Language of document : ECLI:EU:C:2022:7

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla)

13 ta’ Jannar 2022 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazji tas-sisa – Direttiva 2008/118/KE – Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa armonizzata – Prodotti intiżi li jintużaw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari – Kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti – Ħlas b’mezzi li ma jkunux flus kontanti”

Fil-Kawża C‑326/20,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja), permezz ta’ deċiżjoni tal-10 ta’ Lulju 2020, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fit-22 ta’ Lulju 2020, fil-proċedura

“MONO” SIA

vs

Valsts ieņēmumu dienests,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tielet Awla),

komposta minn A. Prechal, Presidenta tat-Tieni Awla, li qiegħda taġixxi bħala President tat-Tielet Awla, J. Passer (Relatur), F. Biltgen, L. S. Rossi u N. Wahl, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: A. Rantos,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għal “MONO” SIA, minn M. Uļmans,

–        għall-Gvern Latvjan, inizjalment minn K. Pommere, V. Soņeca u E. Bārdiņš, sussegwentement minn K. Pommere u E. Bārdiņš, bħala aġenti,

–        għall-Gvern Spanjol, minn M. J. Ruiz Sánchez, bħala aġent,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn C. Perrin u A. Sauka, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-2 ta’ Settembru 2021,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn “Mono” SIA u l-Valsts ieņēmumu dienests (l-Amministrazzjoni Fiskali, il-Latvja, iktar ’il quddiem il-“VID”) dwar l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għal prodotti kkunsinnati lil ambaxxati u lil servizzi konsulari ta’ diversi Stati kif ukoll lir-rappreżentanza tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO) fil-Latvja.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

 Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi

3        L-Artikolu 34 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Diplomatiċi, tat-18 ta’ April 1961 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 500, p. 95, iktar ’il quddiem il-“KVRD”), jipprovdi:

“Aġent diplomatiku jkun eżenti mill-imposti u taxxi kollha, persunali jew fuq il-proprjetà, nazzjonali, reġjonali jew muniċipali, ħlief:

(a)      taxxi indiretti ta’ xorta li jkunu normalment inkorporati fil-prezz ta’ oġġetti jew servizzi;

[…]”

4        L-Artikolu 36(1) tal-KVRD jipprovdi:

“L-Istat riċeventi għandu, skont dawk il-liġijiet u regolamenti li jista’ jadotta, jippermetti d-dħul ta’ u jagħti eżenzjoni mid-dazji tad-dwana, taxxi, u ħlasijiet relattivi kollha ħlief ħlasijiet għal magazzinaġġ, trasport u servizzi simili, dwar:

(a)      [oġġetti intiżi għall-użu uffiċjali tal-missjoni;]

(b)      oġġetti għall-użu personali ta’ aġent diplomatiku jew ta’ membri tal-familja tiegħu li jifformaw parti mid-dar tiegħu, inklużi oġġetti maħsuba għall-istabbiliment tiegħu.”

 Il-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari

5        L-Artikolu 49 tal-Konvenzjoni ta’ Vjenna dwar ir-Relazzjonijiet Konsulari, tal-24 ta’ April 1963 (Ġabra tat-Trattati tan-Nazzjonijiet Uniti, Vol. 596, p. 261, iktar ’il quddiem il-“KVRK”), intitolat “Eżenzjoni fiskali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-uffiċjali konsulari u l-impjegati konsulari kif ukoll il-membri tal-familja tagħhom li jgħixu fid-dar tagħhom huma eżentati mill-imposti u taxxi kollha, personali jew fuq il-proprjetà, nazzjonali, reġjonali u muniċipali, ħlief:

(a)      taxxi indiretti ta’ xorta li jkunu normalment inkorporati fil-prezz ta’oġġetti jew servizzi;

[…]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        L-Artikolu 50 tal-KVRK, intitolat “Eżenzjoni mid-dazji doganali u mill-ispezzjoni doganali”, jipprovdi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“L-Istat ta’ residenza għandu, skont dawk il-liġijiet u regolamenti li jista’ jadotta, jawtorizza d-dħul ta’ u jagħti eżenzjoni mid-dazji tad-dwana, taxxi, u ħlasijiet relattivi kollha ħlief ħlasijiet għal magazzinaġġ, trasport u servizzi simili, dwar:

(a)      oġġetti intiżi għall-użu uffiċjali tal-post konsulari;

(b)      oġġetti għall-użu personali ta’ uffiċjal konsulari u ta’ membri tal-familja tiegħu li jifformaw parti mid-dar tiegħu, inklużi oġġetti maħsuba għall-istabbiliment tiegħu. L-oġġetti ta’ konsum ma għandhomx jeċċedu l-kwantitajiet neċessarji għall-użu dirett tagħhom mill-persuni interessati.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 Id-Direttiva 2008/118

7        Il-premessi 2, 8, 10 u 13 tad-Direttiva 2008/118 huma fformulati kif ġej:

“(2)      Il-kondizzjonijiet għall-ħlas tad-dazju tas-sisa fuq il-prodotti koperti mid-Direttiva [tal-Kunsill] 92/12/KEE [tal-25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39)], minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’, jeħtieġ li jibqgħu armonizzati sabiex jiġi żgurat it-tħaddim xieraq tas-suq intern.

