Language of document : ECLI:EU:C:2015:647

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja)

6 ta’ Ottubru 2015 (*)

“Appell – Kompetizzjoni – Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija mill-awtoritajiet Daniżi lill-impriża pubblika Danske Statsbaner (DSB) – Kuntratti ta’ servizz pubbliku għall-provvista ta’ servizzi ferrovjarji bejn Kopenħagen (id-Danimarka) u Ystad (l-Isvezja) – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna kompatibbli mas-suq intern taħt ċerti kundizzjonijiet – Applikazzjoni rationae temporis tar-regoli tad-dritt sostantiv”

Fil-Kawża C‑303/13 P,

li għandha bħala suġġett appell taħt l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fit-3 ta’ Ġunju 2013,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn L. Armati u T. Maxian Rusche, bħala aġenti, b’indirizz għan-notifika fil-Lussemburgu,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Jørgen Andersen, residenti fi Ballerup (id-Danimarka), irrappreżentat minn J. Rivas Andrés, G. van de Walle de Ghelcke u M. Nissen, avocats,

rikorrent fl-ewwel istanza,

sostnut minn:

Dansk Tog, stabbilita fi Kopenħagen, irrappreżentata minn J. Rivas Andrés, G. van de Walle de Ghelcke u M. Nissen, avocats,

intervenjenti fl-appell,

Ir-Renju tad-Danimarka, irrappreżentat minn C. Thorning u V. Pasternak Jørgensen, bħala aġenti, assistiti minn R. Holdgaard, advokat,

Danske Statsbaner SV (DSB), stabbilita fi Kopenħagen, irrappreżentata minn M. Honoré, advokat,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Awla Manja),

komposta minn V. Skouris, President, K. Lenaerts, Viċi-President, A. Tizzano, L. Bay Larsen, T. von Danwitz, Presidenti ta’ Awla, A. Rosas, A. Arabadjiev (Relatur), C. Toader, M. Safjan, D. Šváby, M. Berger, A. Prechal, E. Jarašiūnas, C. G. Fernlund u C. Lycourgos, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Wathelet,

Reġistratur: C. Strömholm, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Marzu 2015,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tal-21 ta’ Mejju 2015,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Andersen vs Il-Kummissjoni (T‑92/11, EU:T:2013:143, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”) li permezz tagħha hija annullat parzjalment id-Deċiżjoni Nru 2011/3/UE tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2010, dwar il-kuntratti ta’ servizz pubbliku ta’ trasport bejn il-Ministeru Daniż tat-Trasport u Danske Statsbaner [Għajnuna mill-Istat C 41/08 (ex NN 35/08)] (ĠU 2011, L 7, p. 1, iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

2        Permezz tal-appelli inċidentali rispettivi tagħhom, Danske Statsbaner SV (DSB) (iktar ’il quddiem “DSB”) u r-Renju tad-Danimarka talbu wkoll l-annullament tas-sentenza appellata.

 Il-kuntest ġuridiku

 Ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69

3        Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (KEE) Nru 1191/69 tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 1969 dwar azzjoni mill-Istati Membri li tikkonċerna l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19) kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1892/91 tal-20 ta’ Ġunju 1991 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 314, iktar ’il-quddiem ir-“Regolament Nru 1191/69”):

“1. Kull obbligu li wieħed jopera jew iġorr, għandu jitqies li jimponi żvantaġġi ekonomiċi meta t-tnaqqis tal-piż finanzjarju li jista’ jirriżulta minħabba t-terminazzjoni totali jew parzjali ta’ l-obbligu, fir-rigward ta’ operazzjoni jew grupp ta’ operazzjonijiet affetwati minn dak l-obbligu, jeċċedi t-tnaqqis fid-dħul li jirriżulta minn dik it-terminazzjoni.

[...]

2.      Obbligu dwar tariffi għandu jitqies li joħloq żvantaġġi ekonomiċi meta d-differenza bejn id-dħul mit-traffiku li għalih japplika l-obbligu u l-piż finanzjarju ta’ dan it-traffiku tkun inqas mid-differenza bejn id-dħul li jista’ jiġi ġenerat minn dak it-traffiku u l-piż finanzjarju relattiv jekk ix-xogħol isir fuq bażi kummerċjali, waqt li jiġu kkunsidrati kemm l-ispejjeż ta’ dawk l-operazzjonijiet li huma soġġetti għall-obbligu kif ukoll il-qagħda tas-suq.”

4        L-Artikolu 14(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1. ‘Kuntratt ta’ servizz pubbliku’ jfisser kull kuntratt magħmul bejn l-awtoritajiet kompetenti ta’ kull Stat Membru u kull intrapriża tat-trasport sabiex jiġi provdut lill-pubbliku servizz ta’ trasport adegwat.

Kuntratt ta’ servizz pubbliku jista’ jkopri l-iktar:

–        servizzi ta’ trasport li jissodisfaw standards fissi ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità,

–        servizzi ta’ trasport addizzjonali,

–        servizzi ta’ trasport b’rati speċifiċi u bla ħsara għal kondizzjonijiet speċifiċi, b’mod partikolari għal ċerti kategoriji ta’ passiġġgieri jew fuq ċerti rotot,

–        aġġustamenti ta’ servizzi għal ħtiġiet attwali.

2. Kull kuntratt ta’ servizz pubbliku għandu jkopri, fost l-oħrajn, is-segwenti punti:

a)       in-natura tas-servizz li għandu jiġi pprovdut, l-aktar l-istandards ta’ kontinwità, regolarità, kapaċità u kwalità;

b)       il-prezz tas-servizzi koperti bil-kuntratt, li għandu jkun jew miżjud mad-dħul ta’ tariffa jew għandu jinkludi d-dħul, u dettalji dwar relazzjonijiet finanzjarji bejn iż-żewġ partijiet;

ċ)      ir-regoli dwar emendi u modifikazzjoni tal-kuntratt, b’mod partikolari biex jieħu in kunsiderazzjoni tibdiliet li ma humiex imbassra;

d)       il-perijodu ta’ validità tal-kuntratt;

e)       il-penali fl-eventwalità ta’ nuqqas ta’ konformità mal-kuntratt.”

