b) ta’ l-Artikolu 2, jew b’deċiżjoni ġudizzjarja, b’kondizzjoni li l-Qorti ddeċidiet li dan l-aċċess għandu jkun fl-Istat Membru ospitanti, u għal tul ta’ żmien meqjus bħala neċessarju.

[...]

Dawn il-membri tal-familja għandhom iżommu d-dritt ta’ residenza esklussivament b’titlu personali.”

B –    Id-dritt nazzjonali

7.        Id-dritt Irlandiż jinkludi dispożizzjonijiet li jittrasponu l-imsemmija dispożizzjonijiet tad-direttiva.

III – Il-fatti fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

8.        K. Singh, D. Njume u K. Aly huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi li fl-2005 u fl-2007 iżżewġu ċittadini tal-Unjoni fl-Irlanda li ma għandhomx huma stess in-nazzjonalità Irlandiża, iżda li abbażi tad-dritt tagħhom ta’ moviment liberu u ta’ residenza kienu jgħixu l-Irlanda. Bħala membri tal-familja ta’ ċittadini tal-Unjoni li kienu jakkumpanjaw lil dawn tal-aħħar, iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi ngħataw id-dritt ta’ residenza fl-Irlanda. Fis-snin sussegwenti, il-qligħ taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi kien ukoll jikkontribwixxi, minn tal-inqas temporanjament, għall-għajxien tal-koppja.

9.        Iż-żwiġijiet fallew wara li, f’kull każ, il-konjuġi kienu għexu fl-Irlanda minn tal-inqas erba’ snin. Fit-tliet każijiet kollha, iċ-ċittadini tal-Unjoni telqu mill-Irlanda mingħajr il-konjuġi tagħhom u sussegwentement applikaw għal divorzju fil-Latvja, fir-Renju Unit u fil-Litwanja rispettivament. Fil-frattemp, id-divorzji saru definittivi permezz ta’ digriet.

10.      K. Singh, D. Njume u K. Aly jinvokaw l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 sabiex ikunu jistgħu jibqgħu l-Irlanda, iżda dan ma ġiex awtorizzat mill-awtoritajiet Irlandiżi. Skont dawn tal-aħħar, id-dritt ta’ residenza tagħhom kien marbut ma’ dak tal-konjuġi rispettivi tagħhom u ntemm b’effett mit-tluq tagħhom mill-Irlanda.

11.      F’dan ir-rigward, il-High Court of Ireland, li ġiet adita b’dawn il-kawżi, għandha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva u tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

1)         Meta żwieġ li jinvolvi ċittadin tal-Unjoni ma’ ċittadin ta’ pajjiż terz jintemm b’divorzju miskub wara t-tluq taċ-ċittadin tal-Unjoni minn Stat Membru ospitanti fejn dan iċ-ċittadin tal-Unjoni kien qed igawdi minn drittijiet tal-Unjoni, u meta japplikaw l-Artikoli 7 u 13(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/38/KE, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz iżomm dritt li jirrisjedi fl-Istat Membru ospitanti wara dan? Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz għandu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti matul il-perijodu bejn tluq iċ-ċittadin tal-Unjoni mill-Istat Membru ospitanti u l-għoti tad-deċiżjoni ta’ divorzju?

2)         Ir-rekwiżiti tal-Artikolu 7(1)(b) tad-Direttiva 2004/38/KE huma sodisfatti meta konjuġi ċittadin tal-Unjoni jsostni li għandu biżżejjed riżorsi fis-sens tal-Artikolu 8(4) tad-Direttiva parzjalment abbażi tar-riżorsi tal-konjuġi taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz?

3)         Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv għat-tieni domanda, persuni bħar-rikorrenti għandhom drittijiet taħt id-dritt tal-Unjoni (minbarra taħt id-Direttiva) biex jaħdmu fl-Istat Membru ospitanti sabiex jipprovdu jew jikkontribwixxu “biżżejjed riżorsi” skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva?

