Language of document : ECLI:EU:T:2009:427

DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

9 ta’ Novembru 2009 (*)

“Proċedura – Intaxxar tal-ispejjeż”

Fil-Kawża T‑45/01 DEP,

Stephen G. Sanders, residenti f’Oxfordshire (ir-Renju Unit), u l-94 rikorrenti l‑oħra li isimhom jidher fl-anness, irrappreżentati minn I. Hutton u B. Lask, barristers,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn J. Currall, bħala aġent,

konvenuta,

sostnuta minn

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.‑P. Hix u B. Driessen, bħala aġenti,

intervenjent,

li għandha bħal suġġett talba għat-tassazzjoni tal-ispejjeż wara s‑sentenza tal‑Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Lulju 2007, Sanders et vs Il‑Kummissjoni, T‑45/01 (Ġabra p. II‑2665),

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),

komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,

Reġistratur: E. Coulon,

tagħti l-preżenti

Digriet

 Il-fatti, il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

1        Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis‑27 ta’ Frar 2001, ir-rikorrenti, Stephen G. Sanders u l-94 rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl‑anness, talbu l-kumpens għad-danni materjali subiti minħabba li ma ġewx irreklutati bħala membri tal‑persunal temporanju tal-Komunitajiet Ewropej matul iż-żmien li ħadmu mal-impriża konġunta Joint European Torus (JET).

2        Fis-sentenza tagħha tal-5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il‑Kummissjoni (T‑45/01, Ġabra p. II‑3315, iktar ’il quddiem is‑“sentenza interlokutorja”), il-Qorti tal-Prim’Istanza ordnat lill‑Kummissjoni tal‑Komunitajiet Ewropej tħallas kumpens għad-dannu subit minn kull wieħed mir-rikorrenti minħabba dan il-fatt, ordnat lill‑partijiet iressqulha, f’terminu ta’ sitt xhur mill-gћoti ta’din is‑sentenza, l-ammonti tal-kumpens dovut, stabbiliti bi ftehim komuni u, fin-nuqqas ta’ ftehim, it-talbiet kwantifikati tagћhom. Il-Qorti tal-Prim’Istanza rriżervat l-ispejjeż.

3        Peress li l-partijiet ma waslu għal ebda ftehim fuq l-ammonti tal-kumpens, huma ressqu quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza t-talbiet kwantifikati tagћhom.

4        Fis-sentenza tagħha tat-12 ta’ Lulju 2007, Sanders et vs Il-Kummissjoni (T‑45/01, Ġabra p. II‑2665, iktar ’il quddiem is-“sentenza finali”), il‑Qorti tal-Prim’Istanza, wara li ddeterminat il-kumpens dovut lil kull rikorrent u kkundannat lill‑Kummissjoni għall-ħlas ta’ dan il‑kumpens, ikkundannat lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u dawk tar‑rikorrenti relattivi għall-proċeduri kollha quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza.

5        Fin-nuqqas li jintlaħaq ftehim mal-Kummissjoni dwar l-ammont tal‑ispejjeż, ir‑rikorrenti, permezz ta’ att ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-4 ta’ Marzu 2009, talbu lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex tiffissa, skont l-Artikolu 92(1) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, l‑ammont tal-ispejjeż għal GBP 449 472.14.

6        Fl-osservazzjonijiet tagħha ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-12 ta’ Ġunju 2009, il-Kummissjoni talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tiffissa l‑ammont tal-ispejjeż li għandhom jiġu rimborsati lir-rikorrenti għal GBP 250 000.

 Id-dritt

 L-argumenti tal-partijiet

7        Ir-rikorrenti jsostnu li l-proċedura damet sitt snin u nofs, ħtieġet tliet seduti u żewġ sentenzi twal tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ħolqot ammont kunsiderevoli ta’ xogħol.

8        Il-varjetà u l-kumplessità tal-kwistjonijiet li tqajmu kienu dovuti, parzjalment, għall-attitudni tal-Kummissjoni, li, pereżempju, inġustifikatament talbet il-prova tar-responsabbiltà tagħha relattiva għal kull wieħed mill-95 rikorrent. L-approċċ iebes tal-Kummissjoni, li, b’mod żbaljat, ikkontestat bil-qawwa t-talba tar‑rikorrenti, kemm fir-rigward tal‑prinċipju tar-responsabbiltà tagħha kif ukoll fir-rigward tal-kwistjoni tal-quantum tad-danni, kien jikkostitwixxi fattur rilevanti sabiex jiġu ddeterminati l‑ispejjeż li jistgħu jinġabru.