5        L-ewwel paragrafu tal-Artikolu 17(2) tal-imsemmi regolament jipprevedi:

“Il-kumpens imħallas taħt dan ir-Regolament għandu jkun eżenti mill-proċedura ta’ informazzjoni preliminari li tinsab fl-Artikolu 93(3) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ekonomika Ewropea.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007

6        L-Artikolu 4(1) u (3) tar-Regolament Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġieri bil-ferrovija u bit-triq u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nri 1191/69 u 1107/70 (ĠU L 315, p. 1), jipprevedi b’mod partikolari:

“1.       Il-kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom:

a)      jiddefinixxu biċ-ċar l-obbligi ta’ servizz pubbliku li magħhom għandu jkun konformi l-operatur ta’ servizz pubbliku u ż-żoni ġeografiċi kkonċernati;

b)      jistabbilixxu minn qabel, b’mod oġġettiv u trasparenti:

i)      il-parametri li abbażi tagħhom il-pagament ta’ kumpens, jekk ikun hemm, għandu jiġi kkalkolat, u

ii)      in-natura u l-firxa ta’ kwalunkwe drittijiet esklussivi mogħtija,

b’mod li jevita l-kumpens żejjed. Fil-każ ta’ kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) u (6) dawn il-parametri għandhom jiġu determinati b’tali mod li l-ebda pagament ta’ kumpens ma jista’ jeċċedi l-ammont meħtieġ biex ikopri l-effetti finanzjarji netti fuq l-infiq u d-dħul li jirriżultaw mit-twettiq ta’ l-obbligi ta’ servizz pubbliku, b’kont meħud tad-dħul relatat miegħu miżmum mill-operatur ta’ servizz pubbliku u qligħ raġonevoli;

c)       jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta’ l-ispejjeż konnessi mal-forniment tas-servizzi. Dawn l-ispejjeż jistgħu jinkludu b’mod partikolari l-ispejjeż tal-persunal, l-enerġija, il-ħlasijiet ta’ infrastruttura, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ vetturi tat-trasport pubbliku, rolling stock u installazzjonijiet meħtieġa għat-tħaddim tas-servizzi tat-trasport ta’ passiġġieri, spejjeż fissi u dħul adegwat fuq il-kapital.

2.      Kuntratti għal servizz pubbliku u r-regoli ġenerali għandhom jiddeterminaw l-arranġamenti għall-allokazzjoni ta’ dħul mill-bejgħ ta’ biljetti li jista’ jinżamm mill-operatur ta’ servizz pubbliku, jitħallas lura lill-awtorità kompetenti jew jinqasam bejn it-tnejn.

3,      It-tul ta’ żmien tal-kuntratti għal servizz pubbliku għandu jkun limitat u m’għandux jeċċedi [...] 15-il sena għas-servizzi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija jew b’modi ferrovjari oħrajn.”

7        L-Artikolu 5(1), (3) u (6) ta’ dan ir-regolament jippreċiża:

“1. Kuntratti għal servizz pubbliku għandhom jingħataw skond ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament. [...]

[...]

3.      Kwalunkwe awtorità kompetenti li tirrikorri għal parti terza minbarra operatur intern, għandha tagħti kuntratti għal servizz pubbliku abbażi ta’ sejħa kompetittiva għal offerti, ħlief fil-każijiet speċifikati fil-paragrafi, 4, 5 u 6. Il-proċedura adottata għas-sejħa kompetittiva għal offerti għandha tkun miftuħa għall-operaturi kollha, għandha tkun ġusta u għandha tirrispetta l-prinċipji tat-trasparenza u tan-non-diskriminazzjoni. Wara s-sottomissjoni ta’ offerti u kwalunkwe preselezzjoni, il-proċedura tista’ tinvolvi negozjati skond dawn il-prinċipji sabiex jiġi ddeterminat l-aħjar mod biex jintlaħqu ħtiġiet speċifiċi jew kumplessi.

[...]

6.      Sakemm mhux projbit bil-liġi nazzjonali, l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jiddeċiedu li jagħtu direttament kuntratti għal servizz pubbliku fejn jikkonċernaw trasport bil-ferrovija bl-eċċezzjoni ta’ mezzi ferrovjarji oħrajn bħal metro jew tramm. B’deroga mill-Artikolu 4(3), tali kuntratti m’għandhomx jeċċedu l-10 snin [...]”

8        L-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament jipprovdi:

“1. Kull kumpens marbut ma’ regola ġenerali jew ma’ kuntratt għal servizz pubbliku għandu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Artikolu 4, irrispettivament mill-mod li bih ingħata l-kuntratt. Il-kumpens kollu, ta’ kwalunkwe tip, marbut ma’ kuntratt mogħti direttament skond l-Artikolu 5(2), (4), (5) jew (6) jew marbut ma’ regola ġenerali għandu wkoll jikkonforma mad-dispożizzjonijiet imniżżla fl-Anness.

2.      Fuq talba bil-miktub mingħand il-Kummissjoni, l-Istati Membri għandhom jikkomunikaw, fi żmien tliet xhur jew fi kwalunkwe perijodu itwal li jista’ jiġi stipulat f’dik it-talba, l-informazzjoni kollha li l-Kummissjoni tikkunsidra meħtieġa biex tiddetermina jekk il-kumpens mogħti huwiex kompatibbli ma’ dan ir-Regolament.”

9        L-Artikolu 8 tal-istess regolament, intitolat “Tranżizzjoni” jiddikjara fil-paragrafi 2 u 3 tiegħu:

“2. Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 3, l-għoti ta’ kuntratti għal servizz pubbliku bil-ferrovija u bit-triq għandu jikkonforma ma’ l-Artikolu 5 mit-3 ta’ Diċembru 2019. Matul dan il-perijodu ta’ tranżizzjoni l-Istati Membri għandhom jieħdu miżuri biex jikkonformaw gradwalment ma’ l-Artikolu 5 sabiex jevitaw problemi strutturali serji b’mod partikolari relatati mal-kapaċità tat-trasport.

Fi żmien sitt xhur wara l-ewwel nofs tal-perijodu ta’ transizzjoni l-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-Kummissjoni rapport ta’ progress, li jenfasizza l-implimentazzjoni ta’ kwalunkwe għoti gradwali ta’ kuntratti għal servizz pubbliku skond l-Artikolu 5. Abbażi tar-rapporti ta’ progress ta’ l-Istati Membri, il-Kummissjoni tista’ tipproponi miżuri xierqa ndirizzati lill-Istati Membri.

3.      Fl-applikazzjoni tal-paragrafu 2, m’għandux jittieħed kont tal-kuntratti għal servizz pubbliku mogħtija skond id-dritt Komunitarju u nazzjonali:

a)      qabel is-26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

b)      qabel is-26 ta’ Lulju 2000 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

ċ)      mis-26 ta’ Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti;

d)      mis-26 ta’ Lulju 2000 u qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 abbażi ta’ proċedura li mhijiex proċedura ġusta u kompetittiva ta’ sejħiet għall-offerti.