IV – Analiżi legali

A –    Fuq l-ewwel domanda preliminari

12.      L-ewwel domanda preliminari tinkorpora żewġ partijiet; it-tieni parti tad-domanda ssir biss fil-każ li r-risposta għall-ewwel parti tad-domanda tkun fin-negattiv.

13.      Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq essenzjalment tkun taf jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitlifx id-dritt tiegħu għal residenza fl-Istat Membru ospitanti fil-każ li ċ-ċittadina tal-Unjoni li tkun miżżewġa lilu titlaq minn dan l-Istat Membru li ma għandhiex in-nazzjonalità tiegħu, anki meta ż-żwieġ ikun dam minn tal-inqas tliet snin qabel il-mument tat-tluq mill-pajjiż, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti, u meta ż-żwieġ jintemm definittivament permezz ta’ digriet ta’ divorzju wara t-tluq mill-pajjiż tal-konjuġi.

14.      Sabiex tingħata risposta għal din id-domanda, għandu jiġi ddeterminat jekk iż-żamma ta’ dritt ta’ residenza tal-konjuġi ddivorzjati f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandhiex ukoll tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 jew jekk huwiex biss l-Artikolu 13 li huwa rilevanti.

1.      Żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38

15.      L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 jirregola, fost l-oħrajn, iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tal-membri tal-familja fil-każ ta’ tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni li mingħandu jkunu kisbu id-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti. F’dan ir-rigward, din id-dispożizzjoni tagħmel distinzjoni skont jekk il-membru tal-familja inkwistjoni, li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti, huwiex ċittadin tal-Unjoni jew le.

16.      Skont l-Artikolu 12(1) tad-Direttiva 2004/38, il-membri tal-familja li jkunu ċittadini tal-Unjoni huma stess iżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom wara t-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni u jistgħu jiksbu dritt ta’ residenza permanenti sakemm ma jsirux piż finanzjarju fuq l-Istat Membru ospitanti fis-sens tal-Artikolu 7.

17.      Is-sitwazzjoni hija differenti fir-rigward ta’ membri tal-familja li jkunu ċittadini ta’ pajjiżi terzi u li jżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fil-każ ta’ tluq mill-pajjiż ta’ ċittadin tal-Unjoni biss fiċ-ċirkustanzi speċifiċi tal-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38. Skont din id-dispożizzjoni, il-ġenitur li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti mal-ulied taċ-ċittadin tal-Unjoni li jkun telaq minn dan l-Istat Membru jżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu hemmhekk sakemm l-ulied komuni jkunu temmew l-istudju tagħhom fi stabbiliment edukattiv f’dan l-Istat, sa fejn dan il-ġenitur ikollu effettivament il-kustodja tat-tfal.

18.      Għaldaqstant, mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 għandu jiġi dedott li fil-każ ta’ membri tal-familja li huma ċittadini ta’ pajjiżi terzi, minbarra s-sitwazzjoni partikolari li hemm riferiment għaliha fl-Artikolu 12(3), it-tluq ta’ ċittadin mill-Unjoni jimplika t-telf tad-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti (3).

19.      Anki wara li saret mistoqsija waqt is-seduta, ma hemm ebda indikazzjoni li l-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 jista’ jkun rilevanti għall-kawża prinċipali. Għaldaqstant, minħabba t-tluq tal-konjuġi tagħhom li huma ċittadini tal-Unjoni, il-konjuġi ċittadini ta’ pajjiżi terzi fil-kawża prinċipali jkunu diġà tilfu d-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti qabel ma ċ-ċittadini tal-Unjoni jkunu applikaw għal divorzju barra mill-Irlanda.

20.      Madankollu, jekk il-każ taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiġi eżaminat esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38, tista’ tiġi dedotta konklużjoni oħra.

