Language of document : ECLI:EU:C:2021:426

Kawża C-650/18

L-Ungerija

kontra

Il-Parlament Ewropew

 Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-3 ta’ Ġunju 2021

“Rikors għal annullament – Artikolu 7(1) TUE – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni – Artikoli 263 u 269 TFUE – Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Ammissibbiltà tar-rikors – Att li jista’ jiġi kkontestat – Artikolu 354 TFUE – Regoli dwar l-għadd tal-voti fil-Parlament – Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament – Artikolu 178(3) – Kunċett ta’ ‘voti espressi’ – Astensjonijiet – Prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ ugwaljanza fit-trattament, ta’ demokrazija u ta’ kooperazzjoni leali”

1.        Rikors għal annullament – Kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja – Atti adottati abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, minn Stat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni – Kompetenza ġenerali għall-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Portata

(Artikolu 7(1) TUE; Artikoli 263 u 269 TFUE)

(ara l-punti 31, 36)

2.        Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Kunċett – Atti li jipproduċu effetti ġuridiċi vinkolanti – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, minn Stat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni – Riżoluzzjoni li tibdel is-sitwazzjoni tal-Istat Membru suġġett ta’ din ir-riżoluzzjoni, fil-qasam tad-dritt għall-ażil – Inklużjoni

(Artikolu 7(1) TUE; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE; Protokoll Nru 24 dwar id-dritt għall-ażil għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea)

(ara l-punti 37, 41, 49)

3.        Rikors għal annullament – Atti li jistgħu jiġu kkontestati – Atti preparatorji – Esklużjoni – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, minn Stat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni – Att li ma jesprimix opinjoni provviżorja – Att li jipproduċi effetti ġuridiċi awtonomi – Inklużjoni

(Artikolu 7(1) TUE; l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE)

(ara l-punti 43, 48)

4.        Rikors għal annullament – Ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja – Atti adottati abbażi tal-Artikolu 7(1) TUE – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, minn Stat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni – Kompetenza ġenerali għall-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni – Limitazzjoni tal-kompetenza ġenerali bl-Artikolu 269 TFUE –Kundizzjonijiet speċifiċi – Applikazzjoni għal rikors ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE – Effett utli

(Artikolu 7(1) TUE; Artikolu 269 TFUE)

(ara l-punti 51, 59)

5.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Trattat FUE – Dispożizzjonijiet ġenerali u finali – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, minn Stat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni – Regola relatata mal-kalkolu tal-voti tal-Membri tal-Parlament – Regola li teżiġi kemm il-qbil ta’ żewġ terzi tal-voti espressi kif ukoll il-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament – Kunċett ta’ voti espressi – Astensjonijiet – Esklużjoni – Inklużjoni għall-kalkolu tal-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament

(Artikolu 7(1) TUE; ir-raba paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE)

(ara l-punti 82, 88)

6.        Dritt tal-Unjoni Ewropea – Trattat FUE – Dispożizzjonijiet ġenerali u finali – Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, minn Stat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni – Regola relatata mal-kalkolu tal-voti tal-Membri tal-Parlament – Nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-astensjonijiet fil-kalkolu tal-voti espressi – Prinċipju ta’ demokrazija – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Assenza ta’ ksur

(Artikolu 7(1) TUE; ir-raba paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE)

(ara l-punti 94, 100)

Sunt

Il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors tal-Ungerija kontra r-riżoluzzjoni tal-Parlament li tagħti bidu għall-proċedura ta’ konstatazzjoni tal-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju, minn dan l-Istat Membru, tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Fil-kalkolu tal-voti espressi fl-okkażjoni tal-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament, ġustament, eskluda t-teħid inkunsiderazzjoni tal-astensjonijiet.

Fit-12 ta’ Settembru 2018, il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni (1) dwar proposta li titlob lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jikkonstata, skont l-Artikolu 7(1) TUE (2), l-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju mill-Ungerija tal-valuri li fuqhom hija bbażata l-Unjoni. Din id-dikjarazzjoni tat bidu għall-proċedura prevista fl-Artikolu 7 TUE, li tista’ twassal għas-sospensjoni ta’ ċerti drittijiet li jirriżultaw mis-sħubija tal-Istat Membru kkonċernat mal-Unjoni.

Skont ir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE li jistabbilixxi l-modalitajiet ta’ votazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 7 TUE, l-adozzjoni mill-Parlament tar-riżoluzzjoni inkwistjoni kienet teħtieġ il-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-membri tiegħu. B’applikazzjoni tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu li jipprovdu li, għall-adozzjoni jew għar-rifjut ta’ test, huma biss il-voti “favur” u “kontra” li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni, ħlief fil-każijiet fejn it-Trattati jipprevedu maġġoranza speċifika (3), il-Parlament ħa inkunsiderazzjoni biss, fil-kuntest tal-kalkolu tal-voti dwar ir-riżoluzzjoni inkwistjoni, il-voti favorevoli u sfavorevoli tal-Membri tiegħu u eskluda l-astensjonijiet (4).