[…]

(8)      Billi jibqa’ meħtieġ għall-funzjonament bla xkiel tas-suq intern li l-kunċett, u l-kondizzjonijiet għall-ħlas, tad-dazju tas-sisa jkunu l-istess fl-Istati Membri kollha, jeħtieġ li jkun iċċarat fil-livell tal-[Unjoni] meta l-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa jkunu rilaxxati għall-konsum u liema hija l-persuna li għandha tħallas it-taxxa tas-sisa.

[…]

(10)      L-arranġamenti għall-ġbir u r-rimborż tad-dazju għandhom impatt fuq it-tħaddim xieraq tas-suq intern u għandhom għalhekk isegwu kriterji mhux diskriminatorji.

[…]

(13)      Ir-regoli u l-kondizzjonijiet għall-konsenji li huma eżentati mill-ħlas ta’ dazju tas-sisa għandhom jibqgħu armonizzati. Għall-konsenji eżentati għal organizzazzjonijiet li jinsabu fi Stati Membri oħra, għandu jsir użu minn ċertifikat ta’ eżenzjoni.”

8        L‑Artikolu 1(1) tad‑Direttiva 2008/118 jipprovdi:

“Din id-Direttiva tistabbilixxi arranġamenti ġenerali fir-rigward tad-dazju tas-sisa li jaffettwa direttament jew indirettament il-konsum tal-prodotti li ġejjin (minn hawn ‘il quddiem ‘prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa’):

[…]

(b)      alkoħol u xorb alkoħoliku koperti [mid-Direttiva tal-Kunsill] 92/83/KEE [tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206) u mid-Direttiva tal-Kunsill] 92/84/KEE [tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tar-rati tat-taxxa tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 213)];

(ċ)      tabakk manifatturat kopert [mid-Direttiva tal-Kunsill] 95/59/KE [tas-27 ta’ Novembru 1995 dwar taxxi li mhumiex taxxi fuq il-qliegħ li jaffettwaw il-konsum ta’ tabakk manifatturat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 283), mid-Direttiva tal-Kunsill] 92/79/KEE [tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-approssimazzjoni tat-taxxi fuq is-sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 202) u mid-Direttiva tal-Kunsill] 92/80/KEE [tad-19 ta’ Ottubru 1992 dwar it-tqarrib tat-taxxi fuq it-tabakk fabbrikat li mhux sigaretti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 13, p. 204)].”

9        L-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 jipprovdi:

“1.      Il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa għandhom ikunu eżentati mid-dazju tas-sisa fejn dawn ikunu maħsuba biex jiġu użati:

(a)      fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari;

(b)      minn organizzazzjonijiet internazzjonali rikonoxxuti bħala tali mill-awtoritajiet pubbliċi tal-Istat Membru ospitanti, u mill-membri ta’ tali organizzazzjonijiet, fil-limiti u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu tali organizzazzjonijiet jew minn strumenti ta’ ftehim tal-kwartieri ġenerali;

(ċ)      mill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat li huwa parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana [iffirmat f’Washington (l-Istati Uniti) fl-4 ta’ April 1949] minbarra l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi, għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mess jew il-kantins tagħhom;

[…]

2.      L-eżenzjonijiet għandhom ikunu soġġetti għall-kondizzjonijiet u l-limitazzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti. L-Istati Membri jistgħu jagħtu l-eżenzjoni permezz ta’ rifużjoni tad-dazju tas-sisa.”

10      L-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva jipprovdi:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 21(1), il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkolaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju għal għand destinatarju msemmi fl-Artikolu 12(1) għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ eżenzjoni.

2.      Il-Kummissjoni [Ewropea] għandha, b’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 43(2), tistabbilixxi l-forma u l-kontenut taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni.

[…]”

 Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 282/2011

11      L-Artikolu 51 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 282/2011 tal-15 ta’ Marzu 2011 li jistabbilixxi miżuri ta’ implimentazzjoni fir-rigward tad-Direttiva 2006/112 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2011, L 77, p. 1) jipprevedi:

“1.      […] iċ-ċertifikat [ta’ eżenzjoni mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT)] u/jew id- dazju tas-sisa [mid-dazju tas-sisa] previst fl-Anness II għal dan ir-Regolament, għandu iservi biex jiġi kkonfermat li l-operazzjoni tista’ tibbenefika, skont in-noti ta’ spjegazzjoni stipulati fl-Anness għal dak iċ-ċertifikat, minn tali eżenzjoni taħt l-Artikolu 151 tad-Direttiva [tal-Kunsill] 2006/112/KE [tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU 2006, L 347, p. 1, rettifika fil-ĠU 2007, L 335, p. 60)].