2.      Żamma tad-dritt ta’ residenza fil-każ ta’ divorzju skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38

21.      Anki l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 jistabbilixxi differenza skont jekk il-membri tal-familja inkwistjoni humiex ċittadini tal-Unjoni jew le.

22.      Għall-finijiet tal-każ ineżami taċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, il-qorti tar-rinviju tevoka sempliċement l-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, li joħloq dritt ta’ residenza wara perijodu ta’ tliet snin ta’ żwieġ, u ma tistaqsix dwar l-Artikolu 13(2)(d), li jagħti lok għal dritt ta’ residenza f’ċerti ċirkustanzi partikolari sabiex jiġi żgurat aċċess għall-ulied.

23.      Lanqas ma huwa neċessarju li l-aħħar dispożizzjoni msemmija tiġi eżaminata fid-dettall. Filwaqt li mill-osservazzjonijiet tar-rappreżentant legali ta’ K. Singh jirriżulta li l-ġenituri qablu dwar il-fatt li l-missier għandu jeżerċità d-dritt ta’ aċċess għall-wild tagħhom fl-Irlanda, mill-informazzjoni rilevanti fit-talba għal deċiżjoni preliminari ma jistax jiġi konkluż li l-“[q]orti ddeċidiet li dan l-aċċess għandu jkun fl-Istat Membru ospitanti”, jiġifieri fl-Irlanda. Għaldaqstant, mill-informazzjoni fattwali pprovduta ma jirriżultax li huwa neċessarju li l-Artikolu 13(2)(d) tad-Direttiva 2004/38 jiġi eżaminat f’iktar dettall, iżda għandu pjuttost jiġi vverifikat jekk iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tistax tiġi ġġustifikata fuq il-bażi tal-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva 2004/38.

24.      Skont din id-dispożizzjoni, id-divorzju ma jimplikax telf tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, jekk qabel ma jkunu nbdew il-proċeduri għal divorzju, iż-żwieġ ikun dam minn tal-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti.

25.      Peress li dawn il-kundizzjonijiet huma issodisfatti mit-tliet rikorrenti fil-kawżi prinċipali, huma jistgħu jinvokaw iż-żamma tad-dritt ta’ residenza tagħhom jekk l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 jiġi applikat separatament. Skont il-kliem tiegħu, l-Artikolu 13 la jeżiġi li ċ-ċittadin tal-Unjoni u l-konjuġi tiegħu jibqgħu jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti sal-għeluq tal-proċedura ta’ divorzju, u lanqas li l-proċedura ta’ divorzju tiżvolġi u tintemm f’dan l-Istat.

3.      Applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38

26.      Madankollu, jekk l-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva 2004/38 ma jiġux applikati separatament iżda konġuntament, l-Artikolu 13, skont interpretazzjoni bbażata strettament fuq il-kliem tiegħu, ma jistax jagħti lok għall-ġustifikazzjoni taż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma ddivorzjati.

27.      Fil-fatt, bit-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni, id-dritt ta’ residenza tal-konjuġi li jibqa’ fl-Istat Membru jkun diġà ntilef, u t-talba għal divorzju sussegwenti ma tistax tnissel mill-ġdid tali dritt, peress li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 jirreferi għal “żamma” ta’ dritt eżistenti u mhux għal tnissil mill-ġdid ta’ dritt ta’ residenza li jkun intilef.

28.      Għaldaqstant, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali jistgħu biss iżommu d-dritt ta’ residenza tagħhom fl-Istat Membru ospitanti jekk mill-istruttura jew mill-finalità tat-testi jista’ jiġi dedott li l-kwistjoni taż-żamma tad-dritt ta’ residenza għandha tiġi eżaminata esklużivament fid-dawl tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38.

