Language of document : ECLI:EU:C:2016:493

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

KOKOTT

tat-30 ta’ Ġunju 2016 (1)

Kawża C‑443/15

Dr. David L. Parris

vs

Trinity College Dublin et

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Labour Court (tribunal industrijali, l-Irlanda)]

“Drittijiet fundamentali – Direttiva 2000/78/KE – Ugwaljanza fl-impjieg u fix-xogħol – Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u l-orjentazzjoni sesswali – Diskriminazzjoni multipla – Unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess – Pensjoni professjonali – Pensjoni tas-superstiti – Pensjoni għall-konjuġi jew għas-sieħeb ċivili superstiti – Rekwiżit ta’ żwieġ jew ta’ unjoni ċivili qabel l-għeluq is-60 sena – Ostakoli fid-dritt nazzjonali”





I –    Introduzzjoni

1.        Il-ġurnata tal-għeluq snin persuna normalment hija raġuni għal ferħ u ċelebrazzjoni. Fl-istess ħin, din tista’ tkun okkażjoni sabiex wieħed iħares lura lejn iż-żminijiet li għaddew, u tista’ tevoka mhux biss memorji pożittivi iżda wkoll ħsibijiet ta’ swied il-qalb, dwar dak li persuna ma tkunx irnexxielha tagħmel matul ħajjitha jew dak li tkun iċċaħħdet minnu fis-snin li għaddew minħabba ċ-ċirkustanzi.

2.        Dan seta’ kien il-każ ta’ David Parris, hekk kif huwa ċċelebra għeluq is-70 sena tiegħu ftit ġimgħat ilu. Il-ferħ tiegħu dwar il-fatt li l-unjoni dewwiema tiegħu ma’ raġel ieħor fl-2011 ġiet irrikonoxxuta mill-Istat permezz ta’ bidla tal-leġiżlazzjoni fl-Irlanda seta’ kien marbut ukoll ma’ ċertu diżappunt. Dan għaliex l-iskema ta’ pensjoni professjonali li kien affiljat magħha David Parris bħala ex lecturer ta’ Trinity College Dublin, tiċħad lis-sieħeb ċivili tiegħu mid-dritt għal pensjoni tas-superstiti. Il-ġustifikazzjoni kienet li l-koppja fformalizzaw l-unjoni tagħhom tard wisq – jiġifieri biss wara li David Parris kien għalaq is-60 sena. David Parris isostni li minħabba s-sitwazzjoni legali fl-Irlanda, ma kienx possibbli għalih li jiżżewweġ lil persuna tal-istess sess jew li jkun f’unjoni ċivili rreġistrata qabel għalaq is-60 sena.

3.        Abbażi tas-sitwazzjoni ta’ David Parris, din il-proċedura tagħti lill-Qorti tal-Ġustizzja l-opportunità li tkompli tirfina l-ġurisprudenza pjuttost diversa tagħha dwar il-prinċipju tad-dritt tal-Unjoni tal-ugwaljanza fit-trattament ibbażata fuq l-età u l-orjentazzjoni sesswali. L-istess bħall-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa, hemm inkwistjoni wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, li huwa stabbilit fid-dritt primarju fl-Artikolu 21 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (2) u huwa kkonkretizzat fid-Direttiva 2000/78/KE (3)(4).

4.        Fil-każ preżenti, għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-fatt li d-diskriminazzjoni potenzjali tal-persuna kkonċernata għandha tiġi attribwita għall-effett ikkombinat ta’ żewġ fatturi, l-età u l-orjentazzjoni sesswali. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja għalhekk tista’ tirrifletti r-realtà tal-ħajja biss jekk tevalwa debitament il-kombinazzjoni ta’ dawn iż-żewġ fatturi, minflok tieħu inkunsiderazzjoni l-aspetti tal-età u l-orjentazzjoni sesswali separatament. Barra minn hekk, irid jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li r-rekwiżit ikkontestat ta’ żwieġ jew ta’ unjoni ċivili qabel l-għeluq is-60 sena kien ostakolu insurmontabbli għal komunità sħiħa fl-Irlanda.

II – Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

5.        Il-kuntest ġuridiku tal-Unjoni f’din il-kawża huwa ddeterminat mid-Direttiva 2000/78, li skont l-Artikolu 20 tagħha, daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2000, fil-ġurnata tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej.

6.        Skont l-Artikolu 1 tagħha, l-iskop ta’ din id-Direttiva huwa dan li ġej:

“L-iskop ta’ din id-Direttiva huwa li tniżżel parametru ġenerali biex tikkumbatti diskriminazzjoni fuq bażi ta’ reliġjon jew twemmin, diżabilità, età jew orjentazzjoni sesswali f’dak li għandu x’jaqsam ma’ l-impjieg u x-xogħol, bi skop li timplimenta fl-Istati Membri il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.”.

7.        Fit-titolu “Il-kunċett ta’ diskriminazzjoni”, l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 jipprovdi kif ġej:

“(1)      Għall-iskop ta’ din id-Direttiva, ‘il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament’ għandu jfisser li m’għandux ikun hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta għall-ebda raġuni msemmija fl-Artikolu 1.

(2)      Għall-iskopijiet tal-paragrafu 1:

a)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli milli kienet tiġi trattata oħra f’sitwazzjoni simili, għar-raġunijiet imsemmija fl-Artikolu 1;

b)      għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta meta fejn dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tkun tqiegħed persuni li għandhom reliġjon jew twemmin partikolari, diżabilità partikolari, età partikolari, jew orjentazzjoni sesswali partikolari, partikolari fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra ħlief:

i)      meta dik id-dispożizzjoni, jew dak il-kriterju jew prattika jkunu oġġettivament iġġustifikati minn skop leġittimu u l-mezzi li tintlaħaq ikun approprjati u neċessarji, […]

[…]

(5)      Din id-Direttiva m’għandhiex tippreġudika dawk il-miżuri stabbiliti bil-liġi nazzjonali li, f’soċjetà demokratika, huma neċessarji għas-sigurtà pubblika, għall-ordni pubbliku u għall-prevenzjoni ta’ offiżi kriminali, għall-protezzjoni tas-saħħa u għall-protezzjoni tad-drittijiet u l-libertajiet ta’ oħrajn”.

8.        Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 ġie stabbilit fl-Artikolu 3 tagħha:

“(1)      Fil-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità, din id-Direttiva għandha tapplika għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda:

[…]

(ċ) il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga;

[…]

(3)      Din id-Direttiva ma tapplikax għall-ħlasijiet ta’ kull tip magħmula minn skemi statali jew simili, inklużi skemi ta’ sigurtà soċjali jew ta’ protezzjoni soċjali.”

9.        L-Artikolu 6 tad-Direttiva 2000/78 li jikkonċerna l-“ġustifikazzjoni għal trattament differenti fuq bażi ta’ età”, jipprovdi kif ġej:

“(1)      Minkejja l-Artikolu 2(2), l-Istati Membri jistgħu jipprovdu li trattament differenti fuq bażi ta’ età m’għandux jikkostitwixxi diskriminazzjoni, jekk, fil-kuntest tal-liġi nazzjonali, hu objettivament u raġonevolment iġġustifikat b’għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali, u jekk il-mezzi biex jintlaħqu dawk l-għanjiet ikunu approprjati u neċessarji.

Dan it-trattament differenti jista’ b’mod partikolari jinkludi:

[…]

(2)      Minkejja l-Artikolu 2(2) l-Istati Membri jistgħu jipprovdu illi l-iffissar fir-rigward ta’ skemi ta’ sigurtà soċjali professjonali, ta’ età għall-parteċipazzjoni jew intitolament għall-benefiċċji ta’ l-irtirar jew ta’ l-invalidità, inkluża wkoll l-iffissar għal dawn l-iskemi ta’ etajiet differenti għal ħaddiema jew għal gruppi jew kategoriji differenti ta’ ħaddiema jew ta’ kriterji ta’ età fil-kalkoli ta’ l-attwarji fil-qafas ta’ dawn l-iskemi ma jikkostitwix diskriminazzjoni minħabba l-età, sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ sess.”

10.      Finalment, għandu jkun hemm riferiment għall-premessa 22 tad-Direttiva 2000/78, fejn il-Kunsill jiddikjara li:

“Din id-Direttiva hija mingħajr preġudizzju għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u d-drittijiet li jiddependu minnhom.”.

11.      Skont l-Artikolu 18(1) tagħha, id-Direttiva 2000/78 kellha tiġi trasposta fid-dritt nazzjonali tal-Istati Membri sat-2 ta’ Diċembru 2003.

B –    Id-dritt nazzjonali

12.      Id-dritt Irlandiż rilevanti għal din il-kawża huwa prinċipalment l-Pensions Act 1990 (5) fil-verżjoni emendata tal-2004 (6). L-Artikolu 66 tal-Pensions Act jinkludi projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni fl-iskemi ta’ pensjoni professjonali, b’mod partikolari bbażata fuq l-età, l-orjentazzjoni sesswali u l-istat ċivili.

13.      L-Artikolu 72 tal-Pensions Act jistabbilixxi sensiela ta’ eċċezzjonijiet tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fl-iskemi ta’ pensjoni professjonali u jistabbilixxi dan li ġej:

“(1)      Ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tal-pensjoni abbażi tal-età jekk l-iskema:

[…]

c)      tistabbilixxi limiti ta’ età jew perijodi ta’ servizz li jagħtu lok għall-għoti ta’ benefiċji jew kombinazzjoni tat-tnejn, bħala kundizzjoni jew kriterju għall-intitolament ta’ benefiċċji taħt l-iskema […] sakemm dan ma jimplikax ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tal-pensjoni abbażi tas-sess.

[…]

(3)      Ma jkunx hemm ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament tal-pensjoni abbażi tal-istat ċivili jew tal-orjentazzjoni sesswali, jekk l-armla jew l-armel ta’ membru deċedut jingħata benefiċċji ta’ manteniment professjonali iktar favorevoli, sakemm dan ma jwassalx għal ksur tal-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament abbażi tas-sess.

[…]”

14.      Barra minn hekk, għandu jsir riferiment għas-Civil Partnership and Certain Rights and Obligations of Cohabitants Act 2010 (7). Permezz ta’ dan l-att, b’effett mill-2011 fl-Irlanda, koppji tal-istess sess ingħataw il-possibbiltà għall-ewwel darba li jintrabtu b’unjoni ċivili. Digriet Ministerjali tal-2010 (8) adottat dwar dan l-att, ippermetta wkoll ir-rikonoxximent ta’ unjonijiet ċivili li jsiru barra l-pajjiż b’effett mill-1 ta’ Jannar 2011, iżda biss b’effett prospettiv.

15.      Fl-aħħar nett, permezz ta’ emenda kostituzzjonali deċiża permezz ta’ referendum, fit-22 ta’ Mejju 2015, ingħatat il-possibbiltà taż-żwieġ għall-koppji tal-istess sess fl-Irlanda. Wara d-dħul fis-seħħ tal-aġġustamenti leġiżlattivi meħtieġa, seta’ jsir użu minn din il-possibbiltà b’effett mis-16 ta’ Novembru 2015.

III – Il-fatti u l-proċedura fil-kawża prinċipali

16.      Quddiem il-Labour Court Irlandiż (9), il-qorti tar-rinviju għandha pendenti quddiemha kawża mressqa minn David Parris, li permezz tagħha r-rikorrent jixtieq jikseb l-għoti ta’ pensjoni tas-superstiti professjonali għas-sieħeb tiegħu tal-istess sess, fil-każ li huwa jmut qablu. Ir-rikors ta’ David Parris huwa intiż, minn naħa, kontra Trinity College Dublin, l-istituzzjoni li kienet timpjegah, u min-naħa l-oħra, kontra l-Higher Education Authority, id-Department of Public Expenditure and Reform kif ukoll id-Department of Education and Skills (dawn l-aħħar tliet awtoritajiet flimkien iktar ’il quddiem l-“awtoritajiet konvenuti”).

A –    Fuq David Parris u l-istatus ċivili tiegħu

17.      David Parris twieled fil-21 ta’ April 1946 u għandu ċittadinanza Irlandiża kif ukoll Brittanika. Huwa ilu jgħix għal iktar minn 30 sena mas-sieħeb tiegħu tal-istess sess f’relazzjoni stabbli. Il-qorti tar-rinviju tinsab konvinta li David Parris u s-sieħeb ċivili tiegħu kien ikun ilhom miżżewġin jew f’unjoni ċivili li kieku dan kien legalment possibbli għalihom.

18.      Peress li fir-Renju Unit ilu possibbli minn Diċembru tal-2005 li wieħed jintrabat b’unjoni ċivili (10), fil-21 ta’ April 2009, f’għeluq it-63 sena tiegħu, David Parris mar ir-Renju Unit mas-sieħeb tiegħu sabiex jintrabtu b’tali unjoni ċivili. Minkejja dan, dak iż-żmien l-Irlanda ma kinitx tirrikonoxxi din l-unjoni ċivili. Għall-kuntrarju, dan ir-rikonoxximent ingħata lil David Parris biss b’effett mit-12 ta’ Jannar 2011 u biss b’effett prospettiv, kif previst fid-Digriet Ministerjali tal-2010.

19.      Erba’ snin wara dan ir-rikonoxximent, fit-12 ta’ Jannar 2015, David Parris sussegwentement iżżewweġ lis-sieħeb ċivili tiegħu fir-Renju Unit.

B –    Fuq is-sħubija ta’ David Parris fl-iskema ta’ pensjoni professjonali ta’ Trinity College

20.      Mill-1972 sal-2010, David Parris kien impjegat ma’ Trinity College bħala lecturer. F’din il-kapaċità, kien ġie ammess ukoll bħala membru mhux kontributorju fl-iskema ta’ pensjoni ta’ Trinity College.

21.      Minn din l-iskema ta’ pensjoni, David Parris ilu jirċievi pensjoni tax-xjuħija professjonali sa mill-irtirar kmieni tiegħu b’effett mill-31 ta’ Diċembru 2010. Iktar minn sena qabel, fit-3 ta’ Diċembru 2009, il-fond tal-pensjoni tal-iskema ta’ pensjoni ġie ttrasferit lil awtorità statali, in-National Treasury Management Agency minħabba diffikultajiet finanzjarji kunsiderevoli (11)

22.      Skont il-klawżola Nru 5 (“Rule 5”) tal-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni tal-iskema ta’ pensjoni, il-konjuġi jew is-sieħeb ċivili ta’ membru jingħata pensjoni għall-ħajja ta’ ammont ta’ żewġ terzi tal-ammont li kien dovut lill-membru qabel il-mewt tiegħu, jekk il-membru jmut qablu. Madankollu, tali dritt jeżisti biss jekk ir-rabta taż-żwieġ jew tal-unjoni ċivili tkun saret qabel ma l-membru jkun għalaq is-60 sena, jew qabel irtira, skont liema minn dawn iseħħ l-ewwel. F’każ ta’ żwieġ jew unjoni ċivili li jseħħu iktar tard, il-konjuġi jew is-sieħeb ċivili superstiti jkollu biss id-dritt għal pensjoni tas-superstiti mnaqqsa għal perijodu ta’ ħames snin, u din tingħata wkoll biss fil-każ li l-mewt ikun seħħ fi żmien ħames snin mill-ġurnata minn meta l-membru jkun irtira.

C –    Fuq it-talba ta’ David Parris għal pensjoni tas-superstiti għas-sieħeb ċivili tiegħu

23.      Fis-17 ta’ Settembru 2010, David Parris għamel talba formali lil Trinity College sabiex jiġi rrikonoxxut id-dritt tas-sieħeb ċivili tiegħu għal pensjoni tas-superstiti.