[…]

2.      Iċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkun ittimbrat mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti. Madanakollu, jekk l-oġġetti u s-servizzi ġew intiżi għall-użu uffiċjali, l-Istati Membri jistgħu jeżentaw lir-reċipjent mir-rekwiżit li ċ-ċertifikat għandu jiġi stampat, taħt tali kundizzjonijiet li jistgħu jistipulaw. Din l-eżenzjoni tista’ tiġi rtirata fil-każ ta’ abbuż.

L-Istati Membri għandhom jinfurmaw il-Kummissjoni bil-punt ta’ kuntatt magħżul biex jidentifika s-servizzi responsabbli għall-istampar taċ-ċertifikat u sa liema punt jistgħu jwarrbu r-rekwiżit li ċ-ċertifikat għandu jiġi stampat. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri l-oħra bl-informazzjoni li tressqet mill-Istati Membri.

3.      Fejn eżenzjoni diretta hija applikata fl-Istat Membru li fih sar il-forniment, il-fornitur għandu jakkwista ċ-ċertifikat imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, mir-reċipjent tal-prodotti jew servizzi u jżommu bħala parti mir-reġistri tiegħu. Jekk l-eżenzjoni tingħata permezz ta’ rifużjoni tal-VA [VAT], skont l-Artikolu 151(2) tad-Direttiva [2006/112], iċ-ċertifikat għandu jiġi mehmuż mat-talba għar-rifużjoni mibgħuta lill-Istat Membru kkonċernat.”

 Id-dritt Latvjan

12      Il-likums “Par akcīzes nodokli” (il-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa), tat-30 ta’ Ottubru 2003 (Latvijas Vēstnesis, 2003, Nru 161, iktar ’il quddiem il-“Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa”) jistabbilixxi, fl-Artikolu 7 tiegħu:

“Id-dazji tas-sisa huma dovuti minn:

1)      l-importatur;

[…]”

13      L-Artikolu 20(1) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa jipprovdi:

“Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafi 2, […] 5, […] ta’ dan l-artikolu, huma eżentati mid-dazji tas-sisa l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa kkunsinnati:

1)      lil rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari;

2)      lill-aġenti diplomatiċi u konsulari tar-rappreżentanzi diplomatiċi u konsulari, lill-persunal amministrattiv u tekniku u lill-membri tal-familja tal-persuni msemmija f’dan il-punt, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ċittadini Latvjani u ma jkunux jirresjedu fil-Latvja b’mod permanenti. […]

3)      lill-organizzazzjonijiet internazzjonali rrikonoxxuti bħala tali mir-Repubblika tal-Latvja kif ukoll lir-rappreżentanzi tagħhom, fil-limiti u taħt il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-konvenzjonijiet internazzjonali li jistabbilixxu dawn l-organizzazzjonijiet jew mill-ftehimiet dwar is-sede;

4)      lill-membri tal-persunal tal-organizzazzjonijiet internazzjonali jew lir-rappreżentanzi tagħhom li jibbenefikaw mill-istatus diplomatiku fir-Repubblika tal-Latvja, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ċittadini Latvjani u ma jkunux jirrisjedu b’mod permanenti fil-Latvja;

[…]

6)      lill-forzi armati ta’ kwalunkwe Stat li huwa Parti għat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana minbarra l-Istat Membru li fih ikun dovut id-dazju tas-sisa, għall-użu ta’ dawk il-forzi jew għall-persunal ċivili li jakkumpanjahom jew għall-provvista tal-mensi jew kantins tagħhom;

[…]

9)      […]

(a)      lill-kwartieri ġenerali alleati rrikonoxxuti fir-Repubblika tal-Latvja […]

(b)      lill-membri ta’ kwartier ġenerali alleat jew lill-persuni responsabbli minn dawn tal-aħħar, sakemm dawn il-persuni ma jkunux ċittadini Latvjani u ma jkunux jirrisjedu b’mod permanenti fil-Latvja.”