29.      Bl-Artikolu 13(2)(a) tad-Direttiva 2004/38, il-leġiżlatur tal-Unjoni ried evidentement jipproteġi l-interessi ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi konjuġi fl-Istat Membru ospitanti. Jekk, fil-każ ta’ divorzju, huma jiġu mhedda bit-telf tad-dritt ta’ residenza, din it-theddida tista’ tkun raġuni importanti għaliex ma għandhiex issir talba għal divorzju anki jekk iż-żwieġ ikun falla. Wara tliet snin ta’ żwieġ, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma għandux ikollu l-biżà li jiġi espost għal żvantaġġi marbuta mad-dritt ta’ residenza fil-każ ta’ divorzju.

30.      Madankollu, skont l-intenzjoni tal-leġiżlatur, wara t-tluq tal-konjuġi mill-pajjiż ospitanti ma jkunx hemm iktar il-bżonn li tingħata protezzjoni ekwivalenti liċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi, peress li s-sempliċi tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni jimplika t-telf tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ospitanti.

31.      Dan huwa sostnut mill-kunsiderazzjonijiet segwenti.

32.      L-ewwel nett, mill-istruttura tad-dispożizzjonijiet jirriżulta li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 huwa intiż, fil-prinċipju, li japplika biss għal każijiet fejn iż-żewġ konjuġi jibqgħu jirrisjedu fl-Istat Membru ospitanti sad-divorzju.

33.      Fil-fatt, l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 jelenka b’mod eżawrjenti l-kundizzjonijiet li jridu jiġu ssodisfatti sabiex id-dritt ta’ residenza jinżamm mill-membri tal-familja wara l-mewt jew it-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni. Madankollu, fl-Artikolu 12, il-leġiżlatur ma jagħmel ebda riferiment għall-kwistjoni tad-divorzju, iżda jistabbilixxi dispożizzjoni separata f’dan ir-rigward fl-Artikolu 13. Li kieku kunsiderazzjonijiet marbuta mad-divorzju kienu eżiġew, barra minn hekk, applikazzjoni differenti għall-każ tat-tluq mill-pajjiż ta’ ċittadin tal-Unjoni, kien ikun evidenti li l-leġiżlatur tal-Unjoni jipprovdi għaliha b’mod espliċitu.

34.      Fin-nuqqas ta’ dan, għandu jiġi preżunt li, bħala regola, id-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz skont l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38 ikun diġà ntilef meta ċ-ċittadin tal-Unjoni jagħmel talba għal divorzju biss wara t-tluq tiegħu mill-pajjiż. Għaldaqstant, minn perspettiva kunċettwali biss, ma hemmx lok għal żamma tad-dritt ta’ residenza skont l-Artikolu 13 fil-każ ta’ talba għal divorzju sussegwenti.

35.      Huwa biss fil-każ li hemm riferiment għalih fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva 2004/38 li l-applikazzjoni konġunta tal-Artikoli 12 u 13 tkun, fil-prinċipju, konċepibbli, u b’mod li d-dritt ta’ residenza ta’ ġenitur li jkun baqa’ fl-Istat Membru ospitanti, li jiddependi fuq kustodja parentali, jinbidel fi dritt ta’ residenza inkundizzjonat fil-każ ta’ divorzju sussegwenti. Madankollu, ma hemmx bżonn li jiġi indirizzat dan il-każ speċjali, peress li l-fatti pprovduti mill-qorti tar-rinviju ma jagħtu ebda indikazzjonijiet f’dan ir-rigward.

36.      It-tieni nett, kunsiderazzjonijiet ta’ ċertezza legali jimmilitaw favur il-fatt li, f’sitwazzjonijiet fattwali bħal dawk tal-kawża prinċipali, it-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni jagħti lok għat-telf tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti.

