Language of document : ECLI:EU:T:2009:83

Kawża T-191/07

Anheuser-Busch, Inc.

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat‑trade mark Komunitarja verbali BUDWEISER — Trade marks internazzjonali verbali u figurattivi preċedenti BUDWEISER u Budweiser Budvar — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Artikolu 8(1)(a) u (b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 — Użu ġenwin mit-trade mark preċedenti — Artikolu 43(2) u (3) tar‑Regolament Nru 40/94 — Ksur tad-drittijiet tad-difiża — Motivazzjoni — Artikolu 73 tar‑Regolament Nru 40/94 — Produzzjoni tardiva ta’ dokumenti — Setgħa diskrezzjonali mogħtija mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ appell — Deċiżjoni dwar l-appell — Rispett tad-drittijiet tad-difiża

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 73)

2.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 74(2))

3.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal‑oppożizzjoni — Prova tal-użu tat-trade mark preċedenti — Użu ġenwin

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 43(2))

4.      Trade mark Komunitarja — Osservazzjonijiet ta’ terzi u oppożizzjoni — Eżami tal‑oppożizzjoni — Prova tal-użu tat-trade mark preċedenti — Użu ġenwin

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 43(2))

5.      Trade mark Komunitarja — Dispożizzjonijiet proċedurali — Motivazzjoni tad-deċiżjonijiet

(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 73)

1.      Skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, Bord tal-Appell tal-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) jista’ jibbaża d‑deċiżjoni tiegħu biss fuq elementi ta’ fatt jew ta’ dritt li fuqhom il‑partijiet setgħu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom.

L-imsemmija dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks Komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad‑difiża li jipprovdi li d-destinatarji tad‑deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod sostanzjali l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l‑opportunità li jressqu l‑opinjoni tagħhom b’mod effettiv. Barra minn hekk, id‑dritt għal smigħ japplika għall‑elementi kollha ta’ fatt jew ta’ dritt li jikkostitwixxu l‑bażi tal-att deċiżjonali u mhux għall-pożizzjoni finali li l‑amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta. Konsegwentement, il-Bord tal‑Appell mhuwiex obbligat li jisma’ rikorrent fuq evalwazzjoni fattwali li hija parti mill-pożizzjoni finali tiegħu.

(ara l-punti 33-35)

2.      Mill-kliem tal‑Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jirriżulta li, bħala regola ġenerali u sakemm ma jkunx hemm dispożizzjoni kuntrarja, il-produzzjoni ta’ fatti u ta’ provi mill-partijiet tibqa’ possibbli wara l-iskadenza tat‑termini li għalihom hija suġġetta tali produzzjoni skont id‑dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja u l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) ma huwa bl‑ebda mod prekluż milli jqis fatti u provi invokati jew prodotti tard. Min-naħa l-oħra, mill‑imsemmi kliem jirriżulta b’mod daqstant ċert li tali invokazzjoni jew produzzjoni tardiva ta’ fatti u ta’ provi mhijiex tali li tagħti lill-parti li tagħmel dan dritt mingħajr kundizzjoni li tali fatti jew provi jitqiesu mill-Uffiċċju. Billi jippreċiża li dan tal-aħħar “jista’”, f’każ bħal dan, jiddeċiedi li ma jeħux inkunsiderazzjoni tali fatti u provi, l-Artikolu 74(2) tar‑Regolament Nru 40/94 jagħti fil-fatt lill‑Uffiċċju setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex jiddeċiedi, filwaqt li jagħti l-motivazzjoni għad‑deċiżjoni tiegħu fuq dan il-punt, jekk l‑imsemmija fatti jew provi għandhomx jittieħdu inkunsiderazzjoni. Tali teħid inkunsiderazzjoni mill-Uffiċċju, meta huwa jintalab jiddeċiedi fil-kuntest ta’ proċedimenti ta’ oppożizzjoni, jista’, b’mod partikolari, ikun iġġustifikat meta huwa jikkunsidra, minn naħa, li l‑elementi prodotti tard jistgħu prima facie jkollhom rilevanza reali għal dak li jirrigwarda l‑eżitu tal‑oppożizzjoni magħmula quddiemu u, min-naħa l‑oħra, li l‑istadju tal-proċedura li fih isseħħ din il‑produzzjoni tardiva u ċ-ċirkustanzi tagħha ma jipprekludux dan it-teħid inkunsiderazzjoni.

(ara l-punt 82)

3.      Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta’ użu ġenwin fis-sens tal-Artikolu 43(2) tar‑Regolament 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandu jiġi kkunsidrat il‑fatt li r‑ratio legis tar-rekwiżit li trade mark preċedenti għandha tkun intużat ġenwinament sabiex tkun tista’ tiġi invokata f’oppożizzjoni kontra applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tikkonsisti fil-limitazzjoni tal‑kunflitti bejn żewġ trade marks, sa fejn ma jkunx hemm raġuni ekonomika valida li tirriżulta minn funzjoni effettiva tat‑trade mark fis‑suq. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni la hija intiża sabiex tevalwa s‑suċċess kummerċjali, la sabiex tikkontrolla l‑istrateġija ekonomika ta’ impriża u lanqas sabiex tirriżerva l‑protezzjoni tat-trade marks biss fejn sar użu kummerċjali minnhom b’mod rilevanti mil-lat kwantitattiv.