14      L-Artikolu 20(2) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa jipprovdi:

“Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-artikolu jistgħu jirċievu, fir-Repubblika tal-Latvja, prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li ġejjin minn:

[…]

2)      imħażen tat-taxxa li jinsabu fir-Repubblika tal-Latvja, skont il-kundizzjonijiet li ġejjin:

(a)      il-kunsinnatur ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa juża d-dokument stabbilit fl-Anness II tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 282/2011, li jiċċertifika li dawn il-prodotti huma eżentati mid-dazji tas-sisa,

(b)      il-kunsinnatur ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jistabbilixxi dokument ta’ sostenn skont il-leġiżlazzjoni dwar iċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa,

(c)      il-prezz tal-akkwist ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jitħallas permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma jkunux flus kontanti,

[…]”

15      L-Artikolu 20(5) tal-Liġi dwar id-Dazju tas-Sisa jipprovdi:

“L-oġġetti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi għall-bżonnijiet tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1, importati fir-Repubblika tal-Latvja sabiex jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera, […] li jkunu ġejjin minn pajjiż barrani li ma huwiex Stat Membru jew minn territorju msemmi fl-Artikolu 2(31) ta’ din il-liġi, huma eżentati mid-dazji tas-sisa taħt il-kundizzjonijiet li ġejjin:

1)      il-kunsinnatur ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa juża d-dokument stabbilit fl-Anness II tar-Regolament [ta’ Implimentazzjoni] Nru 282/2011, li jiċċertifika li dawn il-prodotti huma eżentati mid-dazji tas-sisa;

2)      il-prezz tal-akkwist ta’ prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jitħallas permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma jkunux flus kontanti;

[…]”

 It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      MONO, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, iddikjarat mal-amministrazzjoni doganali Latvjana, taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa u sabiex jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera fl-ambaxxati u s-servizzi konsulari ta’ diversi Stati kif ukoll fir-rappreżentanza tan-NATO fil-Latvja, prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa (alkoħol u sigaretti) akkwistati minnha mingħand kumpannija Brittanika u mingħand il-fergħa Latvjana tagħha (iktar ’il quddiem il-“kumpannija Brittanika”).

17      Permezz ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ krediti konkluż bejn MONO u l-kumpannija Brittanika, dwar it-trasferiment lil din il-kumpannija tal-krediti ta’ MONO fir-rigward tal-klijenti tagħha, l-imsemmija kumpannija ġabret il-ħlasijiet mingħand l-imsemmija klijenti u għaddiet l-ammont tagħhom lil MONO, wara li naqqset il-prezz tal-bejgħ tagħha ta’ prodotti lil MONO.

18      Wara li wettqet kontroll, il-VID adottat, fit-2 ta’ Novembru 2018, deċiżjoni li tobbliga lil MONO tħallas dazji tas-sisa għar-rilaxx għaċ-ċirkulazzjoni libera tal-imsemmija prodotti, flimkien ma’ multi u interessi moratorji. Din id-deċiżjoni kienet tindika li, peress li r-rappreżentanzi diplomatiċi ma kinux ħallsu għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa lil MONO permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma kinux flus kontanti, il-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 2 tal-Artikolu 20(5) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa ma kinitx issodisfatta.

19      MONO ppreżentat, quddiem l-administratīvā rajona tiesa (il-Qorti Amministrattiva Distrettwali, il-Latvja), rikors għall-annullament tal-imsemmija deċiżjoni. Hija sostniet, b’mod partikolari, li l-kundizzjoni għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni stabbilita fil-punt 2 tal-Artikolu 20(5) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa ma kinitx determinanti u barra minn hekk ma kinitx irrikonoxxuta bħala kundizzjoni għall-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fl-istrumenti internazzjonali li jorbtu lir-Repubblika tal-Latvja.

20      Permezz ta’ sentenza tal-10 ta’ Ġunju 2019, l-imsemmija qorti ċaħdet dan ir-rikors għal dak li jirrigwarda l-obbligu tal-ħlas tad-dazji tas-sisa.

21      MONO appellat mill-imsemmija sentenza quddiem il-qorti tar-rinviju. Dik il-qorti tosserva li ma huwiex ikkontestat li MONO ddikjarat prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa f’ħażna doganali, taħt l-arranġament ta’ sospensjoni tad-dazji tas-sisa u sabiex jiġu rrilaxxati għaċ-ċirkulazzjoni libera ma’ aġenti diplomatiċi, li MONO użat iċ-ċertifikat previst fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011 (iktar ’il quddiem iċ-“ċertifikat ta’ eżenzjoni”), li MONO pproduċiet id-dokumenti ta’ sostenn dwar il-kunsinni ta’ dawn il-prodotti lill-aġenti diplomatiċi ta’ diversi Stati kif ukoll lir-rappreżentanza tan-NATO fil-Latvja, u, fl-aħħar nett, li l-ħlas li kien dovut lilha għal dawn il-prodotti twettaq mill-kumpannija Brittanika bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ krediti.

22      Madankollu, skont il-VID, l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa ma tapplikax peress li l-punt 2 tal-Artikolu 20(5) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa jeħtieġ li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jitħallsu permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma jkunux flus kontanti mid-destinatarju tal-imsemmija prodotti.