37.      Fil-fatt, spiss ikun il-każ li, fil-mument tat-tluq mill-pajjiż, b’ebda mod ma jkun possibbli li jiġi previst jekk sussegwentement iż-żwieġ huwiex ser jintemm f’divorzju jew le. Madankollu, jekk jiġi preżunt li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 japplika wkoll f’każijiet ta’ divorzju anki wara t-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni, id-dritt ta’ residenza tal-membru tal-familja li jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti għandu qabelxejn jintilef minħabba t-tluq mill-pajjiż u, wara li tkun saret talba għal divorzju, jitnissel mill-ġdid b’effett retroattiv. Madankollu, fid-Direttiva ma hemm ebda indikazzjoni ta’ dan l-istat ta’ inċertezza fir-rigward tad-dritt ta’ residenza. Għall-kuntrarju, fl-interessi tal-partijiet, għandu dejjem ikun ċar jekk tali dritt ta’ residenza jeżistix jew le.

38.      It-tielet nett, il-kunsiderazzjonijiet marbuta mal-effett utli tad-Direttiva lanqas ma jwasslu għal argumenti konvinċenti fis-sens li, wara t-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni u l-bidu sussegwenti tal-proċedura ta’ divorzju, l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 għandu jkun deċiżiv fir-rigward tad-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ospitanti.

39.      Fil-fatt, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 jibqa’ wieħed kunsiderevoli anki meta jiġu esklużi l-każijiet li fihom iċ-ċittadin tal-Unjoni jkun telaq mill-Istat Membru ospitanti qabel id-divorzju.

40.      Fil-fatt, ma jistax jiġi nnegat li jista’ jkun hemm sitwazzjonijiet inġusti fejn, f’każ wieħed, talba għal divorzju titressaq fil-pajjiż ospitanti iżda, f’każ ieħor, titressaq f’pajjiż ieħor biss wara t-tluq mill-pajjiż, u fejn it-tul taż-żwiġijiet ikun ugwali, u meta d-dritt ta’ residenza taċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jinżamm fl-ewwel każ, fejn iċ-ċittadin tal-Unjoni ma jitlaqx mill-pajjiż, iżda mhux fit-tieni każ.

41.      Madankollu, din il-problema ttieħdet inkunsiderazzjoni fl-istruttura tad-Direttiva u ġiet manifestament aċċettata mil-leġiżlatur. Mid-Direttiva 2004/38 ma jistax jiġi dedott li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz, wara żwieġ ta’ tliet snin, għandu jkollu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti anki fil-każ ta’ tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni u ta’ talba għal divorzju sussegwenti. Il-leġiżlatur seta’ faċilment jinkludi tali regola sempliċi u trasparenti fid-Direttiva. Madankollu, huwa għażel li ma jagħmilx dan, iżda pjuttost ħoloq sistema komplikata u koinċidentali tal-Artikoli 12 u 13, li ma tistax ma tittiħidx inkunsiderazzjoni mill-operatur tal-liġi għal raġunijiet ta’ ekwità.

42.      Huwa minnu li, fil-każ li ċ-ċittadin tal-Unjoni jitlaq mill-Istat Membru ospitanti b’malizzja, huwa jista’ jġib fix-xejn l-aspettattivi tal-konjuġi tiegħu fir-rigward tad-dritt ta’ residenza stabbilit fl-Artikolu 13; madankollu, minn naħa, ma hemm xejn fil-kawżi prinċipali li jindika tali intenzjoni u, min-naħa l-oħra, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz ma jkunx kompletament bla difiża meta jsib wiċċu ma’ tali manuvra. Huwa jista’ jakkumpanja liċ-ċittadin tal-Unjoni jew, jekk iż-żwieġ ikun falla, iressaq talba għal divorzju huwa stess fi żmien xieraq fl-Istat Membru ospitanti.