Il-kuntratti msemmija f’(a) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu. Il-kuntratti msemmija f’(b) u (ċ) jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu, iżda għal mhux għal aktar minn 30 sena. Il-kuntratti msemmija f’(d) jistgħu jibqgħu sakemm jiskadu, kemm-il darba jkollhom tul ta’ żmien limitat meta mqabbel mat-tul ta’ żmien speċifikat fl-Artikolu 4.

Kuntratti għal servizz pubbliku jistgħu jibqgħu fis-seħħ sakemm jiskadu jekk it-tmiem tagħhom ikun ifisser konsegwenzi legali jew ekonomiċi eċċessivi u dment li l-Kummissjoni tkun tat l-approvazzjoni tagħha.”

10      Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament Nru 1370/2007:

“Kumpens għal servizz pubbliku għall-operat ta’ servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri jew għall-konformità ma’ obbligi ta’ tariffa stabbiliti permezz ta’ regoli ġenerali mħallsa skond dan ir-Regolament għandu jkun kompatibbli mas-suq komuni. Tali kumpens għandu jkun eżenti mill-ħtieġa ta’ notifika minn qabel imniżżla fl-Artikolu 88(3) tat-Trattat [KE].”

11      Skont l-Artikolu 10(1) ta’ dan ir-regolament:

“Ir-Regolament [...] nru 1191/69 huwa revokat. [.. . ]”

12      Ir-Regolament (KE) Nru 1370/2007 daħal fis-seħħ fit-3 ta’ Diċembru 2009 skont l-Artikolu 12 tiegħu.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

13      Jørgen Andersen jeżerċita, taħt l-isem kummerċjali Grahundbus v/ Jørgen Andersen, attivitajiet ta’ servizzi ta’ trasport bil-coaches fid-Danimarka u barra mid-Danimarka. Huwa jipprovdi, b’mod partikolari, rotta bejn Kopenħagen (Danimarka) u Ystad (Svezja). Ystad huwa konness permezz ta’ passaġġ tal-ilma mal-gżira ta’ Bornholm (Danimarka).

14      DSB hija l-operatriċi storika fil-qasam tat-trasport ferrovjarju fid-Danimarka. Fid-data tal-fatti inkwistjoni, DSB kienet totalment proprjetà tal-Istat Daniż u żgurat servizzi ta’ trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u servizzi relatati.

15      Wara l-abolizzjoni tal-monopolju ta’ DSB fl-1 ta’ Jannar 2000, jeżistu fid-Danimarka żewġ skemi għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport ferrovjarju tal-passiġġieri, jiġifieri t-traffiku liberu, operat fuq bażi kummerċjali, u t-traffiku ta’ servizz pubbliku, irregolat b’kuntratti ta’ servizz pubbliku li jistgħu jipprevedu l-ħlas ta’ kumpens għar-rotot operati.

16      Matul is-snin 2000 sa 2004, DSB ibbenefikat minn kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport fuq il-linji ewlenin u l-linji reġjonali. Mill-15 ta’ Diċembru 2002, dan il-kuntratt kien ikopri wkoll ir-rotta bejn Kopenħagen u Ystad li, qabel, kienet suġġetta għal skema ta’ traffiku liberu.

17      Matul is-snin 2005 sa 2014, DSB ibbenefikat minn kuntratt ġdid ta’ servizz ta’ trasport pubbliku fuq il-linji ewlenin u l-linji reġjonali, ir-rotot internazzjonali mal-Ġermanja kif ukoll ir-rotta bejn Kopenħagen u Ystad.

18      Wara l-preżentata ta’ żewġ ilmenti, li wieħed minnhom li kien ġej minn Jørgen Andersen, kontra l-kuntratti ta’ servizz pubbliku li minnhom kienet tibbenefika DSB, il-Kummissjoni ddeċidiet, fl-10 ta’ Settembru 2008, li tiftaħ il-proċedura ta’ investigazzjoni formali prevista fl-Artikolu 88(2) KE (iktar ‘il quddiem id-“deċiżjoni ta’ ftuħ”). Fi tmiem din il-proċedura, il-Kummissjoni adottat, fl-24 ta’ Frar 2010, id-deċiżjoni kkontestata, li tagħha l-Artikoli 1 sa 3 tad-dispożittiv jinqraw kif ġej:

“Artikolu 1

Il-kuntratti ta’ servizz pubbliku konklużi bejn il-Ministeru Daniż tat-Trasport Pubbliku u [DSB] jinvolvu għajnuna mill-Istat taħt l-Artikolu 107(1), [TFUE].

Din l-għajnuna mill-Istat hija kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 93 tat-TFUE sakemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 2 u 3 ta’din id-Deċiżjoni ikunu rispettati.

Artikolu 2

Id-Danimarka ddaħħal f’kull kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ Danske Statsbaner fis-seħħ l-iskema ta’ restituzzjoni deskritta fil-premessi 222 sa 240 u 356 ta’ din id-Deċiżjoni li l-karatteristiċi ewlenin tagħha huma dawn:

–        Aġġustament tal-ħlasijiet kuntrattwali fl-aħħar tas-sena finanzjarja għad-determinazzjoni ta’ tnaqqis gross ikkalkulat fuq il-bażi ta’ din l-ekwazzjoni:

Total tad-dħul – profitt raġonevoli – Total tan-nefqa = tnaqqis gross

–        Modulazzjoni tat-tnaqqis gross biex jiġu kkunsidrati kisbiet fl-effiċjenza u ta’ titjib fil-kwalità tas-servizz skont l-ekwazzjoni u l-parametri li ġejjin:

Skema ta’ restituzzjoni = tnaqqis gross – korrezzjoni (spejjeż Δ. + pas.km Δ) = tnaqqis nett

–        spejjeż Δ: tnaqqis tal-ispejjeż (għal kull kilometru-passiġġier) meta mqabbel mal-ispiża medja tal-aħħar tal-aħħar erba’ snin, skont il-kalkolu: differenzjal fl-ispiża għal kull kilometru-passiġġier (f’perċentwal) meta mqabbel mal- ispiża medja tal-aħħar erba’ snin immultiplikat b’bażi ta’ spiża totali; u

–        pas.km Δ: żieda fit-traffiku tal-passiġġieri mkejla f’kilometri-passiġġieri (0,80 [kuruna Daniżi DKK] għal kull kilometru-passiġġier);

–        it-total tat-tnaqqis marbut mat-titjib fil-prestazzjonijiet ma jistax jaqbeż it-tnaqqis gross ta’ sena partikolari. It-tnaqqis nett huwa għalhekk bejn żero u t-tnaqqis gross.