9        Barra minn hekk, xi kwistjonijiet kienu qajmu punti ta’ liġi ġodda u importanti, relatati, b’mod partikolari, mal-klassifikazzjoni ġuridika tal‑kawża u r-rabta tagħha mal-kawżi tas-servizz pubbliku, mal‑ammissibbiltà tat-talbiet għal‑kumpens fid-dawl tad-dewmien, mal‑applikazzjoni b’analoġija tat-terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin għar-rikorsi għad-danni, mal-interpretazzjoni tal‑istatuti tal-JET wara s‑sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Diċembru 1996, Altmann et vs Il‑Kummissjoni (T‑177/94 u T‑377/94, Ġabra. p. II‑2041), jew kienu ħtieġu analiżi fattwali kumplessi relatati, b’mod partikolari, man-natura tal‑ħidmiet imwettqa mir-rikorrenti fil-JET u mar-rikostituzzjonijiet individwali tal‑karriera neċessarji sabiex jiġu ddeterminati d-drittijiet finanzjarji ta’ kull rikorrent. Issa, il-biċċa l-kbira tal‑kwistjonijiet kontenzjużi kienu ġew deċiżi mill‑Qorti tal-Prim’Istanza favur ir-rikorrenti.

10      Il-kalkoli ppreżentati mill-Kummissjoni għall-kwantifikazzjoni tad‑danni ta’ spiss ma kinux preċiżi, fatt li kien obbliga lir-rikorrenti jagħmlu eżerċizzju diffiċli ta’ verifika.

11      Ir-rikorrenti ppruvaw jimminimizzaw l-ispejjeż tagħhom billi qabbdu lill-avukati tagħhom mingħajr ma marru għand solicitor, billi fdaw il-kwistjonijiet inqas importanti f’idejn barristers b’inqas esperjenza mill-konsulenti prinċipali tagħhom, li kienu talbu onorarji moderati, u billi kisbu għajnuna finanzjarja mir-rikorrenti fil-kawża relatata Eagle et vs Il‑Kummissjoni (T‑144/02).

12      Il-każ kien ta’ importanza mingħajr preċedent f’ħafna aspetti, b’mod partikolari fid-dawl tal-fatt li l-ksur tad-dritt Komunitarju mill‑Kummissjoni kien seħħ fil‑kuntest ta’ proġett Komunitarju importanti u li l-azzjoni tal-Kummissjoni kienet damet għat-tul kollu ta’ dan il‑proġett, kienet ikkonċernat ir-reklutaġġ massiv u ripetut ta’ membri tal-persunal bil-kuntratt u, minħabba f’hekk, kienet ikkostitwixxiet aġir skorrett serju minn din l-istituzzjoni.

13      Il-każ kien ta’ importanza finanzjarja kbira għar-rikorrenti, li hija riflessa fl‑ammont globali ta’ kumpens (GBP 29 654 315.55) imħallas mill‑Kummissjoni, u l‑ispejjeż, meta mqabbla ma’ dan l-ammont u man‑numru ta’ rikorrenti, ma humiex kbar. Il‑kawża kienet wkoll ta’ importanza ekonomika kbira għall-Komunitajiet.

14      Huwa żbaljat li l-Kummissjoni, filwaqt li targumenta li aġent wieħed biss kien ittratta l-każ kollu f’isimha, tikkritika l-użu mir-rikorrenti ta’ diversi avukati u ta’ kontabbilist. L-involviment tagħhom kien ġie meħtieġ minħabba l-kumplessità tal-każ u, fir-rigward tal-Kummissjoni, diversi uffiċjali kienu, fil-fatt, assistew lil din l‑istituzzjoni fil‑proċeduri. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrenti kellhom ħafna iktar xogħol mill‑Kummissjoni, b’kunsiderazzjoni, b’mod partikolari, għat-tqassim tal-oneru tal-prova.

15      Huwa żbaljat li l-Kummissjoni tqabbel din il-kawża ma’ kawża ordinarja tas‑servizz pubbliku, u tipproponi, f’dan il-kuntest, li l-ispejjeż ikunu ffissati għal GBP 250 000.

