Language of document : ECLI:EU:C:2022:357

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fil‑5 ta’ Mejju 2022 (1)

Kawża C646/20

Senatsverwaltung für Inneres und Sport, Standesamtsaufsicht

vs

TB,

partijiet magħquda:

Standesamt Mitte von Berlin,

RD

(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili – Miżuri dwar id-dritt tal-familja – Ġurisdizzjoni, rikonoxximent u eżekuzzjoni tas-sentenzi – Regolament (KE) Nru 2201/2003 – Materji matrimonjali u ta’ responsabbiltà tal-ġenituri – Atti u ftehimiet awtentiċi – Xoljiment ta’ rabtiet matrimonjali wara dikjarazzjoni li saret quddiem ir-reġistratur ċivili Taljan”






I.      Daħla

1.        Il-miżuri intiżi sabiex jiffaċilitaw ir-rikonoxximent awtomatiku, fl-Unjoni Ewropea kollha, tal-bidliet fl-istat ċivili huma mingħajr dubju ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment liberu li t-Trattati jagħtuhom. Sa fejn il-leġiżlatur tal-Unjoni jestendi l-oqsma koperti minn tali miżuri, l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tagħhom jaffaċċjaw aspetti tad-dritt li jirregolaw l-istat ċivili tal-persuni fl-Istati Membri differenti. Għaldaqstant, wieħed ma għandux ikun sorpriż li hemm differenzi onesti fil-fehmiet dwar x’jaqa’ jew x’ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżura partikolari. F’din il-kawża, il-kuntest huwa r-rikonoxximent awtomatiku fil-Ġermanja ta’ divorzju b’kunsens reċiproku miksub permezz ta’ proċedura mhux ġudizzjarja skont id-dritt Taljan. F’termini iktar preċiżi, permezz ta’ dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1347/2000 (2), jobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu, mingħajr ebda rekwiżit ieħor, sentenza ta’ divorzju deċiża mill-awtoritajiet ċivili ta’ Stat Membru ieħor skont proċedura mhux ġudizzjarja bbażata fuq ftehim bejn il-konjuġi.

II.    Illeġiżlazzjoni applikabbli

A.      Iddritt talUnjoni

2.        L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa intitolat “Il-kamp ta’ applikazzjoni”. L-Artikolu 1(a) ta’ dak ir-regolament jipprevedi li huwa għandu japplika, tkun xi tkun in-natura tal-qorti jew tat-tribunal, f’materji ċivili dwar id-divorzju, il-firda personali jew l-annullament taż-żwieġ.

3.        Għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003, l-Artikolu 2 jiddefenixxi t-termini li ġejjin fil-punti 1, 2 u 4:

“1.      ll-kelma ‘qorti’ għandha tkopri l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri bil-ġurisdizzjoni fi kwistjonijiet li jaqgħu taħt u li huma nkluzi fil-kompetenza ta’ dan ir-Regolament; [(3)]

2.      il-kelma ‘imħallef’ għandha tfisser imħallef jew uffiċjal li għandu l-poteri ekwivalenti ghall dawk ta’ imħallef fi kwistjonijiet li jaqgħu fil-kompetenza ta’dan ir-Regolament; [(4)]

[…]

4.      il-kelma ‘sentenza’ għandha tfisser divorzju, separazzjoni legali [firda personali] jew annullament taż-żwieġ, kif ukoll sentenza dwar ir-responsabbilità ta’ l-ġenituri, iddikjarata [mogħtija] minn qorti ta’ Stat Membru, hu x’inhu t-terminu li tista’ tiġi msejjħa bih is-sentenza, inkluzi diġriet, ordni jew deċiżjoni.” (5)

4.        Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rrikonoxxuta fl-Istati Membri l-oħra mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali. L-Artikolu 21(2) jipprevedi wkoll li ebda proċedura speċjali ma għandha tkun rikjesta għall-aġġornament tal-atti uffiċjali tal-istat ċivili ta’ Stat Membru abbażi ta’ sentenza dwar id-divorzju, il-firda legali jew l-annullament taż-żwieg mogħti fi Stat Membru ieħor u kontra liema ma hemm l-ebda appell ieħor taħt id-dritt ta’ dak l-Istat Membru.

5.        L-Artikolu 22(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi li sentenza dwar id-divorzju, il-firda personali jew l-annullament taż-żwieġ ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk jidher ċar li l-imsemmi rikonoxximent imur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat Membru fejn ir-rikonoxximent qiegħed jiġi mitlub.

6.        Finalment, skont l-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2201/2003, intitolat “L-istrumenti u l-fteħim [ftehimiet] awtentiċi”, id-dokumenti li jkunu ġew formalment imfassla jew irreġistrati bħala atti awtentiċi u li jkunu eżegwibbli fi Stat Membru wieħed u l-ftehimiet bejn il-partijiet li huma eżegwibbli fl-Istat Membru fejn ġew konklużi għandhom jiġu rrikonoxxuti u ddikjarati li huma eżegwibbli taħt l-istess kundizzjonijiet tas-sentenzi.

B.      Iddritt Ġermaniż

7.        It-tieni sentenza tal-Artikolu 97(1) tal-Gesetz über das Verfahren in Familiensachen und in den Angelegenheiten der freiwilligen Gerichtsbarkeit tas‑17 ta’ Diċembru 2008 (il-Liġi dwar il-Proċedura fi Kwistjoni ta’ Kawżi tal-Familja u ta’ Ġurisdizzjoni Volontarja, iktar ’il quddiem, il-“FamFG”) tipprevedi:

“Id-dispożizzjonijiet li jinstabu fl-atti tal-Unjoni ma għandhomx jiġu affettwati.”

8.        Skont l-Artikolu 107(1) tal-FamFG:

“Id-deċiżjonijiet barranin li permezz tagħhom żwieġ jiġi annullat, invalidat jew itterminat, jiġu rrikonoxxuti biss jekk l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tal-Land tkun ikkonstatat li l-kundizzjonijiet tar-rikonoxximent huma ssodisfatti. Jekk qorti jew awtorità ta’ Stat li tiegħu ż-żewġ konjuġi jkunu ċittadini fid-data li fiha tingħata d-deċiżjoni, ir-rikonoxximent ma jiddependix fuq konstatazzjoni tal-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja tal-Land”.

9.        L-Artikolu 3(1) tal-Personenstandsgesetz (il-Liġi dwar l-Istatus Ċivili) tad‑19 ta’ Frar 2007 (BGBI. 2007 I, p. 122; iktar ’il quddiem il-“PStG”) jipprevedi li, fil-qasam tal-kompetenza tiegħu, is-servizz tar-reġistru ċivili għandu jżomm reġistru taż-żwiġijiet. Skont l-Artikolu 5(1) tal-PStG, l-entrati fir-reġistru għandhom jiġu kkompletati u kkorreġuti skont id-dispożizzjonijiet tagħha. Skont l-Artikolu 161(3) tal-PStG, l-entrata dwar iż-żwieġ għandha ssemmi atti sussegwenti li jikkonċernaw l-annullament taż-żwieġ jew id-divorzju.

C.      Iddritt Taljan

10.      L-Artikolu 12 tad-Decreto Legge No 132 – Misure urgenti di degiurisdizionalizzazione ed altri interventi per la definizione dell’arretrato in materia di processo civile tat‑12 ta’ Settembru 2014 (id-Digriet Liġi Nru 132 dwar Miżuri Urġenti għal Deċiżjoni tal-Qorti u Interventi Oħra Sabiex Jitnaqqas l-Eċċess tal-Proċeduri Ċivili, iktar ’il quddiem id-“Digriet Liġi Nru 132/2014”) (6), li ġie kkonvertit f’liġi permezz tal-emendi mil-Legge No 162 (il-Liġi Nru 162) tal‑10 ta’ Novembru 2014, jipprevedi li:

“1.      Il-konjuġi jistgħu jikkonkludu, quddiem is-sindku bħala l-uffiċjal tar-reġistru ċivili, skont l-Artikolu 1 tad-Digriet Nru 396 tal-President tar-Repubblika tat‑3 ta’ Novembru 2000, għall-Komun ta’ residenza ta’ wieħed minnhom jew għall-Komun fejn huwa rreġistrat iż-żwieġ, bl-assistenza fakultattiva ta’ avukat, ftehim ta’ firda personali jew, fil-każijiet imsemmija fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 3(2)(b) tal-Liġi Nru 898 tal‑1 ta’ Diċembru 1970, ftehim li jikkonċerna x-xoljiment taż-żwieġ jew it-terminazzjoni tal-effetti ċivili taż-żwieġ, jew ftehim li jemenda l-kundizzjonijiet ta’ firda jew divorzju.

