Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mil-Landgericht Köln (il-Ġermanja) fil-25 ta’ Ġunju 2021 – European Independent Automotive Data Publishers Association, assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Belġjan (ADPA) u Gesamtverband Autoteile-Handel e.V. vs Automobiles PEUGEOT SA u PSA Automobiles SA

(Kawża C-390/21)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Qorti tar-rinviju

Landgericht Köln

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrenti: European Independent Automotive Data Publishers Association, assoċjazzjoni internazzjonali mingħajr skop ta’ lukru rregolata mid-dritt Belġjan (ADPA) u Gesamtverband Autoteile-Handel e.V.

Konvenuti: Automobiles PEUGEOT SA, PSA Automobiles SA

Domandi preliminari

Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu XIV tar-Regolament (UE) 2018/858 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 dwar l-approvazzjoni u s-sorveljanza tas-suq ta’ vetturi bil-mutur u t-trejlers tagħhom, u ta’ sistemi, komponenti u unitajiet tekniċi separati maħsuba għal tali vetturi, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 715/2007 u (KE) Nru 595/2009 u li jħassar id-Direttiva 2007/46/KE 1 (Artikoli 66 et seq., inkluż l-Anness X) japplikaw ukoll għall-mudelli ta’ vetturi bil-mutur li kienu diġà rċevew approvazzjoni tat-tip qabel l-1 ta’ Settembru 2020 taħt ir-Regolament (KE) Nru 715/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2007 dwar l-approvazzjoni tat-tip ta’ vetturi bil-mutur fir-rigward ta’ l-emissjonijiet ta’ vetturi ħfief għall-passiġġieri u ta’ vetturi kummerċjali (Euro 5 u Euro 6) u dwar l-aċċess għal informazzjoni dwar it-tiswija u l-manutenzjoni tal-vetturi 2 ?

Fil-każ li tingħata risposta fin-negattiv għal din id-domanda:

Il-Kapitolu III tar-Regolament Nru 715/2007 jibqa’ applikabbli fir-rigward ta’ dawn il-“vetturi bil-mutur antiki” u, b’mod partikolari, l-Artikolu 7 tar-Regolament Nru 715/2007 jibqa’ applikabbli għall-kalkolu tal-ħlasijiet?

Il-kunċett ta’ “aċċess” għall-informazzjoni li l-manifatturi huma obbligati jagħtu taħt l-Artikolu 61(1) tar-Regolament 2018/858 ikopri l-possibbiltà għall-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, imsemmija fil-punt 45 tal-Artikolu 3 tal-imsemmi regolament, li jisfruttaw din l-informazzjoni għall-benefiċċju tal-missjonijiet marbuta mal-attività tagħhom fil-katina tal-provvista tas-swieq tal-aċċessorji u ta’ partijiet ta’ rikambju, jew din il-possibbiltà ta’ sfruttament teħtieġ li tinkiseb speċifikament liċenzja ta’ sfruttament jew ta’ riproduzzjoni li, f’tali każ, ma tkunx taqa’ taħt l-Artikolu 63 tal-istess regolament fir-rigward tal-ħlasijiet mitluba mill-manifattur għal tali aċċess?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u fil-każ li l-Kapitolu III tar-Regolament Nru 715/2007 japplika għall-vetturi bil-mutur antiki:

Il-kunċett ta’ “aċċess” għall-informazzjoni li l-manifatturi huma obbligati jagħtu taħt l-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 715/2007 jkopri s-setgħa tal-pubblikaturi ta’ informazzjoni teknika, imsemmija fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament, li jisfruttaw din l-informazzjoni għall-benefiċċju tal-missjonijiet marbuta mal-attività tagħhom fil-katina tal-provvista tas-swieq tal-aċċessorji u ta’ partijiet ta’ rikambju, jew din il-possibbiltà ta’ sfruttament teħtieġ li tinkiseb speċifikament liċenzja ta’ sfruttament jew ta’ riproduzzjoni li, f’tali każ, ma tkunx taqa’ taħt l-Artikolu 7 tal-imsemmi regolament fir-rigward tal-ħlasijiet mitluba mill-manifattur għal tali aċċess?

Il-kunċett ta’ “ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati” previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament 2018/858 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kalkolu ta’ dawn il-ħlasijiet, il-manifattur għandu jittratta b’mod ugwali lill-operaturi indipendenti kollha, imsemmija fil-punt 45 tal-Artikolu 3 ta’ dan ir-regolament, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-attività speċifika tagħhom?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u fil-każ li l-Kapitolu III tar-Regolament Nru 715/2007 japplika għall-vetturi bil-mutur antiki:

Il-kunċett ta’ “ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati” previst fl-ewwel frażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, fir-rigward tal-kalkolu ta’ dawn il-ħlasijiet, il-manifattur għandu jittratta b’mod ugwali lill-operaturi indipendenti kollha, imsemmija fil-punt 15 tal-Artikolu 3 tal-istess regolament, mingħajr ma jieħu inkunsiderazzjoni l-attività speċifika tagħhom?

Fil-każ li t-tielet domanda tingħata risposta fin-negattiv:

Il-kunċett ta’ “ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati” previst fl-ewwel sentenza tal-Artikolu 63(1) tar-Regolament 2018/858 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, il-ħlasijiet jistgħu jkopru biss l-ispejjeż tal-manifattur?

Fil-każ li l-ewwel domanda tingħata risposta fin-negattiv u fil-każ li l-Kapitolu III tar-Regolament Nru 715/2007 japplika għall-vetturi bil-mutur antiki:

Il-kunċett ta’ “ħlasijiet raġonevoli u proporzjonati” previst fl-ewwel frażi tal-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 715/2007 għandu jiġi interpretat fis-sens li, bħala prinċipju, il-ħlasijiet jistgħu jkopru biss l-ispejjeż tal-manifattur?

____________

1         ĠU 2018, L 151, p. 1.

2         ĠU 2007, L 171, p. 1.