16      It-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż tar-rikorrenti tinkludi, għal parti żgħira, elementi li jkopru t-telf ta’ dħul u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta’ tliet rappreżentanti mhux professjonisti, li wettqu ħidmiet ta’ ġestjoni tal-kawża li, alternattivament, kellhom jitwettqu minn solicitors bi prezz ferm ogħla. It-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) fuq l‑ispejjeż rimborsabbli tista’ tinġabar wkoll, flimkien mal‑ispejjeż sostnuti għat-tħejija ta’ din it-talba għall-intaxxar tal‑ispejjeż.

17      Il-Kummissjoni ssostni li xejn ma jiġġustifika l-għoti ta’ spejjeż li jeċċedu l‑proposta tagħha ta’ GBP 250 000. Din il-proposta, li tirriżulta mill‑multiplikazzjoni ta’ ammont raġonevoli ta’ spejjeż għal kawża ta’ uffiċjal (stmat għal EUR 8 500) b’fattur ta’ 15, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni n‑natura kollettiva tar-rikors, u mbagħad għal darb’oħra b’fattur ta’ 2.5, sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-isforzi meħtieġa sabiex jiġi ddeterminat il-livell individwali ta’ kumpens, u fl‑aħħar nett b’fattur ta’ 1/1.3, sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni r‑rata tal‑kambju, hija iktar minn raġonevoli.

18      L-argument tar-rikorrenti li l-ammont tat-talba tagħhom hija ġġustifikata fid-dawl tal-attitudni allegatament abbużiva tal‑Kummissjoni fid-difiża tagħha fil-kawża prinċipali huwa żbaljat.

19      Fil-fatt, l-aġir ta’ parti matul il-proċeduri hija biss rilevanti għad‑deċiżjoni ta’ tqassim tal-ispejjeż meħuda fis-sentenza stess.

20      Fi kwalunkwe każ, xejn fit-talba għall-intaxxar tal-ispejjeż ma jissuġġerixxi, min-naħa tal-Kummissjoni, aġir li jista’ jiġi kklassifikat bħala abbużiv. Ir‑rikorrenti ma ħalltu l-fatt li jitqajjem argument infondat ma’ dak li deliberatament jitqajjem argument fieragħ jew vessatorju. F’din il-kawża, il‑Kummissjoni llimitat ruħha tiddefendi lilha nnifisha u l-Qorti tal‑Prim’Istanza, fis-sentenzi interlokutorji u finali tagħha, bl-ebda mod ma indikat li hija kien kellha aġir abbużiv jew li kienet qajmet argumenti fiergħa.

21      Rigward l-iżbalji żgħar ta’ kalkolu, li barra minn hekk huma diffiċilment evitabbli, imwettqa mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni kienet ammettiethom mingħajr kontestazzjoni. Barra minn hekk, ir‑rikorrenti stess kienu wettqu xi żbalji ta’ kalkolu.

22      Il-Kummissjoni, li ma għandhiex il-ħsieb tikkontesta speċifikament ebda wieħed mill-argumenti mressqa mir-rikorrenti biex jiġġustifikaw l-użu minnhom ta’ diversi konsulenti, madankollu tirrimarka li hija kienet iddefendiet il-kawża flimkien ma’ aġent wieħed biss, li ħadem ħafna drabi waħdu u kien ġie megħjun minn aġenti oħra biss fir-rigward ta’ ċerti aspetti tal-kawża. Hija tiddubita l-ħtieġa ta’ rappreżentazzjoni minn żewġ konsulenti fis-seduta tat-23 ta’ Settembru 2003, fid-dawl tal-fatt li din is‑seduta kienet tirrigwarda biss punt ta’ dritt dwar il‑fondatezza tar‑rikors. Hija tikkontesta t-talbiet dwar it-telf ta’ qligħ u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar tat-tliet rappreżentanti mhux professjonisti tar-rikorrenti. Rigward it‑talbiet dwar l-ispejjeż ta’ din il-proċedura ta’ intaxxar, dawn huma għoljin wisq.

23      Rigward l-allegazzjoni li r-rikorrenti kellhom iktar xogħol mill‑Kummissjoni, il‑Kummissjoni ssostni li hija stess ipproduċiet diversi provi matul il-proċeduri u li hija kellha tieħu ħafna żmien sabiex tistudja l-provi prodotti mir-rikorrenti. Biss l-ispejjeż tal‑avukati li rrappreżentaw lir-rikorrenti jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni. Rigward l-argument li r-rikorrenti kienu mminimizzaw l‑ispejjeż tagħhom billi qabbdu direttament lill-konsulenti tagħhom, dan ma jiġġustifikax l-ammont mitlub, imma l-iktar, jispjega għaliex dan l-ammont ma kienx ogħla, li huwa irrilevanti.