2.      Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu ma għandhomx japplikaw meta l-konjuġi jkollhom ulied minorenni jew ulied adulti li ma għandhomx kapaċità legali, li jkollhom diżabbiltà severa skont it-tifsira tal-Artikolu 3(3) tal-Liġi Nru 104 tal‑5 ta’ Frar 1992 jew li ma jkunux finanzjarjament indipendenti.

3.      L-uffiċjal tar-reġistru ċivili għandu jirċievi personalment, minn kull waħda mill-partijiet, u bl-assistenza fakultattiva ta’ avukat, dikjarazzjoni li huwa jew hija jixtiequ jisseparaw jew jitterminaw l-effetti ċivili taż-żwieġ jew li ż-żwieġ jiġi xolt skont il-kundizzjonijiet miftiehma bejniethom. L-istess għandu japplika għal kwalunkwe emenda għall-kundizzjonijiet ta’ firda jew divorzju. Il-ftehim ma jistax jinkludi termini li jikkonċernaw it-trasferimenti ta’ assi. Id-dokument li jkun fih il-ftehim għandu jiġi mfassal u ffirmat immedjatament mal-irċevuta tad-dikjarazzjonijiet imsemmija f’dan il-paragrafu. Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, il-ftehim għandu jissostitwixxi deċiżjonijiet ġudizzjarji li jikkonkludu l-proċeduri għal firda personali, terminazzjoni tal-effetti ċivili taż-żwieġ, xoljiment taż-żwieġ u emenda tal-kundizzjonijiet tal-firda jew tad-divorzju.

Fil-każ tal-firda personali jew tat-terminazzjoni tal-effetti ċivili taż-żwieġ jew tax-xoljiment taż-żwieġ permezz ta’ ftehim, ir-reġistratur ċivili għandu, mal-irċevuta tad-dikjarazzjonijiet mill-konjuġi, jistedinhom sabiex jidhru quddiemu mhux inqas minn 30 jum wara l-irċevuta tad-dikjarazzjonijiet, sabiex jikkonfermaw il-ftehim, kif ukoll għall-finijiet ta’ provvista tal-ftehimiet imsemmija fil-paragrafu 5. Jekk ma jidhrux, il-ftehim ma jiġix ikkonfermat.

[…]”

11.      Mill-Artikolu 43(1) u l-Artikolu 71(2) tad-Decreto del Presidente della Repubblica No 445/2000 – Testo unico delle disposizioni legislative e regolamentari in materia di documentazione amministrativa (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 445/2000 – Test Ikkonsolidat tal-Liġijiet u r-Regolamenti dwar Dokumenti Amministrattivi) jirriżulta li r-reġistratur ċivili għandu jivverifika li l-kundizzjonijiet legali applikabbli ġew issodisfatti.

12.      Mill-Artikolu 7 u l-Artikolu 95 tad-Decreto del Presidente della Repubblica No 396 – Regolamento per la revisione e la semplificazione dell’ordinamento dello stato civile, a norma dell’articolo 2, comma 12, della legge 15 maggio 1997, No 127 (id-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 396 – Regolament għar-Reviżjoni u s-Simplifikazzjoni tal-Liġi dwar l-Istat Ċivili, skont l-Artikolu 2(12) tal-Liġi Nru 127 tal‑15 ta’ Mejju 1997) jirriżulta li r-reġistratur ċivili għandu jirrifjuta d-divorzju meta l-kundizzjonijiet legali applikabbli ma jkunux issodisfatti. Il-konjuġi jistgħu jikkontestaw dan ir-rifjut quddiem qorti.

13.      Skont iċ-Circolare No°6/15 – Articoli 6 e 12 del decreto-legge 12 settembre 2014, No°132 – Chiarimenti applicativi (iċ-Ċirkulari Nru 6/15 – l-Artikolu 6 u l-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 132 tat‑12 ta’ Settembru 2014), it-tielet frażi tal-Artikolu 12(3) tad-Digriet Liġi Nru 132/2014 għandha tiġi interpretata li tipprekludi lill-konjuġi milli jinkludu, f’dan it-tip ta’ proċedura ta’ divorzju, kwalunkwe terminu li jikkonċerna trasferiment tas-sjieda tad-drittijiet tal-proprjetà bejniethom.

14.      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jidher li, skont il-proċedura stabbilita mill-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 132/2014, kull wieħed mill-konjuġi jagħmlu dikjarazzjoni personali li jixtiequ jiddivorzjaw quddiem ir-reġistratur ċivili. Mhux inqas minn tletin jum wara, ladarba jiġi vverifikat li l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi għax-xoljiment taż-żwieġ ikunu ġew issodisfatti, b’mod partikolari, li l-konjuġi ma għandhomx ulied minorenni jew ulied adulti li huma inkapaċitati jew li għandhom diżabbiltà severa jew li huma ekonomikament dipendenti, u li l-ftehim bejniethom ma għandux termini li jittrasferixxu l-assi bejniethom, ir-reġistratur ċivili jikkonferma dan il-ftehim. Divorzju mogħti mir-reġistratur ċivili għandu l-istess effett legali bħal divorzju mogħti minn qorti kompetenti.

III. Ittilwima filkawża prinċipali u ttalba għal deċiżjoni preliminari

15.      TB għandha nazzjonalità Ġermaniża u Taljana. Hija żżewġet lil RD, ċittadin Taljan, f’ċerimonja ċivili f’Berlin fl‑20 ta’ Settembru 2013. L-uffiċċju tar-reġistru ċivili ta’ Berlin irreġistra dan iż-żwieġ fir-reġistru taż-żwiġijiet.

16.      Fit‑30 ta’ Marzu 2017, quddiem ir-reġistratur ċivili f’Parma, l-Italja, il-konjuġi ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jisseparaw. Huma affermaw li ma kellhomx ulied minorenni jew ulied adulti li kienu inkapaċitati jew li kellhom diżabbiltà severa jew li kienu ekonomikament dipendenti. Huma sostnew ukoll li ma kienu kkonkludew l-ebda ftehim dwar it-trasferiment tal-assi tagħhom bħala parti mill-firda tagħhom. Sussegwentement, huma kkonfermaw id-dikjarazzjonijiet rispettivi quddiem ir-reġistratur ċivili.

17.      Abbażi tad-dikjarazzjonijiet tagħhom tat‑30 ta’ Marzu 2017, il-konjuġi marru quddiem ir-reġistratur ċivili u ddikjaraw l-intenzjoni tagħhom li jiddivorzjaw fil‑15 ta’ Frar 2018. Sussegwentement, huma kkonfermaw id-dikjarazzjonijiet tagħhom quddiem ir-reġistratur ċivili li, fit‑2 ta’ Lulju 2018, ħareġ ċertifikat tad-divorzju b’effett mill‑15 ta’ Frar 2018.

18.      Wara, TB talbet lill-uffiċċju tar-reġistru ċivili ta’ Berlin biex jirreġistra dan id-divorzju fir-reġistru taż-żwiġijiet. Billi kellu dubju dwar jekk id-divorzju kellux jiġi rreġistrat fir-reġistru taż-żwiġijiet jew kienx suġġett għall-proċedura ta’ rikonoxximent skont l-Artikolu 107(1) tal-FamFG, l-uffiċċju tar-reġistru ċivili ta’ Berlin ressaq appell quddiem l-Amtsgericht Berlin (il-Qorti Distrettwali, Berlin, il-Ġermanja). Fl‑1 ta’ Lulju 2019, l-Amtsgericht Berlin (il-Qorti Distrettwali, Berlin) iddeċidiet li r-reġistrazzjoni tad-divorzju fir-reġistru taż-żwiġijiet kienet suġġetta għal kundizzjoni ta’ rikonoxximent skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 107(1) tal-FamFG. Madankollu, is-Senatsverwaltung für Justiz, Verbraucherschutz und Antidiskriminierung Berlin (il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni, Berlin, il-Ġermanja) kien tal-fehma li d-divorzju għandu jiġi rrikonoxxut awtomatikament. Għaldaqstant, huwa ma invokax il-proċedura skont l-Artikolu 107(1) tal-FamFG (7).