43.      Fin-nuqqas ta’ dan, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz isib ruħu fl-aħħar mill-aħħar fl-istess sitwazzjoni bħal dik ta’ Y. Iida (4) li, fil-konfront tiegħu, il-Qorti tal-Ġustizzja, minkejja żwieġ li kien għadu jissokta, la rrikonoxxiet dritt ta’ residenza abbażi tad-dritt primarju u lanqas dritt ta’ residenza abbażi tad-dritt sekondarju, wara t-tluq mill-pajjiż ta’ martu. Huwa minnu li d-Direttiva 2004/38 ma kinitx tapplika għall-każ ta’ Y. Iida peress li huwa kien jirrisjedi fl-Istat Membru ta’ oriġini ta’ martu u mhux fi Stat Membru ieħor. Madankollu, mis-sentenza Iida jista’ jiġi dedott li, fil-prinċipju, id-dritt ta’ residenza taħt id-dritt tal-Unjoni li ċittadini ta’ pajjiżi terzi jiksbu minn membri tal-familja li huma ċittadini tal-Unjoni ma japplikax fir-rigward ta’ Stati Membri li ma jirrisjedux fihom iċ-ċittadini tal-Unjoni.

44.      Dan huwa l-każ fil-kawża inkwistjoni, fejn id-Direttiva 2004/38 tat lok għat-telf tad-dritt ta’ residenza minħabba t-tluq taċ-ċittadini tal-Unjoni, saħansitra qabel ma l-Artikolu 13 tad-Direttiva sar applikabbli minħabba l-bidu tal-proċedura ta’ divorzju.

45.      Lanqas kunsiderazzjonijiet ibbażati fuq id-dritt primarju, b’mod partikolari fuq l-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u fuq ir-rispett għall-ħajja privata, ma jwasslu għal riżultat differenti.

46.      Minn naħa, f’sitwazzjonijiet bħal dawk fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 7 tal-Karta ma jistax joħloq dritt indipendenti ta’ residenza għaċ-ċittadin ta’ pajjiż terz fl-Istat Membru ospitanti, peress li dan id-dritt ma huwiex strumentali għall-eżistenza kontinwa tal-ħajja tal-familja maċ-ċittadin tal-Unjoni, iżda huwa pjuttost marbut mal-fażi li tiżvolġi wara li l-ħajja tal-familja inkwistjoni tkun intemmet.

47.      Min-naħa l-oħra, id-dritt fundamentali għall-protezzjoni taż-żwieġ u tal-ħajja tal-familja ma jestendix sal-punt li jagħti libertà assoluta lill-konjuġi li jagħżlu l-Istat li fih jixtiequ jirrisjedu (5). Madankollu, sa fejn familja tkun stabbilixxiet legalment ir-residenza tagħha fi Stat partikolari, l-irtirar tad-dritt ta’ residenza jista’ jikkostitwixxi interferenza (6). Madankollu, għandha ssir distinzjoni bejn dan il-każ u l-każ li fih jintemm perijodu ta’ residenza bħala familja mhux minħabba interferenza mill-Istat, iżda, bħal fil-kawżi inkwistjoni, minħabba deċiżjoni libera ta’ membru tal-familja li jitlaq mill-pajjiż. Fir-rigward ta’ tali każijiet ta’ tluq mill-pajjiż, hija d-diskrezzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni li, f’att legali li huwa intiż li jippromwovi l-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni u li jipprovdi miżuri ta’ sostenn għall-ħajja tal-familja tiegħu, jirregola d-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin konjuġi ta’ pajjiż terz b’mod li huwa jrid jakkumpanja liċ-ċittadin tal-Unjoni fl-Istat li fih dan tal-aħħar għandu l-intenzjoni jissokta bil-ħajja futura tiegħu.

48.      Madankollu, tibqa’ inkoerenza fis-sistema tad-Direttiva 2004/38. Wara t-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni, il-konjuġi tiegħu, ċittadin ta’ pajjiż terz, fil-każ li ma jakkumpanjahx minħabba pereżempju, raġunijiet professjonali u ma jiħux ħsieb il-wild komuni tagħhom, jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru li sa dak il-punt kien l-Istat Membru ospitanti, u dan saħansitra fil-każ ta’ żwieġ intatt (7), filwaqt li jekk iż-żwieġ ifalli u huwa jista’ jikseb divorzju fi żmien xieraq, iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ jżomm id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38 (8).