24      Il-Kummissjoni tirrileva li, sa stadju avvanzat tal-kawża prinċipali, il-kwistjonijiet ewlenin kienu l-istess għar-rikorrenti kollha u għalhekk setgħu jiġu eżaminati kollettivament. Huwa veru li dawn il-kwistjonijiet setgħu sussegwentement ikollhom konsegwenzi differenti skont is‑sitwazzjonijiet individwali, iżda dan ma jnaqqasx xejn mill-fatt li, qabel, dawn kienu ġew ittrattati b’mod kollettiv.

25      Il-Kummissjoni tammetti li din il-kawża kellha karatteristiċi speċifiċi u ma tikkontestax li din kienet ta’ importanza ħafna ikbar minn dawk tal-kawżi ordinarji ta’ uffiċjali. Dan jiġġustifika wkoll il‑proposta tagħha eċċezzjonalment għolja, li tammonta għal GBP 250 000. Iżda ma hemm xejn li jeħtieġ li tinqabeż din il-proposta, fir‑rigward, b’mod partikolari tal-fatt li l-kwistjonijiet mressqa kienu, sas‑sentenza interlokutorja, il-biċċa l-kbira l-istess għall-95 rikorrent u li kien biss wara, u barra minn hekk b’mod għal kollox maniġġabbli fil-prattika, li kellhom isiru distinzjonijiet bejn ir‑rikorrenti.

26      Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-ispejjeż mitluba huma proporzjonatament inqas minn dawk mitluba f’kawżi oħra, il-Kummissjoni tirrimarka li, f’oqsma oħra, bħal dawk tal-kompetizzjoni, tal-konċentrazzjonijiet u tal-għajnuna mill‑Istat, l-ispejjeż mitluba ta’ spiss huma proporzjon ħafna iżgħar mill-interessi finanzjarji involuti, mingħajr madankollu dan ma jipprekludi lill-qorti Komunitarja milli tagħmel tnaqqis sostanzjali f’dawn l-ispejjeż.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza

27      Skont l-Artikolu 91(b) tar-Regoli tal-Proċedura, “l-ispejjeż indispensabbli li saru mill-partijiet għall-finijiet tal-proċedura, partikolarment l-ispejjeż ta’ l-ivvjaġġar u ta’ l-alloġġ, kif ukoll ir‑remunerazzjoni ta’ aġent, konsulent, jew avukat” huma kkunsidrati bħala spejjeż li jistgħu jinġabru. Minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l‑ispejjeż li jistgħu jinġabru huma limitati, minn naħa, għal dawk sostnuti għall‑finijiet tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza, u, min-naħa l-oħra, għal dawk li kienu indispensabbli għal dawn il-finijiet (digrieti tal-Qorti tal‑Prim’Istanza tal-24 ta’ Jannar 2002, Groupe Origny vs Il‑Kummissjoni, T‑38/95 DEP, Ġabra p. II‑217, punt 28, u tat-28 ta’ Ġunju 2004, Airtours vs Il‑Kummissjoni, T‑342/99 DEP, Ġabra p. II‑1785, punt 13).

28      Skont ġurisprudenza stabbilita, fin-nuqqas ta’ dispożizzjonijiet Komunitarji ta’ natura tariffarja, il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha tevalwa liberament il-fatti tal-każ, filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni l-għan u n-natura tal-kawża, is-sinjifikat tagħha mill-perspettiva tad‑dritt Komunitarju kif ukoll id-diffikultajiet tal-kawża, l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet ħolqot lill-aġenti jew lill-konsulenti involuti u l-interessi ekonomiċi li l-partijiet kellhom fil-kawża (digriet Airtours vs Il‑Kummissjoni, punt 27 iktar ’il fuq, punt 18; ara wkoll, b’analoġija, id-digriet tal-President tat-Tielet Awla tal-Qorti tal‑Ġustizzja tas-26 ta’ Novembru 1985, Leeuwarder Papierwarenfabriek vs Il‑Kummissjoni, 318/82 DEP, Ġabra p. 3727, punt 3).