19.      TB ressqet appell quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Berlin) kontra d-deċiżjoni tal‑1 ta’ Lulju 2019 tal-Amstsgericth Berlin (il-Qorti Distrettwali, Berlin). Il-qorti tal-appell aċċettat l-appell tagħha u ordnat lill-uffiċċju tar-reġistru ċivili ta’ Berlin biex jirreġistra d-divorzju fir-reġistru ċivili mingħajr ebda proċedura oħra. Is-Senatsverwaltung für Inneres und Sport (il-Ministeru għall-Intern u l-Isports, Berlin, il-Ġermanja), l-awtorità kompetenti għas-superviżjoni tal-uffiċċji tar-reġistru ċivili, ressaq appell kontra d-deċiżjoni tal-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri, Berlin) mal-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja). Jidher li s-Senatsverwaltung für Justiz, Verbraucherschutz und Antidiskriminierung Berlin (il-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Protezzjoni tal-Konsumatur u l-Ġlieda kontra d-Diskriminazzjoni ta’ Berlin) u s-Senatsverwaltung für Inneres und Sport (il-Ministeru għall-Intern u l-Isports ta’ Berlin) għandhom fehmiet differenti fuq din il-kwistjoni.

20.      Sabiex tiddeċiedi fuq dan l-appell, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) tqis li għandha tiddeċiedi jekk id-divorzju li TB trid li jiġi rrikonoxxut huwiex sentenza għall-finijiet tal-Artikolu 2 u l-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003, f’liema każ l-Artikolu 97 tal-FamFG ma jeħtieġ ebda proċedura ta’ rikonoxximent addizzjonali sabiex dan jiġi rreġistrat fir-reġistru taż-żwiġijiet.

21.      Id-deċiżjoni tar-rinviju tiżvela li l-fehmiet tal-akkademiċi legali Ġermaniżi ma jaqblux fuq dan il-punt. Uħud huma tal-fehma li r-Regolament Nru 2201/2003 japplika għal divorzju miksub fl-Italja skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 132/2014 u li r-reġistratur ċivili huwa “imħallef” għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003. Huma jfakkru li l-għan ta’ dan ir-regolament huwa li jiffaċilita r-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi ta’ divorzju fl-Unjoni u li hemm tendenza dejjem tikber fl-Istati Membri lejn l-użu ta’ proċeduri ta’ divorzju li ma jirrikjedu ebda involviment minn awtoritajiet ġudizzjarji (8). Awturi oħrajn jikkunsidraw li divorzju b’kunsens reċiproku mogħti minn reġistratur ċivili, bħal dak inkwistjoni f’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari, ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

22.      Il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) għandha t-tendenza li taqbel mat-tieni fehma. Hija tissuġġerixxi li divorzju mogħti minn reġistratur ċivili skont l-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 132/2014 huwa divorzju privat li jaqa’ barra l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003. Insostenn ta’ din il-proposta, il-qorti tar-rinviju ssostni li deċiżjoni ta’ divorzju biss maħruġa minn awtorità pubblika li għandha effetti kostituttivi tista’ tipproteġi lill-“konjuġi l-iktar dgħajjef” mill-iżvantaġġi tad-divorzju peress li min jiddeċiedi jista’ jirrifjuta li jagħti s-sentenza. Intervent purament formali minn reġistratur ċivili li ma għandu l-ebda setgħa li jibdel it-termini tad-divorzju ma huwiex kapaċi jipprovdi din il-protezzjoni. Tali sentenza ta’ divorzju, għaldaqstant, ma hijiex “sentenza” għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

23.      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri. Hija għamlet żewġ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja għal deċiżjoni preliminari:

“1)      Xoljiment taż-żwieġ fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tad-[Digriet Liġi Nru 132/2014] huwa deċiżjoni ta’ divorzju fis-sens tar-[Regolament Nru 2201/2003]?

2)      Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: xoljiment taż-żwieġ fuq il-bażi tal-Artikolu 12 tad-[Digriet Liġi Nru 132/2014] għandu jiġi ttrattat bl-applikazzjoni mutatis mutandis tad-dispożizzjoni tal-Artikolu 46 tar-Regolament [Nru 2201/2003] dwar id-dokumenti awtentiċi u l-ftehimiet?”

24.      Il-Gvern Ġermaniż, Estonjan, Franċiż u dak Taljan kif ukoll il-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Fis-seduta tat‑8 ta’ Frar 2022, il-Gvern Ġermaniż, Franċiż u dak Pollakk, kif ukoll il-Kummissjoni għamlu s-sottomissjonijiet tagħhom u rrispondew għad-domandi magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja.

IV.    Evalwazzjoni

A.      Fuq lewwel domanda

25.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju fil-fatt tistaqsi jekk ix-xoljiment ta’ żwieġ permezz ta’ proċedura stabbilita legalment fejn kull wieħed mill-konjuġi jagħmel dikjarazzjoni personali li jixtieq jiddivorzja quddiem reġistratur ċivili li, mhux inqas minn 30 jum wara, jikkonferma dan il-ftehim fil-preżenza tagħhom wara li jkun ivverifika li l-kundizzjonijiet meħtieġa mil-liġi għax-xoljiment taż-żwieġ ġew issodisfatti, b’mod partikolari li l-konjuġi ma għandhomx ulied minorenni jew ulied adulti li huma inkapaċitati jew li għandhom diżabbiltà severa jew li huma ekonomikament dipendenti, u li l-ftehim bejniethom ma fihx termini li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ assi, jikkostitwixxix sentenza ta’ divorzju għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

26.      Il-Gvern Ġermaniż, sostnut fis-seduta mill-Gvern Pollakk, jissottometti li skont il-formulazzjoni, l-istruttura u l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, kif ukoll l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, din id-domanda għandha tingħata risposta fin-negattiv.

27.      Il-Gvern Ġermaniż, qabelxejn josserva li d-definizzjoni ta’ sentenza fil-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma tindikax preċiżament in-natura jew l-intensità tal-intervent tal-awtorità pubblika meta tagħti divorzju. Madankollu, l-użu tal-kliem “iddikjarata [mogħtija] minn qorti” sabiex jiġi deskritt il-mod li bih għandu jsir divorzju jissuġġerixxi li l-intervent tal-awtorità pubblika għandu jkollu dak li l-Gvern Ġermaniż jiddeskrivi bħala effetti kostituttivi, jiġifieri li l-intervent tal-awtorità pubblika jikkostitwixxi s-sors tas-sitwazzjoni legali l-ġdida. Din il-kundizzjoni ma tiġix issodisfatta meta l-funzjoni tal-awtorità pubblika fil-proċedura tkun limitata għar-rikonoxximent u r-reġistrazzjoni ta’ divorzju b’kunsens reċiproku.

28.      Fit-tieni lok, sabiex Stati Membri oħrajn jirrikonoxxu sentenza ta’ divorzju tiġi mingħajr ebda proċedura speċjali skont l-Artikolu 21(1) tar-regolament, l-istruttura tar-Regolament Nru 2201/2003 timplika li din is-sentenza trid tkun ir-riżultat ta’ att minn qorti jew awtorità pubblika b’effetti kostituttivi. Għall-kuntrarju, ir-Regolament Nru 2201/2003 jirrikjedi li l-Istati Membri jirrikonoxxu awtomatikament ftehimiet ta’ divorzju privat magħmula fi Stati Membri oħrajn mingħajr l-intervent ta’ awtorità pubblika.

29.      Sa fejn huwa kkonċernat l-għan tar-Regolament Nru 2201/2003, il-Gvern Ġermaniż jargumenta, fit-tielet lok, li r-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka li jsaħħu dan ir-regolament jirrikjedu li, sabiex Stat Membru jirrikonoxxi awtomatikament att minn qorti jew awtorità pubblika fi Stat Membru ieħor, dan l-att għandu jinvolvi l-eżerċizzju ta’ poteri pubbliċi u għandu jkollu effetti kostituttivi. Dawn ir-rekwiżiti ma humiex issodisfatti meta awtorità pubblika sempliċiment tirrikonoxxi u tirreġistra ftehim ta’ divorzju privat.