24.      Din it-talba ġiet miċħuda b’riferiment għall-klawżola Nru 5 tal-iskema ta’ pensjoni, minħabba li r-rabta ta’ unjoni ċivili ta’ David Parris ma seħħitx qabel l-għeluq is-60 sena tiegħu. Il-Higher Education Authority irrikonoxxiet id-deċiżjoni ta’ Trinity College.

25.      David Parris ressaq ilment quddiem l-Equality Tribunal, awtorità antidiskriminazzjoni, kontra d-deċiżjonijiet negattivi, u lmenta li huwa ġarrab diskriminazzjoni diretta u/jew indiretta bbażata fuq l-età u l-orjentazzjoni sesswali tiegħu bi ksur tal-Pensions Act tal-1990 fil-verżjoni emendata tiegħu. Peress li anki dan l-ilment ma kienx ta’ suċċess, David Parris finalment ressaq l-azzjoni pendenti quddiem il-Labour Court.

IV – It-talba għal deċiżjoni preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

26.      Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Awwissu 2015, li waslet fit-13 ta’ Awwissu 2015, il-Labour Court ippreżentat lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin għal deċiżjoni preliminari, skont l-Artikolu 267 TFUE:

1)      Għandha titqies bħala diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali, b’mod kuntrarju għall-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78/KE, l-applikazzjoni ta’ regola ta’ skema ta’ pensjoni professjonali li tillimita l-ħlas ta’ benefiċċju tas-superstiti lis-sieħeb ċivili superstiti ta’ membru affiljat tal-iskema fil-mument tal-mewt ta’ dan tal-aħħar, b’kundizzjoni li l-membru affiljat u s-sieħeb ċivili superstiti tiegħu jkunu kkuntrattaw l-unjoni ċivili tagħhom qabel l-għeluq tas-sittin sena tal-membru affiljat, meta d-dritt nazzjonali ma kienx jippermettilhom li jikkuntrattaw unjoni ċivili qabel ma l-membru affiljat għalaq l-età ta’ sittin sena u meta l-membru affiljat u s-sieħeb ċivili tiegħu kienu fformaw unjoni tal-ħajja dejjiema qabel din id-data?

2)      Jekk ir-risposta għall-ewwel domanda hija fin-negattiv,

Għandu jitqies bħala diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età, b’mod kuntrarju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78/KE, il-fatt li fornitur ta’ benefiċċji taħt skema ta’ pensjoni professjonali jillimita d-dritt għall-pensjoni tas-superstiti għas-sieħeb ċivili superstiti ta’ membru affiljat mal-mewt ta’ dan tal-aħħar billi jeżiġi li l-membru affiljat u s-sieħeb ċivili tiegħu jkunu kkonkludew l-unjoni ċivili tagħhom qabel ma l-membru affiljat għalaq is-sittin sena tiegħu, fejn

a)      l-istipulazzjoni tal-età li fiha huwa meħtieġ li membru affiljat ikun ikkonkluda unjoni ċivili ma tkunx kriterju użat fil-kalkoli attwarjali u

b)      id-dritt nazzjonali ppermetta lill-membru affiljat u lis-sieħeb ċivili tiegħu jikkuntrattaw unjoni ċivili biss wara li l-membru affiljat għalaq is-sittin sena tiegħu, meta dan tal-aħħar u s-sieħeb ċivili tiegħu kienu fformaw unjoni tal-ħajja dejjiema qabel din id-data?

3)      Jekk ir-risposta għat-tieni domanda hija fin-negattiv,

għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni kontra d-dispożizzjonijiet moqrija flimkien tal-Artikolu 2 u tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78/KE fil-każ li r-restrizzjonijiet għad-drittijiet dedotti minn skema ta’ pensjoni professjonali deskritti fl-ewwel u fit-tieni domanda iktar ’il fuq ikunu dovuti għall-effett konġunt tal-età u tal-orjentazzjoni sesswali ta’ membru affiljat f’din l-iskema?

27.      Fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, David Parris, Trinity College, l-awtoritajiet konvenuti kif ukoll il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub. Bl-eċċezzjoni tal-Gvern tar-Renju Unit, dawn l-istess partijiet kienu rrappreżentati wkoll fis-seduta tat-28 ta’ April 2016.

V –    Evalwazzjoni

28.      Din ma hijiex l-ewwel darba li saret domanda lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar jekk l-imsieħba ċivili superstiti tal-istess sess ta’ persuni impjegati għandhomx dritt għal pensjonijiet ta’ superstiti minn skemi professjonali tal-pensjoni tax-xjuħija (12). Għad-differenza ta’ proċeduri preċedenti, fil-każ preżenti madankollu ma hemmx inkwistjoni l-fatt jekk tali sieħeb ċivili f’dan ir-rigward għandux jiġi ttrattat bl-istess mod bħar-romol fi żwiġijiet tradizzjonali. Dan peress li fil-kawża prinċipali huwa rrikonoxxut li l-konjuġi jew l-imsieħba ċivili superstiti kollha tal-impjegati – irrispettivament minn jekk humiex minn koppji tal-istess sess jew ta’ sess differenti – jistgħu jibbenefikaw minn pensjonijiet tas-superstiti professjonali. Fil-każ preżenti, qiegħda tiġi kkontestata biss klawżola waħda fil-kundizzjonijiet tal-assigurazzjoni, li tipprovdi li l-impjegat ikkonċernat irid ikun intrabat bi żwieġ b’unjoni ċivili qabel ma jkun għalaq is-60 sena (iktar ’il quddiem ukoll il-“limitu ta’ età ta’ 60 sena jew il-“limitu ta’ età kkontestat”).

29.      Bit-talba għal deċiżjoni preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tikkjarifika jekk l-imsemmi limitu ta’ età jikkostitwixxix diskriminazzjoni pprojbita taħt id-dritt tal-Unjoni fis-sens tad-Direttiva 2000/78, fid-dawl tal-fatt li, sa ftit snin ilu, koppji tal-istess sess la kellhom għad-dispożizzjoni tagħhom l-istituzzjoni tas-żwieġ u lanqas dik tal-unjoni ċivili. B’mod iktar preċiż, għal raġunijiet legali, fl-Irlanda ma kienx possibbli għall-impjegati omosesswali bħal David Parris, li twieldu qabel l-1 ta’ Jannar 1951, li jissodisfaw ir-rekwiżit ta’ żwieġ jew ta’ unjoni ċivili qabel l-għeluq is-60 sena tagħhom. Huwa minnu li David Parris diġà seta’ jintrabat b’unjoni ċivili barra l-pajjiż – jiġifieri fir-Renju Unit – qabel ma għalaq is-60 sena, iżda, kif tenfasizza l-qorti tar-rinviju, din ma kinitx ser tiġi rrikonoxxuta fl-Irlanda qabel ma huwa ssodisfa l-limitu ta’ età ta’ 60 sena.

30.      Il-kwistjoni tad-diskriminazzjoni hawnhekk hija ppreżentata quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minn tliet perspettivi differenti, li kull waħda minnhom hija s-suġġett ta’ domanda preliminari separata: l-ewwel nett mill-aspett tal-orjentazzjoni sesswali tal-impjegat ikkonċernat (ara t-Taqsima B iktar ’il quddiem), it-tieni nett, mill-aspett tal-età tiegħu (ara t-Taqsima C iktar ’il quddiem) u t-tielet nett, fid-dawl tal-effett ikkombinat tal-orjentazzjoni sesswali u l-età (ara t-Taqsima D iktar ’il quddiem).

A –    Il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 (kwistjoni preliminari)

31.      Qabel ma nevalwa l-kontenut tat-tliet domandi preliminari, ser nagħmel numru ta’ rimarki preliminari fil-qosor dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78.

1.      Kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae

32.      Skont l-Artikolu 3(1)(ċ) tagħha, id-Direttiva 2000/78 tapplika “[f]il-limiti tal-kompetenzi konferiti lill-Komunità […] għall-persuni kollha, kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, inklużi korpi pubbliċi, f’dak li jirrigwarda […] il-kundizzjonijiet għall-impjieg u tax-xogħol, inklużi sensji u paga”.

33.      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-pensjonijiet professjonali wkoll jaqgħu taħt il-kunċett ta’ pagi stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, fis-sens tal-Artikolu 157 TFUE u tad-direttivi antidiskriminatorji (13), minħabba li dawn jikkostitwixxu forma ta’ paga differita (14). Rigward l-Artikolu 3(1)(ċ) tad-Direttiva 2000/78 b’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja barra minn hekk diġà ddeċidiet li l-pensjonijiet tas-superstiti mħallsa mill-iskemi ta’ pensjoni professjonali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ paga (15). Matul is-seduta, Trinity College u l-Kummissjoni wkoll irrikonoxxew li l-pensjoni tas-superstiti kkontestata tikkostitwixxi remunerazzjoni.

34.      Huwa minnu li skont l-Artikolu 3(3) tad-Direttiva 2000/78, il-pagamenti minn skemi tas-sigurtà soċjali statali huma esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (16). Il-pensjoni tas-superstiti kkontestata fil-kawża prinċipali madankollu hija komponent tal-iskema ta’ pensjoni professjonali ta’ Trinity College, li David Parris huwa membru affiljat tagħha bis-saħħa tal-kuntratt tax-xogħol tiegħu.

35.      B’mod partikolari, il-klassifikazzjoni bħala skema ta’ pensjoni professjonali ma teskludix li l-fond ta’ pensjoni ta’ Trinity College sadanittant ġie ttrasferit lil awtorità nazzjonali u li l-benefiċċji tagħha qegħdin sussegwentement jiġu ffinanzjati mill-Istat. Wara kollox, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà indikat diversi drabi li l-modalitajiet tal-finanzjament u l-amministrazzjoni ta’ skema tal-pensjoni ma humiex fattur deċiżiv għall-kwistjoni dwar jekk skema tal-pensjoni taqax taħt il-kunċett ta’ paga (17). Il-kriterju deċiżiv huwa dak li l-pensjoni tas-superstiti titħallas abbażi tar-relazzjoni tax-xogħol preċedenti, li l-pensjoni tapplika biss għal grupp partikolari ta’ impjegati, li l-pensjoni taffettwa biss kategorija partikolari ta’ ħaddiema, li hija direttament relatata mal-perijodu ta’ servizz mogħti u li l-ammont tagħha huwa kkalkolat abbażi tal-aħħar salarju (18). Skont l-informazzjoni fid-digriet tar-rinviju, dawn il-kundizzjonijiet huma lkoll ssodisfatti.

36.      Għaldaqstant, pensjoni tas-superstiti bħal dik li David Parris jixtieq li tiġi rrikonoxxuta għas-sieħeb ċivili tiegħu fil-każ preżenti, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae tad-Direttiva 2000/78.

2.      Kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis

37.      Id-Direttiva 2000/78 daħlet fis-seħħ fit-2 ta’ Diċembru 2000 (Artikolu 20 tad-Direttiva). L-Istati Membri kellhom jittrasponuha fid-dritt nazzjonali mhux iktar tard mit-2 ta’ Diċembru 2003 (Artikolu 18(1) tad-Direttiva).

38.      It-talba ta’ David Parris għar-rikonoxximent tad-dritt tas-sieħeb ċivili tiegħu għall-pensjoni tas-superstiti tmur lura għas-17 ta’ Settembru 2010, u għalhekk din saret iktar minn sitt snin wara l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78. Għaldaqstant, din it-talba kienet koperta mid-Direttiva, l-istess bħall-pensjoni tas-superstiti li possibbilment tista’ tkun dovuta lis-sieħeb ċivili ta’ David Parris fil-futur.

39.      Ir-Renju Unit jargumenta li d-drittijiet tal-pensjoni ta’ David Parris huma kważi kollha bbażati fuq perijodi ta’ servizz mwettqa qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva 2000/78, u għaldaqstant ma jistgħux ikunu suġġetti għall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament ta’ din id-Direttiva.

40.      Madankollu, din l-oġġezzjoni hija infondata. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, dispożizzjoni ġdida tapplika mid-dħul fis-seħħ tal-att li jistabbilixxiha u, filwaqt li ma tapplikax għal sitwazzjonijiet legali li tnisslu u li ġew definittivament konklużi taħt is-sistema legali preċedenti, hija tapplika għall-effetti futuri tagħhom, kif ukoll għal sitwazzjonijiet legali ġodda. Dan ikun differenti biss jekk, flimkien mar-regola l-ġdida u suġġett għall-projbizzjoni ta’ retroattività tal-atti ġuridiċi, jiġu adottati dispożizzjonijiet speċifiċi li jiddeterminaw, b’mod partikolari, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ratione temporis tagħha (19).

41.      Dawn il-prinċipji japplikaw ukoll għall-applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2000/78. Restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva b’deroga mill-imsemmija prinċipji ġenerali kienet tkun teħtieġ dispożizzjoni espliċita min-naħa tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Madankollu, ma hemmx tali regola speċjali.

42.      Konsegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddikjarat id-Direttiva 2000/78 bħala applikabbli għal każijiet ta’ pensjonijiet professjonali u pensjonijiet tas-superstiti, li fir-rigward tagħhom id-drittijiet sottostanti, b’mod pjuttost simili għal dan il-każ, kienu ġew invokati ferm qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva u ċerti kontribuzzjonijiet imħallsa jew perijodi ta’ riferiment ukoll kienu jmorru lura għal qabel id-dħul fis-seħħ tad-Direttiva (20). Il-Qorti tal-Ġustizzja, għad-differenza pereżempju tal-każ Barber (21) dwar l-Artikolu 119 tat-Trattat KEE (issa l-Artikolu 157 TFUE), ma applikatx espliċitament restrizzjoni ratione temporis tal-effetti tal-ġurisprudenza tagħha dwar il-pensjonijiet professjonali taħt id-Direttiva 2000/78 (22). Inżid ngħid li, barra minn hekk, ma kienx għad hemm bżonn għal tali limitazzjoni temporis, peress li mis-sentenza Barber kien ċar biżżejjed għall-partijiet ikkonċernati kollha li l-pensjonijiet professjonali jaqgħu taħt il-kunċett ta’ paga stabbilit fid-dritt tal-Unjoni, u huma suġġetti għal kwalunkwe projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni.

43.      Huwa minnu li l-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li l-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fid-Direttiva 2000/78 ma tista’ tagħti lok għal ebda drittijiet għal pagamenti għal perijodi ta’ żmien preċedenti, qabel id-dekorrenza tat-terminu għat-traspożizzjoni ta’ din id-Direttiva (23). Madankollu, ir-rikonoxximent tad-dritt għal pensjoni tas-superstiti futura, inkwistjoni fil-każ preżenti, ma huwiex affettwat b’dan il-prinċipju, peress li jikkonċerna biss il-pagamenti tal-iskema ta’ pensjoni li għandhom jitħallsu fil-futur, anki jekk, fil-kalkolu tagħhom, huma inklużi perijodi ta’ servizz jew kontribuzzjonijiet imħallsa fil-passat (24).

44.      Konsegwentement, il-fatti tal-kawża prinċipali jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ratione temporis tad-Direttiva 2000/78.

B –    Diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali (l-ewwel domanda preliminari)

45.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tkun taf jekk hemmx diskriminazzjoni pprojbita skont id-Direttiva 2000/78 bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, fil-każ li fih skema ta’ pensjoni tal-irtirar professjonali tissuġġetta d-dritt għal pensjoni tas-superstiti lil sieħeb ċivili tal-istess sess għall-kundizzjoni li r-rabta tal-unjoni ċivili tkun saret qabel l-għeluq is-60 sena tal-impjegat affiljat mal-iskema, f’ċirkustanzi fejn kien legalment impossibbli li l-persuni kkonċernati jintrabtu b’tali unjoni ċivili jew bi żwieġ qabel ma l-impjegat ikun laħaq dan il-limitu ta’ età.

