Language of document : ECLI:EU:T:2024:86

Kawża T30/23

Fly Persia IKE
u
Ali Barmodeh

vs

L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea

 Digriet tal-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla Estiża) tat8 ta’ Frar 2024

“Trade mark tal-Unjoni Ewropea – Proċedimenti ta’ oppożizzjoni – Intervent – Artikolu 173(1) u Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura – Risposta ppreżentata barra mit-terminu – Artikoli 142 sa 145 tar-Regoli tal-Proċedura – Inapplikabbiltà – Ċaħda”

Proċedura ġudizzjarja – Intervent – Qbiż minn parti fil-proċedimenti quddiem l-EUIPO tat-terminu msemmi fl-Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Impossibbiltà ta’ intervent skont l-Artikolu 173 ta’ dan ir-regolament – Konsegwenza – Impossibbiltà ta’ intervent abbażi tal-Artikoli 142 sa 145 tal-imsemmi regolament

(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 u l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikoli 142 sa 145, 173 u 179)

(ara l-punti 17 sa 19, 21, 29 sa 32)

Sunt

Bħala kulleġġ ġudikanti estiż ta’ ħames imħallfin, il-Qorti Ġenerali ma aċċettatx lil Dubai Aviation Corp., parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), sabiex tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti, wara li hija qabżet it-terminu għall-preżentata tar-risposta konformement mal-Artikoli 173 u 179 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Dawn id-dispożizzjonijiet jipprevedu regoli speċifiċi fil-qasam tal-proprjetà intellettwali dwar l-intervent quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ma hijiex ir-rikorrent (1). Skont id-digriet mogħti, id-dispożizzjonijiet ġenerali dwar l-intervent, jiġifieri l-Artikoli 142 sa 145 ta’ dan ir-regolament, ma humiex applikabbli għal tali parti meta din tkun tilfet il-possibbiltà li ssir parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali konformement mal-Artikolu 173 tal-imsemmi regolament.

F’dan il-każ, ir-rikorrenti, Fly Persia IKE u Ali Barmodeh, applikaw għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea quddiem l-EUIPO. Dubai Aviation Corp. oġġezzjonat għal din ir-reġistrazzjoni. Id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni tal-EUIPO laqgħet parzjalment l-oppożizzjoni. L-appell minn dik id-deċiżjoni ġie miċħud mill-Bord tal-Appell tal-EUIPO (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-registru tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti ppreżentaw rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fit‑13 ta’ Frar 2023, ir-rikors ġie nnotifikat lil Dubai Aviation Corp. bħala parti quddiem il-Bord tal-Appell. Fis‑26 ta’ April 2023, din il-kumpannija ppreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali dokument intitolat “Risposta”, u b’hekk qabżet it-terminu li kien mogħti lilha konformement mal-Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura (2).

Ilkunsiderazzjonijiet talQorti Ġenerali

Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali tenfasizza li l-istatus quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ma hijiex ir-rikorrent quddiem il-Qorti Ġenerali huwa rregolat mill-Artikolu 173 tar-Regoli tal-Proċedura. Meta tali parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell ma tkunx ippreżentat risposta għar-rikors fit-terminu previst f’dan ir-rigward mill-Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura, hija ma jkollhiex il-kwalità ta’ parti quddiem il-Qorti Ġenerali. Wara dan it-terminu, hija ma tistax għalhekk tippreżenta osservazzjonijiet matul il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali.

F’dan il-każ, Dubai Aviation Corp. ma ppreżentat l-ebda att proċedurali qabel l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata tar-risposta u ppreżentat ir-risposta tagħha ’l barra minn dan it-terminu. Barra minn hekk, hija ma invokatx l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali li jikkostitwixxu każ fortuwitu jew ta’ forza maġġuri. Għaldaqstant, Dubai Aviation Corp. ma saritx parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjenti konformement mal-Artikolu 173(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura.

Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali teżamina jekk Dubai Aviation Corp. tistax tiġi ammessa tintervjeni abbażi tal-Artikoli 142 sa 145 tar-Regoli tal-Proċedura, li jistabbilixxu r-regoli ġenerali dwar il-preżentata u l-eżami tat-talbiet għal intervent quddiem il-Qorti Ġenerali. Din l-ipoteżi tippermettilha tibbenefika minn terminu ġenerali (3).

Issa, il-Qorti Ġenerali tosserva li dawn id-dispożizzjonijiet, li jagħmlu parti mit-tielet titolu tar-Regoli dwar ir-rikorsi diretti, huma applikabbli għall-proċeduri previsti mir-raba’ titolu tagħhom dwar il-kawżi dwar id-drittijiet tal-proprjetà intellettwali, bla ħsara għad-dispożizzjonijiet partikolari ta’ dan ir-raba’ titolu. Sa fejn ir-raba’ titolu jipprevedi, fl-Artikoli 173 u 179 tar-Regoli tal-Proċedura, regoli speċifiċi dwar l-intervent quddiem il-Qorti Ġenerali ta’ parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell li ma hijiex ir-rikorrent, l-Artikoli 142 sa 145 ta’ dawn ir-regoli ma humiex applikabbli għal din il-parti.

Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li, wara li tkun tilfet il-possibbiltà li ssir parti fil-proċedura bħala intervenjenti konformement mal-Artikolu 173 tar-Regoli tal-Proċedura, Dubai Aviation Corp. ma tistax tiġi ammessa tintervjeni skont l-Artikoli 142 sa 145 ta’ dawn ir-regoli. Għalhekk huwa eskluż li hija tista’ tibbenefika mit-terminu previst mill-Artikolu 143(1) tal-imsemmija regoli.


1      Skont l-Artikolu 173(1) u (2) tar-Regoli tal-Proċedura, “[p]arti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma tkunx ir-rikorrent, tista’ tipparteċipa fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjent billi twieġeb għar-rikors fil-forom u fit-termini previsti”. Qabel l-iskadenza tat-terminu previst għall-preżentata tar-risposta, parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma tkunx ir-rikorrent, tikseb l-istatus ta’ parti fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali bħala intervenjent mal-preżentata ta’ att proċedurali. Tali parti titlef l-istatus tagħha ta’ intervenjent quddiem il-Qorti Ġenerali jekk ma tweġibx għar-rikors fil-forom u fit-termini previsti. ”. L-Artikolu 179 tar-Regoli tal-Proċedura jippreċiża li parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, li ma tkunx ir-rikorrent, għandha tippreżenta r-risposta tagħha għar-rikors f’terminu ta’ xahrejn li jiddekorri min-notifika tiegħu.


2      Moqri flimkien mal-Artikolu 60 ta’ dawn ir-regoli.


3      Skont l-Artikolu 143(1) tar-Regoli tal-Proċedura, it-talbiet għal intervent għandhom jiġu ppreżentati f’terminu ta’ sitt ġimgħat mill-pubblikazzjoni tal-avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea dwar ir-rikors promotur relatat.