30.      Fir-raba’ lok, il-leġiżlatur tal-Unjoni ma kellux l-intenzjoni li jinkludi divorzju mogħti minn reġistratur ċivili fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 peress li, fil-mument meta ġiet adottata din il-miżura, il-liġijiet tal-Istati Membri ma kkontemplawx l-għoti ta’ divorzju permezz ta’ proċedura mhux ġudizzjarja. Din is-sitwazzjoni hija kkonfermata mill-fatt li r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2019/1111 tal‑25 ta’ Ġunju 2019 dwar il-ġurisdizzjoni, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà tal-ġenituri, u dwar sekwestru internazzjonali ta’ minuri (9), jikkontempla b’mod espliċitu r-rikonoxximent awtomatiku ta’ proċeduri ta’ divorzju mhux ġudizzjarji. Dawn l-emendi ma kinux ikunu neċessarji kieku r-Regolament Nru 2201/2003 kien diġà ppreveda r-rikonoxximent awtomatiku tas-sentenzi ta’ divorzju maħruġa fil-qafas ta’ tali proċedura. Madankollu, ir-Regolament Nru 2019/1111 ma japplikax għall-fatti tal-kawża prinċipali ratione temporis.

31.      Il-Gvern Taljan, sostnut mill-Gvern Estonjan u mill-Kummissjoni, jissottometti li r-risposta għall-ewwel domanda għandha tkun fl-affermattiv peress li d-divorzju, li r-rikonoxximent tiegħu huwa mitlub fil-Ġermanja, ma huwiex divorzju privat. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tosserva li l-għan ewlieni tar-Regolament Nru 2201/2003 huwa li jiġi żgurat ir-rikonoxximent reċiproku tas-sentenzi ġudizzjarji bħala l-pedament għall-ħolqien ta’ spazju ġudizzjarju ġenwin. Għal din ir-raġuni, is-sentenzi kollha adottati fi Stat Membru li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003 għandhom jiġu rrikonoxxuti fit-territorju kollu tal-Istati Membri mingħajr ma tkun rikjesta ebda proċedura ta’ rikonoxximent formali għal dan l-għan.

32.      Element ċentrali fir-risposta għall-ewwel domanda huwa t-tifsiriet li għandhom jingħataw lit-termini “qorti”, “imħallef” u “sentenza” għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003 kif iddefiniti mill-Artikolu 2 tiegħu.

33.      Skont ġurisprudenza stabbilita, fl-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa meħtieġ li wieħed jikkunsidra t-test ta’ dawn id-dispożizzjonijiet, il-kuntest li jidhru fih u l-għanijiet imfittxija mir-regoli li minnhom jagħmlu parti (10).

34.      Il-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jiddefinixxi “qorti” fis-sens li tinkludi l-awtoritajiet kollha fl-Istati Membri li għandhom ġurisdizzjoni f’materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament. It-tifsira sempliċi ta’ dawn il-kliem hija li “qorti” hija kwalunkwe awtorità li tingħata ġurisdizzjoni f’materji ċivili permezz tal-liġijiet ta’ Stat Membri, inkluż id-divorzju, il-firda personali jew l-annullament taż-żwieġ.

35.      Din l-interpretazzjoni hija kkonfermata mid-definizzjoni ta’ “imħallef” fil-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, li tinkludi uffiċjal li jkollu poteri ekwivalenti għal dawk ta’ mħallef f’materji ċivili relatati mad-divorzju. Minn dan isegwi li jekk Stat Membru jagħti ġurisdizzjoni lil imħallfin f’materji li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament, b’mod partikolari materji ċivili relatati mad-divorzju, mal-firda personali jew mal-annullament taż-żwieġ u jagħti poteri ekwivalenti lil uffiċjali pubbliċi oħrajn, dawn l-uffiċjali pubbliċi jaqgħu fid-definizzjoni ta’ “imħallef” għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

36.      Il-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, li jiddefinixxi t-terminu “sentenza”, jagħti l-istampa ċara kollha kemm hi; skont dan ir-regolament, digriet, ordni jew deċiżjoni maħruġa minn awtorità li Stat Membru jagħtiha kompetenza sabiex tagħti divorzju huma sentenza mogħtija f’dan l-Istat Membru. Skont l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 2201/2003, din is-sentenza “għandha” tiġi rrikonoxxuta fi Stati Membri oħrajn mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali oħra għal dan l-għan. Għaldaqstant, is-sentenzi li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku fl-Unjoni kollha jinkludu divorzju ddikjarat minn uffiċjal li lilu Stat Membru tah kompetenza f’materji ċivili relatati mad-divorzju.

37.      Il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, deskritt fl-Artikolu 1 tiegħu, jipprevedi l-kuntest li fih għandu jinqara l-Artikolu 2 tiegħu. L-Artikolu 1(1) jiddikjara li r-Regolament Nru 2201/2003 japplika f’materji ċivili relatati ma’, inter alia, id-divorzju. Peress li, għal dawn l-għanijiet, “qorti” hija ddefinita kif deskritta fil-punt 1 tal-Artikolu 2 tiegħu, huwa ċar li d-definizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq japplikaw fil-kuntest tar-rikonoxximent ta’ sentenzi, digrieti jew deċiżjonijiet ta’ divorzju maħruġa fi Stati Membri oħrajn għajr dawk li fihom jintalab li tali sentenzi jiġu rrikonoxxuti.

38.      Fir-rigward tal-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003, huwa evidenti mill-premessi tiegħu li l-għan tiegħu huwa li jiżgura kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili relatati mad-divorzju, mal-firda personali u mal-annullament taż-żwieġ, u huwa bbażat fuq il-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji bħala l-pedament għall-ħolqien ta’ spazju ġudizzjarju ġenwin (11). Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, ir-Regolament Nru 2201/2003 huwa bbażat fuq fiduċja reċiproka, li teħtieġ ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji (12). Barra minn hekk, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ deċiżjonijiet ġudizzjarji huwa neċessarju sabiex jiġu evitati ostakoli għall-funzjonament xieraq tas-suq intern (13) peress li r-rifjut li jiġu rrikonoxxuti deċiżjonijiet ġudizzjarji f’materji ċivili, inkluż id-divorzju, jista’ jimpedixxi jew jiskoraġġixxi liċ-ċittadini tal-Unjoni milli jeżerċitaw id-drittijiet ta’ moviment liberu mogħtija mid-dritt tal-Unjoni.

39.      Konsegwentement, l-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 2201/2003 jipprevedi li sentenza mogħtija fi Stat Membru għandha tiġi rrikonoxxuta fi Stati Membri oħrajn mingħajr ma tkun meħtieġa ebda proċedura speċjali għal dan l-għan. Ir-Regolament Nru 2201/2003 għaldaqstant jistabbilixxi sistema għar-rikonoxximent awtomatiku mill-Istati Membri ta’ kategorija ta’ atti li huwa jiddefinixxi. Għaldaqstant, għalkemm il-liġi dwar id-divorzju ma hijiex armonizzata bejn l-Istati Membri, permezz tar-Regolament Nru 2201/2003, divorzju li seħħ fi Stat Membru li jaqa’ fid-definizzjonijiet imniżżlin fih jibbenefika minn rikonoxximent awtomatiku fl-Istati Membri l-oħrajn kollha, suġġett għal numru limitat ta’ eċċezzjonijiet.