49.      Dan jista’ jikkostitwixxi ksur tal-protezzjoni tal-familja flimkien mal-moviment liberu taċ-ċittadin tal-Unjoni kkonċernat. Fil-fatt, ma huwiex inkonċepibbli, speċjalment f’żoni qrib fruntieri, li familja torganizza ruħha b’tali mod li l-konjuġi jgħixu u jaħdmu fi Stati Membri differenti. Madankollu, fil-kawżi inkwistjoni, ma huwiex neċessarju li jiġu sussegwentement eżaminati dawn id-dubji dwar il-koerenza tas-sistema regolatorja tal-Artikoli 12 u 13 tad-Direttiva. Mill-perspettiva tal-Artikolu 7 tal-Karta, dan jista’, l-iktar l-iktar, iwassal għaż-żamma tad-dritt ta’ residenza ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li għadu miżżewweġ. Madankollu, fil-kawżi preżenti, iż-żwiġijiet intemmu f’divorzju.

50.      Għaldaqstant, fid-dawl tal-fatt li, fir-rigward tal-kawża preżenti, is-sistema regolatorja tad-Direttiva 2004/38 ma tagħti lok għal ebda ostakolu, lanqas fir-rigward tad-drittijiet fundamentali, ir-risposta għall-ewwel parti tal-ewwel domanda preliminari għandha tkun li ċittadin ta’ pajjiż terz jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti meta ċ-ċittadina tal-Unjoni miżżewġa lilu titlaq minn dan l-Istat Membru, li ma għandhiex in-nazzjonalità tiegħu, anki jekk, fil-mument tat-tluq mill-pajjiż, iż-żwieġ ikun dam minn tal-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti, u meta ż-żwieġ jintemm definittivament permezz ta’ digriet ta’ divorzju wara t-tluq mill-pajjiż tal-konjuġi.

51.      Ir-risposta għat-tieni parti tal-ewwel domanda, li permezz tagħha l-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk ċittadin ta’ pajjiż terz huwiex awtorizzat jibqa’ fl-Istat Membru ospitanti minn tal-inqas sa tmiem il-proċedura tad-divorzju, tirriżulta wkoll mill-Artikolu 12 tad-Direttiva 2004/38, li jirrikonoxxi liċ-ċittadin ta’ pajjiż terz id-dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti wara t-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni biss taħt il-kundizzjonijiet elenkati (u li ma humiex sodisfatti fil-każ ineżami) fl-Artikolu 12(3) tad-Direttiva. Jekk iċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu wara t-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin tal-Unjoni, dan id-dritt ta’ residenza ma jistax jitnissel mill-ġdid, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet korrispondenti fid-Direttiva, sa tmiem il-proċedura tad-divorzju, jekk din il-proċedura tkun inbdiet fi Stat Membru ieħor.

B –    Fuq it-tieni domanda preliminari

52.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk ir-riżorsi tal-konjuġi li ma huwiex ċittadin ta’ Stat Membru għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat jekk iċ-ċittadina tal-Unjoni għandhiex riżorsi suffiċjenti għad-dispożizzjoni tagħha fis-sens tal-Artikoli 7(1)(b) u 8(4) tad-Direttiva.

53.      Fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita, huwa possibbli li r-risposta għal din id-domanda tkun fl-affermattiv, peress li l-oriġini tar-riżorsi ma hijiex rilevanti sakemm tali riżorsi jkunu nkisbu legalment (9).