23      Barra minn hekk, skont il-qorti tar-rinviju, mill-pożizzjoni adottata mill-VID jirriżulta li ma huwiex biss meħtieġ li jiġi pprovat li huwa previst ħlas permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma jkunux flus kontanti bejn il-partijiet għat-tranżazzjoni, iżda jirriżulta li huwa meħtieġ ukoll li dawn il-prodotti jkunu effettivament tħallsu permezz ta’ tali mezzi u li dan il-ħlas ikun twettaq b’mod konkret mill-persuni li lilhom il-prodotti jkunu ġew ikkunsinnati. Peress li l-ħlas dovut lil MONO għall-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa kkunsinnati lill-ambaxxati u lis-servizzi konsulari twettaq, bis-saħħa ta’ kuntratt ta’ trasferiment ta’ krediti, mill-kumpannija Brittanika, u mhux mill-ambaxxati u mis-servizzi konsulari lil lilhom ġew ikkunsinnati dawn il-prodotti, il-VID tqis li huwa impossibbli li jiġi vverifikat jekk l-ambaxxati u s-servizzi konsulari inkwistjoni kinux effettivament ħallsu permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma kinux flus kontanti meta rċevew l-imsemmija prodotti.

24      Il-qorti tar-rinviju tosserva, madankollu, li d-Direttiva 2008/118 ma tissuġġettax l-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għall-prodotti kkunsinnati lil servizzi diplomatiċi u konsulari għal ħlas permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma jkunux flus kontanti. Din il-kundizzjoni hija prevista biss fid-dritt Latvjan.

25      L-imsemmija qorti, għalhekk, għandha dubju dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 12(1) u (2) tad-Direttiva 2008/118. F’dan ir-rigward, hija tenfasizza, minn naħa, li huwa minnu li l-Artikolu 12(2) ta’ din id-direttiva jipprevedi li l-eżenzjonijiet għandhom japplikaw fil-kundizzjonijiet u fil-limiti stabbiliti mill-Istat Membru ospitanti. Madankollu, min-naħa l-oħra, il-fatt li l-punt 2 tal-Artikolu 20(5) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa jeżiġi l-ħlas permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma jkunux flus kontanti għall-prodotti kkunsinnati lil ambaxxati u lil servizzi konsulari u l-fatt li dawn il-prodotti huma esklużi mill-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa taħt din id-dispożizzjoni ma humiex konformi mal-Artikolu 12(1) tal-imsemmija direttiva sa fejn l-imsemmija dispożizzjoni teżenta mid-dazju tas-sisa l-prodotti kkonċernati meta jkunu kkunsinnati lil ambaxxati u lil servizzi konsulari. F’dan id-dawl, il-qorti tar-rinviju tqis li għandu jitqies il-fatt li l-VID la qiegħda tikkontesta l-osservanza tal-kundizzjonijiet l-oħra previsti fid-Direttiva 2008/118 u fil-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa u lanqas ma qiegħda tikkontesta l-kunsinna effettiva tal-prodotti inkwistjoni lill-ambaxxati u lis-servizzi konsulari kkonċernati.

26      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Administratīvā apgabaltiesa (il-Qorti Amministrattiva Reġjonali, il-Latvja) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari segwenti:

“(1)      L-Artikolu 12(1) tad-[Direttiva 2008/118] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa intiżi għal użu fil-kuntest tar-relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari għandhom ikunu eżentati mill-imsemmija dazji bil-kundizzjoni li l-ħlas għal dawn il-prodotti jkun previst permezz ta’ mezzi [ta’ ħlas] li ma humiex kontanti, li l-ħlas ikun effettivament seħħ u li l-ħlas lill-fornitur ikun sar mid-destinatarji reali tal-imsemmija prodotti?

(2)      L-Artikolu 12(2) tad-[Direttiva 2008/118] għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu kundizzjonijiet u limiti li, fil-kuntest tar-relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari, jissuġġettaw l-eżenzjoni minn dazji tas-sisa għall-prodotti suġġetti għall-imsemmija dazji għar-rekwiżit li x-xerrej ta’ dawn il-prodotti jkun ħallas effettivament għalihom permezz ta’ mezzi [ta’ ħlas] differenti mill-kontanti?”

 Fuq id-domandi preliminari

27      Permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 għandux jiġi interpretat fis-sens li jippermetti lill-Istat Membru ospitanti, meta jistabbilixxi l-kundizzjonijiet u l-limiti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni minn dazji tas-sisa fuq prodotti użati fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari, jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għall-kundizzjoni li d-destinatarju effettiv ta’ dawn il-prodotti jkun ħallashom direttament lill-fornituri permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma jkunux flus kontanti.

28      Mill-premessi 2, 8 u 10 tad-Direttiva 2008/118 jirriżulta li l-għan ta’ din id-direttiva huwa li tiġi stabbilita sistema ġenerali armonizzata tad-dazji tas-sisa sabiex jiġi ggarantit il-moviment liberu tal-prodotti kkonċernati u b’hekk il-funzjonament tajjeb tas-suq intern. Għalkemm il-prodotti kollha koperti minn din id-direttiva huma, bħala prinċipju, suġġetti għall-ħlas tad-dazji tas-sisa, hija tipprevedi ċerti eżenzjonijiet f’dan ir-rigward, b’mod partikolari, fl-Artikolu 12 tagħha, favur, b’mod partikolari, missjonijiet diplomatiċi u konsulari.