29      Rigward is-suġġett tal-kawża u n-natura tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li din il‑kawża tikkonċerna l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ u ta’ impjieg ta’ persunal li jaħdem għall-impriża konġunta JET u li din għalhekk tqajjem, minħabba n-natura speċifika tar-regoli li jirregolaw it-tħaddim ta’ din l-impriża konġunta, u kif il‑Qorti tal-Prim’Istanza diġà rrilevat (digriet tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 1998, Altmann et vs Il‑Kummissjoni, T‑177/94 DEP, T‑377/94 DEP u T‑99/95 DEP, ĠabraSP p. I‑A‑299 u II‑883, punt 22), kwistjonijiet delikati. Barra minn hekk il-Kummissjoni taqbel li l-karatteristiċi partikolari ta’ din il‑kawża jistgħu jiġġustifikaw spejjeż ta’ammont sinjifikattiv.

30      Rigward l-interess ta’ din il-kawża mill-perspettiva tad-dritt Komunitarju , il-Qorti tal‑Prim’Istanza tirrileva li din il-kawża hija ċertament importanti, iżda li din l‑importanza hija limitata għal kawżi tas-servizz pubbliku u, b’mod iktar partikolari, f’dan il‑kuntest, għar-relazzjonijiet bejn il‑Komunitajiet u l-persuni li jistgħu jiġu impjegati fi strutturi komparabbli għall-impriża konġunta JET.

31      Rigward id-diffikultajiet tal-kawża u l-ammont ta’ xogħol li l-proċedura kontenzjuża setgħet ħolqot għall-aġenti jew għall-konsulenti tar-rikorrenti, għandu jiġi mfakkar li, għall-inqas matul l-ewwel parti tal-proċeduri quddiem il-Qorti tal‑Prim’Istanza u sas-sentenza interlokutorja, il-kwistjonijiet li tqajmu, relatati, b’mod partikolari, mar-rabta tal-kawża mal‑kwistjoni tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali jew ma’ dik tar‑relazzjonijiet bejn il-Komunità u l-aġenti tagħha, mal‑ammissibbiltà ta’ talbiet għad-danni fid-dawl tad-dewmien jew ukoll mal‑interpretazzjoni tal-istatuti tal-JET, kienu delikati, iżda komuni għar-rikorrenti kollha.

32      Kien biss matul it-tieni parti tal-proċeduri, li jirrigwardaw id‑determinazzjoni tal-ammont tal-kumpens dovut mill‑Kummissjoni lil kull rikorrent, li kien neċessarju li ssir distinzjoni bejn is-sitwazzjonijiet individwali. Barra minn hekk, għandu jiġi mfakkar li l-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kienu rrigwardaw biss il‑punti ta’ nuqqas ta’ qbil eżistenti bejn il-partijiet (sentenza finali, punti 7 sa 13 u 39 sa 106), filwaqt li l-Qorti tal-Prim’Istanza llimitat ruħha tieħu konjizzjoni tal‑punti fejn kien hemm qbil (sentenza finali, punti 33‑38).

33      Rigward l-interessi ekonomiċi li l-partijiet għandhom f’din il-kawża, il-Qorti tal‑Prim’Istanza tikkonstata li dawn kienu sinjifikattivi ħafna kemm għar‑rikorrenti, meħuda individwalment, kif ukoll għall-Kummissjoni. Il‑kawża, fil‑fatt, kienet tirrigwarda talbiet għal kumpens li jirrigwardaw relazzjonijiet ta’ impieg li jestendu, għal iktar minn nofs ir-rikorrenti, għal perijodi li jeċċedu għaxar snin (sentenza interlokutorja, punt 27). F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l‑importanza ekonomika tal-kawża hija biss parzjalment riflessa mill-ammont totali ta’ kumpens, jiġifieri GBP 29 654 315.55 finalment imħallas mill‑Kummissjoni lir‑rikorrenti, sa fejn dan l-ammont jirriżulta mill-applikazzjoni, f’dan il-każ, ta’ terminu ta’ preskrizzjoni ta’ ħames snin ibbażat fuq it-terminu previst fl-Artikolu 46 tal-Istatut tal-Qorti tal‑Ġustizzja (sentenza interlokutorja, punti 57 sa 85).

34      Fid-dawl tan-natura tal-kwistjonijiet mressqa, tal-importanza tal-kawża u tat-tekniċità tal-kalkoli meħtieġa għad-determinazzjoni tad-drittijiet individwali tar-rikorrenti, il-Qorti tal‑Prim’Istanza tikkunsidra li l-użu minn dawn ir-rikorrenti ta’ diversi konsulenti, kif ukoll ta’ kontabbilista, ma huwiex inġustifikat, filwaqt li għandu jiġi rrilevat, madankollu, li n-neċessità tar-rappreżentazzjoni tar-rikorrenti minn żewġ konsulenti fis-seduta tat‑23 ta’ Settembru 2003 ma ġietx ipprovata.