Trade mark hija s-suġġett ta’ użu ġenwin meta tiġi użata, b’konformità mal‑funzjoni essenzjali tagħha li hija li tiggarantixxi l-identità tal‑oriġini tal‑prodotti jew tas-servizzi li għalihom hija ġiet irreġistrata, sabiex toħloq jew iżżomm suq ta’ bejgħ għal dawn il-prodotti jew servizzi, bl-esklużjoni ta’ użu ta’ natura simbolika li għandu l-uniku skop li jżomm id-drittijiet mogħtija permezz tar-reġistrazzjoni. F’dan ir‑rigward, ir-rekwiżit relatat mal-użu ġenwin mit-trade mark jeżiġi li din, hekk kif hija protetta fit-territorju rilevanti, tintuża, pubblikament u lejn l‑estern.

(ara l-punti 99, 100)

4.      L-evalwazzjoni tan-natura ġenwina tal-użu tat-trade mark, fis-sens tal-Artikolu 43(2) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandha tkun ibbażata fuq il-fatti u ċ‑ċirkustanzi kollha xierqa sabiex jiġi stabbilit jekk l-użu kummerċjali tagħha huwiex reali, b’mod partikolari l-użu kkunsidrat bħala ġġustifikat, fis-settur ekonomiku kkonċernat, sabiex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq favur prodotti jew servizzi protetti mit-trade mark, in-natura ta’ dawn il‑prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il‑karatteristiċi tas-suq, il-firxa u l-frekwenza tal‑użu tat-trade mark.

Dwar l-importanza tal-użu li sar mit-trade mark preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat, b’mod partikolari, il-volum kummerċjali tal-atti kollha ta’ użu, minn naħa, u tat-tul ta’ żmien li matulu twettqu atti ta’ użu kif ukoll tal-frekwenza ta’ dawn l-atti, min-naħa l-oħra.

Il-kwistjoni dwar jekk użu huwiex suffiċjenti mil-lat kwantitattiv biex jinżammu jew jinħolqu ishma fis-suq għall-prodotti jew is‑servizzi protetti mit-trade mark tiddependi għalhekk minn diversi fatturi u minn evalwazzjoni fuq bażi individwali. Il‑karatteristiċi ta’ dawn il-prodotti jew ta’ dawn is-servizzi, il‑frekwenza jew ir‑regolarità tal-użu tat-trade mark, il-fatt li t-trade mark hija użata biex jiġu kkummerċjalizzati l-prodotti jew is-servizzi identiċi kollha tal‑impriża proprjetarja jew sempliċement xi wħud minnhom, jew inkella l-provi rigward l‑użu tat-trade mark li l‑proprjetarju jista’ jagħti, huma fost il-fatturi li jistgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni.

Sabiex tiġi eżaminata n-natura ġenwina tal-użu ta’ trade mark preċedenti, għandha ssir evalwazzjoni globali li tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni.

Barra minn hekk, l-użu ġenwin ta’ trade mark ma jistax jiġi pprovat permezz ta’ probabbiltajiet jew preżunzjonijiet iżda għandu jkun ibbażat fuq provi konkreti u oġġettivi ta’ użu effettiv u suffiċjenti tat-trade mark fis-suq ikkonċernat.

(ara l-punti 101-105)

5.      Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, għandhom jingħataw ir-raġunijiet għad-deċiżjonijiet tal‑Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni). Dan l‑obbligu għandu l-istess portata bħal dak stabbilit mill-Artikolu 253 KE.

L-obbligu li jingħataw raġunijiet għad‑deċiżjonijiet individwali għandu żewġ għanijiet, li jippermetti, minn naħa, lill‑persuna kkonċernata tkun taf il‑ġustifikazzjonijiet tal-miżura adottata sabiex tkun tista’ tiddefendi d‑drittijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, lill-qorti Komunitarja sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-legalità tad-deċiżjoni. Il-kwistjoni dwar jekk il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni tissodisfax dawn ir-rekwiżiti għandha tiġi evalwata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-kliem użat, iżda wkoll il-kuntest tiegħu, u r-regoli ġuridiċi kollha li jirregolaw is-suġġett ikkonċernat.

B’mod partikolari, meta l-Uffiċċju jirrifjuta r-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja, huwa għandu, sabiex jimmotiva d-deċiżjoni tiegħu, jindika r‑raġuni għal rifjut, assoluta jew relattiva, li tipprekludi din ir-reġistrazzjoni, kif ukoll id-dispożizzjoni li fuqha hija bbażata din ir-raġuni u għandu jesponi ċ‑ċirkustanzi fattwali li huwa qies li ġew ipprovati u li, fil-fehma tiegħu, jiġġustifikaw l‑applikazzjoni tad-dispożizzjoni invokata.

Madankollu, il-Bordijiet tal-Appell ma jistgħux jiġu meħtieġa jipprovdu spjegazzjoni li ssegwi b’mod eżawrjenti u wieħed wieħed ir‑raġunamenti kollha esposti mill‑partijiet quddiemhom. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tista’ tkun impliċita bil‑kundizzjoni li hija tippermetti lil dawk ikkonċernati li jkunu jafu r‑raġunijiet li għalihom ġiet adottata d-deċiżjoni tal-Bord tal-Appell u lill-qorti kompetenti li jkollha għad-dispożizzjoni tagħha elementi suffiċjenti sabiex teżerċita l-istħarriġ tagħha.

(ara l-punti 125-128)