–        L-istabbiliment ta’ limitu massimu għall-iskema ta’ restituzzjoni li jiggarantixxi ż-żamma ta’ profitt fil-livell raġonevoli skont il-formola u l-karatteristiċi li ġejjin:

Profitt raġonevoli (6 %) + aġġustamenti (Spejjeż Δ: + pas:km Δ Kapital ta’ ekwità< 12 %

–        Il-kalkolu jikkunsidra biss il-parti tal-kapital ta’ ekwità li tirrigwarda l-attività ta’ servizz pubbliku ta’ DSB;

–        Il-limitu massimu tal-profitt raġonevoli huwa ffissat għal qligħ fuq il-kapital ta’ ekwità ta’ 12 %, imniżżel għal 10 % fuq tliet snin.

Artikolu 3

Il-kumpens li jista’ jitħallas lil DSB mill-kumpanija AnsaldoBreda minħabba d-dewmien fil-kunsinna tal-materjal ferrovjarju għandu jingħata lill-Istat Daniż.”

 Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata

19      B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Frar 2011, Jørgen Andersen ressaq kawża għall-annullament tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

20      B’atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-23 ta’ Mejju 2011, ir-Renju tad-Danimarka u DSB talbu li jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni. Permezz ta’ digrieti tat-22 ta’ Ġunju 2011, il-President tal-Ħames Awla tal-Qorti Ġenerali awtorizza dawn l-interventi.

21      Insostenn tar-rikors, Jorgen Andersen qajjem tliet motivi, li minnhom it-tielet wieħed ibbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni, billi applikat għall-fatti tal-każ ir-Regolament Nru 1380/2007 minflok ir-Regolament Nru 1191/69, wettqet żball ta’ liġi.

22      Il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet motiv u konsegwentement annullat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

23      F’dan ir-rigward, wara li fakkret, fil-punt 40 tas-sentenza appellata, li, fir-rigward ta’ għajnuna mħallsa fl-assenza ta’ notifika minn qabel, ir-regoli tad-dritt applikabbli huma dawk fis-seħħ fiż-żmien li fih l-għajnuna tkun tħallset, il-Qorti Ġenerali, fil-punti 46 u 48 ta’ din is-sentenza, qieset li, f’din il-kawża, il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni mas-suq intern kellha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli sostantivi fis-seħħ fid-data tal-ħlas tagħhom, jiġifieri r-Regolament Nru 1191/69, u li l-Kummissjoni, peress li applikat għal dan il-għan ir-Regolament Nru 1370/2007, kienet wettqet żball ta’ liġi.

 Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet

24      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fit-30 ta’ Settembru 2013, l-assoċjazzjoni rregolata mid-dritt Daniż Dansk Tog, talbet, fuq il-bażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, li titħalla tintervjeni f’din il-kawża insostenn tat-talbiet ta’ Jørgen Andersen. Permezz ta’ digriet tat-3 ta’ April 2014, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja laqa’ din it-talba.

25      Il-Kummissjoni, permezz tal-appell tagħha, u DSB, permezz tal-appell inċidentali tagħha, jitolbu li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata, tiċħad ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tikkundanna lil Jørgen Andersen għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, tiddikjara t-tielet motiv imqajjem fl-ewwel istanza bħala infondat, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.

26      Ir-Renju tad-Danimarka, permezz tal-appell inċidentali tiegħu, jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        tannulla s-sentenza appellata;

–        tiddeċiedi li l-applikazzjoni żbaljata mill-Kummissjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 ma tiġġustifikax l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.

27      Jørgen Andersen jitlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        prinċipalment, tiċħad l-appell u l-appelli inċidentali kif ukoll tikkundanna lill-Kummissjoni, lil DSB u lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż sostnuti minħabba l-appell u l-appelli inċidentali rispettivi tagħhom;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

28      Dansk Tog titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja:

–        prinċipalment, tiċħad l-appell u l-appelli inċidentali;

–        sussidjarjament, tirrinvija l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni, lil DSB u lir-Renju tad-Danimarka għall-ispejjeż li hija sostniet.

 Fuq it-talba għall-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali

29      Il-proċedura orali ngħalqet fil-21 ta’ Mejju 2015 wara l-preżentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali.

30      Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Lulju 2015, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fl-istess jum, DSB talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

31      Insostenn ta’ din it-talba, DSB argumentat li l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali kienu bbażati fuq kunsiderazzjonijiet legali li fuqhom il-partijiet fil-proċedura ma kellhomx biżżejjed opportunità jiskambjaw il-fehmiet tagħhom.

32      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar, minn naħa, li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’, f’kull ħin, wara li jinstema’ l-Avukat Ġenerali, tordna l-ftuħ mill-ġdid tal-fażi orali tal-proċedura, konformement mal-Artikolu 83 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari meta tqis li ma għandhiex informazzjoni biżżejjed jew inkella meta l-kawża jkollha tiġi deċiża fuq il-bażi ta’ argument li ma kienx indirizzat mill-partijiet jew mill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (sentenza Commerz Nederland, C-242/13, EU:C:2014:2224, punt 26).

33      Min-naħa l-oħra, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 222 KE, l-Avukat Ġenerali għandu bħala dmir li pubblikament bl-ikbar imparzjalita u b’indipendenza sħiħa jipproponi konklużjonijiet motivati dwar il-kawżi li skont l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, jeħtieġu l-intervent tiegħu. Il-Qorti tal-Ġustizzja ma hija marbuta la mill-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali u lanqas mill-motivazzjoni li abbażi tagħha huwa jasal għal dawn il-konklużjonijiet (sentenza Il-Kummissjoni et vs Kadi, C-584/10 P, C-593/10 P u C-595/10 P, EU:C:2013:518, punt 57)

34      F’dan il-każ, il-Qorti tal-Ġustizzja, wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali, tqis li hija għandha biżżejjed elementi sabiex tiddeċiedi u li l-kawża ma teħtieġx li tiġi deċiża abbażi ta’ argumenti li ma ġewx diskussi bejn il-partijiet. Għalhekk, ma hemmx lok li tintlaqa’ t-talba ta’ ftuħ mill-ġdid tal-proċedura orali.