46.      Diskriminazzjoni hija differenza fit-trattament li ma hijiex iġġustifikata (25). Filwaqt li ma hemmx distinzjoni ċara fil-kliem tad-Direttiva 2000/78 bejn il-kunċetti ta’ “differenza fit-trattament” u “diskriminazzjoni”, huwa evidenti li l-leġiżlatur tal-Unjoni jassumi li huwa “essenzjali li jkun hemm distinzjoni bejn id-differenzi fi trattament li huma ġġustifikati, […] u diskriminazzjoni li għandha tiġi pprojbita” (26)

1.      Fuq id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta

47.      Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 flimkien mal-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2000/78 hija intiża għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, kemm dik diretta kif ukoll dik indiretta, fl-impjieg u fix-xogħol.

48.      Id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta hija importanti mill-aspett ġuridiku speċjalment peress li l-possibbiltajiet li d-diskriminazzjoni tkun iġġustifikata jvarjaw, skont jekk it-trattament differenti li fuqu hija tkun ibbażata jkunx marbut mal-orjentazzjoni sesswali direttament jew indirettament. B’mod partikolari, l-għanijiet potenzjali li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament diretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali huma inqas numerużi minn dawk li jistgħu jiġġustifikaw differenza fit-trattament indiretta (27).

a)      Fuq id-diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali

49.      Għandu jitqies li jkun hemm diskriminazzjoni diretta fis-sens tad-Direttiva 2000/78 meta persuna tiġi trattata b’mod inqas favorevoli minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha milli hija, kienet jew kienet tkun ittrattata persuna oħra f’sitwazzjoni simili (Artikolu 2(2)(a) flimkien mal-Artikolu 1); għaldaqstant, id-differenza fit-trattament hija marbuta direttament mal-orjentazzjoni sesswali.

50.      Dan ma huwiex il-każ hawnhekk, kuntrarjament għall-fehma ta’ David Parris. Wara kollox, kundizzjoni tal-assigurazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma hijiex speċifikament direttament relatata mal-orjentazzjoni sesswali tal-impjegat. Kuntrarjament, din hija fformulata b’mod newtrali u, barra minn hekk, tikkonċerna lill-impjegati omosesswali bl-istess mod bħal dawk eterosesswali, li l-imsieħba tagħhom huma, wara kollox, esklużi wkoll mill-eliġibbiltà għall-pensjoni tas-superstiti, sakemm ma jkunux intrabtu bi żwieġ jew b’unjoni ċivili qabel ma l-impjegat ikun għalaq is-60 sena.

51.      Huwa minnu li, fil-ġurisprudenza preċedenti tagħha dwar diversi projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja bħala regola adottat fehim wiesa’ tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta, u dejjem assumiet li jkun hemm tali diskriminazzjoni meta l-miżura kienet marbuta inseparabbilment mar-raġuni rilevanti għad-differenza fit-trattament inkwistjoni (28).

52.      Madankollu, fil-każ preżenti, ma hemmx inkwistjoni tali relazzjoni inseparabbli mal-orjentazzjoni sesswali: is-sempliċi fatt li impjegat ma jkunx iżżewweġ jew ma jkunx intrabat b’unjoni ċivili qabel l-għeluq is-60 sena – irrispettivament minn jekk huwiex minħabba ostakoli legali jew b’deċiżjoni libera tiegħu – ma huwiex direttament marbut mal-orjentazzjoni sesswali tiegħu. Jista’ jkun hemm diversi raġunijiet għalfejn wieħed ma jiżżewwiġx jew jiżżewweġ tard fil-ħajja. Li kieku David Parris iżżewweġ lil mara wara li għalaq is-60 sena, hija kienet tkun eskluża mill-eliġibbiltà għall-pensjoni tas-superstiti, bl-istess mod bħalma huwa eskluż is-sieħeb ċivili attwali tiegħu, skont il-kundizzjonijiet ta’ din il-pensjoni.

53.      Għaldaqstant, il-każ hawnhekk huwa differenti mill-każijiet magħrufa sew relatati mat-tqala, li skont il-ġurisprudenza, li hija marbuta inseparabbilment mas‑sess tal-impjegata li kwalunkwe riferiment għat-tqala naturalment jista’ jikkonċerna biss lin-nisa u għalhekk jagħti lok għal diskriminazzjoni diretta (29).

b)      Fuq id-diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali

54.      Madankollu, għad irid jiġi eżaminat jekk kundizzjoni ta’ skema ta’ pensjoni bħal dik inkwistjoni tistax tagħti lok għal diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali. Għandu jitqies li jkun hemm tali diskriminazzjoni indiretta meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali jqiegħdu persuni li għandhom ċerta orjentazzjoni sesswali fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra (Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78).

55.      Ma hemm ebda dubju li r-rekwiżit taż-żwieġ jew tal-unjoni ċivili qabel l-għeluq is-60 sena tal-impjegat huwa kriterju evidentement newtrali, li ma jagħmel ebda riferiment dirett għall-orjentazzjoni sesswali tal-impjegat, kif ġie indikat iktar ’il fuq.

56.      Permezz ta’ eżami superfiċjali, dan il-kriterju jidher ukoll li jaffettwa lill-impjegati kollha bl-istess mod: Min jiżżewweġ jew jintrabat b’unjoni ċivili qabel ma jagħlaq is-60 sena, jista’ jiżgura li fil-każ ta’ mewt, is-sieħeb ċivili superstiti tiegħu jirċievi pensjoni tas-superstiti mill-iskema ta’ pensjoni professjonali, filwaqt li din il-possibbiltà hija prekluża lil min daħal f’tali rabta ta’ età iktar avvanzata.

57.      Madankollu, wara analiżi f’iktar dettall, jidher li għadd kbir ta’ impjegati omosesswali fl-Irlanda huma affettwati iktar severament u sfavorevolment b’tali limitu ta’ età ta’ 60 sena milli huma l-kollegi eterosesswali tagħhom.

58.      Filwaqt li b’mod partikolari għall-persuni eterosesswali, il-fatt jekk jiżżewġux qabel jew wara li jagħlqu s-60 sena kien u huwa biss kwistjoni ta’ ppjanar tal-ħajja personali kif ukoll ta’ deċiżjoni libera tagħhom, għal żmien twil il-persuni omosesswali fl-Irlanda ma kellhomx l-għażla li jidħlu f’rabta rrikonoxxuta mill-Istat mas-sieħeb jew mas-sieħba tagħhom. B’mod iktar speċifiku, fl-Irlanda, il-persuni omosesswali kollha li twieldu qabel l-1951 b’mod ġenerali ma setgħux jistabbilixxu rabta dejjiema qabel l-għeluq is-60 sena tagħhom, peress li f’dan l-Istat Membru l-istituzzjoni tal-unjoni ċivili bdiet tapplika biss mill-2011 u l-aħjar għażla disponibbli għal koppji tal-istess sess kienet dik ta’ koabitazzjoni f“konkubinaġġ”. Għaldaqstant, għal raġunijiet legali ma kienx possibbli għal dan il-grupp ta’ persuni li jiżguraw pensjoni tas-superstiti mill-iskema ta’ pensjoni professjonali għall-imsieħba rreġistrati tagħhom, u b’hekk jipprovdu lil dawn tal-aħħar forma ta’ assigurazzjoni soċjali għalihom, li kienet ħaġa naturali għall-kollegi eterosesswali tagħhom u l-konjuġi tagħhom.

59.      Għaldaqstant, jekk pensjoni tas-superstiti bħal dik inkwistjoni tkun suġġetta għal żwieġ jew unjoni ċivili li għandhom iseħħu qabel l-għeluq is-60 sena tal-impjegat, fl-Irlanda, dan ikun ta’ żvantaġġ partikolari għall-impjegati omosesswali li twieldu qabel l-1951.

60.      Din il-konstatazzjoni hija suffiċjenti sabiex tiġi sostnuta preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali li, bla ħsara għal kwalunkwe ġustifikazzjoni, hija pprojbita skont l-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu (2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

61.      Il-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta la tippresupponi li l-impjegati omosesswali kollha jkunu żvantaġġati, u lanqas hija suġġetta għall-kundizzjoni li l-impjegati omosesswali qatt ma jkunu żvantaġġati (30). Għall-kuntrarju, skont id-definizzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta fl-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, huwa biżżejjed li d-dispożizzjonijiet, il-kriterji jew il-prattiċi kkontestati “[iqiegħdu] persuni li għandhom […] orjentazzjoni sesswali partikolari” (f’dan il-każ: impjegati omosesswali) “fi żvantaġġ partikolari a paragun ma’ persuni oħra” (f’dan il-każ: impjegati eterosesswali).

62.      Dan huwa l-każ inkwistjoni. Fil-fatt, anki fil-każ ta’ numru żgħir ta’ impjegati eterosesswali li ma jissodisfawx il-limitu ta’ età ta’ 60 sena, u inversament, ta’ numru ta’ impjegati omosesswali li, fid-dawl tas-sitwazzjoni ġuridika applikabbli mill-2010/2011, setgħu jiżżewġu jew jintrabtu b’unjoni ċivili qabel għalqu s-60 sena, madankollu regola bħal dik inkwistjoni taffettwa b’mod partikolarment sever il-grupp ta’ impjegati omosesswali, għaliex parti sostanzjali minnhom, mingħajr ħtija tagħhom, ma setgħux jiksbu l-approvazzjoni tal-Istat għas-sħubija eżistenti tagħhom u għaldaqstant jissodisfaw il-kundizzjoni bażika għal dritt għal pensjoni tas-superstiti skont l-iskema ta’ pensjoni professjonali.

63.      L-impożizzjoni ta’ rekwiżiti iktar stretti għall-ammissjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta ma tkunx biss kuntarja għall-kliem tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 (“tqiegħed […] fi żvantaġġ partikolari”) u għar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni wiesgħa tad-direttivi antidiskriminatorji (31), iżda barra minn hekk ikun diffiċli li din tiġi rrikonċiljata mal-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal‑Ġustizzja dwar kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni – mhux l-inqas dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq iċ-ċittadinanza (32) jew is-sess (33).

64.      Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, regola bħal dik inkwistjoni taqa’ fil-kategorija ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

2.      Stħarriġ tal-ġustifikazzjoni

65.      Jekk, kif nipproponi jien, regola bħal dik inkwistjoni tkun ikklassifikata bħala diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, ikun għad irid jiġi diskuss jekk id-differenza fit-trattament sottostanti tistax tiġi ġġustifikata skont id-Direttiva 2000/78 jew jekk, fin-nuqqas ta’ tali ġustifikazzjoni, din tkunx tikkostitwixxi diskriminazzjoni pprojbita.

66.      Differenza fit-trattament indiretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali tista’ tiġi oġġettivament iġġustifikata permezz ta’ għan leġittimu, sakemm biss il-miżura kkontestata – f’dan il-każ l-esklużjoni ta’ pensjoni tas-superstiti f’każijiet ta’ żwieġ jew unjoni ċivili wara l-għeluq is-60 sena tal-impjegat – tkun adatta u neċessarja sabiex jintlaħaq dan l-għan (Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78).

a)      Għan leġittimu

67.      Jidher li l-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ pensjoni professjonali ma jagħtu ebda informazzjoni dwar l-għanijiet segwiti mir-regola inkwistjoni. Ma huwiex evidenti prima facie għaliex l-imsieħba superstiti tal-impjegati, li jkunu żżewġu jew intrabtu b’unjoni ċivili biss wara li għalqu s-60 sena ma għandhomx ikollhom dritt għal pensjoni tas-superstiti.

68.      Madankollu, huwa minnu li dan ma jfissirx li tali regola hija awtomatikament eskluża minn ġustifikazzjoni fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78. Minkejja dan, f’sitwazzjoni bħal din huwa importanti li elementi oħra, misluta mill-kuntest ġenerali tal-miżura kkonċernata, jippermettu l-identifikazzjoni tal-għan sottostanti ta’ din ir-regola għall-finijiet tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ ġudizzjarju fir-rigward tal-leġittimità tagħha u fir-rigward tan-natura adatta u neċessarja tal-mezzi implementati sabiex jintlaħaq dan l-għan (34).

69.      Is-sempliċi fatt li limitu ta’ età ta’ 60 sena jkun sar “normali“ fil-mument tal-istabbiliment tal-iskema ta’ pensjoni professjonali fil-bidu tas-snin sebgħin fi kwalunkwe każ ma huwiex bażi suffiċjenti sabiex wieħed jassumi li jkun qiegħed jiġi segwit għan leġittimu (35).

70.      Huma konċepibbli sitwazzjonijiet fejn tali limitu ta’ età huwa intiż, fir-rigward ta’ żwieġ jew ta’ unjoni ċivili, li jiżgura li l-eliġibbiltà għal pensjoni tas-superstiti tiġi limitata għal dawk il-konjuġi jew imsieħba ċivili superstiti biss li jkunu “mmeritaw” din l-eliġibbiltà, billi jkunu offrew assistenza personali lill-impjegat matul l-attività professjonali attiva tiegħu, u possibbilment ikunu rrinunzjaw attività remunerata professjonali għalihom stess. Tradizzjonalment, din kienet tkun il-mara miżżewġa li bħala “mara tad-dar” f’ħafna każijiet, konformement mar-rwol konvenzjonali tagħha, kienet tikkonċentra fuq id-dar u t-trobbija tat-tfal. Skema ta’ pensjoni f’dan is-sens ma tkun toffri ebda prospett ta’ benefiċċju għall-konjuġi jew għas-sieħeb ċivili superstiti li jkun beda relazzjoni mal-impjegat ta’ età avvanzata, lejn tmiem il-ħajja professjonali tiegħu stess.

71.      Madankollu, dan ma huwiex il-każ hawnhekk. Abbażi tas-sottomissjonijiet ta’ Trinity College, il-qorti tar-rinviju għall-kuntrarju infurmat lill-Qorti tal-Ġustizzja li permezz tal-limitu ta’ età ta’ 60 sena għandha tiġi evitata “selezzjoni negattiva għal raġunijiet ta’ saħħa għad-detriment tal-fondi tal-iskema jew ta’ membri affiljati oħra”. Kif żiedet tgħid Trinity College fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, dan il-limitu jassumi li s-saħħa tal-membri affiljati mal-iskema ta’ pensjoni tiddeterjora iktar ma jikbru fl-età u mbagħad jistgħu jkollhom it-tentazzjoni li jintrabtu bi żwieġ ta’ konvenjenza sabiex jiżguraw benefiċċji mill-iskema ta’ pensjoni għall-imsieħba ċivili mhux miżżewġa tagħhom.

72.      Biex nesprimi ruħi b’mod esaġerat, il-limitu ta’ età ta’ 60 sena fil-każ preżenti, għalhekk, huwa intiż li jipprekludi lill-impjegati affiljati mal-iskema ta’ pensjoni professjonali milli jintrabtu bi żwieġ jew, sa mill-2011, b’unjoni ċivili, “fuq is-sodda tal-mewt” –– sempliċement sabiex persuna qrib magħhom tibbenefika minn pensjoni tas-superstiti għas-spejjeż ta’ min iħaddem jew ta’ membri oħra tal-iskema (36).