35      Rigward l-argument tar-rikorrenti li l-ammont tal-ispejjeż li jistgħu jinġabru għandu jieħdu inkunsiderazzjoni l-aġir allegatament abbużiv tal-Kummissjoni fil‑kawża prinċipali, dan għandu jiġi miċħud bħala irrilevanti.

36      Fil-fatt, għalkemm in-natura abbużiva tal-aġir ta’ parti waħda fil-kawża hija rilevanti għat-tqassim tal-ispejjeż ordnat mill-Qorti tal-Prim’Istanza fis-sentenza jew fid-digriet li jagħlaq il-kawża, skont l-Artikolu 87(1) u t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, din in-natura hija, għall-kuntrarju, irrilevanti fl-istadju tal-intaxxar tal-ispejjeż, imwettaq mill‑Qorti tal‑Prim’Istanza skont l-Artikolu 92(1) tal-istess regoli, peress li din il‑proċedura ta’ intaxxar hija proċedura oġġettiva, li l-għan tagħha huwa d‑determinazzjoni tal-ispejjeż indispensabbli sostnuti għall-bżonnijiet tal‑proċeduri, irrispettivament min-natura, abbużiva jew le, tal-aġir li kkawża dawn l-ispejjeż.

37      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, tkun qed issir evalwazzjoni ġusta tal‑ispejjeż kollha li jistgħu jinġabru mir-rikorrenti mingħand il‑Kummissjoni jekk l-ammont tagħhom jiġi stabbilit għal GBP 300 000, liema ammont jieħu inkunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi kollha tal-kawża sad-data tal‑adozzjoni ta’ dan id‑digriet.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)

tordna:

L-ammont totali ta’ spejjeż li għandhom jiġu rimborsati mill‑Kummissjoni tal‑Komuntajiet Ewropej lil Stephen G. Sanders u lill-94 rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness huwa stabbilit għal 300 000 Lira Sterlina (GBP 300 000).

Il-Lussemburgu, id-9 ta’ Novembru 2009.

E. Coulon

 

      M. Vilaras

Reġistratur

 

      President

Anness


Keith Ashby,

Mark Ashman,

Geoff Atkins,

Yvonne Austin,

Neville Bainbridge,

R. Baker,

Ian Barlow,

Terry Boyce,

Robert Bracey,

Brian C. Brown,

Mike Browne,

James Bruce,

Neil Butler,

Paul Carman,

Roy Clapinson,

Royce Clay,

Derek Downes,

Graham Evans,

Jim Evans,

Tony Gallagher,

David Gear,

John Gedney,

David Grey,

Barry Grieveson,

Bernhard Haist,

David Hamilton,

Ray Handley,

Roy Harrison,

Michael Hart,

Phillip Haydon,

Ivor Hayward,

Mark Hopkins,

Keith Howard,

Peter Howarth,

Cyril Hume,

Eifion Jones,

Glyn Jones,

Andrew Lawler,

Gordon MacMillan,

Peter Martin,

Christopher May,

Derek May,

Ian Merrigan,

Richard Middleton,

Simon Mills,

Ray Musselwhite,

Tim Napper,

Keith Nicholls,

Mike Organ,

Robert Page,

Dai Parry,

Bill Parsons,

Derek Pledge,

Tim R. Potter,

Geoff Preece,

Tom Price,

Steve Richardson,

Shirley Rivers-Playle,

Alan Rolfe,

Michael Russell,

Stephen Sanders,

Stephen Scott,

John Shaw,

Michael R. Sibbald,

Nigel Skinner,

Paul G. Smith,

Tracey Smith,

Tony Spelzini,

Robin Stafford-Allen,

Robin Stagg,

Graham Stanley,

David Starkey,

Dave Sutton,

John Tait,

Michael E. Taylor,

Paul Tigwell,

George Toft,

Jim Tulloch,

Pat Twynam,

Tony Walden,

Martin Walker,

Norman Wallace,

Patrick Walsh,

Peter Watkins,

Mike Way,

Alan West,

Andy Whitby,

Srilal P. Wijetunge,

Brian L. Willis,

David J. Wilson,

David W. Wilson,

Julie Wright,

John Yorkshades,

David Young.


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.