 Fuq l-appell prinċipali

 L-argumenti tal-partijiet

35      Insostenn tal-appell tagħha, l-Kummissjoni tinvoka motiv wieħed ibbażat fuq il-fatt li l-Qorti Ġenerali, billi kkontestatilha li applikat retroattivament ir-Regolament Nru 1370/2007 għall-fatti tal-kawża, kisret l-Artikoli 108(2) u (3) TFUE, 288 TFUE u 291(1) TFUE.

36      Il-Kummissjoni tirrileva li hija ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn naħa, li regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt ir-reġim tar-regola l-qadima u, min-naħa l-oħra, li r-regoli tal-liġi sostantiva tal-Unjoni għandhom jiġu interpretati sabiex tiġi żgurata l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi, bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn jirriżulta b’mod ċar mill-kliem tagħhom, mill-għanijiet tagħhom jew mill-istruttura tagħhom li tali effett għandu jiġi attribwit lilhom.

37      Il-Kummissjoni tosserva li t-tieni ipoteżi biss hija applikazzjoni retroattiva tar-regola l-ġdida u tqis, konsegwentement, li l-kwistjoni deċiżiva f’dan il-każ hija jekk għajnuna illegali taqax taħt waħda jew oħra minn dawn l-ipoteżi.

38      Il-Kummissjoni tippreċiża li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet fis-sentenza Il-Kummissjoni vs Freistat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709) li hija tista’ tapplika regola ġdida għal kull proġett ta’ għajnuna, inkluż f’każijiet fejn in-notifika ta’ dan tal-aħħar tippreċedi d-dħul fis-seħħ ta’ din ir-regola l-ġdida.

39      Fil-fatt, fil-punti 51 u 52 ta’ din is-sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li r-regoli, il-prinċipji u l-kriterji għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-għajnuna mill-Istat fis-seħħ fid-data li fiha l-Kummissjoni tieħu d-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà jistgħu, bħala prinċipju, jitqiesu li huma iktar adatti għall-kuntest kompetittiv, u li n-notifika ta’ proġett ta’ għajnuna hija biss obbligu proċedurali li ma tistax ikollha bħala effett li tistabbilixxi s-sistema legali applikabbli għall-għajnuna li tkun is-suġġett tagħha.

40      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll, fil-punt 53 tal-imsemmija sentenza, li n-notifika minn Stat Membru dwar għajnuna ppjanata ma toħloqx sitwazzjoni legali definittivament stabbilita u ma toħloqx aspettattiva leġittima li jimplika li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar il-kompatibbiltà tagħhom mas-suq komuni billi tapplika regoli fis-seħħ fid-data li fiha tkun saret in-notifika.

41      Il-Kummissjoni żżid li l-Qorti tal-Ġustizzja tosserva, fis-sentenza Diputacion Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09, EU:C:2011:372, punti 125 u 128), l-ewwel nett, li l-applikazzjoni ta’ regoli ġodda għal għajnuna legali ma tkoprix sitwazzjoni miksuba qabel, iżda tkopri sitwazzjoni kurrenti, wara, li l-applikazzjoni effettiva tal-politika tal-kompetizzjoni teżiġi li l-Kummissjoni tista’, fi kwalunkwe mument, tadatta l-evalwazzjoni tagħha għall-ħtiġijiet ta’ dik il-politika u, fl-aħħar nett, li Stat Membru li ma jkunx innotifika skema ta’ għajnuna lill-Kummissjoni ma jistax jistenna b’mod raġonevoli li l-iskema tiġi evalwata taħt ir-regoli applikabbli fil-mument tal-adozzjoni tagħha.

42      Skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali b’mod żbaljat wettqet distinzjoni, fil-punt 55 tas-sentenza appellata bejn din il-kawża u dik li tat lok għas-sentenza Diputacion Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09, EU:C:2011:372). Filwaqt li huwa veru li din is-sentenza kienet tikkonċerna l-legalità tar-regoli tranżitorji stabbiliti fil-linji gwida adottati mill-Kummissjoni, ir-raġunament adottat mill-Qorti tal-Ġustizzja jkollu portata usa u x’aktarx li japplika a fortiori għar-regolamenti u l-atti leġiżlattivi vinkolanti l-oħra. Barra minn hekk, jirriżulta minn din is-sentenza li l-Qorti tal-Ġustizzja ma kkunsidratx li l-linji gwida ġew applikati b’mod retroattiv.

43      Għalhekk, il-Kummissjoni hija tal-fehma li, peress li l-Qorti Ġenerali bbażat ruħha fuq il-punti 40 sa 43 u 46 sa 48 tas-sentenza appellata, fuq is-sentenzi SIDE vs Il-Kummissjoni (T‑348/04, EU:T:2008:109, punti 58 sa 60) u L-Italja vs Il‑Kummissjoni (T‑3/09, EU:T:2011:27, punt 61) hija wettqet żball ta’ liġi.

44      Fil-fatt, skont il-Kummissjoni, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat, f’dawn is-sentenzi, li l-kompatibbiltà mas-suq intern ta’ għajnuna mħallsa mingħajr notifika għandha tiġi evalwata fid-dawl tar-regoli fis-seħħ fid-data tal-għoti, peress li d-distinzjoni magħmula mill-Qorti Ġenerali bejn l-għajnuna nnotifikata u l-għajnuna illegali ma hijiex rilevanti fil-liġi.

45      Il-Kummissjoni tippreċiża li s-sitwazzjoni dwar l-għoti ta’ għajnuna, innotifikata jew le, ma tistax titqies li hija finali sakemm il-Kummissjoni ma tkunx ħadet id-deċiżjoni tagħha dwar il-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mas-suq intern u li din id-deċiżjoni ma tkunx saret finali. Fil-fatt, l-ewwel nett, l-irkupru ta’ tali għajnuna dejjem setgħet tiġi ordnata, jew mill-Kummissjoni jew mill-qrati nazzjonali, sakemm il-Kummissjoni ma tkunx approvatha u li d-deċiżjoni ta’ approvazzjoni ma tkunx saret finali. Sussegwentement, Stat Membru li jaġixxi bi ksur tal-obbligi ta’ notifika u ta’ sospensjoni imposti fl-Artikolu 108(3) TFUE ma jistax jiġi ttrattat aħjar minn Stat Membru li jkun ikkonforma ruħu ma’ dawn l-obbligi. Fl-aħħar nett, ma jkun hemm ebda bżonn li jiġi protett il-benefiċjarju ta’ għajnuna illegali kontra bidla fir-regoli sostantivi applikabbli għall-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà ta’ din l-għajnuna mill-Kummissjoni.