54.      Minn dan isegwi li ma huwiex neċessarju li tingħata risposta għat-tielet domanda.

V –    Konklużjoni

55.      Fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej għad-domandi preliminari:

Ċittadin ta’ pajjiż terz jitlef id-dritt ta’ residenza tiegħu fl-Istat Membru ospitanti, skont id-Direttiva 2004/38/KE dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri, meta ċ-ċittadina tal-Unjoni miżżewġa lilu titlaq minn dan l-Istat Membru, li ma għandhiex in-nazzjonalità tiegħu, anki jekk, fil-mument tat-tluq mill-pajjiż, iż-żwieġ ikun dam minn tal-inqas tliet snin, inkluż sena fl-Istat Membru ospitanti, u meta ż-żwieġ jintemm definittivament permezz ta’ digriet ta’ divorzju wara t-tluq mill-pajjiż tal-konjuġi fi Stat Membru ieħor. Id-Direttiva 2004/38 lanqas ma tirrikonoxxi lil ċittadin ta’ pajjiż terz dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti wara t-tluq mill-pajjiż taċ-ċittadin sakemm jingħata d-digriet tad-divorzju.

Ir-riżorsi tal-konjuġi li ma huwiex ċittadin ta’ Stat Membru għandhom ukoll jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi ddeterminat jekk iċ-ċittadina tal-Unjoni għandhiex riżorsi suffiċjenti għad-dispożizzjoni tagħha fis-sens tal-Artikoli 7(1)(b) u 8(4) tad-Direttiva 2004/38, sakemm tali riżorsi jkunu nkisbu legalment.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5, p. 46).


3 – Fir-rigward tas-sitwazzjoni legali preċedenti skont l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1612/68, tal-15 ta’ Ottubru 1968, dwar il-libertà tal-moviment għall-ħaddiema fi ħdan il-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 1, p. 15), kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2434/92, tas-27 ta’ Lulju 1992 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 2, p. 69), ara s-sentenza Mattern u Cikotic (C-10/05, EU:C:2006:220, punt 27).


4 – Sentenza Iida (C-40/11, EU:C:2012:691).


5 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 63 sa 67 tal-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Il-Parlament vs Il-Kunsill (C-540/03, EU:C:2005:517) u s-sentenzi tal-QEDB tat-2 ta’ Awwissu 2001 fil-kawża Boultif vs L-Isvizzera (Nru 54273/00), Recueil des arrêts et décisions 2001-IX, § 39, u tal-25 ta’ Marzu 2014, Biao vs Id-Danimarka (Nru 38590/10), § 53.


6 – Ara, pereżempju, is-sentenza tal-QEDB tas-26 ta’ Settembru 1997 fil-kawża Mehemi vs Franza (Nru 25017/94), Recueil des arrêts et décisions 1997-VI, § 27.


7 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenza Iida (C-40/11, EU:C:2012:691, punti 60 sa 64).


8 – Huwa teoretikament konċepibbli l-każ ta’ “divorzju ta’ konvenjenza”, li huwa l-kontroparti ta’ “żwieġ ta’ konvenjenza”, jiġifieri fejn ċittadin ta’ pajjiż terz jikseb divorzju biss għall-finijiet li jkollu dritt ta’ residenza fl-Istat Membru ospitanti qabel it-tluq mill-pajjiż previst tal-konjuġi tiegħu skont l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2004/38. Madankollu, fil-prattika, ma huwiex probabbli, inqas u inqas minħabba raġunijiet finanzjarji, li koppja miżżewġa tirrikorri għal miżura daqstant estrema, peress li ċ-ċittadin ta’ pajjiż terz jista’ fi kwalunkwe każ jikseb dritt ta’ residenza permanenti wara ħames snin skont l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2004/38. Ma huwiex neċessarju li tiġi indirizzata l-kwistjoni dwar jekk tali “divorzju ta’ konvenjenza” għandux, skont il-każ, jiċċaħħad minn forza legali u l-konsegwenzi li jirriżultaw minn dan fir-rigward tad-dritt ta’ residenza, peress li l-fatti inkwistjoni ma jindikaw ebda arranġament f’dan is-sens.


9 – Ara, b’mod partikolari, sentenzi Zhu und Chen (C-200/02, EU:C:2004:639, punt 30), Il-Kummissjoni vs Il-Belġju (C-408/03, EU:C:2006:192, punt 42) u Alokpa et (C‑86/12, EU:C:2013:645, punt 27).