40.      Peress li dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari jidher li huwa l-ewwel opportunità li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha sabiex tinterpreta l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 21(1) tiegħu, ta’ min wieħed jeżamina s-sentenza Sahyouni (14). Dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari seħħ fil-kuntest tar-rikonoxximent fil-Ġermanja ta’ divorzju li nkiseb permezz ta’ dikjarazzjoni unilaterali ta’ intenzjoni li l-konjuġi raġel kien iddikjara quddiem qorti reliġjuża fis-Sirja (15). Il-kawża qajmet kwistjonijiet rigward l-interpretazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1259/2010 tal‑20 ta’ Diċembru 2010 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa fil-qasam tal-liġi applikabbli għad-divorzju u għas-separazzjoni legali (16) li japplika għad-divorzju u għas-separazzjoni legali f’ċirkustanzi li wasslu għal kunflitt fil-liġijiet (17). Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja indikat il-premessa 10 tar-Regolament Nru 1259/2010, li tipprevedi li l-kamp ta’ applikazzjoni sostantiv u t-termini preskrittivi tiegħu għandhom ikunu konsistenti mar-Regolament Nru 2201/2003 (18). Wara li eżaminat l-Artikolu 1(1)(a) u l-punt 4 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003, il-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li jkun inkonsistenti li t-terminu “divorzju” jiġi ddefinit b’mod li jintuża b’mod differenti fiż-żewġ regolamenti, u li mbagħad jikkawża diverġenza bejn il-kampijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawn ir-regolamenti (19). Peress li l-kunċett ta’ divorzju fir-Regolament Nru 2201/2003 jkopri divorzji deċiżi minn qorti nazzjonali jew minn awtorità pubblika, jew taħt is-superviżjoni tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1259/2010 kien ugwalment ristrett, b’tali mod li d-divorzji deċiżi mingħajr l-involviment ta’ awtorità tal-Istat kienu jaqgħu barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament tal-aħħar (20).

41.      Is-sentenza f’Sahyouni tagħmilha ċara li s-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku introdotta mir-Regolament Nru 2201/2003 tapplika għal divorzji deċiżi minn qorti nazzjonali jew minn awtorità pubblika, jew taħt is-superviżjoni tagħha biss. Hija b’hekk tikkonferma l-validità tat-teżi li, skont ir-Regolament Nru 2201/2003, divorzju deċiż minn awtorità pubblika li ma għandhiex poter ġudizzjarju, jew taħt is-superviżjoni tagħha, jista’ jiġi rrikonoxxut awtomatikament fi Stat Membru ieħor. Inżid ngħid li, fil-fehma tiegħi, l-ebda argument ma tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiġġustifika distinzjoni li ssir bejn proċedura ta’ divorzju li sseħħ quddiem qorti nazzjonali u waħda li sseħħ quddiem uffiċjal pubbliku, bħal reġistratur ċivili, f’ċirkustanzi fejn il-koppja tfittex id-divorzju b’kunsens reċiproku. F’dawn il-każijiet kollha, il-kompitu tal-persuna li twettaq il-proċedura huwa li hija tivverifika li kull wieħed mill-konjuġi jagħti l-kunsens tiegħu b’mod validu għax-xoljiment taż-żwieġ u li r-rekwiżiti legali kollha li jippermettu s-sentenza ta’ divorzju jkunu ssodisfatti.

42.      F’dan il-kuntest, nosserva li l-proċedura quddiem ir-reġistratur ċivili fl-Italja skont l-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 132/2014 hija disponibbli f’sitwazzjonijiet li x’aktarx ma jkunux jirrikjedu lir-reġistratur ċivili jwettaq eżerċizzju ta’ bbilanċjar peress li l-poter sabiex jiġi ddikjarat divorzju jista’ jiġi eżerċitat biss meta jkun ġie stabbilit li ma jkun hemm ebda wlied minorenni jew ulied adulti li jkunu inkapaċitati jew li jkollhom diżabbiltà severa jew li jkunu ekonomikament dipendenti, u li l-ftehim bejn il-konjuġi ma jkunx fih termini li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ assi. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-fatt li r-reġistratur ċivili ma għandux il-poter li jemenda t-termini tal-ftehim bejn il-konjuġi ma huwiex daqstant importanti peress li, fid-dawl tal-kunsens reċiproku tal-konjuġi, ir-reġistratur ċivili jrid jiddeċiedi d-divorzju ladarba jkunu ssodisfatti l-kundizzjonijiet stabbiliti bil-liġi. Filwaqt li l-protezzjoni tal-“konjuġi iktar dgħajjef” tista’ tkun tħassib leġittimu, bħalma tissuġġerixxi l-qorti tar-rinviju, ma huwiex daqstant ċar li l-proċedura stabbilita mill-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 132/2014 effettivament ma ħaditx kont ta’ dak it-tħassib fid-dawl taċ-ċirkustanzi limitati li fihom hija disponibbli, tar-rekwiżit tal-kunsens reċiproku tal-konjuġi u tal-obbligu li għandu r-reġistratur ċivili jivverifika l-fatti ddikjarati mill-konjuġi.

43.      Il-Gvern Ġermaniż isostni li anki jekk divorzju ddikjarat minn awtorità pubblika għajr qorti li teżerċita poter ġudizzjarju jista’ jibbenefika minn rikonoxximent awtomatiku skont ir-Regolament Nru 2201/2003, din is-sentenza għandu jkollha dak li r-regolament jiddeskrivi bħala effett kostituttiv. Skont il-Gvern Ġermaniż, ir-rwol tar-reġistratur ċivili fix-xoljiment taż-żwieġ tal-konjuġi huwa purament passiv, u jammonta għas-sempliċi reġistrazzjoni ta’ ftehim, ta’ natura privata, li l-konjuġi jkunu għamlu sabiex jiddivorzjaw. Għaldaqstant, tali kawża taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja, f’ċirkustanzi fattwali kemxejn differenti, fis-sentenza Sahyouni (21).

44.      Fid-dawl tal-formulazzjoni tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003, u l-approċċ tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tad-definizzjoni tal-kunċett ta’ divorzju fil-kuntest tar-Regolament Nru 1259/2010, wieħed jista’ jikkonkludi faċilment li r-rwol tar-reġistratur ċivili fix-xoljiment ta’ żwieġ fil-proċedura deskritta fl-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 132/2014 ipoġġi d-divorzji li saru fil-qafas tiegħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

45.      F’dan ir-rigward, jista’ jiġi osservat li xejn fl-Artikolu 21 tar-Regolament Nru 2201/2003 ma jappoġġja l-idea li, sabiex sentenza tibbenefika minn rikonoxximent awtomatiku fi Stat Membru ieħor, għandu jkollha xi karatteristika oħra addizzjonali mar-rekwiżiti inklużi fih. Sa fejn il-Gvern Ġermaniż jiddependi fuq l-użu tal-verb “jiddikjara [jagħti]” [fil-verżjoni oriġinali bl-Ingliż “to pronounce] fid-definizzjoni ta’ “sentenza” fl-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 2201/2003, waħda mit-tifsiriet ta’ dan il-verb, jiġifieri “jiddikjara” [fil-verżjoni oriġinali bl-Ingliż “to declare”] jidhirli li huwa xieraq. Id-dikjarazzjoni tal-eżistenza ta’ sitwazzjoni partikolari hija ekwivalenti għar-rikonoxximent tal-eżistenza tagħha. Lanqas ma huwa inerenti fin-natura ta’ dikjarazzjoni li l-persuna li tkun qiegħda tagħmilha trid dejjem toħloq is-suġġett ta’ din id-dikjarazzjoni. Ir-rikonoxximent minn reġistratur ċivili tax-xewqa reċiproka tal-konjuġi li jxolju ż-żwieġ tagħhom, sakemm ċerti kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti kif preskritt mil-liġi, huwa manifestament dikjarazzjoni, u għaldaqstant pronunzja tax-xoljiment tiegħu.

46.      Fi kwalunkwe każ, sabiex reġistratur ċivili jxolji żwieġ skont l-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 132/2014, huwa għandu jkun issodisfatt li r-rekwiżiti legali inklużi fih ikunu ssodisfatti, inkella huwa għandu jirrifjuta li jagħti x-xoljiment. Sabiex ikun issodisfatt, ir-reġistratur ċivili għandu jaċċerta jekk humiex preżenti r-rekwiżiti legali sabiex ikun jista’ jeżerċita l-poteri mogħtija lilu mil-liġi. Fil-fehma tiegħi, dan l-eżerċizzju jinvolvi r-reġistratur ċivili jieħu deċiżjoni dwar l-eżistenza ta’ sett ta’ rekwiżiti stabbiliti legalment li konsegwentement twassal għax-xoljiment taż-żwieġ, u din id-deċiżjoni, min-natura tagħha stess, għandha effetti kostituttivi għall-istat ċivili tal-individwi kkonċernati.