46      Il-Kummissjoni għalhekk tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta kkonkludiet li l-vantaġġi u l-iżvantaġġi li jirriżultaw mill-għoti tal-għajnuna inkwistjoni mmaterjalizzaw fil-perijodu li matulu l-għajnuna kienet tħallset.

47      Fil-fatt, kif irrileva l-Avukat Ġenerali Alber fil-konklużjonijiet tiegħu fil-kawżi magħquda Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni (C‑74/00 P u C‑75/00P, EU:C:2002:106, punti 143 u 144) l-effett ta’ għajnuna illegali jibqa’ sal-ħlas lura tagħha, peress li ssaħħaħ b’mod permanenti l-pożizzjoni kompetittiva tal-kumpannija benefiċjarja fir-rigward tal-kompetituri tagħha.

48      Jørgen Andersen u Dansk Tog jikkontestaw dan l-argument.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

49      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, regola ġdida tapplika immedjatament għall-effetti futuri ta’ sitwazzjoni li tkun inħolqot taħt ir-reġim tar-regola l-qadima. Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet ukoll li l-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi ma jistax jiġi estiż sal-punt li jipprevjeni, ġeneralment, milli tapplika regola ġdida għall-effetti futuri ta’ sitwazzjonijiet li nħolqu taħt ir-reġim tar-regola qadima (sentenza Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C 334/07 P, EU:C:2008:709, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

50      Min-naħa l-oħra, ir-regoli tal-Unjoni dwar dritt sostantiv għandhom jiġu interpretati, sabiex jiżguraw l-osservanza tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, bħala li japplikaw għal sitwazzjonijiet eżistenti qabel id-dħul fis-seħħ tagħhom biss sa fejn mill-kliem, mill-għanijiet jew mill-istruttura tagħhom jirriżulta b’mod ċar li dawn għandhom jingħataw tali effett (sentenzi Pokrzeptowicz-Meyer, C‑162/00, Ġabra p. I‑1049, punt 49 u Il‑Kummissjoni vs Freistaat Sachsen, C‑334/07 P, EU:C:2008:709, punt 44).

51      Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk l-għajnuna inkwistjoni taqax taħt sitwazzjoni li nħolqot qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1370/2007 jew ta’ sitwazzjoni li nħolqot taħt ir-reġim tar-Regolament Nru 1191/69 iżda li l-effetti tagħhom ikunu għadhom applikabbli f’dik id-data, għandu jitfakkar li d-dispożizzjonijiet tranżitorji ddikjarati fl-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 pprevedew li l-kuntratti ta’ servizz pubbliku pendenti fid-data tat-3 ta’ Diċembru 2009 “[jistgħu] jibqgħu sakemm jiskadu”, fil-limiti tat-termini massimi stabbiliti minn din id-dispożizzjoni u bir-riżerva li l-kuntratti “kienu mogħtija bi qbil mad-dritt Komunitarju u d-dritt nażżjonali”.

52      Issa, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regolament Nru 1191/69, il-kumpens imħallas mill-kumpannija ta’ trasport rilevanti bħala korrispettiv għall-piżijiet li jirriżultaw mill-obbligu tas-servizz pubbliku imposti fuqha kienu eżentati mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE meta kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet indikati fit-taqsimiet II, III u IV ta’ dan ir-regolament. Din l-għajnuna kienet, fil-fatt, meqjusa mill-imsemmi regolament bħala kompatibbli mas-suq intern.

53      Minn dan isegwi li l-għajnuna mħallsa lil kumpannija ta’ trasport pubbliku f’data meta r-Regolament Nru 1191/69 kien għadu fis-seħħ u li tissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsimiet II, III u IV ta’ dan ir-regolament, kienet parti minn sitwazzjoni permanenti li nħolqot qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament Nru 1370/2007.

54      Minn dawn il-kunsiderazzjonijiet jirriżulta li, meta adottat id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat minn qabel fid-dawl tar-Regolament Nru 1191/69 l-għajnuna mħallsa taħt l-ewwel kuntratt ta’ servizz pubbliku konkluż għas-snin 2000 sa 2004 u l-għajnuna mħallsa qabel it-3 ta’ Diċembru 2009 taħt it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku tat-trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014, bil-għan li tivverifika jekk l-għajnuna tissodisfax il-kundizzjonijiet stabbiliti fit-taqsimiet II, III u IV ta’ dan ir-regolament u kinux għalhekk eżentati mill-obbligu ta’ notifika previst fl-Artikolu 108(3) TFUE.

55      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kien imissha eżaminat, fid-dawl tar-Regolament Nru 1370/2007 u bla ħsara għar-regoli tranżitorji msemmija fil-punt 51 ta’ din is-sentenza, kemm il-legalità kif ukoll il-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 skont it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku tat-trasport għas-snin 2005 sa 2014.

56      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li għaliha qed tirreferi l-Kummissjoni.

57      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ma tista’ tislet ebda argument mill-punti 51 u 52 tas-sentenza Il-Kummissjoni vs Freistaat Sachsen (C‑334/07 P, EU:C:2008:709) għaliex iċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti huma fundamentalment differenti minn dawk tal-kawża li tat lok għal din is-sentenza, peress li din tal-aħħar kienet dwar għajnuna mill-Istat li ma taqax taħt regolament ta’ eżenzjoni ta’ kategorija fid-data meta l-awtoritajiet kompetenti ddeċidew li jagħtuha.

58      It-tieni nett, għall-istess raġunijiet, il-punti 125 sa 128 tas-sentenza Diputacion Foral de Vizcaya et vs Il-Kummissjoni (C‑465/09 P sa C‑470/09, EU:C:2011:372). ma jipprovdu l-ebda sostenn għall-argument tal-Kummissjoni li l-għajnuna inkwistjoni f’dan il-każ tiġi evalwata fid-dawl biss tar-Regolament Nru 1370/2007.

59      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument li l-irkupru ta’ għajnuna illegali seta’ jiġi ordnat sal-mument fejn il-Kummissjoni tadotta deċiżjoni li tirrigwarda din l-għajnuna, għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, l-illegalità tal-għajnuna inkwistjoni ma seħħietx.

60      Fid-dawl ta’ dan kollu, jirriżulta mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 54 u 55 ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punt 46 tas-sentenza appellata, li l-kompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna kollha inkwistjoni kellha tiġi evalwata taħt ir-Regolament Nru 1191/69.

61      Għalhekk, hemm lok li tannulla s-sentenza appellata sa fejn, fil-każ tal-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 skont it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku għal trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014, il-Qorti Ġenerali annullat it-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata.