Billi kkunsidrat li, fil-kalkolu tal-voti espressi, il-Parlament kellu jieħu inkunsiderazzjoni l-astensjonijiet, l-Ungerija ppreżentat, skont l-Artikolu 263 TFUE, rikors intiż għall-annullament ta’ din ir-riżoluzzjoni.

Il-Qorti tal-Ġustizzja, komposta bħala Awla Manja, tiċħad dan ir-rikors. Hija tikkonstata, fl-ewwel lok, li r-riżoluzzjoni kkontestata tista’ tkun suġġetta għal stħarriġ ġudizzjarju skont l-Artikolu 263 TFUE. Fit-tieni lok, hija tqis li l-astensjonijiet tal-Membri ma għandhomx jingħaddu sabiex jiġi ddeterminat jekk il-maġġoranza ta’ żewġ terzi tal-voti espressi, imsemmija fl-Artikolu 354 TFUE, intlaħqitx.

L-evalwazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja

Fl-ewwel lok, il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi qabel xejn dwar il-kompetenza tagħha sabiex tiddeċiedi dwar dan ir-rikors, u sussegwentement dwar l-ammissibbiltà ta’ dan tal-aħħar.

Qabel kollox, hija tikkonstata li l-Artikolu 269 TFUE, li jipprevedi possibbiltà limitata li jiġi ppreżentat rikors għal annullament kontra l-atti adottati mill-Kunsill Ewropew jew mill-Kunsill fil-kuntest tal-proċedura msemmija fl-Artikolu 7 TUE, ma huwiex ta’ natura li jeskludi l-kompetenza tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tieħu konjizzjoni ta’ dan ir-rikors. Fil-fatt, billi jissuġġetta dan id-dritt għal rikors għal kundizzjonijiet iktar stretti minn dawk imposti mill-Artikolu 263 TFUE, l-Artikolu 269 TFUE jinkludi limitazzjoni għall-kompetenza ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea sabiex tistħarreġ il-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni u għandu, għaldaqstant, jiġi interpretat b’mod restrittiv. Barra minn hekk, ir-riżoluzzjonijiet tal-Parlament, adottati skont l-Artikolu 7(1) TUE, ma jissemmewx fl-Artikolu 269 TFUE. Għalhekk, l-awturi tat-Trattati ma kellhomx l-intenzjoni jeskludu att bħar-riżoluzzjoni kkontestata mill-kompetenza ġenerali rikonoxxuta lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea mill-Artikolu 263 TFUE. Tali interpretazzjoni hija fil-fatt ta’ natura li tikkontribwixxi għall-osservanza tal-prinċipju li l-Unjoni Ewropea hija Unjoni tad-dritt li stabbilixxiet sistema kompleta ta’ rimedji ġudizzjarji u ta’ proċeduri intiżi sabiex jafdaw lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-istħarriġ tal-legalità tal-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

Sussegwentement, il-Qorti tal-Ġustizzja tikkunsidra li r-riżoluzzjoni kkontestata tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat. Fil-fatt, hija tipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti sa mill-adozzjoni tagħha sa fejn, sakemm il-Kunsill ma jkunx iddeċieda dwar l-azzjoni li għandha tittieħed, din ir-riżoluzzjoni għandha l-effett immedjat li tneħħi l-projbizzjoni li għandhom l-Istati Membri li jieħdu inkunsiderazzjoni jew li jiddikjaraw ammissibbli għal istruzzjoni applikazzjoni għall-ażil ippreżentata minn ċittadin Ungeriż (5).

Barra minn hekk, ir-riżoluzzjoni kkontestata ma tikkostitwixxix att intermedju li l-legalità tiegħu tista’ tiġi kkontestata biss fl-okkażjoni ta’ tilwima li tirrigwarda l-att definittiv li tiegħu jikkostitwixxi stadju ta’ elaborazzjoni. Fil-fatt, minn naħa, bl-adozzjoni ta’ din ir-riżoluzzjoni, il-Parlament ma esprimiex pożizzjoni provviżorja, anki jekk il-konstatazzjoni sussegwenti mill-Kunsill tal-eżistenza ta’ riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri tal-Unjoni għadha suġġetta għall-approvazzjoni minn qabel tal-Parlament. Min-naħa l-oħra, ir-riżoluzzjoni inkwistjoni tipproduċi effetti ġuridiċi awtonomi sa fejn, anki jekk l-Istat Membru kkonċernat jista’ jinvoka l-illegalità ta’ din ir-riżoluzzjoni insostenn tar-rikors għal annullament eventwali tiegħu kontra l-konstatazzjoni ulterjuri tal-Kunsill, is-suċċess eventwali ta’ dan l-aħħar rikors ma jippermettix, fi kwalunkwe każ, li jitħassru l-effetti vinkolanti kollha tal-imsemmija riżoluzzjoni.

Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li ċerti kundizzjonijiet speċifiċi, previsti fl-Artikolu 269 TFUE, li għalihom hija suġġetta l-preżentata ta’ rikors għal annullament dirett kontra l-konstatazzjoni tal-Kunsill, li jista’ jiġi adottat wara proposta motivata tal-Parlament bħar-riżoluzzjoni kkontestata, għandhom japplikaw ukoll għal rikors għal annullament, intiż, skont l-Artikolu 263 TFUE, kontra tali proposta motivata u dan, taħt piena li l-Artikolu 269 TFUE jiġi mċaħħad mill-effett utli tiegħu. Għalhekk, dan l-aħħar rikors jista’ jiġi ppreżentat biss mill-Istat Membru li huwa s-suġġett tal-proposta motivata u l-motivi ta’ annullament invokati insostenn ta’ tali rikors jistgħu biss jiġu bbażati fuq il-ksur tar-regoli proċedurali msemmija fl-Artikolu 7 TUE.

Fit-tieni lok, meta tiddeċiedi dwar il-mertu, il-Qorti tal-Ġustizzja tosserva li l-kunċett ta’ “voti espressi”, li jinsab fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, ma huwiex iddefinit fit-Trattati u li dan il-kunċett awtonomu tad-dritt tal-Unjoni għandu jiġi interpretat konformement mat-tifsira normali tiegħu fil-lingwaġġ kurrenti. Issa, dan il-kunċett, fis-sens abitwali tiegħu, jinkludi biss il-manifestazzjoni ta’ vot pożittiv jew negattiv fuq proposta partikolari filwaqt li l-astensjoni, mifhuma bħala r-rifjut li tittieħed pożizzjoni, ma tistax titqabbel ma’ “vot espress”. Għaldaqstant, ir-regola msemmija fir-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, li timponi vot b’maġġoranza tal-voti espressi, għandha tiġi interpretata fis-sens li teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-astensjonijiet.

Għaldaqstant, wara li fakkret li r-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE jinkludi rekwiżit doppju ta’ maġġoranza, jiġifieri li l-atti adottati mill-Parlament skont l-Artikolu 7(1) TUE għandhom jiġbru, minn naħa, il-kunsens taż-żewġ terzi tal-voti espressi u, min-naħa l-oħra, il-qbil tal-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament, il-Qorti tal-Ġustizzja tirrileva li, fi kwalunkwe każ, l-astensjonijiet għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat li l-voti favur jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-Membri tal-Parlament.

Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-esklużjoni tal-astensjonijiet mill-għadd tal-voti espressi, fis-sens tar-raba’ paragrafu tal-Artikolu 354 TFUE, la tmur kontra l-prinċipju ta’ demokrazija u lanqas kontra dak ta’ ugwaljanza fit-trattament fid-dawl, b’mod partikolari, tal-fatt li l-Membri li astjenew fl-okkażjoni tal-vot aġixxew b’għarfien tal-fatti, peress li kienu ġew informati minn qabel bin-nuqqas ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-astensjonijiet fil-kalkolu tal-voti espressi.


1      Riżoluzzjoni [2017/2131(INL)] (ĠU 2019, C 433, p. 66).


2      L-Artikolu 7(1) TUE jipprovdi: “Fuq proposta motivata minn terz ta’ l-Istati Membri, mill-Parlament Ewropew jew mill-Kummissjoni Ewropea, il-Kunsill, waqt li jaġixxi b’maġġoranza ta’ tmenin fil-mija mill-membri tiegħu, wara li jkun kiseb l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew, jista’ jikkonstata li hemm riskju ċar ta’ ksur serju minn Stat Membru tal-valuri msemmija fl-Artikolu 2. Qabel ma jipproċedi għal din il-konstatazzjoni, il-Kunsill għandu jisma’ l-Istat Membru in kwistjoni u jista’ jagħmillu rakkomandazzjonijiet, skond l-istess proċedura.


      Il-Kunsill għandu jivverifka regolarment jekk il-motivi li għalihom tkun saret il-kostatazzjoni għadhomx validi.”


3      Artikolu 178(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Parlament Ewropew.


4      Ir-riżoluzzjoni ġiet adottata b’448 vot favur u 197 kontra, fejn 48 Membru preżenti astjenew.


5      Il-punt (b) tal-Artikolu Uniku tal-Protokoll (Nru 24) dwar l-asil għal ċittadini ta’ l-Istati Membri ta’ l-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 305).