29      Fir-rigward tas-sistema ta’ eżenzjoni hekk prevista fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118, għandu jiġi enfasizzat, l-ewwel, li l-għan prinċipali ta’ din is-sistema huwa li jiġi żgurat li d-destinatarji tal-prodotti li jaqgħu taħt waħda mill-kategoriji identifikati fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni jkunu jistgħu effettivament jibbenefikaw minn tali eżenzjoni. B’hekk, il-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa jiġu eżentati mill-ħlas tad-dazji tas-sisa korrispondenti meta, fost oħrajn, ikunu intiżi li jintużaw fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi jew konsulari, kif jirriżulta mill-Artikolu 12(1)(a) ta’ din id-direttiva.

30      F’dan il-kuntest, għandu jiġi ppreċiżat li, għalkemm din l-aħħar dispożizzjoni ma tirreferix espressament għal eżenzjoni mid-dazji tas-sisa għall-prodotti intiżi għall-użu personali tal-aġenti diplomatiċi jew konsulari, ma hemm ebda dubju dwar l-applikabbiltà tal-imsemmija dispożizzjoni fir-rigward tal-prodotti intiżi għal tali persuni għal tali użu. Din l-interpretazzjoni hija, fil-fatt, konformi mal-Artikolu 36(1)(b) tas-KVRD u mal-Artikolu 50(1)(b) tas-KVRK. Barra minn hekk, din hija kkonfermata kemm mill-Artikolu 12(1)(b) tad-Direttiva 2008/118, li jsemmi, fir-rigward tal-organizzazzjonijiet internazzjonali, il-“membri” tal-imsemmija organizzazzjonijiet, kif ukoll mill-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, li jinkludi mudell ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni li t-termini tiegħu jipprevedu espressament il-każ ta’ prodotti intiżi għall-użu privat tal-membri tal-missjonijiet diplomatiċi u konsulari kif ukoll tal-membri tal-persunal tal-organizzazzjonijiet internazzjonali.

31      It-tieni, minkejja li l-Istati Membri għandhom marġni ta’ diskrezzjoni fl-applikazzjoni tas-sistema ta’ eżenzjoni mid-dazji tas-sisa kif jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tad-Direttiva 2008/118 li jippermettilhom jiffissaw kundizzjonijiet u limiti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, għandu jiġi kkonstatat li dan il-marġni ta’ diskrezzjoni huwa limitat b’mod partikolari minħabba l-istabbiliment, fl-Artikolu 13 ta’ din id-direttiva, ta’ ċertifikat ta’ eżenzjoni li għandu bħala funzjonijiet li jirregola l-eżekuzzjoni tal-eżenzjoni u li jiżgura li l-għan imsemmi fl-Artikolu 12 tal-imsemmija direttiva jkun issodisfatt, filwaqt li jiġi ggarantit l-użu effettiv tal-prodotti inkwistjoni mid-destinatarji tagħhom.

32      It-tielet, għandu jitfakkar li, b’mod ġenerali, il-prevenzjoni tal-frodi u tal-abbużi tikkostitwixxi għan komuni kemm tad-dritt tal-Unjoni kif ukoll tad-drittijiet tal-Istati Membri. Fir-rigward, b’mod iktar partikolari tad-Direttiva 2008/118, diġà ġie deċiż li l-Istati Membri għandhom interess leġittimu li jieħdu l-miżuri xierqa sabiex jipproteġu l-interessi finanzjarji tagħhom u li l-ġlieda kontra l-eventwali frodi, evażjoni fiskali u abbużi hija għan imfittex minn din id-direttiva (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Portugall, C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju u mill-osservazzjonijiet tal-Gvern Latvjan jirriżulta li r-rekwiżit previst fil-punt 2 tal-Artikolu 20(5) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa, li jipprovdi li l-ħlas għandu jsir b’mezzi li ma jkunux flus kontanti, jiġifieri b’pagament bankarju, jirriżulta mir-rieda li jiġi żgurat li l-eżenzjoni effettivament tingħata biss lid-detenturi tad-dritt għall-eżenzjoni u, għalhekk, li jiġu miġġielda l-frodi u l-abbużi.

34      Għalkemm, kif tfakkar fil-punt 32 ta’ din is-sentenza, tali għan huwa leġittimu, l-Istati Membri għandhom madankollu josservaw, fl-eżerċizzju tas-setgħat mogħtija lilhom mid-dritt tal-Unjoni, il-prinċipji ġenerali tad-dritt li fosthom hemm, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ proporzjonalità (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 62).