62      Għaldaqstant, hemm lok li tintbagħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex hija tagħti deċiżjoni, fir-rigward tat-tliet motivi fir-rikors, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007, fuq il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn din iddikjarat li l-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 skont it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku għal trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014, kienet kompatibbli mas-suq intern.

63      Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.

 Fuq l-appelli inċidentali

 L-argumenti tal-partijiet

64      DSB issostni li l-applikazzjoni, jekk wieħed jippreżumi li hija żbaljata, tar-Regolament Nru 1370/2007 għall-fatti tal-każ baqgħet ma affettwatx il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, għaliex l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 ma wassalx għal konklużjoni differenti dwar il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.

65      F’dan ir-rigward, DSB tippreċiża li, fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għar-regoli ta’ evalwazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69, kif kienu diġà esposti fil-punti 124 sa 131 tad-deċiżjoni ta’ ftuħ. Issa, f’dawn l-aħħar punti, il-Kummissjoni eżaminat l-Artikolu 14 ta’ dan ir-regolament u kkonkludiet li l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tal-imsemmija għajnuna kellha ssir fid-dawl tal-prinċipji ġenerali taħt it-trattat tal-KE, tal-ġurisprudenza u tal-prassi deċiżjonali tal-Kummissjoni.

66      B’mod partikolari, il-Kummissjoni indikat li dawn il-prinċipji ġenerali jeżiġu li l-ammont tal-kumpens ma għandux jisboq dak li hu meħtieġ biex ikopri l-ispiża kkawżata mit-twettiq tal-obbligi ta’ servizz pubbliku, filwaqt li jittieħed inkunsiderazzjoni d-dħul korrispondenti kif ukoll korrispettiv raġonevoli għall-eżekuzzjoni ta’ dawn l-obbligi. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni esponiet l-opinjoni preliminari tagħha dwar jekk dan il-kriterju għall-għajnuna inkwistjoni kienx issodisfatt jew le.

67      Għalhekk, qari flimkien tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni ta’ ftuħ jispjegaw b’mod suffiċjentement motivat ir-raġuni li biha l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 ma setax iwassal għal riżultat differenti minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007. DSB tenfasizza li, skont ġurisprudenza stabbilita, deċiżjoni tkun motivata biżżejjed meta hija tirreferi għal dokument li jkun diġà fil-pussess tad-destinatarju li fih l-elementi li fuqhom l-istituzzjoni tkun ibbażat id-deċiżjoni tagħha (sentenza Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni, T‑36/06, EU:T:2010:61, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Għalhekk, DSB tqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta sostniet, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, li l-evalwazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni twettqet biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1370/2007 u, fil-punt 58 ta’ din is-sentenza, li hija ma setgħet la tissostitwixxi l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni b’tagħha u lanqas tiddetermina jekk l-għajnuna inkwistjoni kinitx, fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1191/69, kompatibbli mas-suq intern.

69      Il-Qorti Ġenerali minflok kellha tkun marbuta teżamina jekk, minn naħa, l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 li magħhom żammet il-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-konklużjonijiet li din tal-aħħar siltet minn din l-interpretazzjoni kinux eżatti. F’dan ir-rigward, DSB tfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, żball ta’ liġi ma jiġġustifikax l-annullament ta’ deċiżjoni meta, fl-assenza tal-iżball imwettaq, il-Kummissjoni kienet tadotta l-istess deċiżjoni (sentenzi Falck u Acciaierie di Bolzano vs Il-Kummissjoni, C‑74/00 P u C‑75/00 P, EU:C:2002:524, punt 122; CMA CGM et vs Il-Kummissjoni T‑213/00 EU:T:2003:76. Punti 101 sa 103; sentenzi Gonzalez y Diez vs Il-Kummissjoni, T‑25/04, EU:T:2007:257, punt 74; kif ukoll Diputacion Foral de Alava et vs Il‑Kummissjoni, T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:2009:314, punt 219).

70      Fir-rigward tal-gvern Daniż, huwa jqis li, fil-punt 50 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata meta ddeċidiet li l-evalwazzjoni tal-għajnuna inkwistjoni kienet twettqet biss fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1370/2007. F’dan ir-rigward, dan il-gvern javvanza argument sostanzjalment identiku għal dak ta’ DSB, kif miġbur fil-qosor fil-punti 65 sa 67 ta’ din is-sentenza.

71      Barra minn hekk, il-gvern Daniż isostni li l-Qorti Ġenerali injorat id-dritt tal-Unjoni meta ċaħdet, fil-punt 58 tas-sentenza appellata, l-argumenti tiegħu, u dawk tal-Kummissjoni u ta’ DSB, intiżi li juru li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007 kien jikkostitwixxi biss difett formali nieqes minn kull impatt fuq il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata. Insostenn ta’ dan l-argument, dan il-gvern jinvoka s-sentenzi Gonzalez y Diez vs Il-Kummissjoni (T‑25/04, EU:T:2007:257, punt 74) u Diputacion Foral de Alava et vs Il-Kummissjoni, (T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:314, punt 219).

72      Il-Kummissjoni ssostni l-argumenti kemm ta’ DSB, ħlief dawk miġbura fil-qosor fil-punt 69 ta’ din is-sentenza, kif ukoll tal-gvern Daniż, kif miġbura fil-qosor fil-punt 70 ta’ din is-sentenza.

73      Jørgen Andersen jikkontesta l-argumenti ta’ DSB u tal-Gvern Daniż. B’mod partikolari, huwa jsostni li l-Qorti Ġenerali, billi kkonstatat li l-Kummissjoni kienet wettqet l-eżami tal-kompatibbiltà fuq il-bażi tar-Regolament Nru 1370/2007 biss, kienet wettqet evalwazzjoni fattwali li ma tistax tiġi kkontestata fil-kuntest ta’ dan l-appell.

 Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja

74      Fir-rigward tal-ammissibbiltà tal-argument li jallega li l-Kummissjoni eżaminat il-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni fid-dawl kemm tar-Regolament Nru 1191/69 u tar-Regolament Nru 1370/2007, u mhux, kuntrarjament għall-interpretazzjoni żbaljata tal-Qorti Ġenerali fid-deċiżjoni kkontestata, fid-dawl tar-Regolament Nru 1370/2007 biss, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li tali interpretazzjoni taqa’ taħt evalwazzjoni ġuridika u mhux sempliċi konstatazzjoni ta’ fatt. Għaldaqstant, dan l-argument huwa ammissibbli.