73.      Għaldaqstant, jista’ jiġi konkluż, bla ħsara għal stħarriġ mill-qorti tar-rinviju, li r-regola inkwistjoni hija intiża, f’termini sempliċi, sabiex tipprojbixxi aġir abbużiv għad-detriment tal-istabbiltà finanzjarja tal-iskema ta’ pensjoni. Sussegwentement, it-test ta’ proporzjonalità li ser nagħmel huwa intiż għal din il-kwistjoni, li tista’ ċertament titqies bħala għan leġittimu (37).

b)      Stħarriġ tal-proporzjonalità

74.      Għad irid jiġi eżaminat jekk ir-regola kkontestata kinitx “approprjata u neċessarja” sabiex tevita l-abbuż. Dawn iż-żewġ aġġettivi li jinsabu fl-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva 2000/78 huma intiżi, fl-aħħar mill-aħħar, sempliċement bħala tfakkira tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

75.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità, skont ġurisprudenza stabbilita, huwa wieħed mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni. Dan jeżiġi li l-miżuri jkunu adatti sabiex jintlaħqu l-għanijiet leġittimi tal-leġiżlazzjoni kkonċernata u ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex dawn l-għanijiet jintlaħqu (38). B’dan il-mod, meta jkun hemm possibbiltà ta’ għażla bejn diversi miżuri adatti, għandha tintgħażel l-inqas waħda restrittiva; u l-iżvantaġġi għandhom ikunu proporzjonati mal-għanijiet segwiti (39).

i)      Adegwatezza

76.      L-ewwel nett għandu jiġi diskuss jekk regola bħal dik inkwistjoni hijiex adatta (40), sabiex tikkontribwixxi għall-għan leġittimu tagħha – jiġifieri sabiex tipprevjeni l-abbuż.

77.      Mingħajr ebda dubju, tali regola tillimita l-obbligi tal-iskemi ta’ pensjoni professjonali u tirrestrinġi l-possibbiltajiet ta’ abbuż.

78.      Minkejja dan, għandu jiġi nnotat li skont ġurisprudenza stabbilita, regola tista’ titqies bħala adatta sabiex tiżgura t-twettiq tal-għan invokat biss jekk ġenwinament tkun tikkorrispondi għar-rieda li dan tal-aħħar jintlaħaq b’mod konsistenti u sistematiku (41).

79.      Dan jista’ jkun is-suġġett ta’ ċerti dubji fil-każ preżenti, peress li ċerti impjegati jistgħu jkunu fi stat ta’ saħħa tant ħażin anki qabel jagħlqu s-60 sena, li jippruvaw jabbużaw mill-iskema billi jintrabtu bi żwieġ ta’ konvenjenza sabiex is-sieħeb ċivili tagħhom jingħata benefiċċji soċjali. Kuntrarjamanet, fid-dawl tal-istennija tal-għomor tal-popolazzjoni li qed tikber b’mod ġenerali u tat-tendenza li tiżdied l-età tal-irtirar (42), jista’ jitqajjem id-dubju dwar jekk riskju ta’ abbuż ġenerali jkunx ġenwinament il-każ malli persuna tagħlaq is-60 sena jew jekk huwiex il-każ illum il-ġurnata li dan ir-riskju jimmaterjalizza biss malli persuna tagħlaq il-65 sena jew anki s-70 sena.

80.      F’dan ir-rigward, madankollu, għandu jiġi nnotat, minn naħa, li l-adegwatezza ta’ miżura dejjem għandha tiġi evalwata fid-dawl tal-għan tagħha. Fil-każ fejn, bħall-każ inkwistjoni, miżura hija intiża li teskludi abbuż potenzjali tal-benefiċċji tal-pensjoni, huwa diffiċli li l-adegwatezza ta’ din il-miżura tkun suġġetta għall-kundizzjoni li ma jseħħux każijiet oħra ta’ abbuż (43).

81.      Min-naħa l-oħra, persuna li tħaddem u li tintroduċi skema ta’ pensjoni professjonali volontarja u għaldaqstant, fil-prinċipju, hija awtorizzata tissuġġetta l-ħlas ta’ pensjoni tas-superstiti għal kundizzjonijiet addizzjonali, għandha tingħata marġni ta’ diskrezzjoni usa’ fl-għażla tal-miżuri sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Konsegwentement, l-istħarriġ tal-adegwatezza tal-kundizzjonijiet tal-iskema, bħal dawk inkwistjoni, għandu jkun limitat għall-kunsiderazzjoni dwar jekk ir-regoli inklużi humiex manifestament mhux adatti jew mhux raġonevoli, sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu mfittex minn min iħaddem (44).

82.      Ċertament, regola bħal dik inkwistjoni ma hijiex manifestament inadatta sabiex tipprevjeni l-abbuż.

ii)    Neċessità

83.      It-tieni mistoqsija għandha tkun dwar jekk regola bħal dik inkwistjoni kinitx neċessarja sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq. Miżura tkun neċessarja meta l-għan leġittimu mixtieq ma jkunx jista’ jintlaħaq permezz ta’ miżura oħra daqstant xierqa iżda inqas restrittiva (45). Għaldaqstant, għandu jiġi evalwat jekk jeżistux soluzzjonijiet inqas restrittivi sabiex jiġi evitat użu abbużiv mill-pensjonijiet tas-superstiti.

84.      L-inqas miżura restrittiva mill-perspettiva tal-persuni kkonċernati ċertament tkun dik li tipprovdi skema ta’ pensjoni li ma tipprevedi ebda limitu ta’ età ġenerali sabiex wieħed jiżżewweġ jew jintrabat b’unjoni ċivili, iżda f’kull każ individwali tippermetti evidenza li turi li ż-żwieġ jew l-unjoni ċivili ma humiex biss ta’ konvenjenza u għaldaqstant ma jkunx hemm il-biża’ li sar użu abbużiv mill-pensjonijiet tas-superstiti. Madankollu, fid-dawl tal-piż amministrattiv enormi li jkun jimplika tali approċċ, jista’ jkun dubjuż jekk dan ikunx daqstant adatt sabiex jintlaħaq l-għan mixtieq bħalma huwa l-limitu ta’ età kkontestat.

85.      Sabiex jiżgura li l-kundizzjonijiet għall-użu tal-pensjonijiet tas-superstiti mill-iskema ta’ pensjoni professjonali huma prevedibbli u prattiċi, irid ikun possibbli għal min iħaddem li japplika klassifikazzjoni skont kriterji ġenerali u għal dan il-għan joħloq kategoriji ta’ sitwazzjonijiet (46). Dan japplika iktar u iktar ladarba min iħaddem, kif diġà ġie enfasizzat, għandu jingħata marġni ta’ diskrezzjoni usa’ sabiex ifassal l-iskema ta’ pensjoni professjonali volontarja tiegħu. Fil-prinċipju, għalhekk, ma għandux ikun hemm oġġezzjoni meta l-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ pensjoni professjonali jkunu bbażati fuq valuri empiriċi, li juru li huwa probabbli li l-għan mixtieq ser jintlaħaq, mill-inqas fil-maġġoranza tal-każijiet.

86.      Madankollu, anki meta min iħaddem ikun awtorizzat jadotta tali klassifikazzjoni skont kriterji ġenerali, limitu ta’ età riġidu ta’ 60 sena jidher li huwa miżura restrittiva ħafna. Fil-fehma tiegħi, miżura inqas restrittiva u daqstant adatta tkun din li tipprovdi żmien ta’ stennija minimu bejn iż-żwieġ jew l-unjoni ċivili u l-bidu ta’ dritt għal pensjoni tas-superstiti.

87.      Għaldaqstant, l-għan li jiġi evitat l-użu abbużiv mill-benefiċċji tal-iskema ta’ pensjoni jista’ jintlaħaq b’mod daqstant tajjeb, u saħansitra aħjar, jekk minflok limitu ta’ età riġidu, l-iskema tkun tistabbilixxi li s-sieħeb superstiti jkun jista’ jirċievi biss pensjoni tas-superstiti jekk bejn il-mument minn meta l-impjegat ikun iżżewweġ jew intrabat b’unjoni ċivili miegħu u l-mument tal-mewt tal-impjegat ikun iddekorra għadd minimu ta’ snin – pereżempju perijodu ta’ mill-inqas ħames snin. Barra minn hekk, tali approċċ mhux biss ikun faċli u mhux burokratiku sabiex jiġi amministrat, iżda jkun ukoll konformi mal-iskema, bil-patt li l-kundizzjonijiet tal-iskema jkunu diġà jipprevedu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-perijodu ta’ żmien bejn iż-żewġ avvenimenti (47).

88.      F’dan il-kuntest, inqis il-limitu ta’ età kkontestat ta’ 60 sena bħala miżura li, anki meta jittieħed inkunsiderazzjoni l-marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ u l-ħtiġijiet prattiċi fl-amministrazzjoni tal-iskema ta’ pensjoni, tmur lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan leġittimu segwit minn min iħaddem.

iii) Preġudizzju indebitu subit mill-impjegati

89.      Madankollu, anki jekk jiġi preżunt li l-limitu ta’ età inkwistjoni huwa adatt u neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan tiegħu, it-tielet mistoqsija li għandha ssir hija dik dwar il-proporzjonalità tiegħu sensu stricto.

90.      Bis-saħħa ta’ dan il-prinċipju, il-miżuri adottati, għalkemm adatti u neċessarji għat-twettiq tal-għanijiet leġittimi, ma għandhomx jikkaġunaw inkonvenjenzi li jkunu sproporzjonati meta mqabbla mal-iskopijiet mixtieqa. Fi kliem ieħor, għandu jiġi żgurat li regola bħal dik inkwistjoni ma timplikax preġudizzju indebitu għall-interessi leġittimi tal-impjegati (48). Fl-aħħar mill-aħħar, dan ifisser li għandu jinstab bilanċ ġust bejn l-interessi differenti ta’ impjegati bħal David Parris u dawk tal-iskema ta’ pensjoni professjonali.

91.      F’każ bħal dak preżenti, għandu jiġi mfittex bilanċ ġust bejn l-interess leġittimu ta’ min iħaddem li jevita l-użu abbużiv ta’ skemi ta’ pensjoni professjonali kif ukoll l-interess ugwalment leġittimu tal-impjegati li jiżguraw pensjoni tas-superstiti xierqa għall-imsieħba superstiti tiegħu.

92.      Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-impatt purament finanzjarju tat-talba ta’ David Parris għal pensjoni tas-superstiti għas-sieħeb ċivili tiegħu, ċertament għandu jitqies li kull benefiċċju mħallas addizzjonalment iwassal għal piż addizzjonali fuq l-iskema ta’ pensjoni professjonali, li diġà tinsab f’sitwazzjoni ta’ żbilanċ finanzjarju kunsiderevoli. Anki l-finanzi tal-Istat Irlandiż, li sa minn tmiem l-2009 huwa responsabbli għall-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-iskema ta’ pensjoni, mingħajr dubju għandhom piż estrem insegwitu tal-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija li faqqgħet fl-2008.

93.      Madankollu, għandu jitqies li l-iskema ta’ pensjoni professjonali, skont l-informazzjoni disponibbli f’dan il-każ, mill-bidu nett kienet imfassla sabiex kull impjegat li kien membru affiljat ma’ din l-iskema, fil-prinċipju jingħata wkoll dritt għal pensjoni tas-superstiti għall-konjuġi superstiti tiegħu – jew issa, għas-sieħeb ċivili superstiti tiegħu wkoll– u li tagħmel dan mingħajr ma teħtieġ lill-impjegat iħallas kontribuzzjonijiet ta’ pensjoni addizzjonali.

94.      Konsegwentement, jekk impjegat bħal David Parris issa jitlob ir-rikonoxximent tad-dritt tas-sieħeb ċivili tiegħu li jinvoka pensjoni tas-superstiti professjonali, dan ma jistax jiġi rrifjutat abbażi tal-fatt li l-kontribuzzjonijiet tiegħu ma kinux tħallsu preċedentement fl-iskema ta’ pensjoni professjonali għan-nom tas-sieħeb tiegħu. Wara kollox, anki li kieku David Parris kien diġà ntrabat bi żwieġ jew b’unjoni ċivili ferm qabel ma għalaq is-60 sena, ma kinux jitħallsu iktar kontribuzzjonijiet u konsegwentement l-iskema ta’ pensjoni ma kienx ikollha iktar riżorsi finanzjarji għall-ħlas ta’ kwalunkwe pensjoni tas-superstiti milli huwa l-każ attwalment (49).

95.      B’mod ġenerali, barra minn hekk, kunsiderazzjonijiet purament finanzjarji ma jistgħux jikkostitwixxu pretest għad-diskriminazzjoni. Konsegwentement, in-nuqqas ta’ osservanza tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 ma jistax jiġi ġġustifikat biss b’riferiment għal piżijiet finanzjarji jew diffikultajiet amministrattivi possibbli (50).

96.      F’każ bħal dak preżenti, il-limitu ta’ età inkwistjoni jirriżulta fl-esklużjoni totali ta’ grupp sħiħ ta’ impjegati mid-dritt ta’ invokazzjoni ta’ benefiċċji tal-iskema ta’ pensjoni professjonali (51). Għaldaqstant, l-impjegati omosesswali kollha li twieldu qabel l-1951 huma awtomatikament preklużi milli jipprovdu lill-imsieħba superstiti tagħhom assigurazzjoni soċjali f’għamla ta’ pensjoni tas-superstiti mill-iskema ta’ pensjoni professjonali. L-iskema ta’ pensjoni tistabbilixxi kundizzjoni fir-rigward tagħhom, jiġifieri r-rabta ta’ żwieġ jew unjoni ċivili qabel l-għeluq is-60 sena, li ma huwiex possibbli li huma jissodisfaw, indipendentement mir-rieda tagħhom jew mill-pjanijiet individwali ta’ ħajjithom.

97.      Tali effetti negattivi fuq l-interessi ta’ grupp sħiħ ta’ impjegati huwa għalkollox sproporzjonat mal-għan imfittex mil-limitu ta’ età inkwistjoni, li huwa sempliċement l-prevenzjoni ta’ aġir abbużiv minn membri individwali.

98.      Dan japplika partikolarment għal każijiet bħal dak preżenti, li skont il-konstatazzjonijiet tad-deċiżjoni tar-rinviju, ma jinvolvix żwieġ (jew unjoni) ta’ konvenjenza. Fil-fatt, David Parris u s-sieħeb ċivili tiegħu ilhom flimkien bħala koppja għal iktar minn 30 sena, u l-qorti tar-rinviju hija konvinta li kienu jiżżewġu ħafna qabel li kieku dan kien legalment possibbli għalihom.

99.      Għalhekk, kollox ma’ kollox, il-limitu ta’ età inkwistjoni ma jikkostitwixxix bilanċ ġust tal-interessi u joħloq preġudizzju eċċessiv għall-interessi leġittimi tal-impjegati. Huwa ma jissodisfax l-eżami ta’ proporzjonalità. Għalhekk, ir-regola inkwistjoni tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali hi pprojbita skont l-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78.

c)      Fuq l-awtonomija tal-Istati Membri li jirregolaw l-istat ċivili

100. Trinity College, l-awtoritajiet konvenuti, il-Gvern tar-Renju Unit u l-Kummissjoni jargumentaw li l-affermazzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali f’dan il-każ jista’ jkollha l-konsegwenza li tagħti effett retroattiv de facto lill-istituzzjoni tal-unjoni ċivili, li ġiet introdotta mil-leġiżlatur Irlandiż biss fl-2010, u daħlet fis-seħħ biss fl-2011. Tali konsegwenza tkun kuntrarja għall-premessa 22 tad-Direttiva 2000/78.

101. Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

102. Fl-imsemmija premessa 22, il-leġiżlatur tal-Unjoni ċċara biss li d-Direttiva 2000/78 hija bla ħsara għal-liġijiet nazzjonali dwar l-istat ċivili u l-benefiċċji li jiddependu minnu.

103. Interpretazzjoni u applikazzjoni tad-Direttiva 2000/78 kif nissuġġerixxi jien hawnhekk madankollu b’ebda mod ma jkunu jobbligaw lill-Istat Irlandiż ibiddel l‑istat ċivili ta’ impjegat bħal David Parris b’mod retroattiv. B’mod partikolari, dawn ma jwasslux sabiex David Parris u s-sieħeb ċivili tiegħu jitqiesu bħala koppja miżżewġa jew marbuta b’unjoni ċivili matul perijodi ta’ żmien fil-passat. Id-Direttiva 2000/78 lanqas ma tobbliga lill-awtoritajiet nazzjonali jagħtu benefiċċji lill-persuni kkonċernati li ma jikkorrispondux mal-istat ċivili tagħhom.