47.      Minn dan isegwi li sentenza ta’ divorzju miksuba fil-qafas ta’ proċedura bħal dik imsemmija fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet ma hijiex divorzju privat. Filwaqt li x-xoljiment taż-żwieġ huwa bbażat fuq il-ftehim tal-partijiet dwaru, iż-żwieġ ma jiġix xolt sakemm ir-reġistratur ċivili ma jkunx issodisfatt li r-rekwiżiti legali applikabbli ġew issodisfatti. Fl-assenza ta’ din il-konstatazzjoni, il-konjuġi jibqgħu legalment miżżewġin, irrispettivament minn kwalunkwe ftehim li jistgħu jkunu laħqu bejniethom. Għaldaqstant, l-aċċettazzjoni tar-reġistratur ċivili li l-kundizzjonijiet applikabbli jkunu ġew issodisfatti, u l-ħruġ ta’ ċertifikat ta’ divorzju li jikkonferma dan il-fatt, għandhom effetti kostituttivi.

48.      Barra minn hekk, jista’ jiġi osservat li l-att ta’ rikonoxximent minn reġistratur ċivili li koppja tixtieq tingħaqad fi żwieġ jitqies li jikkostitwixxi żwieġ fl-Istati Membri kollha, inkluża l-Ġermanja, għal darba oħra, sakemm ir-rekwiżiti legali meħtieġa jkunu ssodisfatti. Fil-fatt, iż-żwiġijiet huma kważi dejjem irrikonoxxuti jew ikkostitwiti minn uffiċjali pubbliċi li jeżerċitaw il-poter eżekuttiv tal-Istat, u mhux minn imħallfin li jeżerċitaw poter ġudizzjarju. Jekk rikonoxximent formali minn uffiċjal pubbliku tal-kunsens tal-partijiet li jingħaqdu fi żwieġ jikkostitwixxi żwieġ f’għajnejn il-liġi, ma nara ebda raġuni loġika għaliex ir-rikonoxximent formali minn dan l-istess uffiċjal tal-kunsens tal-partijiet li jxolju żwieġ ma huwiex ugwalment kapaċi li jikkostitwixxi divorzju.

49.      Insostenn tal-pożizzjoni tagħhom, il-Gvern Ġermaniż u dak Pollakk fittxu, rispettivament, li jisiltu analoġiji mas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Mærsk Olie & Gas (22) u Solo Kleinmotoren (23), li t-tnejn li huma kkonċernaw l-interpretazzjoni tal-Konvenzjoni ta’ Brussell (24). Fil-kawża Mærsk Olie & Gas (25), ġiet imressqa talba għal kumpens fi Stat Kontraenti, fejn is-suġġett tagħha kien l-oġġett ta’ deċiżjoni provviżorja li tordna lill-konvenut jistabbilixxi fond li jillimita r-responsabbiltà li kienet għamlet qorti fi Stat Kontraenti ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-Konvenzjoni ta’ Brussell, “sentenza” trid toħroġ minn qorti ta’ Stat Kontraenti li tiddeċiedi dwar il-kwistjonijiet bejn il-partijiet fl-eżerċizzju tal-awtorità tagħha stess (26). Is-sentenza Solo Kleinmotoren (27) qajmet il-kwistjoni dwar jekk tranżazzjoni ġudizzjarja milħuq quddiem qorti fi Stat Kontraenti jistax jitqies bħala “sentenza” li tista’ tiġi rrikonoxxuta fi Stat Kontraenti ieħor. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li tranżazzjoni ma hijiex sentenza, anki jekk tkun intlaħqet quddiem qorti u ttemm proċeduri legali, għaliex tali tranżazzjonijiet huma kuntrattwali fin-natura tagħhom (28).

50.      La l-fatti u lanqas il-liġi fil-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju ma huma analogi għal dawk li tqajmu għall-kunsiderazzjoni fis-sentenzi msemmija iktar ’il fuq. Fir-rigward tas-sentenza Mærsk Olie & Gas (29), l-atti li jistgħu jiġu rrikonoxxuti skont ir-Regolament Nru 2201/2003 huma ddefiniti b’mod espliċitu sabiex ikunu usa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom minn dawk li jistgħu jiġu rrikonoxxuti skont il-Konvenzjoni ta’ Brussell. Fir-rigward tas-sentenza Solo Kleinmotoren (30), divorzju b’kunsens reċiproku ma jistax jiġi assimilat għal tranżazzjoni fil-kuntest tal-proċeduri tal-qorti. F’dan l-aħħar każ, il-kuntratt bejn il-partijiet itemm il-proċeduri tal-qorti, u l-qorti sempliċiment tieħu nota ta’ dan il-ftehim legalment vinkolanti sabiex it-tilwima quddiemha tintemm. Għall-kuntrarju, il-konjuġi li jixtiequ jiddivorzjaw b’kunsens reċiproku jeħtieġu li awtorità pubblika tadotta att sabiex dak id-divorzju jkollu effett legalment vinkolanti.

51.      Il-Gvern Pollakk ukoll fittex li jinvoka s-sentenza WB (31), li fiha l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li n-nutara ma humiex “imħallfin” għall-finijiet tar-Regolament (UE) Nru 650/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑4 ta’ Lulju 2012 dwar il-ġuriżdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-infurzar ta’ deċiżjonijiet u l-aċċettazzjoni u l-infurzar ta’ strumenti awtentiċi fil-qasam tas-suċċessjonijiet u dwar il-ħolqien ta’ Ċertifikat Ewropew tas-Suċċessjoni (32). Id-dispożizzjonijiet li wasslu għar-rinviju għal deċiżjoni preliminari f’WB huma materjalment differenti minn dawk li l-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba tinterpreta f’din il-kawża. Fl-ewwel lok, l-Artikolu 3(1)(g) u l-Artikolu 3(2) tar-Regolament Nru 650/2012 jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti joffru garanziji fir-rigward tal-imparzjalità tagħhom u d-dritt li jinstemgħu, u d-deċiżjonijiet tagħhom għandhom ikunu s-suġġett ta’ appell jew stħarriġ ġudizzjarju. Ir-Regolament Nru 2201/2003 ma jistabbilixxi ebda rekwiżiti simili għal dawn, li wħud minnhom, fi kwalunkwe każ, ikunu diffiċli biex jiġu trasposti għaċ-ċirkustanzi ta’ divorzju b’kunsens reċiproku. Fit-tieni lok, il-kawża WB involviet nutar li fassal ċertifikat ta’ eredità, li huwa differenti kemm fin-natura tiegħu kif ukoll fl-effetti tiegħu minn sentenza ta’ divorzju deċiża minn reġistratur ċivili. Fit-tielet lok, f’din is-sentenza l-Qorti tal-Ġustizzja osservat li n-nutara huma professjonisti li jaħdmu għal rashom li joffru diversi servizzi differenti bi ħlas (33), għall-kuntrarju ta’ din il-kawża li tikkonċerna uffiċjali pubbliċi li jeżerċitaw poteri ekwivalenti għal dawk ta’ mħallef.

52.      Il-Gvern Ġermaniż jissottometti wkoll li r-Regolament Nru 2201/2003 ma jinkludix proċedura ta’ divorzju tat-tip stabbilit mill-Artikolu 12 tad-Digriet Liġi Nru 132/2014 għaliex, fil-mument tal-adozzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003, il-liġijiet tal-Istati Membri ma kinux jaċċettaw proċeduri ta’ divorzju mhux ġudizzjarji ta’ dan it-tip. Kif juru l-punti 32 sa 38 ta’ dawn il-konklużjonijiet, xejn mit-test, mill-kuntest jew mill-għanijiet imfittxija mir-Regolament Nru 2201/2003 ma jappoġġja konklużjoni li l-leġiżlatur tal-Unjoni kellu l-intenzjoni li jeskludi tali proċeduri mis-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku maħluqa mir-Regolament Nru 2201/2003; anzi, dawn l-indikaturi kollha għandhom it-tendenza li jindikaw l-oppost.