75      Fuq il-mertu, jirriżulta mill-punti 304, 307, 314 u 397 tad-deċiżjoni kkontestata li l-Kummissjoni espressament indikat li l-eżami tal-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni kellha tiġi bbażata esklużivament fuq ir-Regolament Nru 1370/2007. Barra minn hekk, il-punti 315 sa 394 ta’ din id-deċiżjoni juru li l-Kummissjoni effettivament wettqet dan l-eżami fid-dawl ta’ dan ir-regolament biss.

76      Għalkemm huwa veru li, fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, l-Kummissjoni indikat li l-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69 ma kinitx twassal għal konklużjoni differenti minn dik li hija siltet mill-applikazzjoni tar-Regolament Nru 1370/2007, din l-indikazzjoni ma għandhiex fiha nnifisha tistabbilixxi li l-Kummissjoni, kif jallegaw kemm din tal-aħħar, il-Gvern Daniż u DSB, effettivament applikat ir-Regolament Nru 1191/69 sabiex tevalwa l-kompatibbiltà tal-għajnuna inkwistjoni.

77      Barra minn hekk, għalkemm il-Kummissjoni, fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, irrilevat li r-regoli sostantivi tar-Regolament Nru 1191/69 kienu “simili” għal dawk tar-Regolament Nru 1370/2007, hija ma kkonstatatx identiċità bejn dawn u dawk, b’tali mod, li fi kwalunkwe każ, il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali li jibbażaw ruħhom fuqhom DSB u l-gvern Daniż, jiġifieri s-sentenzi Gonzalez y Diez vs Il-Kummissjoni (T‑25/04, EU:T:2007:257, punt 74) u Diputacion Foral de Alava et vs Il‑Kummissjoni, (T‑30/01 sa T‑32/01 u T‑86/02 sa T‑88/02, EU:T:314, punt 219) ma humiex issodisfatti f’dan il-każ.

78      Fir-rigward taċ-ċirkustanza li, fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni rreferiet għall-preżentazzjoni u għall-interpretazzjoni li hija kienet għamlet, fid-deċiżjoni ta’ ftuħ, tar-regoli ta’ evalwazzjoni tar-Regolament Nru 1191/69, huma biżżejjed li jiġi rrilevat li, kuntrarjament għall-pretensjonijiet ta’ DSB u tal-gvern Daniż, din id-deċiżjoni ma timplika l-ebda evalwazzjoni ta’ natura li tingħeleb l-assenza ta’ eżami, fid-deċiżjoni kkontestata, tal-għajnuna inkwistjoni fid-dawl ta’ dan ir-regolament.

79      Fil-fatt, fil-punti 83 sa 90 u 101 sa 103 tad-deċiżjoni tal-ftuħ, dwar il-kwistjoni tal-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat, kif ukoll fil-punti 129 sa 131 tal-istess deċiżjoni, dwar il-kompatibbiltà possibbli ta’ din tal-aħħar mar-Regolament Nru 1191/69, il-Kummissjoni sempliċement esponiet l-argumenti tal-partijiet u rrilevat li hija kellha dubji dwar il-fondatezza ta’ dawk ippreżentati minn DSB u mill-gvern Daniż.

80      Għalhekk, ma humiex issodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirreferi għalihom DSB, jiġifieri s-sentenza Bundesverband deutscher Banken vs Il-Kummissjoni (T‑36/066, EU:T:2010:61, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata) li tgħid li deċiżjoni tkun suffiċjentement motivata meta tirreferi għal dokument li jkun diġà fil-pussess tad-destinatarju u li jinkludi fih l-elementi li fuqhom l-istituzzjoni tkun ibbażat id-deċiżjoni tagħha.

81      Konsegwentement, jekk il-Qorti Ġenerali kienet ivverifikat, kif kien meħtieġ li tagħmel fl-opinjoni ta’ DSB, il-fondatezza tal-indikazzjoni, li tidher fil-punt 398 tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-applikazzjoni fil-każ tar-Regolament Nru 1191/69 ma kienx iwassal għal konklużjoni differenti, hija kienet tkun marbuta li ssegwi evalwazzjoni preliminari tal-kompatibbiltà tal-għajnuna kkontestata fid-dawl ta’ dan ir-regolament.

82      Issa, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja tali eżami ma jaqax, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament, fil-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali, peress li ma huwiex il-kompitu tagħha li tissostitwixxi l-evalwazzjoni ekonomika tal-Kummissjoni b’dak tagħha (ara f’dan is-sens, id-digriet DSG vs Il-Kummissjoni C‑323/00 P, EU:C:2002:260, punt 43, u s-sentenza KME Germany vs Il‑Kummissjoni, C‑272/09 P, EU:C:2011:810, punti 93 u 103).

83      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-appelli inċidentali għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq l-ispejjeż

84      Peress li l-kawża qed tintbagħat lura lill-Qorti Ġenerali, hemm lok li l-ispejjeż jiġu rriżervati.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea Andersen vs Il‑Kummissjoni (T‑92/11, EU:T:2013:143)) hija annullata sa fejn, minnha, fir-rigward tal-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 taħt it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014, tannulla t-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni 2011/3/UE tal-Kummissjoni tal-24 ta’ Frar 2010, dwar il-kuntratti ta’ servizz pubbliku ta’ trasport bejn il-Ministeru Daniż ta’ trasport u Danske Statsbaner [Għajnuna mill-Istat C 41/08 (ex NN 35/08)].

2)      Il-kumplament tal-appell prinċipali huwa miċħud.

3)      L-appelli inċidentali huma miċħuda.

4)      Il-kawża għandha tintbagħat lura quddiem il-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea sabiex tagħti deċiżjoni dwar it-tliet motivi tar-rikors, billi tieħu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 8(3) tar-Regolament Nru 1370/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-23 ta’ Ottubru 2007 dwar is-servizzi pubbliċi tat-trasport tal-passiġġieri bil-ferrovija u bir-rotta, u li jabroga ir-Regolamenti (KEE) Nru 1191/69 u (KEE) Nru 1107/70 tal-Kunsill, dwar il-legalità tad-Deċiżjoni 2011/3/UE sa fejn tiddikjara li l-għajnuna mħallsa mit-3 ta’ Diċembru 2009 taħt it-tieni kuntratt ta’ servizz pubbliku ta’ trasport konkluż għas-snin 2005 sa 2014 kienet kompatibbli mas-suq intern.

5)      L-ispejjeż huma rriżervati.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.