104. David Parris u s-sieħeb tiegħu llum huma rrikonoxxuti mill-Istat Irlandiż bħala koppja li tgħix flimkien, u llum qegħdin jinvokaw – b’effett prospettiv –benefiċċji mill-iskema ta’ pensjoni professjonali li jikkorrispondu għall-istat ċivili preżenti tagħhom. Huma b’ebda mod ma jitolbu vantaġġ li ma humiex intitolati għalih skont l-istat ċivili tagħhom. U ċertament mhux qed jitolbu tali vantaġġ b’mod retroattiv. Huma lanqas ma jixtiequ emenda tal-istat ċivili tagħhom b’mod retroattiv. Għall-kuntrarju, huma jopponu biss kundizzjoni tal-iskema li toriġina mill-passat, il-limitu ta’ età ta’ 60 sena, li llum tiddiskrimina kontrihom.

105. Għaldaqstant, il-każ hawnhekk ma huwiex differenti minn dak fil-kawżi Maruko u Romer (52), fejn ċerti benefiċċji ntalbu biss għall-perijodu ta’ wara r-rikonoxximent mill-Istat ta’ unjonijiet ċivili bejn koppji tal-istess sess, għalkemm l-oriġini ta’ dawn il-benefiċċji (pagamenti ta’ kontribuzzjonijiet jew perijodi ta’ servizz rilevanti) imorru lura sew fil-passat, u għalhekk qabel l-istabbiliment tal-istituzzjoni tal-unjoni ċivili.

106. Id-Direttiva 2000/78 ma fiha ebda indikazzjoni li d-dispożizzjonijiet tagħha għandhom jipproteġu biss relazzjonijiet legali li ġew stabbiliti wara d-dħul fis-seħħ jew l-iskadenza tat-terminu għat-traspożizzjoni tagħha. Kieku l-effetti legali ta’ prinċipju fundamentali bħall-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament stabbilit taħt id-dritt tal-Unjoni kienu esklużivament limitati għal relazzjonijiet legali kompletament ġodda, iridu jiddekorru ħafna snin – jekk mhux saħansitra deċennji fil-każ inkwistjoni – sabiex iċ-ċittadini tal-Unjoni kollha jkunu protetti.

107. Għalhekk, kif diġà semmejt (53), huwa konformement ma’ prinċipju ġenerali li dispożizzjoni legali ġdida bħall-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni skont l-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 ma tkunx tapplika biss għal relazzjonijiet legali kompletament ġodda, iżda wkoll għall-effetti attwali u futuri tar-relazzjonijiet legali li oriġinaw taħt il-liġi l-qadima. Dan jista’ tabilħaqq jimplika li dispożizzjonijiet diskriminatorji adottati fil-passat għandhom issa jiġu interpretati u applikati konformement mad-dritt tal-Unjoni jew għandhom ma jiġux applikati (54).

108. Dan huwa preċiżament il-każ hawnhekk. Il-Qorti tal-Ġustizzja wkoll iddeċidiet diversi drabi f’dan is-sens, meta applikat id-dispożizzjonijiet tad-direttivi antidiskriminatorji għall-aspetti attwali jew futuri ta’ ċirkustanzi li l-oriġini tagħhom kultant tmur lura sew fil-passat u fi kwalunkwe każ qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija direttivi (55).

109. Mill-perspettiva legali lanqas ma hija ammissibbli l-oġġezzjoni li l-Istat Irlandiż ikun jinsab f’pożizzjoni aħjar f’każ bħal dak preżenti, fi kwalunkwe każ mil-lat finanzjarju, li kieku qatt ma introduċa l-istituzzjoni tal-unjoni ċivili u li kieku qatt ma ppermetta ż-żwieġ għal koppji tal-istess sess. Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni fl-istat attwali tiegħu huwa bla ħsara għall-kompetenza tal-Istati Membri f’oqsma tal-istat ċivili u l-benefiċċji relatati miegħu. Min-naħa tagħhom madankollu, l-Istati Membri, fl-eżerċizzju tal-kompetenza tagħhom, għandhom josservaw id-dritt tal-Unjoni kif ukoll, b’mod speċjali, il-prinċipju tal-ugwaljanza fit-trattament u n-nondiskriminazzjoni (56). Għaldaqstant, sa fejn Stat Membru jagħti rikonoxximent statali lill-imsieħba ċivili tal-istess sess u jagħti drittijiet u obbligi lill-persuni kkonċernati li huma komparabbli għal dawk tal-konjuġi, huwa ma jistax iktar jiddiskrimina kontrihom ipparagunat mal-konjuġi (57).

3.      Konklużjoni intermedjarja

110. Konsegwentement, kollox ma’ kollox, ir-risposta li għandha tingħata għall-ewwel domanda preliminari għandha tkun li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta pprojbita bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali skont l-Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78 jekk fi skema ta’ pensjoni tal-irtirar professjonali, id-dritt għal pensjoni tas-superstiti għal sieħeb ċivili tal-istess sess ikun suġġett għall-kundizzjoni li tkun ġiet stabbilita unjoni ċivili qabel ma l-impjegat affiljat mal-iskema jkun għalaq is-60 sena, meta fl-istess ħin għall-persuna kkonċernata ma kienx possibbli legalment li tikkuntratta tali unjoni ċivili jew żwieġ qabel ma laħqet dan il-limitu ta’ età.

C –    Diskriminazzjoni bbażata fuq l-età (it-tieni domanda preliminari)

111. Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tixtieq tikkonferma jkunx hemm diskriminazzjoni bbażata fuq l-età pprojbita skont id-Direttiva 2000/78 jekk fi skema ta’ pensjoni tal-irtirar professjonali, id-dritt għal pensjoni tas-superstiti għal sieħeb ċivili tal-istess sess ikun suġġett għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet stabbilita qabel ma l-impjegat affiljat mal-iskema jkun għalaq is-60 sena, f’ċirkustanzi fejn kien legalment impossibbli għall-persuni kkonċernati li jintrabtu b’tali unjoni ċivili jew bi żwieġ qabel ma jkunu laħqu dan il-limitu ta’ età.

112. Din id-domanda tressqet biss fil-każ li tingħata risposta negattiva għall-ewwel domanda. Peress li fil-kuntest tal-ewwel domanda jien assumejt li hemm diskriminazzjoni pprojbita taħt id-dritt tal-Unjoni, ma huwiex strettament neċessarju li t-tieni domanda tingħata risposta. Minkejja dan, jien ser nindirizzaha għal finijiet ta’ kompletezza.

1.      Fuq id-distizzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta

113. Kif jirriżulta mill-Artikolu 1 flimkien mal-Artikolu 2(1) tagħha, id-Direttiva 2000/78 tiġġieled id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, kemm dik diretta kif ukoll dik indiretta, fir-rigward tal-impjieg u x-xogħol.

114. Diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età fis-sens tad-Direttiva 2000/78 tirriżulta meta persuna tiġi ttrattata b’mod inqas favorevoli milli hija, kienet jew kienet tkun ittrattata persuna oħra f’sitwazzjoni simili (Artikolu 2(2)(a) flimkien mal-Artikolu 1); b’hekk id-differenza fit-trattament li tkun ibbażata fuqha din id-diskriminazzjoni tkun marbuta direttament mal-età. Min-naħa l-oħra, għandu jtiqies li jkun hemm diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-età biss meta dispożizzjoni, kriterju jew prattika apparentement newtrali tqiegħed persuni li għandhom età partikolari fi żvantaġġ partikolari meta mqabbla ma’ persuni oħra (Artikolu 2(2)(b)).

115. Il-limitu ta’ età kkontestat huwa marbut direttament mal-età, iżda jipprevedi espressament li l-impjegati assoċjati mal-iskema ta’ pensjoni professjonali jridu jkunu żżewġu jew intrabtu b’unjoni ċivili qabel għalqu s-60 sena, sabiex is-sieħeb superstiti tagħhom ikun jista’ jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti.

116. Konsegwentement hemm differenza fit-trattament ibbażata fuq l-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva: l-impjegati li ntrabtu bi żwieġ jew b’unjoni ċivili biss wara li għalqu s-60 sena huma ttrattati b’mod inqas favorevoli minn impjegati li jkunu diġà daħlu f’rabta dejjiema meta kienu iżgħar.

117. Il-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età tal-impjegat – jiġifieri David Parris f’dan il-każ – ma tistax tiġi kkonfutata bl-argument li l-iżvantaġġ finanzjarju attwali b’rabta mal-limitu ta’ età kkonstatat ma huwiex ser jaffettwah, iżda lis-sieħeb superstiti tiegħu, li jiċċaħħad minn pensjoni tas-superstiti. Fil-fatt, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, il-pensjoni tas-superstiti hija remunerazzjoni differita tal-impjegat, anki jekk din ma titħallasx matul ħajtu, iżda tingħata lis-sieħeb superstiti tiegħu (58). Minbarra dan, impjegat bħal David Parris, kif juri b’mod partikolarment ċar dan il-każ, permezz tal-limitu ta’ età kkontestat, personalment jitlef ukoll il-vantaġġ li jkun jista’ jassigura s-sieħeb tiegħu taħt l-iskema ta’ sigurtà soċjali matul ħajtu, u b’hekk “iħalli ordni fl-affarijiet tiegħu”.

118. Anki jekk jitqies li huma biss is-superstiti ta’ impjegat bħal David Parris – jiġifieri l-konjuġi jew is-sieħeb ċivili superstiti - li jġarrbu żvantaġġ minħabba l-limitu ta’ età inkwistjoni, dan ma jkunx jippreġudika l-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età. Fil-fatt, ġurisprudenza stabbilita tistabbilixxi li dejjem ikun hemm diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/78 jekk persuna ġġarrab żvantaġġ li jkun direttament marbut ma’ wieħed mill-motivi ta’ differenza fit-trattament imsemmija fid-Direttiva (59). F’termini sempliċi, kwalunkwe persuna tista’ tkun vittma ta’ diskriminazzjoni diretta bbażata fuq l-età anki meta ma tkunx ikkonċernata l-età tagħha, iżda l-età ta’ persuna relatata mill-qrib magħha. Fil-fatt, id-Direttiva 2000/78 ma tipproteġix biss lil ċerti kategoriji ta’ persuni, iżda timponi projbizzjoni ġenerali ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età nnifisha, mingħajr ma tirrikjedi neċessarjament rabta mal-età tal-persuna żvantaġġata stess f’dan ir-rigward (60).

2.      Stħarriġ tal-ġustifikazzjoni

119. Limitu ta’ età bħal dak inkwistjoni jista’ madankollu jwassal għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li hija pprojbita mid-Direttiva 2000/78 biss jekk l-inugwaljanza fit-trattament diretta minħabba l-età ma tkunx iġġustifikata. Ir-rekwiżiti stabbiliti mid-dritt tal-Unjoni fir-rigward tal-ġustifikazzjoni ta’ din id‑differenza fit-trattament joħorġu mill-Artikoli 2(5), 4(1) u 6 tad-Direttiva 2000/78 (61).

120. L-aħħar dispożizzjoni biss hija rilevanti fil-każ preżenti. Fid-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tirreferi biss għall-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima a) hawn taħt). Madankollu, kif jirriżulta mill-kuntest globali tad-deċiżjoni preliminari kif ukoll mill-preċiżazzjonijiet tal-Labour Court, huwa rilevanti wkoll eżami tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva (ara, f’dan ir-rigward, it-Taqsima b) iktar ’il quddiem).

a)      Ebda ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78

121. L-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 jirregola taħt liema kundizzjonijiet jistgħu jiġu stabbiliti limiti ta’ età u jintużaw kriterji b’rabta mal-età fl-iskemi tas-sigurtà soċjali professjonali, mingħajr ma dan iwassal għal diskriminazzjoni bbażata fuq l-età pprojbita taħt id-dritt tal-Unjoni.

122. Id-dispożizzjoni tapplika espressament biss għal skemi tas-sigurtà soċjali professjonali li jkopru r-riskji tal-età u l-invalidità (62). L-iskema inkwistjoni hija tali skema peress li l-pensjoni tas-superstiti li David Parris jixtieq jikseb għas-sieħeb ċivili tiegħu hija forma ta’ pensjoni tax-xjuħija.

i)      Fuq it-tliet kategoriji stabbiliti fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78

123. Sostanzjalment, skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva huma permessi biss tliet tipi ta’ derogi mill-projbizzjoni tad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età skont l-Artikolu 2(1) moqri flimkien mal-Artikolu 2(2) tad-Direttiva: l-ewwel nett, l-iffisar ta’ limiti ta’ età bħala prekundizzjoni għas-sħubija fi skema tas-sigurtà soċjali professjonali, it-tieni nett, l-iffissar ta’ limiti ta’ età sabiex wieħed jirċievi pensjoni tax-xjuħija jew benefiċċji fil-każ ta’ invalidità u, it-tielet nett, l-użu ta’ kriterji ta’ età għal kalkoli attwarjali (63). Għad-differenza minn dak li jidher hija l-fehma tal-qorti tar-rinviju, f’dan ir-rigward huma kkonċernati tliet kategoriji indipendenti. Ir-regola rilevanti tista’ tiġi ġġustifikata skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, anki jekk limitu ta’ età jaqa’ taħt waħda minn dawn il-kategoriji,.

124. Madankollu, limitu ta’ età bħal dak inkwistjoni ma jistax jiġi kklassifikat taħt ebda waħda mit-tliet kategoriji msemmija.

125. L-ewwel nett, il-limitu ta’ età inkwistjoni ma huwiex prekundizzjoni għas-sħubija fl-iskema ta’ pensjoni professjonali (l-ewwel sitwazzjoni). Dan peress li David Parris huwa membru affiljat fl-iskema ta’ pensjoni, kif anki enfasizzaw Trinity College u l-Kummissjoni fis-seduta. David Parris huwa afffiljat ma’ din l-iskema minħabba r-relazzjoni tax-xogħol tiegħu ma’ Trinity College mill-1972, u din l-affiljazzjoni qatt ma kienet tiddependi minn jekk u meta ntrabatx bi żwieġ jew b’unjoni ċivili rreġistrata.

126. Il-limitu ta’ età lanqas ma jistabbilixxi l-età meħtieġa sabiex wieħed jirċievi l-benefiċċji (it-tieni sitwazzjoni). Il-limitu ta’ età ta’ 60 sena inkwistjoni ma jagħti ebda informazzjoni dwar jekk l-età tas-sieħeb ta’ David Parris tintitolahx għall-pensjoni tas-superstiti, peress li din ma hijiex marbuta mal-età tiegħu, iżda biss mal-età ta’ David Parris meta ntrabat b’unjoni ċivili jew bi żwieġ.

127. Finalment, il-limitu ta’ età ta’ 60 sena, skont il-konstatazzjonijiet ċari tal-qorti tar-rinviju, barra minn hekk ma jikkostitwixxix kriterju li, fil-kuntest tal-iskema ta’ pensjoni professjonali kkontestata, jintuża fil-kalkoli attwarjali (64) (it-tielet kategorija).

ii)    Fuq il-kwistjoni tal-applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78

128. Huwa minnu li tista’ tingħata interpretazzjoni iktar vasta tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 billi l-limitu ta’ età ta’ 60 sena jitqies bħala prekundizzjoni għas-sħubija (l-ewwel kategorija) jew biex wieħed jirċievi pensjoni tax-xjuħija (it-tieni kategorija). Dan għaliex mingħajr dubju, il-limitu ta’ età inkwistjoni huwa kundizzjoni li trid tiġi ssodisfatta sabiex l-iskema ta’ pensjoni tiġi estiża għall-konjuġi jew għas-sieħeb superstiti tal-impjegat (b’mod simili għal “prekundizzjoni għas-sħubija” fis-sens tal-ewwel kategorija) u sabiex il-konjuġi jew is-sieħeb superstiti jkun jista’ jibbenefika minn pensjoni tas-superstiti (b’mod simili għal “prekundizzjoni sabiex wieħed jirċievi pensjoni tax-xjuħija” fis-sens tat-tieni kategorija).