53.      Fl-istess linja, il-Gvern Ġermaniż isostni li, peress li l-emendi għar-Regolament Nru 2201/2003 introdotti mir-Regolament Nru 2019/1111 kienu meħtieġa sabiex il-proċeduri ta’ divorzju mhux ġudizzjarji jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-regolament preċedenti u peress li dawn l-emendi japplikaw mill‑1 ta’ Awwissu 2022, dawn huma inapplikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża quddiem il-qorti tar-rinviju.

54.      Ser nagħmel tliet osservazzjonijiet fir-rigward ta’ dawn l-argumenti. Fl-ewwel lok, il-leġiżlatur jitkellem permezz tat-testi li jadotta. Jekk it-termini li juża huma miftuħa b’mod ċar għal ċerta interpretazzjoni, huwa d-dmir tal-fergħa ġudizzjarja tal-gvern sabiex tagħtihom effett. Fit-tieni lok, ma huwa bl-ebda mod stramb li l-Qrati tal-Unjoni jintalbu jinterpretaw leġiżlazzjoni fil-kuntest ta’ ċirkustanzi fattwali jew legali li jinħolqu wara l-adozzjoni ta’ din il-leġiżlazzjoni. Kif fakkar l-Avukat Ġenerali Wathelet, filwaqt li jikkonstata l-konklużjonijiet ta’ diversi predeċessuri tiegħu, id-dritt tal-Unjoni jrid jiġi interpretat fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-lum il-ġurnata. Il-liġi ma tistax tinqata’ minn mas-soċjetà kif inhi bħalissa, u ma tridx tonqos milli taġġusta ruħha għaliha malajr kemm jista’ jkun peress li inkella tirriskja li timponi fehmiet antiki u tadotta rwol statiku (34). Konformement ma’ din il-fehma, id-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat b’mod dinamiku sabiex jevita li jsir “iffossilizzat”. Fit-tielet lok, ma huwiex possibbli li jiġu interpretati d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fid-dawl tal-emendi inklużi fil-leġiżlazzjoni li ġiet sussegwentement adottata (35). Bħalma jirrikonoxxi l-Gvern Ġermaniż innifsu, ir-Regolament Nru 2019/1111 ma huwiex applikabbli għal din il-kawża ratione temporis. Għaldaqstant, ma huwiex possibbli li jinsiltu xi konklużjonijiet minnu għall-finijiet tal-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 2201/2003.

55.      Sabiex inkun preċiż, ser nindirizza l-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-politika pubblika għar-rikonoxximent awtomatiku ta’ sentenzi ta’ divorzju miksuba fi Stati Membri oħra u rregolati mir-Regolament Nru 2201/2003, li fuqu ddependa xi ftit il-Gvern Pollakk matul is-seduta. L-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 2201/2003 fih lista eżawrjenti ta’ eċċezzjonijiet għall-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku stabbilit mill-Artikolu 21. Skont l-Artikolu 22(a) tar-Regolament Nru 2201/2003, sentenza dwar divorzju ma għandhiex tiġi rrikonoxxuta jekk tali rikonoxximent imur manifestament kontra l-politika pubblika tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja osservat li r-Regolament Nru 2201/2003 huwa bbażat fuq l-idea li r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Istati Membri huma bbażati fuq il-prinċipju ta’ fiduċja reċiproka (36). Bħala korollarju, il-bażi għan-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenzi għandha tkun limitata kemm jista’ jkun (37). Għaldaqstant, in-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza skont l-ordni pubbliku għandu jiġi interpretat b’mod strett, sa fejn tali nuqqas ta’ rikonoxximent ikun ta’ ostakolu għall-ksib ta’ wieħed mill-għanijiet fundamentali tar-Regolament Nru 2201/2003 (38). Konsegwentement, l-ordni pubbliku huwa disponibbli bħala raġuni abbażi ta’ liema r-rikonoxximent ta’ sentenza jiġi rrifjutat f’każijiet eċċezzjonali biss (39).

57.      Filwaqt li l-Istati Membri huma, bħala prinċipju, liberi li jiddeterminaw il-kontenut tal-ordni pubbliku, il-limiti ta’ dan il-kunċett huma kkwalifikati permezz ta’ riferiment għall-Artikolu 22(a) tar-Regolament Nru 2201/2003 (40). Il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ għaldaqstant tirrevedi l-limiti li fi ħdanhom l-awtoritajiet tal-Istati Membri jistgħu jużaw dan il-kunċett sabiex jirrifjutaw li jirrikonoxxu sentenza li ġejja minn qorti kompetenti jew awtorità ta’ Stat Membru ieħor (41). L-użu tal-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku huwa għaldaqstant previst biss meta r-rikonoxximent ta’ sentenza adottata fi Stat Membru ieħor imur b’mod inaċċettabbli kontra l-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent, jew, fi kliem ieħor, jikkostitwixxi ksur manifest ta’ dispożizzjoni legali meqjusa bħala essenzjali fl-ordinament ġuridiku tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent (42). Il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eċċezzjoni tal-ordni pubbliku huwa wkoll limitat mill-Artikolu 25 tar-Regolament Nru 2201/2003, li skontu r-rikonoxximent ta’ sentenza ma jistax jiġi rrifjutat għaliex il-liġi tal-Istat Membru li fih tali rikonoxximent huwa mitlub ma tippermettix divorzju, firda personali jew annullament taż-żwieġ abbażi tal-istess fatti.

58.      F’dan il-kuntest, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Coman tista’ tkun xierqa (43). L-obbligu fuq Stat Membru biex jirrikonoxxi żwieġ bejn persuni tal-istess sess legalment konkluż fi Stat Membru ieħor sabiex jingħata dritt ta’ residenza lil ċittadin ta’ pajjiż terz ma jimminax l-istituzzjoni taż-żwieġ fl-ewwel Stat Membru billi t-tieni wieħed ikun meħtieġ jiffaċilita ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess. L-obbligu li jiġu rrikonoxxuti żwiġijiet legalment konklużi fi Stat Membru ieħor jeżisti sabiex l-individwi jkunu jistgħu jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom skont id-dritt tal-Unjoni (44). Għaldaqstant, obbligu fuq Stat Membru sabiex jirrikonoxxi tali żwiġijiet ma huwiex kapaċi li jippreżenta theddida għall-ordni pubbliku tiegħu, anki jekk il-liġi ta’ dan l-Istat Membru tipprekludi ż-żwiġijiet bejn persuni tal-istess sess (45).

59.      Għaldaqstant jidher li Stat Membru ma jistax jiddependi fuq l-eċċezzjoni għall-ordni pubbliku fl-Artikolu 22 tar-Regolament Nru 2201/2003 sabiex jiġġustifika n-nuqqas ta’ rikonoxximent ta’ sentenza ta’ divorzju miksuba fi Stat Membru ieħor peress li l-proċedura li biha ġiet maħruġa din is-sentenza ma teżistix f’forma simili jew identika fis-sistema legali tal-Istat Membru li fih jintalab ir-rikonoxximent.

60.      Finalment, għandu jiġi enfasizzat li l-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jimplikaw ebda obbligu fuq l-Istati Membri sabiex jipprevedu l-għoti ta’ divorzju permezz ta’ proċedura mhux ġudizzjarja.

61.      Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju li x-xoljiment ta’ żwieġ permezz ta’ proċedura stabbilita legalment li biha kull wieħed mill-konjuġi jagħmel dikjarazzjoni personali li jixtieq jiddivorzja quddiem reġistratur ċivili, li jikkonferma dan il-ftehim fil-preżenza tagħhom mhux inqas minn 30 jum wara li jkun ivverifika li l-kundizzjonijiet rikjesti bil-liġi għax-xoljiment taż-żwieġ ikunu ġew issodisfatti, b’mod partikolari li l-konjuġi ma għandhomx ulied minorenni jew ulied adulti li huma inkapaċitati jew li għandhom diżabbiltà severa jew li huma ekonomikament dipendenti u li l-ftehim bejniethom ma fihx klawżoli li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ assi, huwa sentenza ta’ divorzju għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003.

B.      Fuq ittieni domanda

62.      Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tirrispondi għall-ewwel domanda fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk ir-regola dwar l-atti u l-ftehimiet awtentiċi fl-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2201/2003 tistax tapplika għal sentenza ta’ divorzju magħmula skont il-proċedura deskritta fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet.