35      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeħtieġ li l-Istati Membri jirrikorru għal mezzi li, filwaqt li jippermettu li jintlaħaq b’mod effettiv l-għan imfittex mid-dritt intern, ma għandhomx imorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ u għandu jkollhom l-inqas preġudizzju għall-għanijiet u għall-prinċipji l-oħra stabbiliti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni inkwistjoni. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tippreċiża f’dan ir-rigward li, meta jkun hemm għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u li l-inkonvenjenzi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta mqabbla mal-għanijiet imfittxija (sentenza tad-29 ta’ Ġunju 2017, Il-Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑126/15, EU:C:2017:504, punt 64 u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      Fir-rigward tar-rekwiżit imfakkar fil-punt 33 ta’ din is-sentenza, huwa minnu li jidher li tali rekwiżit, li l-osservanza tiegħu tippermetti li jinkisbu elementi ta’ identifikazzjoni tal-awtur tal-ħlas kif ukoll il-prova tar-realtà ta’ dan il-ħlas, huwa, bħala prinċipju, ta’ natura li jippermetti kontroll tal-osservanza tal-kundizzjoni ta’ eżenzjoni marbuta mal-appartenenza tax-xerrej fiċ-ċirku ta’ benefiċjarji tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa ddefinit fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118.

37      Madankollu, għandu jiġi rrilevat, fir-rigward tal-kontroll tal-osservanza tal-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti sabiex wieħed jibbenefika mill-imsemmija eżenzjoni, li l-Artikolu 13 tad-Direttiva 2008/118 jipprevedi diġà li l-prodotti suġġetti għad-dazju tas-sisa li jiċċirkulaw taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju bil-għan li jiġu kkunsinnati lil destinatarju msemmi fl-Artikolu 12(1) ta’ din id-direttiva, għandhom ikunu akkumpanjati minn ċertifikat ta’ eżenzjoni mid-dazji tas-sisa.

38      Dan iċ-ċertifikat, deskritt fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, jinkludi l-identità u d-dettalji tal-benefiċjarju tal-eżenzjoni (korp jew individwu eliġibbli għall-eżenzjoni), id-deskrizzjoni ddettaljata tal-oġġetti jew tas-servizzi kkonċernati (in-natura tagħhom, il-kwantità tagħhom jew in-numru tagħhom), il-valuri unitarji u totali tagħhom u l-munita użata, id-dikjarazzjoni espressa tal-benefiċjarju tal-eżenzjoni li l-imsemmija oġġetti jew servizzi huma intiżi għal wieħed mill-użi uffiċjali previsti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 jew għall-użu privat tal-benefiċjarju bħala membru ta’ missjoni diplomatika jew konsulari, it-timbru datat u ffirmat tal-organizzazzjoni fil-każ ta’ talba għal eżenzjoni għal tali użu privat, kif ukoll it-timbru datat u ffirmat tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jiċċertifika li t-tranżazzjoni tosserva, totalment jew sa kwantità speċifikata, il-kundizzjonijiet għall-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa.

39      Fin-Noti ta’ spjegazzjoni dwar iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni, li jinsabu wkoll fl-Anness II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 282/2011, huwa ppreċiżat li dan iċ-ċertifikat, li għandu jinħareġ f’żewġ kopji, li waħda minnhom tinżamm, bħala attestazzjoni għall-eżenzjoni, mill-persuna taxxabbli jew mill-persuna responsabbli għall-maħżen, skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali applikabbli fl-Istat Membru tiegħu, għandu jimtela b’mod li jinqara, b’mod li ma jistax jitħassar, mingħajr il-possibbiltà ta’ żieda, u mingħajr tħassir jew korrezzjonijiet. Jekk ikun il-każ, għandha tiġi pprovduta traduzzjoni tal-informazzjoni dwar l-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati u tal-eventwali ordni relatata magħhom, f’lingwa rrikonoxxuta fl-Istat Membru tal-persuna taxxabbli jew tal-persuna responsabbli għall-maħżen. Mill-punt 4 ta’ dawn in-noti jirriżulta wkoll li, bit-tqegħid tat-timbru tagħhom fuq iċ-ċertifikat, kif imsemmi fil-punt preċedenti, il-missjoni diplomatika jew konsulari jew l-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata jkunu qegħdin jiċċertifikaw li l-individwu eliġibbli għall-eżenzjoni jagħmel parti mill-persunal tagħhom u li l-oġġetti jew is-servizzi kkonċernati huma intiżi għall-użu privat tiegħu.

40      B’hekk, iċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni kif ukoll l-imsemmija noti ta’ spjegazzjoni jiddeskrivu b’mod preċiż l-istadji li għandhom jiġu segwiti u r-regoli li għandhom jiġu osservati mid-diversi partijiet involuti fil-proċedura ta’ eżenzjoni, jiġifieri l-persuna taxxabbli, l-Istat Membru ospitanti, l-awtoritajiet tal-missjoni diplomatika jew konsulari jew tal-organizzazzjoni internazzjonali kkonċernata u, fil-każ ta’ xiri għal użu privat, il-membru tagħhom li jixtri prodotti li huma s-suġġett tal-eżenzjoni.