129. Madankollu, meta tiġi analizzata b’iktar attenzjoni, applikazzjoni b’analoġija tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva għal limitu ta’ età bħal dak inkwistjoni ma hijiex konvinċenti.

130. Minn naħa, l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 fil-fatt huwa eċċezzjoni li għandha tiġi interpretata b’mod strett (65), li ma tistax tiġi estiża b’analoġija għal sitwazzjonijiet oħra apparti dawk previsti konkretament mil-leġiżlatur tal‑Unjoni (66). Dan japplika iktar u iktar fid-dawl tal-fatt li l-miżuri permessi skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, għall-kuntrarju ta’ dawk skont l-Artikolu 6(1), jikkostitwixxu lista eżawrjenti u mhux sempliċiment eżempju (67).

131. Min-naħa l-oħra, il-limitu ta’ età inkwistjoni fil-każ preżenti jservi l-istess għan bħal-limiti ta’ età konvenzjonali għas-sħubija jew l-għoti ta’ pensjonijiet ta’ xjuħija, li l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva jieħu inkunsiderazzjoni. Tali limiti ta’ età konvenzjonali jiżguraw li jkun assigurat proporjzon ġust bejn l-istennija tal-ħajja antiċipata tal-persuna li trid tingħata manteniment – u għalhekk il-perijodu antiċipat li matul tiegħu tirċievi l-benefiċċji – fuq naħa u l-kontribuzzjonijiet imħallsa fuq in-naħa l-oħra. Limitu ta’ età bħal dak inkwistjoni ma jistax jissodisfa għan paragunabbli a priori. Dan minħabba li dan la jipprovdi informazzjoni dwar kemm l-impjegat (hawnhekk David Parris) ilu jew kemm dam membru affiljat tal-iskema ta’ pensjoni professjonali, u lanqas ma jiżvela xejn dwar l-età – u b’hekk indirettament dwar l-istennija tal-ħajja – tal-persuna benefiċjarja (hawnhekk is-sieħeb ta’ David Parris).

132. Konsegwentement, limitu ta’ età bħal dak inkwistjoni ma jistax jiġi ġġustifikat skont l-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, lanqas jekk din id-dispożizzjoni tiġi applikata b’analoġija.

b)      Ebda ġustifikazzjoni skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78

133. Għad irid jiġi eżaminat jekk limitu ta’ età ta’ 60 sena bħal dak inkwistjoni jistax jiġi ġġustifikat b’riferiment għall-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78.

134. Essenzjalment, l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jippermetti differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età li jsegwu għan leġittimu u li jissodisfaw it-test ta’ proporzjonalità, li għall-finijiet tiegħu l-għanijiet leġittimi għandhom jinftiehmu fis-sens ta’ “għan leġittimu, inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali”.

135. Limitu ta’ età bħal dak inkwistjoni minkejja dan evidentement ma jsegwi ebda għan ta’ politika tal-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ taħriġ professjonali. Skont l-informazzjoni kollha disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja, lanqas ma huwa intiż għar-“rikonoxximent soċjali” ta’ sħubija dejjiema min-naħa tal-impjegat – f’sens ta’ “mara tad-dar” (68). Għall-kuntrarju, l-għan tiegħu huwa biss li jipprevjeni l-abbuż tal-iskema ta’ pensjoni professjonali, u għalhekk l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandu jitqies biss fir-rigward ta’ dan il-għan.

136. Huwa minnu li prima facie jidher li huwa inkonċepibbli li miżura li tiġġieled l-abbuż tista’ wkoll tkun ibbażata fuq l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva. Dan għaliex l-użu tal-avverbju “inkluż” fil-kliem ta’ din id-direttiva jista’ jinftiehem b’tali mod li l-għanijiet leġittimi msemmija espressament mil-leġiżlatur tal-Unjoni “inkluża politika leġittima ta’ l-impjieg, tas-suq tax-xogħol u ta’ objettivi ta’ taħriġ professjonali” jikkostitwixxu lista eżemplari u mhux eżawrjenti, li ma tippreġudikax l-iffissar ta’ limiti ta’ età bis-segwitu ta’ għanijiet leġittimi oħra.

137. Madankollu, kif diġà sostniet diversi drabi l-Qorti tal-Ġustizzja (69), l-“għanijiet leġittimi” kollha fis-sens tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva għandhom inkomuni n-natura soċjopolitika tagħhom. Huwa biss fi ħdan il-kategorija ta’ għanijiet ta’ politika soċjali li l-lista tal-Artikolu 6(1) ma hijiex eżawrjenti. Għall-kuntrarju, l-Artikolu 6(1) ma joffri ebda bażi legali għal differenzi fit-trattament ibbażati fuq l-età li jsegwu għanijiet oħra għajr dawk b’rabta mal-politika soċjali.

138. Fid-dawl tal-funzjoni u tal-pożizzjoni sistematika tal-Artikolu 6(1) fil-kuntest globali tad-Direttiva 2000/78, din il-ġurisprudenza hija ġustifikata. L-Artikolu 6(1) huwa dispożizzjoni speċjali, li primarjament iservi sabiex jiġġustifika differenzi fit-trattament diretti abbażi tal-età fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva.

139. Minkejja li, mingħajr dubju, hemm għadd kbir ta’ tali differenzi fit-trattament ta’ dan it-tip, li jistgħu jiġu ġġustifikati skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva, din id-dispożizzjoni madankollu ma tistax tiġi interpretata b’mod tant wiesa’ li tkun tista’ tiġġustifika s-segwitu ta’ kwalunkwe għan leġittimu. Dan għaliex, inkella, il-kontenut tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva jkun identiku għal dak tal-Artikolu 2(2)(b)(i) tad-Direttiva, li jiġġustifika differenzi fit-trattament indiretti. Konsegwentement, id-distinzjoni bejn diskriminazzjoni diretta u indiretta abbażi tal-età tiċċajpar, u l-ġustifikazzjonijiet eventwali jkunu l-istess għaż-żewġ kategoriji. Dan ikun inkonsistenti mal-istruttura ġenerali tad-Direttiva.

140. Fil-fatt, skont l-istruttura tad-Direttiva, l-istess bħal fid-dritt tal-Unjoni, tista’ tiġi ġġustifikata biss differenza fit-trattament indiretta permezz ta’ kwalunkwe għan leġittimu, bil-kundizzjoni li jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, filwaqt li sabiex tiġi ġġustifikata differenza fit-trattament diretta, japplikaw miżuri iktar stretti, bil-konsegwenza li jistgħu jiġu segwiti biss l-għanijiet previsti espressament fid-dritt tal-Unjoni.

141. Konsegwentement, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva ma jistax jiġi estiż għal għanijiet leġittimi oħra ta’ kwalunkwe tip, lil hinn mill-qasam ta’ politika soċjali msemmi espressament fiha.

142. Għaldaqstant, limitu ta’ età bħal dak inkwistjoni, li skont l-informazzjoni kollha disponibbli għall-Qorti tal-Ġustizzja ma jservi ebda għan ġenwin ta’ politika soċjali, ma jistax jiġi ġġustifikat permezz tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva.

c)      Rimarki konklużivi dwar it-tieni domanda preliminari

143. Fil-każ biss li fih il-Qorti tal-Ġustizzja ma tikkondividix il-fehma tiegħi u tinterpreta b’mod iktar estensiv l-Artikolu 6(1) jew (2) tad-Direttiva 2000/78, nixtieq nindika li, fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat il-prinċipju ta’ proporzjonalità, li huwa prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni (70).

144. Fil-fehma tiegħi l-istħarriġ tal-proporzjonalità b’rabta mad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età ma jista’ jwassal għal ebda konklużjoni differenti minn dik li wasalt għaliha jiena iktar ’il fuq (71), fir-rigward ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali.

145. Ma nara ebda raġuni għalfejn il-limitu ta’ età ta’ 60 sena għandu jitqies li huwa iktar favorevoli mill-perspettiva tal-proporzjonalità meta d-diskriminazzjoni tkun ibbażata fuq l-età pjuttost milli diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali. Jekk xejn, it-test ta’ proporzjonalità fil-kuntest ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età jrid ikun iktar strett peress li d-diskriminazzjoni hawnhekk tiirriżulta minn differenza fit-trattament diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva, filwaqt li fir-rigward ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali, ikun hemm biss differenza fit-trattament indiretta skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva. Barra minn hekk, argument ieħor favur l-użu ta’ kriterju strett għall-applikazzjoni tat-test ta’ proporzjonalità huwa l-fatt li d-diskriminazzjoni kontra impjegati bħal David Parris fil-każ preżenti tirrigwarda mhux l-età, iżda wkoll l-orjentazzjoni sesswali tal-persuna kkonċernata, u għalhekk hija aggravata bit-tieni fattur fis-sens tal-Artikolu 1 tad-Direttiva

3.      Konklużjoni intermedjarja

146. Konsegwentement, kollox ma’ kollox, għandu jiġi nnotat, fir-rigward tat-tieni domanda preliminari, li skema ta’ pensjoni tal-irtirar professjonali tissuġġetta d-dritt għal pensjoni tas-superstiti għal sieħeb ċivili tal-istess sess għall-kundizzjoni ta’ rabta b’unjoni ċivili qabel ma l-impjegat affiljat mal-iskema jkun għalaq is-60 sena, f’ċirkustanzi fejn ma kienx possibbli għall-persuni kkonċernati li jintrabtu b’tali unjoni ċivili jew bi żwieġ qabel ma jkunu laħqu dan il-limitu ta’ età, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta pprojbita skont l-Artikolu 2(1) flimkien ma’ (2)(a) tad-Direttiva 2000/78.

D –    Kombinazzjoni diskriminatorja ta’ diversi fatturi (it-tielet domanda preliminari)

147. Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk, fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78, tistax ukoll tiġi preżunta diskriminazzjoni pprojbita meta miżura ma tikkostitwixxix diskriminazzjoni abbażi tal-età biss jew abbażi tal-orjentazzjoni sesswali biss, iżda possibbilment minħabba kombinazzjoni ta’ żewġ raġunIjiet għal differenza fit-trattament.

148. Din id-domanda saret biss fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għall-ewwel u t-tieni domandi. Peress li fil-kuntest taż-żewġ domandi preċedenti diġà assumejt li hemm diskriminazzjoni pprojbita taħt id-dritt tal-Unjoni, minn naħa bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali (diskriminazzjoni diretta) (72) u min-naħa l-oħra bbażata fuq l-età (diskriminazzjoni indiretta) (73), ma huwiex strettament neċessarju li t-tielet domanda tingħata risposta. Minkejja dan, jien ser nindirizzaha għal finijiet ta’ kompletezza.

149. Permezz tad-domanda tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja essenzjalment qiegħda tintalab tiċċara kif id-diskriminazzjoni kontra individwi attribwibbli għal kombinazzjoni ta’ żewġ raġunijiet jew iktar ta’ differenza fit-trattament (74) għandha tiġi ttrattata fil-kuntest tal-projbizzjonijiet ta’ diskriminazzjoni taħt id-dritt tal-Unjoni. Filwaqt li ma hemmx dubju li l-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha kawżi li fihom diversi tali fatturi kienu preżenti fl-isfond (75), ma kienx hemm kawża, sa fejn naf jien, li kienet teħtieġ li l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti deċiżjoni dwar dan.

150. L-imsemmija kwistjoni ilha magħrufa fid-duttrina kemm fi ħdan kif ukoll barra mill-Unjoni Ewropea (76). Pereżempju, fl-Istati Uniti tal-Amerika fi tmiem it-tmeninijiet diġà kien qiegħed jiġi diskuss kif għandhom jiġu ttrattati każijiet fejn ċerti miżuri kellhom impatt partikolarment sfavorevoli għal nisa ta’ ċertu kulur tal-ġilda (77).

151. Il-kwistjoni f’dawn l-aħħar snin ġiet diskussa wkoll marġinalment mill-Parlament Ewropew (78) u mill-Kummissjoni (79). Huwa għalhekk iktar u iktar sorprendenti li, fil-każ preżenti, il-Kummissjoni naqset milli tadotta pożizzjoni speċifika dwar dan is-suġġett.

152. Huwa minnu li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adotta ebda regola espressa dwar il-kwistjoni ta’ interess hawnhekk. Madankollu, ma għandux jiġi konkluż b’mod prematur li d-Direttiva 2000/78 ma toffri ebda soluzzjoni għall-effett ikkombinat ta’ diversi raġunijiet ta’ differenza fit-trattament. F’diversi punti tad-Direttiva jidher li l-awtur kien tassew konxju minn din il-kwistjoni u li assuma li din tista’ tissolva b’mod xieraq permezz tal-istrumenti preskritti mid-Direttiva (80).

153. L-effett ikkombinat ta’ żewġ raġunijiet ta’ differenza fit-trattament jew iktar huwa karatteristika li tagħti dimensjoni ġdida lil każ bħal dak preżenti u li għandha tittieħed debitament inkunsiderazzjoni meta tiġi analizzata fid-dawl tad-dritt tal-Unjoni. Wara kollox, ikun inkonsistenti mas-sens ta’ projbizzjoni tad-diskriminazzjoni stabbilita fl-Artikolu 1 flimkien mal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2000/78 għal sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni li tinqasam u tiġi indirizzata esklużivament mill-perspettiva ta’ waħda mir-raġunijiet għad-differenza fit-trattament b’mod iżolat. Għalhekk, ir-regola ġenerali tad-Direttiva, li tipprovdi li ma jista’ jkun hemm ebda diskriminazzjoni abbażi ta’ waħda mir-raġunijiet ta’ differenza fit-trattament koperti minnha (Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 1 tad-Direttiva) għandha tapplika wkoll għal dawk il-każijiet fejn diskriminazzjoni potenzjali tkun ibbażata fuq l-effett ikkombinat ta’ iktar minn raġuni waħda.

154. Jekk ma tkunx tista’ tiġi kkonstatata diskriminazzjoni abbażi ta’ waħda biss mir-raġunijiet għad-differenza fit-trattament imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 (reliġjon, twemmin, diżabbiltà, età jew orjentazzjoni sesswali) kif il-qorti tar-rinviju assumiet bħala premessa għat-tielet domanda tagħha, fil-fehma tiegħi s-sitwazzjoni għandha tiġi eżaminata mill-perspettiva ta’ diskriminazzjoni indiretta. F’tali każ, għandu għalhekk jiġi eżaminat, fid-dawl tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva, jekk il-persuni kkonċernati jistgħux jiġu żvantaġġati mill-miżuri inkwistjoni speċjalment minħabba l-effett ikkombinat ta’ żewġ karatteristiċi ta’ differenza fit-trattament jew iktar.

155. Peress li żvantaġġ partikolari fid-dawl ta’ wieħed mill-fatturi msemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 huwa biżżejjed sabiex sitwazzjoni tiġi kklassifikata fil-kategorija ta’ diskriminazzjoni indiretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva (81), dan japplika wkoll fejn il-persuni kkonċernati jitqiegħdu fi żvantaġġ partikolari mhux minħabba wieħed mill-fatturi msemmija, iżda minħabba l-effett ikkombinat ta’ żewġ fatturi jew iktar. Fil-fatt, il-portata tal-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni fid-Direttiva 2000/78 ma tistax tiġi ddefinita b’mod strett fid-dawl tan-natura fundamentali tagħha (82).