63.      Il-Gvern Ġermaniż jikkunsidra li din id-domanda għandha tirċievi risposta fin-negattiv peress li l-ftehim ta’ divorzju bejn il-konjuġi ma huwiex ftehim eżegwibbli skont id-dritt Taljan, kif rikjest bl-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2201/2003, u għaldaqstant jibbenefika mis-sistema ta’ rikonoxximent awtomatiku adottat fih.

64.      Il-Gvern Franċiż, li llimita l-osservazzjonijiet tiegħu għat-tieni domanda, sostnut mill-Gvern Estonjan, jissuġġerixxi li l-ftehim inkwistjoni huwa att jew ftehim awtentiku bejn il-partijiet li, sakemm ikun eżegwibbli skont id-dritt Taljan, għandu jibbenefika mir-rikonoxximent bħala tali. Fid-dawl tar-risposta ssuġġerita tiegħu għall-ewwel domanda, il-Kummissjoni tikkunsidra li ma hemmx bżonn li tingħata risposta għat-tieni domanda.

65.      Bħalma tindika r-risposta proposta tiegħi għall-ewwel domanda, jien tal-fehma li sentenza ta’ divorzju magħmula skont il-proċedura deskritta fil-punt 14 ta’ dawn il-konklużjonijiet hija sentenza ta’ divorzju għall-finijiet tar-Regolament Nru 2201/2003. Minn dan isegwi li d-divorzju li huwa s-suġġett tad-deċiżjoni tar-rinviju la huwa att awtentiku u lanqas ftehim bejn il-partijiet skont it-tifsira tal-Artikolu 46 tar-Regolament Nru 2201/2003.

V.      Konklużjoni

66.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula mill-Bundesgerichtshof (il-Qorti Federali tal-Ġustizzja, il-Ġermanja) kif ġej:

Ix-xoljiment ta’ żwieġ permezz ta’ proċedura stabbilita legalment fejn kull wieħed mill-konjuġi jagħmel dikjarazzjoni personali li jixtieq jiddivorzja quddiem reġistratur ċivili, li jikkonferma dan il-ftehim fil-preżenza tagħhom mhux inqas minn 30 jum wara li jkun ivverifika li l-kundizzjonijiet meħtieġa bil-liġi għax-xoljiment taż-żwieġ ikunu ġew issodisfatti, b’mod partikolari li l-konjuġi ma għandhomx ulied minorenni jew ulied adulti li huma inkapaċitati jew li għandhom diżabbiltà severa jew li huma ekonomikament dipendenti u li l-ftehim bejniethom ma fihx klawżoli li jikkonċernaw it-trasferiment ta’ assi, huwa sentenza ta’ divorzju għall-finijiet tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2201/2003 tas‑27 ta’ Novembru 2003 dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-infurzar ta’ sentenzi fi kwistjonijiet matrimonjali u kwistjonijiet ta’ responsabbilità tal-ġenituri.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 6, p. 243, rettifika fil-ĠU 2013, L 82, p. 63.


3      Il-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin tal-punt 1 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jinkludu definizzjoni simili tat-terminu “qorti”: dawk bil-lingwa Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Spanjola, Franċiża, Taljana, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka u Svediża.


4      Il-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin tal-punt 2 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 2201/2003 jinkludu definizzjoni simili tal-kelma “imħallef”: dawk bil-lingwa Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Spanjola, Franċiża, Taljana, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka u Svediża.


5      Il-verżjonijiet lingwistiċi li ġejjin tal-Artikolu 2(4) tar-Regolament Nru 2201/2003 jinkludu definizzjoni simili tal-kelma “sentenza”: dawk bil-lingwa Ċeka, Daniża, Ġermaniża, Spanjola, Franċiża, Taljana, Olandiża, Pollakka, Portugiża, Rumena, Slovakka u Svediża.


6      Gazzetta ufficiale della Repubblica italiana No 212, 12 ta’ Settembru 2014, p. 1.


7      Appell separat minn dan ir-rifjut ippreżentat minn TB u jinsab pendenti quddiem il-Kammergericht Berlin (il-Qorti Reġjonali Superjuri ta’ Berlin, il-Ġermanja).


8      Ara Bogdzevič, K., Kaminskienė N., u Vaigė, L., “Non-Judicial Divorces and the Brussels II bis Regulation: To Apply or Not apply?”, International Comparative Jurisprudence, 2021, Vol. 7, Nru 1, p. 31‑39.


9      ĠU 2019, L 178, p. 1.


10      Sentenza tal‑24 ta’ Marzu 2021, MCP (C‑603/20 PPU, EU:C:2021:231, punt 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Premessi 1 u 2 tar-Regolament Nru 2201/2003.


12      Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Liberato (C‑386/17, EU:C:2019:24, punti 41 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


13      Premessa 1 tar-Regolament Nru 2201/2003.


14      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (C‑372/16, EU:C:2017:988).


15      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Sayhouni, (C‑372/16, EU:C:2017:988, punti 17 sa 21).


16      ĠU 2010, L 343, p. 10.


17      L-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 1259/2010.


18      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Sahyouni (C‑372/16, EU:C:2017:988, punt 40).


19      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Sahyouni (C‑372/16, EU:C:2017:988, punti 41 u 42). Fil-punt 43 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja osservat ukoll li ż-żewġ regolamenti kienu ġew adottati fil-kuntest tal-politika ta’ kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili.


20      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017, Sahyouni (C 372/16, EU:C:2017:988, punti 45 sa 49.


21      Sentenza tal‑20 ta’ Diċembru 2017 (C‑372/16, EU:C:2017:988).


22      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004 (C‑39/02, EU:C:2004:615).


23      Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994 (C‑414/92, EU:C:1994:221).


24      Konvenzjoni tas‑27 ta’ Settembru 1968, dwar il-Ġurisdizzjoni u l-Eżekuzzjoni ta’ Sentenzi f’Materji Ċivili u Kummerċjali, hekk kif emendata mill-Konvenzjoni tad‑9 ta’ Ottubru 1978 dwar l-adeżjoni tar-Renju tad-Danimarka, ta’ l-Irlanda u tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u ta’ l-Irlanda ta’ Fuq (ĠU 1978, L 304, p. 1), iktar ’il quddiem il-“Konvenzjoni ta’ Brussell”).


25      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004 (C‑39/02, EU:C:2004:615).


26      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004, Mærsk Olie & Gas (C‑39/02, EU:C:2004:615, punti 45 u 46).


27      Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994 (C‑414/92, EU:C:1994:221).


28      Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994 (C‑414/92, EU:C:1994:221, punt 18).


29      Sentenza tal‑14 ta’ Ottubru 2004 (C‑39/02, EU:C:2004:615).


30      Sentenza tat‑2 ta’ Ġunju 1994 (C‑414/92, EU:C:1994:221).


31      Sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019 (C‑658/17, EU:C:2019:444).


32      ĠU 2012, L 201, p. 107, rettifiki fil-ĠU 2012, L 344, p. 3 u fil-ĠU 2013, L 60, p. 140.


33      Sentenza tat‑23 ta’ Mejju 2019 (C‑658/17, EU:C:2019:444, punt 60).


34      Konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Wathelet fil-kawża Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:2, punt 56).


35      Ara b’analoġija, is-sentenza tat‑22 ta’ Novembru 2017, Aebtri (C‑224/16, EU:C:2017:880, punti 18, 19 u 64).


36      Premessa 21 tar-Regolament Nru 2201/2003.


37      Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Liberato (C‑386/17, EU:C:2019:24, punt 46).


38      Sentenza tas‑16 ta’ Jannar 2019, Liberato (C‑386/17, EU:C:2019:24, punt 46).


39      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 38).


40      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 39).


41      Ara, b’analoġija, is-sentenza tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 40).


42      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2000, Krombach (C‑7/98, EU:C:2000:164, punt 37); tad‑19 ta’ Novembru 2015, P (C‑455/15 PPU, EU:C:2015:763, punt 39); u tal‑25 ta’ Mejju 2016, Meroni (C‑559/14, EU:C:2016:349, punt 42).


43      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


44      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 45).


45      Sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Coman et (C‑673/16, EU:C:2018:385, punt 46).