41      Minn din id-deskrizzjoni taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni jirriżulta li, minħabba d-diversi indikazzjonijiet tiegħu, id-deskrizzjoni ddettaljata tal-oġġetti u tas-servizzi kkonċernati, il-kwalità tal-firmatarji tiegħu u ċ-ċertifikazzjoni pprovduta mill-organizzazzjoni diplomatika, konsulari jew internazzjonali kkonċernata u mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, dan iċ-ċertifikat huwa, fih innifsu, ta’ natura li jippermetti l-kontroll effettiv tal-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni ddefiniti fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118.

42      Fir-rigward tal-pożizzjoni tal-Gvern Latvjan u tal-Gvern Spanjol li ħlas permezz ta’ mezzi li ma jkunux flus kontanti jippermetti lill-amministrazzjoni fiskali, permezz tal-informazzjoni bankarja li tirriżulta minn tali ħlas, tivverifika l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni kif ukoll ir-realtà tat-tranżazzjoni ta’ ħlas, għandu jiġi osservat, minn naħa, fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni, li l-informazzjoni dwar ix-xerrej li jibbenefika mill-eżenzjoni kif ukoll l-informazzjoni ddettaljata dwar il-prodotti u s-servizzi u l-prezz jidhru fiċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni. B’hekk, mezz ta’ ħlas li ma jkunx flus kontanti, jiġifieri pagament bankarju, ma jipprovdix element dwar l-osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eżenzjoni li ma jinsabux diġà fiċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni.

43      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-punt dwar jekk ir-rekwiżit ta’ ħlas b’mezzi li ma jkunux flus kontanti jistax jiġi ġġustifikat sabiex tkun tista’ tiġi vverifikata r-realtà tat-tranżazzjoni kummerċjali li għaliha tintalab l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, għandu jiġi osservat li, bħala prinċipju, ir-realtà ta’ bejgħ hija pprovata biżżejjed mill-fattura mħallsa, jew mill-irċevuta, stabbiliti f’din l-okkażjoni, li huma dokumenti ta’ kontabbiltà li l-Istat Membru ospitanti jista’ jeżiġi l-komunikazzjoni tagħhom flimkien maċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni.

44      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, bla ħsara għal verifiki mill-qorti tar-rinviju, ir-rekwiżit ta’ ħlas permezz ta’ mezzi li ma jkunux flus kontanti, għall-finijiet ta’ kontroll tar-realtà tat-tranżazzjoni kkonċernata, ma jidhirx li huwa, fir-rigward tat-tranżazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118, konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

45      Fl-aħħar nett, fir-rigward tar-riferiment magħmul mill-qorti tar-rinviju, fid-domandi preliminari tagħha, għall-kundizzjonijiet li jeħtieġu li l-ħlas lill-fornitur għandu jkun effettivament seħħ u għandu jkun sar mid-destinatarji reali tal-prodotti li jkunu s-suġġett tal-eżenzjoni, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm ma hemmx dubju li huma biss il-prodotti realment mibjugħa lil xerrejja li għandhom id-dritt għall-eżenzjoni li jistgħu jaqgħu taħt l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa, fatt li huwa stabbilit b’mod suffiċjenti permezz taċ-ċertifikat ta’ eżenzjoni u ta’ fattura mħallsa jew ta’ rċevuta, la mill-proċess li għandha quddiemha l-Qorti tal-Ġustizzja u lanqas mill-Artikolu 20(5) tal-Liġi dwar id-Dazji tas-Sisa ma jirriżulta li l-leġiżlazzjoni Latvjana tirrikjedi li l-ħlas għandu jsir mill-klijent direttament lill-fornitur.

46      Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li r-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 12 tad-Direttiva 2008/118 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istat Membru ospitanti, meta jistabbilixxi kundizzjonijiet u limiti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq prodotti użati fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari, jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għall-kundizzjoni li l-prezz ta’ akkwist tal-imsemmija prodotti jitħallas permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma jkunux flus kontanti.

 Fuq l-ispejjeż

47      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tielet Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-Istat Membru ospitanti, meta jistabbilixxi kundizzjonijiet u limiti għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa fuq prodotti użati fil-kuntest ta’ relazzjonijiet diplomatiċi u konsulari, jissuġġetta l-applikazzjoni ta’ din l-eżenzjoni għall-kundizzjoni li l-prezz ta’ akkwist tal-imsemmija prodotti jitħallas permezz ta’ mezzi ta’ ħlas li ma jkunux flus kontanti.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Latvjan.