156. Għaldaqstant, f’każ bħal dak preżenti, impjegati bħal David Parris għandhom, skont l-Artikolu 2(2)(b) tad-Direttiva 2000/78, jitqiesu li huma fi żvantaġġ partikolari minħabba kombinazzjoni tal-orjentazzjoni sesswali u tal-età tagħhom, minħabba l-fatt li l-kundizzjonijiet tal-iskema jwasslu de facto sabiex l-imsieħba superstiti tagħhom sistematikament jiċċaħdu minn pensjoni tas-superstiti (83): Huwa minnu li għall-impjegati kollha, il-vantaġġ tal-pensjoni tas‑superstiti favur il-konjuġi superstiti tagħhom jiddependi mill-prekundizzjoni (apparentement newtrali) li huma jridu jkunu żżewġu jew intrabtu b’unjoni ċivili qabel ma jagħlqu s-60 sena. Madankollu, fil-verità, b’dan il-mod l-impjegati omosesswali li twieldu qabel l-1951, b’mod partikolari, huma esklużi sistematikament minn pensjoni tas-superstiti ta’ dan it-tip, peress li ma setgħux jissodisfaw l-imsemmija prekundizzjoni, anki li kieku riedu.

157. Madankollu, dan ma huwiex kollox: l-effett ikkombinat ta’ żewġ karatteristiċi jew iktar ta’ differenza fit-trattament imsemmija fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/78 jista’ jwassal ukoll sabiex fil-kuntest tal-istħarriġ ta’ proporzjonalità, l-interessi tal-impjegati żvantaġġati jingħataw preponderanza, u dan iżid il-probabbiltà ta’ żvantaġġ indebitu fir-rigward tal-persuni kkonċernati, u għalhekk ikun hemm ksur tar-rekwiżiti ta’ proporzjonalità sensu stricto.

158. Dan huwa preċiżament il-każ hawnhekk: Kif spjegajt iktar ’il fuq (84), il-limitu ta’ età ta’ 60 sena huwa sproporzjonat, minħabba li jikkostitwixxi piż indebitu għall-impjegati kkonċernati bħal David Parris, li huma omosesswali u twieldu qabel l-1951.

159. Għaldaqstant, kollox ma’ kollox, ikollha tiġi preżunta diskriminazzjoni indiretta pprojbita fis-sens tal-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78, fil-każ li jiġi pprovat li l-kundizzjonijiet tal-iskema ta’ pensjoni professjonali inkwistjoni ma jikkostitwixxux żvantaġġ biss minħabba l-età jew minħabba l-orjentazzjoni sesswali, iżda minħabba kombinazzjoni taż-żewġ raġunijiet ta’ differenza fit-trattament.

E –    L-effetti ratione temporis tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-każ preżenti

160. B’rabta mal-argument tal-awtoritajiet konvenuti, għandu jitfakkar li fil-prinċipju, il-Qorti tal-Ġustizzja hija libera li tillimita l-effetti ratione temporis tas-sentenza tagħha għall-futur f’każijiet estremament eċċezzjonali minħabba kunsiderazzjonijiet imperattivi ta’ ċertezza legali, speċjalment meta s-sentenza tkun tikkonċerna għadd ta’ relazzjonijiet legali stabbiliti b’bona fide u aktarx ikollha konsegwenzi finanzjarji serji (85).

161. Madankollu, fil-każ preżenti, ma teżisti ebda informazzjoni konkreta li tiġġustifika tali approċċ. Fin-nuqqas ta’ indikazzjonijiet oħra, għandu jiġi preżunt b’mod partikolari, li regola bħal dik inkwistjoni, li twassal b’mod speċjali sabiex jiġu żvantaġġati persuni omosesswali li twieldu qabel l-1951, tikkonċerna b’mod sinjifikattiv inqas impjegati jew superstiti milli tkun tikkonċerna, pereżempju f’każ ta’ diskriminazzjoni abbażi tas-sess, bħalma kien is-suġġett tas-sentenza Barber (86). Konsegwentement, anki kwalunkwe piż żejjed fuq l-iskema ta’ pensjoni professjonali u skemi ta’ pensjoni komparabbli f’dan il-każ għandu jinżamm f’limiti raġonevoli. Dan japplika iktar u iktar ladarba l-finanzjament ta’ din l-iskema kien maħsub mill-bidu nett sabiex l-impjegati jiżżewġu. Li kieku David Parris iżżewweġ mara, il-finanzjament tal-pensjoni tas-superstiti tagħha, sa fejn huwa evidenti, kien ikun awtomatikament inkluż fil-kalkolu tal-iskema ta’ pensjoni.

162. Apparti minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement tiċħad ir-restrizzjoni ratione temporis tal-effetti ta’ sentenza meta tkun qiegħda tagħti deċiżjoni dwar punt ta’ liġi għall-ewwel darba (87). Dan huwa l-każ hawnhekk. L-applikabbiltà tad-Direttiva 2000/78 għal pensjonijiet tas-superstiti minn skemi tal-irtirar professjonali ilha stabbilita mis-sentenza Maruko. Peress li l-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet espressament restrizzjoni tal-effetti tas-sentenza f’din il-kawża (88), ma huwiex konċepibbli li hija tadotta l-istess approċċ fil-każ preżenti.

163. Jekk minkejja dan, il-Qorti tal-Ġustizzja twettaq tali restrizzjoni, b’konformità mal-ġurisprudenza stabbilita għandha ssir eċċezzjoni fir-rigward ta’ pretensjonijiet ta’ persuni li jkunu ħadu passi fi żmien xieraq sabiex jipproteġu d-drittijiet tagħhom, kemm bi proċeduri legali kif ukoll b’rimedju legali ekwivalenti (89). David Parris huwa tali persuna.

VI – Konklużjoni

164. Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nissuġġerixxi lill-Qorti tal-Ġustizzja tagħti risposta kif ġej għat-talba għal deċiżjoni preliminari tal-Labour Court Irlandiża, abbażi tal-ewwel domanda preliminari:

Skema ta’ pensjoni tal-irtirar professjonali li tissuġġetta d-dritt għal pensjoni tas-superstiti ta’ msieħba ċivili tal-istess sess għall-kundizzjoni li l-unjoni ċivili tkun ġiet stabbilita qabel ma l-impjegat affiljat mal-iskema jkun għalaq is-60 sena, f’ċirkustanzi fejn kien legalment impossibbli għall-persuni kkonċernati li jintrabtu b’tali unjoni ċivili jew bi żwieġ qabel ma l-impjegat ikun laħaq il-limitu ta’ età, tikkostitwixxi diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq l-orjentazzjoni sesswali pprojbita skont l-Artikolu 2(1) u (2)(b) tad-Direttiva 2000/78/KE.


1 – Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.


2 – Sentenza Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 21) dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età u s-sentenza Léger (C‑528/13, EU:C:2015:288, punt 48) dwar l-orjentazzjoni sesswali.


3 – Direttiva tal-Kunsill 2000/78/KE, tas-27 ta’ Novembru 2000, li tistabbilixxi qafas ġenerali għall-ugwaljanza fit-trattament fl-impjieg u fix-xogħol (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 4, p. 79); iktar ’il quddiem id-“Direttiva 2000/78” jew sempliċiment id-“direttiva”.


4 – Sentenzi Kücükdeveci (C‑555/07, EU:C:2010:21, punt 21), Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punt 38) u DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punt 22).


5 – Att dwar il-pensjonijiet tal-1990.


6 – L-emendi saru permezz tas-Social Welfare (Miscellaneous Provisions) Act 2004 (att dwar is-sigurtà soċjali [dispożizzjonijiet mixxellanji] tal-2004), li permezz tiegħu ġie inkorporat Titolu VII ġdid fl-att dwar il-pensjonijiet tal-1990 għall-finijiet tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2000/78.


7 – Att tal-2010 dwar l-unjonijiet ċivili u ċerti drittijiet u obbligi tal-koabitanti.


8 – Civil Partnership (Recognition of Registered Foreign Relationships) Order 2010, p. I. 649.


9 – Tribunal industrijali bis-sede f’Dublin.


10 – Fir-Renju Unit, huwa rilevanti s-Civil Partnership Act 2004 (Att tal-2004 dwar l-unjonijiet ċivili).


11 – Skont l-informazzjoni tal-qorti tar-rinviju, eżami attwarjali fis-sena 2008 żvela li l-iskema ta’ pensjoni inkwistjoni kienet f’pożizzjoni li tħallas biss madwar 37 % tad-drittijiet tal-membri tagħha.


12 – Ara s-sentenzi Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179) u Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 66).


13 – Fuq il-paralleliżmu mal-kunċett ta’ paga tal-Artikolu 157 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 119 tat-Trattat KE jew l-Artikolu 141 KE), ara l-premessa 13 tad-Direttiva 2000/78.


14 – Sentenzi Bilka-Kaufhaus (170/84, EU:C:1986:204, punti 22 u 23), Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punti 28 sa 30) u Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 45); ara, fl-istess sens, is-sentenza Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punti 30 sa 33).


15 – Sentenza Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 45); ara, fl-istess sens – dwar dak li llum huwa l-Artikolu 157 TFUE – sentenzi Ten Oever (C‑109/91, EU:C:1993:833, punti 12 u 13), Coloroll Pension Trustees (C‑200/91, EU:C:1994:348, punt 18) u Menauer (C‑379/99, EU:C:2001:527, punt 18).


16 – Ara wkoll il-premessa 13 tad-Direttiva 2000/78.


17 – Ara s-sentenza Beune (C‑7/93, EU:C:1994:350, punt 38), Griesmar (C‑366/99, EU:C:2001:648, punt 37), Niemi (C‑351/00, EU:C:2002:480, punt 43) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑559/07, EU:C:2009:198, punt 46).


18 – Sentenza Beune (C‑7/93, EU:C:1994:350, punti 43 u 45), Griesmar (C‑366/99, EU:C:2001:648, punti 28 u 30), Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punti 46 u 48) u Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑559/07, EU:C:2009:198, punti 47 u 50).


19 – Sentenza Brock (68/69, EU:C:1970:24, punt 6), Licata/WSA (270/84, EU:C:1986:304, punt 31), Pokrzeptowicz-Meyer (C‑162/00, EU:C:2002:57, punt 50), Monsanto Technology (C‑428/08, EU:C:2010:402, punt 66) u Il-Kummissjoni vs Moravia Gas Storage (C‑596/13 P, EU:C:2015:203, punt 32).


20 – Ara s-sentenza Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, b’mod partikolari l-punti 19, 20 u 79); b’mod simili, is-sentenza Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, b’mod partikolari l-punti 22 u 66).


21 – Sentenza Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punti 40 sa 45).


22 – Sentenza Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punti 77 sa 79) u Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 66).


23 – Sentenza Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punti 57 sa 64).


24 – Sentenza Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 66).


25 – Ara l-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 28).


26 – Ara, f’dan ir-rigward, anki jekk b’rabta mad-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, l-aħħar sentenza tal-premessa 25 tad-Diretiva 2000/78. Ara wkoll il-kliem tal-Artikoli 4(1) u 6 ta’ din id-Direttiva, li jipprovdi li l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li taħt ir-rekwiżiti ta’ ġustifikazzjoni msemmija iktar fid-dettall hemmhekk, “differenza ta’ trattament […] m’għandhiex tikkostitwixxi diskriminazzjoni”. Il-ġurisprudenza, li ma hijiex dejjem koerenti, tagħmel konstatazzjonijiet simili, ara pereżempju dwar id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età, is-sentenza Vital Pérez (C‑416/13, EU:C:2014:2371, punt 27).


27 – Hekk kif diġà stqarrejt fil-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 31) u, b’rabta mad-Direttiva 2000/43/KE relatata, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:170, punt 73); ara, barra minn hekk, is-sentenza Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 45).


28 – Ara, pereżempju, is-sentenzi Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383, punti 12 u 17), Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund (C‑179/88, EU:C:1990:384, punt 13), Busch (C‑320/01, EU:C:2003:114, punt 39), Kiiski (C‑116/06, EU:C:2007:536, punt 55), Kleist (C‑356/09, EU:C:2010:703, punt 31), Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punti 23 u 24), Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 72), Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 52) u Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punti 41 u 44); ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenza CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 76, 91 u 95).


29 – Fuq id-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess b’riferiment għal tqala, ara s-sentenzi Dekker (C‑177/88, EU:C:1990:383, punti 12 u 17), Handels- og Kontorfunktionærernes Forbund (C‑179/88, EU:C:1990:384, punt 13) u Busch (C‑320/01, EU:C:2003:114, punt 39).


30 – Għalhekk, ma huwiex konvinċenti l-ilment tal-awtoritajiet konvenuti, li anki l-impjegati eterosesswali li twieldu qabel l-1951 setgħu wkoll iċċaħħdu mill-possibbiltà li jiżżewġu lis-sieħeb tagħhom qabel ma għalqu s-60 sena minħabba li ma kinux jissodisfaw il-kundizzjonijiet legali għal dan. Fil-fatt, f’dan ir-rigward dan huwa każ ta’ eċċezzjoni rari (pereżempju meta l-persuna kkonċernata ma kinitx ta’ età maġġuri jew ma kellhiex kapaċità kuntrattwali), jew każ fejn minħabba d-deċiżjoni tal-impjegat stess, kien għad hemm żwieġ preċedenti, għalkemm possibbilment żwieġ fallut, u għalhekk ma setax jintrabat bit-tieni żwieġ. Tali sitwazzjoni bl-ebda mod ma hija komparabbli għas-sitwazzjoni ta’ impjegati omosesswali li twieldu qabel l-1951, minħabba li dawn kienu mċaħħda milli jiżżewġu mhux biss f’każijiet eċċezzjonali rari biss, iżda bħala grupp b’mod ġenerali.


31 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43) kif ukoll CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 42 u 66), it-tnejn li huma jikkonċernaw id-Direttiva 2000/43 relatata.


32 – Ara, inter alia, is-sentenza O’Flynn mogħtija dwar il-libertà ta’ moviment tal-ħaddiema (C‑237/94, EU:C:1996:206, punt 18). Skont din is-sentenza, għandhom jitqiesu li jikkostitwixxu diskriminazzjoni indiretta minħabba ċ-ċittadinanza mhux biss dawk il-kundizzjonijiet tad-dritt nazzjonali li essenzjalment jew fil-biċċa l-kbira jikkonċernaw lill-ħaddiema migranti, iżda wkoll il-kundizzjonijiet applikabbli b’mod indiskriminat, li huma iktar faċli li jiġu ssodisfatti mill-ħaddiema residenti milli mill-ħaddiema migranti, u finalment ukoll kundizzjonijiet li fir-rigward tagħhom hemm ir-riskju li dawn ikunu ta’ żvantaġġ partikolari għall-ħaddiema migranti.


33 – Dan jista’ jintwera fil-fatt bl-eżempju partikolarment magħruf tad-diskriminazzjoni tan-nisa li jaħdmu part-time. Meta benefiċċju partikolari, bħat-tkomplija tal-ħlas tal-pagi fil-każ ta’ mard fis-sentenza Rinner-Kühn (171/88, EU:C:1989:328) jiġi rrifjutat lil ħaddiema part-time, huwa suffiċjenti sabiex tiġi preżunta diskriminazzjoni indiretta fuq bażi tas-sess huwa biżżejjed li din ir-regola tkun ta’ żvantaġġ partikolari għan-nisa. Il-fatt li xi rġiel jistgħu jġarrbu tali żvantaġġ, b’mod parikolari meta jaħdmu part-time, fil-fehma tiegħi lanqas ma jista’ jipprekludi l-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta bbażata fuq is-sess, bħall-fatt li, konversament, xi nisa jistgħu jevitaw dan l-iżvantaġġ, meta jaħdmu full-time.


34 – Sentenzi Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punti 56 u 57), Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punti 44 u 45) u Rosenbladt (C‑45/09, EU:C:2010:601, punt 58).


35 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 83 flimkien mal-punt 80), fejn il-Qorti tal-Ġustizzja tqis il-fatt li impriża ma tkunx f’sitwazzjoni li tipprovdi informazzjoni speċifika dwar in-natura neċessarja ta’ miżura, iżda tillimita ruħha għall-allegazzjoni li r-raġunijiet huma “fatt magħruf”, jikkostitwixxi indikazzjoni li ġew ippreġudikati l-għanijiet tad-direttivi antidiskriminatorji.


36 – Inżid ngħid li limitu ta’ età ta’ 60 sena teoretikament jista’ jservi wkoll sabiex jiġi eskluż manteniment żejjed, peress li l-biċċa l-kbira tal-persuni ta’ din l-età kbira jkunu diġà għamlu arranġamenti oħra għall-aħħar snin ta’ ħajjithom. Madankollu, ma hemm ebda indikazzjoni ta’ tali għan fil-każ preżenti, speċjalment peress li l-limitu tal-età kkontestat ta’ 60 sena ma jagħmilx riferiment għall-età tas-sieħeb jew sieħba benefiċjarju/a, iżda biss għall-età tal-impjegat li huwa membru affiljat mal-iskema ta’ pensjoni.


37 – Fuq il-bilanċ finanzjarju tal-iskemi tas-sigurtà soċjali, ara, inter alia, is-sentenzi Kohll (C‑158/96, EU:C:1998:171, punt 41) u Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 77); fuq il-projbizzjoni tal-aġir abbużiv ara s-sentenzi Halifax et (C‑255/02, EU:C:2006:121, punt 68) u Torresi (C‑58/13 u C‑59/13, EU:C:2014:2088, punt 42).


38 – Sentenzi Maizena et (137/85, EU:C:1987:493, punt 15), Ir-Renju Unit vs Il-Kunsill (C‑84/94, EU:C:1996:431, punt 57), British American Tobacco (Investments) u Imperial Tobacco (C‑491/01, EU:C:2002:741, punt 122), Digital Rights Ireland (C‑293/12 u C‑594/12, EU:C:2014:238, punt 46) u Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 67).


39 – Sentenzi Schräder HS Kraftfutter (265/87, EU:C:1989:303, punt 21), Jippes et (C‑189/01, EU:C:2001:420, punt 81) u ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86); ara wkoll, fl-istess sens, is-sentenza Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 91).


40 – L-użu tal-aġġettiv “angemessen” fil-verżjoni Ġermaniża tal-Artikolu 2(2)(a)(i) tad-Direttiva 2000/78 huwa inabitwali. Kif turi ħarsa lejn verżjonijiet lingwistiċi oħra (bl-Ingliż: “appropriate”, bil-Franċiż “appropriés”, bit-Taljan: “appropriati”, bl-Ispanjol: “adecuados”, bl-Olandiż “passend”), l-aġġettiv “geeignet” kien ikun iktar preċiż bil-Ġermaniż.


41 – Ara, f’dan is-sens, b’mod speċjali dwar id-Direttiva 2000/78, mis-sentenzi Petersen (C‑341/08, EU:C:2010:4, punt 53) u HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 67); ara, barra minn hekk, b’mod fundamentali dwar ir-rekwiżit tal-koerenza, is-sentenzi Hartlauer (C‑169/07, EU:C:2009:141, punt 55) u Hiebler (C‑293/14, EU:C:2015:843, punt 65).


42 – Fl-Irlanda, l-età minima għal pensjoni tax-xjuħija legali issa hija ta’ 66 sena; ara The 2015 Ageing Report, Underlying Assumptions and Projection Methodologies, Joint Report prepared by the European Commission (DG ECFIN) and the Economic Policy Committee (AWG), Parti II, p. 199 (ISSN 0379-0991, disponibbli fuq l-internet fl-indirizz http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/european_economy/2014/pdf/ee8_en.pdf, ikkonsultat l-aħħar fid-19 ta’ April 2016).


43 – Ara, f’dan ir-rigward, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawżi CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:170, punt 123) u Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 108).


44 – Ara, f’dan is-sens, dwar l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, is-sentenzi HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 66) u Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 58).


45 – Ara, f’dan is-sens, b’rabta mat-test ta’ proporzjonalità fil-kuntest tal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/78, is-sentenza Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 69).


46 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 70) u Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punti 78 u 79); ara, barra minn hekk, il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Hlozek (C‑19/02, EU:C:2004:204, punt 58).


47 – F’dan il-każ, il-perijodu ta’ żmien bejn l-irtirar tal-impjegat u l-mewt tiegħu (ara, f’dan ir-rigward, l-aħħar parti tal-punt 22 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq).


48 – F’dan is-sens, is-sentenzi Palacios de la Villa (C‑411/05, EU:C:2007:604, punt 73) u Ingeniørforeningen i Danmark (C‑499/08, EU:C:2010:600, punti 47), it-tnejn li huma jikkonċernaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq l-età fil-kuntest tad-Direttiva 2000/78; ara wkoll is-sentenza CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punt 123) kif ukoll il-konklużjonijiet tiegħi f’dik il-kawża (EU:C:2015:170, punt 131) u fil-kawża Belov (C‑394/11, EU:C:2012:585, punt 117), it-tnejn li huma jikkonċernaw id-Direttiva 2000/43.


49 – Ara, fl-istess sens, is-sentenza Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 51).


50 – Sentenzi Specht et (C‑501/12 sa C‑506/12, C‑540/12 u C‑541/12, EU:C:2014:2005, punt 77) u Schmitzer (C‑530/13, EU:C:2014:2359, punt 41); fl-istess sens, dwar l-ugwaljanza fit-trattament bejn l-irġiel u n-nisa, is-sentenzi Hill u Stapleton (C‑243/95, EU:C:1998:298, punt 40), Jørgensen (C‑226/98, EU:C:2000:191, punt 39) kif ukoll Schönheit u Becker (C‑4/02 u C‑5/02, EU:C:2003:583, punt 85).


51 – Dan huwa partikolarment minnu jekk, kif tindika l-qorti tar-rinviju, il-limitu ta’ età inwkistjoni kien dispożizzjoni komuni fi skemi ta’ pensjoni professjonali fl-Irlanda fis-sebgħinijiet.


52 – Ara, f’dan ir-rigward, is-sentenzi Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179) u Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286).


53 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punt 40 ta’ dawn il-konklużjonijiet u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 19 iktar ’il fuq.


54 – Ġurisprudenza stabbilita, ara, l-iktar reċenti, is-sentenza DI (C‑441/14, EU:C:2016:278, punti 29 sa 37 u 43), fuq il-projbizzjoni ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età li tinsab fid-Direttiva 2000/78.


55 – Ara, b’mod partikolari, is-sentenzi Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, b’mod partikolari l-punti 19, 20 u 79) u Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, b’mod partikolari l-punti 22 u 66) dwar id-Direttiva 2000/78 kif ukoll is-sentenza CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, b’mod partikolari l-punt 22) dwar id-Direttiva 2000/43.


56 – Sentenzi Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punti 58 sa 60) u Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punti 34 sa 36).


57 – Sentenzi Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 73), Römer (C‑147/08, EU:C:2011:286, punt 52) u Hay (C‑267/12, EU:C:2013:823, punt 47).


58 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Ten Oever (C‑109/91, EU:C:1993:833, punt 13), Coloroll Pension Trustees (C‑200/91, EU:C:1994:348, punt 18) u Menauer (C‑379/99, EU:C:2001:527, punt 18), li kollha jirrigwardaw l-istess kwistjoni fil-kuntest tal-Artikolu 119 tat-Trattat KEE (illum l-Artikolu 157 TFUE).


59 – Ara, f’dan is-sens, is-sentenza Coleman (C‑303/06, EU:C:2008:415, b’mod partikolari l-punti 38, 43, 48, 50 u 51), fejn hija preżunta diskriminazzjoni diretta ta’ impjegata fuq il-bażi ta’ diżabbiltà li ma kinitx diżabbiltà tagħha stess, iżda diżabbiltà ta’ binha li kien jeħtieġ kura.


60 – Minbarra s-sentenza Coleman (C-303/06, EU:C:2008:415) imsemmija fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 59, din il-konklużjoni tista’ tinsilet ukoll mis-sentenza mogħtija dwar id-Direttiva 2000/43 relatata, CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, b’mod partikolari l-punti 56, 59 u 60), fejn ġie rrikonoxxut li persuna tista’ tkun suġġetta għal diskriminazzjoni abbażi ta’ oriġini etnika anki jekk hija stess ma tkun tappartjeni għall-grupp etniku żvantaġġat, iżda sempliċiment tkun vittma ta’ “diskriminazzjoni b’assoċjazzjoni”.


61 – Ara, f’dan is-sens, pereżempju, is-sentenza Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punti 52 sa 83); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 31).


62 – Sentenzi HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 48) u Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 43).


63 – Sentenza HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punt 49); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi f’din il-kawża (EU:C:2013:65, punt 36).


64 – Fi kwalunkwe każ, ma hemmx prova ta’ tali komponenti attwarjali hawnhekk, skont l-informazzjoni tal-Labour Court.


65 – Sentenzi HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punti 46 u 52) u Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 41).


66 – Kif turi s-sentenza HK Danmark (C‑476/11, EU:C:2013:590, punti 51 u 52, l-ewwel sentenza), il-projbizzjoni tal-estensjoni analoga tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78 tapplika anki meta jkollhom jiġu ġġustifikati “forom inqas gravi ta’ diskriminazzjoni bbażata fuq l-età”.


67 – Sentenza Dansk Jurist- og Økonomforbund (C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 39). Ma huwiex mingħajr raġuni li l-avverbju “b’mod partikolari” huwa nieqes mill-kliem tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva 2000/78, iżda huwa preżenti fl-Artikolu 6(1).


68 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 70 u 71 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


69 – Sentenzi Age Concern England (C‑388/07, EU:C:2009:128, punt 46), Hütter (C‑88/08, EU:C:2009:381, punt 41) u Prigge et (C‑447/09, EU:C:2011:573, punti 80 sa 82); ara wkoll il-konklużjonijiet tiegħi fil-Kawża Andersen (C‑499/08, EU:C:2010:248, punt 31 flimkien man-nota ta’ qiegħ il-paġna 29).


70 – F’dan il-kuntest, ma tistax tintlaqa’ l-allegazzjoni tal-awtoritajiet konvenuti li l-limiti tal-età fis-sens tal-Artikolu 6(2) ma jeħtieġu “ebda ġustifikazzjoni”. Anki tali limiti ta’ età naturalment iridu jkunu jifilħu għal test ta’ proporzjonalità.


71 – Ara l-punti 74 sa 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


72 – Ara l-punt 110 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


73 – Ara l-punt 146 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


74 – Kultant jintuża l-kunċett ta’ “diskriminazzjoni multipla”. Minkejja dan, dan il-kunċett jista’ jiżvija, peress li jissuġġerixxi l-preżenza ta’ żewġ tipi ta’ differenza fit-trattament, li kull wieħed minnhom, indipendentement mill-ieħor, ikollu jitqies bħala diskriminazzjoni u l-iktar l-iktar jiġi intensifikat permezz ta’ raġunijiet ta’ differenza fit-trattament oħra. Il-kwistjoni li għandha tiġi diskussa hawnhekk madankollu tikkonċerna l-kombinazzjoni ta’ żewġ fatturi jew iktar, li kull wieħed minnhom meħud waħdu ma jwassalx għal diskriminazzjoni tal-persuni kkonċernati.


75 – Niftakar pereżempju fis-sentenza Kleist (C‑356/09, EU:C:2010:703, kombinazzjoni ta’ età u sess), Odar (C‑152/11, EU:C:2012:772, effett ikkombinat ta’ età u diżabbiltà) u Z (C‑363/12, EU:C:2014:159, effett ikkombinat ta’ sess u ta’ possibbiltà ta’ diżabbiltà) kif ukoll fil-kawża pendenti Milkova (C‑406/15, effett ikkombinat ta’ diżabbiltà u status ta’ uffiċjal).


76 – Burri/Schiek, “Multiple Discrimination in EU Law – Opportunities for legal responses to intersectional gender discrimination?”, 2009, maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea, p. 3 et seq; Baer/Bittner/Götsche, “Mehrdimensionale Diskriminierung – Begriffe, Theorien und juristische Analyse”, Berlin 2010, p. 10 et seq; Bamforth/Malik/O’Cinneide, “Discrimination Law: Theory and Context”, London 2008, p. 541; ara wkoll ir-rapport ikkummissjonat mill-Kummissjoni Ewropea u ppubblikat f’Settembru 2007, “Tackling Multiple Discrimination: Practices, policies and laws”.


77 – Crenshaw, K., “Demarginalizing the Intersection of Race and Sex: A Black Feminist Critique of Antidiscrimination Doctrine”, f’The University of Chicago Legal Forum, 1989, p. 139-167.


78 – Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew, tat-2 ta’ April 2009, dwar il-proposta għal direttiva tal-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ “trattament ugwali” bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, P6_TA(2009) 0211, p. 21 et seq.


79 – Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill – Rapport Konġunt dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva [2000/43] u d-Direttiva [2000/78], ippreżentat fis-17 ta’ Jannar 2014, COM (2014) 2 final, p. 11, Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni – Strateġija Qafas għan-Nondiskriminazzjoni u l-Opportunitajiet Indaqs għal Kulħadd, ippreżentata fit-2 ta’ Lulju 2008, COM(2008) 420 final, p. 10.


80 – Għaldaqstant, il-leġiżlatur tal-Unjoni ssuġġetta l-ġustifikazzjoni partikolari introdotta favur l-impriżi li jsegwu għanijiet ideoloġiċi għal differenzi fit-trattament abbażi tar-reliġjon jew twemmin fl-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 2000/78 għall-kundizzjoni li din ma tiġġustifikax “diskriminazzjoni fuq xi bażi oħra”. B’mod simili, il-leġiżlatur tal-Unjoni jippermetti, fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva, l-iffissar ta’ ċerti limiti ta’ età u t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ ċerti kriterji tal-età “sakemm dan ma jirriżultax f’diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess”. Barra minn hekk, fit-tielet premessa tad-direttiva huwa enfasizzat b’mod partikolari li “n-nisa huma ħafna drabi vittmi ta’ diskriminazzjoni multipla”. Anki l-Kummissjoni, fir-rapport tagħha tas-17 ta’ Jannar 2014 tesprimi wkoll marġinalment il-fehma li d-Direttiva 2000/78 sa ċertu punt diġà tippermetti “kombinazzjoni ta’ żewġ raġunijiet ta’ diskriminazzjoni jew aktar”; ara COM(2014) 2 final, p. 11.


81 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 54 sa 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet iktar ’il fuq.


82 – Fl-istess sens, b’rabta mad-Direttiva 2000/43 relatata, is-sentenzi Runevič-Vardyn u Wardyn (C‑391/09, EU:C:2011:291, punt 43) u CHEZ Razpredelenie Bulgaria (C‑83/14, EU:C:2015:480, punti 42 u 66).


83 – Bla ħsara għall-fatt li d-diskriminazzjoni ma tkunx ġiet preżunta li teżisti abbażi ta’ wieħed miż-żewġ fatturi waħdu, kif ippreżumejt jien fil-kuntest tal-ewwel u tat-tieni domandi preliminari.


84 – Ara, f’dan ir-rigward, il-punti 74 sa 99 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


85 – Sentenzi Defrenne (“Defrenne II”, 43/75, EU:C:1976:56, Rn. 69 u 70), Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 44) u Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 144).


86 – Sentenza Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209).


87 – Sentenzi Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 41), Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 142), Meilicke et (C‑292/04, EU:C:2007:132, punt 36) u Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punt 77).


88 – Sentenza Maruko (C‑267/06, EU:C:2008:179, punti 77 sa 79).


89 – Sentenzi Barber (C‑262/88, EU:C:1990:209, punt 44) u Bosman (C‑415/93, EU:C:1995:463, punt 144); is-sentenza UNIS u Beaudout Père et Fils hija simili (C‑25/14 u C‑26/14, EU:C:2015:821, punt 53).